52007DC0869

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Aġenda għal Ġejjieni Sostenibbli għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali /* KUMM/2007/0869 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.1.2008

KUMM(2007) 869 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Aġenda għal Ġejjieni Sostenibbli għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Aġenda għal Ġejjieni Sostenibbli għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali

1. GħALIEX AVJAZZJONI ĠENERALI U KUMMERċJALI?

1. Sa ftit żmien ilu, ma kienx meħtieġ li jiġu ndirizzati il-partikolaritajiet ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali fil-livell Komunitarju. Madankollu, bl-estensjoni tal-kompetenzi Komunitarji fl-ambitu tas-sikurezza[1] u s-sigurtà[2], it-titjib ta’ l-Ajru Uniku Ewropew[3] u ta’ l-użu tas-sistema l-ġdida tal-Ġestjoni tat-Traffiku ta’ l-Ajru fl-Ewropa[4], il-“kriżi tal-kapaċità”[5] mistennija u t-tħassib dwar l-impatti ambjentali ta’ l-avjazzjoni[6], l-attivitajiet ta’ l-UE huma dejjem iktar rilevanti għal dan is-settur ukoll.

2. L-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali hija varjata ħafna. Tkopri attivitajiet li jvarjaw minn titjir rikreazzjonali b’ajruplani mhux motorizzati għal operazzjoni kumplessa ta’ ġettijiet kummerċjali b’rendiment għoli u ħidmiet speċjalizzati bl-ajru. Dan joħloq sfidi minħabba li inizjattiva ta’ politiki ma jistgħux ikunu bbażati fuq approċċ “wieħed għall-kulħadd”.

3. Parti sinifikanti ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali huma l-Intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju (SMEs) jew organizzazzjonijiet li ma jaħdmux għall-profitt li jiddependu wkoll fuq voluntiera. Ħafna drabi, dawn l-individwi jew kumpaniji żgħar għandhom riżorsi limitati biex ilaħħqu mal-bidliet fir-rekwiżiti regolatorji jew tekniċi.

4. Mil-lat industrijali, l-industrija tal-manifattura Ewropea ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali qed tikber bħal qatt qabel fis-swieq dinjija. Dan ir-ritmu għandu jinżamm permezz ta’ regolamentazzjoni u stimulazzjoni tajba ta' l-innovazzjoni u r-riċerka.

5. Minkejja l-iżviluppi teknoloġiċi, l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali qed taffettwa l-ambjent f’dal li għandu x’jaqsam ma’ l-emissjonijiet ta' l-istorbju u tal-gassijiet, u bħall-bqija ta’ l-industrija tat-trasport bl-ajru jew kwalunkwe mezz ta' trasport ieħor, jeħtieġ li tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' dawn l-impatti.

6. Bl-inizjattiva tal-partijiet involuti u wara konsultazzjonijiet fuq skala kbira, il-Kummissjoni fasslet Aġenda għal ġejjieni sostenibbli fl-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali[7].

2. AVJAZZJONI ĠENERALI U KUMMERċJALI GħAS-SERVIZZ TA’ L-EWROPA

2.1. Settur dejjem jikber b’flotta varjata

7. L-ambitu ta' din il-Komunikazzjoni jkopri: 1) operazzjonijiet ta’ l-ajruplani ċivili kollha minbarra t-trasport kummerċjali bl-ajru; 2) operazzjonijiet ta’ trasport bl-ajru fuq talba, mħallsa u ċivili. Dan l-ambitu jinkludi, inter alia : ħidmiet speċjalizzati bl-ajru, taħriġ ta’ l-avjazzjoni, titjir rikreazzjonali, operazzjonijiet ta’ taxi bl-ajru fuq talba, u ajruplani proprjetà ta’ kumpaniji/individwi li joperaw għal raġunijiet kummerċjali/professjonali[8].

8. Fl-Ewropa, hemm sa 50 000 ajruplan motorizzati ta' l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali (inklużi madwar 2 800 li jaħdmu bit-turbini) imqabbel mal-5 000 ajruplan fil-flotta tal-linji ta’ l-ajru kummerċjali Ewropej. Barra minn hekk, 180 000 – 200 000 ta’ ajruplani ħfief ħafna u mhux motorizzati huma użati għall-isport u r-rikreazzjoni.

9. Fl-2006 madwar 9 % tal-movimenti kollha ta’ l-ajruplani rreġistrati mal-Eurocontrol kienu mill-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali. Mill-2003 n-numru tal-movimenti ta’ l-ajruplani f’dan is-settur irreġistrat mill-Eurocontrol ilu jikber kważi b’darbtejn il-ħeffa tal-bqija tat-traffiku (22 % iktar titjiriet fl-2006 mill-2003, mqabbel ma' żieda ta’ 14 % għall-bqija tat-traffiku)[9].

10. Analiżi ta’ xejriet tat-traffiku, konsenji u ordnijiet ta’ l-ajruplani tissuġġerixxi li d-domanda għal trasportazzjoni bl-ajru b'livell għoli ta' flesibbiltà, privata u kummerċjali se tkompli tikber b’saħħitha fis-snin li ġejjin. Il-fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għal din ix-xejra huma:

- Il-ħtieġa għal iktar mobbiltà, flessibbiltà u servizzi minn punt għal ieħor,

- Żieda fil-konġestjoni fl-ajruporti prinċiplali,

- Restrizzjonijiet ta’ sigurtà,

- Sforzi kontinwi minn intrapriżi u individwi biex iżidu il-profitti mill-produttività, u

- L-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, li bihom l-ajruplani jsiru iktar effiċjenti u irħas.

2.2. L-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali Ewropea toħloq benefiċċji soċjali u ekonomiċi speċifiċi.

11. L-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali tipprovdi trasportazzjoni imfassla b’mod adatt, flessibbli u minn bieb għal bieb lill-individwi, l-intrapriżi u l-komunitajiet lokali, b’hekk jiżdiedu l-mobbiltà tan-nies, il-produttività tal-kummerċ u l-koeżjoni reġjonali.

