27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 256/31


Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-definizzjoni ta' Politika Ewropea għall-Enerġija (l-Istrateġija ta' Lisbona)”

(2007/C 256/07)

Fl-14 ta' Settembru 2006 (b'konferma fis-26 ta' Ottubru 2006) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 31 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jfassal rapport ta' informazzjoni dwar: Id-definizzjoni ta' Politika Ewropea għall-Enerġija.

Fis-sessjoni plenarja ta' l-14 u l-15 ta' Marzu 2007, ġie deċiż li r-rapport ta' informazzjoni jiġi trasformat f'opinjoni fuq inizjattiva proprja (Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Ġunju 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Sirkeinen.

Matul il-437 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-11 u t-12 ta' Lulju (seduta tat-12 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'126 vot favur, u 4 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1

L-enerġija saret kwistjoni politika ċentrali b'rabtiet qawwija ma' l-Istrateġija ta' Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi.

L-enerġija teżerċita' influwenza li qiegħda tikber fuq l-ekonomija Ewropea. Sabiex niffaċċjaw l-isfidi tal-politika ta' l-enerġija dwar il-bidla fil-klima, is-sigurtà tal-provvista u l-kompetittività, l-UE għandha tinbidel f'ekonomija ta' l-enerġija li hija effiċjenti ħafna u b'użu baxx tal-karbonju.

Għal dan il-għan, dak li hemm bżonn huwa aproċċ globali u dibattitu fil-livell ta' l-Unjoni dwar: kif inrażżnu d-domanda għall-enerġija fl-Ewropa; modi kif tista' tiġi żgurata provvista ta' l-enerġija minn sorsi diversifikati ħafna aċċess għan-netwerks u vuċi waħda fir-relazzjonijiet esterni ta' l-enerġija kif ukoll miżuri potenzjali oħra.

Il-ħolqien u l-adozzjoni ta' l-innovazzjonijiet, li jagħmlu din il-bidla possibbli, jirrikjedu ċerti kundizzjonijiet u t-teħid ta' xi miżuri speċifiċi fil-livelli ta' l-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-lokalitajiet.

1.2

Aktar impjiegi ta' kwalità aħjar huma fil-qalba ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. Meta l-kundizzjonijiet tas-suq jinbidlu, x'impjiegi jintilfu mis-settur ta' l-enerġija. Fl-istess waqt, soluzzjonijiet ġodda għall-enerġija jistgħu iwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma importanti sabiex jiffaċilitaw dan il-proċess.

1.2.1

Barra mill-kwistjoni ta' l-impjiegi, hemm aspetti oħra tad-dimensjoni soċjali ta' l-enerġija li huma ċentrali fil-kuntest ta' Lisbona. Dan jinkludi, b'mod partikolari, servizz pubbliku ta' kwalità għolja bi prezzijiet aċċessibbli. Is-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, għandha tipparteċipa b'mod attiv fl-iżvilupp tal-politika enerġetika.

1.3

Il-KESE u l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali jippreżentaw r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin dwar politika għall-enerġija fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, “Politika ta' l-Enerġija għal Soċjetà ta' l-Għarfien”.

L-eżami tal-politiki enerġetiċi u kundizzjonijiet ta' qafas oħra relevanti fid-dawl tal-miri ta' l-UE għal ekonomija effiċjenti u b'użu baxx tal-karbonju.

Il-provvista ta' forza tax-xogħol li hi kwalifikata u motivata billi tiġi żgurata sistema ta' edukazzjoni ta' klassi għolja.

Il-provvista ta' livell adegwat ta' riċerka u żvilupp pubbliku, li jitqabbel tajjeb mal-kompetituri ewlenin, u li jistimola żieda fil-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp mill-privat.

L-iżvilupp ta' kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-enerġija, b'mod partikolari ma' atturi importanti oħra; l-osservazzjoni sistematika tal-politiki u miżuri ta' teknoloġiji ta' l-enerġija tal-kompetituri u l-imsieħba ewlenin.

L-iżgurar ta' fondi ta' riskju għall-fażijiet tal-bidu u ta' żvilupp ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) kif ukoll investimenti fit-teknoloġiji l-ġodda.

L-iżgurar ta' kompetizzjoni miftuħa u b'saħħitha fis-swieq ta' l-enerġija sabiex iġġiegħel lil l-intrapriżi li jirrinovaw. Fil-każ ta' l-enerġija rinnovabbli l-aċċess għan-netwerk jista' jkun kruċjali għal innovazzjoni ta' suċċess.

It-tneħħija ta' l-ostakli għall-investimenti li huma meħtieġa sabiex teknoloġiji ġodda jiddaħħlu fl-użu. Il-ħtiġijiet ta' pjanifikazzjoni u awtorizzazzjoni jbaxxu r-rata ta' jew anke jfixklu l-investimenti. Sabiex jonqsu r-riskji fl-investimenti, il-qafas regolatorju jeħtieġ li jkun prevedibbli u stabbli.

L-iżgurar ta' l-aċċess tat-teknoloġiji l-ġodda għas-swieq ta' l-EU u dawk globali.

L-iżgurar ta' kunidizzjonijiet ekwi globalment, per eżempju prezz globali għas-CO2 waqt li jiġi żgurat li fl-ebda ħin ma ssir kumdità bħall-oħrajn, għaliex it-tnaqqis ġenwin fil-livelli ta' CO2 ser jinfluwenza l-eżistenza stess tal-pjaneta.

Miri ambizzjużi jistgħu jgħinu sabiex l-UE tiżviluppa pożizzjoni b'saħħitha fuq is-swieq globali fl-effiċjenza enerġetika u t-teknoloġiji ta' l-enerġija rinnovabbli. Il-miri u l-iskadenzi tagħhom għandhom, madankollu, jiġu definiti b'attenzjoni, sabiex ikun hemm possibbiltajiet realistiċi li jintlaħqu.

L-għażla ta' miżuri li jappoġġjaw attivament lill-innovazzjoni trid issir b'attenzjoni kbira fost dawn li ġejjin, sabiex ir-riżultati jkunu kost-effettivi:

Finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp

Edukazzjoni u taħriġ

Kuxjenza pubblika

Mekkaniżmi ta' prezzijiet, tassazzjoni

Sussidji

Miri li jorbtu u obbligazzjonijiet

Regolamentazzjoni u liġijiet li jorbtu

Livelli volontarji, ftehimiet volontarji

Akkwisti pubbliċi.

1.4

Sabiex isseħħ it-trasformazzjoni urġenti meħtieġa fis-settur ta' l-enerġija, il-pass ta' l-innovazzjoni għandu bżonn jitħaffef. Il-Kumitat iħeġġeġ li tingħata attenzjoni partikolari lil

miżuri sabiex jitpoġġa prezz ekonomiku xieraq fuq l-emissjonijiet tal-karbonju.

