52007DC0554




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 25.9.2007

KUMM(2007) 554 finali

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI

Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan t'Azzjoni "Nippromwovu t-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika" {SEC(2007)1222}

WERREJ

1. DAĦLA 3

2. Il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika; 3

3. Riżultati tal-Pjan ta' Azzjoni - żieda fl-importanza tal-politiki tal-lingwa fuq livell nazzjonali i Ewropew 4

4. Riżultati ewlenin 6

5. Implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni fl-oqsma strateġiċi 8

5.1. Qasam Strateġiku 1: It-Tagħlim tal-Lingwi tul il-Ħajja 8

5.1.1. 'Lingwa nattiva u żewġ lingwi oħra': nibdew minn kmieni 9

5.1.2. It-tagħlim tal-lingwi fl-edukazzjoni u t-taħriġ tas-sekondarja 10

5.1.3. Il-promozzjoni tal-kontenut u t-tagħlim integrat tal-lingwi (CLIL) 11

5.1.4. It-tagħlim tal-lingwi fl-edukazzjoni ogħla 12

5.1.5. It-tagħlim ta' l-adulti 12

5.1.6. Studenti tal-lingwi bi ħtiġijiet speċjali 13

5.1.7. Medda ta' lingwi 13

5.2. Qasam strateġiku 2: Tagħlim Aħjar tal-Lingwi 14

5.2.1. L-iskola li tippromwovi l-lingwi 14

5.2.2. Il-Klassi tal-Lingwi 14

5.2.3. It-taħriġ ta’ l-għalliema tal-lingwa 14

5.2.4. Il-provvista ta' għalliema tal-lingwa 15

5.2.5. L-ittestjar ta’ ħiliet lingwistiċi 16

5.3. Qasam Strateġiku 3: Il-ħolqien ta' ambjent fejn ikun eħfef li tuża l-lingwi. 17

5.3.1. Strateġija inklusiva għad-diversità lingwistika 17

5.3.2. Nibnu komunitajiet fejn ikun eħfef li tuża l-lingwi 18

5.3.3. It-titjib tal-provvista u t-teħid ta’ opportunitajiet għat-tagħlim tal-lingwi 19

5.4. Qafas għall-Progress 19

5.4.1. Deċiżjonijiet aktar infurmati 19

5.4.2. Qsim ta’ tagħrif aktar effettiv bejn il-professjonisti 20

5.4.3. Proċeduri ċari għall-istudju ta’ segwiment tal-Pjan ta’ Azzjoni 20

6. Konklużjoni 20

1. DAĦLA

Il-lingwi qegħdin fil-qalba tal-proġett Ewropew: huma jirriflettu l-kulturi differenti tagħna, u fl-istess ħin, huma essenzjali biex aħna nifhmuhom. Hemm rwol ċar għall-Kummissjoni Ewropea sabiex tappoġġa u tikkumplimenta lill-Istati Membri fil-promozzjoni tagħhom tal-multilingwiżmu: iċ-ċittadini li jitkellmu aktar lingwi jistgħu jiksbu l-benefiċċji kollha tal-moviment ħieles fl-Unjoni Ewropea u jistgħu jintegraw b'mod aktar faċli f'pajjiż ieħor għall-istudju u għax-xogħol. Il-kompetenza lingwistika hija ferm imfittxa fil-kumpaniji u ħiliet lingwistiċi tajbin jgħinu lill-persuni sabiex isibu impjieg. Il-lingwi huma l-għodod bażiċi tal-komunikazzjoni: l-għarfien ta' aktar lingwi jiftaħ il-bibieb għal kulturi oħra, u jtejjeb il-ftehim interkulturali kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll għall-bqija tad-dinja.

Il-multilingwiżmu bħala portafoll fih inniffsu fuq livell Ewropew huwa l-għarfien li l-lingwi huma importanti għaċ-ċittadini u hemm bżonn li wieħed jieħu azzjoni fl-ogħla livell politiku sabiex iġib ir-riżorsi flimkien u jippromwovi l-multilingwiżmu.

Il-promozzjoni tal-multilingwiżmu hija responsabbiltà maqsuma bejn l-Kummissjoni u l-Istati Membri, li diġà ħadu passi sinifikanti sabiex jadattaw il-politiki edukattivi tagħhom sabiex l-istudenti f'kull livell jiġu mgħammra b'ħiliet lingwistiċi aħjar. Dan huwa riżultat ewlieni, li juri li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri qed jaħdmu flimkien lejn għanijiet komuni.

Dan ir-rapport jissottolinea r-riżultati ewlenin ta' l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni "Nippromwovu t-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika 2004-2006", kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew. Huwa jissottolinea x-xejriet kurrenti fir-riforma tas-sistemi edukattivi sabiex jippromovu aħjar it-tagħlim tal-lingwi, jara x'inkiseb fl-aħħar tliet snin u jipprovdi bażi għal aktar azzjoni fil-qasam tal-politika tal-multilingwiżmu.

2. IL-PROMOZZJONI TAT-TAGħLIM TAL-LINGWI U D-DIVERSITÀ LINGWISTIKA;

Il-Kummissjoni Ewropea ilha impenjata fil-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika. L-ewwel programm komprensiv għall-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi, Lingua, daħal fis-seħħ fl-1989 u minn dakinhar kien fil-qalba tal-programmi Ewropej fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ.

Fit-tmiem tas-Sena Ewropea tal-Lingwi, fl-2001, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw reżoluzzjonijiet li jistiednu lill-Kummissjoni sabiex tieħu aktar azzjoni biex tippromwovi l-lingwi. Fil-laqgħa ta' l-2002 f'Barċellona, il-Kapijiet ta' l-Istat u l-Gvern impenjaw ruħhom politikament li jtejbu l-kisbiet bażiċi tal-lingwi, partikolarment bit-tagħlim ta' żewġ lingwi barranin minn età kmieni. Fl-2003 il-Parlament Ewropew adotta rapport ta' inizjattiva li tistieden lill-Kummissjoni biex taħseb f'lingwi reġjonali u anqas użati fil-kuntest tat-tkabbir u d-diversità kulturali.[1]

Il-Pjan ta' Azzjoni "Nippromwovu t-Tagħlim tal-Lingwi u d-Diversità Lingwistika"[2] kien it-tweġiba tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament u ħa kont tar-rispons minn konsultazzjoni wiesgħa li saret bejn l-2002 u l-2003. F'dak iż-żmien, dik li issa hija msejħa "L-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi" kienet fl-ewwel fażi tagħha. It-titjib fit-tagħlim tal-lingwi barranin kien inkluż bħala għan speċifiku ta' "Edukazzjoni u Taħriġ 2010", il-komponent ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istrateġija ta' Liżbona[3]. L-aġenda tiegħu għal perjodu ta' żmien twil kienet li l-politiki Ewropej jiġu indirizzati lejn għanijiet komuni u l-metodu miftuħ ta' koordinament, li jippermetti sħubija mill-qrib ma' l-Istati Membri, li ġabet kooperazzjoni fil-politiki tal-lingwa.

L-ewwel nett, il-komunikazzjoni bil-lingwi barranin hija elenkata bħala waħda mit-tmien kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja fir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006.[4] It-tieni, kooperazzjoni li tat riżultati ġiet żviluppata ma' l-Istati Membri permezz ta' Grupp ta' ħidma fuq il-Lingwi, li jiġbor flimkien uffiċjali għolja responsabbli mill-politiki tal-lingwa fl-Istati Membri. Il-Grupp jiltaqa' regolarment biex jiskambja l-informazzjoni u l-aqwa prattiċi. L-impenn tiegħu kien strumentali fl-insegwiment tal-Pjan ta' Azzjoni fuq livell nazzjonali.

Fuq livell tal-Kummissjoni, iż-żieda fl-importanza tal-politiki tal-lingwa kienet riflessa mill-fatt li l-multilingwiżmu ġie msemmi b'mod espliċitu fil-portafoll tal-Kummissarju Figel fl-2005. Dan wassal għal definizzjoni ta' l-istrateġija għall-multilingwiżmu, li tinkludi azzjoni interna u esterna, stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni " Qafas ta' Strateġija ġdida għall-Multilingwiżmu "[5]. B'mod parallel, il-Kummissjoni bdiet tiżviluppa indikatur għall-kompetenza fil-lingwa kif mitlub fil-Kunsill ta' Barċellona sabiex jimmarka l-kompetenzi ta' l-istudenti f'żewġ lingwi barranin fit-tmiem tal-karriera inizjali tagħhom.[6] Il-multilingwiżmu huwa żona ewlenija fejn l-Ewropa tista' toqrob għall-bżonnijiet taċ-ċittadini. Skond dan, meta l-Kummissarju Orban ħa l-kariga tiegħu f'Jannar 2007, il-multilingwiżmu sar portafoll separat. Bħalissa qed jespandi l-iskop tiegħu lilhinn mit-tagħlim tul il-ħajja, notevolment f'oqsma ta' lingwi u negozju u billi jikkontribwixxi għas-Sena 2008 tad-Djalogu Interkulturali.

3. RIżULTATI TAL-PJAN TA' AZZJONI - żIEDA FL-IMPORTANZA TAL-POLITIKI TAL-LINGWA FUQ LIVELL NAZZJONALI U EWROPEW

Il-Pjan ta' Azzjoni stabbilixxa l-għanijiet ewlenin li jridu jiġu segwiti fi-tliet oqsma strateġiċi: 1. It-tagħlim tal-lingwi tul il-ħajja, 2. Li l-lingwi jiġu mgħallma b'mod aħjar, 3. Il-ħolqien ta' ambjent fejn ikun eħfef li tuża l-lingwi. Ir-raba kapitolu "Qafas għall-Progress", miri għall-iżvilupp ġenerali tal-politika tal-lingwa kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew.

Il-pjan ta' Azzjoni ressaq 47 proposta konkreta għal azzjoni mill-Kummissjoni fi ħdan perjodu fiss ta' żmien (2004-2006) u reviżjoni fl-2007. Huwa stieden ukoll lill-Istati Membri li jieħdu azzjoni lejn l-għanijiet, filwaqt li jagħraf li jkunu diffiċli li jinkisbu fi tliet snin.

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għamlu progress sostanzjali fl-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet imħabbra fil-Pjan ta' Azzjoni. B'konsegwenza ta' dawn l-inizjattivi kollha, il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi, id-diversità lingwistika u l-multilingwiżmu b'mod ġenerali żiedu l-importanza politika b'mod sinifikattiv.

Fuq livell ta' Kummissjoni, l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni żammet l-iffokar fuq il-kwistonijiet ta' multilingwiżmu u mexxiet sforz sostnut għall-promozzjoni tal-lingwi fil-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ.

Fil-qasam tal-politika, dan offra qafas ta' kwistjonijiet strateġiċi għad-diskussjoni u l-kooperazzjoni ma' l-Istati Membri u ppermetta skambjar iffokat ta' prattiċi tajba u iffokar tax-xogħol għall-kisba ta' riżultati tajbin. L-istudji, il-konferenzi, is-seminars u l-inizjattivi ta' informazzjoni proposti bil-Pjan ta' Azzjoni u mwettaq mill-Kummissjoni mexxew id-diskussjoni fost dawk li jfasslu u jimplimentaw il-politika u għenu sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet ewlenin tal-lingwa u appoġġaw it-tfassil tal-politika u l-kwalità tat-tagħlim tal-lingwi.

