Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Pjan ta’ azzjoni ghal-logistika tat-trasport tal-merkanzija {SEG(2007) 1320} {SEG(2007) 1321} /* KUMM/2007/0607 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, 18.10.2007 KUMM(2007) 607 finali KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Pjan ta’ Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija {SEG(2007) 1320}{SEG(2007) 1321} KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Pjan ta’ Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija DAĦLA Ir-reviżjoni intermedja tal-White Paper ta’ l-2001[1] tisħaq fuq ir-rwol ewlieni tal-loġistika għall-iżgurar ta’ mobilità kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa u għall-kontribut lejn l-ilħiq ta’ għanijiet oħra, fosthom ambjent aktar nadif, is-sigurtà tal-provvista elettrika, is-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport. Il-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija tiffoka fuq l-ippjanar, l-organizzazzjoni, il-ġestjoni, il-kontroll u t-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ trasport ta’ merkanzija fil-katina tal-provvista. Hija xprun ieħor tal-kompetittività Ewropea u b’hekk kontributur ewlieni għall-aġenda mġedda ta’ Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. In-netwerks tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni jiddependu minn ktajjen loġistiċi effiċjenti u ta' kwalità għolja sabiex jiġi organizzat it-trasport tal-materja prima u ta' oġġetti lesti madwar l-UE u lil hinn minnha. Hija attività primarjament marbuta man-negozju u hija ħidma f’idejn l-industrija. Madankollu, l-awtoritajiet għandhom rwol ċar fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet ta’ qafas ix-xierqa. Huwa stmat li s-sehem ta’ l-industrija tal-loġistika fl-Ewropa huwa qrib l-14% tal-PGD. Fl-aħħar snin, l-industrija tal-loġistika kellha rati ta' tkabbir 'il fuq mill-medja ta' l-ekonomiji Ewropej. Per eżempju, il-kummerċ intra- u extra-UE żdied fil-valur b’55% mill-1999. Dan it-tkabbir seħħ bis-saħħa ta’ l-integrazzjoni Ewropea, il-liberalizzazzjoni u l-ispiża relattivament baxxa għat-trasport tal-merkanzija, li wasslu għal bidliet fix-xejriet tal-produzzjoni u tal-kummerċ, fi ħdan l-UE u madwar id-dinja. Konsegwenza minnhom tat-tkabbir hija li l-mewġa ta' kummerċ bil-kontejners u l-ġarr bil-bastimenti tal-linja qed twassal għal konġestjoni għolja f'ċerti portijiet u konnessjonijiet bejn il-port u l- hinterland . L-Ewropa għandha bosta kumpaniji tal-loġsitika li huma minn ta’ quddiem fid-dinja. Qafas Ewropew għal-loġistika li jaħdem sew jista’ jikkostitwixxi pjattaforma għad-diskussjoni ta’ kwistjonijiet marbuta mal-loġistika ma’ sħab kummerċjali oħra. Il-politika tal-loġistika trid tiġi segwita fuq il-livelli kollha tal-governanza. Hemm ħtieġa dejjem tikber għal approċċ koerenti ta’ l-UE għal kunsiderazzjonijiet loġistiċi li jista’ joffri opportunità għal kooperazzjoni u koordinazzjoni msaħħa bejn id-dimensjonijiet differenti tal-politika tat-trasport u jsir fattur li jirfed it-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-Pjan ta’ Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija huwa wieħed minn sensiela ta’ inizjattivi ta’ politika mnedija b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea għat-titjib ta’ l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa[2]. Jippreżenta għadd ta’ azzjonijiet fuq medda qasira taż-żmien fil-qosor saż-żmien mezzan li se jgħinu ‘l Ewropa tindrizza l-isfidi kurrenti u futuri tagħha u tiżgura sistema tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa li tkun kompetittiva u sostenibbli. Id-dimensjoni esterna ta’ dawn l-azzjonijiet kollha se jkollhom jitqiesu bil-għan li jiġu integrati b'effiċjenza fil-katina loġistika pajjiżi terzi u partikolarment pajjiżi ġirien. Il-proċess s’issa Il-Kummissjoni Ewropa ħarġet Komunikazzjoni dwar il-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija fl-Ewropa[3] f'Ġunju ta' l-2006. Il-Komunikazzjoni u l-oqsma ta’ azzjoni proposti fiha ġew appoġġati mill-Kunsill tat-Trasport f’Diċembru 2006[4]. Il-Parlament Ewropew ta opinjoni pożittiva f’Settembru 2007[5]. