15.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 305/20


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Gvern lokali u reġjonali fl-Ukraina u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina

(2007/C 305/05)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jinnota li wara l-avvenimenti li wasslu għar-“Rivoluzzjoni Oranġjo” fl-aħħar ta' l-2004, l-Ukraina segwiet aġenda ambizzjuża ta' riformi sabiex id-demokrazija u l-ekonomija tas-suq jiksbu għeruq sodi fil-pajjiz u sabiex l-Ukraina toqrob lejn l-UE; jinnota madankollu li dawn ir-riformi għadhom fi stat ta' żvilupp li huwa fraġli;

jilqa' l-fatt li l-UE u l-Ukraina fetħu n-negozzjati għal Ftehim Imsaħħaħ ġdid f'Marzu 2007;

jistenna b'interess l-implimentazzjoni ta' l-istadju li jmiss tal-Pjan ta' Riforma Amministrattiva ta' l-Ukraina, b'enfasi partikolari fuq il-kompetenzi ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, id-deċentralizzazzjoni fiskali, ir-riforma territorjali;

jilqa' il-proposta ta' twaqqif ta' pjattaforma istituzzjonali sabiex tiffaċilita l-konsultazzjoni ta' l-atturi tas-soċjetà ċivili fl-UE u l-Ukraina, fil-kuntest ta' neġozjati permanenti dwar il-Ftehim Imsaħħaħ ġdid; iżda jiddispjaċih li attwalment ma hemm l-ebda dispożizzjoni sabiex jiżgura l-istess livell ma' konsultazzjoni ta' l-atturi tal-kooperazzjoni transkonfinali u reġjonali, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi kumitat ta' pjattaforma istituzzjonali simili għar-rappreżentanti ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' l-UE u l-Ukraina;

jipproponi li, b' għajnuna prattika mill-Kummissjoni Ewropea, u b'konformità mal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ffirmat mill-UE u l-Ukraina, ikun jista' jabbozza qafas ta' ftehim b'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ukraina u l-Istati Membri ta' l-UE; dan il-ftehim ikun jista' jifforma l-bażi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri ta' l-UE u l-kontrapartijiet tagħhom fl-Ukraina;

ifakkar li l-allokazzjoni tal-fondi għall-kooperazzjoni transkonfinali fuq il-fruntiera tal-lvant ta' l-UE tirrappreżenta biss 5 % ta' l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija; il-KtR huwa ta' l-opinjoni li l-allokazzjoni tal-fondi għall-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija m'hijiex suffiċjenti u jitlob li ta' l-anqas 10 % tal-fondi ta' l-Istrument jiġu ddedikati għas-sostenn tal-kooperazzjoni transkonfinali;

Rapporteur

:

Is-Sur Istvan SÉRTŐ-RADICS (HU/ALDE), Sindku ta' Uszka,Viċi-president tal-kummissjoni RELEX

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

Ir-relazzjonijiet UE-Ukraina: strateġija u sfidi prinċipali

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jittama' li din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tikkontribwixxi sabiex tippromovi d-demokrazija fl-Ukraina fil-livelli reġjonali u lokali, u tinstiga u ssaħħaħ l-isforzi konkreti fil-kuntest tas-Sħubija Strateġiku u l-Pjan ta'Azzjoni tal-Viċinat UE-Ukraina, fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat l-ġdida li diġà bdiet. Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprija għalhekk għandha tiffoka b'mod aktar speċifiku fuq l-opportunitajiet sabiex jissolvew problemi komuni premezz ta' kooperazzjoni akbar transkonfinali u reġjonali bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali ta' l-UE u ta' l-Ukraina;

2.

huwa tal-fehma li l-UE għandha interess strateġiku importanti fl-istabilità tal-politika fl-Ukraina u l-iżvilupp ekonomiku, iżda l-motivazzjoni għal relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn iż-żewġ entitajiet żdiedet wara t-tkabbir u l-adeżjoni ta' żewġ stati ġodda li għandhom fruntieri fuq l-art u fil-baħar ma' l-Ukraina. M'hemm l-ebda dubju li l-aħjar mod li bih l-Ukraina tista' tikseb żvilupp globalihuwa billi ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala suq li qiegħed jirnexxi għall-esportazzjoni u l-investimenti ta' l-UE, kif ukoll bħala sieħba prevedibbli u kooperattiva għall-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa. Dawn il-fatturi kollha għandhom influwenza fuq l-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità fl-UE;

