27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 256/131


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-“Ewroreġjuni”

(2007/C 256/23)

Nhar is-17 ta' Jannar 2006, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità ma'Regola 29 paragrafu 2 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-Ewroreġjuni.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Ġunju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Zufiaur.

Matul l-437 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-11 u t-12 ta' Lulju 2007 (seduta tal-11 ta' Lulju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'108 vot favur u astensjoni waħda.

1.   Sfond

1.1   Definizzjoni

1.1.1

L-Ewroreġjuni huma strutturi permanenti bil-għan li jippromovu l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet lokali jew reġjonali li huma ġirien diretti u li jmissu ma' fruntieri komuni.

1.1.1.1

Il-karatteristiċi speċifiċi (1) ta' dawn l-istrutturi jinkludu dawn li ġejjin:

l-Ewroreġjuni u strutturi simili la huma forma ġdida ta' amministrazzjoni u lanqas livell ġdid ta' gvern; huma pjattaforma għall-iskambju u għall-kooperazzjoni transkonfinali “orizzontali” bejn il-gvern lokali u reġjonali; dawn jippromovu wkoll kooperazzjoni “vertikali” iktar stretta bejn l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, il-gvernijiet ta' l-Istat u l-istituzzjonijiet Ewropej.

Huma assoċjazzjonijiet ta' awtoritajiet lokali u reġjonali fuq iż-żewġ naħat ta' fruntiera nazzjonali, kultant b'assemblea parlamentari.

Huma assoċjazzjonijiet transkonfinali b'segretarjat permanenti, tim tekniku u amministrattiv u riżorsi tagħhom stess.

F'xi każijiet, huma korpi tal-liġi privata, ibbażati fuq assoċjazzjonijiet jew fondazzjonijiet fuq kull naħa ta' fruntiera, b'konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħhom rispettivi. F'każijiet oħra, huma korpi tal-liġi pubblika, ibbażati fuq ftehim bejn l-Istati, bil-għan, fost affarijiet oħra, li tiġi assigurata l-parteċipazzjoni u l-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

L-Ewroreġjuni huma ta' sikwit definiti mhux biss mill-fruntieri ġeografiċi jew politiki/amministrattivi tagħhom iżda jaqsmu wkoll karatteristiċi komuni ekonomiċi, soċjali jew kulturali.

1.1.2

Jeżistu diversi termini għall-“Ewroreġjuni” differenti, inklużi Euroregio, Ewroreġjun, Reġjun Ewropew, Reġjun … u l-periferija tiegħu (Greater … Region), Regio, eċċ.

1.2   Għanijiet

1.2.1

L-għan prinċipali ta' l-Ewroreġjuni u strutturi simili (2) huwa li jassigura l-kooperazzjoni transkonfinali, li l-prijoritajiet tagħha huma magħżula fuq bażijiet differenti skond il-karatteristiċi reġjonali u ġeografiċi. Fl-istadji bikrija, jew fil-każ tal-komunitajiet ħaddiema b'għanijiet speċifiċi ħafna, l-ewwel prijorità hija li tippromovi l-fehim reċiproku, l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kulturali u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ekonomika. L-Ewroreġjuni li għandhom strutturi iktar integrati u riżorsi finanzjarji tagħhom stess jistabbilixxu għanijiet iktar ambizzjużi għalihom innifishom. Dawn jindirizzaw it-tipi kollha ta' kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni transkonfinali, mill-promozzjoni ta' interessi komuni fl-oqsma kollha sa l-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta' programmi transkonfinali u proġetti prattiki.

1.2.2

L-attivitajiet transkonfinali jħaddnu mhux biss l-iżvilupp soċjo-ekonomiku u l-kooperazzjoni kulturali, iżda wkoll oqsma oħra ta' interess ġenerali għall-komunitajiet konfinali, b'mod partikulari l-affarijiet soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-ġestjoni ta' l-iskart, il-ħarsien ta' l-ambjent u l-ġestjoni tal-pajsaġġ, it-turiżmu u r-rekreazzjoni, id-diżastri naturali, it-trasport u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni.

1.2.3

L-Ewroreġjuni huma kkunsidrati bħala qafas adattat għall-implimentazzjoni ta' proġetti Ewropej għat-titjib tal-mobilità tax-xogħol u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali minħabba li jimplimentaw il-proċeduri ta' kooperazzjoni f'żoni transkonfinali, u b'hekk jevitaw kunflitti ta' responsabilità.

1.2.4

L-Ewroreġjuni jgħinu sabiex jissaħħu l-kostruzzjoni u l-integrazzjoni ta' l-UE, mil-livell l-iktar baxx u fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini.

1.2.5

Il-kooperazzjoni transkonfinali tgħin fit-tnedija ta' forom transkonfinali ta' organizzazzjoni u azzjoni fuq problemi komuni, bħall-kumitati tat-trade unions inter-reġjonali, il-kooperazzjoni bejn l-assoċjazzjonijiet kummerċjali u l-kmamar tal-kummerċ u l-ħolqien ta' kumitati ekonomiċi u soċjali Ewro-reġjonali, eċċ.

1.2.6

Il-grupp ta' studju inkarigat mit-tfassil ta' din l-Opinjoni kellu l-opportunità li josserva l-verità ta' din id-dikjarazzjoni fir-realtà, meta ġie mistieden mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tar-reġjun Saar-Lor-Lux (3) għal seduta li nżammet fil-Lussemburgu fit-13 ta' Frar 2007.

1.3   Sfond

1.3.1

Il-Kunsill ta' l-Ewropa, ibbażat fi Strasburgu, huwa l-organizzazzjoni Ewropea li għal għexieren ta' snin indirizza l-kwistjoni ta' l-Ewroreġjuni u dik tal-kooperazzjoni transkonfinali b'mod ġenerali.

