52007DC0642




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.10.2007

KUMM(2007) 642 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport ta' Progress dwar l-Istrateġija ta' l-Iżvilupp Sostenibbli 2007 {SEC(2007)1416}

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. L-iżgurar ta' koerenza fl-Istrateġiji ta' l-UE u l-partenarjat bejn l-atturi 3

3. Evalwazzjoni tal-progress li sar fl-isfidi ewlenin 4

3.1. It-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija Nadifa 4

3.2. Trasport Sostenibbli 5

3.3. Konsum u Produzzjoni Sostenibbli 6

3.4. Il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tar-Riżorsi Naturali 7

3.5. Is-Saħħa Pubblika 9

3.6. L-Inklużjoni Soċjali, id-Demografija u l-Migrazzjoni 10

3.7. Il-Faqar Globali 11

4. Politiki Transversali 12

4.1. L-Edukazzjoni u t-Taħriġ 12

4.2. Ir-Riċerka u l-Iżvilupp 12

4.3. Strumenti ta’ l-Iffinanzjar u Ekonomiċi 13

5. Il-ksib ta' riżultati f'partenarjat 13

5.1. Il-Komunikazzjoni, il-Mobilizzazzjoni ta' l-Atturi u t-Tkattir tas-Suċċess 13

5.2. Il-Ksib ta' Riżultati 14

6. Konklużjoni 14

1. INTRODUZZJONI

Fl-2005 il-Kunsill Ewropew stabbilixxa prinċipji sabiex l-Ewropa tiġi ggwidata fi triq sostenibbli ta' l-iżvilupp. Dawn il-prinċipji jinkludu il-bżonn kontinwu li titkattar il-prosperità ekonomika bbażata fuq ekonomija innovattiva, kompetittiva u ekoeffiċjenti, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta' l-ambjent; il-promozzjoni ta' l-ekwità u l-koeżjoni soċjali f'solidarjetà mal-bqija tad-dinja. Fl-2006 il-Kunsill Ewropew adotta Strateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli (SDS) imġedda li tipprovdi pjan koerenti uniku dwar kif l-UE tkun aktar effettiva fl-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji u l-għan ġenerali ta' l-iżvilupp sostenibbli stipulat fit-Trattat. Il-pjan jikkonsisti f'seba' sfidi importanti li l-Ewropa għandha tassumi sabiex issegwi triq ta' żvilupp sostenibbli u żżomm il-livelli attwali ta' prosperità u benessri. Huwa rrikonoxxa li l-għanijiet ta' l-SDS jistgħu jintlaħqu biss f'partenarjat mill-qrib ma' l-Istati Membri u għalhekk ta bidu għall-proċess ġdid ta' reviżjoni u rappurtar li jinvolvi l-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Dan ir-rapport ta' Progress huwa l-ewwel rendikont ibbażat fuq dan il-mod ġdid ta' ħidma. Dan jistħarreġ ir-riżultati miksuba fit-triq lejn is-seba' għanijiet ewlenin u jidentifika inizjattivi ta' politika fil-livell ta' l-UE kif ukoll ta' l-Istati Membri li kkontribwixxew sabiex inkisbu dawn ir-riżultati. Minħabba li ma kienx ikun possibbli li jintwerew it-tendenzi effettivi fuq il-bażi ta' data ta' sena waħda, is-sena 2000 ittieħdet bħala sena bażi li magħha ġie mkejjel il-progress fl-oqsma differenti.

Dan ir-rapport jagħti l-ewwel stampa ta' l-istat ta' ħidma[1]. Juri progress fil-konkret relattivament modest. L-iżvilupp ta' l-inizjattivi ta' politika kemm fil-livell ta' l-UE kif ukoll fil-livell ta' l-Istati Membri huwa aktar inkoraġġanti. Pereżempju, it-tibdil fil-klima u l-enerġija sostenibbli saru prijoritajiet ewlenin għall-aġendi domestiċi u internazzjonali ta' l-UE. Dan il-progress estensiv fil-politika għandu jwassal għal riżultati fil-konkret fis-snin li ġejjin. Jidher li qed ikun hemm aktar konverġenza bejn l-atturi differenti fir-rigward tal-prijoritajiet: l-UE, l-Istati Membri, il-gruppi ta' ċittadini, l-NGOs u l-qasam tan-negozju qegħdin dejjem aktar jiffokaw fuq l-istess kwistjonijiet u qed jaħdmu flimkien sabiex jilħqu l-istess għanijiet.

Ir-rendikont jipprovdi bażi għal diskussjonijiet, fid-diversi fora ta' politika settorjali, fil-kuntest tas-segwitu għas-Samit Dinji ta' l-2002 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u fil-qafas tal-koordinazzjoni ta' l-SDS, dwar il-ħtieġa sabiex id-direzzjoni jew ir-rata ta' l-inizjattivi ta' politika tiġi aġġustata, bil-ħsieb li jkun hemm fuq meded itwal ta' żmien aġġustament mill-ġdid ta' l-għanijiet u kalibrar mill-ġdid tal-miri.

2. L-iżgurar ta' koerenza fl-Istrateġiji ta' l-UE u l-partenarjat bejn l-atturi

Waħda mill-imperattivi ewlenin ta' l-istrateġija ta' l-2006 kienet dik li tinvolvi lill-atturi kollha – l-UE, l-Istati Membri fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili u l-qasam tan-negozju – f'partenarjat sabiex jiffokaw fuq l-istess prijoritajiet u sabiex jipprovaw jiżguraw koerenza fil-firxa ta' oqsma ta' politika. Dan huwa proċess ta' żmien twil iżda l-esperjenza fl-ewwel sena ta' implimentazzjoni ta' l-istrateġija turi li dan jista' jseħħ.

L-istħarriġ wera li l-iżgurar ta' koerenza fil-firxa ta' oqsma ta' politika huwa sfida fil-livelli kollha ta' governanza. Fil-livell ta' l-UE, l-isfida hija dik li ssir ħidma għall-konverġenza ta' l-għan ġenerali ta' żmien twil ta' l-iżvilupp sostenibbli, b'konċentrazzjoni fuq il-kwalità tal-ħajja, l-ekwità interġenerazzjonali u l-vijabbiltà għal żmien twil tas-soċjetà Ewropea, u l-għan għal żmien medju tat-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi taħt l-istrateġija ta' Liżbona. L-aġenda ta' l-enerġija u t-tibdil fil-klima tipprovdi eżempju tajjeb ta' kif seħħet il-konverġenza ta' dawn il-miri għal żmien medju u għal żmien itwal. Is-Suq Uniku huwa eżempju ieħor, li juri kif il-liberalizzazzjoni tas-suq meta akkumpanjata minn miżuri soċjali u ambjentali, tista' tippromwovi t-tkabbir u l-benesseri. Il-programm ta' Regolamentazzjoni Aħjar ta' l-UE kkontribwixxa wkoll sabiex jiżgura koerenza fil-firxa ta' oqsma ta' politika billi rrikjeda l-evalwazzjoni sistematika ta' l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' l-inizjattivi kollha ta' politika ewlenin.

