22.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 314/46


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

(2007/C 314/16)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SINTEŻI

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ARROZ DEL DELTA DEL EBRO” JEW “ARRÒS DEL DELTA DE L'EBRE”

Nru tal-KE: ES/PDO/005/0336/11.03.2004

DPO ( X ) IĠP ( )

Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni għal skop informattiv biss.

1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Subdirección General de Sistemas de Calidad Diferenciada. Dirección General de Alimentación. Secretaría General de Agricultura, Pesca y Alimentación del Ministerio de Agricultura, Pesca y Alimentación

Indirizz:

Paseo Infanta Isabel, 1

E-28071 Madrid

Tel:

(34) 913 47 53 94

Faks:

(34) 913 47 54 10

Posta elettronika:

sgcaproagro@mapya.es

2.   Grupp:

Isem:

Consejo Regulador de la Indicación Geográfica Protegida «Arroz del Delta del Ebro»

Indirizz:

C/Prim 92 de Amposta

E-43870 Amposta (Tarragona)

Tel:

(34) 977 70 10 20 — 977 48 77 77

Faks:

(34) 977 70 01 90 — 977 48 77 78

Posta elettronika:

info@arrossaires.com

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn ( )

3.   Tip ta' prodott:

Kategorija: 1.6. Ċereali

4.   Speċifikazzjoni:

[sinteżi tar-rekwiżiti skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006]

4.1.   Isem il-prodott: “Arroz del Delta del Ebro” jew “Arròs del Delta de l'Ebre”

4.2.   Deskrizzjoni: Ross abjad, tal-kategorija kummerċjali “Extra”, mill-varjetajiet “Bahía”, “Tebre”, “Sénia”, “Fonsa”, “Bomba” u “Montsianell” ta' l-ispeċi Oryza sativaL.

Il-varjetajiet l-iktar mkabbrin huma l-“Bahía”, is-“Sénia” u t-“Tebre” li għandhom karatteristiċi simili ħafna.

Il-karatteristiċi speċifiċi taż-żerriegħa tal-varjetà ewlenija tar-ross (Bahía) huma dawn li ġejjin:

Karatteristiċi basiċi tal-varjetajiet differenti:

Dawn il-varjetajiet kollha huma ddistingwati skond il-karatteristiċi uniformi tas-sajran u l-omoġeneità tar-rossa, u huma ideali għall-kċina tar-reġjun, minħabba li dan ir-ross jassorbi t-togħma iktar mit-tipi l-oħra ta' ross bħal dak tawwali.

Dawn il-varjetajiet għandhom konċentrazzjoni għolja ta' lamtu fil-qalba tar-rossa, magħrufa bħala l-“perlado”, li xogħlu huwa li jassorbi t-togħma ta' l-ingredjenti l-oħra li jkunu mar-ross, kif ukoll li jagħti l-kulur lir-ross.

Il-varjetajiet kollha li jkunu protetti md-DPO Arroz del Delta del Ebro, fil-mument tar-rilaxx, għandhom juru l-karatteristiċi kollha tal-kategorija 'Extra' u r-rossiet għandhom ikunu: B'saħħithom: bla fungu, moffa, insetti jew parassiti; Indaf; Ħielsa minn kull riħa u/jew togħma barranija; Nexfin: l-umdità m'għandhiex taqbeż il-15 %; u mingħajr fdalijiet ta' l-epidermi tal-perikarpju.

4.3.   Żona ġeografika: Iż-żona tal-produzzjoni u l-ipproċessar ta' dak li se jkun magħruf bħala l-Arroz del Delta del Ebro DPO tikkonsisti fid-Delta ta' l-Ebro, li tifforma parti mid-Distretti Baix Ebre u Montsià, fil-provinċja ta' Tarragona.

Iż-żona ta' produzzjoni hija magħmula minn art xierqa għat-tkabbir tar-ross fil-muniċipji Deltebre u Sant Jaume d'Enveja kif ukoll fid-Delta ta' l-Ebro, fil-muniċipji Aldea, Amposta, Ampolla, Camarles u Sant Carles de la Ràpita.