3.

ijfakkar li l-Ukraina bħalissa għaddejja minn riforma ta' gvernanza awtonoma, u għalhekk eżempji u mudelli mill-Istati Membri ta' l-UE żgur li jkunu milqugħa. Il-pass l-ieħor importanti li jmiss, madankollu, huwa li jiġi aċċertat kemm il-leġislazzjoni qiegħda tiġi implimentata b'mod konsistenti u trasparenti. Dan jinkludi l-bini tal-kapaċità istituzzjonali, li hija neċessarja sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp tad-demokrazija kif ukoll ta' gvernanza tajba u l-konformità mal-prinċipji Ewropej tas-sussidjarjetà, il-prossimità u s-sħubija. Dawn il-kunċetti huma kollha importanti għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, li huwa l-għan, mhux biss ta' l-Ukraina, iżda ta' l-UE ukoll;

4.

jfakkar li hekk kif il-fruntiera ma' l-UE qiegħda titwal b'mod sostanzjali, l-Ukraina flimkien ma' l-Istati Indipendenti l-ġodda l-oħra, ser issir ġara aktar prominenti u strateġika ta' l-UE; u li l-UE għandha bżonn tiżviluppa relazzjonijiet tajbin u bbilanċjati ma' l-Ukraina — it-tieni l-akbar ġara tagħha — u għalhekk għandha tippromovi l-gvernanza tajba u d-demokrazija f'dan il-pajjiż, mhux biss fil-livell nazzjonali iżda wkoll fil-livelli lokali u reġjonali. Iridu jittieħdu passi prattiċi u li jħallu effett sabiex jiġu indirizzati l-bidliet dinamiċi u l-isfidi l-ġodda li qegħdin iġibu magħhom l-aħħar żewġ gruppi (għaxra u tnejn) ta' Stati Membri ġodda ta' l-UE, li għandhom implikazzjonijiet importanti għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina;

5.

jisħaq li l-impatt tat-tkabbir ta' l-UE ma jaffettwax biss ir-relazzjoni bejn l-Ukraina u l-Istati Membri attwali ta' l-UE, iżda wkoll ir-relazzjonijiet bejn l-Ukraina u l-Istati Indipendenti l-ġodda u r-Russja. Għalhekk l-istat kurrenti ta' l-istrutturi ta' kooperazzjoni u n-netwerks l-oħra jrid jiġi eżaminat u mtejjeb b'mod li jevita t-tfixkil u l-ewwel u qabel kollox jippermetti li jsir aktar progress li jħalli effett fil-qasam ta' l-istabilizzazzjoni demokratika, id-deċentralizzazzjoni ġenwina u l-koeżjoni territorjali. Barra minn hekk, huwa importanti li wieħed jinnota li bl-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda, il-prospetti għaż-żona madwar il-Baħar l-Iswed ser jinbidlu b'mod drammatiku. Dawn l-isfidi jridu jiġu indirizzati fuq il-pjan politiku u ekonomiku;

6.

jenfasizza li fil-passat l-UE assistiet fl-iżvilupp tad-demokrazija lokali u ta' amministrazzjoni lokali effettiva fil-pajjiżi ċentrali u tal-lvant ta' l-Ewropa. Dan, per eżempju, seħħ permezz tal-programmi TACIS u ta' qafas għal ġemellaġġ (Twinning framework programmes). Il-koordinazzjoni bejn il-programmi, madankollu, ma kienx biżżejjed u għalhekk il-KtR jixtieq jikkontribwixxi sabiex jappoġġja approċċ aktar effiċjenti fl-amministrazzjoni tal-programmi ġodda ta' għajnuna esterna ta' l-UE bħall-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija u l-Fond għall-Investiment għall-Viċinat il-ġdid. Ir-rabta bejn l-politiki kollha qodma u ġodda u speċjalment il-programmi u l-istrumenti finanzjarji marbutin magħhom għandha bżonn tiġi ċċarata mill-perspettiva ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