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ġeneralment laqa’ l-approċċ adottat mill-Kummissjoni[6]. L-azzjonijiet proposti f’dan il-Pjan ta' Azzjoni huma msejsa fuq konsultazzjonijet estensivi mal-partijiet interessati. AZZJONIJIET Trasport elettroniku tal-merkanzija u Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) Teknoloġiji avvanzati ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) jistgħu jikkontribwixxu bil-kbir għall-komodalità permezz tat-titjib tal-ġestjoni ta’ l-infrastruttura, tat-traffiku u tal-flotot, il-faċiltazzjoni tal-monitoraġġ u l-lokalizazzjoni aħjar ta’ merkanzija madwar in-netwerks tat-trasport, u konnessjonijiet aħjar bejn in-negozji u l-amministrazzjonijiet. Madankollu, għad iridu jingħelbu għadd ta’ ostakli għal użu aktar mifrux u mingħajr intoppi ta’ l-ICT fil-loġistika tal-merkanzija, inkluż l-istandardizzazzjoni insuffiċjenti ta’ l-iskambji rispettivi ta’ informazzjoni u l-kapaċitajiet li jvarjaw għall-aħħar ta' l-atturi tas-suq fl-użu ta' l-ICT. Ir-rekwiżiti legali jistgħu wkoll iżommu lura l-użu ta’ l-ICT. Barraminnhekk, iridu jitqiesu is-sigurtà tad-dejta u kwistjonijiet ta’ privatezza. Il-kunċett tat-trasport elettroniku tal-merkanzija ( Merkanzija-e ) jiddeskrivi viżjoni ta’ fluss elettroniku ta’ informazzjoni mingħajr karti, li huwa mibni mill-ICT u assoċjat mal-vjaġġ fiżiku ta' l-oġġetti Jinkludi l-ħila li tiġi mmonitorjata u llokalizzata l-merkanzija tul il-vjaġġ tagħha minn mod ta' trasport għall-ieħor u l-awtomazzjoni ta' l-iskambju tad-dejta li għandha x'taqsam mal-kontenut għal għanijiet regolatorju jew kummerċjali. Dan se jkun aktar prattiku u affordabbli għal teknoloġiji emerġenti bħall- identifikazzjoni bil-frekwenzi tar-radju (RFID)[7] u l-użu tas-sistema Galileo ta’ l-ippożizzjonar bis-satellita. Il-merkanzija trid tkun tista’ tiġi identifika u llokalizzata ikun xi jkun il mod li biha tkun qed tiġi ttrasportata. Kundizzjoni meħtieġa għal dan huwa li jkun hemm konnessjonijiet standard bejn il-modi differenti tat-trasport u tkun assigurata l-interoperabilità bejn il-modi. Il-kunċett tal-“Merkanzija-e” jista’ jwassal, fil-ġejjieni, għal “ Internet għall-kargo ” fejn l-informazzjoni tkun disponibbli online b’mod sigur, bħal ma huwa llum għall-“Internet għan-nies”. Karatteristika ta’ dan hija l-kapaċità li wieħed ikun jista’ jara u jqabbel informazzjoni online dwar is-servizzi pprovduti mill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija. Oħra għandha x’taqsam mas-simplifikazzjoni amministrattiva. L-esperjenza turi li s-sistemi informatiċi għad-dejta amministrattiva jistgħu jintużaw ukoll għal komunikazzjonijiet bejn negozju u ieħor. L-implimentazzjoni ta’ sistema għall-iskambju marittimu ta’ l-informazzjoni mill-vapur għax-xatt, mix-xatt għall-vapur u bejn il-partijiet kollha, bl-użu ta' servizzi bħal SafeSeaNet, LRIT (Identifikazzjoni u Monitoraġġ fuq Meded Twal) u AIS (Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika), se jiffaċilitaw operazzjonijiet ta’ navigazzjoni u loġistika aktar sikuri u aktar veloċi, u b’hekk titjieb l-integrazzjoni tat-trasport marittimu ma’ modi ta’ trasport oħra (programm marittimu elettroniku) L-implimentazzjoni ta' sistemi bħall-RIS (Servizz ta’ Informazzjoni tax-Xmajjar), ERTMS (Sistema ta’ Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju Ewropew), TAF (Applikazzjonijiet Telematiċi għat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija) u VTMIS (Sistemi ta’ Ġestjoni u Informazzjoni tat-Traffiku tal-Bastimenti) tixhed il-progress li sar f’modi oħra ta’ trasport. Fit-trasport bit-triq, madankollu, għadu ma qabadx sew l-użu tas-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport (ITS) biex jgħin fil-ġestjoni aħjar ta' l-infrastruttura u ta’ l-operazzjonijiet tat-trasport. Strateġija koeżiva ta’ implimentazzjoni għall-ITS, li tkun tinkorpora r-rekwiżiti speċifiċi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, bħal fil-każ ta’ sistemi ta’ navigazzjoni, takografi diġitali u sistemi