żjieda fir-riċerka u l-iżvilupp mis-settur pubbliku u dak privat sabiex jiġu appoġġjati forom ġodda ta' enerġija u effiċjenza enerġetika,

l-użu tar-regolamentazzjoni sabiex jitħaffef il-pass tal-progress fit-titjib ta' l-effiċjenza ta' prodotti ta' kull tip,

l-użu ta' l-akkwist pubbliku b'mod aktar proattiv sabiex jittejbu l-livelli ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija, b'mod partikolari fil-bini.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-KESE, flimkien mal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali, għandu jipprepara “rapport sommarju” kmieni fil-bidu ta' l-2008 dwar l-Istrateġija ta' Lisbona għall-prijoritajiet tat-tkabbir u l-impjiegi. Din l-Opinjoni dwar il-politika għall-enerġija tifforma parti minn dan ir-rapport sommarju. Tħejjiet bil-kollaborazzjoni ta' Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali, b'kontribuzzjoni attiva b'mod partikolari mill-Kunsilli Franċizi, Taljani u Maltin.

2.2

Din l-Opinjoni tolqot lis-Sezzjoni B — riformi mikro-ekonomiċi sabiex iżidu l-potenzjal għat-tkabbir Ewropew fil-Linji ta' Gwida Integrati għat-Tkabbir u għax-Xogħol 2005-2008. B'mod partikolari hija relatata mal-linji gwida 8 dwar it-tisħiħ fil-kompetittività, 12 dwar ir-riċerka u l-iżvilupp, 13 dwar l-innovazzjoni u t-teknoloġija ta' l-informazzjoni, u 14 dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi (1).

Il-Kunsill Ewropew f'Marzu 2006

2.3

Il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu waqt il-laqgħa tiegħu fi Brussell fit-23 u l-24 ta' Marzu 2006 laqa' “l-inizjattivi meħudin mill-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex tiżdied l-appartenenza f'livell Komunitarju (ta' l-Istrateġija mġedda ta' Lisbona għall-impjiegi u t-tkabbir). Huwa jħeġġeġ lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni sabiex ikomplu l-ħidma tagħhom u jitlob rapporti sommarji b'appoġġ għas-Sħubija għat-Tkabbir u l-Impjiegi kmieni fl-2008” (Punt 12 tal-konklużjonijiet tal-Presidenza).

2.4

Il-Kunsill Ewropew jinnota li “l-isfond fl-Ewropa huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni intensifikata minn barra l-Ewropa, popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, prezzijiet taż-żejt ogħla u l-ħtieġa li tiġi salvagwardata s-sigurtà ta' l-enerġija” (Punt 7 tal-konklużjonijiet tal-Presidenza). Huwa jkompli billi “jikkonferma li l-Linji Gwida Integrati 2005-2008 għall-impjiegi u t-tkabbir jibqgħu validi. F'dak il-qafas huwa jaqbel dwar oqsma speċifiċi għal azzjonijiet ta' prijorità dwar l-investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni, il-potenzjal tal-kummerċ, speċjalment ta' l-SMEs, u l-użu ta' kategoriji ta' prijorità; kif ukoll id-definizzjoni ta' Politika għall-Enerġija għall-Ewropa” (Punt 16).

2.5

Il-Kunsill Ewropew jinnota li l-Ewropa qed tiffaċċja numru ta' sfidi fil-qasam ta' l-enerġija: is-sitwazzjoni diffiċli li għaddejja fis-swieq taż-żejt u tal-gass, id-dipendenza li qiegħda tiżdied fuq l-importazzjoni u d-diversifikazzjoni limitata miskuba s'issa, il-prezzijiet għoljin u instabbli ta' l-enerġija, id-domanda li qiegħda tikber għall-enerġija, ir-riskji ta' sigurtà li jaffettwaw kemm lill-pajjiżi li jipproduċu u dawk ta' transitu kif ukoll lir-rotot ta' trasport, it-theddid li qiegħed jikber ta' tibdil fil-klima, il-progress bil-mod fl-effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta' materjali li jistgħu jiġġeddu, il-ħtieġa għal żieda fit-trasparenza fis-swieq ta' l-enerġija u integrazzjoni u interkonnessjoni ulterjuri tas-swieq nazzjonali ta' l-enerġija bil-liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-enerġija li kważi tlestiet (Lulju 2007), il-koordinazzjoni limitata bejn l-atturi fl-enerġija waqt li huma meħtieġa investimenti kbar fl-infrastruttura ta' l-enerġija (Punt 43).

2.6

Bi tweġiba għal dawn l-isfidi u abbażi tal-Green Paper artikolat tajjeb tal-Kummissjoni “Strateġija Ewropea għal Enerġija Sostenibbli, Kompetittiva u Sigura” u kontribuzzjoni tal- Kunsill, il-Kunsill Ewropew jagħmel sejħa għal Politika għall-Enerġija għall-Ewropa, li timmira għal politika tal-Komunità effettiva, koerenza bejn l-Istati Membri u konsistenza bejn l-azzjonijiet f'oqsma ta' politika differenti u li jitwettqu b'mod bilanċjat it-tliet objettivi tas-sigurtà tas-sostenibbiltà tal-provvista, il-kompetittività u ambjentali (Punt 44).

2.7

Il-Kunsill Ewropew jissottolinja li, sabiex tinkiseb din il-konsistenza fil-linji ta' politika kemm interni kif ukoll esterni ta' l-UE, il-politika dwar l-enerġija għandha tissodisfa d-domandi ta' ħafna oqsma ta' politika. Bħala parti minn strateġija ta' tkabbir u permezz ta' swieq miftuħa u kompetittivi, hi tinkoraġġixxi investiment, żvilupp teknoloġiku u kummerċ domestiku u barrani. Hija marbuta bis-sħiħ mal-politika ambjentali u konnessa mill-qrib ma' l-impjiegi, il-politika reġjonali u b'mod partikolari l-politika dwar it-trasport. Barra minn dan, l-aspetti ta' politika barranija u ta' żvilupp qegħdin jiksbu importanza li qiegħda tikber biex jippromwovu l-objettivi fil-politika għall-enerġija ma' pajjiżi oħra (Punt 45).

2.8

Il-Politika Ewropea għall-Enerġija (PEE) għandha għalhekk tkun ibbażata fuq perspettivi kondiviżi dwar il-provvista u d-domanda fuq terminu twil, stima oġġettiva u trasparenti tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tas-sorsi kollha ta' l-enerġija u għandha tikkontribwixxi b'mod bilanċjat għat-tliet objettivi prinċipali tagħha: (Punt 46+47).

Li tiżdied is-sigurtà tal-provvista.

Li tiġi żgurata l-kompetittività ta' l-ekonomiji Ewropej u li jiġi stabbilit prezz li jinfelaħ tal-provvista fl-enerġija għall-benefiċċju kemm tan-negozji kif ukoll tal-konsumaturi, f'qafas regolatorju stabbli.

