52007SC1473

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Sommarju tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt - Dokument li jakkumpanja lil proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/19/KE, 2002/20/KE u 202/21/KE - Dokument li jakkumpanja lil proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/22/KE u 2002/58/KE - Dokument li jakkumpanja lil proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea tas-Suq tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi {KUMM(2007) 697 finali} {KUMM(2007) 698 finali} {KUMM(2007) 699 finali} {SEG(2007) 1472} /* SEK/2007/1473 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 13.11.2007

SEG(2007) 1473

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

Sommarju tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt Dokument li jakkumpanja lil proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/19/KE, 2002/20/KE u 202/21/KE proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/22/KE u 2002/58/KE proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea tas-Suq tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

{KUMM(2007) 697 finali}{KUMM(2007) 698 finali}{KUMM(2007) 699 finali}{SEG(2007) 1472}

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

Sommarju tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt

DAħLA

Dan id-dokument jiġbor fil-qosor ir-rapport tal-valutazzjoni ta’ l-impatt (IA)[1] dwar l-analiżi tal-qafas regolatorju ta’ l-UE għan-netwerks u għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ( eCommunications ). Ir-rapport kurrenti japprofondixxi u jirfina l-analiżi ta’ l-ewwel Valutazzjoni ta’ l-Impatt inizjali ta’ Ġunju 2006.

Din l-analiżi tipproponi emendi li jqisu l-esperjenza miksuba s’issa u l-iżviluppi mistennija fis-swieq u fit-teknoloġija, sabiex tittejjeb il-ħila tal-qafas li jagħti riżultati rigward l-għanijiet tiegħu u jappoġġja l-għanijiet tal-politika ta’ l-i2010.

Ir-rapport ta’ l-IA huwa strutturat fi tliet temi ġenerali ewlenin fejn jistgħu jiġu identifikati problemi u għanijiet aktar speċifiċi:

TEMA I – Regolamentazzjoni aħjar

1) Il-kompetizzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni : jiġi determinat l-aħjar mod kif ikunu promossi l-kompetizzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni fil-komunikazzjonijiet elettroniċi ( eCommunications ), u b’hekk ikun żgurat li jiġu sodisfatti l-ħtiġiet ta’ l-utenti u jiġu protetti l-interessi tal-konsumaturi.

2) Il-ġestjoni ta’ l-ispettru : ikun żgurat li l-ispettru tar-radju bħala riżorsa skarsa li hemm domanda kbira għaliha tintuża għall-akbar benefiċċju tas-soċjetà, u li bidla fit-teknoloġija u fl-istruttura tad-domanda tista’ tiġi riflessa malajr f’kif tintuża r-riżorsa.

TEMA II – L-ikkompletar tas-suq uniku fil-komunikazzjonijiet elettroniċi

3) Il-konsistenza u l-effikaċja regolatorju – kwistjonijiet istituzzjonali u proċedurali : jinħoloq mudell regolatorju li jwassal għal suq uniku fil-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta’ regolamentazzjoni konsistenti u effettiva filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.

TEMA III – Il-konnessjoni maċ-ċittadini

4) Id-drittijiet ta’ l-utenti u l-protezzjoni tal-konsumatur : ikunu provduti biżżejjed salvagwardji għad-drittijiet ta’ l-utenti, għall-protezzjoni tal-konsumatur u għall-interess pubbliku f’ambjent teknoloġikament konverġenti skond l-għanijiet ta’ l-i2010 ta’ soċjetà ta’ l-informazzjoni għal kulħadd.

5) Il-privatezza u s-sigurtà : jingħata kontribut għal livell ogħla ta’ sigurtà u ta’ integrità tan-netwerks tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Ewropa, li għandu jipprovdi benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini kollha u għas-soċjetà b’mod ġenerali, skond l-għanijiet ta’ l-i2010.

SOMMARJU TAL-PROBLEMI U TA’ L-GħAżLIET TA’ POLITIKA MEQJUSA

Il-kompetizzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni

Ir-rendiment ta’ l-UE xejn ma huwa anqas tajjeb minn dak ta’ l-imsieħba kummerċjali tagħha rigward il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fil-komunikazzjonijiet elettroniċi. L-implimentazzjoni effettiva tar-regoli ta’ l-UE fetħet is-swieq li wassal għal prezzijiet orħos għas-servizzi tal-leħen u tal- broadband għan-negozju u għall-konsumaturi. Uħud mill-pajjiżi ta’ l-UE issa huma fuq quddiemnett fil-penetrazzjoni taċ-ċellulari u tal- broadband .

