16.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 120/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ix-xogħol agrikolu transkonfinali

(2008/C 120/05)

Nhar is-16 ta' Frar 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ix-xogħol agrikolu transkonfinali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Martin Siecker.

Matul l-440 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Diċembru 2007 (seduta tat-13 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'104 voti favur, 3 voti kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-migrazzjoni tal-ħaddiema għandha natura ekonomika u hija l-konsegwenza tal-moviment liberu tal-ħaddiema f'Ewropa fejn jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-livelli ta' għajxien. Ir-rati għoljin ta' qgħad f'bosta Stati Membri ġodda u d-domanda għall-provvediment ta' xogħol irħis u li jirrikjedi ftit li xejn kwalifiki fil-15-il Stat Membru l-antiki jassiguraw fluss kontinwu ta' nies ifittxu l-impjieg.

1.2

Fl-2004 u l-2007 sar ftehim dwar miżuri transitorji li permezz tagħhom l-Istati Membri l-antiki setgħu jirregolaw l-immigrazzjoni mill-Istati Membri l-ġodda. Waħda mir-raġunijiet kienet li l-Istati Membri l-antiki riedu jevitaw fluss qawwi ta' migrazzjoni tal-ħaddiema li jkun ta' piż fuq is-suq tax-xogħol u li jwassal għal kundizzjonijiet tax-xogħol illegali.

1.3

Ir-riżultat ta' dawn il-miżuri kien li ġara eżatt dak li kien mixtieq li jiġi evitat. Fir-Rapport tagħha dwar il-Funzjonament ta' l-Arranġamenti Transitorji, il-Kummissjoni Ewropea tistqarr li r-restrizzjonijiet fuq ix-xogħol legali għall-migranti mill-Istati Membri l-ġodda fil-prattika wasslu għall-proliferazzjoni ta' xogħol mhux iddokumentat, xogħol li taparsi jkun “indipendenti” u provvediment fittizju ta' servizzi u xogħol taparsi b'sottokuntratt.

1.4

Il-paradoss jinbet mill-fatt li fil-qasam ta' l-agrikoltura fl-UE15 hemm domanda qawwija għal xogħol staġunali u ma jistgħux jinsabu biżżejjed ħaddiema lokali. Hemm biżżejjed ħaddiema migranti mill-Istati Membri l-ġodda li jixtiequ jagħmluh dan ix-xogħol, iżda ħafna minnhom ma jistgħux minħabba miżuri transitorji restrittivi. Il-flussi tax-xogħol agrikolu jvarjaw kemm mil-lat tal-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll mil-lat tal-pajjiżi ospitanti. Dawn id-differenzi huma l-iktar marbuta ma' l-eżistenza jew in-nuqqas ta' miżuri transitorji li jistgħu jkunu sħaħ jew parzjali.

1.5

F'dan il-kuntest, ix-xogħol staġunali qiegħed isir b'mod informali. Huwa diffiċli li tinġabar informazzjoni preċiża dwar din il-kwistjoni minħabba li t-tliet partijiet involuti — min iħaddem, il-ħaddiema u l-intermedjarji diżonesti — kollha għandhom ir-raġunijiet tagħhom sabiex ma jagħmlux din l-informazzjoni pubblika. Fil-fatt, min iħaddem ikun irid iħallas inqas milli tobbligah il-liġi jew il-ftehimiet kollettivi fis-seħħ, il-ħaddiema jikkontentaw b'paga li hija inqas minn dik li għandhom dritt għaliha u l-intermedjarji diżonesti li ma jiddejqu xejn jagħmluha ta' intermedjarji f'din il-kwistjoni għax għalihom dan isarraf f'kemxa flus ġmielha.

1.6

Ħafna minn dawn l-intermedjarji joffru prezzijiet irħas ħafna iżda fl-aħħar mill-aħħar il-prezz jitħallas mill-ħaddiem migrant li jkollu jaċċetta paga li tkun inqas mill-minimu soċjali. Min iħaddem impjegati staġunali jħallas il-prezz tas-suq lill-intermedjarji iżda t-taxxi u s-sigurtà soċjali ma jitħallsux minnhom. Barraminhekk, jeżistu intermedjarji li jagħmlu dan filwaqt li jieħdu parti mis-salarju tal-ħaddiem migrant. Fl-Ewropa tal-Lvant kif ukoll tal-Punent, jeżistu siti ta' l-internet, b'numri tat-telefon, li joffru ħaddiema indipendenti li m'hemmx għalfejn titħallsilhom taxxa jew sigurtà soċjali.

1.7

Din is-sitwazzjoni m'hijiex waħda rakkomandabbli għal diversi raġunijiet. Il-prinċipju bażiku għandu jkun li l-ħaddiema migranti jiġu trattati bl-istess mod bħall-ħaddiema lokali li jkunu qegħdin jaħdmu magħhom. Għandu jkun hemm ftehim li għall-istess xogħol titħallas l-istess paga u għandu jkun hemm kundizzjonijiet aħjar fir-rigward tas-sigurtà soċjali. Dan m'huwiex biss fl-interess tal-ħaddiema. Huwa fl-interess ekonomiku wkoll għal min iħaddem (sitwazzjoni bl-istess kundizzjonijiet għal kulħadd għal kompetizzjoni ġusta) u fl-interess finanzjarju ta' l-Istati Membri (fuq livell fiskali).