12. Minkejja li l-ajruplani privati u l-ajruplani charter huma xi drabi alternattiva għal konnessjonijiet skedati, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dan hu servizz supplimentari li jagħti l-possibbiltà ta’ destinazzjonijiet li l-linji ta’ l-ajru ma jistgħux joffru minħabba restrizzjonijiet operazzjonali jew kunsiderazzjonijiet ekonomiċi.

13. Fl-2005 kien hemm madwar 100 000 par ta’ ajruporti/ajrudromi fl-Ewropa użati mit-traffiku ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali (kontrarju għat-30 000 marbuta b’konnessjonijiet skedati ta’ linji ta’ l-ajru). 5 % biss minn dawn kellhom alternattiva skedata (mill-inqas titjira skedata waħda għal kull jum ta’ xogħol). L-istess xejra tibqa’ meta nħarsu lejn pari ta’ bliet. Fl-2005 l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali fl-Ewropa kopriet iktar minn 80 000 par ta’ bliet. Maġġoranza kbira ta’ dan it-traffiku seħħ bejn pari ta' bliet li kellhom biss alternattivi skedati limitati ħafna (inqas minn titjira skedata waħda għal kull jum ta’ xogħol).

14. Kumpaniji Ewropej ta’ ħidmiet bl-ajru jipprovdu servizzi ta’ valur għoli u speċjalizzati, kemm fil-Komunità kif ukoll fil-pajjiżi terzi. Dawn ivarjaw mill-iċċartjar ta’ mapep, servizzi u xogħolijiet ta’ kostruzzjoni off-shore, il-konservazzjoni u l-monitoraġġ ta’ sistemi ta’ pajpijiet, titjiriet agrikoli u s-sorveljanza ta’ l-ambjent għal riċerka meteoroloġika, it-tifi tan-nar, xandir dirett permezz tat-TV, il-monitoraġġ tat-traffiku u oħrajn.

15. L-avjazzjoni rikreazzjonali u għall-isport hija waħda mis-sorsi l-kbar ta’ persunal kwalifikat ta’ l-avjazzjoni għal-linji ta’ l-ajru u s-servizz sekondarji ta’ dan il-qasam. Bosta mill-piloti u l-inġinjiera fuq taħriġ, wara li jakkumulaw is-sigħat fl-ajru jew fil-ħangar, ibiddlu sussegwentement għal xogħol fl-industrija tal-linji ta’ l-ajru.

16. Klabbs ajrunawtiċi u organizzazzjonijiet ta’ l-isport ta’ l-ajru jippromwovu l-kwalitajiet, l-għarfien tekniku u l-kompetenzi ajrunawtiċi ta’ l-individwu – speċjalment fost iċ-ċittadini żgħażagħ ta’ l-Unjoni Ewropea, iġegħluhom jinteressaw ruħhom fl-isport ta’ l-ajru li jeħtieġ ħafna sforz u motivazzjoni u karrieri għal-ġejjieni fl-avjazzjoni kummerċjali jew fir-riċerka u l-iżvilupp tas-settur ajrunawtiku.

3. IL-ĦOLQIEN TA’ AġENDA GħAL ĠEJJIENI SOSTENIBBLI GħALL-AVJAZZJONI ĠENERALI U KUMMERċJALI

3.1. L-evalwazzjoni ta' l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali

17. Dejta kompluta li tiddeskrivi l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali fl-Ewropa mhijiex disponibbli u jidher li dejta ta’ dan it-tip mhux qed jinġabar b’mod sistematiku u koerenti.

18. Rigward il-kwistjoni speċifika tas-sikurezza, ma teżistix statistika komprensiva minn madwar l-Ewropa kollha dwar is-sikurezza ta’ ajruplani b’massa tat-tlugħ massima (MTOM) inqas minn 2,250 kg u d-dejta parzjali disponibbli tagħti biss ftit ta’ indikazzjoni dwar il-kawżi ewlenin ta’ inċidenti fatali.

19. Sabiex kwalunkwe attività tkun regolata b’mod xieraq, dawk li jfasslu l-politiki għandhom ikollhom idea ċara tas-sitwazzjoni. Għalhekk jeħtieġ li jsir żvilupp, fuq livell Ewropew, tas-sett bażiku ta’ għanijiet u d-dejta koerenti kif ukoll kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet involuti u interessati kollha.

20. Il-Kummissjoni talbet lill-Konferenza Ewropea ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ECAC) biex twettaq studju dwar l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali li għandu jidentifika s-sorsi tad-dejta disponibbli u jissuġġerixxi l-mod l-iktar effettiv għal-ġbir ta’ dan fil-ġejjieni.

3.2. Kjarifika tad-definizzjonijiet

21. Biex jitwettaq ir-rwol tagħha b’mod effettiv, l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali għandha topera taħt skemi differenti u ġieli kumplessi. Din il-kumplessità xi drabi tirriżulta f’interpretazzjonijiet differenti ta’ definizzjonijiet ġuridiċi minn operaturi u regolaturi. Din id-diverġenza taffettwa l-operazzjoni tas-suq intern u toħloq konfużjoni fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

22. Jeżistu żewġ ambiti ewlenin fejn il-kjarifika hija essenzjali għall-applikazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni Komunitarja: 1) definizzjoni tal-kunċett ta’ “ajruplani Statali/Ċivili” u 2) definizzjoni ta’ l-“operazzjoni tat-trasport bl-ajru kummerċjali".

23. Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza għall-Istati Membri biex jiddependu fuq kjarifiki dwar id-definizzjonijiet imniżżla hawn taħt, biex ma jaffettwawx l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib, fi ħdan il-limiti tas-setgħet tagħha, kwalunkwe żviluppi possibbli dwar din il-kwistjoni u tfakkar li l-avjazzjoni ġenerali u kummerċjali għandha tintuża b’mod ferm kompatibbli mal-liġijiet eżistenti, inklużi d-drittijiet fondamentali.