Il-kwistjoni ewlenija għas-snin li ġejjin hija jekk il-qafas jagħtix inċentivi xierqa għall-investimenti f’netwerks ġodda ta’ veloċità għolja li se jappoġġjaw l-innovazzjoni f’servizzi ta’ l-Internet mimlija kontenut. Id-dibattitu tal-politika f’dan il-qasam iffoka fuq jekk aċċess miftuħ inaqqasx l-inċentivi biex isir investiment f’infrastruttura ġdida.

Taħt din l-intestatura, ġew eżaminati tliet għażliet ta’ politika ewlenin:

Għażla 1 : L-adozzjoni ta’ mudell ta’ ‘aċċess miftuħ’ għal infrastruttura ġdida tan-netwerks (jiġifieri il-provvista ta’ l-infrastruttura tiġi separata mill-provvista tas-servizzi);

Għażla 2 : L-ebda regolamentazzjoni: it-tneħħija jew ir-restrizzjoni ta’ regolamentazzjoni speċifika għas-settur (‘vaganzi regolatorji’); u

Għażla 3 : Iż-żamma tal-mudell kurrenti tal-qafas.

L-aċċess ugwali tal-fornituri tas-servizzi għal infrastrutturi problematiċi diġà huwa għan tal-qafas regolatorju eżistenti (Għażla 3), li jinkludi dispożizzjonijiet sabiex tkun evitata diskriminazzjoni ħalli s-suq jinżamm miftuħ u kompetittiv. Madankollu, li tiġi żgurata ekwivalenza ta’ aċċess ta’ din ix-xorta tibqa’ xi ħaġa diffiċli fejn l-operaturi tan-netwerks ikunu fornituri tas-servizzi vertikalment integrati, speċjalment rigward diskriminazzjoni mhux fil-prezzijiet.

F’każi fejn diskriminazzjoni ta’ din ix-xorta tkun persistenti u ma tistax tiġi solvuta b’rimedji fl-imġiba, is-separazzjoni ta’ l-operatur integrat f’entitajiet separati se tneħħi l-inċentivi biex issir diskriminazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi (Għażla 1). Il-grad ta’ separazzjoni li huwa xieraq jiddependi min-natura ta’ l-industrija tan-netwerks ikkonċernata (pereżempju t-telekomunikazzjoni, l-enerġija jew il-ferroviji). Separazzjoni strutturali sħiħa (separazzjoni tas-sjieda - ownership unbundling ) hija pass deċiżiv li jaqta’ l-inċentivi biex issir diskriminazzjoni permezz tal-bejgħ ta’ l-assi mhux replikabbli tan-netwerk. Madankollu, kif inhuwa l-każ fil-komunikazzjonijiet elettroniċi, fejn ikun hemm innovazzjoni konsiderevoli fit-teknoloġija u fis-servizzi, metodu inqas intervenzjonista huwa li jinħtieġ li l-assi problematiċi jitqiegħdu f’kumpanija sussidjarja funzjonalment separata b’inċentivi distinti ta’ ġestjoni, biex b’hekk tinżamm il-flessibilità tas-sjieda komuni ġenerali tad-diviżjonijiet ta’ l-infrastruttura u tas-servizzi, filwaqt li titkabbar it-trasparenza u jiżdiedu l-inċentivi biex ikun hemm nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

L-Għażla 2 – ‘vaganzi regolatorji’ – tqiegħed f’riskju l-kompetizzjoni effettiva fuq il-maġġoranza vasta tas-swieq Ewropej tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Evidenza empirika turi li l-investiment u l-innovazzjoni huma l-aktar b’saħħithom fejn ikun hemm kompetizzjoni effettiva bejn l-infrastrutturi. Madankollu, xorta għad mhemm l-ebda kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura f’madwar 80% mil- loops lokali Ewropej. Dan iffisser li regolamentazzjoni ex-ante tkompli jkollha rwol kruċjali biex tinżamm il-kompetizzjoni u jiġu protetti l-konsumaturi billi jiġu ffissati kundizzjonijiet għall-aċċess għall-infrastruttura ta’ l-operaturi stabbiliti.