3. Evalwazzjoni tal-progress li sar fl-isfidi ewlenin

Dan li ġej jevalwa s-sitwazzjoni f'kull waħda mis-seba' oqsma ta' prijorità ta' l-SDS. Jenfasizza l-azzjonijiet meħuda sabiex jintlaħqu l-miri tal-politika kemm fil-livell ta' l-UE kif ukoll fil-livell ta' l-Istati Membri L-isfidi kollha huma interkonnessi; għalhekk is-soluzzjonijiet f'waħda għandhom impatt fuq l-oħra u jappoġġjaw lil xulxin.

3.1. It-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija Nadifa

L-UE qed tagħmel progress fit-tnaqqis tal-gassijiet serra (GHG) u l-previżjonijiet jindikaw li l-Komunità se tilħaq il-mira tagħha ta' Kyoto kemm-il darba l-Istati Membri jistabbilixxu u jimplimentaw kemm jista' jkun malajr il-politiki u l-miżuri addizzjonali ppjanati tagħhom, meta l-ekonomija ta' l-UE qed tikber.

Fl-2005, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta' l-UE-15 naqsu b'2% meta mqabbla mal-valur tas-sena bażi ta' Kyoto tagħhom.

L-ilħiq tal-miri ta' Kyoto ser jirrekjedi aktar dipendenza fuq għejun ta' l-enerġija li tiġġedded. Għall-UE-27, il-konsum ta' l-għejun ta' l-enerġija li tiġġedded żdied b'mod globali bir-rata medja ta' 3.2% fis-sena matul is-snin disgħin, li telgħet għal 4.1% bejn l-2000 u l-2005. Minkejja din iż-żieda, minħabba r-rata ta' tkabbir relattivament għolja tal-konsum gross intern, is-sehem ta' għejun li jiġġeddu fil-konsum finali ta' l-enerġija laħaq biss 8.5% fl-2005. It-tkabbir annwali medju huwa insuffiċjenti sabiex tintlaħaq il-mira ta' l-2010 ta' 12% tal-konsum globali. Fl-2005, is-sehem ta' bijokarburanti irrapreżenta biss 1.08% għall-UE-27, 'il bogħod mill-mira ta' l-2010 ta' 5.75%.

Fil-livell ta' l-UE, kien hemm żviluppi sinifikanti ta' politika li jħarsu lejn il-ġejjieni f'dan il-qasam, bl-aktar wieħed importanti jkun il-Politika Integrata ġdida għat-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija li tistipula miri ambizzjużi li jorbtu ta' l-2020 għat-tnaqqis tal-gassijiet serra (GHG), l-enerġiji li jiġġeddu u l-bijokarburanti. Inizjattivi oħra jinkludu Pjan ta' Azzjoni ta' l-Effiċjenza ta' l-Enerġija (Ottubru 2006) u ħidma dwar il-qbid u l-ħżin tal-karbonju[2].

Fil-preżent, kważi l-Istati Membri kollha adottaw strateġiji nazzjonali dwar it-tibdil tal-klima, bħala strateġija separata jew bħala parti minn pakketti tal-politika ta' l-enerġija nazzjonali. Xi wħud waqqfu uffiċċji speċifiċi u kunsilli xjentifiċi sabiex jittrattaw it-tibdil tal-klima (UK, SE) Xi wħud qed jieħdu inizjattivi ta' tassazzjoni. Fl-2007 ġew adottati tlieta u għoxrin pjan ta' allokazzjoni nazzjonali taħt id-Direttiva ta' l-Iskambju ta' l-Emissjonijiet li jnaqqsu l-emissjonjiet għal 1903.43 Mt fis-sena minflok 2101.64 Mt inizjalment proposti mill-Istati Membri.

Jeħtieġ li jsiru sforzi kontinwi sabiex jintlaħqu l-miri tat-tibdil fil-klima u ta' l-enerġija fit-termini ta' żmien miftiehma. Dan ser jeħtieġ attenzjoni kontinwa għas-suċċess ta' l-iskema ta' l-Iskambjar ta' l-Emissjonijiet; il-promozzjoni ta' għejun ta' l-enerġija li jiġġeddu u l-użu sostenibbli ta' bijokarburanti u l-iżvilupp ta' strateġiji u pjanijiet ta' adattament.

3.2. Trasport Sostenibbli

L-Ewropa għadha mhijiex fi triq ta' trasport sostenibbli. Il-konsum ta' l-enerġija mit-trasport, użat biex jirrapreżenta d-domanda tat-trasport, kiber b'rata medja ta' 1.3% fis-sena bejn l-2000 u l-2005 fl-UE-27, ftit inqas mill-medja ta' 1.7% għall PGD fl-istess perjodu, li ma juri ebda sinjali reali ta' decoupling.

L-emissjonijiet GHG mit-trasport għadhom qed jikbru, b'rata annwali medja ta' tkabbir ta' 1.2% bejn l-2000 u l-2005 fl-UE-27. Fl-2004, it-trasport domestiku kien responsabbli għall-21% tat-total ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE-15. Dan laħaq is-26% bejn l-1990 u l-2004 filwaqt li l-emissjonijiet mill-parti l-kbira ta' setturi oħra naqsu matul l-istess perjodu. L-emissjonijet medji tas-CO2 għal kull kilometru minn karozzi tal-passiġġieri ġodda naqsu b'mod regolari bejn l-2000 u l-2004 fl-UE-15, b'rata annwali medja ta' 1.3%, iżda din ir-rata ta' tibdil hija aktar baxxa mir-rata fl-għaxar snin ta' qabel, u mhijiex suffiċjenti sabiex tilħaq il-mira ta' l-2008/09 ta' 140 grammi għal kull kilometru, jew il-mira ta' l-2012 ta' 120 grammi għal kull kilometru.

L-għan tal-ksib ta' bidla bbilanċjata għall-modi tat-trasport li jħarsu aktar l-ambjent għadu ma ntlaħaqx. Mis-sena 2000, is-sehem ta' l-użu tat-triq ta' l-UE-27 fit-trasport intern tal-merkanzija kompla jikber, għalkemm relattivament bil-mod, biex laħaq is-76.5% fl-2005. Il-kilometri-passiġġieri bil-karozza wrew stabbilizzazzjoni relattiva fl-UE-15, iżda xorta laħqu l-84.8% tat-total tat-trasport intern tal-passiggieri fl-2004. Il-konġestjoni fit-toroq kienet qed tiżdied.

Min-naħa pożittiva, sar progress fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' tniġġis mit-trasport, bl-emissjonijiet jaqgħu b'4.4% għal kull sena bħala medja bejn l-2000 u l-2004 għall-prekursuri ta' l-ożonu, u b'4.2% għall-partikulati.

Bl-istess mod, minkejja ż-żieda fit-traffiku fit-toroq, kien hemm tnaqqis regolari fin-numri ta' persuni maqtula f'inċidenti kemm fl-UE-27 kif ukoll fl-UE-15. L-UE-15 qegħdin fit-triq it-tajba sabiex jilħqu l-mira proposta li jnaqqsu bin-nofs in-numru ta' mwiet sa l-2010 meta mqabbel ma' l-2000, iżda l-UE-27 għadhom xi ftit lura.