ta’ nollijiet tat-trasport, jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-bidla materjali fil-katina loġistika. Il-Kummissjoni qiegħda għalhekk tħejji inizjattiva ewlenija dwar l-ITS għall-2008, li sejra tistabbilixxi pjan ta' rotta dettaljat għall-iżvilupp u t-tħaddim ta' l-ITS fl-Ewropa, u b'hekk jiġu indirizzati wkoll l-applikazzjonijiet teknoloġiċi ewlenin rilevanti għal-loġistika tal-merkanzija. Merkanzija-e Flimkien mal-partijiet interessati, tiġi żviluppata mappa tar-rotta għall-implimentazzjoni tal-merkanzija-e, billi wieħed jespandi fuq il-kunċett ta’ l-“Internet għall-kargo” u jiġi identifikati l-oqsma problematiċi fejn hi meħtieġa l-azzjoni ta’ l-UE bħal fil-każ ta’ l-istandardizzazzjoni. Skadenza: Identifikazzjoni ta’ l-oqsma ta’ azzjoni sa l-2009. Ħidma lejn standard għall-flussi ta’ l-informazzjoni sabiex jiġu żgurati l-integrazzjoni u l-interoperabilità tal-modi fuq livell ta' dejta u tingħata arkitettura għad-dejta li tkun miftuħa u robusta, primarjament għall-flussi ta' dejta min-negozju għall-amministrazzjoni u mill-amministrazzjoni għall-amministrazzjoni. Skadenza: 2010. Jitqabbad xogħol fuq sett standard ta’ dejta għad-deskrizzjoni tal-merkanzija, inkluz għal rekwiżiti regolatorji (filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti kurrenti għall-oġġetti perikolużi, annimali ħajjin, eċċ) u teknoloġiji bħall-RFID. Skadenza: 2009. Issir proposta għall-programm elettroniku marittimu Skadenza: 2009. Fil-kuntest tal-pjan ta’ azzjoni ITS L-istabbiliment ta’ qafas għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet ITS li jindirizzaw ukoll loġistika tat-trasport tal-merkanzija, inkluż il-monitoraġġ tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi u annimali ħajjin, monitoraġġ u lokalizzazzjoni, u mapep diġitali. Skadenza: 2009. Jiġi stabbilit qafas regolatorju għall-istandardizzazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet funzjonali għal konnessjoni waħdanija (unità abbord) għall-għoti u l-iskambju ta' informazzjoni min-negozju għall-amministrazzjoni u bejn negozju u ieħor. Skadenza: 2010. Titmexxa aktar malajr il-ħidma lejn l-interoperabilità fil-Ġbir ta’ Ħlasijiet Elettronikament [8], u l-inkorporazzjoni tal-komponenti meħtieġa Skadenza: 2008. Kwalità u effiċjenza sostenibbli Eżerċizzju kontinwu ta’ identifikazzjoni ta’ xkiel għat-trasport Fl-2006, il-partijiet interessati ntalbu jidentifikaw xkiel operattiv, amministrattiv jew marbut ma’ l-infrastruttura, u dan wassal għal qrib 500 każ. Dan l-inventarju jagħti, għall-ewwel darba, stampa sħiħa ta’ l-ostakli speċifiċi li jxekklu l-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa. Ir-rappreżentanti ta’ l-industrija u ta’ l-awtoritajiet pubbliċi daħlu b' mod volontarju biex jagħmluha ta' punti fokali għall-operaturi ta’ l-industrija loġistika u biex jgħinu fl-istħarriġ u l-proposta ta’ soluzzjonijiet għax-xkiel irrappurtat. Jitkompla l-eżerċizzu ta’ l-identifikazzjoni tax-xkiel għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija u tiżdied il-ħidma għall-ksib ta' soluzzjonijiet prattiċi għal dan ix-xkiel, kull fejn ikun possibbli, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-azzjoni lokali fejn meħtieġ. Skadenza: Kontinwa. L-ewwel riżultati sa l-2008. Persunal u taħriġ fl-ambitu tal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija. F’bosta oqsma tal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija, hemm nuqqas ta’ persunal imħarreġ. Għalhekk, l-UE se tistħarreġ miżuri, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet soċjali, biex il-professjonijiet loġistiċi tagħmilhom aktar attraenti u tħeġġeġ il-mobilità tal-persunal bejn fruntiera u oħra. F’dan il-kuntest,. l-istrumenti tal-Politika ta’ Koeżjoni (il-Fondi għall-Iżvilupp Soċjali u Reġjonali Ewropew) jistgħu jtaffu dawn in-nuqqasijiet billi jimmiraw l-interventi lejn it-taħriġ (azzjonijiet u infrastruttura). Illum, it-taħriġ mogħti mill-universitajiet u istituzzjonijiet oħra jvarja bil-kbir fl-Ewropa. Huma meħtieġa sforzi sabiex jiġu ffukati u jitjiebu l-kwalifiki tal-persunal