Iż-żona tat-tħin u tat-tnaddif tar-ross tikkonsisti fil-muniċipji taż-żona ta' produzzjoni sal-carretera nacional 340 (triq prinċipali nazzjonali), ħlief f'Amposta, fejn iż-żona tintemm fl-awtostrada A7. Ir-ross għandu joriġina minn raba' fiż-żona ta' produzzjoni li huma mniżżlin fir-reġistru tar-raba' tal-Bord Regolatorju, u għandu jkun ta' varjetà awtorizzata.

4.4.   Prova ta' l-oriġini: Ir-ross għandu joriġina minn stabbilimenti mniżżlin fir-reġistru ta' l-istabbilimenti tal-Bord Regolatorju, li jinsabu fiż-żona ta' produzzjoni, u għandu jkun ta' waħda mill-varjetajiet awtorizzati. Ir-ross huwa evalwat permezz ta' waħda mill-proċeduri stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni, u jiġi maħżun u ppakkjat f'intrapriżi mniżżlin fir-reġistri ta' l-intrapriżi ta' l-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-Bord Regolatorju. Ir-ross miksub li jgħaddi mit-testijiet kollha matul il-proċess tal-produzzjoni u ta' l-ippakkjar, kif ukoll mill-analiżi fiżika, kimika u sensorjali, jitqiegħed fis-suq bid-denominazzjoni protetta ta' l-oriġini u bit-tikketta ta' quddiem u ta' wara, jew fejn meħtieġ, is-siġill innumerat ta' kwalità mogħti mill-Kunsill Regolatorju.

4.5.   Metodu tal-produzzjoni:: Il-proċess ta' produzzjoni jinvolvi l-istadji li ġejjin: Iż-żrigħ; L-inbit; Iż-żarġin; It-tkabbir taz-zokk; Il-formazzjoni ta' l-ispiga, in-nwar u s-sajran tar-rossa.

L-inbit jitwettaq bejn nofs April u l-bidu ta' Mejju, bl-użu ta' 35-38 kg/jornal (160-175 kg/ettaru) jekk mhux mitħun u 45-50 kg/jornal (205-228 kg/ettaru) jekk mitħun u skond il-varjetà, u jħalli r-raba' imfawra b'5 sa 10 ċm ta' ilma.

Wara 15-20 ġurnata, iż-żrieragħ ifellsu u tibda tikber il-pjanta kif ukoll il-ħaxix ħażin, l-alga u r-ross selvaġġ. F'dan il-punt, il-wiċċ hu ttrattat b'erbiċidi speċifiċi biex jeħilsu mill-pjanti żejda li jikkompetu mar-ross. Fejn il-kondizzjonijiet huma favorevoli għar-ross selvaġġ, l-art hija ttrattata qabel iż-żrigħ biex jitneħħa t-tajn.

Minbarra saff għall-fertilizzazzjoni bħala bażi qabel iż-żrigħ, faxx fuq wiċċ ir-raba' huwa applikat f'Ġunju biex jipprovdi iktar nitroġenu.

Iż-żarġin isir bejn nofs Ġunju u nofs Lulju, meta l-ilma jiżdied sa livell ta' 15-20 ċm u jinbidel kontinwament.

Fil-bidu ta' Settembru, il-livell ta' l-ilma jonqos u jibda l-ħsad, li f'ċerti każijiet jibqa' sejjer sa l-ewwel għaxart ijiem ta' Ottubru. Il-ħsad jibda meta l-Bord Regolatorju jiddikjara li r-ross huwa misjur biżżejjed. Il-mument ideali għall-ħsad huwa meta l-kontenut ta' ndewwa fir-rossa huwa ta' bejn 18 u 21 %.

Meta r-ross jasal fl-impjant ta' l-ipproċessar, qabel ma jkun maħżun taħt l-art, jitnixxef f'magni speċjali sa ndewwa massima ta' 14-15 %.

Matul iż-żmien li jkun maħżun taħt l-art qabel l-ipproċessar, ir-ross għandu jinżamm fl-aħjar kondizzjonijiet permezz ta' arja kiesħa preferibbilment ta' 5 °C, li tiġi ppompjata fl-imħażen f'intervalli (unitajiet tat-tkessiħ), jew tat-temperatura ta' l-ambjent.