3.2.1. Ajruplani Statali u Ċivili

24. Tradizzjonaliment, l-ajruplani kollha huma klassifikati jew bħala “statali” jew “ċivili”. Kemm l-iskema internazzjonali stabbilita taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago kif ukoll dik taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja, fil-prinċipju japplikaw biss għal ajruplani ċivili waqt li r-regolament u l-kontroll ta’ l-ajruplani Statali għandu jitħalla lill-awtoritajiet nazzjonali. Din id-distinzjoni hija ta' importanza kbira, minħabba li differenzi sinifikanti jeżistu fl-iskemi ġuridiċi applikabbli għal ajruplani ċivili u statali. Pereżempju ajruplani statali huma koperti minn sistema ta’ monitoraġġ differenti, li ma tistax tkun evitata bl-użu ta’ regoli ta’ l-avjazzjoni ċivili, kif enfasizzat pereżempju, fir- riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri [10].

25. F’ċerti sitwazzjonijiet ajruplani ċivili reġistrati jkunu operati għal raġunijiet ta’ l-Istat. F’każijiet bħal dawn, kemm il-Konvenzjoni ta' Chicago kif ukoll il-leġiżlazzjoni Komunitarja jużaw l-approċċ tal-funzjonalità. Dan ifisser li dak l-ajruplan għandu jkun klassifikat skond in-natura tas-servizz stess[11] (ix-xogħol li jagħmel f’ħin partikolari) aktar mir-reġistrazzjoni biss. Għal din ir-raġuni, ajruplani reġistrati biċ-ċivil użati għal raġunijiet ta’ l-istat[12] għandhom ikunu klassifikati bħala ajruplani statali u konsegwentement it-titjiriet minn fuq u l-inżul fi Stat mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel huma projbiti[13]. L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli għall-iżgurar li l-prinċipji tal-klassifikazzjoni ma jiġux abbużati, kif huwa enfasizzat per eżempju fir riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew imsemmija hawn fuq.

3.2.2. Operazzjoni kummerċjali tat-trasport bl-ajru, proprjetà frazzjonali u t-tmexxija ta’ ajruplani

26. Il-kunċett ta’ “it-tagħbija bl-ajru ta’ passiġġieri, ittri u/jew merkanzija għal remunerazzjoni u/jew kiri" mhux dejjem interpretat b’mod uniformi. Din id-distinzjoni hija importanti peress li "operazzjonijiet tat-trasport bl-ajru kummerċjali" huma soġġetti għar-rekwiżit ta’ liċenzja ta’ ħidma[14] u jistgħu jkunu affettwati minn limitazzjonijiet għad-drittijiet tat-traffiku. Jidher li l-ħolqien ta’ skemi ta’ dan it-tip bħala programmi ta' proprjetà frazzjonali huwa l-kawża prinċipali għat-tħassib.

27. L-użu ta’ ajruplani fl-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali jsir taħt mudelli differenti kemm fil-kategorija tat-trasport bl-ajru kummerċjali kif ukoll dik privata – bi skemi regolatorji relatati mal-liċenzjar ekonomiku, ċertifikazzjoni tas-sikurezza u drittijiet tat-traffiku li jvarjaw skond dan. Minħabba li l-proprjetà privata ta’ ajruplan hija għalja, ix-xejra issa hija li jiġu esternalizzati s-servizzi tat-tmexxija ta’ ajruplani għal kumpanija speċjalizzati. Esternalizzazzjoni ta’ dan it-tip tista’ tkun supplimentata bil-proprjetà bi sħab jew l-għaqda ta’ l-ishma tal-proprjetà ta’ l-ajruplani għal użu iktar effiċjenti ta’ l-assi.

28. Bħalissa l-iskemi l-iktar sofistikati tat-tmexxija ta’ l-ajruplani disponibbli huma l-programmi ta’ proprjetà frazzjonali, li s-soltu jkopru:

- Proprjetà bi sħab ta’ ajruplani minn parteċipanti li jieħdu sehem f’għadd ta’ programmi,

- Ftehimiet bejn il-parteċipanti fil-programm, id-definizzjoni tal-kondizzjonijiet rigward il-proprjetà, it-tmexxija tal-programm u l-iskambju ta’ ajruplani bejn il-proprjetarji li jipparteċipaw fil-programm, u

- Il-provvista ta’ servizzi għat-tmexxija ta' ajruplani tal-flotta permezz ta' direttur tal-programm li jaħdem f'isem il-proprjetarji ta' l-ajruplani;

29. Għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-kwistjonijiet ta’ sikurezza u r-regolamentazzjoni kummerċjali:

- Rigward il-kwistjonijiet ta’ sikurezza, il-proposta tal-Kummissjoni għall-estensjoni tal-kompetenzi ta’ l-Aġenzija tas-Sigurtà ta' l-Avjazzjoni Ewropea (EASA) għall-operazzjonijiet ta’ l-ajruplani, l-għoti ta’ liċenzji ta’ l-ekwipaġġi ta' l-ajru u s-sikurezza ta’ l-ajruplani minn pajjiżi terzi[15] diġà fiha definizzjoni ġdida ta' “operazzjoni kummerċjali” li għandha tkun preċiża biżżejjed biex tiżgura interpretazzjoni uniformi ta’ dan it-terminu madwar l-UE u standards xierqa tas-sikurezza.

- D’dak li għandu x’jaqsam mar-regolamentazzjoni ekonomika, għandu jkun magħruf li skemi bħall-programmi ta' proprjetà frazzjonali m'hemm l-ebda kuntratt ta' tagħbija bejn dak li jipprovdi s-servizz u l-klijent. L-operazzjonijiet isiru abbażi ta’ ftehim ta’ tmexxija li jeħtieġ lill-dak li jipprovdi s-servizz ikun essenzjalment impjegat tal-proprjetarju/koproprjetarju ta' l-ajruplan.