tal-loġistika, l-aktar billi tissaħħaħ il-kompetenza fit-trasport, u jiġi appoġġat it-tagħlim tul il-ħajja. Ċertifikat volontarju Ewropew għall-uffiċjali tal-loġistika tat-trasport tal-merkanizja jista’ jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-konsistenza u l-kwalità tat-taħriġ fl-Ewropa. Jista’ barraminnhekk jolqot il-livelli kollha tal-ħiliet, jagħżel fejn meħtieġ bejn ir-rekwiżiti speċifiċi għas-settur, jew jikkostitwixxi ċertifikat bażiku għal taħriġ addizzjonali li jkun speċifiku għas-settur mill-industrija nnifisha. Iċ-ċertifikazzjoni reċiprokament rikonoxxibbli għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija u oqsma relatati (eż. il-ħżin) tista’ tiffaċilta l-mobilità. Iridu jitqiesu kif xieraq l-istandards eżistenti tat-taħriġ. Il-Kummissjoni tista’ taħdem mas-sħab soċjali Ewropej u partijiet rilevanti oħra biex tfassal lista ta’ kwalifiki u rekwiżiti tat-taħriġ minimi fuq livell ta’ speċjalizzazzjoni differenti biex jiġu inkorporati f’qafas li jista’ jiżgura l-għarfien reċiproku taċ-ċertifikati ta’ taħriġ. Skadenza: 2009. Il-Kummissjoni tniedi djalogu mas-sħab soċjali Ewropej sabiex issib mod kif ittejjeb id-dehra tal-professjonijiet tal-loġistika tat-trasport biex tiġbed aktar nies lejhom, u tiġbed l-attenzjoni lejn opportunitajiet sabiex jiġu mmirati l-interventi tal-Politika ta’ Koeżjoni ta’ l-UE lejn it-taħriġ fil-loġistika. Skadenza: Il-bidu ta’ l-2008, kontinwu minn hemm ‘il quddiem It-titjib tal-prestazzjoni L-indikaturi tal-prestazzjoni għall-ktajjen tal-loġistika tat-trasport tal-merkanizja huma strumenti siewja biex jinkoraġġixxu l-kwalità tas-servizz. Jistgħu wkoll jintuzaw biex ikejlu l-impatti soċjali u ambjentali. L-indikaturi jeżistu diġà għat-trasport ikkombinat bil-ferrovija, għat-trasport bl-ajru u għat-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra. Madankollu, s’issa m’hemm l-ebda sistema komuni ta’ indikaturi tal-prestazzjoni minn mod għall-ieħor jew għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija. Jiġi stabbilit, f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, sett ta' qofol ta’ indikaturi ġeneriċi li jista’ jservi bl-aħjar mod l-għan tal-kejl u r-rekordjar tal-prestazzjoni (eż. sostenibbiltà, effiċjenza eċċ.) fil-ktajjen tal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija sabiex tiġi inkoraġġita bidla għal forom aktar effiċjenti u aktar nodfa ta’ trasport u titjieb b’mod ġenerali fil-prestazzjoni loġistika[9] . Il-Kummissjoni mbagħad tqis jekk tinkorporahomx f’kodiċi ta’ l-aħjar prassi jew rakkomandazzjoni. Skadenza: Sa tmiem l-2009. Evalwazzjoni komparattiva tat-terminals intermodali L-effiċjenza tat-terminals intermodali, inklużi l-porti u l-ajruporti, hija kurċjali għall-prestazzjoni loġistika. Jeħtieġu sforz għalih fl-evalwazzjoni komparattiva, imnebbaħ mill-inizjattiva għall-promozzjoni ta’ l-indikaturi tal-prestazzjoni. Sett ta’ valuri Ewropew għall-evalwazzjoni komparattiva (sew statiċi u dinamiċi) għandhom jiġu żviluppati u b’mod li jippermetti speċifikazzjoni ulterjuri fuq il-livell lokali. Dawn il-valuri għandhom jiġu stabbiliti f’kooperazzjoni stretta ma’ l-industrija u għandhom jingħataw tixrid effettiv. Minħabba karatteristiċi differenti, triq titqies differenzazzjoni konsiderevoli bejn it-terminals ta’ l-art, il-portijiet tal-baħar, l-ajruporti, u l-portijiet fuq l-ilmijiet interni. L-elaborazzjoni, flimkien ma’ l-industrija, ta’ sett ta’ valuri ġeneriċi (dinamiċi u statiċi) għall-evalwazzjoni komparattiva tat-terminals, b'bidu mit-terminals interni multimodali, u l-inkorporazzjoni tagħhom f'kodiċi ta' l-aħjar prassi jew rakkomandazzjoni, u t-tixrid ta' tagħrif dwarhom. Skadenza: 2010. Il-promozzjoni ta’ l-aħjar prassi It-trasport multimodali tal-merkanzija għadu relattivament mhux użat biżżejjed. Dan jista’ jkun minħabba nuqqas ta' għarfien dwar il-benefiċċji ta' l-alternattivi modali, l-integrazzjoni bejn il-modi tat-trasport jew l-ispejjez addizzjonali tat-trasbord. Dawn il-problemi jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ inzjattiva wiesgħa għall-qsim tal-prassi