52007PC0052

Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/96/KE fir-rigward ta' l-aġġustamenti ta' arranġamenti speċjali ta' taxxa fuq il-gas oil li jintuża bħala fjuwil tal-magna għal skopijiet kummerċjali u għall-koordinazzjoni tat-tassazzjoni tal-petrol bla ċomb u tal-gas oil li jintużaw bħala fjuwil tal-magni {SEG(2007) 170} {SEG(2007) 171} /* KUMM/2007/0052 finali - CNS 2007/0023 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.3.2007

KUMM(2007) 52 finali

2007/0023 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2003/96/KE fir-rigward ta' l-aġġustamenti ta' arranġamenti speċjali ta' taxxa fuq il-gas oil li jintuża bħala fjuwil tal-magna għal skopijiet kummerċjali u għall-koordinazzjoni tat-tassazzjoni tal-petrol bla ċomb u tal-gas oil li jintużaw bħala fjuwil tal-magni

(preżentata mill-Kummissjoni){SEG(2007) 170}{SEG(2007) 171}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-kuntest tal-proposta

- Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Fil- White Paper dwar il- Politika Ewropea dwar it-Trasport għall-2010: żmien li niddeċiedu [1], ġie osservat li ladarba s-settur tat-trasport bit-triq issa infetaħ kompletament għall-kompetizzjoni, in-nuqqas ta' tassazzjoni armonizzata fuq il-fjuwil deher dejjem aktar ta' ostaklu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Fuq din il-kwistjoni hija kkonkludiet billi għafset fuq il-ħtieġa li s-sistema ta' taxxa ssir aktar konsistenti billi pproponiet taxxa uniformi għall-fjuwil li jintuża fit-trasport bit-triq kummerċjali sabiex is-suq intern jiġi kkompletat. Madankollu, sussegwentement ħareġ ċar mill-perspettiva politika u ekonomika, li armonizzazzjoni sħiħa tat-taxxa applikabbli fuq il- gas oil kummerċjali mhix risposta adegwata.

Għandu jitfakkar li proposta inizjali relatata mat-tassazzjoni tal- gas oil kummerċjali (magħruf aktar bħala "dijżil kummerċjali"[2]) ġiet ippreżentata fl-2002[3]. Din il-proposta ġiet imwarrba fil-kuntest ta' l-eżaminazzjoni ta' proposti leġiżlattivi pendenti sakemm jidhru quddiem il-leġiżlatur[4]. Madankollu, il-Kummissjoni ħabbret ukoll l-intenzjoni tagħha ti tikkunsidra mill-ġdid il-ħtieġa għal intervent leġiżlattiv fid-dawl tar-riżultati ta' valutazzjoni ta' l-impatt komprensiva.

Fil-Komunikazzjoni reċenti tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – [KUMM(2006) 314, 22.6.2006, Inżommu lill-Ewropa miexja – Il-Mobilità Sostenibbli għall-kontinent tagħna, Reviżjoni f'nofs il-perjodu tal- White Paper dwar it-Trasport ta’ l-2001 tal-Kummissjoni Ewropea] - il-Kummissjoni osservat li " ser teżamina kif id-differenzi eċċessivi fil-livelli ta' tassazzjoni fuq il-fuwil jistgħu jiġu mnaqqsa ". Hija għafset ukoll fuq il fatt li " il-politika dwar it-trasport hija relatata mill-qrib mal-politika dwar l-enerġija, abbażi ta' ghanijiet komuni: it-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO 2 u tad-dipendenza ta' l-UE fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossil [5] i " u saħqet li " impenji internazzjonali ambjentali, inkluż dawk taħt il-Protokoll ta' Kjoto, għandhom jiġu integrati fil-politka dwar it-trasport ".

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - KUMM(2006) 545, Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza ta' l-Enerġija: It-Twettiq tal-Potenzjal - ikkonfermat l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fl-2007 tipproponi arranġamenti speċjali għat-tassazzjoni fuq il- gas oil kummerċjali, billi timmira għal tnaqqis fid-differenzi eċċessivi fil-livelli ta' tassazzjoni bejn l-Istati Membri, sabiex tiżdied l-effiċjenza ta' l-enerġija fit-trasport tal-merkanzija billi jitnaqqas "it-turiżmu tal-fjuwil".

Konsegwentement, din il-proposta timmira l-ewwelnett biex tnaqqas it-tagħwiġ tal--kompetizzjoni relatat mad-differenzjali fis-sisa li jaffettwaw is-swieq tat-trasport tal-merkanzija. B'hekk, jitkattru wkoll it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-kompetittività, notevolment billi tiffaċilita l-benefiċċji li s-suq waħdieni jiġi sfruttat kompletament. It-tieni, il-proposta tilqa' l-għanijiet komuni tal-politika dwar it-trasport u tipprovdi ħarsien aħjar ta' l-ambjent. Fl-aħħarnett, hija ċarament konsistenti mal-prinċipji ġenerali dwar it-taxxi tas-sisa stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Politika dwar it-Tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea – Prijoritajiet għas-snin li ġejjin [6] . Qed tiġi ppreżentata mingħajr preġudizzju għall-konklużjonijiet tar-reviżjoni f'nofs il-perjodu tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija mistennija għall-2008.

- Il-kuntest ġenerali

Il-fjuwil (inkluż it-taxxi) jirrappreżenta fil-medja bejn 20 u 30% ta' l-ispejjeż tal-ġestjoni tan-negozju tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Peress li t-taxxa tas-sisa tirrappreżenta bejn 30 u 60% tal-prezz ta' l-ippumpjar tal-fjuwil tal- gas oil (eskluż il-VAT), din it-taxxa tikkostitwixxi bejn 6% u 18% ta' l-ispejjeż tal-ġestjoni ta' negozju tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Bħalissa f'suq liberalizzat, fejn il-kompetizzjoni hija aktar iebsa, id-differenzi fl-ispejjeż operattivi li jirriżultaw mit-taxxi nazzjonali u mill-imposti għandhom impatt akbar.

Ir-raġuni hija sempliċi: trakkijiet kbar għandhom kapaċità ta' tankijiet li jesgħu ħafna, li jippermettulhom ikopru bejn 1 500 u 3 000 kilometri fuq tank wieħed. Dan ifisser fir-realtà li t-trasportaturi tal-merkanzija involuti f'attivitajiet internazzjonali jew li jinsabu ħdejn il-fruntiera ta' pajjiż li jintaxxa bil-baxx iwettqu forma ta' ppjanar fiskali, magħruf bħala turiżmu tal-fjuwil: jieħdu vantaġġ mid-differenzi sinifikanti ħafna fit-taxxi tas-sisa nazzjonali fuq il-fjuwil tal- gas oil billi jimlew it-tankijiet fi Stati Membri li għandhom it-taxxi l-aktar baxxi.

L-ewwel konsegwenza negattiva hija li l-imġieba fl-ippjanar tat-taxxa tikkrea tagħwiġ tal--kompetizzjoni fis-swieq tat-trasport tal-merkanzija tant li mhux l-operaturi kollha jgawdu mill-istess possibilitajiet li jixtru l-fjuwil b'taxxa baxxa, minħabba l-varjetà tat-trakkijiet tagħhom, l-ambitu ta' l-attività tagħhom jew id-distanza mil-lokal prinċipali tagħhom sal-fruntiera ta' pajjiz li jintaxxa b'livell baxx. Minħabba l-kompetizzjoni iebsa fis-suq tat-trasport tal-merkanzija, it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni deskritt hawn għandu konsegwenzi f'dak li hu ishma fis-swieq nazzjonali. Studju dwar it-trasport bit-triq bilaterali[7] li sar mill-Ministeru Franċiż dwar it-Trasport innota tibdiliet importanti fl-ishma tas-suq fis-suq Ewropew bejn l-1997 u l-2001. Operaturi mil-Lussemburgu jew mill-Awstrija, per eżempju, żiedu l-ammont ta' l-ishma fis-suq tagħhom 'l fuq minn dawk tal-biċċa l-kbira tal-kompetituri tagħhom filwaqt li r-Renju Unit irreġistrat telf fis-swieq kollha. Dan iddetermina li żewġ terzi tal-varjazzjoniijiet osservati bejn l-1997 u l-2001 jistgħu jiġu attribwiti għal tliet fatturi: id-differenzi fit-tassazzjoni tal- gas oil , differenzi fit-taxxa fuq il-korporazzjonijiet u l-evoluzzjoni tas-salarji bejn żewġ pajjiżi speċifikati. Id-differenzi fit-taxxa għall- gas oil jidhru li huwa l-fattur prinċipali li waħdu jispjega l-fatt tal-40% tal-varjazzjonijiet ta' l-ishma fis-suq li ġew osservati.