30. Tipi differenti ta’ servizzi ta’ tmexxija ta’ ajruplani, inklużi programmi ta’ proprjetà frazzjonali, kif ukoll operazzjonijiet li ma jsirux taħt kuntratti tat-trasport bl-ajru, ma jikkostitwux “it-tagħbija bl-ajru ta’ passiġġieri għal remunerazzjoni u/jew kiri” u għalhekk mhumiex soġġetti għar-rekwiżit tal-liċenzja ta’ ħidma. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola Komunitarja dwar is-sikurezza u s-sigurtà ta’ l-avjazzjoni.

3.3. “M'hemmx soluzzjoni waħda għal kulħadd” – l-importanza tar-regolamentazzjoni proporzjonali

31. Bosta partijiet involuti ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali esprimew tħassib dwar il-proporzjonalità ta’ regolamenti li jaffettwawhom.

32. Id-diversifikazzjoni ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali kif ukoll il-proporzjon għoli ta’ SMEs u organizzazzjonijiet li ma jaħdmux għall-profitt f’dan il-qasam jirrikjedi attenzjoni speċjali fl-applikazzjoni xierqa tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà.

33. Ir-Regolament bażiku ta’ l-EASA[16] u l-proposta tal-Kummissjoni għall-emenda tiegħu huma eżempji tajbin ta’ l-approċċ il-ġdid tar-regolamentazzjoni proporzjonali. Ir-rekwiżiti bżonjużi biss huma applikabbli għall-operaturi kollha filwaqt li standards iktar stretti jiżdiedu sussegwentement, jekk ikunu ġustifikati abbażi tal-kriterji rilevanti. Dan l-approċċ għandu jintuża fl-inizjattivi tal-ġejjieni dwar ir-regolamentazzjoni bħas-sikurezza ta’ l-ajrudromi jew it-tmexxija tat-traffiku fl-ajru.

34. Il-Kummissjoni se tosserva l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, biex tiżgura li mhux biss il-proċessi tat-tfassil tal-politiki u tar-regolamentazzjoni iżda wkoll l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni stess tal-liġi Komunitarja jirrispettaw b'mod xieraq dawn il-prinċipji. Dan il-monitoraġġ se jkopri wkoll mandati tekniċi mogħtija mill-Kummissjoni lil aġenziji speċjalizzati, bħall-Eurocontrol.

Titjiriet lokali

35. Għadd ta’ partijiet involuti, li prinċipalment jirrappreżentaw l-avjazzjoni rikreazzjonali u għall-isport, jesprimu tħassib dwar id-definizzjoni u r-regolamentazzjoni għall-ġejjieni tad-diversi tipi ta’ titjiriet lokali. Dawn l-attivitajiet ġieli jgħinu klabbs ajrunawtiċi u organizzazzjonijiet dwar ajruplani ħfief biex ikunu jistgħu jsostnu l-operazzjonijiet ta’ kuljum u jsegwu l-għanijiet statutorji.

36. Bħalissa “it-tagħbija bl-ajru ta' passiġġieri, ittri u/jew merkanzija, li ssir minn ajruplani mhux motorizzati u/jew ajruplani ħfief ħafna motorizzati, kif ukoll titjiriet lokali li ma jinkludux tagħbija bejn ajruporti differenti” mhumiex soġġetti għar-rekwiżit li jkollhom liċenzja ta’ ħidma u l-Kummissjoni mhux beħsiebha tagħmel bidliet rigward dan[17].

37. Fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament bażiku ta’ l-EASA, il-Kummissjoni, bl-assistenza ta’ l-Aġenzija, ikkonsultat il-partijiet involuti kolllha bl-għan li tfassal regoli ta’ implimentazzjoin għar-Regolament il-ġdid. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni timpenja ruħha biex tiżviluppa regoli proporzjonali adattati għall-kumplessità ta’ l-ajruplan rigward kemm il-manutenzjoni u l-operat ta' l-ajruplan, kif ukoll il-liċenzji ta’ l-ekwipaġġ.

Rekwiżiti ta’ l-assigurazzjoni

38. B’mod simili, il-Kummissjoni tinnota t-tħassib espress minn xi partijiet involuti u Stati Membri dwar l-impatt sproporzjonat tar-rekwiżiti ta’ l-assigurazzjoni tal-KE fuq l-avjazzjoni ġenerali[18]. Wara konsultazzjonijiet fuq skala kbira, il-Kummissjoni issa qed teżamina l-operat tar-regolament ta’ l-assigurazzjoni ta’ l-avjazzjoni u se tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta’ April 2008.

3.4. L-aħjar użu tal-kapaċità eżistenti

39. Minħabba l-evoluzzjoni mistennija tat-traffiku, l-Ewropa qed tħabbat wiċċha ma' qabża dejjem tikber bejn il-kapaċità u d-domanda. Jekk ix-xejriet attwali tat-tkabbir jinżammu u l-livelli ta’ kapaċità ma jiżdidux, huwa mistenni li:

- It-traffiku fl-ajru fl-Ewropa jirdoppja fl-20 sena li ġejjin, u

- Iktar minn 60 ajruport Ewropew jistgħu jkunu maħnuqa bit-traffiku u l-ewwel 20 ajruport jistgħu jkunu mimlija żżejjed għal mill-inqas 8-10 sigħat kuljum sa l-2025.

40. Fl-2006 madwar 9 % tal-movimenti kollha ta’ l-ajruplani reġistrati mill-Eurocontrol jistgħu jkunu dovuti għall-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali. Mill-2003 dan il-qasam ilu jikber b'rata kważi doppja ta’ dik tal-bqija tat-traffiku u x-xejra mistennija tinżamm fi snin li ġejjin.