Żviluppi importanti fil-politika ta' l-UE jinkludu l-evalwazzjoni mid-term tal-Kummissjoni tal-White Paper tat-Trasport; il-Green Paper dwar il-Mobbiltà Urbana, l-adozzjoni ta' Regolamenti (magħrufa bħala standards Euro 5 u 6) li jistipulaw standards aktar stretti għal karozzi u vetturi kummerċjali żgħar; u proposti tal-Kummissjoni sabiex tiġi emendata id-Direttiva tal-kwalità tal-karburanti u d-Direttiva 2003/96 dwar ir-rati minimi tas-sisa għad-diżil tat-triq u sabiex l-avjazzjoni tiġi inkluża fi ħdan l-iskema ta' l-iskambjar ta' l-emissjonijiet ta' l-UE. Ġie adottat pakkett ta' liberalizzazzjoni tat-trasport ferrovjarju u saret reviżjoni tal-qafas legali għas-servizzi tat-trasport pubbliku.

L-Istati Membri qed jieħdu serje ta' azzjonijiet sabiex jersqu lejn trasport aktar sostenibbli u modi tat-trasport li jħarsu l-ambjent. Huma biss ftit l-Istati Membri (FI) li għandhom strateġiji tat-trasport. Oħrajn daħħlu t-trasport sostenibbli fi strateġiji oħra (eż l-ippjanar spazjali nazzjonali, strateġiji ta' finanzjament (IE, IT). Inizjattivi oħra huma mifruxa bejn tariffi fuq vetturi kbar ( lorry tolls ) (AT) u l-modernizzar ta' l-infrastruttura tat-toroq u t-taxxi (BG). Xi Stati Membri adottaw miżuri fiskali sabiex jistimulaw it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet GHG, billi jippromwovu vetturi iżgħar u aktar effiċjenti fl-użu tal-karburanti (DK, BE), karburanti alternattivi (RO) u bijokarburanti (AT, BG), u billi jipprovdu eżenzjonijiet mit-taxxa tas-sisa (DK), sussidji ta' taxxa 9HU) u inċentivi finanzjarji (IT). Xi Stati Membri implimentaw il-limiti tal-veloċità lokali u introduċew l-iskemi park-and-ride (AT, MA). Ħafna qed jieħdu azzjonijiet sabiex jippromwovu bidla għall-modi tat-trasport multimodali li jħarsu l-ambjent (DK, HU) kemm għall-passiġġieri (CZ) kif ukoll għall-merkanzija (NL). L-inizjattivi tat-trasport pubbliku jinkludu skemi ta' investiment fil-linji ferrovjarji (nazzjonali, reġjonali u suburbani), tariffi tat-toroq u inizjattivi speċifiċi sabiex jiġi promoss l-użu tar-roti (AT, BG, DK, FR, IT, UK). Dwar is-sigurtà tat-toroq, xi wħud adottaw Strateġiji Nazzjonali dwar is-Sigurtà tat-Toroq (CZ, GR), oħrajn iffokaw fuq spezzjonijiet imtejba ta' vetturi (eż. BG) u sistemi stretti tal-kontroll tal-veloċità (FR).

Jistgħu jittieħdu passi oħra. Miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu jinkludu l-promozzjoni tat-teknoloġija għall-effiċjenza tal-karburanti, propulsjoni li tirrispetta aktar l-ambjent u modi ta' trasport li jħarsu aktar l-ambjent u li huma inqas intensivi fl-użu ta' l-enerġija; l-issikkar ta' l-istandards ta' l-emissjoni tat-tniġġis u l-intensità tal-GHG għall-modi kollha tat-trasport; it-tkomplija ta' l-iżvilupp ta' l-immappjar tal-ħoss u miżuri sabiex jitnaqqas il-ħoss tat-trasport f'ras il-għajn; it-tnedija ta' azzjoni dwar il-mobbiltà urbana u l-aħjar użu possibbli mil-loġistika; u l-iżvilupp ta' metodoloġiji għat-tariffi marbuta ma' l-infrasturttura.

3.3. Konsum u Produzzjoni Sostenibbli

Huwa diffiċli li jsir kejl affidabbli fuq bażi wiesgħa tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli. Madankollu l-indikatur titolari 'Produttività tar-Riżorsi' juri separazzjoni tal-konsum materjali mit-tkabbir ekonomiku. Barra minn hekk, aktar negozji qed jirraportaw dwar il-prestazzjoni ambjentali u fis-suq hemm numru ta' prodotti u servizzi sostenibbli li qed jikber b'rata mgħaġġla. Iżda, minkejja dan il-progress, hemm potenzjal li għadu mhux sfruttat. Pereżempju, fl-UE, l-intensità materjali medja hija madwar 1 kg/EUR, li hija ftit aktar baxxa mill-Istati Uniti, iżda d-doppju għal dik tal-Ġappun[3]. L-UE tista' tikkonserva mill-inqas 20% mill-konsum preżenti ta' l-enerġija tagħha b'mod kost-effettiv, ekwivalenti għal €60 biljun fis-sena, jew il-konsum preżenti ta' l-enerġija tal-Ġermanja u l-Finlandja flimkien.

L-UE ħadet numru ta' inizjattivi sabiex tevalwa, tistimula u tkattar il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli: l-implimentazzjoni ta' l-aspetti ta' l-eko-disinn tad-Direttiva dwar il-Prodotti li Jużaw l-Enerġija; u l-Pjan ta' Azzjoni tat-Teknoloġiji Ambjentali ta' l-UE[4]; u kompliet bil-ħidma fuq Sistema ta' Verifika tat-Teknoloġiji Ambjentali. L-UE, bl-appoġġ ta' l-Istati Membri, qed tkompli taħdem sabiex ittejjeb l-ittikkettjar ekoloġiku u s-sistemi ta' monitoraġġ ambjentali. Iżda, in-numru ta' prodotti li għandhom tikketta ekoloġika jibqa' wieħed żgħir u hemm użu limitat ta' l-EMAS, bin-numru ta' kumpaniji reġistrati fl-EMAS stmat li huwa 5000 (minn total ta' madwar 29 miljun kumpanija li joperaw fl-UE).

L-Istati Membri għandhom varjetà ta' strateġiji u pjanijiet ta' azzjoni rigward aspetti tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli. Hemm numru ta' kampanji ta' pubbliċità u azzjonijiet immirati sabiex jippromwovu l-konsum sostenibbli, bħal gwida tar-Renju Unit għal għajxien aktar ambjentali u l-kampanja tagħhom 'Kull Azzjoni Tgħodd', kompetizzjonijiet fl-iskejjel li jippromwovu l-konsum sostenibbli (AT) u l-kampanja "Responsabbiltà Ambjentali" (DK).

L-awtoritajiet pubbliċi madwar l-UE qed jieħdu azzjoni sabiex jistimulaw u jappoġġjaw ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji (CSR). Fl-Olanda, l-awtoritajiet stabbilixxew is-CSR Netherlands, fondazzjoni għall-iskambju ta' l-għarfien u l-esperjenza. Il-kumpaniji kkwotati fil-borża Franċiża huma obbligati bil-liġi li jinkludu informazzjoni soċjali u ambjentali fir-rapporti annwali tagħhom.