Konklużjoni

L-evidenza empirika tindika li għalkemm id-diskriminazzjoni tibqa’ kwistjoni serja f’uħud mis-swieq, f’oħrajn rimedji eżistenti ħolqu ugwaljanza adegwata ta’ aċċess. B’hekk l-analiżi tappoġġja l-kontinwazzjoni tal-metodu kurrenti ( Għażla 3 ) ta’ rimedji ex-ante sabiex jinżamm l-aċċess. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li hemm il-ħtieġa li l-NRAs ikunu provduti bis-setgħa li jimponu separazzjoni funzjonali bħala rimedju eċċezzjonali bil-għan li tiġi megħluba diskriminazzjoni persistenti, li ma tkunx indirizzata permezz tal-ġabra eżistenti ta’ rimedji fl-imġiba.

Il-ġestjoni ta’ l-ispettru

Is-servizzi bbażati fuq l-ispettru jirrappreżentaw €250 biljun fl-ekonomija ta’ l-UE u qed jiżdiedu. Madankollu, l-ammont ta’ spettru tar-radju huwa limitat u s-sistemi kurrenti ta’ allokazzjoni huma riġidi u jiskoraġġixxu l-innovazzjoni. Il-politika kurrenti tal-Kummisjoni hija li tippromwovi aktar flessibilità u effiċjenza fl-użu ta’ l-ispettru filwaqt li tissalvagwardja l-utenti tat-teknoloġija bla fili minn interferenza. L-għażliet f’din it-taqsima jqisu l-bidliet biex din il-politika tkun integrata fil-qafas regolatorju.

Minħabba l-konsultazzjoni pubblika dwar id-dokumenti ta’ Analiżi tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2006, għażla waħda – entità indipendenti li tikkoordina u tissemplifika d-deċiżjonijiet dwar l-ispettru – twarrbet, u l-għażliet għall-ġestjoni ta’ l-ispettru tnaqqsu għal tnejn:

Għażla 1 : L-adattament tal-qafas bl-introduzzjoni tal-prinċipju tan-newtralità tat-teknoloġiji u tas-servizzi u ta’ kummerċ koordinat fl-ispettru; u

Għażla 2 : L-ebda bidla fil-qafas regolatorju.

In-newtralità tas-servizzi u tat-teknoloġiji (il-prinċipji ewlenin ta’ l-Għażla 1) għandhom ineħħu l-parti l-kbira tal-limiti regolatorji, isaħħu l-kompetizzjoni u jnaqsu l-piż regolatorju fuq l-utenti. Meta kombinata mal-kummerċ fl-ispettru u l-infurzar tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, dan għandu jiżgura aċċess għal suq miftuħ għat-teknoloġiji l-ġodda u għall-fornituri tas-servizzi l-ġodda.

Filwaqt li fil-prinċipju l-Għażla 2 tippermetti li jeżistu flimkien mudelli differenti ta’ ġestjoni, fir-realtà probabbilment se tippreserva mudell amministrattiv ibbażata fuq it-teknoloġija u s-servizzi li jipprevali llum, u li jillimita n-numru ta’ liċenzji u jnaqqas ir-rata ta’ l-introduzzjoni tat-teknoloġija l-ġdida.

L-Għażla 1 tinkorpora mekkaniżmi msaħħa ta’ koordinazzjoni filwaqt li l-Għażla 2 hija bbażata fuq koordinazzjoni volontarja.

Konklużjoni

Il-Kummissjoni tqis li l- Għażla 1 hija l-aktar bażi xierqa għal ġestjoni riformata ta’ l-ispettru fl-Ewropa.

Il-konsistenza u l-effikaċja regolatorja: kwistjonijiet istituzzjonali u proċedurali

L-akbar vantaġġ kompetittiv ta’ l-Ewropa fl-ekonomija globali jinsab fis-suq miftuħ tagħha ta’ kważi 500 miljun konsumatur. Il-kisba tal-benefiċċji ta’ dan is-suq intern tiddependi mill-fatt li l-intrapriżi jkunu jistgħu jiksbu ekonomiji ta’ skala permezz ta’ applikazzjoni stabbli u konsistenti tar-regolamentazzjoni.

Il-qafas ta’ l-UE tal-komunikazzjonijiet elettroniċi stabbilixxa sistema ta’ 27 suq nazzjonali li jiġu koordinati permezz ta’ ġabra komuni ta’ regoli. Madankollu, minkejja l-progress tajjeb li sar f’uħud mill-oqsma, hemm problemi persistenti ta’ implimentazzjoni inkonsistenti ta’ dawn ir-regoli.