Il-konsegwenzi oħrajn negattivi tat-turiżmu tal-fjuwil huma l-impatt fuq l-ambjent fil-każ ta' tibdiliet fir-rotot. Bħala operaturi li jafu jirraġunaw, is-sewwieqa ser jagħmlu użu mid-differenza tal-prezz fil- gas oil kemm jistgħu u jimlew it-tankijiet fl-Istat Membru fejn hu l-orħos. B'hekk ikunu qegħdin iqisu wkoll l-ispejjeż addizzjonali involuti (l-imposti tat-triq, l-ispejjeż tal-fjuwil u tal-ħin involut, ir-riskji li ltaqgħu magħhom bħall-konġestjoni u l-inċidenti...). Każijiet fejn l-operaturi jużaw l-opportunità sempliċement biex jimlew it-tank matul it-triq, " en route ", mingħajr ma jagħmlu tibdiliet fir-rotot ifissru prinċipalment bidla fil-konsum li xorta waħda kien isir fi Stat Membru jew ieħor, għalkemm hemm ukoll xi konsum addizzjonali (kif ukoll emissjonijiet) peress li l-ispejjeż imnaqqsa tal-fjuwil minħabba l-evażjoni tat-taxxa jistimolaw id-domanda. B'kuntrast, meta s-sewwieqa jbiddlu r-rotta apposta sabiex jieħdu vantaġġ mid-differenzi fid-dazji tas-sisa nazzjonali, dan għandu effetti negattivi fuq l-ambjent minħabba d-distanza żejda misjuqa.

Rigward it-tibdiliet fir-rotta, Michaelis (2003)[8] wera li l-Ġermaniżi huma lesti jsuqu minn 2 sa 4 kilometri aktar għall-prezz differenzjali ta' kull ċenteżmu Euro kif ipparagunat ma' pajjiż viċin fil-każ tal- gas oil . Bil-prezzijiet differenzjali eżistenti għall-2003 bejn il-Ġermanja u l-viċinati tagħha, dan ifisser distanza fil-medja ta' madwar 30 sa 35 kilometri aktar. Studju fl-1990 dwar l-Olanda stabbilixxa li b'differenza fil-prezz ta' 0.14-0.16 ECU għal kull litru kif ipparagunat mal-Belġju u mal-Ġermanja, 10 miljun kilometru iżjed ġew misjuqa attravers il-fruntiera għall-iskop ta' refuelling [9].

It-turiżmu tal-fjuwil finalment iwassal għal telfiet fir-riżorsi tal-baġit għal dawk l-Istati Membri li japplikaw taxxa tas-sisa relativvament għolja għall- gas oil . Fil-Ġermanja, ix-Schmid Traffic Service GmbH stima li t-telf fuq it-taxxa minn taxxi tas-sisa fuq iż-żjut minerali fl-2004 u li rriżulta mit-turiżmu tal-fjuwil (i.e. gas oil professjonali) kien ta' €1.915.000.000. It-telf totali huwa aktar għoli minn dan u jammonta għal €3.6 biljun kull sena (minbarra taxxi tas-sisa fuq iż-żjut minerali, dan huwa kkostitwit minn telfiet addizzjonali fuq il-VAT u fuq it-taxxi tas-sisa għas-sigaretti, minħabba tnaqqis fid-dħul tat-taxxa fuq il-VAT u l-ammonti mnaqqsa ta' sigaretti li nbiegħu fil-pompi tal-fjuwil ( filling stations )).

- Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003, li tistruttura mill-ġdid il-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni ta' prodotti ta' l-enerġija u ta' l-elettriku (id-Direttiva tat-Taxxa fuq l-Enerġija jew l-ETD)[10] tistabbilixxi l-prodotti taxxabbli kkonċernati, l-użi li jagħmluhom taxxabbli u l-livelli minimi ta' tassazzjoni applikabbli għal kull prodott skond jekk jiġix użat bħala propellant , għal ċerti skopijiet industrijali u kummerċjali jew għat-tisħin. Jekk nieħdu l- gas oil u l-petrol bla ċomb, l-istruttura tat-taxxi tas-sisa biss hija armonizzata madwar il-Komunità, skond il-livelli minimi li ġejjin:

F'euros għal kull 1000 l | l-1 ta' Jannar 2004 | l-1 ta' Jannar 2010 |

Petrol bla ċomb | 359 | 359 |

Gas oil (dijżil) | 302 | 330 |

L-ETD jagħti wkoll il-possibilità lill-Istati Membri biex jikkreaw livell speċifiku ta' tassazzjoni għal- gas oil (diżakkoppjament), sakemm il-livelli minimi jiġu osservati u r-rata għal- gas oil kummerċjali ma taqax taħt il-livell nazzjonali ta' tassazzjoni fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003.

Fil-każ li jixtiequ jistabbilixxu rata għal- gas oil kummerċjali taħt il-livell nazzjonali ta' tassazzjoni fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003, l-Artikolu 7(4) ta' l-ETD jagħmilha possibbli biex jagħmlu hekk - sakemm il-livelli minimi jiġu rispettati - billi jintroduċi imposti għall-utenti tat-triq, sakemm il-piż tat-taxxa in ġenerali jibqa' l-biċċa l-kbira ekwivalenti. Madankollu, din il-possibiltà hija fil-prattika miftuħa biss għar-Renju Unit, għax huwa l-uniku Stat Membru li jivverifika r-rekwiżit addizzjonali skond liema l-livell nazzjonali ta' tassazzjoni fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003 għal- gas oil użat bħala propellant għandu jkun talanqas id-doppju tal-livell minimu ta' tassazzjoni applikabbli fl-1 ta' Jannar 2004.

Dan ir-rekwiżit finali kien partikolarment ta' tagħwiġ minħabba li żamm l-interazzjoni tal-politika dwar it-tassazzjoni bejn l-Istati Membri li twassal għal tnaqqis tad-diverġenzi fit-taxxi. Għall-Istati Membri (minbarra r-Renju Unit) t-tassazzjoni 'l fuq mill-minimu fl-2003, l-unika possibiltà bħalissa għad-diżakkoppjament hija billi tiżdied ir-rata applikata fuq it-traffiku mhux kummerċjali. Meta l-fatturi l-oħra jkunu l-istess, dan ma jistax jgħin biex inaqqas id-differenzi eżistenti bejn l-Istati Membri fir-rati tal- gas oil kummerċjali u jżid biss id-differenzi fir-rati tal- gas oil mhux kummerċjali, li mbagħad jista' jżid it-turiżmu tat-tank li jsir minn karrozzi privati. Għall-pajjiżi li fl-2003 diġà kellhom livell għoli ta' tassazzjoni fir-realtà ma hemm ebda spazju għal manuvra sabiex jitnaqqas it-tagħwiġ eżistenti skond id-dispożizzjonijiet eżistenti.

- Konsistenza ma’ politika u għanijiet oħra ta’ l-Unjoni

Sabiex tagħmel aktar biex tikkonfronta 'l dawk li jużaw it-trasport bi spejjeż reali u sabiex tibdel l-istruttura tal-prezzijiet, il-'White Paper' Il-politika Ewropea dwar it-trasport għall-2010 : żmien li niddeċiedu , tindika żewġ azzjonijiet addizzjonali:

- l-armonizzazzjoni tal-klawsoli minimi fil-kuntratti li jirregolaw l-attivitajiet tat-trasport sabiex it-tariffi jkunu jistgħu jiġu riveduti jekk jiżdiedu l-ispejjeż (eż. żieda fil-prezz tal-fjuwil) u,

- id-definizzjoni tal-prinċipji komuni għall-prezz ta' l-użu ta' l-infrastruttura li tkopri l-mezzi ta' trasport differenti.