1.8

Tħejjiet proposta għal direttiva mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill sabiex jiġu imposti sanzjonijiet fuq min iħaddem immigranti illegali minn pajjiżi terzi. Din il-proposta tinkludi kemm sanzjonijiet armonizzati għal min iħaddem u miżuri ta' prevenzjoni, kif ukoll definizzjonijiet ta' prattiki tajbin fl-applikazzjoni ta' sanzjonijiet għal min iħaddem, u l-iskambju ta' dawn il-prattiki tajbin bejn l-Istati Membri.

1.9

Sakemm ma jitneħħewx ir-restrizzjonijiet għall-migranti mill-Istati Membri l-ġodda, il-KESE jitlob li din id-direttiva tapplika wkoll għal min iħaddem nies mill-Istati Membri fejn dawn ir-restrizzjonijiet għadhom jgħoddu. Barraminhekk, il-KESE jikkunsidra li l-UE għandha tissorvelja b'attenzjoni mhux biss li d-direttiva tkun trasposta fil-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri kollha iżda li tiġi applikata fil-prattika wkoll.

1.10

Il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddokumentat tista' tingħata spinta permezz ta' definizzjoni unika Ewropea għar-relazzjonijiet ta' l-impjieg li tagħmel distinzjoni bejn l-aċċettazzjoni tax-xogħol (il-provvediment tas-servizzi) u l-esekuzzjoni tal-kompiti f'kuntest ġerarkiku (kuntratt tax-xogħol). L-ILO ħarġet rakkomandazzjoni ċara fuq dan is-suġġett. Din tagħti statut iktar ċar fis-suq tax-xogħol lill-ħaddiema li huma ġenwinament indipendenti, peress li l-kapaċitajiet tagħhom imorru lilhinn mix-xogħol mingħajr kwalifiki u rħis, u tassigura lill-ħaddiema li jkollhom il-protezzjoni li għandhom id-dritt għaliha. Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni Ewropea approvat proposta għal investigazzjoni mill-imsieħba soċjali fil-qasam tax-xogħol (taparsi) indipendenti fis-settur tal-kostruzzjoni. Jinnota wkoll bi pjaċir li l-Kummissjoni beħsiebha tiffinanzja din l-investigazzjoni.

1.11

Fil-kuntest tal-konsegwenzi tar-restrizzjonijiet fuq ix-xogħol legali, huwa rrakkomandat li dawn it-tipi ta' miżuri ma jiġux inklużi fi tkabbiriet futuri ta' l-UE. Il-KESE jitlob ukoll lill-Kummissjoni sabiex tanalizza l-possibbilità li jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-ħaddiema mit-12-il Stat Membru li saru membri fl-2004 u fl-2007. Il-maġġoranza ta' l-imsieħba soċjali fl-Ewropa jappoġġjaw din l-idea kemm fuq il-livell nazzjonali u Komunitarju kif ukoll fuq il-livell tagħhom stess sabiex il-ħaddiema migranti jkunu ttrattati bl-istess mod.

2.   Introduzzjoni

2.1

Skond l-istrateġija ta' Lisbona, l-UE għandha tkun ekonomija kompetittiva ħafna, ibbażata fuq l-għarfien, b'sisien tal-produzzjoni u l-konsum li jkunu sostenibbli u b'livell għoli ta' koeżjoni soċjali.

2.2

Illum l-UE hija ekonomija bbażata fuq l-għarfien li hija kompetittiva mhux ħażin, b'tendenzi ta' produzzjoni u konsum li, attwalment m'humiex sostenibbli biżżejjed u b'livell ta' koeżjoni soċjali li għad irid jittejjeb.

2.3

Din l-opinjoni tiffoka b'mod partikulari fuq dan l-aspett ta' l-aħħar: il-koeżjoni soċjali. L-UE qiegħda tagħti ħafna attenzjoni lill-iżvilupp ekonomiku u s-sostenibilità, speċjalment tal-produzzjoni. In-nuqqas ta' attenzjoni politika mogħtija lit-tielet pilastru ta' l-istrateġija ta' Lisbona, m'huwiex qiegħed isaħħaħ il-koeżjoni soċjali iżda jdgħajjifha.

2.4

Il-konsegwenzi ta' dan huma evidenti fis-suq tax-xogħol. Il-proporzjon ta' l-impjieg informali qiegħda tiżdied u reġa' deher it-tip ta' impjegat li sa dan l-aħħar kien maħsub li ilu li nqata': il-ħaddiem li jieħu xogħol bl-imqietgħa (day labourer).

2.5

Il-ħaddiema bl-imqietgħa l-ġodda joffru s-servizzi tagħhom fit-triq, f'postijiet li huma magħrufa bħala “punti ta' ġbir” għall-kapijiet ta' gangs illegali (gangmasters). Dawn jiġu ingaġġati fuq bażi ta' jum b'jum, mingħajr tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul u lanqas mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Dawn iridu jaħdmu sigħat eċċessivament twal kuljum, jitħallsu ftit fis-siegħa u m'huma koperti bl-ebda mod mil-leġislazzjoni ta' l-impjieg — jekk teżisti.