Sabiex ikunu megħluba dawn il-problemi ġew analizzati tliet għażliet ewlenin:

Għażla 1 : Awtorità Regolatorja Ewropea Unika b’setgħat diskrezzjonali ta’ teħid tad-deċiżjonijiet fl-analiżijiet tas-swieq u inkarigata mill-ġestjoni ta’ l-aspetti ta’ l-ispettru li jolqtu lill-UE;

Għażla 2 : Awtorità Regolatorja Ewropea bla setgħat diskrezzjonali ta’ teħid tad-deċiżjonijiet li tgħin fl-implimentazzjoni ta’ proċeduri Komunitarji msaħħa; u

Għażla 3 : Koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri.

Ir-regolamentazzjoni ċentralizzata li ġiet proposta fl-Għażla 1 għandha tkun ta’ benefiċċju għall-operaturi li jagħmlu negozju ma’ l-UE kollha, biex b’hekk ikun inkoraġġit l-użu aktar mgħaġġel tas-servizzi b’potenzjal pan-Ewropew u tal-kompetizzjoni transnazzjonali. Madankollu, hemm limiti sinifikanti ta’ sussidjarjetà u legali li jimmilitaw kontra din l-għażla.

L-Għażla 2 tiggarantixxi konsistenza regolatorja filwaqt li tippreserva s-sistema deċentralizzata ta’ regolamentazzjoni. Tikkombina setgħat Komunitarji aktar b’saħħithom ma’ rwol konsulstattiv għal Awtorità Ewropea ġdida, li tipprovdi metodu effiċjenti rigward l-għażla, l-awtorizzazzjoni u l-armonizzazzjoni tas-servizzi b’potenzjal pan-Ewropew billi jintużaw frekwenzi u/jew numri.

Permezz ta’ evalwazzjoni u ta’ konsultazzjoni pubblika ntwera li s-sigurtà tan-netwerks u ta’ l-informazzjoni teħtieġ aktar effiċjenza. B’hekk, skond l-Għażla 2, il-funzjonijiet ta’ l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u ta’ l-Informazzjoni (ENISA) ikunu amalgamati fl-Awtorità Regolatorja Ewropea. Dan l-aġġornament ta’ l-ENISA biex issir parti integrali mill-Awtorità Regolatorja Ewropea għandu jipprovdi effiċjenzi operattivi milli jikkombinaw liż-żewġ entitajiet.

L-Għażla 3 teħtieġ li l-NRAs kollha jimpenjaw irwieħhom rigward linji ta’ gwida komuni u japplikaw rimedji konistenti. Hemm ftit evidenza li fil-prattika koordinazzjoni volontarja ta’ din ix-xorta se taħdem.

Konklużjoni

Il-Kummissjoni tqis li l- Għażla 2 hija l-aktar waħda xierqa fil-qafas istituzzjonali u legali kurrenti.

Id-drittijiet ta’ l-utenti u l-protezzjoni tal-konsumatur

Il-kompetizzjoni ġabet benefiċċji kbar lill-konsumaturi billi wasslet għal prezzijiet li qed jonqsu f’termini asosluti. Madankollu, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni jżidu wkoll il-komplessità. B’hekk huma meħtieġa aktar passi sabiex tiżdied it-trasparenza, jiġu salvagwardjati l-konnettività u l-kwalità tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet u biex ikun żgurat li s-servizzi bażiċi, bħat-telefonati ta’ emerġenza u l-għanijiet ta’ l-inklużjoni elettronika (' e-inclusion' ) ma jitħallewx fil-ġenb hekk kif jitfaċċaw swieq ġodda.

Ġew analizzati tliet għażliet ta’ politika:

Għażla 1 : L-inkoraġġiment ta’ aktar awtoregolamentazzjoni min-naħa ta’ l-industrija;

Għażla 2 : L-aġġornament u t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet kurrenti; u

Għażla 3 : L-ebda bidla fil-qafas regolatorju.

L-effikaċja ta’ l-Għażla 1 tiddependi ferm mill-kunsens tal-partijiet interessati kollha involuti. Bħalissa ma jkunx fattibbli li wieħed jistenna li l-awto-regolamentazzjoni volotnarja tirriżulta f’titjib sinifikanti fil-protezzjoni tal-konsumatur u fid-drittijiet ta’ l-utenti.