1.3.2

L-ewwel esperimenti fil-kooperazzjoni reġjonali transkonfinali seħħew fl-aħħar tas-snin erbgħin. Il-Ftehim tal-Benelux, iffirmat fl-1948, kien tentattiv bikri sabiex jinqasmu l-linji diviżorji fformati mill-fruntieri ta' l-Istat. L-Euroregio nħoloq fl-1958 madwar iż-żona Olandiża ta' Enschede u ż-żona Ġermaniża ta' Gronau. Ftit wara, iżda f'dak iż-żmien barra mill-Komunità Ewropea, ġew promossi esperimenti varji fl-Iskandinavja, f'Oresund, fil-Calotte ta' Fuq u Kvarken, li jmissu mal-fruntieri tad-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja u l-Isvezja.

1.3.3

Bejn l-1975 u l-1985 twaqqfu numru ta' komunitajiet ħaddiema (KĦ) bejn ir-reġjuni fi Stati differenti, bħall-KĦ tal-Jura u l-KĦ tal-Pirinej, bi skop ta' azzjoni limitat.

1.3.4

Il-kooperazzjoni reġjonali transkonfinali u l-ħolqien ta' l-Ewroreġjuni espandew mill-1990 (4): Il-fatturi li kkontribwixxew lejn dan it-tkabbir jinkludu:

avanzi fl-integrazzjoni Ewropea, speċjalment permezz tal-ħolqien tas-suq uniku, l-introduzzjoni ta' l-euro u t-tkabbir ta' l-UE;

iż-żieda fid-deċentralizzazzjoni u r-reġjonalizzazzjoni tal-pajjiżi Ewropej;

iż-żieda fl-impjieg transkonfinali;

l-għarfien, għalkemm limitat, tar-rwol moqdi mir-reġjuni fil-gvernanza ta' l-istituzzjonijiet Ewropej;

l-implimentazzjoni ta' inizjattivi transkonfinali Komunitarji għall-kooperazzjoni bħall-Interreg.

1.3.5

L-aħħar żewġ fażijiet tat-tkabbir, li żiedu n-numru ta' l-Istati Membri ta' l-UE minn 15 għal 27, żiedu b'mod sinifikanti n-numru ta' reġjuni konfinali u l-karatteristiċi assoċjati magħhom. Sabiex inkunu speċifiċi, issa hemm 30 reġjuni konfinali skond id-definizzjoni tan-NUTS II u l-fruntieri ta' l-UE kibru minn 7,137 kilometru fit-tul sa 14,300.

1.3.6

Fir-riżoluzzjoni tiegħu (5) ta' Diċembru 2005, il-Parlament Ewropew ikkunsidra li l-kooperazzjoni transkonfinali hija ta' importanza kruċjali għall-integrazzjoni u l-koeżjoni Ewropea u sejjaħ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jippromovu u jappoġjaw l-użu ta' l-Ewroreġjuni. Il-kooperazzjoni transkonfinali ġiet inkluża wkoll fl-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (Artikolu III paragrafu 220).

1.4   Forom ta' kooperazzjoni

1.4.1

Permezz ta' l-inizjattiva Komunitarja Interreg III għall-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, il-Kummissjoni identifikat tliet oqsma ta' kooperazzjoni:

A — Kooperazzjoni transkonfinali

L-għan tal-kooperazzjoni transkonfinali huwa li tiġi assigurata l-integrazzjoni ekonomika u soċjali bl-implimentazzjoni ta' strateġiji komuni għall-iżvilupp u skambji strutturati bejn il-komunitajiet fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera.

B — Kooperazzjoni transnazzjonali

L-għan tal-kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali huwa li tiġi promossa integrazzjoni territorjali akbar billi jiġu fformati gruppi kbar ta' reġjuni jew makro-reġjuni Ewropej.

C — Kooperazzjoni inter-reġjonali

L-għan tal-kooperazzjoni inter-reġjonali huwa li jitwaqqfu skambji ta' informazzjoni u esperjenza, mhux neċessarjament fir-reġjuni konfinali biss.

L-ewroreġjuni jaqgħu partikularment taħt il-kategorija A u kulma jmur, ukoll taħt il-kategorija B.

2.   Kuntest Komunitarju

2.1

Proposti Komunitarji varji reċenti tejbu l-qafas ġenerali li fih joperaw l-Ewroreġjuni. Fl-ewwel nofs ta' l-2006, numru ta' deċiżjonijiet importanti b'implikazzjonijiet għall-kooperazzjoni transkonfinali ġew adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri.

2.2   Il-perspettiva finanzjarja

2.2.1

Il-Kummissjoni ppreżentant il-proposta inizjali tagħha dwar ir-reviżjoni tal-perspettiva finanzjarja (2007-2013) (6) fl-2004. F'din il-proposta għal Unjoni ta' 27 Stat Membru, il-Kummissjoni kkalkolat li l-infiq meħtieġ kien ta' madwar 1.14 % tad-Dħul Gross Nazzjonali (DGN) għall-perijodu 2007-2013. Fl-Opinjoni tiegħu (7), il-KESE ddikkjara l-appoġġ tiegħu għaż-żieda fir-riżorsi proprji sa massimu ta' 1.30 % tad-DGN (żieda fuq il-massimu preċedenti ta' 1.24 %), fid-dawl ta' l-isfidi kbar li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2005 waqqaf l-infiq globali għall-perijodu 2007-2013 għal 1.045 % tad-DGN. Fl-aħħar, f'April 2006, wara negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, il-proposta finali kienet EUR 864,316 miljun, jew 1.048 % tad-DGN.

2.2.2

Dan it-tnaqqis sostanzjali laqat il-fondi għall-koeżjoni ekonomika u soċjali, li waqgħu minn 0.41 % tad-DGN fl-UE-15 għal 0.37 % fl-UE-27. Dan seħħ fi żmien meta l-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda u sfidi oħra li kellha tiffaċċja l-UE bħall-globalizzazzjoni, kellhom jagħtu skop għal iktar, mhux inqas riżorsi.