Fuq livell ta' programm, il-Pjan ta' Azzjoni għamel sejħa għal użu strateġiku tal-programmi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jiġi sfruttuat l-appoġġ tagħhom għall-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika. L-istabbiliment tal-prijoritajiet u s-sejħa għal azzjonijiet speċifiċi ta' informazzjoni wasslu għal riżultati impressjonanti: il-Programmi Socrates u Leonardo investew kważi 150 miljun euro f'azzjonijiet b'għan speċifiku tat-tagħlim tal-lingwi fl-2004-2006, żieda ta' 66% meta kkumparat ma' l-2000-2002.

Fuq livell nazzjonali, il-Pjan ta' Azzjoni intuża bħala qafas għall-azzjoni. Xejra lejn ir-riforma tas-sistemi edukattivi biex jikkonformaw mal-prinċipju ta' "lingwa nattiva u żewġ linwgi oħra" imħabbar f'Barċellona kienet diġà tidher f'numru ta' Stati Membri, għalkemm xi uħud minnhom irrappurtaw li l-Pjan ta' Azzjoni influwenza d-deċiżjonijiet tagħhom li jniedu riformi. L-impatt ewlieni tal-Pjan ta' Azzjoni fuq livell nazzjonali jien li jorjenta u jappoġġa l-politiki nazzjonali biex jieħdu azzjoni fl-oqsma strateġiċi sabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni u fuq il-linji mfassla hemmhekk. Wara tliet snin, il-ħarsa ġenerali lejn il-politiki nazzjonali tal-lingwa tidher aktar konsistenti: hemm konsensus ġenerali fuq kwistjonijiet bażiċi bħall-importanza tal-lingwi bħala kompetenza fil-perspettiva tat-tagħlim tul il-ħajja, il-bżonn li l-istudenti jiġu mgħallma żewġ lingwi fl-edukazzjoni inizjali, u l-bżonn tat-tagħlim tal-lingwi ta' kwalità u valutazzjoni trasparenti. Għalkemm il-pajjiżi ma bdewx mill-istess livell, u lanqas ma' ħadu azzjoni bl-istess pass, ir-riformi kienu prinċipalment iffokati fuq iż-żoni li ġejjin:

- Reviżjoni tas-sistema edukattiva kollha fid-dawl ta' l-istrateġija tat-tagħlim tal-lingwi tul il-ħajja;

- Introduzzjoni tat-tagħlim tal-lingwi kmieni fil-primarja u kultant fl-edukazzjoni ta' qabel il-primarja;

- Introduzzjoni ta' xi CLIL[7] (tagħlim integrat tal-kontenut u l-lingwa) fil-kurrikuli;

- Żieda fl-offertà tal-lingwi fil-livell sekondarju;

- Żieda fl-investiment fit-taħriġ ta' l-għalliema tal-lingwi;

- Reviżjoni tal-kurrikuli, eżaminazzjoni u ċertifikati sabiex jallinjawhom mal-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi;

- L-użu tal-programmi u l-għodod Ewropej żviluppati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill ta' l-Ewropa sabiex jirrevedi s-sistemi edukattivi nazzjonali, jiżviluppa materjali u testijiet tal-lingwa adatti, u jippromwovu taħriġ għall-għalliema tal-lingwi fl-iskejjel u kooperazzjoni Ewropea bejn l-iskejjel.

4. RIżULTATI EWLENIN

Il-Pjan ta' Azzjoni sejjaħ għal 47 azzjoni li trid titwettaq sabiex timplimenta l-għanijiet ta' politika fuq livell ta' Kummissjoni, filwaqt li jittieħed kont tal-kompetenzi tal-Kummissjoni u l-baġit disponibbli. Il-Kummissjoni kisbet riżultati kważi f'kull wieħed minnhom. Mill-47 azzjoni, 51 se jitlestew sat-tmiem ta' l-2007 (33 diġà tlestew u 8 oħra jiġu finalizzati sat-tmiem ta' l-2007), 5 se jiġu implimentati permezz tal-Programm tat-Tagħlim tul il-Ħajja (LLP) (2007-2013). Wieħed ġie kanċellat imma adottat parzjalment f'sezzjoni oħra.

L-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni f'termini konkreti wasslet għal:

- Bini mill-ġdid tal-paġni tal-lingwi fuq il-websajt Europa (I.4.1[8]), bħala portal ta' informazzjoni u riżorsi tal-lingwi speċjalment immirati lejn l-adulti u l-għalliema tal-lingwi, flimkien ma' inizjattivi ta' l-informazzjoni mwettqa fuq livell nazzjonali sabiex jippromwovu t-tagħlim tal-lingwi u l-mobbiltà barra l-pajjiż (II.3.1 u III.3.2). Il-bżonn rikonoxxut li titqajjem kuxjenza tal-vantaġġi tat-tagħlim tal-lingwi fost il-pubbliku ġenerali wassal għall-ħolqien ta' baġit annwali għall-kampanji ta' informazzjoni fuq il-lingwi fi ħdan il-Programm tat-Tagħlim tul il-Ħajja (IV.3.1).

- 13-il studju madwar l-Ewropa (10 lesti u 3 kważi lesti) sabiex jiġu stabbiliti l-kuntest, identifikati l-preċedenti, prattiċi tajba u metodoloġija innovattiva dwar fatturi speċifiċi tal-lingwa. Dawn jinkludu " Profil Ewropew għall-Edukazzjoni ta' l-Għalliema tal-Lingwi fl-Ewropa " innovattiv (II.3.2); "Bżonnijiet edukazzjonali speċjali fl-Ewropa – it-tagħlim tal-lingwi" (I.5.1), "Lingo: 50 mod kif timmotiva lil dawk li qed jitgħallmu lingwa" (IV.1.2) u L-effett fuq l-Ekonomija Ewropea tan-Nuqqasijiet fil-Ħiliet ta' Lingwi Barranin fl-Intrapriża" (IV.1.3). L-istudju ta' l-aħħar huwa l-ewwel pass għall-estensjoni tal-politka tal-multilingwiżmu għall-bżonnijiet tan-negozju. Fil-21 ta' Settembru 2007, Konferenza dwar in-Negozju, il-Lingwi u l-Ħiliet Interkulturali se tiddiskuti l-kwistjoni tal-lingwi bħala saħħa kompetittiva għall-Ewropa.

- 6 konferenzi u seminars Ewropej fuq il-lingwi. Dawn jinkludu l-Konferenza Ewropea dwar it-tagħlim integrat tal-kontenut u l-lingwa (CLIL) fl-2005 (I.2.6), matul il-presidenza tal-Lussemburgu, fejn għall-ewwel darba is-CLIL ġibed l-attenzjoni ta' dawk li jfasslu l-politika fl-Ewropa, u l-Konferenza Ewropea dwar il-Lingwi Reġjonali u tal-Minoritajiet fis-Sistemi Edukattivi (III.1.1), li ġabret il-partijiet interessati minn madwar l-Ewropa biex jiskambjaw prattiċi fuq il-mod kif il-lingwi reġjonali u tal-minoritajiet jistgħu jiġu mgħallma b'suċċess lil ġenerazzjonijiet ġodda.

- 17-il azzjoni fuq livell ta' programm biex tittejjeb il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi permezz tal-programmi Ewropej. Il-Programmi Socrates u Leonardo kienu l-programmi ewlenin involuti, imma Town-Twinning, E-Learning, Culture, Youth u l-Programmi Qafas għar-Riċerka kkontribwew ukoll, fejn prijoritajiet għall-attivitajiet li jimmiraw il-lingwi kienu inklużi flimkien ma' żieda fl-appoġġ għall-preparazzjoni fil-lingwi qabel il-mobilità. 13 minn dawn l-azzjonijiet ġew mitmuma b'suċċess, tnejn kważi lesti u tnejn mexjin b'pass tajjeb. Aktar minn hekk, dawn l-azzjoni ikollhom effett li jdum rigward il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi għall-2007-2013 (Programmi ta' Tagħlim tul il-Ħajja, Kultura, Żgħażagħ Attivi, L-Ewropa għaċ-Ċittadini) se jagħtu aktar enfasi lill-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika.

- L-aħħar u mhux l-anqas, il-bżonn rikonoxxut li titqajjem kuxjenza tal-vantaġġi tat-tagħlim tal-lingwi fost il-pubbliku ġenerali wassal għall-ħolqien ta' baġit annwali għall-kampanji ta' informazzjoni fuq il-lingwi fi ħdan il-Programm tat-Tagħlim tul il-Ħajja (LLP) (IV.3.1).

Meta mqabbel mas-snin 2000-2002, il-Programmi Socrates u Leonardo investew 66% aktar azzjonijiet ma' għan speċifiku għat-tagħlim tal-lingwa: is-sehem tagħhom tal-baġit żdied minn €30 miljun għal kważi €50 miljun fis-sena fil-perjodu 2004-2006.

Fl-2004-2006, il-Programmi Socrates u Leonardo appoġġaw:

- 2951 proġett tal-lingwa fl-iskejjel (b'żieda ta' 84% meta mqabbel mal-perjodu 2000-2002);

- 3957 apprentistat fil-lingwi (żieda ta' 62%);

- 9434 student ta' l-Erasmus attendew korsijiet intensivi ta' preparazzjoni lingwistika (żieda ta' 160%);

- 300 adult fis-sħubiji edukattivi tat-tagħlim (żieda ta' 689%);

- 765 għotja għal taħriġ fis-servizz għal għalliema ta' lingwi barranin fil-qasam ta' l-edukazzjoni ta' l-adulti (azzjoni ġdida);

- 1820 għotja ta' taħriġ fis-servizz għal għalliema tal-lingwa fl-edukazzjoni vokazzjonali (żieda ta' 143%);

- 41 proġett Lingua għall-iżvilupp ta' għodod ġodda għat-tagħlim jew testjar tal-lingwi (żieda ta' 24%);

- 39 proġett Lingua sabiex jippromwovi kuxjenza tal-benefiċċji tat-tagħlim tal-lingwi u jġib eqreb l-opportunitajiet tat-tagħlim tal-lingwi lejn iċ-ċittadini (żieda ta' 160%).

Dawn ir-riżultanti huma inkoraġġanti. Madankollu, xi partijiet tal-programmi jistgħu jmorru aħjar: per eżempju, in-numru ta' proġetti tal-lingwi għall-iżvilupp ta' materjal ġdid għall-għalliema biex jgħallmu l-lingwi f'Comenius, Grundtvig u Leonardo ma żdiedx b'mod konsistenti fis-setturi kollha, u lanqas in-numru ta' studenti involuti fil-proġetti tal-lingwa fl-iskejjel u n-numru ta' għalliema tal-lingwa li rċevew għotja ta' taħriġ. Studju riċenti wera li l-parteċipanti fil-proġetti Comenius ma tejbux il-ħiliet tagħhom fil-lingwi, imma biss fl-Ingliż. L-istess jista' jingħad għall-għotjiet ta' taħriġ fis-servizz taħt Comenius, li l-aktar kienu għal taħriġ fl-Ingliż, u għalhekk ma jirriflettux il-politika ta' promozzjoni tad-diversità lingwistika u ż-żieda ta' lingwi offruti.