Għaxar Stati Membri adottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) u xi wħud stabbilixxew miri nazzjonali ta' l-APE. Fl-Olanda, l-akkwist pubbliku għandu jkun 100% sostenibbli sa l-2010. Ir-Renju Unit adotta Pjan ta' l-Akkwist Sostenibbli. Il-Kunsill ta' Ġestjoni Ambjentali ta' l-Iżvezja, kumpanija li hija proprjetà tal-gvern ċentrali u lokali u tal-Konfederazzjoni ta' l-Intrapriżi Żvediżi, tipprovdi kompetenza esperta, taħriġ u għodda tal-web lil xerrejja pubbliċi li jridu jinkludu ħtiġiet ambjentali fi speċifikazzjonijiet tekniċi.

L-Istati Membri qegħdin jinkoraġġixxu b’mod attiv l-innovazzjoni fin-negozju u l-użu tat-teknoloġija favur l-ambjent. Korpi konġunti tal-gvern u tan-negozju ġew stabbiliti sabiex isaħħu l-opportunitajiet tan-negozju u l-iżvilupp tat-teknoloġiji ambjentali (SE, RU). Xi Stati Membri qegħdin itejbu l-aċċess għall-iffinanzjar għal teknoloġiji ambjentali, inklużi inċentivi finanzjarji (UK) u l-għoti ta’ premjijiet ta’ innovazzjoni lill-kumpaniji (IT). SI waqqfet ċentru ta’ eċċellenza fit-teknoloġiji ambjentali. 21 Stat Membru lestew listi ta’ azzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ l-Azzjoni dwar it-Teknoloġiji Ambjentali (ETAP).

Hemm aktar x'jista' jsir. L-azzjonijiet li jmiss jinkludu – l-implimentazzjoni ta’ l-approċċ ta’ Politika Integrata dwar il-Prodotti; it-tisħiħ ta’ l-akkwist pubbliku favur l-ambjent; ir-reviżjoni ta’ l-iskemi ta' l-EMAS u l-eko-tikkettjar u; it-tkattir tar-riċerka fi prodotti u proċessi tal-produzzjoni anqas intensivi fuq ir-riżorsi.

3.4. Il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tar-Riżorsi Naturali

Din l-isfida tolqot numru ta’ oqsma differenti. Il-progress lejn it-tnaqqis ta’ l-użu ġenerali ta’ riżorsi naturali li ma jiġġeddux jitkejjel permezz tal-Konsum Domestiku tal-Materjal (DMC). Id-DMC naqas b’0.8% kull sena bħala medja bejn l-2000 u l-2004, ħaġa li qalbet ix-xejra ta’ tkabbir medju bil-mod ta’ 0.1% kull sena mill-1990 sa l-2000[5]. Il-produttività tar-riżorsi żdiedet bi 2.3% bejn l-2000 u l-2004. Hemm ċertu livell ta' stabbiltà fi ħdan xi elementi ta' din l-isfida, inkluż l-oqsma bħall-effiċjenza tar-riżorsi, il-forestrija u l-ġenerazzjoni ta' l-iskart. Madankollu, ċerti subindikaturi għall-bijodiversità, bħat-tendenzi f'xi stokks ta' ħut, juru oqsma ta' tħassib kbir.

Is-sitwazzjoni dwar riżorsi speċifiċi bħall-ilma, l-arja u l-ħamrija, kif ukoll dwar il-bijodiversità u s-sajd hija diversa u kumplessa, b’ data kompluta ta’ l-UE27 tkun ta’ spiss nieqsa. Mill-2000 sa l-2003, il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Stati li għalihom hemm data disponibbli jidher li naqqsu l-pressjoni fuq ir-riżorsi ta’ l-ilma billi naqqsu l-estrazzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art. Is-sitwazzjoni ta’ l-ilma tal-wiċċ mhijiex daqshekk ċara. Kien hemm xi progress fit-titjib tal-kwalità ta’ l-arja, bl- emissjonijiet ta’ ħsara mit-trasport – prekursuri ta’ l-ożonu, sustanzi aċidifikanti u partikuli fini – jonqsu bejn l-1990 u l-2004. Il-kwalità tal-ħamrija tkompli teħżien bil-bidla fil-klima taggrava kemm l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-ħamrija u t-theddid bħall-erożjoni, il-valangi, is-salinizzazzjoni u d-deterjorazzjoni ta’ materja organika. It-tnaqqis fl-istokks tal-ħut tibqa' problema. Proporzjon konsiderevoli tal-qbid tal-ħut fl-ibħra amministrati mill-UE qiegħed jittieħed minn stokks li diġà huma taħt il-limiti bijoloġiċi siguri tagħhom, b’mod partikolari għall-ispeċi ta’ valur għoli (ħut abjad). Ix-xejriet fl-istokks tal-ħut tal-qiegħ, bħall-merluzz, il-barbun u l-lingwata, jibqgħu preokkupanti. Filwaqt li l-popolazzjoni ta’ l-għasafar komuni tidher li qed tistabbilizza ruħha, studju riċenti juri li 15% ta' l-ispeċi mammiferi ta' l-Ewropa huma mhedda, u 9% oħra huma viċin li jiġu kklassifikati bħala mhedda. 27% tal-mammiferi ta’ l-Ewropa qed tonqsilhom il-popolazzjoni. Huma biss 8% mill-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi mammiferi li qed jiżdiedu.

L-inizjattivi ewlenin ta’ l-UE għat-tkattir tal-konservazzjoni tar-riżorsi u l-bijodiversità jinkludu: l-implimentazzjoni kontinwa tad-direttivi qafas dwar il-kwalità ta’ l-arja u ta’ l-ilma kif ukoll tad-direttivi dwar l-Għasafar u l-Abitati; l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għas-Sajd il-Ġdid; l-Istrateġija Tematika għall-Ħarsien tal-Ħamrija; “l-Inizjattiva dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ (FLEGT)”.

Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri għamlu sforzi biex itejbu l-ġestjoni u jevitaw l-esplojtazzjoni żejda tar-riżorsi naturali li jiġġeddu, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, il-promozzjoni tal-bijodiversità, il-ġestjoni ta’ l-ilma u l-ġestjoni ta’ l-iskart. Kollha qegħdin jimplimentaw b’mod attiv id-direttivi qafas dwar l-iskart, il-kwalità ta’ l-arja u l-ilma. L-attenzjoni ta' l-attivitajiet naturalment tvarja minn Stati Membru għall-ieħor bl-Istati Membri l-ġodda, pereżempju, ikunu aktar konċernati bit-trattament ta’ l-ilma ta’ l-iskart. Xi wħud (AT, DE) għandhom pjanijiet ta’ azzjoni dwar il-materja prima mmirati biex itejbu l-effiċjenza tar-riżorsi. Il-biċċa l-kbira ħadu azzjonijiet speċifiċi biex iwaqqfu t-telf tal-bijodiversità u biex jiddikjaraw żoni tan-Natura 2000. Il-prestazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-miri tal-bijodiversità u fuq in-nomini tan-NATURA tvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Madankollu, l-indiċi ta' suffiċjenza ta' siti nominati taħt id-direttivi ta' l-Abitati laħaq it-93% fl-UE-15 u t-82% fl-UE-25, b'ħafna Stati Membri jirrapurtaw li lestew in-netwerk tagħhom jew jinsabu viċin li jlestuh.