2.2.3

Fir-rigward tal-kooperazzjoni territorjali fl-Ewropa, l-Objettiv 3 il-ġdid jipprovdi għal EUR 8,720 miljun (2.44 % tal-0.37 % tad-DGN ipprovduti għall-koeżjoni), meta mqabbel ma' l-EUR 13,000 miljun mitluba mill-Kummissjoni fil-proposta oriġinali tagħha. B'mod ċar, inqas flus ser ikollhom jiġġebbdu iktar.

2.2.4

L-appoġġ finanzjarju ta' l-UE għall-kooperazzjoni transkonfinali żdied meta mqabbel mal-perijodu preċedenti (2000-2006), iżda t-tnaqqis fir-rigward tal-proposti oriġinali tal-Kummissjoni jeħtieġ kooperazzjoni iktar stretta mill-korpi reġjonali u lokali u li jsir użu aħjar mir-rabtiet ta' sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat. Ir-riżorsi ppjanati attwalment ikopru iżjed żoni tal-fruntieri, speċjalment fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, wara l-adeżjoni tat-12-il Stat Membru ġdid.

2.3   Regolamenti ġodda

2.3.1

Il-proposti tal-Kummissjoni, ippreżentati f'Lulju 2004, dwar il-Fondi Strutturali għall-perijodu 2007-2013, jistabbilixxu li l-għan tal-“konverġenza” għandu jissostitwixxi l-objettiv 1 ta' qabel u l-għan tal-“kompetittività u l-impjieg” għandu jissostitwixxi l-objettiv 2 ta' qabel. Jistabbilixxu wkoll objettiv 3 ġdid — “kooperazzjoni territorjali Ewropea” — li tagħti importanza ikbar lil azzjonijiet fl-isfera reġjonali transkonfinali.

2.3.2

B'mod partikulari, dan l-objettiv 3 (8) ġdid, li huwa bbażat fuq l-esperjenza ta' l-inizjattiva Komunitarja Interreg, ser jiffoka fuq il-promozzjoni ta' integrazzjoni bilanċata bejn ir-reġjuni ta' l-Unjoni, permezz ta' kooperazzjoni transkonfinali, trans-nazzjonali u inter-reġjonali.

2.3.3

Il-Kumitat fassal l-Opinjonijiet tiegħu dwar ir-riforma tal-Fondi Strutturali u tal-Koeżjoni fl-2005 (9). Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw il-proposti ġodda għar-regolamenti fl-2006 (10).

2.4   Il-politika tal-koeżjoni: linji gwida strateġiċi

2.4.1

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (11) dwar il-linji gwida strateġiċi għall-politika tal-koeżjoni ġiet approvata wara l-adozzjoni tar-regolamenti varji għall-Fondi Strutturali. Din il-Komunikazzjoni tikkonferma l-importanza ta' l-objettiv 3 il-ġdid — “Kooperazzjoni territorjali Ewropea” — fit-tliet kategoriji: kooperazzjoni transkonfinali, trans-nazzjonali u inter-reġjonali.

2.4.2

L-għan ta' l-objettiv ġdid għall-kooperazzjoni huwa li tiġi promossa integrazzjoni territorjali akbar fl-Unjoni u li jitnaqqas l-“effett barriera” permezz tal-kooperazzjoni transkonfinali u l-iskambju tal-prattika tajba.

2.4.3

Il-linji gwida strateġiċi għall-politika Ewropea tal-koeżjoni għandhom l-għan li

a)

ir-reġjuni jsiru iktar attraenti għall-investituri;

b)

tiġi promossa l-innovazzjoni u l-intraprenditorija; u

ċ)

jinħolqu l-impjiegi; u iktar speċifikament li titqies id-dimensjoni reġjonali tal-politiki tal-koeżjoni.

2.4.4

Kif inhu magħruf sew, il-fruntieri nazzjonali ta' sikwit jippreżentaw ostaklu għall-iżvilupp tat-territorju ta' l-Ewropa fit-totalità tiegħu, u jistgħu jirrestrinġu l-potenzjal kompetittiv tiegħu. Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-kooperazzjoni Komunitarja transkonfinali hija għalhekk li telimina l-effett barriera bejn il-fruntieri nazzjonali u li twaqqaf sinerġiji sabiex jiġu indirizzati l-problemi li jeħtieġu soluzzjonijiet komuni.

2.4.5

Il-politika tal-koeżjoni għandha tiffoka fuq miżuri li jġibu l-valur miżjud fl-attivitatjiet transkonfinali, bħaż-żieda fil-kompetittività transkonfinali permezz ta' l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp; ir-rabta bejn in-netwerks intanġibbli (tas-servizzi) jew in-netwerks fiżiċi (tat-trasport) sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni transkonfinali bħala karatteristika taċ-ċittadinanza Ewropea; il-promozzjoni tal-mobilità u t-trasparenza fis-suq tax-xogħol transkonfinali; il-ġestjoni ta' l-ilma u l-kontroll ta' l-għargħar; l-iżvilupp tat-turiżmu; it-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni ta' l-atturi ekonomiċi u soċjali; il-promozzjoni tal-wirt kulturali u t-titjib ta' l-ippjanar ta' l-użu ta' l-art, eċċ.

2.5   Bażi legali ġdida għall-kooperazzjoni territorjali

2.5.1

Storikament, in-nuqqas ta' bażi legali Ewropea omoġenja għall-kooperazzjoni transkonfinali xekkel l-implimentazzjoni ta' miżuri utli f'dan il-qasam.

2.5.2

Fl-2004, il-Kummissjoni pproponiet li jitwaqqaf ir-Raggruppament Ewropew għall-Kooperazzjoni Transkonfinali (EGCC). Iktar tard, fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni emendat l-isem u biddlet it-terminu “transkonfinali” f' “territorjali”.

2.5.3

Ir-regolament adottat fil-31 ta' Lulju 2006 (12) jagħraf illi:

Il-miżuri huma neċessarji għat-tnaqqis tad-diffikultajiet sinifikanti li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri u, b'mod partikulari, l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta' l-azzjonijiet tal-kooperazzjoni territorjali fil-qafas ta'liġijiet u proċeduri nazzjonali differenti.