L-Għażla 2 tqis l-avvanzi teknoloġiċi u l-iżviluppi fis-swieq u tiżgura li l-kwistjonijiet tal-konsumaturi jiġu garantiti bil-liġi u mhux sempliċement inklużi fi ftehimiet ta’ l-industrija. Il-konsultazzjoni pubblika żvelat ħtieġa biex il-proposti inizjali tal-Kummissjoni jiġu rfinuti, imma b’aġġustamenti ta’ din ix-xorta, l-Għażla 2 jidher li għandha appoġġ politiku wiesa’.

L-Għażla 3 ma tistax tindirizza l-problemi identifikati relatati mal-protezzjoni tal-konsumatur u mad-drittijiet ta’ l-utenti fil-komunikazzjonijiet elettroniċi u għaldaqstant ma tkunx skond l-għanijiet ta’ l-i2010.

Konklużjoni

Il-Kummissjoni tqis li l- Għażla 2 hija l-aktar waħda xierqa, filwaqt li ma tbarrix il-possibbiltà ta’ żviluppi fl-awto-regolamentazzjoni fil-qafas legali li toħloq l-Għażla 2 fejn dawn jiksbu effettivament ir-riżultati mfittxija.

Il-privatezza u s-sigurtà

F’dan is-suġġett, ġew identifikati tliet għażliet ta’ politika:

Għażla 1 : L-ebda bidla fil-qafas regolatorju;

Għażla 2 : L-aġġornament u t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet kurrenti; u

Għażla 3 : L-introduzzjoni ta’ strument ġdid u dettaljat li jieħu ħsieb is-sigurtà u l-integrità.

L-Għażla 1 tfisser li r-rekwiżiti li jikkonċernaw l-integrità tan-netwerks għandhom jibqgħu applikabbli għan-netwerks tat-telefonija fissa biss, li għandu jnaqqas sostanzjalment ir-rilevanza fil-ġejjieni, bin-netwerks jevolvu lejn ambjent għalkollox IP.

L-Għażla 2 tindirizza kwistjonijiet bħall-integrità u l-infuzar b’mod armonizzat, fejn tiżgura li l-qafas kien adattat biex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet emerġenti mingħajr ma jkun hemm riskju li tkun wisq preskrittiva.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika indikaw li l-Għażla 3 ma kinitx tgawdi minn appoġġ ġenerali min-naħa tal-partijiet interessati. B’mod partikolari, kien hemm tħassib li l-leġiżlazzjoni dettaljata l-ġdida setgħet iżżid b’mod sinifikanti l-ispiża tan-negozju u b’hekk taffetwa b’mod avvers il-kompetizzjoni.

Konklużjoni

Il-Kummissjoni tqis li l- Għażla 2 hija l-aktar waħda xierqa għaliex toffri bilanċ bejn l-armonizzazzjoni, il-prevedibbiltà u l-flessibilità, li se jippermetti li kwalunkwe theddida futura għas-sigurtà tiġi indirizzata fiż-żmien xieraq.

L-IMPATTI EWLENIN TA’ L-GħAżLIET IPPREFERUTI

Dan il-kapitolu jiġbor fil-qosor l-impatti ewlenin ta’ l-għażliet ippreferuti li ġew identifikati aktar ’il fuq.

TEMA I – Regolamentazzjoni aħjar

1) Jekk jinżamm il-mudell kurrenti ta’ regolamentazzjoni ex-ante ibbażata fuq is-swieq ikun l-aħjar mod biex ikunu promossi l-kompetizzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni fil-komunikazzjonijiet elettroniċi: l-NRAs għandhom il-mezzi biex irawwmu l-kompetizzjoni, filwaqt li jsiqu l-ħtieġa għal investimenti riskjużi li jiġġeneraw qligħ adegwat fuq il-kapital. Is-separazzjoni funzjonali bħala rimedju ġdid meta jkun falla kull rimedju ieħor tista’ ttejjeb il-kompetizzjoni fejn il-problemi u d-diffikultajiet tal-kompetizzjoni jippersistu u fejn rimedji oħra ma jkunux effettivi biex ikun hemm nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

Ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar is-Swieq Rilevanti ta’ l-2003 (li qed tiġi riveduta parallelament ma’ din l-analiżi) turi li l-qafas kurrenti diġà għamel deregolamentazzjoni sostanzjali possibbli, peress li qed jiġi propost li 11 (prinċipalment swieq tal-bejgħ bl-imnut) mit-18-il suq kurenti suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex-ante jinqatgħu bil-mod il-mod. Ir-regolamentazzjoni fis-settur b’hekk tista’ tiffoka fuq is-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa, fejn id-diffikultajiet ewlenin għal kompetizzjoni effettiva għadhom hemm.