Li tiġi promossa s-sostenibbiltà ambjentali.

2.9

Fit-twettieq ta' dawn l-objettivi prinċipali, il-PEE għall-Ewropa għandha:

Tiżgura trasparenza u non-diskriminazzjoni fis-swieq.

Tkun konsistenti mar-regoli tal-kompetizzjoni.

Tkun konsistenti ma' l-obbligi tas-servizz pubbliku.

Tirrispetta b'mod sħiħ is-sovranità ta' l-Istati Membri fuq is-sorsi ta' enerġija primarji u l-għażla ta' taħlita ta' enerġija.

Il-“Pakkett ta' l-Enerġija” 2007

2.10

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta Reviżjoni Strateġika dwar l-Enerġija fuq bażi regolari, mill-2007 'il quddiem. Fl-10 ta' Jannar 2007 il-Kummissjoni ppublikat l-ewwel Reviżjoni tagħha u komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew “Politika għall-Enerġija għall-Ewropa” — il-“Pakkett ta' l-Enerġija”.

2.11

Bħala punt ta' tluq għal politika għall-enerġija, il-Kummissjoni kkunsidrat tliet aspetti: il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni ta' l-impjiegi u t-tkabbir u l-limitazzjoni tal-vulnerabilità esterna ta' l-UE minħabba fl-importazzjoni tal-gass u ż-żejt.

2.12

Il-Kummissjoni tippreżenta bħala l-objettiv ewlieni għall-enerġija fl-Ewropa li l-UE għandha tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'20 % sa l-2020. Il-mira ta' l-UE għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-bżonn għal azzjoni internazzjonali min-naħa tal-pajjiżi industrijalizzati dwar it-tibdil fil-klima. Meta jkun hemm dan l-impenn, l-UE ser ikollha bżonn tagħmel aktar. L-għan għalhekk għandu jkun li l-mira tiżdied għal tnaqqis ta' 30 % sa l-2020 u 60-80 % sa l-2050.

2.13

Il-preokkupazzjoni m'hijiex biss dwar it-tibdil fil-klima, iżda wkoll dwar is-sigurtà tal-provvista Ewropea, l-ekonomija u l-benesseri taċ-ċittadini tagħha. Il-Kummissjoni tikkunsidra li jekk tintlaħaq din il-mira tista' tiġi llimitata wkoll l-espożizzjoni dejjem akbar ta' l-UE għall-prezzijiet taż-żejt u l-gass li qegħdin isiru aktar volattili, toħloq suq enerġetiku fl-UE li hu aktar kompetittiv, u tistimola l-iżvilupp fit-teknoloġija u l-impjiegi.

2.14

F'termini ta' enerġija, sabiex tintlaħaq din il-mira globali għall-gassijiet b'effett ta' serra, l-UE għandha tnaqqas l-ammont ta' CO2 fl-użu enerġetiku tagħha b'ta' l-anqas 20 %, u probabbilment aktar, fit-13-il sena li ġejjin. Dan ikun ifisser li l-UE tieħu l-gwida mondjali bħala katalizzatur ta' revoluzzjoni industrijali ġdida.

2.15

Sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tingħata attenzjoni speċjali lil numru ta' miżuri marbutin ma' l-enerġija: li tittejjeb l-effiċjenza enerġetika; li jogħla s-sehem ta' l-enerġija rinnovabbli fit-taħlita enerġetika u li jittieħdu miżuri ġodda li jiżguraw li l-benefiċċji tas-suq intern għall-enerġija jilħqu lil kulħadd; ir-rinfurzar tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri, b'viżjoni aktar fit-tul għall-iżvilupp tat-teknoloġija ta' l-enerġija, attenzjoni ġdida fuq is-sigurtà u s-sikurezza ta' l-enerġija nukleari, u sforzi determinati sabiex l-UE “titkellem b'vuċi waħda” ma' l-imsieħba internazzjonali tagħha, inklużi l-produtturi ta' l-enerġija, l-importaturi ta' l-enerġija u l-pajjiżi fit-triq ta' żvilupp.

2.16

Ir-Reviżjoni tinkludi Pjan ta' Azzjoni għall-enerġija li fih għaxar punti bl-iskadenzi għall-miżuri. Mal-Pjan ta' Azzjoni qiegħed jiġi propost l-ewwel pakkett ta' miżuri konkreti. Dan jinkludi:

rapport dwar l-implimentazzjoni min-naħa ta' l-Istati Membri tas-suq intern fil-gass u l-elettriku, kif ukoll ir-riżultati ta' studju dwar il-qagħda tal-kompetizzjoni f'dawn iż-żewġ setturi;

Pjan għall-Interkonnessjonjiet Prijoritarji fix-xbieki tad-distribuzzjoni ta' l-elettriku u l-gass fl-Istati Membri, b'tali mod li xibka Ewropea ssir realtà;

proposti biex tinġieb 'il quddiem il-ġenerazzjoni sostenibbli ta' l-enerġija mill-karburanti fossili;

pjan ta' rotta u inizjattivi oħra għall-promozzjni tas-sorsi li jiġġeddu ta' l-enerġija, partikolarment il-bijofjuwils għat-trasport;

analiżi tal-qagħda ta' l-enerġija nukleari fl-Ewropa;

karta ta' ħidma għal Pjan Strateġiku Ewropew dwar it-Teknoloġija ta' l-Enerġija.

2.17

Il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija adottat mill-Kummissjoni fid-19 ta' Ottubru 2006 ukoll huwa parti mill-Pjan ta' Azzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “It-trażżin tat-tibdil fil-klima għal 2o C — Alternattivi ta' Politika għall-UE u d-dinja għas-sena 2020 u lil hinn minnha” u r-Reviżjoni Strateġika jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin.

2.18

Il-Kunsill Ewropew approva bis-sħiħ il-proposti tal-Kummissjoni fis-Samit tar-Rebbiegħa tiegħu fit-8/9 ta' Marzu 2007. Il-Kummissjoni ser tfassal leġislazzjoni ddettaljata u proposti relevanti oħra b'konformità mal-konklużjonijiet tas-Samit. It-tieni Reviżjoni Strateġika dwar l-Enerġija sentejn oħra ser tirrapporta dwar il-progress li jkun sar, skond l-impenn li ħadu l-Kapijiet ta' l-Istati u tal-Gvernijiet li jiddiskutu regolarment bejniethom dwar kwistjonijiet ta' l-enerġija.

Opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-politika għall-enerġija

2.19

Waqt il-mandat tiegħu ta'l-2002-2006 il-KESE pprepara diversi Opinjonijiet dwar kwistjonijiet ta' politika enerġetika, b'mod partikolari dwar il-karatteristiċi u r-rwol ta' sorsi u teknoloġiji differenti ta' l-enerġija. Waqt is-Sessjoni Plenarja tiegħu ta' Settembru 2006 il-KESE fl-aħħar adotta Opinjoni Esploratorja li kienet ibbażata prinċipalment fuq dawn l-Opinjonijiet preċedenti, dwar “Il-provvista ta' l-enerġija ta' l-UE: strateġija għal taħlita enerġetika ottimali.”  (2) Din l-Opinjoni kopriet diversi kwistjonijiet li tqajmu waqt il-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2006. Il-konklużjonijiet prinċipali ta' l-Opinjoni kienu:

2.20

Il-KESE sab li l-Ewropa għandha bżonn li tpoġġi mira strateġika għal taħlita enerġetika ddiversifikata, li tilħaq b'mod ottimali objettivi ekonomiċi, ta' sigurtà tal-provvista u ta' politika għall-klima. Is-sorsi u t-teknoloġiji kollha ta' l-enerġija għandhom, fil-kuntest ta' dawn l-objettivi, benefiċċji u problemi li jridu jiġu kkunsidrati b'mod miftuħ u bbilanċjat.

2.21

Hemm potenzjal li għandu jiġi sfruttat fl-użu aktar mifrux tas-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli. Iżda anke jekk il-mira ta' 20 % ta' sorsi rinnovabbli fl-2020 tintlaħaq, m'huwiex probabbli li s-sorsi rinnovabbli jistgħu jissostitwixxu l-enerġija tradizzjonali kompletament fil-futur qarib.

2.22

Il-possibbiltajiet kollha jridu jinżammu. Ix-xenarji għall-UE-25 li l-Opinjoni rreferiet għalihom jappoġġjaw b'mod ċar dawn il-konklużjonijiet. Lanqas ix-xenarji bbażati fuq is-suppożizzjoni ta' l-aktar żvilupp b'saħħtu ta' l-effiċjenza enerġetika u ż-żieda tas-sorsi rinnovabbli ma jistgħu jikkonċentraw fuq il-fatt li xi teknoloġija enerġetika ssir obsoleta mingħajr ma jkun hemm effetti negattivi fuq l-ambjent jew fuq l-ekonomija.

2.23

It-taħlita attwali ta' enerġija għandha tkun żviluppata minn strateġiji politiċi li jkunu orjentati lejn anqas dipendenza minn sorsi esterni u aktar lejn sorsi li ma jarmux emissjonijiet, li huma disponibbli fl-Ewropa, filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-atturi tas-suq jiddeċiedu fuq investimenti f'teknoloġiji varji.

2.24

Il-KESE rrakkomanda l-iżvilupp ta' strateġija għal taħlita enerġetika ottimali. F'dan il-kuntest huwa importanti li jiġu ċċarati r-rwoli ta' l-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet indipendenti u l-atturi tas-suq.

L-istrateġija għal taħlita enerġetika ottimali li ġiet proposta tikkonsisti f'dawn l-elementi:

Effiċjenza enerġetika, inkluża l-koġenerazzjoni tas-sħana u l-enerġija

Sorsi ta' enerġija rinnovabbli li jinkludu l-użu ta' bijokarburanti fit-trasport

Effiċjenza enerġetika fit-trasport

Sikurezza nukleari mtejba u soluzzjoni għall-kwistjoni ta' karburanti wżati

Teknoloġiji ta' faħam nadif u preparazzjoni għal żieda mill-ġdid ta' l-użu tar-riżervi domestiċi tal-faħam fl-UE

Inkoraġġiment ta' l-investimenti għat-terminali tal-gass naturali likwidifikat

Qafas tajjeb għal investimenti suffiċjenti fil-produzzjoni u t-trasmissjoni ta' l-enerġija

L-UE għandha titkellem b'vuċi waħda bħala wieħed mill-atturi l-aktar b'saħħithom fix-xena internazzjonali

Stima ta' l-impatt ta' miżuri politiki attwali u futuri dwar il-klima u l-ambjent fuq objettivi ta' politiki enerġetiċi oħra

Soluzzjoni globali għall-politiki dwar il-klima ta' wara Kyoto, li tinvolvi minn ta' l-inqas l-emittenti prinċipali kollha;

Żieda fl-isforzi ta' riċerka u żvilupp u appoġġ lill-UE għar-riċerka u żvilupp dwar l-enerġija, kemm fl-immedjat u fuq perijodu fit-tul.

3   Il-Kummenti tal-KESE dwar il-Politika Ewropea għall-Enerġija fil-kuntest ta' l-Istrateġija ta' Lisbona

3.1

L-enerġija hija neċessità fis-soċjetà moderna. Sabiex nissodisfaw il-bżonnijiet tagħna ta' ikel, sħana fi klima kiesħa, dawl, trasport, kumditajiet u oġġetti tal-konsum, kif ukoll — dejjem aktar illum — il-proċessar ta' telekomunikazzjoni u informazzjoni — għandna bżonn ta' provvista ta' enerġija assikurata. Iżda l-mod ta' kif nissodisfaw dawn il-bżonnijiet jista' u għandu jinbidel. Fil-kuntest ta' l-isfidi preżenti, b'mod partikolari tat-tibdil fil-klima, għandna bżonn ta' bidla ta' paradigma b'mod urġenti fit-triq lejn ekonomija li hija effiċjenti ħafna u b'użu baxx ta' karbonju.

3.2

L-enerġija għandha rabtiet qawwija ma' l-Istrateġija ta' Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi. Sabiex jintlaħqu l-miri ta' Lisbona għandna bżonn ta' enerġija suffiċjenti bi prezzijiet aċċessibbli u kompetittivi. Fl-istess waqt, soluzzjonijiet ġodda għall-enerġija jistgħu, b'mod speċjali jekk ikollhom suċċess fis-swieq mondjali, jgħinu għall-kompetittività Ewropea u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja.

3.3

L-objettivi ġenerali għall-politika għall-enerġija — kompetittività, sigurtà tal-provvista u sostenibbiltà huma u jibqgħu validi. L-isfida serja tat-tibdil fil-klima tirrikjedi li jitrażżan it-tkabbir tad-domanda għall-enerġija billi jkun hemm aktar effiċjenza enerġetika u sehem akbar sew ta' riżorsi rinnovabbli u teknoloġiji oħra li huma baxxi fil-karbonju, bħall-qbid u ħżin tal-karbonju li potenzjalment jista' jseħħ fil-futur. Is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija tintlaħaq aħjar b'effiċjenza enerġetika mtejba kif ukoll bid-diversifikazzjoni ta' sorsi u vuċi Ewropea unifikata fir-relazzjonijiet esterni. Il-kompetittività għandha bżonn tissaħħaħ permezz ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni li taħdem tajjeb u li hija ġusta, li tinkludi l-aċċess għan-netwerks, filwaqt li jiġi ggarantit servizz pubbliku ta' kwalità għolja.