Sabiex jingħelbu l-ostakli li qegħdin ifixklu l-kooperazzjoni territorjali, huwa neċessarju li jiġi introdott strument ta' kooperazzjoni fil-livell Komunitarju, bil-għan li jinħolqu raggruppamenti kooperattvi fiż-żona Komunitarja. Dan għandu jkun mgħammar b'personalità legali u jissejjaħ “Raggruppament Ewropew għall- Kooperazzjoni Territorjali” (EGTC).

Il-kondizzjonijiet għall-kooperazzjoni territorjali għandhom jinħolqu b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilita fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif jidher f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tiegħu, peress li r-rikors għal EGTC m'huwiex obbligatorju, b'konformità mas-sistema kostituzzjonali ta' kull Stat Membru.

3.   Integrazzjoni ekonomika u koeżjoni soċjali u territorjali

3.1   Integrazzjoni u speċjalizzazzjoni

3.1.1

Fl-Istati Membri kbar u iktar antiki, kien hemm it-tendenza li l-biċċa l-kbira ta' l-attività ekonomika tkun ikkonċentrata fil-parti ċentrali tal-pajjiż u ta' sikwit fil-belt kapitali u l-bliet prinċipali. F'kull Stat, ġie żviluppat grad ta' speċjalizzazzjoni ekonomika reġjonali.

3.1.2

L-integrazzjoni Ewropea tħeġġeġ il-ħolqien ta' żoni ġodda ta' kooperazzjoni bħall-Ewroreġjuni. L-integrazzjoni Ewropea fissret li l-ispeċjalizzazzjoni reġjonali m'għadhiex isseħħ f'kull Stat iżda dejjem iktar fil-livell Ewropew. Il-fruntieri bejn l-Istati m'għadhomx jikkostitwixxu barriera insormontabbli għall-kummerċ. Dan iħeġġeġ relazzjonijiet ġodda bejn reġjuni — xi kultant b'livelli differenti ta' żvilupp — minn Stati Membri differenti iżda li għandhom għanijiet komuni, fuq sfond ta' speċjalizzazzjoni li kulma jmur qiegħda tiżdied fil-livell Ewropew.

3.1.3

Kooperazzjoni ta' din in-natura hija partikularment meħtieġa għall-attivitajiet fuq skala żgħira li jbatu l-iktar bħala riżultat ta' l-effett barriera. L-SMEs huma eżempju ta' dan.

3.1.4

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Ewroreġjuni għandhom jagħtu kontribuzzjoni sostanzjali lejn l-objettivi tal-politika ekonomika, soċjali u territorjali ta' l-UE. Għal dan il-għan, il-miri prinċipali tal-proposta għall-politika Ewropea territorjali ġdida huma: il-konverġenza u ż-żieda fil-kompetittività u l-impjieg, speċjalment fir-reġjuni l-inqas żviluppati u f'dawk li qegħdin jiffaċċjaw sfidi ġodda relatati ma' l-ispeċjalizzazzjoni.

3.2   Il-Kompetittività

3.2.1

L-Ewroreġjuni jiffavorixxu l-ekonomiji ta' skala. Fil-qosor, dawn joffru żieda fid-daqs tas-suq (ekonomiji ta' agglomerazzjoni), il-komplementarità tal-fatturi tal-produzzjoni u inċentivi akbar għall-investiment. Huwa stmat li xi investimenti fl-innovazzjoni u l-iżvilupp jistgħu jkollhom impatt dirett fuq distanza ta' 250-500 kilometru. Minkejja li xi Ewroreġjuni huma ikbar, l-Ewroreġjun medju jinfirex minn 50 sa 100 kilometru.

3.2.2

L-Ewroreġjuni huma kruċjali għall-kisba ta' massa kritika f'ċerti oqsma, fejn jippermettu firxa ta' investimenti f'servizzi prinċipali li ma jkunux jistgħu iseħħu mingħajr il-kooperazzjoni transkonfinali.

3.2.3

Sabiex tiżdied il-kompetittività, il-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali tista' tipprovdi benefiċċji pubbliċi diretti, per eżempju:

informazzjoni, il-komunikazzjoni, in-netwerks ta' l-enerġija u tat-trasport u infrastruttura transkonfinali oħra;

is-servizzi pubbliċi, bħall-iskejjel, l-isptarijiet u s-servizzi ta' l-emerġenza;

l-istituzzjonijiet u s-servizzi li jippromovu l-attività ekonomika privata, inkluż l-iżvilupp tal-kummerċ, l-intraprenditorija u r-rabtiet ta' sħubija bejn l-intrapriżi transkonfinali, li b'hekk joħolqu opportunitajiet ġodda għall-impjieg u l-mobilità tal-ħaddiema.

3.3   Koeżjoni: problemi li jolqtu l-impjieg transkonfinali

3.3.1

Il-maġġoranza ta' l-Ewroreġjuni jħaddnu reġjuni b'livell simili ta' żvilupp. Madankollu, xi Ewroreġjuni jinkludu wkoll reġjuni b'livelli differenti ta' żvilupp. Wieħed mill-iskopijiet ta' l-Ewroreġjuni huwa l-promozzjoni ta' l-attività ekonomika u tipi oħra ta' attività li jnaqqsu d-differenzi inter-reġjonali fir-rigward tal-livell ta' żvilupp. Parteċipazzjoni ikbar min-naħa ta' l-Istati kkonċernati u l-UE hija kruċjali sabiex dan jitwettaq.