Meta jkun lest għall-ipproċessar, ir-ross jitneħħa mill-imħażen taħt l-art, l-impuritajiet jitneħħew u ssir t-tneħħija tal-qoxra permezz ta' ħaġar tal-mola jew rombli tal-lastku. Wara, ir-ross jgħaddi minn imwejjed densimetriċi fejn jiġu separati r-rossiet bil-qoxra u dawk b'parti minnha, u dawn ta' l-aħħar jintbagħtu għal darb'oħra biex titneħħa l-qoxra.

Wara li titneħħa l-qoxra, ir-rossiet sħaħ jissejħu ross imnaddaf jew ross “cargo”, xi drabi magħruf bħala ross integrali. Wara li titneħħa r-ras jew il-perikarpju, ir-ross huwa mitħun permezz ta' ġebel li jobrox biex jipproduċi ross abjad.

Wara dan, ir-rossiet sħaħ u dawk imfarrka (ta' daqs medju), iż-żerriegħa, il-frak taż-żerriegħa u prodotti oħra ġejjin mir-rossiet jiġu separati biex jipproduċu l-prodott mitħun finali.

L-aħħar proċess huwa t-tneħħija ta' rossiet diffettużi (ħodor jew ħomor) permezz ta' klassifikazzjoni tal-kuluri. Għażla finali għad tista' ssir f'dan l-istadju, jiġifieri qabel l-ippakkjar, permezz ta' l-injezzjoni ta' l-arja bl-użu ta' sistema ta' tregħid.

Il-proċess ta' l-ippakkjar isir awtomatikament u r-ross huwa ppakkjat f'diversi tipi ta' ppakkjar li huma kollha approvati mid-DPO. Kull pakkett fih varjetà waħda tar-ross tal-kwalità “Extra”. Biex ikun żgurat li jkun evidenti l-oriġini tal-prodott, il-pakkett ikollu jkun konformi mal-kontrolli u l-istandards imniżżla fl-Ispeċifikazzjoni.

4.6.   Rabta:

Ir-rabta storika:

Ir-ross joriġina mill-Ażja tax-Xlokk, speċifikament miċ-Ċina antika, u minn hemm infirex iktar minn tlett elef snin ilu għal-kumplament ta' l-Ażja u l-Lvant Nofsani. Wara dan, il-produzzjoni tiegħu kompliet sal-Mediterran, fi Spanja fis-seklu VIII fil-perjodu Musulman. Fil-fatt, l-isem modern bl-Ispanjol “arroz” jiġi mill-kelma Għarbija “al-ruzz”.

It-tkabbir tar-ross fiż-żona tad-Delta ta' l-Ebro hija waħda tradizzjonali, marbuta ħafna mal-formazzjoni u l-iżvilupp fiżiku u ġeografiku tad-Delta ta' l-Ebro. Il-karatteristiċi partikulari tad-Delta ta' l-Ebro għenu fl-identifikazzjoni u fil-firxa tar-ross miż-żona mal-konsumaturi, li malajr jorbtuh ma' l-oriġini tiegħu.

Hemm ħafna referenzi miktuba li juru xhieda tar-rabta bejn il-produzzjoni tradizzjonali tar-ross u ż-żona tad-Delta ta' l-Ebro. Fost dawn, ir-referenza ewlenija tinsab f'il-ktieb “Geografía de Catalunya” (Il-Ġeografija tal-Katalonja) ta' Lluís Solé u Sabaris (1958), fejn jgħid “hemm evidenza ta' sforz għat-tkabbir tar-ross fid-Delta ta' l-Ebro fis-Seklu XV, iżda il-produzzjoni tar-ross laħqet il-quċċata tagħha fis-Seklu XIX”. Fl-istess dokument jgħid ukoll li “[...] fid-Delta, li kienet tintuża għall-mergħa tal-bhejjem tar-raħħala nomadi, il-‘Canal de la Derecha’, li tħaffer f'Xerta fit-tieni nofs tas-Seklu XIX, ippermetta wied ta' l-ilma ħelu u l-introduzzjoni tat-tkabbir tar-ross li żdied kontinwament, bil-benefiċċju tat-tneħħija tal-melħ mill-art mielħa, u fl-istess ħin ġew prodotti wċuh tajbin”.