t-tajba u l-għoti ta’ għajnuna prattika bis-saħħa ta' netwerks ta' istituti tal-loġistika u bl-estensjoni ta' l-ambitu ta’ Ċentri tal-Promozzjoni tat-Trasport bil-baħar fuq distanzi qosra għal-loġistika tat-trasport intern. L-estensjoni tar-rwol taċ-Ċentri tal-Promozzjoni tat-Trasport bil-baħar fuq distanzi qosra u n-netwerk Ewropew tagħhom għal-loġistika tat-trasport intern Skadenza: Kontinwa. It-twaqqif ta’ netwerk bejn l-istituti tal-loġistika u l-promozzjoni ta’ inzjattivi ta’ l-industrija għall-iskambju ta’ l-esperjenza u t-tixrid ta’ l-aħjar prassi. Skadenza: 2010. Dejta dwar l-istatistika Ammont konsiderevoli ta’ informazzjoni dwar l-istatistika hija disponibbbli. Madankollu, ma tipproduċix stampa affidabbli tas-suq Ewropew tal-loġistika. Irid jiġu żviluppati indikaturi rilevanti u mezzi għall-kejl sabiex tiġi vvalutata l-qagħda u kif tevolvi tul iż-żmien. Fl-istess ħin, il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri jew in-negozji għandu jinżamm l-aktar baxx possibbli. Il-Kummissjoni flimkien mal-partijiet ikkonċernati se tistħarreġ id-disponibbiltà u tiddetermina t-titjib tad-dejta dwar il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fil-modi kollha u tivvaluta t-titjib għall-ġbir ta' l-informazzjoni dwar l-istatistika. Skadenza: 2009. Is-simplifikazzjoni tal-ktajjen ta’ trasport Is-simplifikazzjoni tal-konformità amministrattiva L-industrija tal-loġistika għandha bżonn tikkonforma mar-rekwiżiti regolatorji li joħorġu mill-kunsiderazzjonijiet amministrattivi. Is-simplifikazzjoni u d-deċentralizzazzjoni ta’ l-iskambji ta’ l-informazzjoni marbuta mal-merkanzija tista’ tnaqqas sostanzjalment l-ispiża għar-rekwiżiti regolatorji, l-aktar meta jintużaw teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Il-leġiżlazzjoni dwar ir-rilaxx mid-dwana diġà tippermetti, fost l-oħrajn, li l-oġġetti mhux Komunitarji jinħelsu għaċ-ċirkolazzjoni fil-port jew jitqiegħedu taħt reġim ta’ tranżitu għar-rilaxx f’uffiċċju tad-dwana fid-destinazzjoni. Ix-xogħol għandu jibni fuq inzjattivi meħuda mill-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar ambjent bla karti għad-dwana u l-kummerċ[10] Dan fih qafas għall-informazzjoni pprovduta mill-operaturi ekonomiċi li tingħata darba biss (‘tieqa unika’ ) u biex l-oġġetti jkunu kkontrollati minn dawk l-awtoritajiet fl-istess ħin u fl-istess post (‘ one stop shop amministrattiv’).Il-Kummissjoni se taħdem fuq “Spazju ta’ Trasport Marittimu Ewropew mingħajr Ostakli” fejn kemm il-vjaġġ tal-vapur kif ukoll il-merkanizija jistgħu jiġu mmonitorjati b’mod affidabbli u sikur, u b’hekk jonqos il-bżonn ta’ kontrolli individwali fl-operazzjonijiet tat-trasport bejn il-portijiet Komunitarji. Dan jikkontribwixxi biex it-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra jkun jista’ jgawdi bis-sħiħ mis-suq intern. Tiġi stabbilta tieqa unika (punt waħdieni ta’ aċċess) u one stop shop amministrattiv għall-proċeduri amministrattivi fil-modi kollha. Skadenza: Operattiv mill-2012. Issir proposta leġiżlattiva dwar is-simplifikazzjoni u l-faċiltazzjoni tat-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra lejn spazju ta’ trasport marittimu mingħajr ostakli. Skadenza: 2008 Dokument uniku tat-trasport Bħalissa huwa meħtieġ dokument tat-trasport għall-ġarr ta' l-oġġetti[11]. Dokumenti tat-trasport bħal dawn is-soltu jkunu speċifiċi għall-modi ta’ trasport differenti. Jeżistu dokumenti tat-trasport multimodali, iżda mhumiex użati biżżejjed f’format elettroniku. Il-Kummissjoni sejra għalhekk taħdem lejn it-twaqqif ta’ dokument tat-trasport waħdieni Ewropew li jkun jista’ jintuża fil-modi tat-trasport kollha, u b’hekk jiġi ffaċilitat it-trasport multimodali tal-merkanzija u jitjieb il-qafas offrut mill-poloz tat-tagħbija multimodali jew manifesti multimodali. Sejra tistħarreġ il-possibbiltajiet biex dan id-dokument isir fakultattiv u jiġi pprovdut f’format elettroniku. F’konsultazzjoni mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni se teżamina d-dettalji u l-valur miżjud tal-ħolqien ta’ dokument uniku tat-trasport għal kull ġarr ta' oġġetti, ikun xi jkun il-mod. Il-Kummissjoni mbagħad tikkunsidra jekk tagħmilx proposta leġiżlattiva kif xieraq. Skadenza: 2009. Responsabbiltà It-trasport multi-modali jbati minn spejjeż ta’ frizzjoni indotti min-nuqqas ta’ reġim ta’ responsabbiltà li jkun uniformi u trans-modali. Fuq livell golbali (UNICITRAL), għaddejja ħidma lejn il-ħolqien ta’ struttura regolatorja għar-responsabbiltà, iżda jekk ma jkunx hemm progress rapidu, il-Kummissjoni se tibda tesplora alternattivi oħrajn għall-Ewropa. 