7.

ifakkar li l-ġemellaġġ bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa rikonoxxut b'mod speċjali mill-UE u wera li kien utli ħafna fit-tkattir ta' l-effiċjenza amministrattiva u kuntatti bejn in-nies. Għalhekk il-KtR jixtieq jara dawn l-iskemi ta' ġemellaġġ jitkomplew u possibbilment anke jespandu sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċjali tal-bini ta' l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali fl-Ukraina u din iż-żona ġeografika. Barra minn hekk, id-demokrazija lokali u reġjonali hija strument prinċipali fil-kontinwazzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-istituzzjonijiet demokratiċi u tal-kapaċità fl-Ukraina- u għandu jirrappreżenta sinjal ta' konformità sostnut fost l-oħrajn mill-Karta Ewropea ta' l-Awtonomija Lokali adottata fil-15 ta' Ottubru 1985. Id-dibattitu għalhekk irid jinvolvi l-partijiet kollha ikkonċernati, inkluż l-organizzazzjonijiet lokali u reġjonali kif ukoll l-awtoritajiet sotto-nazzjonali;

8.

jemmen li sħubija kredibbli għandha tibni fuq strateġija u aġenda prattika ibbażata fuq interessi komuni, sabiex jiġu segwiti l-miri ta' politika li ġew deċiżi. Għal dan il-għan, miżuri prattiċi speċifiċi iridu jiġu adottati li huma kapaċi li jirrispondu għall-bidliet u l-isfidi l-ġodda fir-relazzjonijiet ta' bejn l-UE li reċentement kibret u l-Ukraina. Fil-livell lokali u reġjonali, huwa vitali li wieħed jiżgura t-tkabbir, peress li huwa l-bażi tal-prosperità futura; l-iżvilupp irid jiġi adattat ukoll għar-responsabbiltajiet varji ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-edukazzjoni, il-ħarsien ta' l-ambjent, it-trasport, l-iżvilupp tan-negozju ibbażat fuq il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u privat, is-servizzi soċjali, u tal-kura tas-saħħa huma l-aspetti ewlenin ta' żvilupp reġjonali li jistgħu jwasslu għat-tkabbir fl-Ukraina u l-UE u li jġibu kooperazzjoni eqreb bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

9.

jirrakkomanda li l-UE trid tagħti ħafna każ tar-reġjuni li għandhom bżonn partikolari tat-tkabbir u l-iżvilupp; per eżempju, Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija jridu jintużaw sabiex jgħinu żoni li waqgħu lura f'reġjuni li li għadejjin minn żmien ekonomiku diffiċli fl-Ukraina. Huwa importanti wkoll li tingħata attenzjoni speċjali li prinċipji tal-politika strutturali u ta' koeżjoni Ewropea jiġu adattati għall-kundizzjonijiet lokali, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' l-għixien, l-iżvilupp sostenibbli u l-kompetittività reġjonali mtejba;

10.

ifakkar li l-KtR għandu l-intenzjoni li jagħti prijorità lill-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli għall-kwistjonijiet li jolqtu lis-soċjetà kollha kemm hi, filwaqt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffokaw l-attivitajiet tagħhom f'oqsma ta' importanza għal sezzjonijiet individwali tas-soċjetà u li huma qrib tal-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini;

11.

jinnota li permezz ta' kooperazzjoni mill-viċin fil-livell tal-proġetti individwali, l-UE tista' tgħin sabiex tiżgura li r-riformi u s-servizzi ta' l-amministrazzjoni pubblika jiġu mdaħħla b'mod ibbilanċjat fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Għalhekk, fil-livell tal-proġetti l-UE tista' tibni l-kapital uman permezz ta' żviluppi f'setturi individwali. L-UE trid tkompli tiżviluppa r-relazzjonijiet personali f'dan il-qasam, b'mod partikolari permezz ta' sħubijiet li jissawru fil-qasam ta' l-edukazzjoni.