2.6

Sa ftit snin ilu, is-suq tax-xogħol, speċjalment dak tax-xogħol li jeħtieġ ftit jew xejn ħiliet, kien orjentat lejn il-livell nazzjonali. Wara t-tkabbir ta' l-UE fl-2004, inħoloq suq tax-xogħol Ewropew għal dan is-segment partikulari. Mit-tkabbir ta' l-2007 'l hemm kien hemm żieda qawwija fil-provvediment tax-xogħol billi l-ħaddiema Bulgari u Rumeni wkoll saru parti minn dan is-suq.

2.7

Is-settur fejn din it-tendenza qiegħda tiżviluppa b'mod qawwi huwa l-agrikoltura. Barraminhekk, ħafna nies li qegħdin ifittxu x-xogħol f'pajjiż ieħor kważi dejjem — bir-raġun — isibu l-ewwel impjieg tagħhom f'dan is-settur.

2.8

L-għan ta' din l-opinjoni tal-KESE huwa li din il-problema titqiegħed fuq l-aġenda ta' l-UE sabiex l-istituzzjonijiet Ewropej rilevanti, flimkien ma' l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, ikunu f'pożizzjoni li jfittxu soluzzjonijiet għal din il-problema sinifikanti u diffiċli li — b'xorti ħażina — qiegħda tikber.

3.   L-agrikoltura

3.1

L-agrikoltura tiġbor l-attivitajiet ekonomiċi kollha li, bis-saħħa tagħhom, l-ambjent naturali jiġi adattat għall-produzzjoni tal-pjanti u l-annimali (1). Għal dan il-għan jintużaw numru kbir ta' metodi diversi, skond il-prodott, il-metodu ta' produzzjoni u l-livell ta' prosperità, li jvarjaw minn xogħol b'għodod sempliċi għall-użu ta' makkinarju kbir li kulma jmur qiegħed jissostitwixxi x-xogħol ta' l-idejn.

3.2

Is-settur agrikolu huwa settur importanti ta' l-ekonomija ta' l-UE. Fl-UE, iktar minn 160 miljun ettaru ta' l-art tintuża bħala raba'. Hemm 11-il miljun kumpanija agrikola li jipprovdu impjieg għal 15-il miljun ruħ. Il-maġġoranza ta' dawn huma l-bdiewa nfushom u l-membri tal-familji tagħhom, iżda madwar miljun kumpanija agrikola għandhom total ta' 6,5 miljun impjegat. Minn dawn, 4,5 miljuni jaħdmu bħala ħaddiema staġunali, li minnhom numru mhux magħruf qegħdin jaħdmu barra minn pajjiżhom (2). Ħafna minn dawn il-ħaddiema staġunali jiġu mill-Polonja, il-Bulgarija u r-Rumanija.

3.3

L-attivitajiet agrikoli jistgħu jinqasmu f'attivitajiet differenti: it-trobbija ta' l-annimali (produzzjoni ta' l-annimali) u l-akkwakultura (il-produzzjoni tal-ħut), l-ortikultura (produzzjoni fuq skala żgħira ta' pjanti b'ċiklu qasir bħall-ħxejjex, il-pjanti ornamentali, il-frott u l-faqqiegħ) u l-biedja tal-ħrit (li hija differenti mill-ortikultura billi l-kultivazzjoni ta' l-uċuħ tar-raba' tkun fuq skala ikbar u inqas intensiva fix-xogħol). Il-foresterija li tkun intiża għal finijiet kummerċjali m'hijiex rikonoxxuta kullimkien fl-UE bħala parti mis-settur ta' l-agrikoltura; f'ċerti pajjiżi din hija kkunsidrata bħala settur indipendenti.

3.4

L-agrikoltura ma tipproduċix biss l-ikel, iżda kulma jmur qiegħda tipproduċi prodotti oħrajn bħall-fjuri, il-pelliċċi, il-ġild, il-bijokarburanti (il-bijodiżil, l-etanol, il-gass, is-siġar li jikbru malajr għall-produzzjoni ta' l-injam), l-enżimi, iż-żrieragħ, eċċ. Uċuħ tar-raba' li jkunu mmodifikati ġenetikament jipproduċu wkoll mediċini speċjalizzati.

3.5

Skond informazzjoni kemm ta' l-ILO (3) kif ukoll ta' l-Eurofound (4) l-agrikoltura hija l-iktar settur perikoluż għall-ħaddiema. B'kollox, kull sena jkun hemm madwar 335 000 inċident fatali fuq il-post tax-xogħol. Iktar minn nofshom — 170 000 — jiġru fis-settur agrikolu.

4.   Tipi ta' xogħol informali

4.1

Minħabba ħafna komplikazzjonijiet legali fl-UE, ma tistax titfassal definizzjoni ċara ta' xogħol informali f'Ewropa b'suq ħieles. Il-prattiki li huma normali f'pajjiż (jekk m'hemm l-ebda regoli f'ċertu qasam, ma jistax ikun hemm il-konformità) huma kkunsidrati bħala straordinarji jew saħansitra illegali f'pajjiż ieħor.

4.2

Id-definizzjonijiet nazzjonali ta' xogħol informali jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Dawn jirreferu għal attivitajiet li m'humiex inklużi fl-istatistika uffiċjali ta' l-ekonomija formali. Iċ-ċifri jeżistu, iżda dawn ta' spiss jiġu minn sors wieħed biss, u mhux dejjem jistgħu jiġu vverifikati u għaldaqstant m'humiex dejjem affidabbli. Madankollu, m'hemm l-ebda dubju li x-xogħol informali fuq skala kbira jeżisti.