1. Jista’ jiġi previst att ġuridiku bi klawżola standard ta’ responsabbiltà għall-operazzjonijiet tat-trasport kollha. Tista’ tkun klawżola standard sekondarja ( fall-back ), li jfisser li jekk xejn aktar ma jkun miftiehem bejn il-partijiet f'kuntratt tat-trasport, tapplika awtomatikament din il-klawżola standard. Il-partijiet kontraenti jistgħu wkoll isemmuha espliċitament fil-kuntratt tat-trasport. 2. Id-diskrepanzi bejn reġimi internazzjonali eżistenti ta' responsabbiltà jistgħu jiġu indirizzati b'tali mod li jkun hemm kopertura għal dawk il-partijiet tal-katina loġistika li bħalissa jaqgħu bejn ir-reġimi ta' responsabbiltà ibbażati skond il-modi. Il-valutazzjoni tal-ħtieġa għall-introduzzjoni fi ħdan l-UE ta’ klawżola standard sekondarja ta’ responsabbiltà Skadenza: Konsultazzjonijiet mill-2008, proposta possibbli fl-2009. Il-valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ strument ġuridiku li jippermetti kopertura sħiħa tar-reġimi ta’ responsabbiltà internazzjonali eżistenti bbażati fuq il-mod tul il-katina loġistika multimodali kollha kemm hi. Skadenza: Konsultazzjonijiet mill-2009, proposta possibbli fl-2010. Sigurtà Is-sigurtà għandha x’taqsama mal-ħarsien u l-prevenzjoni mill-kriminalità, il-brigantaġġ u atti intenzjonali illegali bħat-terroriżmu. Kull ma jmur, is-sigurtà saret parti intrinsika mill-kwalità u l-prestazzjoni kompetittiva tal-loġistika. Għal dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tal-katina tal-provvista, il-Kodiċi Doganali[12] ġie rivedut u ddaħħal il-kunċett ta’ l-Operatur Ekonomiku Awtorizzat, li wkoll stipula rekwiżiti minimi għas-sigurtà u s-sikurezza mill-2008 ‘il quddiem. Għandu jintlaħaq ekwilibriju bejn il-proċeduri ta’ sigurtà li jilħqu l-ogħla rekwiżiti u l-ċirkolazzjoni ħielsa tal-kummerċ. Per eżempju, il-valur miżjud u l-effetti kumplessivi ta' skrining sħiħ, 100% tal-kontejners fuq il-flussi tal-kummerċ għandhom jitqiesu sew qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet. Jistgħu jintużaw teknoloġiji intelliġenti biex jiġi evitat id-dewmien. L-istandardizzazzjoni u l-aħjar prassi jistgħu jintużaw biex jimminimizzaw l-effetti tar-rekwiżit tas-sigurtà fuq il-flussi tal-kummerċ. Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni fuq is-sigurtà marittima u tal-portijiet se tagħti opportunità għall-valutazzjoni tar-rekwiżiti tal-portijiet u biex jiġi eżaminat l-iżvilupp ta’ mudell Ewropew għal kards ta’ aċċess b’għanijiet multipli. Jibdew jiġu żviluppati standards Ewropej, f’konformità ma’ leġiżlazzjoni eżistenti, konvenzjonijiet internazzjonali u standards internazzjonali, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni sikura ta' modi tat-trasport fil-katina loġistika. Skadenza: 2008 Fil-kuntest tax-xogħol fuq il-linji gwida u l-istandards minimi għall-kwistjonijiet marittimi u tas-sigurtà tal-portijiet, is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta' l-aċċess. Skadenza: 2008. Qisien tal-vetturi u standards tat-tagħbija Minkejja li l-leġizlazzjoni Ewropea[13] tagħmel limitazzjonijiet globali għall-qisien u l-piż tal-vetturi fit-traffiku internazzjoni fuq it-toroq u għall-qisien fit-traffiku nazzjonali, lill-Istati Membri tħallilhom ċertu spazju għall-immanuvrar. Dan joħloq l-inkonsistenza għall-operaturi u jagħmel l-infurzar aktar diffiċli. Fl-istess ħin, l-iżviluppi teknoloġiċi u r-rekwiżiti mibdula tat-trasport qajmu għadd ta’ mistoqsijiet dwar l-istandards li hemm bħalissa. Filwaqt li għandu mnejn ikun hemm, għalhekk, opportunità biex tiġi rreveduta l-leġiżlazzjoni kurrenti