L-ewwel azzjoni kienet eżaminata permezz ta' valutazzjoni ta' l-impatt fl-2005. Filwaqt li ħames għażliet alternattivi ta' politika ġew identifikati[11], l-ewwel valutazzjoni waslet għal aktar analiżi abbażi ta' tliet orjentazzjonijiet prinċipali : i) emenda għar-Regolament (KEE) Nru 4058/89[12], ii) ebda bidla fil-politika, iii) armonizzazzjoni tat-taxxi tal-fjuwil bil-klawsoli kuntrattwali minimi. Ir-riżultati ta' l-analiżi ta' l-impatt ikkonfermaw lill-Kummissjoni il-ħtieġa li tagħmel proposta biex timmodifika arranġamenti speċjali ta' taxxa għall- gas oil użat għal skopijiet kummerċjali.

It-tieni, dwar ħlasijiet għall-infrastruttura, il-Kummissjoni teħtieġ li tippreżenta sa Ġunju 2008, wara li tkun eżaminat l-għażliet kollha inkluż l-ambjent, l-istorbju u l-ispejjeż relatati mal-konġestjoni u mas-saħħa, qafas applikabbli għall-valutazzjoni ta' spejjeż esterni għall-mezzi kollha ta' trasport li għandu jservi bħala bażi għall-kalkoli ta' ħlasijiet tal-ġejjieni għall-infrastruttura[13]. Din il-proposta tqis l-iżviluppi possibbli fil-ġejjieni tal-ħlasijiet għall-infrastruttura, minħabba li toffri aktar flessibilità għall-implimentazzjoni mill-Istati Membri kemm tat-taxxi tas-sisa kif ukoll ta' imposti tat-triq, filwaqt li tevita t-tassazzjoni doppja u mingħajr ma timponi piżijiet żejda fuq l-operaturi.

IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT

- Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-metodi ta' konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali tar-rispondenti

Fl-20 ta' Lulju 2006 ġie ppubblikat stħarriġ bil-miktub fuq il-websajt tal-Kummissjoni li stieden il-pubbliku biex jagħti l-kontribut tiegħu għad-diskussjoni, jiġbor it-tweġibiet rilevanti u jgħin lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' politika dwar il- gas oil kummerċjali. Il-kummenti ntalbu sat-30 ta' Settembru 2006. B'mod parallel, il-Kummissjoni bagħtet kwistjonarji aktar dettaljati lir-rappreżentanti tal-partijiet interessati prinċipali (l-assoċjazzjonijiet tat-trasport bit-triq (kemm internazzjonali kif ukoll nazzjonali), l-assoċjazzjonijiet ta' l-industrija tal-karozzi u l-assoċjazzjonijiet ta' l-industrija tal- petroleum ). Daħlu total ta' 52 kontribut esterni b'risposta għall-konsultazzjoni. 37 minnhom ġew minn federazzjonijiet nazzjonali jew assoċjazzjonijiet, 7 ġew minn korpi Ewropej jew korpi internazzjonali, 7 min-negozju u wieħed ġie minn ċittadin privat. Is-settur ta' l-industrija li l-aktar irreaġixxa għall-konsultazzjoni kien is-settur tat-trasport tal-merkanzija, li rrappreżenta aktar minn nofs it-tweġibiet. Stazzjonijiet ta' tankijiet (jew ta' servizz) u l-parteċipazzjoni fl-industrija tal- petroleum ammontaw għal aktar minn 10% tat-tweġibiet. Setturi oħrajn, bħal industrija ta' l-awtomobili, portijiet marittimi, operaturi tas-sengħa manwali u impriżi tal-ferroviji ipparteċipaw ukoll.

Ġabra fil-qosor tat-tweġibiet u kif ġew ikkunsidrati

L-industrija tat-trasport tal-merkanzija laqgħu bi ħġarhom l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Il-maġġoranza tat-trasportaturi tal-merkanzija jappoġġjaw is-sitwazzjoni ta' bħalissa. L-għażla ppreferuta hija l-armonizzazzjoni totali fil-ġejjien l-aktar qrib (2018 jidher 'l bogħod wisq) u, jekk ikun possibbli, fuq livell aktar baxx. Jekk din l-għażla ma tkunx realisitka, jista' jkun il-każ li jaċċettaw approssimazzjoni mtejba bħala soluzzjoni interim li toqrob lejn l-armonizzazzjoni jew bħala t-tieni l-aħjar għażla.

Ir-rappreżentanti ta' l-industrija tal-karrozzi għarfu li s-sitwazzjoni preżenti mhix sodisfaċenti minn perspettiva ta' suq intern. Madankollu, mhumiex konvinti li l-kobor tal-problemi huwa tali li jirrikjedi bidla fis-sistemi tat-tassazzjoni fuq il-fjuwil. Jippreferixxu l-għażla ta' ebda bidla minn kwalunkwe mill-għażliet oħra proposti.

Fuq livell Ewropew, ir-rappreżentanti ta' l-industrija tal- petroleum adottaw qagħda newtrali fir-rigward ta' l-għażliet proposti. Madankollu, fejn jinsabu f'pajjiżi li jintaxxaw bl-għoli, ir-rappreżentanti ta' l-istallazzjonijiet tat-tankijiet jappoġġjaw approssimazzjoni jew, aħjar ukoll, armonizzazzjoni totali.

Il-Kummissjoni qieset it-tweġibiet. |

- Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert

Minbarra l-konsultazzjoni komprensiva mal-partijiet interessati għall-valutazzjoni ta' l-impatt, id-dokumenti ta' pożizzjoni u l-artikoli ttieħdu f'kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni użat ir-riżultati ta' tliet mudelli sabiex tevalwa l-impatti (Tremove, il-mudell tat-teknoloġiji tat-trasport IPTS (Poles) u TRANSTOOLS).Il-valutazzjoni ta’ l-impatt

Sabiex teżamina kif il-problema tad-differenzi fil-livelli tat-taxxa fuq il- gas oil kummerċjali tista' tiġi indirizzata, il-Kummissjoni bdiet billi vvalutat tliet metodi bażiċi.

L-ewwel metodu (għażla A) jikkonsisti fin-nuqqas ta' aktar interventi fuq livell Komunitarju (l-għażla ta' ebda bidla fil-politika). Dan ma jsolvix il-problema ta' tagħwiġ tal--kompetizzjoni eżistenti bħalissa fis-suq tat-trasport tal-merkanzija, li għandu konsegwenzi fl-ishma tas-suq u fl-impjieg (żieda fl-Istati Membri li jintaxxaw bil-baxx għad-detriment ta' l-Istati Membri li jintaxxaw bl-għoli). L-għażla A ma tindirizzax il-problema ta' tibdiliet fir-rotta, li rriżultaw f'konsum totali ta' 42 500 miljun litru ta' fjuwil bejn l-2007 u l-2030 u ta' emissjonijiet relatati li jniġġsu (2.2 miljun tunnellata ta' CO2). Għalhekk din ma kinitx għażla li l-Kummissjoni għażlet li ssegwi.