Waħda mill-ewwel referenzi saret fl-1697, meta l-irħieb Ċisterċensi tal-Monasteru Benifassar sperimentaw fit-tkabbir tar-ross fl-artijiet tagħhom fiż-żona ta' l-għargħar u l-għadajjar tal-pit ta' Carrova. Minkejja li r-riżultati kienu pożittivi, il-produzzjoni ma setgħetx tkompli minħabba li mingħajr sistema ta' irrigazzjoni, l-art ma setgħetx tkun mgħarrqa.

Madwar l-1857, il-Canal de la Derecha wasal sa Amposta, b'hekk kienet possibbli t-tkabbir tar-ross f'livelli sinifikanti.

Fis-sena 1872 beda l-proġett tal-Canal de la Izquierda, li ntemm fil-5 ta' Mejju 1912. Fl-1907, il-proprjetarji ta' l-art fil-parti ta' fuq tad-delta jew tad-“delta izquierdo” iffurmaw il-Comunidad de Regantes-Sindicato Agrícola del Ebro. B'hekk, iż-żewġ kanali wittew it-triq għat-trasformazzjoni ta' l-agrikoltura taż-żona u għal żieda enormi fl-art disponibbli għat-tkabbir tar-ross.

Ir-rabta naturali:

—   Il-pajsaġġ u l-ħamrija:

L-iżvilupp tat-trobbija tar-ross fid-delta ta' l-Ebro kien influwenzat kemm mill-karatteristiċi tal-klima u l-ħamrija kif ukoll mill-melħ fl-art u l-livell ta' l-ilma tal-pjan. L-art tad-Delta hija ċatta ħafna. 60 % tagħha hija inqas minn metru 'l fuq mill-livell tal-baħar (f'ċerti punti jistgħu jkunu iktar baxxi mil-livell tal-baħar); 30 % mill-art tinsab bejn metru u żewġ metri għoljin, u 10 % biss hija ogħla minn żewġ metri.

Il-ħamrija hija dik tan-naqal, iffurmata mis-sedimentazzjoni, u b'hekk ikollha tisfif enfasizzata. Dan joħloq diffikultà fl-ispeċifikazzjoni ta' ħamrija definita waħda għad-Delta kollha. Il-ħamrija ta' fuq għandha konsistenza tat-tajn tax-xmara u tista' tkun ta' għoli varjabbli. Hija tajba ħafna għall-produzzjoni agrikola u l-formazzjoni tagħha hija marbuta mal-mili tal-baċiri ta' l-irrigazzjoni. Iż-żoni għoljin għandhom ħamrija tal-qiegħ fina.

Fiż-żoni iktar baxxi wieħed jista' jinnota l-influwenza tal-baħar. Maltempati jħallu kwantitajiet enormi ta' ramel fuq id-depożitu ta' ħamrija mix-xmara. Kampjuni mit-tħaffir juru l-preżenza f'dawn iż-żoni ta' saffi rqaq ta' ħama bejn saffi ħafna eħxen ta' ramel ta' nisġa uniformi u medja u b'saturazzjoni ta' ilma ta' taħt l-art bi mluħa sinifikanti. F'żoni fejn l-ilma ma jitneħħiex sew jew żoni b'infiltrazzjoni laterali kontinwa, jakkumula materjal organiku u b'hekk jiffurmaw mases ta' pit. Fost dawn iż-żoni għoljin, baxxi u dawk bil-pit, il-kumplament taż-żoni li huma l-ikbar jikkonsistu f'taħlita ta' tafal, ħama u ramel f'ammonti li jvarjaw bejn iż-żona ħdejn ix-xmara u dik iktar qrib il-baħar.

—   Il-klima:

Id-Delta hija f'żona fejn il-klima hija determinata bis-sħiħ mill-Mediterran. Il-klima tista' tkun ikkunsidrata bħala klima marittima Mediterranja, jiġifieri sħuna u niexfa. Ix-xtiewi huma temperati u mhux kesħin iżżejjed. Ma tantx tagħmel xita, u l-irjieħ huma dominanti, niexfa u mill-Majjistral it-Tramuntana. Is-sjuf huma sħan b'temperaturi subtropikali, kondizzjonijiet atmosferiċi kalmi u żiffiet umdi min-Nofsinhar ix-Xlokk. Ix-xita hija ħafifa, u hija irregulari iżda bit-tendenza li tinżel l-iktar fl-istaġuni tat-tibdil tat-temp, ir-Rebbiegħa u l-Ħarifa. Matul is-sena kollha, l-umdità fl-atmosfera hija konsiderevoli.