3.4

Il-ħolqien ta' aktar impjiegi ta' kwalità aħjar huwa fil-qalba ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. Peress li l-kompetizzjoni fis-swieq b'mod ġenerali ġenerali titlob produttività ogħla, anke l-intrapriżi fis-suq ta' l-enerġija għandhom bżonn ikunu aktar effiċjenti. Meta jintilfu l-impjiegi fis-settur enerġetiku, il-ħaddiema milquta għandhom ikunu appoġġjati b'mod xieraq. Fl-istess waqt, l-impjiegi fis-setturi li jużaw l-enerġija jistgħu jinżammu u jiżdiedu. B'mod partikolari, l-ispinta favur effiċjenza enerġetika mtejba u l-enerġija rinnovabbli u teknoloġiji oħra li qegħdin jiżviluppaw ser joħolqu ħafna impjiegi li l-parti l-kbira tagħhom ser tkun ta' kwalità għolja.

3.4.1

Id-dimensjoni soċjali tal-politika għall-enerġija għandha tingħata l-attenzjoni li jistħoqqilha fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. Hija tkopri kwistjonijiet dwar il-qgħad u l-impjiegi kif ukoll id-disponibbiltà ta' l-enerġija għal kulħadd bi prezzijiet aċċessibbli, jiġifieri servizz pubbliku ta' kwalità għolja. Is-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, għandha tipparteċipa b'mod attiv fl-iżvilupp ta' politika għall-enerġija.

3.5

Il-KESE ppreżenta l-fehmiet dettaljati tiegħu dwar il-kwistjonijiet ewlenin tal-politika għall-enerġija f'Opinjonijiet riċenti u maż-żmien ser joħroġ Opinjonijiet dwar il-proposti leġislattivi u oħrajn li ser jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-Pakkett ta' l-Enerġija.

3.6

Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol u sabiex jiġi offrut l-aħjar valur miżjud lid-dibattitu dwar l-enerġija, il-KESE iffoka din l-Opinjoni fuq ir-relazzjoni bejn il-politika enerġetika u l-viżjoni fundamentali ta' l-Istrateġija ta' Lisbona ta' l-Ewropa bħala soċjetà ta' l-għarfien. F'din l-Opinjoni nikkummentaw fuq il-kwistjonijiet li hemm fil-pakkett ta' l-enerġija b'rabta ma' l-innovazzjoni.

Ir-rwol tat-teknoloġija u l-innovazzjoni fl-isfidi ta' l-enerġija għal dan is-seklu

3.7

Miri u miżuri li jiġu stabbiliti mill-politika jwaqqfu l-qafas, iżda t-teknoloġija u innovazzjonijiet oħra li jinkludu l-bidla fl-imġieba, huma l-muftiħ tal-progress li sar fil-verità. Dan jgħodd għal effiċjenza mtejba ta' l-enerġija, kemm fil-konverżjoni kif ukoll fl-użu. L-innovazzjoni jista' jkollha rwol importanti fit-tnaqqis tad-dipendenza fuq sorsi ta' enerġija esterni billi tippermetti d-diversifikazzjoni tat-taħlita enerġetika. Żgur li hemm bżonn ta' l-innovazzjoni fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra bl-iżvilupp u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, faħam nadif u karburanti fossili oħra kif ukoll enerġija nukleari li hi sikura.

3.8

L-innovazzjoni tfisser tiġdid fis-sens wiesa' tal-kelma. Tinvolvi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni wiesgħa ta' idejat ġodda fl-użu mifrux, u b'hekk jissarfu f'valur ekonomiku. Hija tkopri l-innovazzjonijiet teknoloġiċi kif ukoll amministrazzjoni ġdida u soluzzjonijiet organizzattivi oħra. Isseħħ fl-industrija, iżda wkoll fis-servizzi u fis-settur pubbliku. Ir-riċerka hija ta' spiss is-sors ta' l-innovazzjoni, iżda mhux dejjem. Hawnhekk il-Kumitat jirreferi wkoll għall-Opinjoni tiegħu “Ħtiġijiet ta' riċerka għal provvista ta' l-enerġija sikura u sostenibbli” (3).

3.8.1

It-teknoloġiji ta' l-enerġija, bħal kombustjoni aktar effiċjenti, mtieħen, pannelli solari, jew ċelloli kombustibbli futuri, teknoloġija ta' l-idroġenu u l-fużjoni, huma fiċ-ċentru ta' l-attenzjoni. Importanti daqshom huma t-teknoloġiji paralleli, bħall-iżvilupp tal-materjali u l-meteoroloġija, li tippermetti l-ottimizzazzjoni ta' l-effiċjenza permezz ta' previżjonijiet aktar preċiżi.

3.8.2

Għal użu ta' l-enerġija aktar effiċjenti l-firxa ta' teknoloġiji relevanti hija kważi bla limiti; insulazzjoni aħjar, tagħmir tad-dar li jaħli inqas, materjali aktar ħfief, pjanar industrijali aħjar kemm tal-prodotti kif ukoll tal-proċessi, makkinarju aktar effiċjenti. F'dan il-kuntest ir-rwol ta' l-industriji li għandha użu intensiv ta' l-enerġija huwa importanti — jekk ma jipprovdux għad-domanda bl-investimenti u l-kompetenzi, l-innovazzjoni fil-partijiet il-kbar tat-teknoloġiji għall-industrija li huma enerġetikament effiċjenti ser jinħonqu fl-UE.

3.8.3

It-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni joffru potenzjal kbir. Applikata fil-produzzjoni, il-konverżjoni u d-distribuzzjoni ta' l-enerġija l-ITC tista', bħal fi kwalunkwe proċess, tippermetti produttività aktar għolja u effiċjenti. L-istess jista' jingħad għal operazzjonijiet sikuri u żguri, speċjalment ta' netwerks ta' trasmissjoni. It-teknoloġiji ta' l-ITC jgħinu lill-utenti u l-konsumaturi sabiex jikkontrollaw l-użu enerġetiku tagħhom aħjar. Eżempju wieħed b'diversi benefiċċji jista' jkun it-tnaqqis fit-talba meta jkun qiegħed isir l-akbar użu ta' l-elettriku billi tiffaċilita li l-utenti jirrejaġixxu mill-ewwel għas-sinjali tal-prezzijiet. F'kuntest aktar wiesa', l-użu tat-teknoloġiji ta' l-ITC jistgħu jissostitwixxu l-ħtieġa tat-trasport, per eżempju bil-ħidma telematika u l-konferenzi telematiċi.