It-tieni għażla (għażla B) tikkonsisti fl-ipprogrammar ta' armonizzazzjoni totali bejn l-Istati Membri tat-taxxi tas-sisa fuq il- gas oil kummerċjali. Fl-2018, il-livell waħdieni jkun ta' € 400/1000 l. Barra minn hekk, ir-rata tat-taxxa fuq il-petrol bla ċomb ma tkunx anqas mir-rata applikata fuq il -gas oil kummerċjali. Armonizzazzjoni totali hija l-għażla li tippermetti tnaqqis massimu fit-tagħwiġ tal-kompetizzjoni, mingħajr ma żżid bil-wisq l-ispejjeż amministrattivi. Madankollu, din l-għażla tobbliga lil 22 Stat Membru jżidu t-taxxa tas-sisa tagħhom fuq il- gas oil kummerċjali sakemm tilħaq il-livell ta' €400/1000 l u lil 5 Stati Membri biex inaqqsu r-rati tat-taxxa tagħhom. Dan iwassal għal żieda fir-rata fuq il-petrol bla ċomb għal 9 Stati Membri sa mill-2014 u jista' jwassal għal żieda fit-taxxa tas-sisa mhux kummerċjali f'żewġ Stati Membri (fil-każ tal-Ġermanja u r-Renju Unit dawn iddeċidew li jikkumpensaw għat-tnaqqis importanti fir-rata kummerċjali b'żieda fir-rata mhux kummerċjali). Din l-għażla tkun waħda newtrali għall-industrija tal-karozzi. Mill-perspettiva ambjentali, l-għażla B twassal għal żieda żgħira fil-konsum tal- gas oil , tnaqqis żgħir fil-konsum tal-petrol bla ċomb u żieda żgħira ħafna fl-emissjonijiet li jniġġsu (fil-każ li t-turiżmu tal-fjuwil ma jitteħidx f'kunsiderazzjoni). Madankollu, peress li hija l-għażla li l-aktar li tnaqqas it-tibdiliet fir-rotot, hija wkoll l-aktar waħda li tnaqqas il-livelli minimi ta' l-emissjonijiet relatati tas-CO2 (0.1 miljun tunnellatai), tas-sustanzi tat-tniġġis u ta' l-evażjoni tat-taxxa. Mill-perspettiva soċjali, din hija l-għażla li jista' jkollha l-akbar impatt (għalkemm aktarx tibqa' modesta), b'anqas konġestjoni u inċidenti fit-toroq, anqas siegħat ta' xogħol għas-sewwieqa u l-akbar, għalkemm modesti, bidliet fl-impjieg fuq livelli reġjonali/nazzjonali. Madankollu, l-għażla B jkollha l-akbar impatt negattiv fuq il-baġits (-€71.8 biljun bejn l-2007 u l-2030, mnaqqsa għal -€58.2 biljun jekk jittieħed f'kunsiderazzjoni it-tnaqqis fit-turiżmu tal-fjuwil). Din kienet ukoll ikkunsidrata bħala mhux realistika min-naħa politika. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, din l-għażla ma kinitx segwita mill-Kummissjoni.

It-tielet għażla (għażla C) tikkonsisti fl-approssimazzjoni mtejba tat-taxxi tas-sisa applikabbli fuq il- gas oil kummerċjali. Firxa ta' varjazzjonijiet tiġi stabbilita fuq livell Komunitarju, b'taxxa minima u massima. L-Istati Membri jkollhom jistabbilixxu livell ta' tassazzjoni applikabbli għall- gas oil kummerċjali fi ħdan il-firxa. Il-wisa' ta' din il-firxa ta' varjazzjonijiet għandha tonqos progressivament sakemm tilħaq € 100 sa l-2010. Sabiex tagħti lill-Istati Membri biżżejjed żmien biex jibbenefikaw mill-perjodi tranżitorji għall-adattament, l-għażla C iżżomm il-livelli minimi attwali stabbiliti mill-ETD bħala l-linja ta' bażi għall-firxa ta' varjazzjonijiet sa l-2013. Sussegwentement, żewġ għażliet sekondarji oħra ġew eżaminati: (i) mill-1 ta' Marzu 2013, il-firxa tiġi moħtija indiċijiet (għażla C1) jew (ii) il-firxa tibqa' stabbli iżda jkollha livell minimu aktar għoli minn dak stabbilit bħalissa bid-Direttiva tat-Taxxa fuq l-Enerġija i.e. € 359 għal kull 1000 litru, l-istess livell minimu li japplika għall-petrol bla ċomb (għażla C2). Fl-għażliet C1 u C2, ir-rata tat-taxxa nazzjonali fuq il-petrol bla ċomb ma tkunx anqas mir-rata applikata fuq il- gas oil kummerċjali. Il-valutazzjoni ta' l-impatt wriet li kull waħda minn dawn il-varjazzjonijiet ta' l-għażla C għandha żvantaġġi. Għalhekk ġie kkunsidrat xieraq, li d-data ta' l-implimentazzjoni ta' l-għoti ta' indiċijiet (għażla C1) u ta' l-ekwalizzazzjoni mal-petrol bla ċomb (C2) titressaq 'l quddiem għall-2012 u li tiżdied il-ħames għażla (C2+), fid-dawl tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u tas-simulazzjonijiet ekonometriċi. Fit-tliet għażliet sekondarji ta' C, dawk l-Istati Membri li jibbenefikaw minn perjodi ta' tranżizzjoni se jkollhom jirrispettaw ir-rati l-ġodda biss meta jiskadilhom il-perjodu ta' tranżizzjoni.

L-għażla C2+ tikkonsisti billi jiżdied il-livell minimu għal- gas oil għal € 359/1000 l fl-2012, u sussegwentement għal € 380 fl-2014 , sabiex tiġi evitata erożjoni mħaffa tar-rata tat-taxxa f'termini reali u biex it-tagħwiġ tal--kompetizzjoni jonqos aktar. L-għażla C2+ ma tinkludiex firxa ta' varjazzjonijiet u għalhekk ebda livell minimu. Fl-għażliet C1 u C2, ir-rata tat-taxxa nazzjonali fuq il-petrol bla ċomb ma tkunx anqas mir-rata nazzjonali applikata fuq il- gas oil .

Minbarra dan, biex tinżamm konformità ma' politiki oħra tal-Komunità, biex jiġu faċilitati l-implimentazzjoni u d-diżakkoppjament u sabiex it-tnaqqis fid-differenzi tat-taxxa jibda jsir fil-prattika, l-għażliet C1, C2 u C2+ jipprevedu l-modifikazzjoni ta' l-Artikolu 7(4) ta' l-ETD u jipprovdu li Stati Membri, li japplikaw jew li jdaħħlu sistema ta' imposti għall-utenti tat-triq fuq vetturi bil-mutur li jużaw il- gas oil kummerċjali, jistgħu japplikaw rata fuq il- gas oil użat mit-tali vetturi iktar baxx mil-livell nazzjonali ta' tassazzjoni fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003, sakemm il-piż ġenerali tat-taxxa jibqa' jkun il-biċċa l-kbira ekwivalenti, u sakemm il-livell minimu Komunitarju applikabbli għal- gas oil kummerċjali jiġi osservat. Ir-rekwiżit stabbilit bl-Artikolu 7(4) skond liema l-livell nazzjonali ta' tassazzjoni fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003 għal- gas oil użat bħala propellant għandu jkun talanqas id-doppju tal-livell minimu ta' tassazzjoni applikabbli fl-1 ta' Jannar 2004 ma jinżammx.

Valutazzjoni tal-għażliet C:

L-għażla C1 u l-għażla C2 jimplikaw żieda fit-taxxa tas-sisa fuq il- gas oil fi 18-il Stat Membru sa l-2004, kontra l-21 f'għażla C2+. Mentri l-għażla C2 ma jkollha l-ebda influwenza fuq it-taxxi tas-sisa tal-petrol bla ċomb, C1 u C2 iwasslu għal żieda fit-taxxa tas-sisa tal-petrol bla-ċomb f'9 Stati Membri, mill-2016 (C1) u l-2014 (C2+). Peress li ma tinkludix firxa ta' varjazzjonijiet u għalhekk ebda livell massimu, l-għażla C2+ ma għandu jkollha l-ebda effett fuq it-taxxa tas-sisa tal- gas oil mhux kummerċjali. It-tliet għażliet jippermettu tnaqqis fit-tagħwiġ tal-kompetizzjoni. Meta kollox jitqies bl-istess mod, peress li l-livell minimu ta' tassazzjoni fuq il- gas oil kummerċjali jiżdied aktar taħt l-għażla C1 milli taħt C2 fuq il-medda twila, C1 tippermetti tnaqqis fid-differenzi b'mod aktar wiesgħa milli taħt C2. F'C2+, l-ammont tat-tnaqqis ikun jiddependi fuq ir-reazzjonijiet ta' l-Istati Membri li bħalissa jintaxxew bl-għoli. Fil-każ li jiddeċiedu li jnaqqsu r-rati tagħhom u jintroduċu imposti għall-użu tat-toroq, it-tnaqqis fid-differenzi tat-tassazzjoni jkun ukoll akbar min dak taħt C2, minħabba l-livell minimu ogħla. L-ispejjeż amministrattivi jkunu bejn wieħed u ieħor l-istess bħal f'għażla B u ma jidhirx li għandha tkun kwistjoni li tħasseb l-industrija. L-impatt fuq l-industrija tal-karozzi, imkejjel f'termini ta' petrol mingħajr ċomb u l-istokk ta' vetturi li jaħdmu bil- gas oil , jidher li huwa żgħir ħafna fl-għażliet kollha. L-ebda waħda mill-għażliet ma għandha jkollha impatt sinifikanti fuq id-domanda tat-trasport jew fuq il-bidla modali. Kollha kemm huma jista' jkollhom effetti żgħar pożittivi ta' natura soċjali, f'dak li hu tnaqqis fil-konġestjoni, inċidenti u siegħat tax-xogħol għas-sewwieqa, iżda inqas milli taħt l-għażla B li tabilħaqq tista twassal għall-akbar tnaqqis possibbli fit-tibdiliet tar-rotta. Fejn jidħol l-impjieg, dawn l-għażliet kollha jistgħu jwasslu għal xi ċaqliqa fuq livell reġjonali/nazzjonali iżda ma għandha tidher ebda bidla fuq livell Ewropew, jekk l-fatturi l-oħra jkunu l-istess.