L-azzjonijiet li għandhom isiru għandhom jinkludu tisħiħ ġenerali ta’ l-integrazzjoni ta' l-impatti tal-bijodiversità f'politiki u programmi (inkluż il-kontroll tas-saħħa tal-PAK); attenzjoni mtennija fuq l-implimentazzjoni tad-direttivi qafas dwar l-iskart, il-kwalità ta' l-arja u l-ilma; it-tlestija tan-netwerk NATURA 2000 ta’ żoni protetti kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar, u l-iżgurar ta’ ġestjoni u iffinanzjar effettiv tan-netwerk; it-tisħiħ ta’ l-effettività tal-governanza internazzjonali għall-bijodiversità. Il-mira ta' l-UE li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità sa l-2010 u li tikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti fir-rata dinjija tat-telf tal-bijodiveristà sa l-2010 ma tintlaħaqx jekk ma jsirux sforzi addizzjonali sostanzjali. L-Istati Membri għandhom responsabbiltà partikolari permezz ta’ ppjanar imtejjeb li jirrikonċiljaw l-użu ta’ l-art u l-bżonnijiet ta’ l-iżvilupp mal-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-manutenzjoni tas-servizzi ta’ l-ekosistema.

3.5. Is-Saħħa Pubblika

L-Ewropej mhux biss qegħdin jgħixu aktar, iżda qegħdin jgħixu parti akbar minn ħajjithom mingħajr l-effett ta’ problemi serji tas-saħħa. Anqas nies qegħdin imutu minn mard kroniku. Hemm tnaqqis kontinwu fl-inċidenza ta’ inċidenti serji fuq il-post tax-xogħol.

Fuq nota anqas pożittiva, il-mard mill-istil ta’ ħajja bħall-obeżità u l-mard mentali qed isiru problema li qiegħda dejjem tikber. Skond liema jkun il-pajjiż, bejn 30% u 64% ta’ l-irġiel żgħażagħ ta’ bejn 25 u 34 sena kellhom piż żejjed jew kienu fi stat ta' obeżità fl-2003 u bejn 12 u 47% tan-nisa żgħażagħ. Il-proporzjon ta’ dawk ’il fuq minn 65 sena li għandhom piż żejjed jew jinsabu fi stat ta' obeżità hija konsiderevolment ogħla, u tvarja bejn 62 u 80%. L-obeżità żżid ir-riskju tad-dijabete tat-Tip 2, il-mard kardjovaskulari, ċerti forom ta’ kanċer kif ukoll ta’ aktar saħħa ħażina minħabba uġigħ fid-dahar u depressjoni. Stimi ta' l-ispejjeż diretti ta’ l-obeżità fl-UE fis-snin disgħin varjaw minn 1% tan-nefqa tal-kura tas-saħħa fl-Olanda u sa 3.1-4.2% fil-Ġermanja, u 6% fil-Bejġju.

It-tipjip ikompli jġib problemi tas-saħħa. 26% ta’ l-Ewropej kienu jpejpu regolarment fl-2003 - 32% ta’ l-irġiel u 21% tan-nisa[6].

Dwar is-saħħa mentali, filwaqt li b'mod ġenerali r-rata tas-suwiċidji nieżla, iseħħu 60 000 suwiċidju kull sena, li jaqbżu n-numru ta’ Ewropej li jmutu f’inċidenti tat-trasport. Madwar 11.5% ta' l-Ewropej jsofru minn diżordni mentali. Problemi tas-saħħa mentali bħalissa jiswew lill-UE mill-anqas 3-4% tal-PGD. Id-WHO tbassar li wara l-mard tal-qalb, id-depressjoni sa tkun it-tieni marda globali sa l-2020.

L-inugwaljanzi fis-saħħa, imkejla mid-differenzi fl-istennija tat-tul tal-ħajja bejn il-gruppi soċjali jvarjaw minn 4-6 snin fost l-irġiel għal minn 2 sa 4 snin fost in-nisa. F’xi pajjiżi, dawn id-differenzi huma konsiderevolment ogħla (10 snin) u f’xi pajjiżi l-qabża tidher li twessgħet f’dawn l-aħħar tletin sena. Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri li ngħaqdu ma’ l-UE minn Mejju 2004 għandhom indikaturi tas-saħħa li huma ħafna agħar minn dawk l-istati li kienu membri qabel Mejju 2004.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira ta’ l-azzjoni ta’ politika tittieħed fuq livell ta’ Stat Membru jew fuq il-livell lokali, l-UE ħadet numru ta’ inizjattivi ta’ rilevanza diretta għas-saħħa pubblika – evalwazzjoni ta' l-għażliet għat-tikkettjar ġenerali ta’ l-ikel u tan-nutrizzjoni; White Paper dwar 'Strateġija għall-Ewropa fuq kwistjonijiet ta' saħħa relatati man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità; pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u l-ġirien tagħha; proposta għal direttiva qafas dwar l-użu sostenibbli ta' pestiċidji, u Strateġija ġdida dwar l-Annimali u s-Saħħa ta' l-UE għall-perjodu 2007-13.

L-Istati Membri qegħdin b’mod attiv ifittxu inizjattivi biex irażżnu l-mard relatat ma’ l-istil tal-ħajja, il-preparazzjoni għal pandemiji, u sabiex itejbu l-immaniġġjar tal-kimiċi. Dawn ma rrappurtawx b’mod estensiv dwar l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-leġiżlazzjoni ta’ l-ikel u ta’ l-għalf, is-saħħa ta’ l-annimali, is-saħħa mentali jew dwar it-tnaqqis ta’ l-inugwaljanzi tas-saħħa. Hemm biss evidenza limitata ta’ kooperazzjoni interministerjali u intersettorjali tajba dwar is-saħħa pubblika.

B’mod ġenerali, l-UE u l-Istati Membri jeħtieġu li jkomplu l-azzjonijiet biex irażżnu ż-żieda preżenti fil-mard relatat ma' l-istil ta' ħajja. Għandha tingħata attenzjoni kontinwa għas-saħħa u l-ambjent (impatti mill-kimiċi u t-tniġġis fl-arja). L-inugwaljanzi persistenti tas-saħħa fl-Ewropa jeħtieġu aktar konsiderazzjoni kemm fuq livell ta’ l-UE kif ukoll mill-Istati Membri.