41. Jekk il-livelli ta’ kapaċità ma jiżdidux b’mod proporzjonali maż-żieda tat-traffiku ġenerali, l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali se tkun dejjem iktar tikkompeti għall-aċċess għall-ispazju ta' l-arja u l-infrastruttura ma' l-industrija usa’ tal-linji ta' l-ajru. F’dan ir-rigward, kemm l-impatti kif ukoll il-bżonnijiet speċifiċi ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali għandu jittieħed kont tagħhom fl-eżerċizzji ta' l-ippjanar tal-kapaċità u ta’ l-aħjar użu bħal ma huma d-diskussjonijiet attwali dwar il-“Pjan ta' azzjoni għall-kapaċità, l-effiċjenza u s-sikurezza ta' l-ajruporti fl-Ewropa” tal-Kummissjoni[19].

3.4.1. Kapaċità ta’ l-ajruporti/ajrudromi

42. Ajruplani ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali joperaw prinċipalment minn ajruporti sekondarji u ajrudromi lokali, u b’hekk jipprovdu servizzi addizzjonali minn punt għal ieħor u jikkontribwixxu għal firxa tat-traffiku iktar uniformi. L-infrastruttura ta’ l-ajruporti sekondarji qed tintuża dejjem iktar ukoll mill-industrija tal-linji ta’ l-ajru, li qed tfittex kapaċità akbar.

43. It-traffiku dejjem jikber fuq l-art ifisser li iktar ajruporti, inklużi dawk reġjonali li huma iżgħar se jkunu klassifikati bħala ajruporti bi skedi faċilitati jew koordinati. Fl-aħħar, slots f’xi wħud minn dawk l-ajruporti jistgħu jkunu disponibbli għal operaturi mhux skedati fuq bażi ad-hoc biss . Din il-problema tista’ tkun partikolarment gravi fil-każ ta’ ajruporti li m’għandhomx alternattiva xierqa qrib għall-operaturi ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali.

44. Ajruplani żgħar jistgħu jkunu wkoll mhux attrajenti għad-diretturi ta’ l-ajruporti, minħabba li jgħabbu għadd iżgħar ta’ passiġġieri li jħallsu nol u huma iktar sensittivi għal vortiċi fit-taqlib ta’ l-arja kkawżati minn ajruplani akbar (b’hekk jieħdu iktar mill-ħin skars ta’ kapaċità). Barra minn hekk, jistgħu jeħtieġu infrastruttura speċjali, bħal terminal dedikat jew art iebsa fejn ikunu mmanuvrati l-ajruplani, ( apron ) li jkollha tkun finanzjata mill-ajruport. Il-proċessi ta’ l-allokazzjoni tas-slots u tat-tmexxija tal-fluss tat-traffiku ta’ l-ajru ukoll huma l-iktar xierqa għall-operaturi ta’ l-ajruplani b’xejriet regolari ta’ titjiriet ippjanati xhur qabel.

45. Dawn l-isfidi jistgħu jiġu ttrattati permezz ta’ żewġ għażliet:

- Ippjanar aħjar biex il-kapaċità eżistenti tintuża bl-aħjar mod possibbli. Dan jinkludi l-użu ta' reliever runways u ta’ żoni ta’ ajruporti/ajrudromi dedikati, biex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali. B’mod simili, l-użu ta' ajruporti/ajrudromi dedikati xi drabi jkun fattibbli għat-tmexxija ta’ dan it-tip ta’ traffiku b’mod partikolari;

- Żvilupp u implimentazzjoni ta’ teknoloġiji moderni. Sistemi awtomatiċi tar-rapportar dwar it-temp, Servizzi mingħajr ekwipaġġ tat-Traffiku ta’ l-Ajru kif ukoll l-inklużjoni ta’ Sistemi Globali għan-Navigazzjoni bis-Satellita fil-proċeduri tat-tmexxija tat-Traffiku ta’ l-Ajru[20], jistgħu jkunu utli biex jintuża l-potenzjal kollu tal-kapaċità lokali u reġjonali b’mod ekonomiku.

46. Il-“Pjan ta' Azzjoni għall-kapaċità, l-effiċjenza u s-sikurezza ta' l-ajruporti fl-Ewropa” tal-Kummissjoni tipprovdi pjattaforma għal aktar azzjoni permezz ta' l-istabbiliment ta’ Osservatorju ta’ l-UE, li jkun jikkonsisti fil-Kummissjoni, l-Istati Membri u esperti mill-industrija u fejn se jkunu kkunsidrati l-interessi speċifiċi ta' l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali.

3.4.2. Il-kapaċità ta’ l-ispazju ta’ l-arja

47. L-ispazju ta’ l-arja Ewropew huwa ambjent essenzjali għal eluf ta’ ajruplani b’diversi rendimenti u profili ta’ operazzjoni. Għaldaqstant, it-tkabbir kontinwu tat-traffiku ta’ l-ajru flimkien mal-frammentazzjoni istituzzjonali u l-limitazzjonijiet teknoloġiċi rriżultaw f’piż konsiderevoli f’dan il-ġid komuni.

48. Sabiex jiġu ndirizzati l-isfidi futuri ta’ l-ispazju ta’ l-arja, il-Kummissjoni qed timplimenta għadd ta’ riformi istituzzjonali u teknoloġiċi fi ħdan il-qafas ta’ l-Ajru Uniku Ewropew u l-proġett SESAR. Dawn l-inizjattivi huma mistennija jġibu magħhom is-sikurezza, benefiċċji ekonomiċi u ta’ effiċjenza għal kull min jużahom, inkluża l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali.

49. Huwa stmat li fl-2005 madwar 15 miljun titjira ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali seħħew fl-Ewropa. Inqas minn 1 miljun minnhom kienu operati taħt is-sorveljanza tal-kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru.