Ewropea, jeħtieġ jitqiesu l-effetti li kwalunkwe modifika lil-limiti kurrenti jista’ jkollha fuq is-sigurtà tat-toroq, l-effiċjenza enerġetika, l-emissjonijiet tas-CO2, l-emissjonijiet velenużi, l-infrastruttura tat-triq u l-operazzjonijiet tat-trasport intermodali, inkluż it-trasport ikkombinat. Il-ħtieġa possibbli ta’ kriterji aktar stretti għall-vetturi, it-tagħmir tagħhom u s-sewwieqa, u r-restrizzjonijiet dwar l-għażla tar-rotta għandhom jiġu vvalutati wkoll. Sabiex jiġi ffaċilitat it-trasbord bejn il-modi u jkun riflessi l-iżviluppi teknoloġiċi, il-proposta għal direttiva dwar Unitajiet ta’ Tagħbija Intermodali [14] ( Intermodal Loading Units ) trid tiġi emendata, sabiex titkabbar il-kompetittività tat-trasport intermodali tal-merkanzija. Il-proposta għandha l-għan li tnaqqas l-ispejjeż ta’ frizzjoni fl-operazzjonijiet tal-maniġġ bejn il-modi billi jiġu standardizzati ċerti karratteristiċi tal-maniġġ tal-unitajiet intermodali ta’ tagħbija u biex titjieb is-sigurtà tat-trasport billi tiġi introdotta spezzjoni perjodika ta’ kull unità. Se jingħata mandat separatament lill-korpi ta’ standardizzazzjoni ta’ l-UE li jistabbilixxi standards ġodda għall-unitajiet ta’ tagħbija li jistgħu jintuzaw bejn il-modi ta’ trasport differenti. Jiġu studjati l-alternattivi għall-modifika ta’ l-istandards għall-pizijiet u l-qisien tal-vetturi u jitqies il-valur miżjud ta' l-aġġornament tad-Direttiva 96/53/KE. Skadenza: 2008. Tiġi aġġornata għall-progress tekniku l-proposta ta’ l-2003 dwar l-Unitajiet ta’ Tagħbija Intermodali Skadenza: 2007. Jiġi stabbilit mandat għall-istandardizzazzjoni ta’ Unità ta' Tagħbija Intermodali Ewropea li tista’ tintuża għall-modi kollha tal-wiċċ ( surface modes ). Skadenza: 2007. Tiġi eżaminata l-kompatibilità ta’ l-unitajiet ta’ tagħbija użati fit-trasport bl-ajru u modi oħra, u jekk meħtieġ, isiru proosti. Skadenza: 2010. Kurituri tat-trasport ekoloġiċi għall-merkanzija Il-kunċett tal-kurituri tat-trasport huwa mmarkat minn konċentrazzjoni ta’ traffiku tal-merkanzija bejn ċentri ewlenin u minn distanzi tat-trasport relattivament twal. Tul dawn il-kurituri l-industrija se tkun imħeġġa tiddependi fuq il-komadalità u fuq it-teknoloġija avvanzata sabiex takkomoda volumi ta' traffiku dejjem jiżdiedu filwaqt li jiġu promossi s-sostenibbiltà ambjentali u l-effiċjenza enerġetika. Kurituri tat-trasport ekoloġiċi jirriflettu kunċett tat-trasport integrat fejn it-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra, ilmijiet interni u t-triq jikkumplimentaw lil xulxin sabiex jippermettu l-għażla ta' trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Se jkunu mgħammrin b’faċilitajiet ta’ trasbord xierqa f’imkejjen strateġiċi (bħal portijiet tal-baħar, portijiet interni, punti ta’ tqassim tal-merkanzija, u terminals u stallazzjonijiet tal-loġistika rilevanti oħra) u b'punti ta' forniment inizjalment għall-bijofjuwils u, aktar tard, għal forom oħra ta' fjuwils ekoloġiċi. Il-kurituri ekoloġiċi jistgħu jintużaw għall-esperimentazzjoni b’unitajiet tat-trasport innovattivi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u b’applikazzjonijiet avvanzati ta’ l-ITS. Qed jingħaqdu għadd ta’ inzjattivi sabiex jiġi promoss dan il-għan, inkluż in-netwerk ferrovjarju orjentat lejn il-merkanzija, l-awtostradi tal-baħar u n-NAIADES. Għandhom jitqiesu l-opportunitajiet offruti mil-linji gwida TEN-T dwar l-iżvilupp u l-integrazzjoni ta’ ktajjen tat-trasport multimodali. L-aċċes ġust u mhux diskriminatorju għall-kurituri u l-faċilitajiet tat-trasbord huwa rekwiżit għall-komodalità u jeħtieġ li jiġi indirizzat. Ir-restrizzjonijiet ta’ l-aċċess għas-suq ta’ operazzjonijiet tat-terminal, fost l-oħrajn fil-portijiet u l-punti tat-tqassim tal-merkanzija, jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq il-klijenti ta’ dawn il-faċiliatjiet. L-aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għall-operaturi u l-klijenti ta’ dawn il-faċiliatjiet għandu jiġi żgurat skond ir-regoli tat-Trattat. Jiġu ddefiniti kurituri tat-trasport ekoloġiċi u tiġi organizzata kooperazzjoni bejn