L-informazzjoni dwar l-inizjattivi li saru fuq livell nazzjonali hija bbażata fuq ir-rapporti nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni mill-Istati Membri fuq l-insegwiment tal-Pjan t'Azzjoni fl-aħħar ta' l-2006 (IV.1.1). 20 Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju – il-Komunità li titkellem bl-Olandiż, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, l-Olanda, in-Norveġja, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit) abbozzaw rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-Pjan ta' Azzjoni u oħrajn trażmettew informazzjoni parzjali (Ċipru, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija). Dawn is-sorsi ġew analizzati għall-Kummissjoni minn konsulent estern, li produċa rapport li juri x-xejriet ewlenin ta' politika fl-Istati Membri flimkien ma' għażla ta' prattiċi tajba. Ir-rapport indipendenti ġie diskuss mill-Grupp ta' Ħidma dwar il-Lingwi, li kkontribwixxa informazzjoni kumplimentarja. L-għażla ta' prattiċi tajba ppreżentata fid-dokument preżenti hija bbażata fuq dan ix-xogħol. Hija demostrattiva u mhix eżawrjenti: Din tagħti indikazzjoni tal-grad u t-tip ta' azzjonijiet meħuda fuq livell nazzjonali.

5. IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJAN TA' AZZJONI FL-OQSMA STRATEġIċI

L-erba' sezzjonijiet li ġejjin, li jsegwu l-istruttura tal-Pjan ta' Azzjoni (tliet oqsma strateġiċi flimkien ma' qafas għall-progress), taw deskrizzjoni ċara tar-riżultati ta' kull waħda mill-47 azzjoni, li huma ċitati fil-parenteżi fit-test. Karta tal-Ħidma tal-Personell tal-Kummissjoni kumplimentarja tippreżenta t-tabelli li juru l-istatus ta' l-azzjonijiet u telenka dak li għandu jinkiseb, is-sorsi ta' informazzjoni u websajts rilevanti.

5.1. Qasam Strateġiku 1: It-Tagħlim tal-Lingwi tul il-Ħajja

Il-Pjan ta' Azzjoni qiegħed it-tagħlim tal-lingwa fi ħdan perspettiva tat-tagħlim tul il-ħajja u sejjaħ għal azzjoni xierqa biex tadatta strateġija simili. Fuq livell nazzjonali, xi pajjiżi irriformaw is-sistemi tagħhom fuq dawn il-linji billi stabilixxew tkomplija bejn il-livelli differenti ta' edukazzjoni u billi fasslu sistemi ta' valutazzjoni biex jevalwaw il-kompetenzi parzjali biex jippermettu d-dħul mill-ġdid fl-edukazzjoni fi stadju aktar tard.

L-Awstrija: Il-Kumitat tal-Lingwi

L-Awstrija bħalissa qed tuża l-Profil tal-Pajjiż tal-Kunsill ta' l-Ewropa biex tevalwa l-politika dwar it-tagħlim tal-lingwi qabel ma tagħmel riformi. Kumitat tal-Lingwi, kompost mill-partijiet interessati fl-edukazzjoni u li jinkludi sieħba soċjali, qed iħares lejn is-suġġetti kollha relatati mal-multilingwiżmu u jikkoordina l-implimentazzjoni ta' l-għanijiet ta' Liżbona u inizjattivi oħra Ewropej fil-qasam tal-lingwi, bħall-Pjan ta' Azzjoni.

Il-Bulgarija: Ir-Riforma Nazzjonali

It-tagħlim tal-lingwi huwa parti integrali mill-aħħar riforma edukazzjonali nazzjonali adottata mill-parlament fl-2006. L-għan huwa li tbiddel l-istruttura tas-sistema edukattiva billi jiġi introdott it-tagħlim ta' żewġ lingwi barranin fl-iskejjel kollha u sena ta' tagħlim intensiv tal-lingwi għall-istudenti kollha fit-tmien sena.

Il-Finlandja: Politiki Edukattivi tal-Lingwa fil-Finlandja

Il-gvern qed jappoġġa proġett sabiex jeżamina l-prinċipji bażiċi u l-għanijiet tal-politiki edukattivi għal-lingwi mill-angolu tal-multilingwiżmu, it-tagħlim tul il-ħajja u l-integrazzjoni Ewropea. Ir-rakkomandazzjonijiet finali bħalissa qed jiġu kkunsidrati bil-għan li tittejjeb is-sistema edukattiva.[9]

L-Ungerija: il-Programm tal-Lingwa Dinjija

Strateġija komprensiva għall-iżvilupp tat-tagħlim tal-lingwi barranin ġie mniedi mill-gvern taħt l-isem "Programm ta' Lingwa Dinjija". Il-Miżuri jinkludu: aktar finanzjar għall-proġetti fl-iskejjel li jimmiraw aspetti varji tat-tagħlim tal-lingwi; l-introduzzjoni tas-Sena tat-Tagħlim Intensiv tal-Lingwi fit-tmiem ta' l-edukazzjoni obbligatorja, fejn għall-anqas 40% tal-kurrikulu huwa dedikat għat-tagħlim tal-lingwi. eżamijiet ġodda għat-tluq mill-iskola; u għadd ta' linji gwida u rakkomandazzjonijiet.

Il-Lussemburgu: Aġġustar mill-ġdid għat-tagħlim tal-lingwi

Fl-2005-2006, il-Lussemburgu evalwa l-politika tiegħu tal-lingwa permezz tal-Profil tal-Pajjiż tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u t-taħriġ Vokazzjonali imbagħad fassal pjan ta' azzjoni nazzjonali 2007-2009 “Plan de réajustement de l’enseignement des langues” b'66 punt ta' azzjoni li jkopru l-aspetti kollha tat-tagħlim u l-valutazzjoni tal-lingwa mill-iskola għat-tfal żgħar sat-tmiem ta' l-iskola sekondarja, filwaqt li jikkunsidra l-lingwi tal-komunitajiet migranti.

Ir-Renju Unit: it-tagħlim tal-lingwi f'kull età

L-Istrateġija Nazzjonali għal-Lingwi ilha topera fl-Ingilterra mill-2003. L-Istrateġija tinkludi t-tagħlim tal-lingwi f'kull età u f'kull livell minn tfal żgħar sa adulti u universitajiet. Din għandha tliet għanijiet ġenerali: li jittejjeb it-tagħlim tal-lingwi; l-introduzzjoni ta' sistema ta' għarfien; u li jiżdied in-numru ta' persuni li jistudjaw il-lingwi fl-edukazzjoni għolja u f'tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol. Fuq livell ta' Komunità, il-programmi fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ żiedu l-appoġġ tagħhom għall-preparazzjoni lingwistika tal-persuni li jipparteċipaw fl-attivitajiet ta' mobilità (I.0.1): in-numru ta' dawk li preparaw ruħhom lingwistikament taħt Comenius irdoppja (tagħlim għal min jgħallem); taħt l-Erasmus, in-numru ta' studenti li pparteċipaw f'Korsijiet Intensivi tal-Lingwa żdied bi kważi 40%; u l-Programm Leonardo nefaq €15.6 miljun għal appoġġ lingwistiku u tħejjija kulturali għal 175 000 studenti u ħaddiema żgħażagħ li ġew ippustjati barra l-pajjiż, żieda ta' 77% meta kkumparat ma' l-2000-2002. Fil-Programm tat-Tagħlim tul il-Ħajja (LLP), l-appoġġ għall-preparazzjoni lingwistika ġie estiż għat-tipi kollha ta' mobbiltà.

5.1.1. 'Lingwa nattiva u żewġ lingwi oħra': nibdew minn kmieni

Matul l-aħħar erba' snin, il-parti l-kbira ta' l-Istati Membri rriformaw l-edukazzjoni primarja tagħhom (u f'xi każijiet dik ta' qabel il-primarja) sabiex jibdew jgħallmu lingwa barranija qabel. Ix-xejra hi li tinbeda t-tieni lingwa (kemm jekk barranija jew ta' minorità jew lingwa bi status ko-uffiċjali) qabel, ġeneralment fl-ewwel tliet snin ta' l-edukazzoni primarja.

Il-problema ewlenija fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi hija n-nuqqas ta' għalliema tal-lingwi mħarrġa sewwa, kemm għalliema ġenerali kif ukoll speċjalisti. F'xi pajjiżi, il-bidu kmieni huwa kkumplimentat b'teħid kmieni tat-tieni lingwa barranija (fl-aħħar snin ta' l-edukazzjoni primarja jew fil-bidu ta' l-edukazzjoni sekondarja). Arranġamenti simili għandhom jiġi nkuraġġiti u implimentati b'mod aktar miftuħ.

Sabiex titrawwem l-introduzzjoni tat-tagħlim tal-lingwi minn kmieni, il-Kummissjoni ffinanzjat studji dwar "Il-prinċipji pedagoġiċi ewlenin wara t-tagħlim tal-lingwi lil studenti żgħar fl-età" (I.1.1). L-istudju għaraf ir-rwol ċentrali ta' l-għalliema fit-tagħlim bikri tal-lingwi u rrakkomanda t-tixrid ta' l-informazzjoni tas-sejbiet tar-riċerka lill-prattikanti, l-iżvilup ta' metodoloġiji u strumenti biex jevalwaw u jeżaminaw il-kompetenzi tat-tfal u appoġġ għall-bidu tat-tieni lingwa barranija fl-iskola primarja.

Rigward l-informazzjoni u l-attivitajiet ta' netwerking, il-Kumissjoni produċiet fuljett għall-ġenituri dwar il-benefiċċji tat-tagħlim tal-lingwi, li jimmira lill-ġenituri bħala prijorità fil-kampanja ta' informazzjoni appoġġata mill-LLP (I.1.2). Huwa appoġġa wkoll seminar għall-prattikanti biex jippreżenta r-riżultati ta' l-istudju msemmi hawn fuq. Sabiex jinkoraġġixxi netwerking bejn l-organizzazzjonijiet li jaħdmu f'dan il-qasam, it-tagħlim bikri tal-lingwi jkun prijorità għal Comenius u netwerks Ewlenin Attivi tal-Lingwi fl-2007 (I.1.3).

Il-Programm Socrates appoġġa it-tagħlim kmieni tal-lingwi u taħriġ relatat għall-għalliema billi ffinanzja 11-il proġett Lingua (I.1.4) u billi ta kważi 4000 apprentistat għal-lingwi (żieda ta' 13%), b'numru ta' skejjel primarji u pre-primarji ukoll (I.1.5). L-Iskejjel primarji u pre-primarji se jiġi nkuraġġiti wkoll li jospitaw assistent tal-lingwa taħt l-LLP.

5.1.2. It-tagħlim tal-lingwi fl-edukazzjoni u t-taħriġ tas-sekondarja

Il-Pjan ta' Azzjoni stieden lill-Istati Membri li jsegwu l-impenn tagħhom li jagħtu lill-istudenti l-opportunità li jistudjaw għall-anqas żewġ lingwi barranin, bl-enfasi fuq il-kapaċità effettiva komunikattiva, il-kapaċità li jitgħallmu l-lingwi u l-kompetenzi interkulturali.