50. Il-partijiet involuti ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali, u b’mod partikolari dawk li jużaw l-ispazju ta’ l-arja li jtiru mingħajr is-sorveljanza tal-kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru, jesprimu t-tħassib partikolari tagħhom dwar il-proliferazzjoni ta’ l-ispazju ta’ l-arja kkontrollat, il-klassifikazzjoni futura ta’ l-ispazju ta’ l-arja u r-rekwiżiti ta’ l-ekwipaġġ definiti fl-Ajru Uniku Ewropew u l-programm SESAR tiegħu.

51. Diskussjonijiet attwali u deċiżjonijiet futuri dwar politika dwar l-ispazju ta’ l-arja u l-użu ta’ sistema ġdida ta’ ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fl-Ewropa għandhom jikkunsidraw li perċentaġġ sinifikanti tat-traffiku ta' l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali ma jiddependix fuq l-istrumenti iżda fuq il-prinċipju ta' "ara u evita". Barra minn hekk, politika dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru għandha tirrikonoxxi li bosta tipi ta’ ajruplani ma jistgħux ikunu teknikament u/jew ekonomikament adattati bl-istallazzjoni ta’ tagħmir kumpless.

52. Eżempji minn reġjuni oħra madwar id-dinja juru li l-operazzjonijiet ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali jistgħu jsiru wkoll f’ambjenti ta’ konġestjoni ta’ traffiku, jekk l-ispazju ta' l-arja u l-proċeduri jkunu disinjati b'mod effiċjenti.

3.5. L-iffaċilitar ta’ l-aċċess għas-swieq dinjija

3.5.1. L-industrija tal-manifattura

53. Il-Komunità Ewropea għandha industrija tal-manifattura ta’ l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali b'saħħitha u dejjem tikber malajr. Madwar 75 % tat-tipi kollha taċ-ċertifikati maħruġa mill-EASA huma f’dan is-settur.

54. Fl-ewwel nofs ta’ l-2007, il-manifatturi ewlenin ta’ l-ajruplani bi ġwienaħ fissi ta’ l-avjazzjoni Ewropea Ġenerali u Kummerċjali kellhom portafoll ta’ kunsinni ta’ madwar EUR 1 biljun li juru żieda ta' 33.6 % meta mqabbel ma' l-istess perjodu ta' l-2006 u jikkostitwixxu madwar 16 % tal-valur tas-suq dinji ta' l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali. Madankollu, bit-tkabbir tas-suq ta’ l-ajruplani ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali fil-Komunità, l-industrija Ewropea tibqa’ dejjem orjentata lejn l-esportazzjoni.

55. F’dawn l-aħħar snin, permezz ta’ l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp, bosta teknoloġiji ġodda ġew introdotti mill-industrija Ewropea, speċjalment fl-oqsma inqas regolati ta' l-avjazzjoni. Dan il-vantaġġ kompetittiv issa jipprovdi opportunità biex il-preżenza Ewropea tiżdied fis-swieq dinjija.

56. Wieħed mis-strumenti importanti li għandu jiffaċilita l-iżvilupp ta' l-industrija tal-manifattura Ewropea huwa l-ftehimiet internazzjonali negozjati mill-Kummissjoni mal-pajjiżi terzi. Jistgħu jindirizzaw mhux biss il-kwistjonijiet tat-trasport bl-ajru iżda wkoll l-approvazzjoni reċiproka tal-prodotti ajrunawtiċi, b’hekk jitnaqqsu superviżjonijiet regolatorji bla bżonn u jiġi faċilitat l-aċċess għas-suq għall-industrija tal-manifattura ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali wkoll.

3.5.2. L-avjazzjoni tan-negozju kummerċjali

57. Minkejja li s-soltu l-avjazzjoni tan-negozju kummerċjali[21] topera barra mill-qafas tal-ftehimiet bilaterali u multilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru, hija affettwata mid-drittijiet tat-traffiku jew restrizzjonijiet oħra għall-aċċess tas-suq, li huma xi drabi speċifiċi għal dan is-settur biss. It-tħassib riċenti ta’ l-operaturi Ewropej rigward il-limitazzjonijiet ta’ l-Istati Uniti dwar “charters minn żmien għall-ieħor tal-kapaċità totali ta' l-ajruplan” jirriflettu din is-sitwazzjoni. Hawnhekk, l-isforzi konġunti ta’ l-industrija u r-regolaturi Ewropej ippermettew l-irdoppjar (soġġett għal ċerti kundizzjonijiet) ta’ l-għadd ta’ “charters minn żmien għall-ieħor tal-kapaċità totali ta' l-ajruplan” li jistgħu jkunu operati mingħajr permess sħiħ amerikan ta’ ajruplan barrani. Dan għandu jkompli jżid l-opportunitajiet għall-operaturi Ewropej ta’ l-avjazzjoni kummerċjali li jtiru fuq l-Atlantiku.

58. Interessi speċifiċi ta’ l-avjazzjoni tan-negozju kummerċjali għandhom ikunu kkunsidrati waqt l-iżvilupp ta’ politika esterna għat-trasport bl-ajru tal-KE u l-innegozjar ta’ ftehimiet Komunitarji dwar is-servizzi ta’ l-ajru. Dawn jinkludu s-simplifikazzjoni u l-integrazzjoni ta' proċeduri kif ukoll il-liberalizzazzjoni bbilanċjata tad-drittijiet tat-traffiku.

3.6. L-iżgurar ta' sostenibilità ambjentali

59. Minkejja l-iżviluppi teknoloġiċi li qegħdin isiru, l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali, komuni ma' l-industrija usa tal-linji ta' l-ajru u ċertament mal-biċċa l-kbira tat-tipi l-oħra ta' trasport, tirrifletti f'impatti negattivi fuq l-ambjent fejn jidħol l-istorbju u l-emissjonijiet tal-gassijiet u għandha tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' dawn l-impatti.