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina: żviluppi reċenti

12.

jinnota li wara l-avvenimenti li wasslu għar-“Rivoluzzjoni Oranġjo” fl-aħħar ta' l-2004, l-Ukraina segwiet aġenda ambizzjuża ta' riformi sabiex id-demokrazija u l-ekonomija tas-suq jiksbu għeruq sodi fil-pajjiz u sabiex l-Ukraina toqrob lejn l-UE; jinnota madankollu li dawn ir-riformi għadhom fi stat ta' żvilupp li huwa fraġli;

13.

jinnota li l-objettivi politiki definiti mill-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) ta' April 1998 u l-Pjan ta' Azzjoni EU-Ukraina ta' Frar 2005 jibqgħu bażi importanti għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina. Il-ftehim jistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni bilaterali u jwaqqaf il-fora prinċipali u l-korpi għat-teħid tad-deċizjonijiet, sabiex jiġi żgurat li kwistjonijiet ta' interess komuni jiġu trattati fil-livelli kollha, ikun hemm skambju ta' informazzjoni u l-kunflitti jiġu solvuti;

14.

jilqa' l-fatt li l-UE u l-Ukraina fetħu n-negozzjati għal Ftehim Imsaħħaħ ġdid f'Marzu 2007. L-għan prinċipali tal-Ftehim Imsaħħaħ ġdid, li jirrifletti l-importanza strateġika ta' l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina, huwa li jqarreb lill-Ukraina lejn l-UE, isaħħaħ il-kooperazzjoni politika, ikabbar il-kummerċ u l-investimenti u b'hekk jikkontribwixxi lejn l-iżvilupp ekonomiku u l-prosperità fl-Ukraina;

15.

jilqa' il-proposta ta' twaqqif ta' pjattaforma istituzzjonali sabiex tiffaċilità l-konsultazzjoni ta' l-atturi tas-soċjetà ċivili fl-UE u l-Ukraina, fil-kuntest ta' neġozjati permanenti dwar l-Ftehim Imsaħħaħ ġdid; iżda jiddispjaċih li attwalment ma hemm l-ebda dispożizzjoni sabiex jiżgura l-istess livell ma' konsultazzjoni ta' l-atturi tal-kooperazzjoni transkonfinali u reġjonali, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi kumitat ta' pjattaforma istituzzjonali simili għar-rappreżentanti ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' l-UE u l-Ukraina;

16.

jiġbed l-attenzjoni li l-KtR iqis il-kooperazzjoni taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat bħala xi ħaġa separata mill-proċess għad-dħul fl-UE, jiġifieri li l-kooperazzjoni fiha nnifisha ma twassalx għas-sħubija fl-UE; madankollu, il-kooperazzjoni msaħħa taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat tista' tippromovi l-proċessi ta' riforma fl-Ukraina u tistabbilixxi strateġija fit-tul għar-relazzjonijiet, u b'hekk tista' tressaq il-pajjiż eqreb lejn l-UE;

17.

huwa lest sabiex jipparteċipa b'mod kostruttiv fl-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' żona komuni, li tinkludi żona ekonomika komuni, żona komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, kif ukoll kooperazzjoni għal sigurtà esterna, u r-riċerka, l-edukazzjoni u l-kultura, kif miftiehem waqt is-summits bejn l-UE u l-Ukraina f'Diċembru 2005 u Ottubru 2006;

18.

jħoss li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom sehem leġittimu f'ħafna aspetti taż-żoni komuni, u jipproponi il-parteċipazzjoni diretta tiegħu fil-ħidma dwar l-iżvilupp ta' żoni komuni fi kwistjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta' kompetenzi tiegħu u dawk li jaqgħu taħt il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni;

19.

jistenna b'interess l-implimentazzjoni ta' l-istadju li jmiss tal-Pjan ta' Riforma Amministrattiva ta' l-Ukraina, b'enfasi partikolari fuq il-kompetenzi ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, id-deċentralizzazzjoni fiskali, ir-riforma territorjali, u jistenna progress dwar l-opportunitajiet ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' l-UE u l-Ukraina;

20.

jafda li l-prinċipji tal-Karta Ewropea għat-Tmexxija Awtonoma Lokali ta' Ottubru 1985 tiġi inkluża wkoll fil-proposti leġislattivi li jmiss;