4.3

Kważi d-definizzjonijiet nazzjonali kollha tax-xogħol informali jenfasizzaw in-nuqqas ta' konformità ma' l-obbligazzjonijiet tat-taxxa. In-nuqqas ta' obbligazzjonijiet fir-rigward tas-sigurtà soċjali huwa kkwotat fi kważi kull definizzjoni. Ħaġa ta' l-għaġeb, in-nuqqas ta' konformità ma' obbligi oħrajn fil-qasam tal-liġi ta' l-impjieg (il-kundizzjonijeit ta' l-impjieg, il-ħin tax-xogħol, ftehimiet kollettivi vinkolanti) rari tagħmel parti mid-definizzjonijiet nazzjonali tax-xogħol informali.

4.4

Ix-xogħol informali jitwettaq minn impjegati li ma jkunux reġistrati li mhux neċessarjament ikunu ħaddiema migranti mingħajr permess tax-xogħol u/jew tar-residenza. Persuni li ma jkollhomx id-dokumenti mitluba qegħdin jaħdmu informalment ukoll — jew ma jkollhomx bżonnhom billi jkollhom in-nazzjonalità tal-pajjiż li fih ikun sar ir-reat. Madankollu, persuni mingħajr dokumenti validi huma iżjed vulnerabbli u għalhekk ikun iktar faċli li jiġu sfruttati minn nies li jkollhom dokumenti validi. Dan il-grupp ta' l-aħħar, għandu aċċess għax-xogħol formali; l-ewwel grupp m'għandux.

4.5

Apparti mill-impjieg klassiku imħallas, hemm ukoll “il-persuni li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati”. Dawn “il-persuni li jaħdmu għal rashom” jitqiesu bħala intraprendituri, u m'hemm għalfejn titħallsilhom l-ebda taxxa jew kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali u huma responsabbli għal dawn il-kontribuzzjonijiet.

4.6

Dawk li jaħdmu għal rashom lanqas m'huma koperti mil-liġi ta' l-impjieg li tapplika għall-impjegati. Għal dawn in-nies ma teżisti l-ebda paga minima, l-ebda massimu ta' sigħat ta' ħidma fil-ġimgħa u l-ebda regolament tas-saħħa u s-sigurtà. Fid-dawl tar-riskju għoli ta' inċidenti serji f'dan is-settur (ara l-punt 3.5) dan m'huwiex aċċettabbli. Dawn “il-persuni li jaħdmu għal rashom” huma ħielsa sabiex jaħdmu għal kwalunkwe rati ta' ħlas u taħt kundizzjonijiet li jaqblu fuqhom ma' min iħaddimhom.

4.7

Dawn il-persuni li jaħdmu għal rashom inizjalment kienu jkunu professjonisti u ta' l-esperjenza b'ħiliet f'oqsma speċifiċi. Bħala regola, suppost ikunu għamlu s-snin sabiex jilħqu bħala speċjalisti ħalli jkunu jistgħu jaħdmu għal rashom.

4.8

Bħalissa, minħabba żieda fl-esternalizzazzjoni, wara li jkunu twarrbu l-funzjonijiet non-essenzjali, qiegħed jiġi esternalizzat xogħol li huwa ħafna iktar minn sempliċement speċjalizzat. Grupp ristrett ta' persunal regolari li jkun imħarreġ tajjeb huwa biżżejjed; it-twettiq ta' l-iktar kompiti sempliċi kulma jmur qegħdin jiġu esternalizzati u mogħtija b'sotto-kuntratt. Id-domanda għal dan it-tip ta' xogħol qiegħda tiġi ssodisfata minn numru importanti ta' persuni ġodda li jaħdmu għal rashom li issa saru parti mis-suq tax-xogħol. L-iktar speċjalità importanti ta' dawn il-persuni l-ġodda li jaħdmu għal rashom hija l-provvediment tax-xogħol irħis u li jirrikjedi ftit li xejn kwalifiki.

4.9

Din il-forma ta' impjieg taparsi indipendenti ntużat fl-aħħar tas-snin tmenin sabiex il-qgħad jiġi esportat mill-Irlanda u mir-Renju Unit. Inizjalment, il-leġislazzjoni tar-Renju Unit kellha għadd ta' garanziji li bihom seta' jiġi vverifikat jekk il-ħaddiema indipendenti kinux jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Kellhom ikunu speċjalisti esperti f'kompitu speċifiku. Il-gvern ta' dak iż-żmien neħħa dawn il-kriterji ta' għażla u b'hekk f'daqqa waħda ppermetta lil ħafna iktar nies jirreġistraw kemm bħala persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll sabiex jaħdmu fuq il-kontinent mingħajr ma jkunu soġġetti għal-liġi fis-seħħ fl-Istati Membri hemmhekk (5).