3.3.2

Investiment fis-servizzi soċjali bażiċi f'żoni konfinali huma tipikament iktar baxxi mill-investiment f'żoni iktar ċentrali f'kull pajjiż, ta' sikwit bħala konsegwenza ta' l-influwenza iktar dgħajfa taż-żoni tal-fruntiera fiċ-ċentri tat-teħid tad-deċiżjonijiet. F'ħafna mill-każijiet, dan jirriżulta iwassal għak finanzjamentinadegwat tas-servizzi ta' kwalità għolja, diversa u ta' qligħ, b'mod partikulari dawk li jservu l-iktar membri vulnerabbli tas-soċjetà, inklużi t-tfal, l-immigranti, il-familji bi dħul baxx, il-persuni b'diżabilità, il-persuni b'mard kroniku, eċċ.

3.3.3

L-Ewroreġjuni jistgħu jaqdu rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' dan it-tip ta' servizz u billi jassiguraw li dawn is-setturi soċjali huma konsegwentement mogħtija protezzjoni ikbar bħala riżultat ta' aproċċ transkonfinali. Barrminhekk, l-Ewroreġjuni jistgħu jikkontribwixxu wkoll sa ċertu punt sabiex jingħelbu l-barrieri legali, amministrattivi u finanzjarji u d-differenzi li jfixklu l-progress ta' dawn il-komunitajiet. Jikkontribwixxu wkoll sabiex jinqerdu preġudizzji antiki, jitħejjew studji konġunti u jittejjeb il-fehim reċiproku tad-differenzi bejniethom.

3.3.4

In-nuqqasijiet legali relatati mal-moviment ħielies tal-ħaddiema konfinali u l-armonizzazzjoni inadegwata f'dan il-qasam ġew solvuti parzjalment biss mill-acquis tal-Komunità u l-Qorti tal-Ġustizzja. Minħabba n-numru dejjem ikbar ta' ħaddiema konfinali, din is-sitwazzjoni saret kwistjoni importanti fil-livell Ewropew, b'mod partikulari fir-rigward tat-tassazzjoni, is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali, fejn id-definizzjonijiet u l-approċċi għadhom ma jaqblux fuq kunċetti bħar- residenza, iċ-ċirkostanzi familjali, ir-rimborż ta' l-ispejjeż tas-saħħa u t-tassazzjoni doppja (13).

4.   Kooperazzjoni transkonfinali — valur miżjud għall-integrazzjoni Ewropea

4.1   Negħlbu l-fruntieri

4.1.1

Il-bżonn li jingħelbu l-ostakli għall-integrazzjoni hija realtà ta' kuljum għal nies li jgħixu fiż-żoni konfinali. L-għan m'huwiex li jinbidlu l-fruntieri jew li jinkisru l-liġijiet tas-sovranità ta' l-Istat iżda li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni effettiva fl-aspetti kollha tal-ħajja transkonfinali, u b'hekk jittejbu l-kondizzjonijiet ta' l-għajxien u t-titwettaq l-Ewropa taċ-ċittadini.

4.1.2

Il-fruntieri ta' l-UE ġeneralment żviluppaw lil hinn mir-rwol tradizzjonali tagħhom tal-ħolqien ta' barriera, iżda għad fadal differenzi ekonomiċi, soċjo-kulturali, amministrattivi u legali u dan huwa partikularment evidenti fil-fruntieri esterni ta' l-UE. L-għan tal-kooperazzjoni fiż-żoni transkonfinali hija, għalhekk, li jiġu żviluppati strutturi, proċeduri u strumenti bbażati fuq il-kooperazzjoni li jgħinu fit-tneħħija ta' ostakli amministrattivi u legali u fl-eliminazzjoni ta' fatturi li storikament kienu diviżivi u jagħmlu 'l-viċinanza' fattur għall-mobilità, l-iżvilupp ekonomiku u l-progress soċjali. Fil-qosor, l-għan huwa li r-reġjuni transkonfinali jsiru “żoni ta' prosperità komuni”.

4.2   Valur miżjud

4.2.1

Il-kooperazzjoni transkonfinali u l-implimentazzjoni stabbli tagħha mill-Ewro-reġjuni ma tgħinx biss sabiex jiġi evitat il-kunflitt, jiġu ffaċċjati d-diżastri jew jingħelbu l-barrieri psikoloġiċi; huwa ċar li ttejjeb ukoll l-iżvilupp fuq iż-żewġ naħat ta' fruntiera. Dan il-valur miżjud jista' jiġi osservat fil-livelli politiċi, istituzzjonali, ekonomiċi, soċjali u kulturali u wkoll f'termini ta' integrazzjoni Ewropea. Il-kooperazzjoni transfkonfinali tagħti kontribuzzjoni utli ħafna lejn il-promozzjoni ta' ko-eżistenza u sigurtà u integrazzjoni paċifika Ewropea. Hija mezz effettiv ħafna ta' l-implimentazzjoni tal-prinċipji Komuniartji tas-sussidjarjetà, is-sħubija u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u tar-rinfurzar ta' l-integrazzjoni sħiħa ta' l-Istati Membri l-ġodda fl-UE.

4.2.2

Dawn l-istrutturi permanenti għall-kooperazzjoni transkonfinali jgħinu sabiex jassiguraw il-parteċipazzjoni attiva u sostenuta tal-pubbliku in ġenerali u ta' l-amministrazzjonijiet u tal-gruppi politiċi trans-nazzjonali u soċjali. Jassiguraw il-fehim reċiproku u jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta' sħubija vertikali u orizzontali fuq il-bażi ta' l-istrutturi u l-poteri nazzjonali differenti. Dan jiffaċilita wkoll il-ġestjoni ta' programmi u proġetti transkonfinali jew il-ġestjoni konġunta ta' fondi minn sorsi differenti (bħall-fondi Komunitarji jew nazzjonali, ir-riżorsi tagħhom stess jew fondi minn partijiet terzi). Il-KESE jikkunsidra li l-implimentazzjoni konġunta ta' dan it-tip ta' inizjattiva jista' jkollha suċċess ikbar u iktar effettiv jekk is-soċjetà ċivili organizzata taqdi rwol prinċipali fiha.