L-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, is-Slovenja u Spanja: Sezzjonijiet Ewropej / struzzjoni bilingwi

Xi pajjiżi introduċew "Sezzjonijiet Ewropej", fejn jiġu mgħallma aktar lingwi, anke permezz tas-CLIL, u attenzjoni speċjali qed tingħata lill-kooperazzjoni Ewropea u l-edukazzjoni interkulturali. Inizjattivi simili spiss huma skemi pilota bil-għan li jsiru parti mill-edukazzjoni prinċipali.

Il-Greċja: strateġija multi-tematika għal-lingwi

B'riżultat tar-riforma tal-kurrikuli ta' l-iskejjel primarji u sekondarja, it-tagħlim tal-lingwa għandu dimensjoni orizzontali li tinvolvi aktar kooperazzjoni bit-tagħlim tal-lingwa nattiva u suġġetti oħra. Attenzjoni partikolari qed tingħata sabiex titqajjem kuxjenza tad-diversità lingwistika u kulturali u l-iżvilupp tal-ħiliet interkulturali.

Il-Ġermanja, l-Olanda, Franza, il-Finlandja u l-Awstrija: CertiLingua, it-"Tabella Ewropea ta' l-eċċellenza fil-plurilingwiżmu, kompetenzi Ewropej u internazzjonali'

CertiLingua hija intenzjonata bħala suppliment għaċ-ċertifikati fit-tmiem ta' l-iskola biex tindika livell ta' eċċellenza fil-multilingwiżmu, kompetenzi Ewropej u internazzjonali miksuba mill-istudenti f'għall-anqas żewġ lingwi barranin. L-iskejjel li joffru ċ-CertiLingua joffru għall-anqas suġġett wieħed permezz tas-CLIL u jimmiraw li jiżviluppaw il-kompetenzi interkulturali ta' l-istudenti permezz ta' xogħol fi proġetti Ewopej u internazzjonali. L-inizjattiva CertiLingua bdiet minn kooperazzjoni trans-konfinali bejn l-iskejjel Ġermaniżi u Olandiżi u bil-mod qed tiġi estiża għal pajjiżi oħra. Għandha l-għan li żżid it-trasparenza tal-ħiliet lingwistiċi u interkulturali miksuba mill-istudenti billi tipprovdi tabella ta' kwalità ta' eċċellenza rikonoxxuta f'pajjiżi differenti.[10]

Il-Kummissjoni appoġġat l-isforzi ta' l-Istati Membru billi żiedet il-possibbiltajiet għal skejjel minn pajjiżi differenti biex jitgħallmu l-lingwi flimkien u biex jiżviluppaw aktar il-kompetenzi interkulturali u li jifhmu għadd ta' lingwi:

In-numru ta' proġetti tal-lingwa ta' l-iskejjel taħt Comenius żdiedu, jakkontaw għal 19% tal-baġit allokat għall-proġetti Comenius fl-iskejjel (għalkemm il-Pjan ta' Azzjoni rrakkomanda 25%). Aktar minn hekk, 2 951 proġetti konġunti tal-lingwi li involvew 53 118-il student u 8 853 għalliem ipparteċipaw fi skambji tal-klassijiet bejn l-2004-2006 (I.2.1). L-LLP bħalissa għandu l-għan li jikseb il-mira rakkomandata mill-Pjan ta' Azzjoni.

Studju tal-ħiliet lingwistiċi u interkulturali relevanti għal kull stadju ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ (I.2.2) se jintemm sa l-aħħar ta' l-2007. Dan se joffri suġġerimenti dwar kif jista' jittejjeb it-tagħlim kurrenti tal-lingwi għall-iżvilupp tal-ħiliet interkulturali u dwar kif jiġu speċifikati għanijiet adatti għall-kompetenzi interkulturali għall-istudenti tal-primarja u s-sekondarja. 14-il proġett u 2 netwerks għall-iżvilupp tal-materjali tat-taħriġ biex jippromwovu l-istrateġiji għall-multilingwiżmu ġew finanzjati taħt Comenius (I.2.3)

5.1.3. Il-promozzjoni tal-kontenut u t-tagħlim integrat tal-lingwi (CLIL)

Is-CLIL qiegħed jiġi użat dejjem aktar fil-klassijiet Ewropej u huwa meqjus bħala mod effettiv sabiex jissaħħu l-ħiliet tal-komunikazzjoni u jiġu mmotivati l-istudenti.

Aktar żvilupp tal-materjali tat-tagħlim tas-CLIL kien appoġġat permezz ta' 4 proġetti Lingua (I.2.4), u proġetti Comenius fl-iskejjel li ħadmu fuq strateġiji CLIL ħadu prijorità (I.2.5). L-LLP jkompli jagħti prijorità lis-sħubiji fl-iskejjel li jippromwovi t-tagħlim bikri tal-lingwi, multilingwaliżmu u s-CLIL.

Simposju Ewropew dwar "Il-Klassi Ewropea li qed Tinbidel - il-Potenzjali ta' l-Edukazzjoni Plurilingwali" (I.2.6) sar fil-Lussemburgu f'Marzu 2005, b'kooperazzjoni mal-presidenza Lussemburgiża, li rrapporta dwar il-konklużjonijiet tiegħu lill-Kunsill ta' l-Edukazzjoni f'Mejju 2005. Is-Simposju fakkar il-bżonn li jiġi żgurat li l-istudenti jingħataw is-CLIL f'livell differenti ta' l-edukazzjoni sekondarja. Ġie enfasizzat ukoll li l-għalliema għandhom jirċievu taħriġ speċjali fis-CLIL.

Fl-2006, in-netwerk Eurydice ippubblikat servej dwar "it-Tagħlim Integrat tal-Kontenut u l-Lingwa (CLIL) fl-iskejjel fl-Ewropa" (I.2.7), li stabilixxa l-fatturi ewlenin tat-tagħlim CLIL fil-pajjiżi Ewropej. Filwaqt li l-interess fis-CLIL qed jikber, huma biss minorità ta' l-istudenti li huma involuti bħalissa, bis-sitwazzjoni tvarja minn pajjiż għal ieħor. Servej partikolari wera li jekk id-dispożizzjoni tas-CLIL għandha tiġi ġeneralizzata, trid tiġi appoġġata fil-parti l-kbira tal-pajjiżi bi sforz sinifikanti fit-taħriġ ta' l-għalliema. Qasam ieħor li jitlob aktar xogħol huwa l-evalwazzjoni: minħabba li s-CLIL għadha fl-istadji inizjali fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, l-evalwazzjoni tal-prattiċi tas-CLIL mhix mifruxa.

5.1.4. It-tagħlim tal-lingwi fl-edukazzjoni ogħla

Il-Pjan ta' Azzjoni għamel sejħa għal politika tal-lingwa koerenti biex tiġi stabbilita minn kull università, sabiex trawwem it-tagħlim tal-lingwi għall-istudenti kollha u toffrilhom il-possibbiltà li jistudjaw barra.

Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija: edukazzjoni universitarja multidixxiplinarja

Fil-Belġju (Il-Komunità li titkellem bl-Olandiż), ir-Repubblika Ċeka u r-Rumanija xi universitajiet offrew programm għal baċellerat fix-xjenzi naturali, l-istorja u l-ġografija bi studju sekondarju fil-lingwi barranin, li f'xi każijiet iwassal għal grad doppju. Din il-kombinazzjoni ta' dixxiplini differenti żżid il-kompetenzi fil-lingwa u għandha tipprepara għalliema futuri tas-CLIL .

Il-Kummissjoni żiedet in-numru ta' Korsijiet Intensivi tal-Lingwa Erasmus (EILC) disponibbli biex ikopru 6.4% ta' l-istudenti li jsiefru (għalkemm il-mira tal-Pjan ta' Azzjoni kienet 10% (I.3.1). Dan il-perċentwali jvarja ferm minn pajjiż għal ieħor: L-universitajiet Sloveni u Torok attiraw interess konsiderevoli fil-Korsijiet Intensivi tal-Lingwa Erasmus, li involvew aktar minn 35% ta' l-istudenti li waslu, filwaqt li l-Universitajiet Ċeki, Estonjani, Finlandiżi, Ġermaniżi, Ungeriżi u Norveġiżi kellhom rata ta' parteċipazzjoni ta' aktar minn 10%. B'kollox, kważi 10 000 student ibbenefikaw mill-Korsijiet Intensivi tal-Lingwa Erasmus bejn l-2004-2006. Id-dispożizzjoni ta' l-EILC ġiet imsaħħa aktar fl-LLP, għalkemm hemm bżonn ta' aktar azzjoni fuq livell ta' università għall-promozzjoni tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti bħala t-tieni lingwa għall-istudenti li deħlin.

Rigward il-kooperazzjoni internazzjonali fost istituzzjonijiet ogħla ta' l-edukazzjoni, il-programm Erasmus Mundus jappoġġa programmi konġunti ta' master fi Stati Membri differenti fejn studenti li ġejjin minn pajjiż mhux fl-UE jistgħu jitgħallmu għall-anqas żewġ lingwi Ewropej differenti. Fis-snin 2004-2006, 2325 student minn barra l-UE rċevew appoġġ biex jistudjaw għal 57 grad differenti ta' masterm inkluż 3 fil-lingwistika u suġġetti relatati mal-lingwa. Il-programm Tempus jappoġġa l-kooperazzjoni fost l-universitajiet ta' l-UE u 26 pajjiż sieħba bil-Balkani tal-Punent, l-Ewropa tal-Lvant, l-Asja Ċentrali, l-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Nofsani, sabiex jiffaċilita l-modernizzazzjoni ta' l-università, tagħlim reċiproku bejn ir-reġjuni u l-popli u ftehim bejn il-kulturi. It-taħriġ lingwistiku normalment huwa parti minn proġetti simili. Il-programmi ta' kooperazzjoni ma' l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, l-Awstalja u New Zealand ukoll appoġġaw 6 proġetti għall-iżvilupp tal-kurrikuli tal-lingwi.

5.1.5. It-tagħlim ta' l-adulti

Il-Pjan ta' azzjoni għamel sejħa għal disponibilità ta' lingwi għall-adulti li wieħed ikun jista' jiflaħ għaliha, pereżempju fit-taħriġ li jsir fi ħdan il-kumpaniji, korsijiet ta' edukazzjoni għall-adulti jew tagħlim informali marbut ma' attivitajiet kulturali.

Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka: Vouchers tal-lingwi u risorsi tal-lingwi fuq l-internet

Li wieħed jattendi korsijiet tal-lingwa mhux sempliċement kwistjoni ta' biżżejjed motivazzjoni u ħin, iżda wkoll ta' riżorsi ekonomiċi. Biex jitħeġġeġ it-tagħlim tul il-ħajja, il-Belġju u r-Repubblika Ċeka qed jintroduċu sistemi ta' 'vouchers' li huma kkofinanzjati mill-istat, minn min iħaddem u l-utenti u hemm rapporti li kien hemm żieda sinifikanti tad-domanda għall-korsijiet tal-lingwa fost l-adulti.

Is-siti fuq l-internet huma wieħed mill-modi ta' kif jinġib 'il quddiem it-tagħlim fost l-adulti. Fil-Belġju, “Word wat je wil"[11] hija database li fiha, fost ħwejjeġ oħra, il-korsijiet kollha uffiċjali u privati. Fir-Repubblika Ċeka, qed tiġi żviluppata fil-preżent "National Language Gateway". Dan is-sit se joffri korsijiet tal-lingwa on-line, mingħajr ħlas, li huma konformi mas-CEFR.