3.8.4

Għandna bżonn ukoll ta' modi ġodda — innovazzjonijiet — fl-operazzjoni u l-ġestjoni ta' l-enerġija u sistemi relatati ma' l-enerġija. Il-mira hija li jiġu żgurati servizzi ta' kwalità għolja bi prezzijiet aċċessibbli. Eżempji huma l-amministrazzjoni ta' l-operazzjoni sikura ta' sistemi ta' produzzjoni, trasmissjoni u manutenzjoni kif ukoll it-tħaddim tas-suq (il-boroż), l-immaniġġjar tal-ħinijiet ta' l-akbar użu u l-aġġustamenti ta' waqt il-ġurnata. U fl-aħħar iżda mhux l-anqas — loġistika effiċjenti tista' żżid ħafna kemm fid-domanda għall-enerġija kif ukoll għal ġestjoni aħjar tal-karburanti.

3.8.5

L-innovazzjoni fl-imġieba hija meħtieġa wkoll. Il-konsumaturi huma l-atturi prinċipali — l-użu aktar intelliġenti ta' l-enerġija huwa f'idejn kull wieħed u waħda minna, u dan jenħtieġ idejat ġodda u għarfien akbar. Hemm sfida kbira sabiex ikun hemm kuxjenza akbar u sabiex tingħata informazzjoni lill-konsumaturi li hi adegwata bil-għan li tiggwida l-għażliet tagħhom. L-ippjanar reġjonali u urban kif ukoll soluzzjonijiet arkitettoniċi u rekwiżiti għall-bini jistgħu jgħinu ħafna sabiex jappoġġja l-għażliet taċ-ċittadini fejn tidħol l-enerġija. Għal dan il-għan għandhom jiġu promossi kampanji ta' informazzjoni uffiċjali li jħeġġu l-effiċjenza fl-użu u t-tfaddil.

3.9

Hemm bżonn li noħolqu soluzzjonijiet li huma radikalment ġodda għall-problemi.Il-bżonn għall-bidla huwa urġenti. Bidla radikali tieħu ż-żmien, u għalhekk huwa importanti li l-fondi jiġu allokati immedjatament. Sadattant, l-aħjar teknonoġiji eżistenti għandhom jintużaw b'mod mifrux per eżempju sabiex jitnaqqas l-użu ta' l-enerġija fid-djar.

3.10

Sabiex l-innovazzjoni u l-investimenti jiġu gwidati f'direzzjoni li hija kost-effettiva, ir-rapport bejn il-prezz u l-effiċjenza tat-teknoloġiji li jkunu għadhom fil-bidu tagħhom għandhom jiġu vvalutati b'mod kwantitattiv. Eżempju importanti huwa l-ispiża ta' teknoloġiji differenti sabiex tiġi ffrankata tunnellata ta' CO2 per eżempju l-imtieħen jiswew ħafna iktar mill-iżolament tad-djar.

Kundizzjonijiet u miżuri politiċi sabiex titjieb l-innovazzjoni

3.11

Il-ħolqien u l-adozzjoni ta' l-innovazzjonijiet, jirrikjedu ċerti kundizzjonijiet u t-teħid ta' xi miżuri speċifiċi fil-livelli lokali, reġjonali u ta' l-Istati Membri u l-UE. Peress li l-Unjoni Ewropea għandha l-ambizzjoni li ssir mexxej dinji fl-effiċjenza enerġetika u fit-teknoloġiji b'użu baxx ta' karbonju, huwa importanti li l-politiki ta' l-enerġija u kundizzjonijiet oħra ta' qafas li huma relevanti jiġu eżaminati fid-dawl ta' din il-mira.

3.12

L-ewwel kundizzjoni għall-innovazzjoni b'suċċess hija l-provvista ta' forza tax-xogħol li hi kwalifikata u motivata, appoġġjata minn sistema ta' edukazzjoni ta' klassi għolja. L-iżvilupp fit-teknoloġiji l-ġodda jeħtieġ fondi suffiċjenti għar-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll fondi ta' riskju għall-fażijiet tal-bidu u ta' żvilupp ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Il-kompetizzjoni miftuħa u b'saħħitha iġġiegħel lill-intrapriżi sabiex jirrinovaw. L-aċċess għas-suq, inkluż dak globali, huwa neċessarju. Fil-każ ta' l-enerġija rinnovabbli l-aċċess għan-netwerk jista' jkun kruċjali għall-innovazzjonijiet ta' suċċess. Il-qafas regolatorju jrid ikun imfassal sabiex isaħħaħ l-innovazzjoni, per eżempju billi jippremja l-innovaturi b'mod speċifiku (per eżempju: l-ETS ma tippremjax lil dawk li ħadu azzjoni minn kmieni sabiex inaqqsu l-emissjonijiet). Regolamentazzjoni żejda toħnoq l-innovazzjoni.

3.12.1

Hemm bżonn ta' investimenti sabiex teknoloġiji ġodda jiddaħħlu fl-użu. Il-kumpaniji għandhom bżonn li jagħmlu l-qliegħ sabiex ikunu jistgħu jinvestu. Dan huwa l-każ ukoll għall-investimenti f'effiċjenza akbar ta' l-enerġija, anke jekk il-perjodu tar-ritorn ikun qasir. In-negozju ta' l-enerġija ħalla qligħ kbir f'dawn l-aħħar ftit snin, iżda l-investimenti huma baxxi. Huwa magħruf li l-permessi u l-ħtiġijiet ta' pjanifikazzjoni u awtorizzazzjoni jbaxxu r-rata ta' u anke jfixklu l-investimenti. Sabiex jonqsu r-riskji fl-investimenti, il-qafas regolatorju jeħtieġ li jkun prevedibbli u stabbli. Peress li l-investimenti fl-infrastruttura ta' l-enerġija spiss għandhom perjodu twil ta' ritorn, l-użu ta' kuntratti fit-tul jkun ta' benefiċċju.

3.12.2

Sabiex kumpanija tinvesti fl-iżvilupp jew l-użu ta' teknoloġiji ġodda, għandha bżonn li ddaħħal il-qliegħ mill-investiment minn swieq li huma kbar biżżejjed. F'ħafna każi s-swieq nazzjonali m'humiex kbar biżżejjed għal dan — dejjem aktar, l-aċċess għas-swieq globali huwa kundizzjoni sabiex isir l-investiment. Daqstant importanti hija d-domanda internazzjonali u kundizzjonijiet ekwi. Miżuri unilaterali mill-UE ma joħolqux id-domanda bnadi oħra, għalkemm dan jista' jiġri maż-żmien. Per eżempju, prezz għas-CO2 jista' jkun inċentiv importanti iżda jkun hemm bżonn li jkun globali.