3.6. L-Inklużjoni Soċjali, id-Demografija u l-Migrazzjoni

Ewropa sostenibbli għandha tibni s-solidarjetà bejn u fost il-ġenerazzjonijiet biex tgħolli l-kwalità tal-ħajja b’mod ġenerali. Huwa inkwetanti li 16% tal-popolazzjoni ta’ l-UE jinsabu f’livell ta’ riskju ta’ faqar, bit-tfal, il-ġenituri waħedhom u l-anzjani jkunu l-aktar vulnerabbli. L-integrazzjoni tibqa’ sfida f’ħafna Stati Membri, b’popolazzjonijiet mhux nattivi f’xi Stati Membri jsofru minn qgħad għoli persistenti. Ir-rati tal-qgħad taż-żgħażagħ jibqgħu għoljin u numru għoli ta’ tfal li jitilqu mill-iskola joħolqu problema f’xi Stati Membri.

Min-naħa pożittiva, b'mod ġenerali l-qgħad naqas u kien hemm progress modest li jiżgura l-koeżjoni soċjali u territorjali, għalkemm hemm differenzi konsiderevoli fil-ġid bejn ir-reġjuni l-aktar sinjuri u dawk l-aktar foqra fl-UE. Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali qegħdin ikunu mmodernizzati minħabba t-tibdil demografiku. In-nisa qegħdin dejjem iżjed jieħdu sehem fil-forza tax-xogħol u l-età medja meta l-individwi jitilqu mix-xogħol qiegħda togħla. L-Istati Membri qegħdin jagħmlu riformi fis-sistemi tal-pensjoni u tal-kura tas-saħħa tagħhom.

Il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni huwa l-għodda ta’ politika ewlenija ta’ l-UE fil-ġlieda tagħha kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar. Inizjattivi riċenti jinkludu qafas ġdid tal-Kunsill għall-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali; pjan ta' azzjoni ġdid għall-2006-10 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u Komunikazzjoni li tindirizza l-futur demografiku ta' l-Ewropa. Fl-2007-2009 se jiġi implimentat pjan ta’ politika wiesa’ dwar il-migrazzjoni legali (li jinkludi direttiva qafas u erba' direttivi speċifiċi).

L-Istati Membri kollha ppreżentaw strateġiji għall-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali ta’ l-2006-2008 li jkopru t-tliet oqsma. L-iskala u t-tqassim ta’ l-isfidi demografiċi jvarjaw b'mod sinifikanti bejn il-pajjiżi, u l-istess jagħmlu ir-risposti ta’ politika.

Xogħol ulterjuri f’dan il-qasam għandu jiffoka biex jagħmel il-protezzjoni soċjali, is-sistemi tas-saħħa u tal-pensjonijiet sostenibbli fid-dawl tax-xejriet demografiċi. Bħala parti mill-istrateġiji akbar tas-suq tax-xogħol, l-Istati Membri se jkollhom bżonn ikomplu jimplimentaw miżuri li jżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa, il-ħaddiema aktar anzjani u dawk iżgħar kif ukoll il-migranti. Il-flessigurtà, li tipprovdi approċċ bilanċjat għal arranġamenti kuntrattwali flessibbli tax-xogħol, filwaqt li tipprovdi sostenn xieraq lill-individwu, qiegħda tkun żviluppata bħala parti mir-risposta ta’ l-Istat Membru għal dawn l-isfidi. L-Istati Membri għandhom ukoll ikomplu x-xogħol tagħhom fl-iżvilupp ta’ strateġiji komprensivi ta’ tagħlim matul il-ħajja, politiki dwar is-suq tax-xogħol effettivi u sistemi tas-sigurtà soċjali moderni.

3.7. Il-Faqar Globali

Hemm xi żviluppi inkoraġġanti fil-kisba ta' l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millennju (MDGs). Il-faqar globali naqas bi kważi 4% mill-2000, li jfisser li 134 miljun persuna ntrefgħu minn faqar serju. Ir-rata tat-tlestija ta’ l-iskola primarja tjiebet minn 78% fl-2000 għal 83% fl-2005. Il-kwalità u l-effettività ta’ l-għajnuna qegħdin jitjiebu. Madankollu, il-pressjonijiet fuq is-sostenibbiltà ambjentali jibqgħu għolja, partikolarment l-aċċess għar-riżorsi importanti bħall-ilma, l-injam jew l-art li tinħadem li potenzjalment jista' jkollu impatti drammatiċi fuq l-għaxjien ta' l-ifqar nies u jista' jkun kawża ta' kunflitti.

Min-naħa l-oħra, biljun persuna għadhom f’faqar estrem. Ir-reġjuni kollha li qegħdin jiżviluppaw ma rnexxilhomx jilħqu l-mira li jnaqqsu l-mortalità tat-tfal u terz tat-tfal kollha fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għandhom piż li huwa inqas minn dak meħtieġ jew għandhom l-iżvilupp fiżiku tagħhom imxekkel. Nofs in-nies fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw m’għandhomx aċċess għal faċilitajiet sanitarji mtejba. Wara livell baxx madwar is-sena 2000, kien hemm żieda f’daqqa fil-kontribuzzjonijiet ta’ l-UE-15 ODA/GNI, li rriżultat f’żieda minn 0.32% sa 0.44% bejn l-2000 u l-2005. Iżda dan it-tkabbir waqaf fl-2006, meta l-ODA/GNI naqas ftit għal 0.43% u l-UE waqgħet ftit lura mill-miri intermedjarji tagħha ta’ l-2010.

Kien hemm progress fuq l-iżvilupp tal-politika fuq livell ta’ l-UE. F’Diċembru 2004, it-tliet istituzzjonijiet ta’ l-UE ftiehmu dwar "Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp”, li jpoġġi t-tneħħija tal-faqar fiċ-ċentru tal-politika ta’ l-iżvilupp ta’ l-UE. L-UE hija l-akbar donatur fid-dinja u l-Istrateġija dwar l-Afrika ta' l-UE tagħti prijorità għall-kooperazzjoni ma’ l-Afrika (l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika 2007). L-UE hija wkoll attiva ħafna fil-Mediterran permezz tal-politika tal-viċinat tagħha u fil-kooperazzjoni tagħha ma’ l-Amerika Latina u l-Asja. Ittieħdu diversi inizjattivi ġodda ta’ politika biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni ta’ l-UE u l-koerenza ta’ l-għajnuna.

Ħames snin wara s-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (WSSD 2002) hemm biss progress modest f'xi miri u għanijiet tad-WSSD. Madankollu, l-UE u l-Istati Membri huma impenjati li jippromwovu attivament l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja u li jiżguraw li l-politiki interni u esterni ta' l-UE jkunu konsistenti ma' l-iżvilupp sostenibbli globali. Din hija mira wiesgħa ħafna, u l-Istati Membri għandhom it-tendenza li jiffokaw aktar fuq temi speċifiċi jew reġjuni ġeografiċi li huma b'mod partikolari importanti għalihom.