2) Ir-riforma tal-ġestjoni ta’ l-ispettru billi tiġi introdotta aktar flessibilità fis-suq se ssaħħaħ il-kompetizzjoni u se tnaqqas il-piż regolatorju ta’ l-utenti ta’ l-ispettru. Dan se jinkoraġġixxi l-investiment u se jagħti l-possibbiltà lill-operaturi biex jintroduċi teknoloġiji ġodda fil-faxex ta’ l-ispettru fejn għandhom drittijiet ta’ użu, biex b’hekk jagħmluha prattika li jintużaw teknoloġija ġodda u jżidu l-adozzjoni tagħhom min-naħa tal-konsumaturi permezz ta’ għażla aktar wiesgħa u prezzijiet aktar baxxi.

TEMA II – L-ikkompletar tas-suq uniku fil-komunikazzjonjiet elettroniċi

3) Filwaqt li s-sistema ta’ regolatori nazzjonali indipendenti tipprovdi bażi rikka ta' għarfien fuq azzjoni regolatorja, iż-żjieda ta’ Awtorità Ewropea bi rwol konsultattiv flimkien mas- superviżjoni tar-rimedji min-naħa tal-Kummissjoni għandu jagħtu kontribuzzjoni kbira biex jittejbu l-effiċjenza u l-ħeffa tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE. Tkun soluzzjoni proporzjonata għall-problemi kurrenti ta’ inkonsistenza fil-metodu regolatorju li jwassal għal u ta’ kundizzjonijiet mhux ugwali għall-fornituri tas-servizzi ma’l-UE kollha. Il-konsistenza mhux biss se tinkoraġġixxi lill-operaturi biex jiżviluppaw l-attivitajiet transkonfinali tagħhom, imma se tnaqqas l-ispiża tan-negozju fl-Ewropa b’mod ġenerali billi tippromwovi servizzi pan-Ewropej.

TEMA III – Il-konnessjoni maċ-ċittadini

4) L-aġġornament u t-tisħiħ tad-drittijiet ta’ l-utenti – inklużi l-utenti b’diżabbiltajiet – u d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jqisu l-iżvilppi teknoloġiċi u tas-swieq biex b’hekk l-utenti kollha jkunu offruti għażla u ċertezza legali mtejba. Il-konsumaturi se jibbenfikaw milli jkunu informati aħjar dwar il-prezzijiet u s-servizzi. Użu akbar u aċċess aktar faċli għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet se jwassal għal parteċipazzjoni soċjali akbar għall-utenti b’diżabbiltajiet u/jew bi ħtiġiet speċjali kif ukoll għall-anzjani. It-titjib fl-informazzjoni dwar minfejn qed issir it-telefonata għandu jżid il-kwalità tas-servizzi ta’ emerġenza.

5) L-aġġornament u t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet kurrenti dwar il-privatezza u s-sigurtà se jipprovdu lill-konsumaturi bi kwalità u b’sigurtà akbar tan-netwerks u tas-servizzi kif ukoll b’aktar informazzjoni u trasparenza, sabiex il-kwalità u s-sigurtà tas-servizz se jsiru parti mill-kriterji ta’ għażla għall-konsumatur. Aktar informazzjoni, trasparenza u fiduċja se jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta’ l-ICT.

Sommarju

Il- kombinazzjoni ta’ l-għażliet ippreferuti kollha tikkontribwixxi għas- semplifikazzjoni ta’ l-obbligi regolatorji imposti fuq in-negozji, u fl-istess ħin issaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini u tipproduċi benefiċċji għall-kosumaturi. L-elementi ewlenin ta’ semplifikazzjoni huma t-tnaqqis tan-numru ta’ swieq rilevanti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, proċeduri semplifikati ta’ analiżi tas-swieq u r-riforma tal-ġestjoni ta’ l-ispettru, li jwasslu għal tnaqqis nett fl-ispejjeż amministrattivi. L-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tipprovdi s-sisien għall-ekonomija kollha, u titjib f’dan is-settur se jasal sabiex ikun ta’ benefiċċju għall-bqija ta’ l-ekonomija ta’ l-UE.

[1] SEK(2007) III.