21.

huwa kuntent li qiegħda tingħata attenzjoni lill-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u l-Ukraina, għaliex dan ifisser li tingħata prijorità lis-soluzzjonijiet għall-problemi komuni li huma viċin tal-preokkupazzjonijiet tal-pubbliku, fil-livell ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

22.

jikkunsidra li l-iskambji ta' informazzjoni u l-aħjar prattiċi fil-livell lokali u reġjonali jrawmu d-demokrazija u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

23.

jinnota b'sudisfazzjoni li r-riżultati pożittivi ta' proġetti li ġew implimentati b'mod konġunt mill-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' l-UE u l-Ukraina saħħew ix-xewqa għal kooperazzjoni li tkompli taħt kundizzjonijiet favorevoli u jenfasizza li kooperazzjoni fit-tul bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali hija bżonnjuża u kundizzjoni importanti għar-rwol ta' dawk li qegħdin jiżviluppaw proġetti konġunti.

Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-prijoritajiet ewlenin fil-livell lokali u reġjonali

24.

jappella b'mod qawwi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' l-UE u l-Ukraina sabiex jikkooperaw f'oqsma ta' interess komuni, peress li hemm il-potenzjal għall-kooperazzjoni f'diversi oqsma, per eżempju l-kultura, l-affarijiet soċjali, l-ekonomiji reġjonali, il-ħarsien ta' l-ambjent, it-trasport, l-agrikoltura, u inizjattivi speċifiċi li jippromovu r-riċerka u l-iżvilupp fis-settur privat. Dawn l-oqsma huma ta' relevanza partikolari għall-kompetenzi territorjali għall-iżvilupp reġjonali;

25.

jħoss li s-saħħa u fil-parti l-kbira l-kura tas-saħħa huma l-elementi prinċipali tat-tkabbir potenzjali tas-soċjetà, u għalhekk huma setturi importanti li jaqgħu fil-kompetenzi ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma marbuta ma' kwistjonijiet soċjali u għandhom impatt dirett jew indirett fuq setturi oħra wkoll; għalhekk huma saru komponenti ewlenin ta' setturi oħra, u b'hekk ikkontribwixxu lejn il-promozzjoni u l-manteniment ta' l-istabilità soċjali;

26.

jipproponi li, b' għajnuna prattika mill-Kummissjoni Ewropea, u b'konformità mal-ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni iffirmat mill-UE u l-Ukraina, ikun jista' jabbozza qafas ta' ftehim b'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ukraina u l-Istati Membri ta' l-UE; dan il-ftehim ikun jista' jifforma l-bażi għall-kooprazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri ta' l-UE u l-kontrapartijiet tagħhom fl-Ukraina;

27.

huwa favur il-promozzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni u d-disseminazzjoni ta' l-aħjar prattiċi f'oqsma ta' azzjoni, sakemm dan iseħħ taħt kundizzjonijiet li huma favorevoli għas-soċjetà kollha kemm hi; il-KtR ikun lest li jgħin sabiex jiġu organizzati dibattiti regolari dwar l-Ukraina sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni tal-kooperazzjoni u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; dawn id-dibattiti jkunu ta' kontribuzzjoni speċjali f'oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

28.

jħoss li l-iskambju ta' esperjenzi u informazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jista' jikkontribwixxi sabiex l-UE u l-Ukraina jkunu jifhmu lil xulxin aħjar f'oqsma ta' interess komuni; dan jiftaħ ukoll possibbiltajiet ġodda għal inizjattivi speċifiċi li huma mmirati għall-Ukraina fil-forma ta' gruppi ta' ħidma, seminars, laqgħat u konferenzi, peress li ż-żewġ imsieħba huma interessati f'dan u jixtiequ jikkontribwixxu lejn kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Ukraina.