Dwar il-volum ta’ l-għajnuna, għadu possibbli li tintlaħaq il-mira intermedjarja ta’ 0.56% fl-2010 fit-triq lejn il-mira tal-MDG ta' 0.7% tal-GNI sa l-2015. Madankollu, jidher ċar li jinħtieġu ħafna aktar sforzi biex tintlaħaq din il-mira. Baqa’ ħafna sfidi – inklużi: aktar żvilupp fl-użu tas-sostenn mill-baġit ġenerali bħala mekkaniżmu ta' l-għoti ta’ għajnuna; it-trattament ta' l-isfida li qiegħda tikber tal-migranti ambjentali u l-persuni mċaqalqa internament; iż-żieda fl-impenn ta’ l-Istati Membri lejn l-inizjattivi ta' l-ilma u tal-foresti; l-iżgurar li l-element ambjentali ta' l-iżvilupp sostenibbli huwa kkunsidrat biżżejjed fl-allokazzjoni ta' l-għajnuna; il-ħidma lejn sistema internazzjonali ta' governanza ambjentali li tista' ġġib żvilupp sostenibbli u tiżgura li l-politika tal-kummerċ tikkontribwixxi lejn is-sostenibbiltà. Aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni ta’ l-għajnuna hija kjarament essenzjali jekk l-UE għandha tagħmel kontribuzzjoni sinifikanti biex tilħaq l-MDGs.

4. Politiki Transversali

4.1. L-Edukazzjoni u t-Taħriġ

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma prerekwiżiti sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu l-miri ta’ l-iżvilupp sostenibbli. Il-programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ ta’ l-2010 huwa l-qafas ta’ politika ta’ l-azzjonijiet Ewropej fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li taħtu l-Istati Membru qablu fuq ħames livelli ta' referenza essenzjali li għandhom jintlaħqu sas-sena 2010: it-tnaqqis tan-numru ta' studenti li jħallu l-iskola kmieni; iż-żieda fil-livell ta’ litteriżmu ta’ dawk li għandhom 15-il sena, u; it-tkabbir tal-livelli tat-tlestija ta’ l-iskejjel sekondarji superjuri. Il-programm għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità u l-aċċess għal kulħadd. L-Istati Membri qegħdin dejjem aktar jirrispondu għal dawn l-isfidi u qegħdin jinkludu l-isfidi ta' l-iżvilupp sostenibbli fis-sistemi ta' l-edukazzjoni tagħhom. Iż-żieda fit-tagħlim ta' matul il-ħajja fl-UE-25 minn 7.5 % fl-2000 għal 9.6 % fl-2006 fl-UE-25, hija inkoraġġanti fid-dawl tal-mira ta’ Barċellona li jinlaħaq it-12 % sa l-2010.

4.2. Ir-Riċerka u l-Iżvilupp

L-Iżvilupp fir-Riċerka u t-Teknoloġija huwa essenzjali għat-tfassil ta’ soluzzjonijiet innovattivi u li jħarsu ’l quddiem meħtieġa biex isir progress veru fis-seba’ sfidi ewlenin. Id- data ta’ l-Eurostat turi li l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp bħala perċentwal tal-PGD staġna bejn l-2000 u l-2005, b’1.9 % fl-2005 fl-UE-15 u 1.4 % fl-UE-25, ’il bogħod mill-mira ta’ l-UE ta’ 3 % tal-PGD sa l-2010.

Waħda mill-għanijiet ewlenin tas-Seba’ Programm ta' Qafas ta' l-RTD (FP7), li tnieda f’Jannar 2007, hija li r-riċerka Ewropea tkun immobilizzata għall-iżvilupp sostenibbli[7]. Fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni 2007, 40% ta’ l-azzjonijiet kooperattivi ta’ riċerka meħtieġa kienu direttament jew indirettament relatati ma’ l-isfidi ta’ l-SDS ta’ l-UE. Ġew proposti żewġ Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti, "Sema Nadifa"[8] u "Ċelloli tal-Karburanti u ta’ l-Idroġenu"[9]. Ħmistax-il pjattaforma ta’ teknoloġija ta’ ħidma u erbatax-il ERANETS qegħdin ukoll jittrattaw direttament l-isfidi ta' l-SDS ta' l-UE. Il-Kummissjoni żviluppat linji gwida dwar l-użu ta’ inċentivi ta’ taxxa u l-akkwist pubbliku biex issaħħaħ l-investiment fir-riċerka tas-settur privat u rrevediet il-qafas tagħha dwar l-Għajnuna mill-Istat bħala appoġġ għall-attivitajiet ta’ l-R&D u l-innovazzjoni.

Rapporti ta’ l-Istati Membri juru li l-biċċa l-kbira tal-politiki nazzjonali tar-riċerka qegħdin ipoġġu l-R&D għas-servizz tas-seba’ sfidi prinċipali ta’ l-SDS ta’ l-UE, f’perspettiva taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha sabiex tqiegħed l-R&D għas-servizz ta’ l-iżvilupp sostenibbli bil-għan li tuża s-sinerġiji bejn l-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi u l-SDS ta’ l-UE.

4.3. Strumenti ta’ l-Iffinanzjar u Ekonomiċi

Varjetà wiesgħa ta’ strumenti bbażati fuq is-suq (taxxi u sistema ta’ skambju ta’ l-emissjonijiet) u inċentivi tas-suq speċifiċi għal politika (appoġġ finanzjarju għall-R&D, l-innovazzjoni u d-dimostrazzjoni fuq kwistjonijiet speċifiċi) jintużaw fuq livell ta’ l-UE u ta’ l-Istat Membri bħala appoġġ għal żvilupp sostenibbli. Hemm aktar potenzjal għall-użu ta’ strumenti bbażati fuq is-suq.

F’Marzu 2007, il-Kummissjoni adottat Green Paper dwar l-użu ta’ strumenti bbażati fuq is-suq għal skopijiet ta’ politika relatati ma’ l-ambjent u ma’ l-enerġija u matul l-2008 il-Kummissjoni se tirrevedi d-Direttiva dwar it-Taxxa ta' l-Enerġija[10] u tibda teżamina kif se tidentifika u tirtira gradwalment is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Il-Kummissjoni pproponiet leġiżlazzjoni biex tirristruttura it-tassazzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri[11] u biex tikkoordina t-tassazzjoni tal-petrol mingħajr ċomb u ż-żejt tal-gass bħala karburant għall-magni[12].

Il-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni huma strumenti finanzjarji ewlenin ta’ l-UE li jipprovdu appoġġ finanzjarju sinifikanti għall-perjodu ta’ l-2007 – 2013 għal oqsma ewlenin ta’ l-SDS ta’ l-UE bħat-tibdil fil-klima (€ 9 bn) u t-trasport sostenibbli (€ 36 bn). Il-politika ta’ koeżjoni tapplika l-prinċipji ta’ l-iżvilupp sostenibbli ta’ kemm 'L-involviment taċ-ċittadini' kif ukoll 'Il-koerenza tal-politika u l-governanza', billi tinkludi l-partijiet kollha interessati fuq kull livell ta’ gvern, kif ukoll tippromwovi t-tfassil ta’ politika koerenti f’setturi differenti.