4.10

Dan il-fenomenu m'għadux jgħodd esklussivament għall-pajjiżi Anglosassoni: waqt konferenza dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema, kelliem tal-gvern stqarr li l-gvern Pollakk sejjaħ lil dawk li qegħdin ifittxu l-impjieg sabiex jirreġistraw bħala persuni li jaħdmu għal rashom (6). B'hekk ikunu jistgħu jduru mar-restrizzjonijiet li fadal għall-ħaddiema fl-Istati Membri l-oħra u jkunu jistgħu jaħdmu kullimkien. B'dan il-mod, l-istatus ta' dawn li jaħdmu għal rashom jintuża b'mod regolari u apposta bħala arranġament ta' skema għall-evażjoni tal-liġi tax-xogħol jew regolamenti minn katina ta' sottokuntratti u esternalizzazzjoni. Permezz ta' dawn in-nies bi status (taparsi) indipendenti, li ħafna drabi joffru s-servizzi tagħhom bl-intermedjarji, ir-responsabilità għat-taxxa fuq id-dħul u l-pagamenti tas-sigurtà soċjali jkollha tintrefa' minn partijiet li huma aktar 'l isfel fil-katina.

4.11

Dan il-fenomenu jeżisti wkoll fuq skala kbira fis-settur tal-bini u hawn diġà sar ħafna iktar stħarriġ milli fis-settur agrikolu. Hemm ħafna aspetti jixxiebhu bejn dawn is-setturi, iżda dak li għandhom l-iktar komuni bejniethom huma t-tliet l-ikbar fatturi ta' riskju għax-xogħol informali: xogħol intensiv, temporanju u xogħol li jitwettaq prinċipalment minn ħaddiema li ma jkunux residenti. Sadanittant, l-imsieħba soċjali tas-settur tal-bini identifikaw il-periklu u talbu lill-Kummissjoni Ewropea għal sussidji sabiex jagħmlu studju dwar dan il-fenomenu ta' xogħol (taparsi) indipendenti fi 18-il Stat Membru. Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba u din il-proposta ta' studju ser tagħmel parti minn akkwist pubbliku fuq livell Ewropew.

4.12

Minħabba li għad m'hemmx qafas legali Ewropew għar-relazzjonijiet ta' l-impjieg, hemm il-possibbilità għall-kummerċ dubjuż tax-xogħol irħis. Dan iwassal għal riperkussjonijiet ta' ħsara fil-livell Ewropew. Anke l-Kummissjoni Ewropea tammetti dan fir-“Rapport dwar il-Funzjonament ta' l-Arranġamenti Transitorji li ġew stabbiliti fit-Trattat ta' Adeżjoni ta' l-2003” fejn tistqarr li “r-restrizzjonijiet setgħu inkoraġġew liċ-ċittadini ta' l-UE8 sabiex iqisu modi oħra kif iwettqu attività ekonomika fl-Istati Membri ta' l-UE15, li hija riflessa f'influss tabilħaqq għoli ta' ħaddiema stazzjonati jew ta' ħaddiema li qed isostnu li huma jaħdmu għal rashom” (7).

4.13

Fl-istess rapport il-Kummissjoni tistqarr li: “Filwaqt li rrikonoxxew li l-flussi migratorji mill-UE8 għall-Istati Membri ta' l-UE15 kienu modesti, l-imsieħba soċjali enfasizzaw bil-qawwa li t-tgħawwir fl-istandards tax-xogħol u d-”dumping soċjali “għandhom ikunu evitati. Ġibdu wkoll l-attenzjoni fuq il-fatt li r-restrizzjonijiet fuq ix-xogħol legali fil-fatt iwasslu għal proliferazzjoni ta' xogħol mhux iddokumentat, xogħol li taparsi jkun” indipendenti “u provvediment fittizju ta' servizzi u xogħol taparsi b'sottokuntratt.” Iktar tard il-Kummissjoni tikkorreġi l-fehma li l-flussi migratorji ma kinux daqshekk serji billi tikkumenta li “il-flussi migratorji reali min-naħa għall-oħra ta' l-UE mkabbra jistgħu jkunu akbar minn dak li jista' jidher mid-data li ġiet ippreżentata f'dan ir-rapport minħabba li l-fenomenu tax-xogħol mhux iddikjarat ma jinqabadx għalkollox mill-istatistiċi uffiċjali.” Il-Kummissjoni tosserva, li ġeneralment, ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tax-xogħol jistgħu jkabbru r-rata tax-xogħol mhux iddikjarat.

4.14

Fl-Olanda, per eżempju, fl-1992 kien hemm total ta' 54 200 FTE (xogħol ekwivalenti għal full-time) ingaġġati fl-ortikultura, is-settur agrikolu bl-ikbar numru ta' impjegati. Kważi 87 % tal-ħaddiema kienu f'impjieg permanenti, iktar minn 13 % kienu marbuta mal-kummerċ b'xi mod jew ieħor (persunal ta' aġenziji ta' reklutaġġ, impjieg temporanju, persuni li taparsi jaħdmu għal rashom). Fl-2005 s-settur tela' għal 59 000 FTE, b'iktar minn 61 % tal-ħaddiema li dak iż-żmien kellhom impjieg permanenti u kważi 39 % marbuta, b'xi mod jew ieħor, mal-kummerċ. Ta' min jinnota li dawn iċ-ċifri jgħoddu għall-ekonomija formali. Huwa stmat li fir-rebbiegħa ta' l-2007 kien hemm 40 000 FTE addizzjonali jaħdmu b'mod informali fis-settur (8). Madankollu, jidher li l-proporzjon tax-xogħol informali fis-settur ta' l-ortikultura qiegħda tonqos b'mod konsistenti mindu tneħħew ir-restrizzjonijiet għaċ-ċittadini mill-pajjiżi li saru membri fl-2004.