L-Irlanda, is-Slovenja u Spanja: opportunitajiet ta' tagħlim tal-lingwa għall-adulti

Fl-Irlanda u s-Slovenja kien hemm dan l-aħħar livell għoli ta' domanda fost l-istudenti adulti għal opportunitajiet ta' tagħlim tal-lingwi, u kien hemm bosta inizjattivi lokali biex tintlaħaq din id-domanda permezz ta' netwerk ta' libreriji, għaqdiet kulturali, klabbs tal-lingwi u edukazzjoni għall-adulti.

L-iskejjel tal-lingwi għall-adulti ilhom karatteristika tas-sistema edukattiva Spanjola għal ħafna snin, kemm fil-livell reġjonali kif ukoll dak nazzjonali. Dawn joffru, fuq bażi ta' netwerk, 20 lingwa differenti fuq livell bażiku u intermedju li huma konformi mas-CEFR u taw prova li huma finanzjarjament vijabbli.

Biex tħeġġeġ aktar tagħlim tal-lingwi mill-adulti, il-Kummissjoni qed tiżviluppa web portal (I.4.1) li jipprovdi aċċess faċli għal riżorsi ta' informazzjoni u gwida għall-pubbliku inġenerali u għall-professjonisti fil-qasam lingwistiku.

5.1.6. Studenti tal-lingwi bi ħtiġijiet speċjali

It-tagħlim tal-lingwi issa qed jibda iktar kmieni u jinsab fil-kurrikulu ewlieni ta' l-edukazzjoni obbligatorja fil-biċċa 'l kbira ta' l-Istati Membri, iżda jeħtieġ li jitqiesu wkoll l-istudenti bi ħtiġijiet speċjali. Il-Kummissjoni ffinanzjat studju dwar "Ħtiġijiet edukattivi speċjali fl-Ewropa, it-tagħlim u l-istudju tal-lingwi" (I.5.1), li l-konklużjoni tiegħu kienet li m'hemm ebda evidenza biex jitħallew barra l-istudenti bi ħtiġjiet speċjali milli jitgħallmu l-lingwi, u enfasizza li t-tagħlim tal-lingwi jmur lilhinn mir-rendiment komunikattiv u l-iżvilupp personali u edukattiv imtejjeb, għaliex jiġbor fih valuri ta' ċittadinanza Ewropea. L-istudju ta ħarsa lejn il-prassi tat-tagħlim u rrakkomanda li jittieħed każ ta' l-istudenti bi bżonnijiet speċjali permezz ta' pjanijiet edukattivi individwali u tagħlim b'aktar minn għalliem wieħed (l-għalliem tal-lingwa u l-għalliem ta' studenti bi bzonnijiet speċjali) u li jiġi pprovvdut taħriġ xieraq għall-għalliema bħala parti mit-taħriġ ġenerali għall-għalliema prospettivi.

L-Awstrija u l-Estonja: Il-lingwa bis-sinjali kisbet għarfien bħala Lingwa Minoritarja

F'dawn iż-żewġ pajjiżi, il-lingwa bis-sinjali dan l-aħħar kisbet għarfien bħala lingwa minoritarja/uffiċjali. Wara l-għarfien uffiċjali saru programmi ta' riċerka, ingħata appoġġ għal ċentru għall-kwalifiki professjonali u tnedew korsijiet għall-edukazzjoni ta' għalliema tal-lingwa bis-sinjali.

5.1.7. Medda ta' lingwi

L-Istati Membri ġew mistiedna jgħallmu l-aktar medda wiesgħa possibbli ta' lingwi, fil-livelli edukattivi kollha. Il-medda ta' lingwi li ġew offruti hija mqassma b'mod irregolari. Minn naħa, xi Stati Membri joffru medda limitata ħafna ta' lingwi (l-aktar l-Ingliż, b'xi ftit lingwi oħra f'kurrikula speċifiċi f'żoni fuq il-fruntiera jew għall-komunitajiet migranti). Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri li joffru għażla ħielsa ta' lingwi jibagħtu rapporti li hemm diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta' din il-politika fl-iskejjel. Il-Familji ta' spiss ma jagħrfux il-benefiċċji ta' tagħlim ta' aktar minn lingwa waħda. Ir-riformi tal-kurrikulu bil-ħsieb li titwessa' l-medda ta' lingwi offruti għandhom isibu l-appoġġ ta' tagħrif xieraq.

L-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja: it-tagħlim tal-lingwi tal-ġirien

Fl-2003, il-provinċja ta' l-Awstrija t'Isfel (L-Awstrija) nidiet pjan imsejjeħ "Sprachoffensive" li kellu l-għan tat-tagħlim taċ-Ċek, is-Slovakk u l-Ungeriż lil 13 000 student. Inħoloq ukoll "Ċentru ta' Kompetenza" reġjonali biex joffri għarfien speċjalizzat lingwistiku u gwida lill-iskejjel u l-kumpaniji li jaħdmu minn fruntiera għal oħra.

Franza rnexxiehla żżid b'10% l-għadd ta' studenti li jagħżlu l-Ġermaniż billi mexxiet kampanji ta' informazzjoni u waqqfet klassijiet b'żewġ lingwi. Dan l-eżempju juri l-potenzjal li tinbidel l-attitudni jekk jiġu stabbiliti l-miżuri xierqa.

Fit-Traċja, diġa hemm kurrikulu b'żewġ lingwi Grieg/Tork għall-minoranza Torka, iżda fl-2006-2007 ġie introdott programm pilota biex jiġi mgħallem it-Tork f'xi skejjel sekondarji ġenerali ogħla bil-ħsieb li jiżdiedu l-kuntatti transfruntiera.

5.2. Qasam strateġiku 2: Tagħlim Aħjar tal-Lingwi

5.2.1. L-iskola li tippromwovi l-lingwi

L-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi ġew mistiedna jadottaw approċċ olistiku lejn it-tagħlim tal-lingwi, billi jagħmlu konnessjonijiet bejn it-tagħlim tal-lingwa materna, il-lingwa tat-tagħlim jekk tkun differenti, lingwi barranin u l-lingwi ta’ komunitajiet ta’ immigranti. Il-Kummissjoni ppromwoviet dan l-approċċ billi appoġġat il-proġetti skolastiċi ta' Comenius f'dan il-qasam (II.1.1)

Il-Finlanja: Il-lingwi ta’ l-immigranti ġodda bħala lingwi għat-tagħlim

Is-sistema edukattiva Finlandiża tappoġġa l-ħarsien u l-iżvilupp ta' l-ilsna materni ta’ l-immigranti biex tiżgura l-bilingwiżmu funzjonali. Fl-2003, ġiet offruta istruzzjoni f’52 lingwa. Ir-Russu, is-Somali u l-Albaniż kienu l-lingwi l-iktar mgħallma bħala ilsna materni ta’ l-immigranti.

L-Italja: l-inizjattiva "Inkellmu lid-Dinja"

Din l-inizjattiva għandha l-għan li tippromwovi l-kunċett ta’ skola li tippromwovi l-lingwi permezz ta’ serje ta’ attivitajiet bażilari li jinvolvu l-għalliema u l-iskejjel f’netwerks. Il-Pjan ta’ Azzjoni ntuża bħala bażi għad-diskussjoni u l-ispirazzjoni.

5.2.2. Il-Klassi tal-Lingwi

B’appoġġ għall-metodi innovattivi ta’ tagħlim u akkwist tal-lingwi, il-prodotti lingwistiċi żviluppati fil-Programmi Socrates u Leonardo (II.2.2) tqassmu permezz ta’ bosta inizjattivi u dan it-tqassim se jkompli fl-LLP. L-inizjattiva eTwinning, li tippermetti lill-iskejjel li jaħdmu flimkien permezz ta’ l-Internet, saħħet il-ħiliet lingwistiċi u ppromwoviet, sa ċertu punt, il-komprensjoni multilingwa u l-użu tal-lingwa ta’ l-iskola sħab (II.2.3).

5.2.3. It-taħriġ ta’ l-għalliema tal-lingwa

L-Istati Membri qed jagħtu dejjem iktar attenzjoni lit-taħriġ ta’ l-għalliema speċjalment bħala mezz kif jiżguraw tagħlim effettiv tal-lingwi fil-livell primarju u permezz ta’ CLIL. Minkejja li f’ħafna Stati Membri, l-għalliema tal-lingwi mhux obbligati jqattgħu perjodu ta’ żmien fil-pajjiż li jgħallmu l-lingwa tiegħu, il-ħtieġa hija magħrufa sewwa fost il-prattikanti u l-għalliema ta’ l-għalliema, li jagħmlu użu mill-iskemi ta’ mobbiltà offruti mill-programmi edukattivi Ewropej (Erasmus, Comenius, Leonardo) biex itejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom.

L-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u l-Polonja: taħriġ doppju għall-għalliema tal-lingwa

F’dawn il-pajjiżi, it-taħriġ inizjali ta’ l-għalliema jipprovdi lill-gradwati bi kwalifiki f’żewġ suġġeti differenti, pereżempju lingwi flimkien ma' suġġett ieħor. Din is-sistema ssaħħaħ il-ħiliet lingwistiċi ta’ l-għalliema u tgħin fit-tħejjija ta’ għalliema futuri ta’ CLIL.

Il-Lussemburgu: it-taħriġ ta’ għalliema multilingwi

L-għalliema ta’ l-iskejjel primarji jitħarrġu sabiex ikunu jistgħu jgħallmu fit-tliet lingwi nazzjonali, il-Lussemburgiż, il-Ġermaniż u l-Franċiż, kif ukoll biex ikunu jistgħu jgħallmu suġġetti li mhumiex lingwistiċi f’waħda minn dawn il-lingwi. L-għalliema tal-lingwi fl-iskejjel sekondarji għandhom jistudjaw għallinqas għal sentejn f’pajjiż fejn tiġi mitkellma l-lingwa li jridu jgħallmu. L-għalliema tas-suġġetti fl-iskejjel sekondarji għandhom ikunu jistgħu jgħallmu bil-Ġermaniż u l-Franċiż.

Sabiex ikun hemm aċċess usa’ għall-iskemi tat-tagħlim tal-lingwi fil-Programmi Socrates u Leonardo, il-Kummissjoni stiednet lill-Aġenziji Nazzjonali biex jagħmlu kampanji ta’ informazzjoni dwar il-mobilità għall-għalliema tal-lingwi u l-għalliema tagħhom (II.3.1). Proġett wieħed ta’ disseminazzjoni b’mod partikolari huwa maħsub biex jippromwovi l- assistantships tal-lingwi. B'riżultat ta’ dan, is-sehem mill-baġit maħsub għall- assistantships tal-lingwi żdied għal 26% fl-2006, u b’hekk inqabżet il-mira ta’ 25% stabbilita fil-Pjan ta’ Azzjoni. Fl-LLP, l- assistantships mhumiex limitati għall-lingwi iżda huma miftuħa għas-suġġetti kollha b’enfasi speċjali fuq CLIL. Fejn għandu x’jaqsam it-taħriġ fil-prattika ta’ Comenius, 65% mill-għadd totali ta’ l-applikazzjonijiet kienu marbuta mal-lingwi. Bejn l-2004 u l-2006, iktar minn 15 000 għalliem tal-lingwa ngħata tagħriġ barra minn pajjiżu permezz ta’ Comenius, 765 għalliem tal-lingwa lill-adulti permezz ta’ Grundtvig, u 1820 għalliem ta’ l-edukazzjoni vokazzjonali permezz ta’ Leonardo.