3.12.3

Il-pożizzjoni b'saħħitha ta' l-UE fis-swieq globali fl-effiċjenza enerġetika u t-teknoloġiji ta' l-enerġija rinnovabbli trid tkompli tiżviluppa u tissaħħaħ. L-ambizzjoni ta' l-UE li tkun minn ta' l-ewwel fil-politiki għall-klima billi tiżviluppa miri ambizzjużi, kif ukoll l-effiċjenza enerġetika u t-teknoloġiji ta' l-enerġija rinnovabbli jistgħu jgħinu sabiex dan il-għan jiġi appoġġjat. Madankollu, dan ma jseħħx b'mod awtomatiku. Il-miri u l-iskadenzi tagħhom għandhom jiġu definiti b'attenzjoni, sabiex ikun hemm possibbiltajiet realistiċi li jintlaħqu, inkella r-riżultat jista' jkun biss spejjes żejda u possibbilment telf ta' impjiegi. Per eżempju, teknoloġiji relevanti jridu jibdew jiġu żviluppati malajr biżżejjed sabiex ikunu lesti fiż-żmien propizju għall-iskadenzi mmirati. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll iċ-ċikli ta' l-investiment fis-setturi differenti.

3.12.4

L-UE tidher li trid tpoġġi l-enfażi fuq l-interventi fis-suq bħala mezz ta' kif issaħħaħ l-innovazzjoni, li jistgħu ma jkunux effettivi biżżejjed. L-Istati Uniti u xi pajjiżi oħra jiddependu aktar fuq il-finanzjament pubbliku tar-riċerka u żvilupp. L-Ewropa għandha bżonn iżżid in-nefqa pubblika kif ukoll dik privata fir-riċerka u l-iżvilupp fl-enerġija. Il-kooperazzjoni teknoloġika mal-protagonisti l-kbar l-oħra għandha tiġi żviluppata, u l-politiki u l-miżuri tagħhom għandhom jiġu osservati b'mod sistematiku. Għandna bżonn ukoll ta' ħafna aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u l-isforzi nazzjonali u ta' l-UE jridu jiġu koordinati aħjar, mingħajr ma tiġi eliminata l-kompetizzjoni. Trid tiġi mrawma kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn ir-riċerka pubblika u l-intrapriżi, kemm fl-ippjanar kif ukoll fl-eżekuzzjoni ta' l-aġendi tar-riċerka, sabiex jiġi żgurat li l-isforzi tar-riċerka jwasslu għall-innovazzjoni. L-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija li qiegħed jiġi propost jista' jkollu sehem x'jagħti.

3.13

Sabiex l-innovazzjoni tiġi appoġġjata b'mod attiv, hemm bżonn ta' kumbinazzjoni ta' strumenti. Fażijiet differenti ta' żvilupp u sitwazzjonijiet differenti ta' suq jirrikjedu miżuri differenti sabiex ikunu effettivi. Fir-rigward ta' miżuri li hemm bżonn li jittieħdu sabiex isiru innovazzjonijiet ta' suċċess fuq is-suq, it-teknoloġiji jistgħu jinġabru, per eżempju, fi tliet kategoriji:

1)

Il-bogħod mis-suq, fil-fażi ta' riċerka u żvilupp: F'dawn il-każijiet appoġġ mmirat għar-riċerka u żvilupp u dimostrazzjoni huma meħtieġa. Sinjali tal-prezzijiet, bħall-prezz tas-CO2, m'humiex biżżejjed.

2)

Viċin is-suq, teknoloġija li taħdem iżda li hija wisq għolja għas-suq: Prezz fuq is-CO2 jista' jkun l-inċentiv adattat, kif ukoll bħala appoġġ speċjali sabiex tiżgura domanda li tiżdied malajr u b'hekk volumi kbar ta' produzzjoni.

3)

Prodott tajjeb fuq is-suq, iżda domanda baxxa (eżempju jistgħu jinsabu fost t-teknoloġiji b'konsum baxx): Il-kwistjoni prinċipali hija li titqajjem kuxjenza, li tista' tiġi appoġġjata minn skemi ta' awditjar ta' l-enerġija u oħrajn simili.

3.14

Għażla wiesgħa ta' miżuri u strumenti hija disponibbli fil-livelli ta' l-UE, nazzjonali u reġjonali. L-għażla ta' miżuri għal objettivi speċifiċi trid issir b'attenzjoni kbira sabiex ir-riżultati jkunu kost-effettivi. Ir-ritmu ta' l-azzjoni jrid jiġi vvalutat b'mod kritiku sabiex tiġi evitata l-ħela tar-riżorsi u konsegwenzi mhux intiżi. Miżuri li jservu b'mod ċar miri kemm diretti kif ukoll indiretti — miżuri msejħa no regrets — għandhom jiġu implimentati kemm jista' jkun malajr. Miżuri aktar ikkumplikati, ta' spiss ġodda, bħall-mod ta' kif jiġi deċiż il-prezz tas-suq għas-CO2, għandhom l-ewwel jiġu studjati bir-reqqa. Sabiex jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet, l-effetti kollaterali mhux mistennija u s-soluzzjonijiet mhux ottimali, għandu jiġi evitat li jittieħdu diversi miżuri għal objettiv wieħed. Meta jkunu qegħdin jintażlu l-miżuri li għandhom jintużaw, huwa importanti wkoll li jitqies.it-tħaddim effiċjenti tas-suq intern — s'issa dan ma kienx dejjem il-każ.

3.14.1

Il-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp: Hawnhekk il-Kumitat jirreferi b'mod partikolari għall-Opinjoni tiegħu “Investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni (Strateġija ta' Lisbona)” INT/325. L-UE, bħala tali, tinsab lura b'mod ċar meta mqabbla ma' l-Istati Uniti u xi kompetituri kbar oħra. Is-seba' programm ta' qafas għar-riċerka u l-iżvilupp jalloka b'kollox madwar EUR 4 biljuni fuq seba' snin għall-enerġija (barra mill-kostruzzjoni tar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER), filwaqt li l-abbozz tal-liġi ta' l-Istati Uniti għall-enerġija jipproponi għall-baġit Federali $4.4 biljun għall-2007, u li jiżdied aktar tard. Barra miż-żieda fil-finanzi pubbliċi għar-riċerka u l-iżvilupp fl-enerġija, għandu jkun hemm ukoll inċentivi sabiex jiġu allokati aktar fondi privati, filwaqt li titrawwem il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi ta' l-UE.

3.14.2

L-Edukazzjoni u t-taħriġ: Barra mill-isforzi sabiex titjieb il-kwalità ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa, l-enerġija trid issir għażla ta' karriera attraenti bi prospetti pożittivi għaż-żgħażagħ. Peress li t-teknoloġiji qegħdin jinbidlu aktar malajr, it-tagħlim tul il-ħajja huwa essenzjali.

3.14.3

Kuxjenza Pubblika: Hija sfida kbira li tikkonfronta u tbiddel l-imġieba ta' kull wieħed u waħda minna lejn użu aktar intelliġenti ta' l-enerġija. L-iskejjel u l-kampanji ta' tagħrif għadhom sehem x'jagħtu. L-edukazzjoni 'taċ-ċittadini tal-futur' tagħna dwar dan is-suġġett tista' tibda mill-iskola primarja, peress li t-tfal ta' din l-età huma reċettivi ħafna għal kwistjonijiet dwar il-futur tal-pjaneta u huma ħerqana sabiex jaġixxu. Fl-isferi professjonali u fil-kumpaniji, l-awditjar ta' l-enerġija bbażat per eżempju fuq ftehimiet volontarji kellu riżultati tajbin.