4.2.3

Mil-lat soċjo-ekonomiku, l-istrutturi ta' kooperazzjoni transkonfinali jiffaċilitaw dawn li ġejjin: a) l-użu tal-potenzjal endoġenu ta' l-atturi kollha (kmamar tal-kummerċ, assoċjazzjonijiet, intrapriżi, trade unions, istituzzjonijiet soċjali u kulturali, organizzazzjonijiet ambjentali jew korpi tat-turiżmu, fost ħafna oħra); b) permezz tal-ftuħ tas-swieq tax-xogħol u l-armonizzazzjoni tal-kwalifiki professjonali u ċ) it-titjib ta' l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien ta' l-impjiegi permezz ta' miżuri f'setturi oħra bħall-infrastruttura, it-trasport, it-turiżmu, l-ambjent, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-kooperazzjoni bejn l-SMEs.

4.2.4

Fil-qasam soċjo-kulturali, il-valur miżjud tal-kooperazzjoni transkonfinali jinsab fid-disseminazzjoni attwali tal-kultura ġenerali. Din id-disseminazzjoni ta' l-għarfien għandha titqies bħala tip ta' “kontinwazzjoni transkonfinali” li tista' tiġi aċċessata f'pubblikazzjonijiet u forom differenti. Bl-istess mod, ttgħin sabiex jiġi assigurat netwerk ta' korpi li jaġġixxu bħala multiplikaturi. Dan japplika għaċ-ċentri ta' edukazzjoni, organizzazzjonijiet tal-ħarsien ta' l-ambjent, assoċjazzjonijiet kulturali, libreriji, mużewijiet, eċċ. Il-kooperazzjoni transkonfinali tippromovi wkoll opportunitajiet ugwali u għarfien wiesa' tal-lingwa tal-pajjiż ġar, jew saħansitra ta' djaletti lokali, li huma komponenti prinċipali ta' l-iżvilupp reġjonali transkonfinali u prerekwiżit għall-komunikazzjoni.

4.2.5

Meta titqies f'dan il-kuntest, il-kooperazzjoni transfkonfinali msaħħa permezz ta' strutturi permanenti bħall-Ewro-reġjuni żżid il-valur tal-miżuri nazzjonali permezz ta' l-addizzjonalità ta' programmi u proġetti transkonfinali, is-sinerġiji li jinħolqu, azzjonijiet konġunti ta' riċerka u innovazzjoni, il-ħolqien ta' netwerks dinamiċi u stabbli, l-iskambju ta' l-għarfien u l-prattika tajba, l-effetti indiretti tat-tegħlib tal-fruntieri u l-ġestjoni transkonfinali u effiċjenti tar-riżorsi disponibbli.

4.3   Ostakli

Madankollu, għad fadal fatturi differenti li jfixklu l-kooperazzjoni transkonfinali (14), notevolment:

Limitazzjonijiet legali imposti mil-leġislazzjoni nazzjonali fuq l-attività transkonfinali ta' l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali.

Differenzi fl-istruttura u responsabilitajiet tal-livelli differenti ta' l-amministrazzjoni fuq iż-żewġ naħat ta' fruntiera.

In-nuqqas ta' rieda politika, speċjalment fil-livell nazzjonali, għat-tneħħija ta' restrizzjonijiet, per eżempju permezz ta' regolamenti nazzjonali jew trattati bilaterali.

In-nuqqas ta' oqfsa komuni għat-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali jew ir-rikonoxximent ta' kwalifiki akkademiċi u professjonali.

Differenzi ekonomiċi strutturali fuq iż-żewġ naħat ta' fruntiera.

Barrieri lingwistiċi, kulturali u psikoloġiċi, inklużi l-preġudizzju u d-differenzi storiki bejn il-komunitajiet.

4.4   Prinċipji ġenerali tal-kooperazzjoni transkonfinali

4.4.1

Numru ta' eżempji madwar l-Ewropa jgħinu sabiex jiġu identifikati sett ta' prinċipji ġenerali għas-suċċess tal-kooperazzjoni transkonfinali:

Prossimità mal-pubbliku. L-abitanti ta' żoni konfinali jixtiequ l-kooperazzjoni, bħala mezz sabiex jingħelbu l-problemi li jiffaċċjaw jew għat-titjib fil-kondizzjonijiet tal-ħajja tagħhom.

Il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti politiċi (lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej) hija kruċjali għas-suċċess tal-kooperazzjoni transkonfinali.

Sussidjarjetà. Il-livell lokali u reġjonali ġie provat bħala l-iktar mezz effettiv għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni transkonfinali, minkejja l-fatt li hija meħtieġa alleanza mal-gvernijiet nazzjonali.

Sħubija. Il-parteċipazzjoni ta' l-atturi kollha fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera hija essenzjali għall-kisba ta' miri komuni.

Strutturi konġunti flimkien ma' riżorsi komuni (strumenti tekniċi, amministrattivi, finanzjarji u tat-teħid tad-deċiżjonijiet) huma garanzija ta' attività twila u ta' evoluzzjoni kostanti. Huma wkoll garanzija li ċerti poteri jistgħu jiġu eżerċitati, li programmi jistgħu jiġu ġestiti, inklużi programmi Ewropej, li jinkiseb kunsens transkonfinali u li jiġi evitat li jieħu r-riedni l-interess proprju.

5.   Lejn gvernanza bbażata fuq il-kooperazzjoni

5.1   Forma ġdida ta' gvernanza hija meħtieġa għal reġjuni ġodda

5.1.1

L-Ewroreġjuni huma unitajiet territorjali li jpoġġu fil-prattika mudelli ġodda ta' kooperazzjoni fis-settur pubbliku, fis-settur privat u bejn dawn iż-żewġ setturi, bil-għan li jiġu nkwadrati politiki ġodda konġunti, u b'parteċipazzjoni ikbar mill-partijiet ineressati ġenwini kollha.

5.1.2

Il-kunċett tal-gvernanza jfisser forma ta' gvern iktar parteċipatorja u orizzontali mill-forom tradizzjonali li huma iktar ibbażati fuq il-ġerarkija u vertikali. Il-kwistjoni tal-gvernanza fl-Ewroreġjuni hija partikolarment kumplessa u interessanti u teħtieġ soluzzjonijiet komuni għal problemi komuni.