Il-Kummissjoni ffinanzjat ukoll studju biex tiddefinixxi Qafas ta’ Referenza għal Profil Ewropew għall-Edukazzjoni ta’ l-Għalliem tal-Lingwa (II.3.2). L-istudju stabbilixxa wkoll rekwiżiti bażiċi biex jinħoloq profil komuni, li jitlob partikolarment għal taħriġ speċifiku għall-għalliema tal-lingwi f'livell edukattiv avvanzat, b'perjodu obbligatorju ta' taħriġ f'pajjiż ieħor u taħriġ adegwat fil-metodoloġija u l-ħiliet interkulturali. L-istudju bħalissa qed jiġi eżaminat min-Netwerk Ewropew ta' Spetturi tal-Lingwa (IV.2.1) u l-konklużjonijiet tiegħu se jiġu diskussi u ddisseminati f'simpożju (II.4.2).

5.2.4. Il-provvista ta' għalliema tal-lingwa

L-għalliema tal-lingwa u, tabilħaqq, l-għalliema kollha, għadhom jiffaċċjaw ostakoli sinifikanti meta jiġu biex jgħallmu barra minn pajjiżhom. Madankollu, hemm ftit tal-flessibilità. Saru esperimenti promettenti ħafna fir-reġjuni tal-fruntieri, bil-qsim ta' għalliema minn pajjiż għall-ieħor jew permezz ta' programmi ta' skambju. Il-Kummissjoni ffinanzjat studju dwar “L-individwazzjoni u t-Tneħħija ta’ Ostakoli fil-Mobilità ta’ l-Għalliema ta' Lingwi Barranin” (II.4.1), li rrapporta dwar għodod li jiffaċilitaw il-mobilità ta’ l-għalliema tal-lingwi u l-ostakoli ewlenin li jiltaqgħu magħhom. Huwa rrakkomanda li tiġi stabbilita strateġija ta’ mobilità fil-Livell Ewropew għall-għalliema tal-lingwi biex tippromwovi l-iskambji bilaterali u multilaterali, tħeġġeġ l-iskambji ta' għalliema prospettivi u għalliema żgħażagħ b'mod partikolari, tħeġġeġ ir-rikonoxximent ta' kwalifiki miksuba permezz tal-mobilità, torganizza workshops u żjajjar ta' ħidma fuq il-post barra mill-pajjiż bħala għamla ta' taħriġ għall-għalliema, u twaqqaf sistema kompensatorja fost il-pajjiżi u l-istituzzjonijiet, biex tqabbel il-provvista mad-domanda.

L-Estonja, il-Polonja u pajjiżi ta’ l-Ewropa ċentrali u ta’ l-ilvant: Kwalifika mill-ġdid ta’ għalliema tal-lingwi

Matul l-aħħar għaxar snin, il-Polonja u l-Estonja, flimkien ma’ pajjiżi ta’ l-Ewropa ċentrali u ta’ l-ilvant, stabbilew skemi ta' taħriġ għall-għalliema sabiex jiġu adattati/miżmuma għalliema tal-lingwi żejda b'mod partikolari mir-Russu għall-Ingliż. Ittieħdu miżuri addizzjonali sabiex jiġu kwalifikati mill-ġdid għalliema tal-lingwi li m'għandhomx il-gradi xierqa. Dawn l-azzjonijiet juru li huwa teknikament possibbli li l-firxa ta’ lingwi fil-kurrikulu tiżdied jekk jittieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u jekk dawn ikunu jaqblu mad-domanda.

Ir-Rumanija: taħriġ b’distanza post-graduate għal għalliema f'żoni rurali

Proġett appoġġjat mill-gvern Rumen u mill-Band Dinji bil-għan li jissaħħaħ it-taħriġ għall-għalliema għal dawk li jgħixu f'żoni rurali. Erbgħa universitajiet implimentaw korsijiet ta’ kwalifika post-graduate ta’ tagħlim b’distanza fil-Franċiż u l-Ingliż, żviluppat minn tim multidixxiplinarju u miftuħ għall-għalliema kollha li jixtiequ jgħallmu l-lingwi. Il-korsijiet iwasslu għal ċertifikazzjoni uffiċjali u huma integrati ma' skemi ta' taħriġ għall-għalliema b'tagħlim b'distanza oħrajn. Fl-2007, mitejn għalliem ta’ l-Ingliż u l-Franċiż se jiksbu d-diploma ta' konverżjoni professjonali tagħhom.

5.2.5. L-ittestjar ta’ ħiliet lingwistiċi

Teżisti xejra ċara fir-riforma tal-kurrikuli nazzjonali sabiex dawn jkunu konformi mal-Qafas Ewropew Komuni ta' Referenza għal-Lingwi (CEFR), b’mod partikolari fil-livell sekondarju, u l-eżaminazzjonijiet finali ġew riveduti skond dan. Għalliema f’kull livell ta’ edukazzjoni qed jagħmlu użu dejjem akbar tal-Portafoll tal-Lingwa Ewropew bħala għajnuna ta’ tagħlim, anke jekk il-materjali edukattivi mhux dejjem ikunu xierqa għal dan l-approċċ. Il-livell tal-bidliet li saru fil-klassijiet tal-lingwi bl-użu tas-CEFR ġie diskuss f'Forum ta' Politika organizzat mill-Kunsill ta' l-Ewropa fi Frar 2007, bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni (II.6.4).

Bosta pajjiżi: l-użu tal-livelli CEFR sabiex jitfissru kisbiet lingwistiċi

L-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, ir-Rumanija, Spanja u r-Renju Unit se jibdew, diġà bdew jew qed jippjanaw li jiżviluppaw il-proċess ta' l-adattament mill-ġdid tal-kurrikuli u jirrelataw l-eżaminazzjonijiet ta' tmiem l-istudju ta’ skola sekondarja f'lingwi barranin mal-livelli CEFR. Dan jippermetti testijiet oġġettivi ta’ abbiltà lingwistika, minħabba li s-CEFR ikopri kompetenzi komunikattivi f'kull lingwa.

L-Olanda: il-profil tal-kompetenza lingwistika

Fis-sistema edukattiva Olandiża, is-CEFR qed dejjem aktar jistabbilixxi l-istandards sabiex jitfissru l-ħiliet lingwistiċi. Programmi ta’ grad professjonali ogħla u edukazzjoni vokazzjonali (MBO) wkoll adottawh sabiex ifissru l-profili ta’ kompetenza. Potafolli tal-Lingwa Ewropew (ELP) ġew żviluppati u vvalidati għal kważi t-tipi kollha ta’ skejjel. Attwalment qed jiġi żviluppat ELP elettroniku għall-udjenza fil-mira wiesgħa ta’ dawk kollha li qed jitgħallmu l-lingwi.

Franza, l-Italja u l-Lussemburgu: ċertifikazzjoni esterna tal-lingwa

Sabiex il-livell ta’ kompetenzi lingwistiċi miksuba mill-istudenti fi tmiem l-edukazzjoni sekondarja tagħhom tkun aktar trasparenti, is-sistema edukattiva Franċiża qed tiżviluppa ċertifkazzjoni lingwistika b’kooperazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet li jippromwovi l-lingwi ta' pajjiżi msieħba. Proġett simili fl-Italja "Lingue 2000", issa jippermetti li l-istudenti jiksbu ċertifikazzjoni esterna mogħtija minn istituzzjonijiet barranin akkreditati.

Fil-Lussemburgu, studenti fl-aħħar sentejn ta' l-iskola sekondarja jista’ jkollhom il-ħiliet lingwistiċi tagħhom evalwati minn istituzzjonijiet barranin akkreditati. Dan jinkludi lingwi mgħallma fl-iskola kif ukoll dawn li mhumiex parti mill-kurrikulu. Din iċ-ċertifikazzjoni se tifforma parti mir-rapporti ta’ l-istudenti ta’ tmiem it-terminu.

Kif mitlub mill-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona, il-Kummissjoni qed taħdem fuq l-iżvilupp ta’ stħarriġ Ewropew tal-kompetenzi tal-lingwi (II.6.1), li se jsir għall-ewwl darba fl-2010 sabiex jinkiseb tagħrif komparabbli dwar il-livell ta' kompetenxi miksuba f'żewġ lingwi fi tmiem l-iskola obbligatorja fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni Ewropea użat ukoll is-CEFR sabiex ittejjeb it-trasparenza, l-informazzjoni u l-gwida dwar politiki ta’ taħriġ vokazzjonali. Passaport tal-Lingwa Ewropew, imsejjes fuq is-CEFR, u li jifforma parti mill-Portafoll tal-Lingwa Ewropew, ġie inkluż fil-Europass, qafas wieħed għall-kwalifiki (II.6.2). Sa minn Frar 2005, madwar 50 000 passaporti tal-lingwa ġew iġġenerati onlajn, fejn tniżżlu aktar minn 181 806 mudell vojt sabiex jitlestew off-line . Is-CV Europass, li jinkludi taqsima dwar il-lingwi, huwa aktar popolari: s’issa ġew iġġenerati aktar minn miljun CV on-line u tniżżlu madwar 1.7 miljun wieħed.

Sabiex tiġbor u tagħmel disponibbli l-informazzjoni dwar l-użu taċ-ċertifikati tal-lingwa u l-natura u l-kwalità tagħhom, il-Kummissjoni ffinanzjat studju fuq "Inventorju taċ-Ċertifikazzjoni tal-Lingwa fl-Ewropa' (II.6.3). Fuq il-bażi tas-sejbiet, l-awturi rrakkomandaw li l-Kummissjoni għandha taħdem mal-partijiet interessati relevanti biex tittejjeb il-kwalità ta' l-iżvilupp u l-validazzjoni tat-testijiet, sabiex jiġu stabbiliti standards tal-kwalità u kodiċi tal-prattika għaċ-ċertifikati fl-Ewropa, u biex tiġi appoġġata l-kollaborazzjoni bejn dawk li jipprovdu ċ-ċertifikati f'pajjiżi differenti u l-istituzzjonijiet ġenerali ta' l-edukazzjoni.

5.3. Qasam Strateġiku 3: Il-ħolqien ta' ambjent fejn ikun eħfef li tuża l-lingwi.

5.3.1. Strateġija inklusiva għad-diversità lingwistika

Għall-ewwel darba fuq livell ta' Kummissjoni, il-Pjan ta' Azzjoni stabilixxa viżjoni għall-politiki tal-lingwa li tmur lilhinn it-tagħlim ta' lingwa barranija u li jinkludi l-lingwi kollha mitkellma fl-Ewropa, kemm uffiċjali, reġjonali jew minoritarji u lingwi mitkellma mill-komunitajiet migranti. Sabiex jinġiebu flimkien il-partijiet interessati fl-edukazzjoni minn lingwi reġjonali jew minoritarji u jgħinuhom jiskambjaw prattiċi tajba, Konferenza Ewropea dwar "Lingwi Reġjonali u Minoritarji fis-Sistemi ta' l-Edukazzjoni" ġiet organizzata fl-2006 (III.1.1). Is-sitwazzjoni tal-lingwi reġjonali u minoritarji fil-pajjiżi li ngħaqdu fl-Unjoni Ewropea fl-2004 ġiet mistħarrġa mir-Rapport Euromosaic (III.1.2). Bħalissa qed isir aġġornament għar-Rumanija u l-Bulgarija.