Kooperazzjoni transkonfinali u reġjonali

29.

jindika li t-tieni fażi tal-programm il-ġdid għall-viċinat waslet biex tiġi implimentata bejn l-2007 u l-2013, u x'aktarx ser tiftaħ il-bieb għal-kooperazzjoni transkonfinali aktar effettiva, b'riżultati speċifiċi;

30.

jaqbel li hemm bżonn ta' aktar appoġġ tekniku u politiku sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni transkonfinali u interreġjonali permanenti bejn l-UE u l-pajjiżi fil-viċinat fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera li hemm bejniethom bejn il-perjodu 2007-2013, u li l-Istrument ta' Viċinat u Sħubija ġdid għandu jintuża sabiex jipprovdi appoġġ sod għall-objettivi ta' kooperazzjoni territorjali;

31.

jilqa' d-dokument ta' strateġija tal-pajjiż ta' l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ukraina 2007-2013 li jfakkar li l-kooperazzjoni transkonfinali hija element prinċipali fil-kooperazzjoni bejn il-ġirien; il-KtR jisħaq li din il-forma ta' kooperazzjoni hija l-aħjar mezz sabiex jingħeleb it-tħassib dwar l-introduzzjoni tal-fruntiera Schengen, u jirrappreżenta wkoll benefiċċji kbar għar-reġjuni li jinsabu fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera, irrispettivament mill-istat ta' żvilupp attwali tar-reġjuni ta' l-UE li huma fuq il-fruntiera tal-lvant;

32.

ifakkar li l-allokazzjoni tal-fondi għall-kooperazzjoni transkonfinali fuq il-fruntiera tal-lvant ta' l-UE tirrapreżenta biss 5 % ta' l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija; il-KtR huwa ta' l-opinjoni li l-allokazzjoni tal-fondi għall-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija m'humiex suffiċjenti u jitlob li ta' l-anqas 10 % tal-fondi ta' l-Istrument jiġu ddedikati għas-sostenn tal-kooperazzjoni transkonfinali;

33.

jikkunisdra — f'dan id-dawl — li l-prijoritajiet għall-kooperazzjoni transkonfinali jeħtieġu li jiġu definiti b'mod attent ħafna sabiex is-sinerġiji jiġu massimizzati u jiġi evitat it-tberbiq tal-fondi; ammont tant żgħir ta' flus m'għandux jintuża sabiex jiġu appoġġjati programmi ta' żvilupp ekonomiku u soċjali ġenerali fir-reġjuni li huma fuq il-fruntiera; bl-istess mod, m'huwiex realistiku li wieħed jistenna li dan il-pakkett finanzjarju żgħir ser ikopri objettivi oħra ta' l-UE prijoritarji bħall-provvediment ta' fruntieri effettivi u sikuri li jrid jiġi indirizzat taħt politiki oħra ta' l-UE;

34.

jirrakkomanda li jiġu msaħħa tliet prijoritajiet ta' kooperazzjoni transkonfinali — fosthom a) is-soluzzjoni ta' problemi komuni tal-fruntiera fosthom l-infrastruttura lokali komuni u l-iżvilupp reġjonali integrat, b) kuntatti bejn in-nies u ċ) l-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-appoġġ għall-edukazzjoni, ix-xjenza u r-riċerka fir-reġjuni li huma fuq il-fruntieri;

35.

jiġbed l-attenzjoni li hemm vantaġġi fl-istimolu u l-iżvilupp ta' l-interess fil-kooperazzjoni — speċjalment fl-oqsma tal-kultura u l-edukazzjoni — ibbażati fuq attivitajiet u tradizzjonijiet kulturali li huma karatteristiċi tal-kulturi indiġeni lokali u reġjonali;

36.

jistenna r-rwol futur possibbli ta' l-istrument legali tar-Raggruppament Ewropew għal Kooperazzjoni Territorjali (REKT) fl-oqsma msemmija hawn fuq, partikolarment fl-oqsma tas-saħħa pubblika, t-trasport pubbliku, tħejjija għad-diżastri jew il-ħolqien ta' strutturi transnazzjonali għat-turiżmu. Barra minn hekk ir-REKT jista' jservi bħala strument addizzjonali sabiex jiġu implimentati strateġiji ta' sħubija bejn is-settur pubbliku u privat; għalhekk jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fl-Ukraina u fl-Istati Membri ta' l-UE li huma ġirien, sabiex jieħdu l-passi meħtieġa sabiex l-imsieħba Ukraini jkunu jistgħu jipparteċipaw fir-REKTijiet futuri, kif jipprovdi r-Regolament (KE) 1082/2006;