5.1.3

Barraminhekk, l-Ewroreġjuni kulma jmur qegħdin jaqdu rwol minuri iżda madankollu kruċjali fil-gvernanza Ewropea tal-politika tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

5.1.4

Il-KESE, għalhekk, jikkunsidra li l-Ewroreġjuni u strutturi simili għandhom jagħmlu kontribuzzjoni prinċipali sabiex il-proċess ta' l-integrazzjoni u unifikazzjoni Ewropea jidħol iktar fil-fond.

5.1.5

B'hekk, il-ħolqien ta' l-Ewroreġjuni jeħtieġ il-kooperazzjoni bejn l-atturi istituzzjonali u soċjali, li ta' sikwit għandhom tradizzjonijiet u mentalitajiet differenti ħafna. Is-sempliċi fatt li wieħed jgħix fi prossimità stretta tal-ġirien tiegħu ma jfissirx li jikkoopera iktar magħhom. Għalhekk l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti x'jaqdu fil-gvernanza orizzontali.

5.1.6

Il-parteċipazzjoni ta' l-atturi ekonomiċi u soċjali fil-gvernanza ta' l-Ewroreġjuni teħtieġ oqfsa istituzzjonali li jagħmluha possibli li taħdem din is-sistema. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' politiki mwaqqfa fil-livelli differenti tal-kooperazzjoni transkonfinali bejn żewġ Stati jew iktar. Il-parteċipazzjoni ta' l-imsieħba soċjali fin-netwerk EURES fiż-żoni transkonfinali hija espressjoni prattika importanti ta' dan il-prinċipju.

6.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

6.1

L-adozzjoni tar-Regolament dwar ir-Raggruppament Ewropew għall-Kooperazzjoni Transkonfinali (EGCC) u l-inklużjoni tiegħu f'objettiv ġdid għall-kooperazzjoni territorjali taw skop ġdid lill-Ewroreġjuni. L-ewwelnett, għax iwaqqaf strument Komunitarju legali għall-kooperazzjoni transkonfinali u jagħmluh possibbli għall-Istati Membri fil-livelli differenti tagħhom, sabiex jiġu involuti fil-kooperazzjoni territorjali transkonfinali. It-tieninett, it-trasferiment mill-“kooperazzjoni transkonfinali” għall-“kooperazzjoni territorjali” ifisser li l-Ewroreġjuni jistgħu jestendu l-isfera ta' l-attivitajiet tagħhom lil hinn mill-kwistjonijiet tipikament koperti mill-kooperazzjoni fil-livell lokali jew ma' awtoritajiet lokali ġirien, u jiżviluppaw b'mod sħiħ territorji akbar li jaqsmu sinerġiji u potenzjal komuni.

6.2

Il-KESE għalhekk jikkunsidra li l-kooperazzjoni territorjali promossa mill-Ewroreġjuni hija fattur prinċipali fil-promozzjoni ta' l-integrazzjoni Ewropea, it-tnaqqis tal-frammentazzjoni soċjali u kulturali maħluqa minn fruntieri nazzjonali u l-iżvilupp tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Għal din ir-raġuni, il-KESE jsejjaħ sabiex tingħata attenzjoni partikulari lill-koeżjoni territorjali transkonfinali fid-dibattitu li ġej dwar l-adozzjoni finali tat-trattat kostituzzjonali Ewropew.

6.3

Sabiex jiġi assigurat li l-kooperazzjoni territorjali Ewropea tkun tista' tilqa' l-istennijiet maħluqa mir-riformi msemmija hawn fuq, il-KESE jikkunsidra li l-Istati nazzjonali u l-istrutturi intermedjarji tagħhom ser ikollhom jiġu involuti iktar mill-qrib fl-iżvilupp ta' l-Ewroreġjuni. Ser jinħtieġu strateġiji nazzjonali għall-kooperazzjoni territorjali fil-qafas tal-Komunità sabiex dan jinkiseb. B'mod partikulari, l-Istati ser ikollhom jgħinu sabiex jissolvew l-iktar problemi urġenti li qegħdin jiffaċċjaw il-komunitajiet transkonfinali, li ġeneraliment jikkonċernaw is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni u t-trasport.

6.4

Fil-fehma tal-KESE, sabiex l-attivitajiet tal-kooperazzjoni territorjali jsiru iktar effettivi u b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandu jkun hemm iktar ġestjoni diretta mill-EGTCs ta' proġetti transkonfinali, u f'ċerti każijiet, ta' proġetti trans-nazzjonali ffinanzjati mill-fondi tal-Komunità jew nazzjonali.

6.5

It-trasformazzjoni ta' l-Ewroreġjuni f'“żoni ta' prosperità komuni” ser teħtieġ parteċipazzjoni ikbar mis-settur privat kummerċjali (inkluża l-ekonomija soċjali) f'inizjattivi ta' l-iżvilupp transkonfinali, fid-dawl ta' l-importanza ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fiż-żamma tal-fibra tal-produzzjoni u fil-ħolqien ta' l-impjiegi.

6.6

Il-KESE jemmen li, bħall-EGTCs maħluqa b'konformità mar-Regolament Nru. 1082/2006, l-Ewroreġjuni huma l-espressjoni fiżika ideali tal-prinċipji tal-gvernanza Ewropea li l-Kummissjoni ressqet fil-White Paper ta' l-2001. Il-KESE għalhekk jikkunsidra li l-effikaċja ta' l-attivitajiet u l-politiki transkonfinali u tal-kooperazzjoni territorjali b'mod ġenerali jiddependu mill-kisba ta' 'sħubija' ġenwina bejn il-partijiet ikkonċernati territorjali u soċjo-ekonomiċi kollha. Konsegwentement, il-KESE jsejjaħ sabiex jiġu stabbiliti metodi ta' parteċipazzjoni li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili organizzata fil-proġetti tal-kooperazzjoni territorjali.