L-akbar tliet differenzi bejn dawn it-tliet għażliet jikkonċernaw il-konsum tal-fjuwil, l-impatt fuq l-ambjent, l-impatt fuq it-turiżmu tal-fjuwil u l-impatt baġitarju. Filwaqt li l-għażliet C1 u C2 iwasslu għal żidiet żgħar fil-konsum tal- gas oil u jnaqqsu l-l-konsum tal-petrol bla ċomb (meta wieħed jikkunsidra l-limitu ta' fuq it-tassazzjoni tal- gas oil ), C2+ hija l-unika għażla li tippermetti li l-konsum kemm tal- gas oil kif ukoll tal-petrol bla-ċomb jonqos. Min-naħa ambjentali, C2+ tikkontribwixxi aktar għall-internalizzazzjoni ta' l-esternalitajiet milli C2, minħabba li l-livelli minimi huma ogħla. Mingħajr ma' jitqies it-turiżmu tal-fjuwil, C2 hija l-unika għażla li tnaqqas is-sustanzi tat-tniġġis fl-arja. It-turiżmu tal-fjuwil u l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja relatati jonqsu fit-tliet għażliet kollha (bl-aktar mod estensiv f'għażla C1 b'0.6 miljun tunellata ta' emissjonijiet). Fl-għażla C2+, it-turiżmu tal-fjuwil jista' jitnaqqas għal livell aktar baxx taħt C1 jekk il-Ġermanja u l-Ingilterra (l-Istati Membri li għandhom l-ogħla livelli ta' taxxa fuq il- gas oil bħalissa) jiddeċiedu li jnaqqsu r-rata kummerċjali bl-introduzzjoni ta' imposti għall-utenti tat-toroq. Mill-perspettiva baġitarja, l-impatt baġitarju totali (e.g. meta jitqies it-tnaqqis fit-turiżmu tal-fjuwil) ikun rispettivament – € 38.3 biljun (C1), -€ 46.8 biljun (C2) u +€ 40.3 biljun (C2+). Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummisjoni ddeċidiet li tipproponi l-għażla C2+.

L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

- Sinteżi ta’ l-azzjoni proposta

Din il-proposta ġdida ser timmodifika d-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija billi żżid il-livelli minimi ta' tassazzjoni fuq il- gas oil stabbiliti fuq livell Komunitarju. Mill-2012 'l quddiem il-livell minimu ta' tassazzjoni ikun identiku għal-livell minimu li jkun diġà applikabbli għall-petrol bla ċomb (€ 359/1000 l), sabiex jirrifletti l-fatt li dawn iż-żewġ fjuwils huma ta' ħsara għall-ambjent b'mod indaqs. Mill-2014 'l quddiem, il-livell minimu ta' tassazzjoni għal- gas oil jiżdied (€ 380/1000 l), sabiex jiġi evitat erożjoni importanti fil-valur tiegħu attwali u biex jitnaqqas aktar it-tagħwiġ (distortions).

Diżakkoppjament tat-taxxa fuq il- gas oil kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali għandu jkun volontarju iżda mhux obbligatorju. Għall-Istati Membri li jagħmlu distinzjoni bejn użu kummerċjali u mhux kummerċjali tal- gas oil użat bħala propellant , għandu jiġi kkjarifikat li l-livell nazzjonali ta' tassazzjoni għall- gas oil mhux kummerċjali wżat bħal propellant ma għandux ikun anqas mil-livell nazzjonali applikat għall- gas oil kummerċjali minn dak l-Istat Membru. L-istess għandu japplika għar-relazzjoni bejn il-petrol bla ċomb u l- gas oil kummerċjali.

Sabiex il-mekkaniżmu jiġi ċċarat aktar b'eżempju, għal Stat Membru li diġà qed jirrispetta l-livelli minimi applikabbli għall-2010 u qed jintaxxa l- gas oil kummerċjali bit-€ 340 għal kull 1000 l, il- gas oil mhux kummerċjali bil-€ 350 għal kull 1000 l u l-petrol bla ċomb bil-€ 370 għal kull 1000 l, il-proposta jkollha dan l-effett:

- Fl-2012, ir-rata għall- gas oil kummerċjali tiżdied bil-€ 359 għal kull 1000 l. Ir-rata tal- gas oil mhux kummerċjali għandha għalhekk tkun ugwali għal jew aktar minn € 359 kull 1000 l. Inkella, il- gas oil mhux kummerċjali ikun qed jiġi ttrattat b'mod aktar favorevoli mill- gas oil kummerċjali, meta ma hemm ebda raġuni ta' natura ambjentali jew ta' tagħwiġ ta' kompetizzjoni li tiġġustifika tali trattament favorevoli. Din iż-żieda ma jkollha ebda effett fuq it-tassazzjoni tal-petrol bla ċomb, minħabba li l-livell ġdid minimu għall- gas oil kummerċjali mill-2012 ikun l-istess minimu bħal tal-petrol bla ċomb.

- Fl-2014, il-livell minimu għall- gas oil kummerċjali jiżdied b'€ 380 kull 1000 l. Ir-rata tal- gas oil mhux kummerċjali għandha tkun ugwali għal jew aktar minn € 380 kull 1000 l. Ir-rata għall-petrol bla ċomb ukoll ikollha tkun ugwali għal jew aktar minn[14] € 380 kull 1000 l. Mill-ġdid, dawn il-bidliet huma konsegwenza taż-żieda fir-rati tal- gas oil kummerċjali. Inkella l- gas oil mhux kummerċjali u l-petrol bla ċomb jiġu ttrattati b'mod aktar favorevoli mill- gas oil kummerċjali, meta ma hemm ebda raġuni ta' natura ambejntali jew ta' tagħwiġ tal--kompetizzjoni li tiġġustifika tali trattament favorevoli.

It-tip ta' fjuwil | 2010 | 2012 | 2014 |

Gas oil kummerċjali | 340 | 359 | 380 |

Gas oil mhux kummerċjali | 350 | ≥ 359 | ≥ 380 |

Petrol bla ċomb | 370 | 370 | ≥ 380 |

Minbarra dan, it-test propost jgħin sabiex l-Istati Membri kollha jnaqqsu r-rati ta' tassazzjoni tagħhom għal taħt il-livell ta' l-1 ta' Jannar 2003, sakemm jirrispettaw il-livell minimu ta' tassazzjoni u sakemm japplikaw jew idaħħlu sistema ta' imposti għall-utenti tat-triq, sabiex il-piż ġenerali tat-taxxa jibqa' jkun il-biċċa l-kbira ekwivalenti (cf. deskrizzjoni hawn fuq ta' l-għażla C2+). B'hekk, aktar Stati Membri jkunu jistgħu jifirdu r-rabta bejn il- gas oil kummerċjali u dak mhux kummerċjali billi jżommu r-rata mhux kummerċjali kostanti u billi jnaqqsu r-rata kummerċjali tagħhom.