5.   L-istandards tax-xogħol jinsabu taħt pressjoni

5.1

Dawn l-aħħar snin urew li l-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tax-xogħol ta' spiss tkun kontroproduttiva. Fil-fatt, dan jista' jwassal għall-evażjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi u dawk li għandhom x'jaqsmu mal-kundizzjonjiet tax-xogħol. Sal-31 ta' Diċembru 2008 m'hemm l-ebda restrizzjoni għar-Rumeni u l-Bulgari li qegħdin ifittxu x-xogħol fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja, fis-Slovakkja, fir-Repubblika Ċeka, fl-Isvezja, fil-Finlandja, f'Ċipru u fl-Islovenja, minkejja li fl-aħħar tliet pajjiżi n-nazzjonali Rumeni u Bulgari jridu jirreġistraw. Il-15-il Stat Membru li fadal jimponu restrizzjonijiet fuq ir-Rumeni u l-Bulgari li qegħdin ifittxu x-xogħol (9). Għal dawk il-persuni mill-EU10 li qegħdin ifittxu x-xogħol, ċerti restrizzjonijiet għadhom jgħoddu. Madankollu, dawn jirrigwardaw numru żgħir ta' pajjiżi u japplikaw inqas restrizzjonijiet minn dawk li jolqtu lill-ħaddiema Bulgari u Rumeni (10).

5.2

Il-migrazzjoni tax-xogħol fl-UE għandha natura ekonomika u hija l-konsegwenza tal-moviment liberu tal-ħaddiema f'Unjoni Ewropea fejn jeżistu differenzi kbar fl-istandards tal-ħajja bejn l-Istati Membri. Ir-rati għoljin tal-qgħad f'għadd ta' Stati Membri u d-domanda għal xogħol li jirrikjedi ftit kwalifiki u rħis fil-15-il Stat Membru antiki jassiguraw fluss kontinwu ta' persuni jfittxu x-xogħol.

5.3

Ħafna persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol isibuh fis-settur agrikolu minħabba li hemm domanda għolja għal ħaddiema temporanji addizzjonali f'dan is-settur fi żmien il-ħsad. Dan huwa settur ukoll fejn l-opportunità għad-dumping soċjali hija ikbar minn dik f'setturi oħrajn. Fost raġunijiet oħra, dan huwa minħabba għadd ta' Stati Membri li m'għandhom l-ebda ftehim kollettiv fis-seħħ fuq il-pagi għas-settur jew minħabba li f'numru ta' każijiet dawk il-ftehimiet li jeżistu ġew iddikjarati bħala ftehimiet li m'humiex vinkolanti universalment.

5.4

Ix-xogħol staġunali huwa karatteristiku strutturali ta' l-agrikoltura Ewropea. Il-produzzjoni agrikola sostenibbli u effiċjenti m'hijiex possibbli mingħajr l-utilizzazzjoni ta' forza tax-xogħol flessibbli. Il-biċċa l-kbira tax-xogħol staġunali fis-settur agrikolu jsir minn ħaddiema migranti. F'ċerti każijiet jinħolqu problemi li jheddu l-koeżjoni soċjali.

5.5

Il-ħaddiema migranti li jaħdmu fis-settur formali huma ħafna drabi diġà irħas mill-ħaddiema lokali billi min iħaddimhom ma jkollux għalfejn iħallas għadd ta' kontribuzzjonijiet għalihom, per eżempju l-fondi ta' taħriġ settorjali u l-fondi tal-pensjonijiet. Il-migranti mill-10 pajjiżi ta' l-UE li saru membri fl-2004, u f'għadd ta' pajjiżi ta' l-UE fejn għad hemm restrizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, sikwit jagħmlu xogħol informali parti mill-ħin sabiex ma jiġux rapportati s-sigħat kollha lill-awtoritajiet tat-taxxa. Immigranti mill-Bulgarija u mir-Rumanija, li għandhom iktar restrizzjonijiet imposti fuqhom, huma ġeneralment totalment dipendenti fuq is-settur informali. Fis-settur informali, il-ħaddiema ma jitħallsux għas-sigħat kollha li jkunu ħadmu, ir-rati fis-siegħa huma baxxi wisq jew inkella jinġagħlu jidħlu f'kuntratti inġusti sabiex ikunu (taparsi) persuni li jaħdmu għal rashom.

5.6

L-ILO ħarġet għadd ta' konvenzjonijiet dwar il-problema trattata f'din l-opinjoni. Hemm il-konvenzjonijiet 97 (Il-Migrazzjoni għall-Impjieg — Migration for Employment, 1949), 143 (Dispożizzjonijiet Supplementari għall-Ħaddiema Migranti — Migrant Workers Supplementary Provisions, 1975), 181 (L-Aġenziji Privati ta' l-Impjieg — Private Employment Agencies, 1997) u 184 (Is-Sigurtà u s-Saħħa fl-Agrikoltura — Safety & Health in Agriculture, 2001). Il-konvenzjonijiet 97 u 181 ma ġewx ratifikati minn 17-il Stat Membru ta' l-UE27. Il-Konvenzjoni 143 ma ġietx ratifikata minn 22 mill-Istati Membri ta' l-UE u l-konvenzjoni 184 ma ġietx ratifikata minn 24 Stat Membru. Stat Membru wieħed biss irratifika l-erba' konvenzjonijiet kollha (11). Fl-2006, l-ILO ħarġet rakkomandazzjoni dwar ir-relazzjonijiet fl-impjieg (12). L-għan prinċipali ta' din ir-rakkomandazzjoni huwa li fil-pajjiżi kollha l-leġislazzjoni tittejjeb b'tali mod li tinħoloq distinzjoni ċara u komuni bejn il-ħaddiema indipendenti u l-impjegati. Din id-distinzjoni hija indispensabbli sabiex jitwaqqfu għadd jikber ta' prattiki qarrieqa li jgħattu l-fatt li dawn il-ħaddiema huma impjegati fir-realtà imma qegħdin jitqiesu bħala ħaddiema indipendenti (13).