6.7

B'mod partikulari, il-KESE huwa tal-fehma li n-netwerk ta' l-EURES għandu jsir strument Ewropew li ġenwinament jaqdi rwol prinċipali fil-medjazzjoni bejn il-provvista u d-domanda għax-xogħol. L-isfera transkonfinali f'dan is-sens hija ambjent maħluq għall-ittestjar. Il-KESE għalhekk jinnota b'dispjaċir li t-tendenza ta' dawn l-aħħar snin reġgħet lura mill-ġdid lejn in-nazzjonalizzazzjoni tal-ġestjoni ta' l-EURES, li fil-fehma tal-KESE għandha tkun ta' natura ġenwinament transkonfinali. Ta' min iżid li l-EURES mhux biss jaġixxi bħala medjatur fis-suq tax-xogħol iżda jaqdi wkoll rwol prinċipali fil-promozzjoni tad-djalogu soċjali fiż-żoni trans-nazzjonali ġirien.

6.8

Huwa ġeneralment aċċettat li l-organizzazzjonijiet soċjo-ekonomiċi jaqdu rwol importanti fl-integrazzjoni Ewropea. Il-KESE għalhekk jilqa' l-esperimenti fit-trans-nazzjonalizzazzjoni mwettqa mill-kunsilli trans-reġjonali ta' l-unjoni, il-forom differenti tal-kooperazzjoni trans-nazzjonali u ta' assoċjazzjoni implimentati mill-organizzazzjonijiet kummerċjali, il-kmamar tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet u l-ħolqien ta' kumitati Ewro-reġjonali ekonomiċi u soċjali, fost oħrajn. Il-Kumitat iħeġġeġ il-konsolidazzjoni u l-iżvilupp tagħhom u joffri l-possibbilità ta' assistenza.

6.9

Fil-fehma tal-KESE, l-Ewroreġjuni jaqdu rwol prinċipali fir-reġjuni li jaqsmu fruntiera ma' pajjiżi terzi u jistgħu jaqdu rwol saħansitra ikbar, kemm mil-lat ta' l-żvilupp ekonomiku kif ukoll tas-sigurtà pubblika u ta' l-integrazzjoni soċjali. Il-KESE għalhekk jitlob li dan it-tip ta' korp u l-attivitajiet li jista' jwettaq jiġu inklużi fil-politiki tal-Viċinat u tal-Pre-Adeżjoni.

6.10

Fid-dawl ta' l-abbundanza kbira ta' esperimenti li twettqu fir-rigward ta' l-attività transkonfinali (xi eżempji ta' dawn huma pprovduti fl-appendiċi ta' din l-Opinjoni) u injoranza konsiderevoli dwar dawn l-iskemi, saħansitra fost l-Ewroreġjuni nnifishom, il-KESE jikkunsidra li jkun utli ħafna jekk il-Kummissjoni tfassal “gwida ta' prattika tajba” f'dan il-qasam, li tinkludi eżempji ta' rabtiet ta' sħubija pubblika-privata li kellhom suċċess.

6.11

Peress li kwistjoni bħal din, b'aspetti daqshekk diversi, ma tistax tiġi eżaminata b'mod komprensiv f'Opinjoni unika, il-KESE jikkunsidra li jkun utli li l-kwistjoni — il-kooperazzjoni transkonfinali u l-istrutturi ta' l-appoġġ tagħha — tiġi studjata iktar fid-dettall f'Opinjonijiet oħra dwar kwistjonijiet transkonfinali ta' interess komuni, bħas-suq tax-xogħol, it-turiżmu u ċentri (hubs) għall-iżvilupp, eċċ.

Brussell, 11 ta' Lulju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Karatteristiċi bbażati fuq il-“Practical Guide to Cross-border Co-operation” ta' l-AEBR, 2000.

(2)  It-terminu 'Ewroreġjuni' jista' jinftiehem bħala terminu li jinkludi strutturi oħra simili.

(3)  Saarland, Lorraine, il-Lussemburgu, Rheinland-Pfalz, Wallonia, il-Komunità tal-lingwa Franċiża tal-Belġju, il-Komunità tal-lingwa Ġermaniża tal-Belġju.

(4)  Attwalment hemm iktar minn 168 Ewroreġjun u strutturi simili. Madwar nofs ir-reġjuni fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea jipparteċipaw fl-Ewroreġjuni.

(5)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-1 ta' Diċembru 2005 dwar ir-rwol ta' l-“Ewroreġjuni” fl-iżvilupp tal-politika reġjonali.

(6)  COM(2004) 101 finali.

(7)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Nibnu l-futur komuni tagħna: L-isfidi ta' politika u l-mezzi baġitarji ta' l-Unjoni mkabbra 2007-2013, ĠU C 74, 23.3.2005, p. 32.

(8)  COM(2004)495 finali, Artikolu 6: Kooperazzjoni territorjali Ewropea.

(9)  Opinjonijiet tal-KESE dwar id-dispożizzjonijiet fuq il-Fondi — il-Fond tal-Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali — u dwar ir-Raggruppament Ewropew għall-Kooperazzjoni Transkonfinali (EGCC), ĠU C 255, 14.10.2005, p. 76, 79, 88 u 91.

(10)  ĠU C 210, 31.7.2006.

(11)  COM(2005) 299 finali u COM(2006) 386, (Komunikazzjoni adottata mill-Kunsill tal-Ministri fil-5 ta' Ottubru 2006).

(12)  ĠU L 210, 31.7.2006.

(13)  L-Osservatorju ta' l-Impjiegi tal-KESE fil-ġejjieni jista' jsegwi l-kwistjoni tax-xogħol konfinali u transkonfinali fl-Ewropa.

(14)  Opinjoni KESE dwar “Il-ġestjoni tal-bidliet industrijali f'reġjuni transkonfinali wara t-tkabbir ta' l-UE”, tal-21 ta' April 2006ĠU C 185, 8.8.2006.