5. Il-ksib ta' riżultati f'partenarjat

5.1. IL-KOMUNIKAZZJONI, IL-MOBILIZZAZZJONI TA' L-ATTURI U T-TKATTIR TAS-SUċċESS

L-SDS ta' l-UE tista' biss taħdem b'mod effiċjenti u effettiv jekk tiġi kkomunikata u implimentata kif xieraq fil-livelli kollha tas-soċjetà, bl-involviment taċ-ċittadini, in-negozji u l-gvern. Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri għamlu għal dan il-għan attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u konferenzi ta' kwistjonijiet speċifiċi dwar suġġetti bħat-tibdil fil-klima, it-trasport u s-saħħa nazzjonali.

L-input taċ-ċittadini (inklużi l-NGOs) jirrapreżenta vuċi kostruttiva u kritika dwar il-ksib ta' riżultati u l-implimentazzjoni. L-Aġenda Lokali 21 u l-Kampanja ta' l-Ibliet u l-Ibliet Żgħar Sostenibbli Ewropej iservu ta' eżempji. Il-forum għall-partijiet involuti tal-KESE ta' Mejju 2007[13] ġabar flimkien gruppi mis-soċjetà ċivili, sabiex jiddiskutu kif is-soċjetà ċivili tista' tkompli tiżviluppa soluzzjonijiet kostruttivi għat-tibdil fil-klima.

Il-kumpaniji u l-mexxejja tan-negozju qed jibdew jirrealizzaw il-vantaġġ kompetittiv li approċċ sostenibbli għan-negozju jagħtihom. L-Indiċi tad-Dow Jones Sustainability Group[14] juri li l-kumpaniji elenkati regolarment imorru aħjar minn dawk mhux elenkati. Il-mexxejja tan-negozju qed jieħdu inizjattivi ġodda – il-Grupp Ewropew ta' Mexxejja ta' Kumpaniji u l-Alleanza Ewropea għar-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji (CSR – Corporate Social Responsibility), huma żewġ inizjattivi minn dawn, li qed jistabbilixxu modi innovattivi ġodda sabiex ikun hemm titjib fil-prestazzjoni ambjentali u soċjali tan-negozju.

5.2. Il-Ksib ta' Riżultati

L-SDS ta' l-2006 ġabet struttura ġdida ta' governanza. Is-sena li għaddiet kull Stat Membru appunta koordinatur ta' l-SDS u l-Kummissjoni waqqfet grupp ta' Koordinaturi ta' l-SDS li jaħdem ukoll man-Netwerk Ewropew ta' l-Iżvilupp Sostenibbli (ESDN).

Il-Eurostat ikkontribwixxiet għall-monitoraġġ tal-progress fuq il-bażi ta' sett komprensiv ta' SDIs li huma issa aktar konformi mal-prijoritajiet u l-għanijiet ta' l-SDS imġedded ta' l-UE[15]. Regolarment isiru diskussjonijiet mal-Eurostat dwar l-indikaturi.

L-SDS ta' l-UE pproponiet tistituzzjonalizza l- peer reviews ta' strateġiji nazzjonali sabiex tidentifika u taqsam il-prattiċi tajba b'mod aħjar fi proċess ta' tagħlim reċiproku. Il-Kummissjoni żviluppat manwal u fl-2007 ikkofinanzjat il- peer review ta' l-NSDS ta' l-Olanda. Dan l-istħarriġ ikkostitwixxa input sostanzjali għat-tfassil mill-ġdid li għadu għaddej ta' l-SDS Olandiża u kellu impatt politiku viżibbli. Aktar stħarriġ huwa ppjanat għall-2008.

Il-KESE waqqaf Osservatorju ta' l-Iżvilupp Sostenibbli (SDO)[16] f'Settembru ta' l-2006 li pprepara opinjoni dwar ir-Rapport Biannwali tal-Progress ta' l-Istrateġija ta' l-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-UE, adottat fil-11 ta' Lulju 2007. Il-Kumitat tar-Reġjuni pprepara Opinjoni dwar l-Edukazzjoni għall-Promozzjoni ta' l-Iżvilupp Sostenibbli għall-adozzjoni fil-ħarifa ta' l-2007.

L-Istati Membri qed jaġġornaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom u qed jippjanaw li jagħmluhom konformi ma' l-SDS ta' l-UE.

6. Konklużjoni

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2006 jirrapreżentaw il-bidu ta' partenarjat ġdid bejn l-UE, l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u n-negozju bl-għan li jkun hemm ħidma kollettiva sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' l-iżvilupp sostenibbli.

Dan ir-rapport ta' progress juri li l-progress fil-konkret huwa wieħed modest iżda kien hemm progress sinifikanti fl-iżvilupp tal-politika f'ħafna oqsma fil-livell ta' l-UE kif ukoll ta' l-Istati Membri, partikolarment fir-rigward tat-tibdil fil-klima u l-enerġija nadifa. Il-prijoritajiet stipulati fl-istrateġija ta' Ġunju 2006 jibqgħu validi. Kif id-diversi eżempji li jinsabu f'dan ir-rapport u l-anness li hemm miegħu juru, jeħtieġ li tingħata attenzjoni kontinwa għall-implimentazzjoni fl-oqsma kollha ta' prijorità.

[1] L-analiżi tal-progress fl-SDS hija, kif mitlub mill-Kunsill, ibbażata fuq għejun differenti – rapporti nazzjonali pprovduti mill-koordinaturi nazzjonali ta' l-SDS kif stipulat fl-SDS ta' l-UE, ir-rapport ta' monitoraġġ ta' l-Eurostat ibbażat fuq Indikaturi ta' l-Iżvilupp Sostenibbli (SDIs) li juża s-sena 2000 bħala s-sena bażi u Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni kif ukoll studju ta' Konsulenza Indipendenti.

[2] Komunikazzjoni ta' l-10 ta' Jannar "Limitazzjoni tat-Tibdil tal-Klima Globali għal 2 °Celsius; Il-mixja 'l quddiem lejn l-2020 u lilhinn" u "Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa"

[3] Ir-Rapport ta' l-EEA, Użu u ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, nru 9/2005.

[4] http://ec.europa.eu/environment/etap/pdfs/comm_pdf_com_2007_0162_f_en_acte.pdf

[5] Rapport ta’ Monitoraġġ ta' l-EUROSTAT 2007.

[6] Ir-rapport ta' Monitoraġġ ta' l-EUROSTAT 2007 u sorsi tad-DGs tal-Kummissjoni kif ukoll sorsi internazzjonali inkluż id-WHO.

[7] Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' Riċerka, l-Iżvilupp Teknoloġiku u attivitajiet ta' Dimostrazzjoni (2007-2013)-premessa 29 u l-Anness 1.

[8] COM(2007)315 finali.

[9] COM(2007)571 finali.

[10] Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

[11] COM(2005)261.

[12] COM(2007)52.

[13] http://www.eesc.europa.eu/stakeholders_forum/index_en.asp

[14] Imniedi fl-1999, l-Indiċi tas-Sostenibbiltà tad-Dow Jones huwa l-ewwel indiċi globali li jsegwi l-prestazzjoni finanzjarja madwar id-dinja tal-kumpaniji ewlenin tas-sostenibbiltà.

[15] Lista tal-lista riveduta ta' l-SDIs hija ppreżentata f'anness mad-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni dwar l-SDS.

[16] http://www.eesc.europa.eu/sections/sdo/index_en.asp