l-awtoritejiet u l-operaturi tal-loġistika tat-trasport tal-merkanizja sabiex jiġi identifikat titjib li jiżgura infrastruttura xierqa għat-trasport sostenibbli. Skadenza: 2008. Jissaħħu l-kurituri ekoloġiċi fil-prijoritajiet TEN-T u Marco Polo. Skadenza: 2010 Jiġi żviluppat netwerk ferrovjarju orjentat lejn il-merkanzija. Skadenza: Proposta sa l-2008. Struttura tal-kuritur sa l-2012. Il-promozzjoni tat-twaqqif u l-għarfien ta’ l-Awtostradi tal-Baħar permezz ta’, fost l-oħrajn, koordinazzjoni aħjar ta’ għejun ta’ finanzjament differenti. Skadenza: 2008. L-implimentazzjoni tal-programma NAIADES għat-trasport fuq l-ilmijiet interni. Skadenza: Implimentazzjoni sħiħa sa l-2013. Il-loġistika tat-trasport urban tal-merkanzija Il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija għandha dimensjoni urbana essenzjali. Id-distribuzzjoni fil-konurbazzjonijiet urbani teħtieġ konnessjonijiet effiċjenti bejn fuq toroq prinċipali ta' distanzi itwal u t-twassil lejn id-destinazzjoni aħħrija fuq distanzi iqsar. Barraminnhekk, il-proċess ta’ distribuzzjoni bejn iċ-ċentri tal-produzzjoni u l-klijenti f’żona urbana jrid ikun effiċjenti u nadif. Viżjoni ħolistika għandha tkopri t-trasport tal-merkanzija u tagħti attenzjoni lill-aspetti ta' l-ippjanar ta' l-użu ta' l-art, ta' kunsiderazzjonijiet ambjentali u ġestjoni tat-traffiku, flimkien ma' għadd ta' fatturi oħra. Il-faċilitazzjoni tal-ġestjoni tad-domanda tat-trasport tal-merkanizja u tal-passiġġeiri għandha tkun parti integrali mill-ippjanar ta' l-ibliet u toffri opportunitajiet għall-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq l-ICT. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-iskambju ta’ esperjenzi tar-rappreżentanti taż-żoni urbani sabiex tistabbilixxi sett ta’ rakkomandazzjonijiet, l-aħjar prassi, indikaturi jew standards għal-loġistika tat-trasport urban, inkluż twassil ta’ konsenji ta’ merkanzija u vetturi għat-twassil. Skadenza: Pjan ta’ Azzjoni għat-Trasport Urban fl-2008. Rakkomandazzjonijiet għal livelli ta’ l-evalwazzjonijiet komparattivi jew indikaturi tal-prestazzjoni li jkunu miftiehma minn kulħadd, għat-tkejjil ta’ l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tat-twassil u t-terminals u, b’mod aktar ġenerali, tal-loġistika u l-ippjanar tat-trasport urban. Skadenza: 2011. It-tisħiħ tal-parti tal-merkanzija taċ-CIVITAS lejn koordinazzjoni aħjar, jew integrazzjoni, bejn it-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija, bejn loġistika interurbana (fuq distanzi twal) u tat-trasport urban. Dan jista’ jwassal għal “Merkanzija CIVITAS” integrata. Skadenza: 2010. INĦARSU 'L QUDDIEM L-azzjonijiet deskritti fuq huma mfassla sabiex jgħinu l-industrija tal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija timxi lejn effiċjenza u tkabbir eknomiku fit-tul billi jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-konġestjoni, it-tniġġis u l-istorbju, l-emissjonijiet tas-CO2 u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili li – jekk ma jiġux ikkontrollati – jitfgħu f’sogru l-effiċjenza ta’ l-industrija. Dawn l-azzjonijiet iridu jkunu akkumpanjati minn ħidma fuq perspettiva fit-tul, li ssir b'mod konġunt flimkien ma' l-Istati Membri, sabiex tiġi stabbilita bażi komuni għall-investiment fis-sistemi ta' għada tat-trasport tal-merkanzija. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni fl-2010. Dan ir-rapport sejjer ukoll jipprovdi l-opportunità li jiġu ddeterminati liema azzjonijiet ulterjuri se jkunu meħtieġa fl-oqsma msemmija fuq u sabiex il-politika ta’ l-UE dwar il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija tkun konformi mal-kuntest ekonomiku u l-iżviluppi teknoloġiċi. [1] COM(2006) 314 [2] L-aġenda ta’ l-UE għat-trasport tal-merkanzija, COM (2007)606 [3] COM(2006)336. [4] It-12 ta’ Diċembru 2006 [5] P6 TA(2007)0375. [6] TEN/262. [7] COM (2007) 96 finali [8] Direttiva 2004/52/EC. [9] Id-Deċiżjoni 1600/2002/KE. [10] COM(2005) 609. [11] Ir-Regolament 11/60 u d-Direttiva 92/106/KE. [12] Ir-Regolament (KE) 648/2005. [13] Id-Direttiva 96/53/EC. [14] COM (2003) 155 finali