3.14.4

Mekkaniżmi ta' prezzijiet u tassazzjoni: Sinjali tal-prezzijiet jistgħu, jekk jiġu mfassla tajjeb, jappoġġjaw l-innovazzjoni b'mod effettiv billi jiggwidaw l-għażliet tal-konsumaturi. Bħala strument sabiex jonqos il-konsum ta' l-enerġija b'mod ġenerali, prezzijiet għolja m'humiex effettivi ħafna — huwa fatt magħruf li l-plasitiċità tal-prezzijiet ta' l-enerġija hija ġeneralment dgħajfa.

3.14.5

Sussidji: Sussidji ddisinjati tajjeb jistgħu jmexxu l-għażliet b'mod effettiv. Fil-bidu tal-kurva tat-tagħlim is-sussidji huma spiss bżonnjużi sabiex jinnewtralizzaw ir-riskju li kieku jkunu għoljin wisq. Sabiex ma tiġix imfixkla l-kompetizzjoni, jistgħu jintużaw biss fil-qafas ta' regoli eżistenti ta' l-UE sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet tas-suq. Is-sussidji jridu jkunu limitati fiż-żmien u ma jibqgħux jingħataw gradwalment. Sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza enerġetika, jridu jiġu żviluppati inċentivi adegwati ħalli jgħinu sabiex jingħelbu l-ispejjeż żejda tal-bidu għalattrezzaturi b'konsum baxx li ta' spiss għandhom perjodu ta' ritorn qasir.

3.14.6

Miri u obbligi deċiżi politikament: Dawn jagħtu sinjal ta' direzzjoni awspikata ta' żvilupp. Daqstant importanti għad-deċiżjonijiet ta' l-investiment huma l-istrumenti politiċi attwali li jiġu implimentati sabiex jintlaħqu l-miri. Meta l-miri jiġu deċiżi wieħed irid iqis li normalment xi partijiet ta' l-ekonomija jibbenefikaw mentri oħrajn jitilfu u miri li huma ambizzjużi żżejjed jistgħu jġibu aktar ħsara milli benefiċċju. Attwalment jidher li hemm it-tendenza li jiġu deċiżi miri globali u sottomiri addizzjonali marbuta ma l-istess mira, per eżempju l-miri għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 u sabiex jintlaħqu dawn il-miri, miri dwar l-użu akbar ta' enerġija rinnovabbli. Dan jista' jwassal għal soluzzjonijiet mhux ottimali sabiex tintlaħaq il-mira globali. Iż-żewġ miri u speċjalment l-istrumenti li jintgħażlu għandhom bżonn ta' stima rigoruża ta' l-impatt, bħall-ftehimiet ma' l-industrija fil-Ġermanja u l-Finlandja.

3.14.7

Negozjar fl-emissjonijiet, ċertifikati ħodor/bojod: Dawn huma strumenti effettivi, li jwasslu għall-miri stabbiliti jekk ikunu mfassla tajjeb. Madankollu huwa diffiċli li tistima l-ispejjeż minn qabel u dawn jistgħu ivarjaw ħafna. Aktar ma jkun kbir is-suq u n-numru ta' parteċipanti fis-suq għad-drittijiet tal-kummerċ jew iċ-ċertifikati, aktar aħjar. Jekk applikati għall-intrapriżi li qegħdin jikkompetu fis-suq globali, is-sistema trid tkun globali sabiex ma tfixkilx il-kompetizzjoni.

3.14.8

Regolamentazzjoni jew liġijiet li jorbtu: Regolamentazzjoni ppjanata tajjeb tista' ssaħħaħ l-innovazzjoni. B'mod partikolari, r-regolamentazzjoni tista' tkun mezz effettiv kif teħles minn teknoloġija obsoleta. Tista' wkoll tistimola l-innovazzjoni sabiex timponi l-effiċjenza enerġetika fil-prodotti billi tiffissa miri intermedji ambizzjużi ħalli tgħolli l-livelli ta' l-effiċjenza. Ir-riskju li tinħonoq l-innovazzjoni madankollu, dejjem huwa preżenti. Fi kwalunkwe każ, irid jiġi żgurat li r-regolamentazzjoni ma toħloqx ostakli fis-suq.

3.14.9

Livelli volontarji, ftehimiet volontarji, ċertifikazzjoni: Dawn huma strumenti ta' politika li jgħinu lill-innovazzjoni. Jista' jiġri li mhux dejjem iwasslu sabiex jintlaħqu l-miri jew l-objettivi eżatti tagħhom, iżda jiffaċilitaw li jittieħdu passi kbar 'il quddiem fl-innovazzjoni, b'mod partikolari mingħajr ir-riskju ta' effetti kollaterali negattivi.

3.14.10

Akkwisti pubbliċi: L-akkwisti pubbliċi jista' jkollhom sehem importanti sabiex tissaħħaħ l-innovazzjoni fl-enerġija. Metodi għal dan l-iskop għandhom jiġu żviluppati u mifruxa. Normalment akkwisti “ħodor” jirrikjedu l-użu ta' analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, u l-awtoritajiet għandhom bżonn ta' aktar tagħrif dwar dan il-metodu u metodi ġodda oħra. Ir-regoli ta' l-UE għall-akkwisti pubbliċi, li jridu jiġu rispettati, jipprovdu għall-akkwisti “ħodor” billi jirrikjedu soluzzjonijiet ta' l-ogħla livell.

3.14.11

Sabiex isseħħ it-trasformazzjoni urġenti meħtieġa fis-settur ta' l-enerġija, il-pass ta' l-innovazzjoni għandu bżonn jitħaffef. Il-Kumitat iħeġġeġ li tingħata attenzjoni partikolari lil

miżuri sabiex jitpoġġa prezz ekonomiku xieraq fuq l-emissjonijiet tal-karbonju.

żjieda fir-riċerka u l-iżvilupp mis-settur pubbliku u dak privat sabiex jiġu appoġġjati forom ġodda ta' enerġija u effiċjenza enerġetika,

l-użu tar-regolamentazzjoni sabiex jitħaffef il-pass tal-progress fit-titjib ta' l-effiċjenza ta' prodotti ta' kull tip,

l-użu ta' l-akkwist pubbliku b'mod aktar proattiv sabiex jittejbu l-livelli ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija, b'mod partikolari fil-bini.

Brussell, 12 ta' Lulju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  COM(2005) 141 fin., Linji ta' gwida integrati għat-tkabbir u għax-xogħol.

(2)  ĠU C 318, 23.12.2006, p 185.

(3)  ĠU Ċ 241 tas-7.10.2002, p. 13.