37.

jqis li huwa importanti għall-UE li żżid il-kooperazzjoni finanzjarja ma' l-Ukraina, b'mod partikolari permezz ta' l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u l-Isħubija u billi jitniedu strumenti ġodda bħall-Fond għall-Investiment għall-Viċinat, li l-istituzzjonijiet ta' l-Istati Membri li jipprovdu l-għajnuna għall-iżvilupp jistgħu jużaw sabiex jistimolaw l-investiment fil-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinanza, u jipproponi wkoll li l-Ukraina tikkontribwixxi lejn l-iffirmar ta' ftehim konġunt finanzjarju, li jiġi implimentat minn fondazzjoni konġunta;

38.

jenfasizza l-importanza tal-programmi ta' ġemellaġġ tal-bliet bħala kontribuzzjoni għall-iskambju ta' l-informazzjoni f'oqsma speċifiċi ta' azzjoni;

39.

jilqa' l-insistenza tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-importanza ta' l-appartenenza lokali, filwaqt li jiġi żgurat l-appoġġ mil-livell nazzjonali; iżda fil-kuntest tal-bini ta' kooperazzjoni aħjar il-KtR jissuġġerixxi li l-implimentazzjoni ta' programmi bilaterali għandu jitqies ukoll fil-kuntest tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Viċinat UE-Ukraina.

Is-sitwazzjoni partikolari tar-reġjuni li għandhom fruntiera ma' l-UE

40.

jenfasizza li r-reġjuni ta' l-Ukraina li huma fuq il-fruntiera ma' l-UE l-aktar li huma milquta mir-relazzjonijiet internazzjonali bejn l-UE u l-Ukraina; għalhekk jappoġġja kooperazzjoni iktar stretta f'dawn ir-reġjonali permezz ta' relazzjonijiet interreġjonali u sħubijiet bejn l-awtoritajiet lokali;

41.

iħeġġeġ sabiex ikun hemm konklużjoni rapida tal-ftehimiet bilaterali bejn l-Ukraina u l-Istati Membri li jaqsmu fruntiera magħha, li jimplimentaw ir-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera stabbiliti f'Regolament Nru 1931/2006/KE;

42.

jenfasizza l-importanza li reġjuni li waqgħu lura u li għaddejjin minn żmien ekonomiku diffiċli jiġu mgħina sabiex ilaħħqu, u jħoss li dan tenħtieġ strateġija min-naħa tal-gvern fl-Ukraina li hija konsistenti mal-prinċipiji tal-politika reġjonali Ewropea, kif ukoll l-iżvilupp ta' sistema ta' strumenti u istituzzjonijiet; reġjuni ta' Stati Membri jistgħu jassisstu f'dan permezz tat-trasferiment ta' l-għarfien, b'opportunitajiet mill-partijiet interessati kollha sabiex jipparteċipaw fi proġetti speċifiċi, jikkooperaw f'oqsma partikolari li huma previsti mill-Pjan ta' Azzjoni tal-Viċinat UE-Ukraina, kif ukoll billi jikkontribwixxu għad-disseminazzjoni ta' l-aħjar prattiċi. Huwa importanti ferm li r-riżorsi finanzjarji jkunu disponibbli għall-implimentazzjoni tal-kontenut speċifiku tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Viċinat UE-Ukraina; dawn ir-riżorsi għandhom ikunu aċċessibbli b'mod faċli;

43.

f'reġjuni multikulturali, il-KtR jenfasizza l-importanza tal-kuntatti bejn in-nies, b'mod partikolari fl-oqsma tal-kultura, l-edukazzjoni, kif ukoll fil-kooperazzjoni bejn iż-żgħażagħ. Huwa preċizament l-iskambju ta' l-esperjenzi u l-għarfien li jistgħu jkunu l-akbar spinta għall-kooperazzjoni transkonfinali u li jistgħu jgħinu lill-Ukraina sabiex tagħmel riformi indispensabbli.

Brussell, il-11 ta' Ottubru 2007

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel DELEBARRE