Din l-istrateġija l-ġdida għal-lingwi u d-diversità lingwistika hija riflessa b'mod sħiħ fl-LLP, fejn il-lingwi kollha huma eliġibbli għall-iffinanzjar inkluż lingwi reġjonali u minoritarji (III.1.3). Il-Kummissjoni għamlet sforz speċjali, permezz tal-konferenzi Ewropej, seminars lokali u laqgħat tan-netwerks, biex tiżgura li l-partijiet interessarti fil-lingwi reġjonali u minoritarji huma informati tajjeb dwar kif jidħlu fil-programmi, speċjalment l-LLP.

Fl-2004-2006, il-Programm Kultura 2000 appoġġa 150 proġett ta' traduzzjoni biex jippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika fl-Ewropa. Il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika hija wkoll il-pedament tal-Programm ġdid Kultua għall-2007-2013.

Din il-viżjoni inklusiva hija skond il-Karta Ewropea għal Lingwi Reġjonali u Minoritarji, li ġiet ratifikata minn 22 Membru tal-Kunsill ta' l-Ewropa, fosthom 14-il Stat Membru ta' l-UE. Bħala regola ġenerali, l-Istati Membri jipprovdu struzzjoni parzjali jew totali f'lingwi minoritarji rikonoxxuti. Prattiċi li jipprometti ġew rappurtati fil-promozzjoni ta' l-esponiment jew l-immersjoni f'lingwi lokali differenti, speċjalment għat-tfal.

Il-Finlandja/in-Norveġja/l-Iżvezja: Skejjel bilingwi fiż-żoni tal-fruntieri

Netwerk ta' bliet b'ġemelaġġ jappoġġaw it-tagħlim tal-lingwi permezz ta' kooperazzjoni bejn l-iskejjel Finladiżi, Norveġiżi u Żvediżi ħdejn il-fruntiera. Xi skejjel żviluppaw kurrikulu komuni u jippromwovu wkoll it-tagħlim ta' lingwi tal-ġirien permezz tas-CLIL u l-iskambju ta' l-għalliema.

L-Italja/l-Awstrija/is-Slovenja: il-proġett Cromo

Cromo huwa proġett trans-konfinali (2005-07) iffinanzjat mill-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Awstrija, l-Italja u s-Slovenja. Dan jgħin sabiex jinbena pont bejn il-komunitajiet tal-fruntieri fil-Friuli-Venezia-Giulia (Italja), Carinthia (l-Awstrija) u s-Slovenja bl-iżvilupp ta' għodod komuni fil-forma ta' Portafoll Ewropew tal-Lingwi sabiex jgħin lill-istudenti fl-iskola sekondarja jiżviluppaw kompetenzi lingwistiċi, meta-konjittivi u interkulturali biex irawwmu d-djalogu interkulturali.

Slovakkja, pajjiżi tad-Danubju: il-promozzjoni tal-lingwi u tal-kulturi ta’ pajjiżi ġirien

L-assoċjazzjoni internazzjonali “Id-Danubju” tgħaqqad flimkien l-uffiċcji tat-turiżmu mill-pajjiżi tul id-Danubju. Kull sena, hi toħloq tema komuni għall-azzjoni sabiex tippromwovi l-kutlura u l-lingwa ta’ kull pajjiż.

L-Iżvezja: Edukazzjoni multikulturali fi stabbilimenti ta’ qabel l-iskola

F’Marzu 2005, ġie introdott objettiv ġdid fil-kurrikulu għal edukazzjoni qabel l-iskola, biex jappoġġja tfal li l-ilsien nattiv tagħhom mhuwiex l-Iżvediż sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp tal-lingwa u l-identità tagħhom. L-abbozz ta’ liġi li jipproponi l-bidla enfasizza wkoll il-ħtieġa għal staff ta’ appoġġ bilingwi u kulturali kif ukoll aktar appoġġ għall-produzzjoni ta’ materjal edukattiv f’lingwi li mhumiex l-Iżvediż.

Ir-Renju Unit: Nedukaw lill-ġenituri biex jgħaddu l-bilingwiżmu fil-familja

F’Wales, tnied programm imsejjaħ Twk (Tkabbir) biex jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-użu tal-Welsh. Il-kampanja ta’ informazzjoni tiegħu timmira lejn is-settur tas-saħħa, l-isptarijiet tal-maternità, ġenituri u ġenituri futuri dwar il-vantaġġi tal-bilingwiżmu u tħeġġeġ l-użu tal-Welsh fid-dar fost it-tfal. Sezzjoni oħra tal-kampanja ta’ informazzjoni tħeġġeġ l-użu tal-Welsh fuq il-post tax-xogħol: Kartolini ta’ Saint Dwynen u badges ta’ 'Working Welsh' huma maħsuba biex jidentifikaw il-kelliema tal-Welsh fuq il-post tax-xogħol u jħeġġu l-użu tal-Welsh meta wieħed ikellimhom .

5.3.2. Nibnu komunitajiet fejn ikun eħfef li tuża l-lingwi

B’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni, il-proġetti ta’ ġemellaġġ appoġġjaw it-tagħlim informali tal-lingwi u d-diversità lingwistika b’mod konsiderevoli (III.2.1.). Tlieta mill-aħjar ħdax-il prassi magħżula għall-Premju Golden Stars 2006 inkludew attivitajiet għall-promozzjoni lingwistika u d-diversità kulturali. Fil-Programm “Ewropa għaċ-Ċittadini 2007-2013”, id-diversità kulturali u lingwistika hija waħda mill-fatturi orizzontali ta’ l-azzjonijiet kollha għat-tul kollu tal-programm.

Fir-rigward tal-midja, il-Kummissjoni nediet studju dwar il-ħtiġijiet u l-prassi ta’ l-industrija awdjoviżiva fid-doppjaġġ u fis-sottotitoli (id-Direttorat Ġenerali għas-Soċjetà ta’ l-Informatika – il-Programm Media) fil-bidu ta’ l-2007 (III.2.2). Sat-tmiem l-2007 l-istudju se jkun eżamina s-suq Ewropew u ressaq ir-rakkomandazzjonijiet biex jippromwovi d-diversità lingwistika u jiffaċilita ċ-ċaqliq tal-produzzjonijiet awdjoviżivi fost il-pajjiżi Ewropej.

5.3.3. It-titjib tal-provvista u t-teħid ta’ opportunitajiet għat-tagħlim tal-lingwi

Il-Pjan ta’ Azzjoni sejjaħ għal dawk l-azzjonijiet tal-Programm Socrates li jimmiraw lejn l-adulti sabiex jippromwovu t-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika. B’risposta, l-azzjoni Grundtvig (III.3.1) appoġġjat 14-il proġett u 2 netwerks biex tiżviluppa l-għodda ta’ taħriġ u korsijiet għal għalliema tal-lingwi. Sitta ffukaw fuq il-komunitajiet migranti u etniċi. B’kollox, 300 sħubija ta' tagħlim ippromwovew il-lingwi fl-edukazzjoni ta’ l-adulti, b'105 li ffukaw fuq il-komunitajiet migranti u etniċi (33% ta' l-għadd totali ta' sħubiji).

Fl-LLP, waħda mill-prijoritajiet tal-proġetti multilaterali Grundtvig hija "l-Iżvilupp ta' l-opportunitajiet ta' tagħlim lill-adulti għall-immigranti b'rabta ma' l-integrazzjoni lingwistika, soċjali u kulturali".

It-Tikketta Ewropea għal-Lingwi (III.3.2) ġiet imsaħħa b'attivitajiet ġodda bl-għan li jimmotivaw l-adulti biex jitgħallmu l-lingwi (il-premju għall-aħjar Għalliem Ewropew tal-Lingwi/Student tas-Sena u kampanji ta' informazzjoni dwar it-tagħlim tal-lingwi, speċjalment il-Jum Ewropew tal-Lingwi). Dawn l-attivitajiet ġew esperimentati fl-2005 u fl-2006 u issa huma attivitajiet regolari fl-LLP.

L-istħarriġ dwar id-diversità fil-provvista ta’ tagħlim tal-lingwi (III.3.3) fl-UE matul is-snin 1999-2005 se jitlesta sat-tmiem l-2007. Dan se jiddetermina jekk kienx hemm xi tibdil fl-għadd ta’ lingwi mgħallma u fl-għadd ta’ studenti li jistudjaw il-lingwi u se jidentifika t-tendenzi.

5.4. Qafas għall-Progress

5.4.1. Deċiżjonijiet aktar infurmati

Din it-taqsima tħares lejn azzjonijiet biex tiżgura l-iskambju ta' informazzjoni u l-prassi tajba bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u biex tfassal oqsma ta' politika ġodda.

Bl-għan li tinqasam il-prassi tajba u jkunu diskussi kwistjonijiet ta’ lingwi għal azzjonijiet konġunti, inħoloq Grupp ta’ Ħidma dwar il-Lingwi sabiex jagħti segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni u biex jgħin lill-Kummissjoni tilħaq l-objettivi ta' Edukazzjoni & Taħriġ 2010, it-taqsima edukattiva ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona (IV.1.1)..

Studju dwar mezzi għall-motivazzjoni taċ-ċittadini biex jitgħallmu l-lingwi (IV.1.2) wassal għall-pubblikazzjoni “Lingo!”, li jippreżenta prattika tajba fil-qasam tal-motivazzjoni. L-istudju jispjega kwistjonijiet ewlenin ta' motivazzjoni, bħall-appoġġ għan-netwerks ta' promozzjoni fil-lingwa fil-livelli kollha, fejn tingħata aktar attenzjoni lit-tagħlim lill-adulti, speċjalment f'ambjenti mhux formali u informali, u permezz ta’ l-użu ta' mezzi tal-massa u metodi ta' reklamar biex tinġibed l-attenzjoni lejn il-lingwi.

Studju ieħor dwar l-ispejjeż tan-nuqqas ta’ multilingwiżmu (IV.1.3a) ġie abbandunat, iżda reġa' tnieda parzjalment permezz ta' studju aktar estensiv dwar “l-Effetti fuq l-Ekonomija Ewropea tan-Nuqqas ta’ Ħiliet fil-Lingwi Barranin fl-Intrapriża” (IV.1.3.b), li wera li nuqqas ta’ ħiliet fil-lingwa qed jikkawża telf sinifikanti fin-negozju u dan irrakkomanda appoġġ għan-negożji biex itejbu l-ġestjoni tagħhom ta’ ħiliet fil-lingwi, permezz ta’ l-iżvilupp ta’ ħiliet fil-lingwi disponibbli fil-kumpaniji tagħhom, il-provvediment ta’ taħriġ għall-impjegati u opportunitajiet ta’ esperjenza ta’ xogħol għall-istudenti barranin jew l-impjegati, u s-sehem fl-iskambji internazzjonali bejn l-impriżi. Ir-rabtiet bejn l-impriżi u l-edukazzjoni għandhom jittejbu, u l-ħiliet eżistenti tal-lingwi tat-tfal ta' ħaddiema migranti għandhom jiġu evalwaIi u żviluppati aktar, flimkien mal-lingwa nazzjonali tal-pajjiż ospitanti.