Il-perjodi ta' tranżizzjoni mogħtija bid-Direttivi 2003/96/KE, kif emendati bid-Direttivi 2004/74/KE u 2004/75/KE u fit-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma' l-Unjoni Ewropea, jinżammu u jiġu ssupplementati. F'dan ir-rigward, għal dawk l-Istati Membri li jibbenefikaw minn perjodi ta' tranżizzjoni, iż-żiediet għandhom jiddaħlu kull sentejn, jiġifieri li ż-żieda għal € 359 għandha sseħħ kull sentejn war t-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni li fiha kellha tintlaħaq il-prezz ta' € 330 filwaqt li ż-żieda għal € 380 għandha sseħħ kull sentejn wara t-tmiem tal-perjodu tas-sentejn ta' qabel.

Fl-aħħarnett, ir-rata tat-taxxa fuq il- gas oil kummerċjali għandu jiġi applikat fuq il-livell ta' l-Istat Membru permezz ta' mekkaniżmu ta' ħlas lura, li l-prattikalitajiet tiegħu jiġu definiti fuq livell Komunitarju. Sistema ta' ħlas lura tidher li hija l-uniku mezz prattiku biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni kontra kummerċjanti mhux stabbiliti.

- Il-bażi legali

L-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE.

- Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarità japplika.

L-Artikolu 93 tat-Trattat jistabbilixxi li l-Kunsill jadotta dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni li jikkonċernaw it-taxxa tas-sisa sakemm armonizzazzjoni bħal din tkun meħtieġa biex jiġi żgurat l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

Kif ġiet dikjarata fil-valutazzjoni ta' l-impatt, approssimazzjoni mtejba tar-rati tat-taxxa permezz ta' strumenti Komunitarji għandha tindirizza il-kwistjoni ta' kompetizzjoni inġusta b'mod effiċjenti u għandha tnaqqas it-tagħwig tal-kompetizzjoni. Aktar minn hekk għandha tikkontribwixxi sabiex jonqsu it-tibdiliet fir-rotot li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Din l-proposta, billi żżid il-livelli minimi ta' rata ta' tassazzjoni, ser tindirizza dawn il-problemi. Jekk nassumu li l-Istati Membri ma jbiddlux l-istrateġija fiskali tagħhom[15], il-pajjiżi kollha minbarra tnejn ikollhom taxxi tas-sisa għal gas oil minn € 380 sa € 420/1000 1 sa l-2014, filwaqt li l-pajjiżi kollha li jirrispettaw il-livell minimu minbarra l-Ġermanja u r-Renju Unit bħalissa għandhom firxa ta' bejn € 302 sa 420.

Min-natura tagħha stess, azzjoni bħal din tista' ssir biss permezz ta' l-Unjoni. Kif deher mid-daqqiet tal-prezzijiet taż-żejt tal-passat kif ukoll tal-preżent, meta seħħew varjazzjonijiet erratiċi fil-prezzijiet taż-żejt mhux maħdum, id-differenzi bejn it-taxxi fuq il-fjuwil tal- gas oil fl-Istati Membri differenti saret kwistjoni aktar u aktar sensittiva. It-teħid ta' miżuri unilaterali mill-Istati Membri jhedded li jikkaġuna ġirja għal livell minimu fil-qasam fiskali, li sservi biss biex toħloq aktar u aktar problemi fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Ministri kemm-il darba għamluha ċara li metodi komuni biss jevitaw it-taqlib fiskali u t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni.

Barra minn hekk, hemm il-ħtieġa ta' Att Komunitarju li jagħmel id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija aktar flessibbli sabiex tippermetti d-diżakkopjjament għat-tnaqqis fid-differenzi bejn ir-rati, billi jemenda l-Artikolu 7(4) u b'hekk jiftaħ il-flessibilità ta' kumpens bejn l-imposti tat-taxxa u tat-triq għall-Istati Membri kollha.

- Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Emenda fid-Direttiva dwar it-taxxa fuq l-Enerġija tinkiseb l-aħjar permezz ta' proposta għal Direttiva. Direttiva tagħti l-flessibilità meħtieġa lill-Istati Membri sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom kif ukoll il-ħtiġijiet ta' l-operaturi ekonomiċi tagħhom.

L-esperjenza ta' diversi Stati Membri tindika li l-ġestjoni ta' l-applikazzjoni ta' rata tat-taxxa għall- gas oil kummerċjali hija sempliċi kemm għall-operaturi kif ukoll għall-awtorijaiet pubbliċi meta jintuża mekkaniżmu ta' ħlas lura. Dan ta' l-aħħar huwa mdaħħal fil-proposta.

- L-għażla ta’ l-istrumenti

Strument propost: Direttiva.

Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba li dan il-qasam huwa diġà kopert bid-Direttiva. Hija ċara li ko-regolazzjoni jew awto-regolazzjoni ma tkunx biżżejjed biex issolvi l-problema. F'dan il-każ partikolari, Direttiva toffri lill-partijiet interessati mekkaniżmu xieraq għal implimentazzjoni.

- L-Implikazzjoni għall-baġit

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità.

2007/0023 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2003/96/KE fir-rigward ta' l-aġġustamenti ta' arranġamenti speċjali ta' taxxa fuq il- gas oil li jintuża bħala fjuwil tal-magna għal skopijiet kummerċjali u għall-koordinazzjoni tat-tassazzjoni tal-petrol bla ċomb u tal- gas oil li jintużaw bħala fjuwil tal-magni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[16],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[17],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali[18],

Billi:

(1) Il- White Paper tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2001, Il-Politika Ewropea dwar it-trasport għall-2010: żmien li niddeċiedu[19], jistqarr li l-armonizzazzjoni tar-rati tat-taxxa nazzjonali applikati għal gas oil li jintuża għal skopijiet kummerċjali għandha jtejjeb is-sostenibilità tat-trasport bit-triq.

(2) Fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Inżommu lill-Ewropa miexja - Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna - Reviżjoni f’nofs il-perjodu tal- White Paper dwar it-Trasport tal-Kummissjoni Ewropea għall-2001[20], il-Kummissjoni tiddikjara li l-politika dwar it-trasport issegwi l-għan tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet CO2 u tisħaq li l-obbligi internazzjonali dwar l-ambjent, inkluż dawk taħt il-protokoll ta' Kjoto, għandom jiġu integrati fil-politika dwar it-trasport. Kunsiderazzjonijet simili japplikaw għall-politika tat-taxxa relatata mat-trasport.

(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u ta' elettriku[21] tistabbilixxi l-qafas tat-taxxa għal fjuwils użati bħala propellant . Tippermetti d-diżakkopjjament ta' arranġamenti tat-taxxa għal fjuwils użati għal skopijiet kummerċjali u għal skopijiet oħrajn taħt ċerti kundizzjonijiet.

(4) Filwaqt li l-fjuwil jirrappreżenta proporzjon kbir ta' l-ispejjeż ta' ġestjoni ta' negozju tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, jistgħu jiġu osservati diverġenzi kbar fil-livell ta' tassazzjoni applikat fuq gas oil mill-Istati Membri. Dawn id-diverġenzi jwasslu għal turiżmu tal-fjuwil u tagħwiġ tal-kompetizzjoni. Approssimazzjoni mtejba fuq livell Komunitarju tal-livell ta' tassazzjoni applikabbli għal gas oil kummerċjali għandha tindirizza l-kwistjoni ta' kompetizzjoni inġusta b'mod effiċjenti u eventwalment għandha tirriżulta fil-funzjonament imtejjeb tas-suq intern u tnaqqis fil-ħsara ta' l-ambjent.

(5) Il-valutazzjoni ta' l-impatt li saret mill-Kummissjoni wriet li l-aħjar mod biex tiġi implimentata l-approssimazzjoni mtejba fil-livelli ta' tassazzjoni fuq il- gas oil kummerċjali jikkonsisti minn żieda fil-livell minimu ta' gas oil kummerċjali, billi tgħaqqad flimkien it-tnaqqis fit-tagħwiġ tal-kompetizzjoni u t-turiżmu tal-fjuwil li jirriżulta kif ukoll fil-konsum ġenerali. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stipulat li mill-2012 'l quddiem il-livell minimu ta' tassazzjoni fuq il- gas oil ikun ugwali għal-livell minimu ta' tassazzjoni li jkun diġà applikabbli għall-petrol bla ċomb, sabiex jirrifletti l-fatt li dawn iż-żewġ fjuwils huma ta' ħsara għall-ambjent b'mod indaqs. Mill-2014 'l quddiem, il-livell minimu ta' tassazzjoni għandu jkun € 380 għal kull 1000 l, sabiex jikkontribwixxi għaż-żamma kostanti tal-livell minimu f'termini reali u biex jonqsu aktar it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni u l-ħsara ta' l-ambjent.

