52007PC0057

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li l-Komunità għandha tieħu fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri AKP-KE rigward deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni Nru 3/2001 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE dwar l-allokazzjoni ta' riżorsi lis-Somalja mit-8 u d-9 Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp /* KUMM/2007/0057 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.2.2007

KUMM(2007) 57 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li l-Komunità għandha tieħu fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri AKP-KE rigward deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni Nru 3/2001 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE dwar l-allokazzjoni ta' riżorsi lis-Somalja mit-8 u d-9 Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fl-Artikolu 93(6) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE sar provvediment speċjali għal pajjiżi bħas-Somalja. L-Artikolu jippermetti lill-Kunsill tal-Ministri AKP-KE jieħu deċiżjoni sabiex tingħata għajnuna lis-Somalja, li tista' tinvolvi t-tisħiħ istituzzjonali kif ukoll attivitajiet ta' żvilupp ekonomiku u soċjali, filwaqt li jiġu partikolarment ikkunsidrati l-bżonnijiet tas-sezzjonijiet l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni. Dan il-provvediment ġie fis-seħħ bid-Deċiżjoni Nru 3/2001 ta' l-20 ta' Diċembru 2001[1] tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE, li allokat għas-Somalja l-ammont ta' €149 miljun mid-9 EDF għall-kooperazzjoni finanzjarja u teknika.

L-Artikolu 3(5) ta' l-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE jippermetti lill-Komunità l-possibbiltà li żżid l-allokazzjoni għal pajjiż sabiex jittieħed kont tal-bżonnijiet speċjali jew ta' prestazzjoni eċċezzjonali. L-Artikolu 5(2) ta' l-Anness IV jipprovdi għall-possibbiltà ta' stħarriġ f'ċirkostanzi eċċezzjonali li għalihom issir referenza fid-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna umanitarja u ta' l-emerġenza.

Fl-2006, sar stħarriġ ad hoc għas-Somalja. L-istħarriġ ad hoc ikkunkluda li, fid-dawl ta' analiżi ta' bżonnijiet u prestazzjoni u meqjusa l-konsiderazzjonijiet speċjali tas-Somalja, jeħtieġ li jkun hemm żieda fil-fondi disponibbli taħt l-Istrateġija għall-Implimentazzjoni ta' l-Għajnuna Speċjali lis-Somalja (SISAS) 2002-2007, fil-limiti tar-riżorsi disponibbli u soġġetta għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE.

L-abbozz mehmuż tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE Nru 3/2001 ta' l-20 ta' Diċembru 2001 jipprovdi allokazzjoni addizzjonali ta' €36 144 798 mid-9 EDF għall-iffinanzjar tranżitorju sakemm jidħol fis-seħħ l-10 EDF.

Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li l-Kunsill jadotta d-deċiżjoni li tinsab fl-anness.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li l-Komunità għandha tieħu fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri AKP-KE rigward deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni Nru 3/2001 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE dwar l-allokazzjoni ta' riżorsi lis-Somalja mit-8 u d-9 Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 310 flimkien mat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE ffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000[2] u l-ftehim rivedut iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005[3],

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern tat-18 ta' Settembru 2000 dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni ta' l-għajnuna tal-Komunità taħt il-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE[4],

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Bid-Deċiżjoni Nru 3/2001 ta' l-20 ta' Diċembru 2001 il-Kunsill tal-Ministri AKP-KE alloka għas-Somalja ammont ta' €149 miljun taħt id-9 EDF.

(2) L-Artikolu 3(5) ta' l-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE jippermetti lill-Komunità l-possibbiltà li żżid l-allokazzjoni għal pajjiż sabiex jittieħed kont tal-bżonnijiet speċjali jew ta' prestazzjoni eċċezzjonali.

(3) L-Artikolu 5(2) ta' l-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE jipprovdi għall-possibbiltà ta' stħarriġ f'ċirkostanzi eċċezzjonali li għalihom issir referenza fid-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna umanitarja u ta' l-emerġenza. Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta' l-istħarriġ ad hoc tal-programm ta' kooperazzjoni mas-Somalja, hemm ħtieġa ta' fondi addizzjonali taħt id-9 EDF sabiex tiġi assigurata l-kontinwazzjoni ta' l-għajnuna lill-popolazzjoni tas-Somalja sakemm tidħol fis-seħħ l-10 EDF.