Il-kwistjonijiet tal-multilingwiżmu fir-riċerka ġew fdati f’idejn żewġ proġetti finanzjati mill-Programm tas-Sitt Qafas ta’ Riċerka (IV.1.4). Il-Programm tas-Seba’ Qafas ta’ Riċerka jappoġġja wkoll id-diversità lingwistika fil-qasam iddedikat lix-xjenzi soċjo-ekonomiċi u lill-istudji umanistiċi.

In-netwerk Ewropew Eurydice ippubblika volum fl-2005 dwar “ Data ewlenija dwar it-Tagħlim tal-Lingwi fl-Iskejjel fl-Ewropa” (IV.1.5), li pprovda bażi dwar il-qagħda tat-tagħlim tal-lingwi fl-2003. Pubblikazzjoni oħra li tkopri l-perjodu 2004-2006 għandha toħroġ lejn nofs l-2008 biex tagħti lok għall-paraguni fl-istatistika u l-analiżi tax-xejriet.

Id-dettalji dwar kif il-programmi fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, t-taħriġ, iż-żgħażagħ, il-mezzi tal-massa u l-kultura ppromwovew il-lingwi fl-2004-2006 (IV.1.6) jinsabu fl-oqsma rilevanti ta’ dan id-dokument. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li l-Programm taż-Żgħażagħ kien jinvolvi madwar 1 000 000 żgħażugħ u kien jappoġġja l-iskambju ta’ madwar 6 000 ħaddiem volontarju. It-tħejjija lingwistika kienet appoġġjata u kienet anke obbligatorja għas-Servizz Volontarju Ewropew. Flimkien ma’ dan, wieħed mill-għanijiet ġenerali tal-Programm il-ġdid taż-Żgħażagħ fl-Azzjoni (2007-2013) huwa r-rikonoxximent tad-diversità kulturali, multikulturali u lingwistika fl-Ewropa u l-promozzjoni tat-tagħlim informali tal-lingwi.

5.4.2. Qsim ta’ tagħrif aktar effettiv bejn il-professjonisti

Twaqqaf Netwerk Ewropew ta' Spetturi għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-lingwi barranin (ELIN) fl-2006 (IV.2.1) biex jippromwovi l-iskambju ta’ prassi tajba għat-titjib tal-kwalità fit-tagħlim tal-lingwi. In-netwerk s’issa ffoka fuq tliet aspetti: l-appoġġ għat-tmexxija ta' l-iskejjel fit-tagħlim tal-lingwi barranin, taħriġ inizjali u waqt ix-xogħol għall-għalliema, u l-impatt tas-sistemi ta' spezzjoni u ta’ prattika. L-iskema Arion, li tappoġġja ż-żjarat ta’ studju mill-partijiet interessati edukattivi, organizzat 36 żjara ta’ studju dwar it-tagħlim tal-lingwi, li kienu jinvolvu kważi 400 parteċipant, inklużi għalliema tal-lingwi, kapijiet ta’ skejjel, dawk li jfasslu l-politika u għadd sinifikanti ta’ spetturi tal-lingwa (II.3.3). L-iskema Arion qed tkompli taħt l-LLP u se tingħata attenzjoni partikolari lill-attivitajiet orjentati lejn il-lingwi.

5.4.3. Proċeduri ċari għall-istudju ta’ segwiment tal-Pjan ta’ Azzjoni

Biex jiġi żgurat impatt fit-tul, l-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni ġew inkorporati fil-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja 2007-2013 (LLP) (IV.3.1). Il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika hija għan ġenerali ta’ l-LLP, riflessa fil-prijoritajiet tal-programmi speċifiċi li jindirizzaw l-iskejjel (Comenius), l-universitajiet (Erasmus), it-taħriġ vokazzjonali (Leonardo) u l-edukazzjoni għall-adulti (Grundtvig). Il-programmi speċifiċi huma kkumplementati permezz ta’ attività trasversali għal-lingwi (Attività Ewlenija 2 – Lingwi). Il-lingwi kollha huma eliġibbli: lingwi uffiċjali, reġjonali, ta’ minorità u tal-migranti u l-lingwi ta’ l-imsieħba kummerċjali ewlenin.

6. KONKLUżJONI

Ir-riżultati tal-Pjan ta' Azzjoni huma nkoraġġanti, Il-Kummissjoni — tista' tgħid — li lestiet il-ħidmiet assenjati tagħha fil-ħin. L-Istati Membri għamlu sforz għal għadd konsiderevoli ta' miri mniżzla fil-Pjan ta' Azzjoni. Ħidmiet oħra mniżżla fil-Pjan ta' Azzjoni jappellaw għal impenn fuq medda twila ta' żmien, li għalih ma jistax ikun hemm skadenza. Għalkemm ix-xejriet ġenerali huma pożittivi, il-qagħda tvarja minn pajjiż għal pajjiż, billi l-punt tat-tluq u l-linji politika tal-bidu kienu differenti f'kull Stat Membru. Sforzi addizzjonali minn dawk koll interessati se jgħinu biex ikunu sostnuti dawn ix-xejriet u jkunu konsolitati r-riformi mnedija fl-Istati Membri.

Billi bosta mir-rakkomandazzjonijiet tal-Pjan ta' Azzjoni saru f'livell nazzjonali, għadd limitat se jkollhom jeħtieġu sforzi addizzjonali biex jinkiseb l-impatt intenzjonat — b'mod partikulari biex ikun estiż it-tagħlim tal-lingwi għat-toroq kollha edukattivi (fosthom edukazzjoni vokazzjonali), biex tiżdied il-varjetà tal-lingwi mgħallma, biex ikunu promossi skejjel ħbieb tal-lingwi, biex ikun sfruttat il-potenzjal ta' edukazzjoni għall-kbar u t-tagħlim informali, u biex titkabbar il-motivazzjoni għat-tagħlim tal-lingwi.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex titjieb il-kwalità biex tkun imwessgħa l-firxa tal-lingwi mgħallma u biex ikunu promossi skejjel ħbieb tal-lingwi. Fuq in-naħa tat-tagħlim, hija meħtieġa aktar azzjoni biex jitqajjem l-għarfien ta' l-importanza tat-tagħlim ta' aktar lingwi, flimkien ma' inizjattivi li jimmotivaw lill-istudenti u l-adulti biex jieħdu l-lingwi. anki permezz ta' tagħlim informali. Bosta mill-azzjonijiet rakkomandati mill-Pjan ta' Azzjoni mmiraw fuq edukazzjoni tal-bidu u taħriġ relatat ta' l-għalliema. Issa tista' ssir enfasi fuq tagħlim tal-lingwi għall-kbar, biex titwessgħa l-firxa ta' partijiet interessati ħalli tinkludi s-settur tan-negozju, taħriġ vokazzjonali kontinwu, u tagħlim informali tal-lingwa permezz tal-mezzi tal-massa u attivitajiet kulturali.

Il-programmi Ewrope fil-qasam ta' l-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u s–soċjetà ċivili, b'mod partikulari il-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja, huma għodda b'saħħithom li jikkumplimentaw politiki nazzjonali billi jżidu dimensjoni Ewropea ma' l-attivitajiet tat-tagħlim. L-appoġġ tagħhom għall-multilingwiżmu ssaħħaħ fil-ġenerazzjoni tal-programm il-ġdid għall-2007-2013, kemm bit-twaqqif ta' tagħlim tal-lingwi u diversità lingwistika bħala mira ġenerali u biż-żieda tal- budget iddedikata lil azzjonijiet lingwistiċi. Il-Kummissjoni se ssegwi l-implimentazzjoni tagħhom biex tassigura l-użu strateġiku tagħhom f'dawk l-oqsma fejn ikun meħtieġ aktar xogħol. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tappoġġja l-iżvilupp ta' Indikatur tal-Kompetenza Lingwistika li jipprovdi lill-Istati Membri bażi komparattiva għall-għażliet tal-politika tagħhom. Se jkunu esplorati possibilitajiet ġodda biex ikun promoss il-multilingwiżmu permezz ta' politiki oħra bħalma huma l-politiki soċjali u reġjonali. Aktar azzjoni għandha tinvolvi dejjem iktar lill-partijiet kollha interessati u konċernati u twassal għal sħubija fuq medda twila ta' żmien għall-multilingwiżmu.

Il-Kummissjoni bħalissa qed tirrevedi l-linja tagħha lejn il-multilingwiżmu biex tappoġġja lill-Istati Membri taħt l-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impiegi u skond is-suġġerimenti magħmula mill-Parlament Ewropew matul is-seduti li matulhom semgħu lill-Kummissarju Orban. Il-proċess fit-tfassil tal-politika se jinvolvi firxa wiesgħa ta' partijiet interessati permezz tal-konsultazzjoni on-line . Dan se jsir bi sħubija mill-qrib ma' l-Istituzzjonijiet l-oħra Ewropej u ma' l-Istati Membri, li se jiddiskutu żviluppi ġodda fil-politika tal-multilingwiżmu f'konferenza ministerjali fi Frar 2008. Ir-riżultati tad-dokument preżenti, flimkien ma' reazzjonijiet oħra bħar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli għall-Multilingwiżmu, jiddaħħlu f'dan id-dibattitu. Dan il-proċess konsultattiv se jwassal għal Komunikazzjoni ġdida tal-Kummissjoni — ippjanata għal Settembru 2008 — li telenka linja usa' għall-politika tal-multilingwiżmu.

[1] A5-0271/2003 finali ta' l-14.07.2003: Rapport mill-Parlament Ewropew b'rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni dwar lingiw Ewropej reġjonali u anqas użati - il-lingwi tal-minoritajiet fl-UE – fil-kuntest tat-tkabbir u d-diversità kulturali

[2] COM(2003) 449 finali tat-24.07.2003. omunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, Nippromwovu t-Tagħlim tal-Lingwi u d-Diversità Lingwistika: Pjan ta’ Azzjoni 2004-2006

[3] ĠU C 142, 14.6.2002, p. 1. Kunsill, Programm ta' Xogħol Dettaljat dwar is-segwitu ta' l-għanijiet tas-sistemi ta' Edukazzjoni u taħriġ fl-Ewropa.

[4] 2006/962/KE.

[5] COM(2005) 596 finali ta’ 22.11.2005.

[6] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - L-indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika . Brussell, 1.8.2005 COM(2005) 356 finali.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, Qafas għas-servej Ewropew dwar il-kompetenzi fil-lingwa . Brussell, 13.4.2007 COM(2007) 184 finali

[7] CLIL jinvolvi t-tagħlim ta' suġġett permezz tal-medium ta' lingwa differenti, li jinvolvi importanza ugwali bejn l-iżvilupp ta' kapaċità ugwali kemm fis-suġġett kif ukoll fil-lingwa.

[8] Din ir-referenza u oħrajn tirrelata man-numerar oriġinali ta' l-azzjonijiet fil-Pjan ta' Azzjoni. Huma jidentifikaw l-azzjonijiet kollha kemm fit-test u l-annessi.

[9] http://www.jyu.fi/hum/laitokset/solki/tutkimus/projektit/kiepo/.

[10] http://www.learn-line.nrw.de/angebote/certilingua/.

[11] http://www.wordwatjewil.be.