6.   L-infurzar ta' regolamenti tax-xogħol

6.1

Il-prinċipju bażiku għandu jkun li l-ħaddiema migranti jiġu trattati f'kull rispett bl-istess mod bħall-kollegi lokali li jkunu qegħdin jaħdmu magħhom. Għandu jkun hemm paga ugwali għal xogħol ugwali u kundizzjonijiet aħjar fir-rigward ta' l-aċċess għas-sigurtà soċjali. Din m'hijiex biss kwistjoni soċjali. Huwa wkoll importanti mil-lat ekonomiku għal min iħaddem (sitwazzjoni bl-istess kundizzjonijiet għal kulħadd għal kompetizzjoni ġusta) u importanti mil-lat finanzjarju għall-Istati Membri (fuq livell fiskali). Għad fadal ħafna sabiex dan il-prinċipju jkun applikat kullimkien. Fl-Olanda, meta tneħħew il-miżuri transitorji għal dawk il-pajjiżi li saru membri fl-2004, l-imsieħba soċjali qablu li jikkollaboraw fil-kontroll tar-rispett għal-leġislazzjoni u r-regolamenti soċjali u tax-xogħol mill-1 ta' Mejju 2007. L-awtoritajiet pubbliċi wegħdu li jintroduċu miżuri ta' appoġġ. S'issa dan ma wassal għall-ebda riżultat konkret.

6.2

Teżisti proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (14). Il-proposta tipprovdi għal sanzjonijiet armonizzati għal min iħaddem u miżuri preventivi, kif ukoll l-identifikazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajbin dwar l-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet fuq min iħaddem bejn l-Istati Membri.

6.3

Ir-raġuni għal din il-proposta hija n-numru sostanzjali ta' persuni minn pajjiżi terzi li qegħdin fl-UE illegalment (ċifra stmata bejn madwar 4.5 u 8 miljuni). Dan jirriżulta f'impjieg illegali, fejn l-agrikoltura, flimkien mal-bini, il-lukandi/catering u t-tindif, hija waħda mill-erba' setturi ewlenin fejn isseħħ din il-prattika. Fil-proposta, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistqarru li l-impjieg illegali, “bħax-xogħol mhux iddikjarat miċ-ċittadini ta' l-UE, iwassal għal telf fil-finanzi pubbliċi, jista' jwassal għal tnaqqis fis-salarji u għal degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, jista' jfixkel il-kompetizzjoni bejn l-impriżi u b'hekk il-ħaddiema mhux iddikjarati ma jibbenefikawx minn assigurazzjoni fuq is-saħħa u minn drittijiet għal pensjoni li jiddependu fuq il-kontribuzzjonijiet”.

6.4

Fir-rapport tagħhom dwar il-funzjonament ta' l-arranġamenti transitorjii mressqa fit-Trattat ta' l-Adeżjoni (perijodu 1 ta' Mejju 2004 — 30 ta' April 2006), l-imsieħba soċjali Ewropej irrapportaw li r-restrizzjonijiet fuq xogħol legali fil-fatt wasslu għal proliferazzjoni ta' xogħol li ma kienx iddokumentat, xogħol indipendenti fittizju, u provvista fittizja ta' servizzi u sotto-kuntratti. L-esperjenza turi li jkun aħjar li jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-ħaddiema mit-12-il Stat Membru li saru Membri fl-2004 u l-2007 sabiex tinħoloq sitwazzjoni bl-istess kundizzjonijiet għal kulħadd. Il-maġġoranza l-kbira ta' l-imsieħba soċjali Ewropej huma wkoll ta' din il-fehma, bil-patt u l-kundizzjoni li tittieħed azzjoni reali fil-livelli ta' l-UE u nazzjonali kif ukoll fil-livell ta' l-imsieħba soċjali sabiex it-trattament ugwali għall-ħaddiema migranti jkun issorveljat.

6.5

Sakemm ir-restrizzjonijiet ma jitneħħewx, il-KESE jitlob li d-direttiva proposta għas-sanzjonijiet kontra min iħaddem in-nies illegalment tapplika wkoll għal min iħaddem b'mod illegali nies minn pajjiżi terzi jew minn pajjiżi ta' l-UE li għadhom soġġetti għal restrizzjonijiet. Barraminhekk, il-KESE jikkunsidra li huwa essenzjali li l-UE tassigura li d-direttiva mhux biss tiġi trasposta fl-Istati Membri iżda tiġi applikata fil-prattika wkoll.