—   Sistema Idrografika:

L-idrografija taż-żona hija x-Xmara Ebro. Il-fatt li l-irrigazzjoni kollha ta' l-ilma tiġi mill-Ebro jiżgura li l-produzzjoni f'din iż-żona għandha karatteristiċi uniformi li huma differenti minn dawk tar-ross li jikber f'żoni oħra. Il-kwalità ta' l-ilma użat fl-irrigazzjoni hija għolja, bl-għajnuna tal-fatt li l-popolazzjoni hija żgħira u għalhekk ma teżistix wisq industrija fuq ix-xtut tax-Xmara Ebro. Il-kanali u s-sistemi ta' irrigazzjoni huma mmexxija mill-“Comunidades de Regantes” u s-“Sindicatos de Riego” (Assoċjazzjonijiet tat-Tisqija).

Biex nikkonkludu fil-qosor, jista' jingħad li l-prodott huwa ta' kwalità uniformi, minkejja li hemm varjetà ewlenija, il-karatteristiċi tal-prodott finali tal-varjetajiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-varjetà “bomba”, huma simili. Il-varjetà m'hijiex l-unika kawża tal-varjazzjoni fil-prodotti finali, iżda wkoll ż-żona ġeografika, l-ambjent, il-klima, l-ilma u l-proċess tas-sajran kollha għandhom influwenza qawwija, u dawn il-fatturi kollha ma tantx ivarjaw madwar iż-żona tat-tkabbir.

Il-karatteristiċi ta' l-ambjent naturali taż-żona jinfluwenzaw il-karatteristiżi tar-ross. Il-klima, il-ħamrija, l-imluħa u l-livell ta' l-ilma tal-pjan taż-żona jiżguraw li r-ross huwa l-uniku wiċċ li jikber fiż-żona definita. L-għelieqi tar-ross tad-Delta huma ideali għal dan il-wiċċ, b'waħda mill-ogħla rati ta' produzzjoni fid-dinja, li hu xieraq minħabba l-pożizzjoni tagħha fuq parallel tal-latitudni ta' 40 ° u fl-isoterm ta' 19 ° C.

Ir-ross minn din iż-żona huwa magħruf sew mal-konsumaturi għall-kulur abjad tal-perli, it-togħma u l-konsistenza tiegħu, kollha riżultat tal-karatteristiċi tal-varjetajiet użati u taż-żona tal-produzzjoni. Huwa wkoll magħruf għall-imġiba tiegħu fis-sajran b'rossiet li ma jeħlux (adeżjoni tar-rossiet ta' 7,3) u li jassorbu ħafna ilma (1,93 grammi ta' ilma għal kull rossa), bl-iżgurar ta' assorbiment qawwi tal-ħwawar fid-diversi riċetti li fihom huwa użat dan ir-ross.

4.7.   Organu ta' spezzjoni:

Isem:

Calitax

Indirizz:

Tuset, 10

E-08006 Barcelona

Tel:

(34) 932 17 27 03

Faks:

(34) 932 18 51 95

Posta elettronika:

Skond komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti, l-organu ta' spezzjoni huwa konformi ma' l-istandard EN-45011.

4.8.   Tikkettar: It-tikketti jew it-tikketta fuq in-naħa ta' wara, jew it-tikketti ta' kwalità b'mod ġenerali, jingħataw numru u prodotti mill-Kunsill Regolatorju u huma mwaħħlin f'intrapriżi reġistrati ta' l-ippakkjar b'tali mod li jiġi evitat l-użu tagħhom mill-ġdid.

Huwa obbligatorju li fuq it-tikketti jkun hemm imniżżel:“Denominación de Origen Protegida ‘Arroz del Delta del Ebro’ jew ‘Arròs del Delta de l'Ebre’”, in-numru tal-prodott u kwalunkwe tagħrif ieħor stabbilit fil-leġiżlazzjoni rilevanti.


(1)  (g.ilma/g. ross)

(2)  skond l-iskala: 9=tajjeb ħafna; 7=tajjeb; 5=normali; 3=inferjuri