(6) Mill-perspettiva ambjentali, jidher xieraq, f'dan l-istadju, li jiġu stabbiliti l-istess livelli minimi għat-tassazzjoni fuq il-petrol bla ċomb u fuq il- gas oil. Ma hemm ebda raġuni valida għalfejn il-livelli nazzjonali ta' tassazzjoni għal- gas oil u għall-petrol bla ċomb għandhom jiġu stabbiliti taħt il-livelli nazzjonali applikabbli fuq il- gas oil kummerċjali. Għall-Istati Membri li jagħmlu distinzjoni bejn użu kummerċjali u mhux kummerċjali tal- gas oil użat bħala propellant , għandu għalhekk jiġi kkjarifikat li l-livell nazzjonali ta' tassazzjoni għal gas oil mhux kummerċjali wżat bħal propellant mgħandux ikun anqas mil-livell nazzjonali applikat għal gas oil kummerċjali minn dak l-Istat Membru. L-istess għandu japplika għar-relazzjoni bejn il-petrol bla ċomb u gas oil kummerċjali wżat bħala propellant .

(7) Ċerti Stati Membri ġew mogħtija perjodi ta' tranżizzjoni sabiex ikunu jistgħu jadattaw mingħajr xkiel għall-livelli ta' tassazzjoni stabbiliti bid-Direttiva 2003/96/KE. Għall-istess raġunijiet, dawn il-perjodi ta' tranżizzjoni għandhom jiġu ssupplementati fir-rigward ta' din id-Direttiva.

(8) Sa fejn din id-Direttiva taffettwa l-livelli ta' tassazzjoni fl-Istati Membri u, bħala riżultat, il-miżuri eżistenti ta' għajnuna Statali, din id-Direttiva ma teżonerax l-Istati Membri mill-ħtieġa, fejn japplika, li jaġġustaw il-miżuri nazzjonali tagħhom u li jagħtu notifikazzjoni dwar il-bidla lill-Kummissjoni skond ir-regoli ta' l-għajnuna Statali.

(9) Id-differenzazzjoni bejn ir-rati tat-taxxa għal gas oil kummerċjali u gas oil mhux kummerċjali għandha tiġi implimentata permezz ta' mekkaniżmu ta' ħlas lura li mgħandux ikun diskriminatorju. Sett ta' prinċipji komuni applikabbli f'din il-kwistjoni għandu jiġi stabbilit fuq livell Komunitarju, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw proċeduri ta' ħlas lura bejn il-fruntieri.

(10) Il-possibilità li l-Istati Membri jiffissaw rata mnaqqsa fuq gas oil għal skopijiet kummerċjali taħt il-livell minimu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003, meta tiġi introdotta jew applikata sistema ta' imposti għall-utenti tat-triq li tirriżulta f'piż ġenerali ta' taxxa li jkun il-biċċa l-kbira ekwivalenti, għandha tiġi estiża. Għal dan il-għan u fid-dawl ta' l-esperjenza, ikun xieraq li ma jinżammx ir-rekwiżit skond liema l-livell nazzjonali ta' tassazzjoni fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003 għal gas oil użat bħala propellant għandu jkun talanqas id-doppju tal-livell minimu ta' tassazzjoni applikabbli fl-1 ta' Jannar 2004.

(11) Peress li l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri li tiġi mtejba l-approssimazzjoni tat-tassazzjoni applikabbli fuq gas oil kummerċjali bl-iskop li jitnaqqas t-tagħwiġ serju tal-kompetizzjoni li jaffettwa s-swieq tat-trasportaturi tal-merkanzija sabiex jitwettqu aħjar il-miri komuni tal-politika dwar it-trasport u biex jiġi żgurat l-ħarsien imsaħħaħ ta' l-ambjent, ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba d-dimensjoni Ewropea tagħhom, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit bl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx ‘l hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk il-miri.

(12) Id-Direttiva 2003/96/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2003/96/KE hija emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafi 1 u 2 huma mibdulin b'dan li ġej:

“1. B'seħħ mill-1 ta' Jannar 2004, mill-1 ta' Jannar 2010, mill-1 ta' Jannar 2012 u mill-1 ta' Jannar 2014, il-livelli minimi ta' tassazzjoni applikabbli għall-fjuwils tal-magni għandhom ikunu ffissati kif jidhru fl-Anness I Tabella A.

2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu differenza bejn użu kummerċjali u mhux kummerċjali ta' gas oil użat bħala propellant , jekk kemm-il darba il-livelli minimi tal-Komunità ikunu osservati u r-rata għal gas oil kummerċjali użat bħala propellant ma tkunx inqas mill-livell nazzjonali ta' tassazzjoni b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2003.

Il-livelli nazzjonali ta' tassazzjoni applikabbli fi Stat Membru għal gas oil mhux kummerċjali u għal petrol bla ċomb użati bħala propellant ma ghandux ikun taħt il-livell nazzjonali applikat minn dak l-Istat Membru għal gas oil kummerċjali.”

(b) Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4 L-Istati Membri li japplikaw jew idaħħlu sistema ta' imposti għall-utenti tat-triq għal vetturi bil-mutur li jużaw il- gas oil kummerċjali kif definit fil-paragrafu 3, jistgħu japplikaw rata mnaqqsa għal gas oil bħal din li taqa' taħt il-livell nazzjonali ta' tassazzjoni fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003, sakemm il-piż ġenerali tat-taxxa jibqa' l-biċċa l-kbira ekwivalenti, u sakemm il-livell minimu Komunitarju applikabbli għal gas oil jiġi osservat.”

(c) Il-paragrafu 5 li ġej huwa miżjud:

“5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-livelli ddifferenzjati ta' tassazzjoni fuq gas oil kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali jiġu implimentati permezz ta mekkaniżmu ta' ħlas lura mhux diskriminatorju. Dan il-mekkaniżmu għandu jiżgura li l-operaturi fl-Istati Membri kollha jkollhom aċċess għal ħlas lura skond kundizzjonijiet li jkunu ugwali, trasparenti u sempliċi mill-perspettiva amministrattiva.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli komuni għall-mekkaniżmi msemmija fl-ewwel subparagrafu, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2).”

2. L-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 3, l-ewwel sentenza hija mibdula b'dan li ġej:

“Ir-Renju ta' Spanja jista' japplika perjodu ta' tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2007 biex jaġġusta l-livell nazzjonali tiegħu ta' tassazzjoni fuq gas oil użat bħala propellant għal-livell minimu ġdid ta' EUR 302, sa l-1 ta' Jannar 2012 biex jilħaq EUR 330, u sa l-1 ta' Jannar 2014 biex jilħaq EUR 359 u sa l-1 ta' Jannar 2016 biex jilħaq EUR 380.”

(b) Fil-paragrafu 4, l-ewwel sentenza hija mibdula b'dan li ġej:

“Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tista' tapplika perjodu ta' tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2007 biex taġġusta l-livell nazzjonali tagħha ta' tassazzjoni fuq gas oil użat bħala propellant għal-livell minimu ġdid ta' EUR 302, sa l-1 ta' Jannar 2012 biex jilħaq EUR 330, u sa l-1 ta' Jannar 2014 biex jilħaq EUR 359 u sa l-1 ta' Jannar 2016 biex jilħaq EUR 380.”

(c) Fil-paragrafu 5, l-ewwel sentenza hija mibdula b'dan li ġej:

“Ir-Renju tal-Belġju jista' japplika perjodu ta' tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2007 biex jaġġusta l-livell nazzjonali tiegħu ta' tassazzjoni fuq gas oil użat bħala propellant għal-livell minimu ġdid ta' EUR 302, sa l-1 ta' Jannar 2012 biex jilħaq EUR 330, u sa l-1 ta' Jannar 2014 biex jilħaq EUR 359 u sa l-1 ta' Jannar 2016 biex jilħaq EUR 380.”