6.6

Barraminhekk, din id-direttiva turi d-differenzi kbar li jeżistu fil-kwalità u l-intensità tal-kontrolli u l-livell tal-penali bejn l-Istati Membri. Fl-Olanda, meta persuna li tħaddem tinstab ħatja li qiegħda tħaddem nies b'mod illegali tista' tingħata multa massima ta' EUR 6 700 għal kull ħaddiem. Fil-Belġju, il-multa hija ta' EUR 20 000, fil-Lussemburgu EUR 50 000. Madankollu, hemm ċerti Stati Membri li għad m'għandhomx penali għal min jimpjega ħaddiema b'mod illegali.

6.7

L-iskambju ta' prattiki tajbin jifformaw parti indispensabbli minn dak il-proċess li għandu jwassal għall-koeżjoni soċjali. Matul is-seduta f'Plovdiv (15) issemmew bosta prattiki tajbin, bħal:

It-twaqqif ta' kunsill internazzjonali tat-trade unions fir-reġjun transkonfinali ta' Bürgenland (16) bejn l-Awstrija u l-Ungerija. It-trade unions Awstrijaki u Ungeriżi jaħdmu flimkien sabiex jassiguraw li x-xogħol transkonfinali jimxi skond il-liġi u r-regolamenti;

Iċ-ċertifikazzjoni ta' l-hekk imsejħa “sistema għall-kapijiet ta' gangs illegali” fir-Renju Unit (17). Permezz ta' kontroll strett, l-awtoritajiet setgħu jiċċertifikaw il-kapijiet ġenwini, li fis-settur agrikolu huma l-intermedjarji prinċipali li jissodisfaw id-domanda għal xogħol temporanju;

Fil-Belġju, l-imsieħba soċjali fis-settur agrikolu fasslu sistema operattiva ta' kontroll amministrattiv bil-għan li jiġi evitat ix-xogħol illegali (18);

Fl-2007, l-imsieħba soċjali fl-Olanda introduċew sistema ta' ċertifikazzjoni sabiex jiġi garantit kontroll effettiv tar-rispett għar-regolamenti soċjali u tax-xogħol fis-settur tax-xogħol temporanju (19). Is-sistema għadha qiegħda tesperjenza problemi tipiċi tal-bidu iżda l-intenzjoni hija tajba u l-iżvilupp tagħha huwa promettenti;

F'Settembru 2007, l-imsieħba soċjali, il-Ministru tax-xogħol u l-Ministru ta' l-agrikoltura fl-Italja qablu fuq programm vast għall-ġlieda kontra l-espansjoni tax-xogħol informali u ta' persuni li taparsi jaħdmu għal rashom (20);

L-ILO żviluppat programmi bil-għan li jiġu regolarizzati l-aġenziji tax-xogħol privati sabiex jiġi evitat li l-ħaddiema migranti jiġu traffikati u sfruttati minn intermedjarji dubjużi. Dawn il-programmi huma indirizzati lil-leġislaturi, l-ispetturi tax-xogħol, il-pulizija eċċ.

6.8

Dawn is-sitwazzjonijiet li ssemmew f'dawn l-eżempji ma jistgħux jitqabblu għal kollox mas-sitwazzjoni tal-ħaddiema Bulgari u Rumeni li qegħdin ifittxu x-xogħol fil-15-il Stat Membru antiki ta' l-UE. Il-ħaddiema Ungeriżi, per eżempju, li huma impjegati f'Bürgenland, sempliċement imorru lura d-dar kull filgħaxija, filwaqt li l-ħaddiema Rumeni u Bulgari jdumu xhur 'il bogħod minn darhom. Jeżistu forom ta' abbuż f'dawn is-sitwazzjonijiet ukoll, iżda fuq skala iżgħar u b'infurzar effettiv malajr jinqabdu u faċli jiġu sanzjonati. Għaldaqstant, l-impressjoni ġenerali hija li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nies fir-reġjun ta' Bürgenland huma soċjalment aċċettabbli.

Brussell, it-13 ta' Diċembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  NACE-code A.

(2)  www.agri-info.eu.

(3)  International Labour Organisation, l-organizzazzjoni għax-xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti, Ġinevra.

(4)  European Foundation for the improvement of living conditions, Dublin.

(5)  European Institute for Construction Labour Research (L-istitut Ewropew għar-riċerka dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-kostruzzjoni).

(6)  FAFA, konferenza dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, l-1 ta' Ġunju 2006, Oslo,

www.fafo.no.

(7)  COM (2006) 48 finali.

(8)  Productschap Tuinbouw, www.tuinbouw.nl.

(9)  http://ec.europa.eu/employment_social/free movement/enlargement_en.htm.

(10)  http://ec.europa.eu/eures/home.jsp?lang=mt.

(11)  www.ilo.org/ilolex/english/convdisp1.htm.

(12)  ILO (2006) Employment Relationship Recommendation R 198.

(13)  Amsterdam Institute of Advanced Labour Studies.

(14)  COM (2007) 249 finali.

(15)  Plovdiv, Bulgarija 18.9.2007.

(16)  www.igr.at.

(17)  www.gla.gov.uk.

(18)  www.limosa.be u www.ksz.fgov.be/En/CBSS.htm.

(19)  www.normeringarbeid.nl.

(20)  www.lavoro.gov.it u www.lavoro.gov.it/NR/rdonlyres/7E345511-29CC-4D81-B502-225F85070D3C/0/new_n12ottobre07.pdf.