3.6.1. Kwistjonijiet ta’ storbju

60. Il-biċċa l-kbira ta’ l-ajruplani, il-magni u l-prodotti ajrunawtiċi l-oħra ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali huma diġa soġġetti għal standards ta’ ċertifikazzjoni ta’ storbju uniformi[22]. Minkejja dan, ir-residenti tal-komunitajiet lokali f'xi Stati Membri xi drabi jesprimu t-tħassib tagħhom dwar l-impatt ta’ l-istorbju ta' l-ajruplani ħfief fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom. In-natura lokalizzata ta’ dawn l-attivitajiet u d-daqs pjuttost żgħir ta’ l-ajrudromi involuti huma b’mod li l-awtoritajiet nazzjonali jew saħansitra lokali huma l-iktar xierqa biex jeżaminaw is-sitwazzjoni u, jekk hemm bżonn, isibu soluzzjonijiet tajbin. L-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ta’ operazzjoni marbuta ma’ l-istorbju għal ajrudromi ta’ dan id-daqs fuq il-livell Komunitarju, f’dan il-punt ma jtstax tkun proporzjonata u lanqas ġustifikata minħabba l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

61. Fit-tul ta’ żmien twil, il-Kummissjoni, bl-assistenza ta’ l-EASA, se tanalizza l-ħtieġa għal bidla tar-“rekwiżiti essenzjali” rilevanti fil-qasam ta’ l-ambjent ta' l-avjazzjoni. Dan jista’ jirriżulta iktar tard fi proposta dwar emenda tar-Regolament bażiku ta’ l-EASA. F’dan il-kuntest, eżami ta’ l-istandards taċ-ċertifikazzjoni kif ukoll edukazzjoni aħjar tal-piloti, jistgħu jikkontribwixxu aktar għat-tnaqqis ta’ l-impatti negattivi ta’ l-avjazzjoni u l-promozzjoni ta’ teknoloġiji moderni u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

3.6.2. Emissjonijiet tal-gassijiet

62. Il-kontribut ta’ l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali għall-emissjonijiet tal-gassijiet huwa żgħir meta mqabbel ma’ dak mill-industrija usa' tal-linji ta’ l-ajru. Madankollu, emissjonijiet ta’ dan it-tip, fil-prinċipju, għandhom impatt fuq il-kwalità ta’ l-arja lokali u reġjonali kif ukoll it-tibdil fil-klima.

63. Il-problema ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet ta’ l-effett tas-serra mill-avjazzjoni huwa parzjalment indirizzat mill-inizjattiva speċifika tal-Kummissjoni li tipproponi l-estenzjoni ta’ l-Iskema ta' l-UE għall-Iskambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra għall-avjazzjoni[23]. Il-Kummissjoni ppruvat issib bilanċ fil-proposta bejn l-ispejjeż amministrattivi għall-inklużjoni u l-benefiċċji ambjentali li nkisbu. Din il-proposta teżenta, fost titjiriet oħra, dawk li saru esklussivament taħt regoli viżwali ta’ titjiriet u dawk minn ajruplani b’piż massimu ċċertifikat għat-tlugħ ta’ inqas minn 5 700 kg mill-Iskema. Din il-kwistjoni qed tiġi kkunsidrata iktar matul il-proċess leġiżlattiv innifsu[24].

64. Barra minn hekk, taħt regoli Kumitarji, il-fjuwil użat għat-“titjir privat għad-divertiment” huwa diġà soġġett għat-taxxi, bl-istess mod kif il-fjuwil użat f’mezzi oħra ta’ trasport jew attivitajiet ta’ divertiment simili[25]. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li qed tinvestiga l-fattibiltà ta’ fjuwils alternattivi għall-avjazzjoni li huma iktar favorevoli għall-ambjent jew rinovabbli. Rati differenzjati għat-taxxa ta’ l-enerġija jistgħu jgħinu jippromwovu l-użu ta’ fjuwils ta’ kwalità ogħla, bħall-petrol bla ċomb, fil-qasam ta’ l-avjazzjoni wkoll.

3.7. It-titjib tar-riċerka u l-iżvilupp

65. L-Ewropa għandha ambjent enerġetiku ta’ riċerka ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali. Disinji innovattivi ta’ ajruplani ħfief u ħfief ħafna jew li huma pijuniera fl-użu ta’ materjali komposti huma tradizzjonalment il-karatteristiċi ta’ l-industrija Ewropea.

66. Huma normalment miftiehem li s-suċċess kompetittiv u kummerċjali ta' l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali Ewropea jkun iktar dipendenti fuq l-innovazzjoni u r-riċerka ajrunawtika, inklużi żviluppi fil-materjali komposti, il-magni b'użu ekonomiku tal-fjuwil u ajoniċi moderni, li b’hekk is-sistemi tat-tmexxija tat-traffiku tal-ġejjieni jistgħu jieħdu l-opportunitajiet offruti.

67. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp ajrunawtiku permezz tal-programmi kwadri ta’ riċerka tagħha. Dawn jinkludu appoġġ xieraq għall-SMEs provduti bħalissa taħt inizjattivi bħall-AeroSME jew proġetti ta’ riċerka dedikati bħas-CESAR[26].

4. KONKLUżJONIJIET

68. Il-Kummissjoni, permezz ta’ din l-Aġenda għal ġejjieni sostenibbli fl-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali qed titlob lill-partijiet involuti kollha biex isegwu djalogu dwar il-ġejjieni f’dan is-settur fl-Ewropa.

69. Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi futuri biex ikun żgurat li l-bżonnijiet speċifiċi tal-kategoriji kollha ta’ dawk li jużaw l-ispazju ta’ l-arja huma kkunsidrati fil-proċessi tal-politiki. B’mod partikolari se tiffoka fuq l-azzjonijiet li ġejjin:

- Il-ġbir ta' sett bażiku ta’ dejta dwar l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali Ewropea;

- Viġilanza partikolari għall-applikazzjoni xierqa tal-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà;

- Il-kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet ta’ dawk kollha li jużaw l-ispazju ta’ l-arja u l-infrastruttura fl-ippjanar u l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità;

- Il-promozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda għaż-żamma ta' l-aspett kompetittiv ta' l-industrija Ewropea u l-użu ekonomiku tal-kapaċità potenzjali reġjonali u lokali;

- Il-faċilitazzjoni ta’ l-aċċess ta’ l-avjazzjoni Ġeneral u Kummerċjali għas-swieq barranin;

- L-iżgurar tas-sostenibbiltà ambjentali ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali;

[1] L-estensjoni tax-xogħlijiet ta' l-Aġenzija tas-Sigurtà ta' l-Avjazzjoni Ewropea. Aġenda għall-2010, COM(2005) 578 finali.

[2] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili, COM(2005)429 finali.

[3] Il-Kostruzzjoni ta’ l-Ajru Uniku Ewropew permezz ta’ taqsimiet funzjonali ta’ spazju ta’ l-arja: Rapport dwar l-istatus ta’ nofs il-perjodu, COM(2007)101 finali.

[4] L-istat tal-progress tal-proġett għall-implimentazzjoni tas-sistema Ewropea tal-ġenerazzjoni l-ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru (SESAR), COM(2007) 103 finali.

[5] Pjan ta' azzjoni għall-kapaċità, l-effiċjenza u s-sikurezza ta' l-ajruporti fl-Ewropa, COM(2006) 819 finali.

[6] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għall-inklużjoni ta' attivitajiet ta' l-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta' l-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta' serra fil-Komunità, COM(2006) 818 finali.

[7] http://ec.europa.eu/transport/air_portal/internal_market/general_aviation/consultation_en.htm.

[8] Għal din il-Komunikazzjoni, dawn l-attivitajiet kollha huma magħrufin bħala “avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali”. Mingħajr preġudizzju għall-kjarifiki provduti fil-punt 3.2 hawn taħt, din il-Komunikazzjoni ma tippruvax tindirizza jew tbiddel definizzjonijiet li jorbtu legalment li huma stabbiliti fir-regolamenti internazzjonali, Komunitarji jew nazzjonali.

[9] Għandu jkun magħruf li maġġoranza kbira tat-titjiriet ta’ l-avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali mhumiex irreġistrati mill-Eurocontrol minħabba li joperaw fi spazju ta’ l-arja mhux ikkontrollat (ara l-paragrafu 49 hawn taħt). Pereżempju l-biċċa l-kbira ta' l-operazzjonijiet ta' l-avjazzjoni bħala rikreazzjoni jew sport mhux se jkunu mdaħħla f'din l-istatistika.

[10] P6_TA-PROV(2007)0032, 14 ta’ Frar 2007. Fir-riżoluzzjoni tiegħu l-Parlament Ewropew jiddikjara li intużaw regoli ta’ l-avjazzjoni ċivili biex “ikunu evitati l-obbligi legali għal ajruplan ta’ l-istat” (il-paragrafu 47).

[11] Fiż-żona ta’ l-ATM (ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru), Inġenji ta’ l-Ajru ta’ l-Istat jistgħu jiddeċiedu li joperaw taħt regoli ċivili ta’ l-ajru – f’dan il-każ ikunu koperti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Ajru Uniku Ewropew (ara d-definizzjoni ta’ “traffiku ta’ l-ajru ġenerali” fir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta' l-Ajru Uniku Ewropew, ĠU L 096, 31.03.2004 p. 0001 - 0009).

[12] Per eżempju ajruplani reġistrati biċ-ċivil użati minn servizzi ta’ inteliġenza għat-trasport ta’ persuni detenuti.

[13] l-Artikolu 3 (c) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago

[14] Ir-Regolament Tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar liċenzjar ta’ trasportaturi bl-ajru,, ĠU L 240, 24.8.1992, p. 1-7 .

[15] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2002 dwar regoli komuni fil-kamp ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ewropea, COM(2005) 579 finali.

[16] Ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2002 dwar regoli komuni fil-kamp ta' l-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sigurtà ta' l-Avjazzjoni Ewropea, ĠU L 240, 7.9.2002, p.1-21

[17] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komunigħall-operat ta' servizzi tat-trasport bl-ajru fil-Komunità (riformulazzjoni), COM(2006) 396 finali

[18] Ir-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-rekwiżiti ta' l-assigurazzjoni tat-trasportaturi ta' l-ajru u l-operaturi ta' l-ajruplani (Ġ.U. L 138, 30/04/2004 p.1 )

[19] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta' azzjoni għall-kapaċità, l-effiċjenza u s-sikurezza ta' l-ajruporti fl-Ewropa COM (2006) 819

[20] Kif previst fil-programm SESAR dwar il-modernizzazzjoni tat-tmexxija tat-traffiku ta’ l-ajru fl-Ewropa

[21] L-operat fil-kategorija tat-Trasport bl-Ajru Kummerċjali.

[22] L-ajruplani esklużi mill-kompetenza Komunitarja f’dan ir-rispett huma mniżżlin fl-Anness II tar-Regolament KE Nru 1592/2002 dwar regoli komuni fil-kamp ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija tas-Sigurtà ta' l-Avjazzjoni Ewropea (ĠU L 240/1, 7.9.2002).

[23] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għall-inklużjoni ta' attivitajiet ta' l-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta' l-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta' serra fil-Komunità, COM(2006) 818 finali.

[24] Miżuri oħra li jindirizzaw il-problema ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet mill-avjazzjoni jinkludu riforma għall-istruttura ta’ l-ispazju ta' l-arja u l-użu tas-sistema l-ġdida ta’ l-ATM taħt il-proġett SESAR kif ukoll il-programmi ta’ riċerka u żvilupp finanzjati mill-Kummissjoni.

[25] Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-qafas tal-Komunità għat-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003 p. 51)

[26] Il-proġett Ajruplan Żgħir Ekonomiku (CESAR) finanzjat mill-Kummissjoni taħt is-6 Programm Kwadru.