(4) Il-pożizzjoni tal-Kommunità fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri AKP-KE għandha tittieħed bil-għan li dan ta' l-aħħar jadotta deċiżjoni dwar l-allokazzjoni ta' riżorsi addizzjonali mid-9 EDF.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni meħuda mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri AKP-KE dwar l-allokazzjoni ta' riżorsi lis-Somalja mid-9 EDF għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE mehmuża bħala anness.

Artikolu 2

Tibdil minuri għall-abbozz tad-deċiżjoni jista' jiġi miftiehem mingħajr ħtieġa għal deċiżjoni oħra mill-Kunsill.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Abbozz

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-KE

li temenda d-Deċiżjoni Nru 3/2001 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE ta' l-20 ta' Diċembru 2001 dwar l-allokazzjoni ta' riżorsi għas-Somalja mit-Tmien u d-Disa' Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp

IL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-KE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE ffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000[5] u l-Ftehim rivedut iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005[6], u b'mod partikolari l-Artikolu 93(6) tiegħu,

Billi:

1. L-Artikolu 93(6) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE jippermetti lill-Kunsill tal-Ministri AKP-KE l-possibbiltà li jagħti għajnuna speċjali lil Stati ta' l-AKP li jkunu parti minn Konvenzjonijiet AKP-KE preċedenti li, fin-nuqqas ta' istituzzjonijiet governattivi stabbiliti b'mod regolari, ma setgħux jiffirmaw jew jirratifikaw il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE. Din l-għajnuna tista' tikkonċerna t-tisħiħ istituzzjonali u kif ukoll l-attivitajiet ta' żvilupp ekonomiku u soċjali, waqt li b'mod partikolari jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet tas-sezzjonijet l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni. Din id-dispożizzjoni tapplika għas-Somalja.

2. Bid-Deċiżjoni Nru 3/2001 ta' l-20 ta' Diċembru 2001[7] il-Kunsill tal-Ministri AKP-KE alloka għas-Somalja ammont ta' €149 miljun taħt id-9 EDF għal kooperazzjoni finanzjarja u teknika. Il-funzjoni ta' l-Uffiċjal Nazzjonali ta' l-Awtorizzazzjoni għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta' din l-allokazzjoni ġiet assenjata lill-Uffiċjal Prinċipali ta' l-Awtorizzazzjoni ta' l-EDF.

3. L-Artikolu 3(5) ta' l-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE jippermetti lill-Komunità l-possibbiltà li żżid l-allokazzjoni għal pajjiż sabiex jittieħed kont tal-bżonnijiet speċjali jew ta' prestazzjoni eċċezzjonali.

4. L-Artikolu 5(2) ta' l-Anness IV jipprovdi għall-possibbiltà ta' stħarriġ f'ċirkostanzi eċċezzjonali li għalihom issir referenza fid-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna umanitarja u ta' l-emerġenza. Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta' l-istħarriġ ad hoc tal-programm ta' kooperazzjoni mas-Somalja, hemm ħtieġa ta' fondi addizzjonali taħt id-9 EDF sabiex tiġi assigurata l-kontinwazzjoni ta' l-għajnuna lill-popolazzjoni tas-Somalja sakemm tidħol fis-seħħ l-10 EDF,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu Uniku

(1) Fid-Deċiżjoni Nru 3/2001 tal-Kunsill AKP-KE qed jiġi miżjud l-Artikolu 3 bis li ġej:

"Artikolu 3 bis

Abbażi tal-konklużjonijiet ta' stħarriġ ad hoc , ammont addizzjonali ta' €36 144 798 mid-9 EDF għandu jiġi allokat għas-Somalja għall-kooperazzjoni finanzjarja u teknika, mill-pakkett ta’ għajnuna għall-iżvilupp fuq medda twila ta' żmien msemmi fl-Artikolu 3(a) tal-Protokoll Finanzjarju msemmi fl-Anness I tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE."

(2) Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill tal-Minsitri ACP-KE

Il-President

[1] ĠU L 56, 27.2.2002, p. 23.

[2] ĠU L 317, 15.12.2000, p.3.

[3] ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.

[4] ĠU L 317, 15.12.2000, p.354.

[5] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

[6] ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.

[7] ĠU L 56, 27.2.2002, p. 23.