(d) Fil-paragrafu 6, l-ewwel sentenza hija mibdula b'dan li ġej:

“Il-Gran Dukat ta' Lussumburgu jista' japplika perjodu ta' tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2009 biex jaġġusta l-livell nazzjonali tagħha ta' tassazzjoni fuq gas oil użat bħala propellant għal-livell minimu ġdid ta' EUR 302, sa l-1 ta' Jannar 2012 biex jilħaq EUR 330, u sa l-1 ta' Jannar 2014 biex jilħaq EUR 359 u sa l-1 ta' Jannar 2016 biex jilħaq EUR 380.”

(e) Fil-paragrafu 7, l-ewwel sentenza, fit-tieni sub-paragrafu, hija mibdula b'dan li ġej:

“Ir-Repubblika tal-Portugall tista' tapplika perjodu ta' tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2009 biex taġġusta l-livell nazzjonali tagħha ta' tassazzjoni fuq gas oil użat bħala propellant għal-livell minimu ġdid ta' EUR 302, sa l-1 ta' Jannar 2012 biex jilħaq EUR 330, u sa l-1 ta' Jannar 2014 biex jilħaq EUR 359 u sa l-1 ta' Jannar 2016 biex jilħaq EUR 380.”

(f) Fil-paragrafu 8, l-ewwel sentenza, fit-tielet sub-paragrafu, hija mibdula b'dan li ġej:

“Ir-Repubblika Ellenika tista' tapplika perjodu ta' tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2010 biex taġġusta l-livell nazzjonali tagħha ta' tassazzjoni fuq gas oil użat bħala propellant għal-livell minimu ġdid ta' EUR 302, sa l-1 ta' Jannar 2012 biex jilħaq EUR 330, u sa l-1 ta' Jannar 2014 biex jilħaq EUR 359 u sa l-1 ta' Jannar 2016 biex jilħaq EUR 380.”

3. L-Artikolu 18a jiġi emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 5, l-ewwel sentenza hija mibdula b'dan li ġej:

“Ir-Repubblika tal-Latvja tista' tapplika perjodu ta' tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2011 biex taġġusta l-livell nazzjonali tagħha ta' tassazzjoni fuq gas oil u kerosene użati bħala propellant għall-livell minimu ġdid ta' EUR 302 għal kull 1000 l, sa l-1 ta' Jannar 2013 biex jilħaq EUR 330 u, għal gas oil użat bħala propellant , sa l-1 ta' Jannar 2015 biex jilħaq EUR 359 u sa l-1 ta' Jannar 2017 biex jilħaq EUR 380.”

(b) Fil-paragrafu 6, l-ewwel sentenza hija mibdula b'dan li ġej:

“Ir-Repubblika tal-Latwanja tista' tapplika perjodu ta' tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2011 biex taġġusta l-livell nazzjonali tagħha ta' tassazzjoni fuq gas oil u kerosene użati bħala propellant għall-livell minimu ġdid ta' EUR 302 għal kull 1000 l, sa l-1 ta' Jannar 2013 biex jilħaq EUR 330 u, għal gas oil użat bħala propellant , sa l-1 ta' Jannar 2015 biex jilħaq EUR 359 u sa l-1 ta' Jannar 2017 biex jilħaq EUR 380.”

(c) Fil-paragrafu 9, l-ewwel sentenza, fit-tieni sub-paragrafu, hija mibdula b'dan li ġej:

“Ir-Repubblika ta' Polonja tista' tapplika perjodu ta' tranżizzjoni sa l-1 ta' Jannar 2010 biex taġġusta l-livell nazzjonali tagħha ta' tassazzjoni fuq gas oil użat bħala propellant għal-livell minimu ġdid ta' EUR 302 għal kull 1000 l, sa l-1 ta' Jannar 2012 biex jilħaq EUR 330, u sa l-1 ta' Jannar 2014 biex jilħaq EUR 359 u sa l-1 ta' Jannar 2016 biex jilħaq EUR 380.”

4. L-Artikolu 18c li ġej huwa miżjud:

“Artikolu 18c

“Mingħajr preġudizzju għad-derogi ta' l-Artikolu 7 stabbiliti fit-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma' l-Unjoni Ewropea, dawn l-Istati Membri jistgħu japplikaw perjodu ta' tranżizzjoni addizzjonali għal gas oil użat bħala propellant sa l-1 ta' Jannar 2015 biex jilħqu EUR 359 u sa l-1 ta Jannar 2017 biex jilħqu EUR 380.”

5. Fl-Anness I, tabella A, ir-ringieli li għandhom x'jaqsmu mal-petrol bla ċomb u l- gas oil huma mibdulin b'dan li ġej:

l-1 ta' Jannar 2004 | l-1 ta' Jannar 2010 | l-1 ta' Jannar 2012. | l-1 ta' Jannar 2014 |

Petrol bla ċomb (f'euros għal kull 1 000 l) Kodiċi NM 2710 11 31, 2710 11 41, 2710 11 45 u 2710 11 49 | 359 | 359 | 359 | 380 |

Gas oil (f'euros għal kull 1 000 l) Kodiċi NM 2710 19 41 sa 2710 19 49 | 302 | 330 | 359 | 380 |

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2007 l-aktar tard. Għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'referenza bħal dik fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif trid issir din ir-riferenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi pubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[1] KUMM(2001) 370, 12.9.2001.

[2] L-expressjoni gas oil kummerċjali ntagħżel minħabba li tikkorrispondi mad-deżinjazzjoni uffiċċjali fil-kodiċjiet tan-NM rilevanti.

[3] Proposta għal Direttiva tal-Kunsill biex temenda d-Direttiva 92/81/KEE u d-Direttiva 92/82/KEE sabiex jiddaħħlu arranġamenti speċjali ta' tassazzjoni fuq il- gas oil użat għal skopijiet kummerċjali u biex it-taxxi tas-sisa fuq il-petrol u l-fjuwil tal- gas oil jiġu ppareġġati - KUMM(2002) 410, ta' l-24.7.2002.

[4] KUMM(2005) 462, 27.9.2005.

[5] Kunsill Ewropew, 23-24 ta' Marzu 2006.

[6] KUMM(2001) 260, 23.5.2001.

[7] BIPE (2005), Evaluation des conséquences de la hausse du prix du gazole sur les entreprises de transport routier de marchandises, Etude réalisée pour le Ministère des Transports, de l'Équipement, du Tourisme et de la Mer.

[8] Michaelis (2003) Tanktourismus – eine Szenarioanalyse, In Zeitschrift für Verkehrswissenschaft.

[9] Effetti fuq il-fruntiera minħabba żieda fit-taxxa tal-petrol fl-1 ta' Jannar 1990, P. M. Blok and A. P. Muizer, Nederlands Economisch Instituut, TK 1990-1991, 21.665 Nr 3, Rotterdam.

[10] ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).

[11] L-ebda tibdil fil-politika, emenda għar-Regolament (KEE) Nru 4058/89, armonizzazzjoni tat-taxxi tal-fjuwil, introduzzjoni assigurazzjonijiet tal-prezz u regolamentazzjoni adekwata li taħdem bħala ostaklu għal prattiċi ta' għoti ta' kuntratti lil ħaddieħor ( outsourcing ).

[12] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4058/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-iffissar ta' rati għat-trasport ta' merkanzija bit-triq bejn Stati Membri ( ĠU L 390 of 30.12.1989, p.1 ).

[13] L-Artikolu 11 tad-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlasijiet fuq vetturi li jġorru tagħbijiet tqal għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (ĠU l 187 ta' l-20.7.1999) kif ġie emendat bid-Direttiva 2006/38/KE (ĠU L 157 tad-9.6.2006, p. 8).

[14] L-expressjoni gas oil kummerċjali ntagħżel minħabba li tikkorrispondi mad-deżinjazzjoni uffiċċjali fil-kodiċjiet tan-NM rilevanti.

[15] Dawk l-Istati Membri biss li jkollhom iżidu r-rati tagħhom minħabba il-minimu l-ġdid sejrin jagħmlu hekk u jibqgħu viċin il-minimu.

[16] ĠU C […], […], p. […].

[17] ĠU C , , p. .

[18] ĠU C , , p. .

[19] KUMM(2001) 370.

[20] KUMM(2006) 314.

[21] ĠU L 283, 31.10.2003, p.51. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).