52007DC0392




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 3.8.2007

KUMM(2007) 392 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Intejbu l-Kwalità ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Għalliema {SEC(2007) 931SEG(2007)933}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Intejbu l-Kwalità ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Għalliema

INTRODUZZJONI

Fl-Ewropa jeżistu madwar 6.25 miljun għalliema (ekwivalenti għal full time )[1]. L-għalliema għandhom irwol kruċjali fl-għajnuna li jagħtu lil persuni sabiex jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jirrealizzaw l-potenzjalità tagħhom fit-tkabbir personali u l-benessere, u fl-għajnuna li jagħtuhom sabiex jiksbu firxa kumplessa ta' għarfien u ħiliet li jeħtieġu bħala ċittadini u bħala ħaddiema. L-għalliema huma l-medjaturi bejn dinja li qed tevolvi b’mod mgħaġġel u l-istudenti li waslu biex jidħlu fiha.

Il-professjoni tat-tagħlim qed issir dejjem aktar kumplessa. L-esiġenzi li qed jitpoġġew fuq l-għalliema qed jiżdiedu. L-isfidi ta’ l-ambjenti li jaħdmu fihom qed jikbru.

Bosta Stati Membri qed jirrevedu l-modi kif l-għalliema qed jitħejjew għall-ħidmiet importanti li jwettqu f’isem is-soċjetà Ewropea.

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tevalwa s-sitwazzjoni attwali fl-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ l-għalliema, u li tipproponi riflessjoni komuni dwar azzjonijiet li jistgħu jittieħdu fil-livell ta’ Stat Membru u kif l-Unjoni Ewropea tista' tappoġġjahom[2].

1. KUNTEST

1.1 L-aġenda ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi

Il-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona f’Marzu 2000 saħaq li n-nies huma l-assi prinċipali ta’ l-Ewropa u li "l-investiment fin-nies ... se jkun kruċjali kemm għall-post ta' l-Ewropa fl-ekonomija ta' l-għarfien kif ukoll sabiex ikun żgurat li l-iżvilupp ta' din l-ekonomija ġdida ma jaggravax il-problemi soċjali eżistenti[3]."

Il-Kunsill ta’ Barċellona f’Marzu 2000 adotta għanijiet konkreti għal titjib tas-sistemi ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ l-Istati Membri, inkluż it-titjib ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-għalliema u għal min iħarreġ. Il-Kunsill ta' Marzu 2006 innota li 'l-edukazzjoni u t-taħriġ huma fatturi kritiċi għall-iżvilupp tal-potenzjal f'terminu twil ta' l-UE għall-kompetittività kif ukoll għall-koeżjoni soċjali'; żied jgħid li 'ir-riformi jridu jitħaffu sabiex jiġu żgurati sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ li jkunu kemm effiċjenti kif ukoll ġusti'.

Madankollu, il-progress lejn għanijiet[4] bħat-tnaqqis ta’ l-għadd ta’ studenti li jitilqu mill-iskola kmieni, iż-żieda ta' l-ammont ta' żgħażagħ li jispiċċaw l-iskola sekondarja ogħla jew it-tnaqqis ta' l-għadd ta' żgħażagħ ta' 15-il sena b'diffikultajiet fil-qari, huwa insuffiċjenti.

Il-kwalità tat-tagħlim hija fattur ewlieni biex jiġi stabbilit jekk l-Unjoni Ewropea tistax iżżid il-kompetittività tagħha f’dinja globalizzata. Ir-riċerka turi li l-kwalità ta’ l-għalliem hija sinifikanti u tikkorrelata b’mod pożittiv ma' l-akkwist ta’ l-istudenti[5] u li hija l-aktar aspett importanti fl-iskola li jispjega l-prestazzjoni ta' l-istudenti[6] (l-effetti tagħha huma ferm akbar mill-effetti ta' l-organizzazzjoni ta' l-iskola, it-tmexxija jew il-kundizzjonijiet finanzjarji). B'żieda ma' dan, studji oħra[7] sabu rabtiet pożittivi bejn taħriġ kontinwu għall-għalliema u l-akkwist ta’ l-istudenti u 'jissuġġerixxu li programm ta’ taħriġ kontinwu ... jgħolli l-akkwist tat-tfal ... (u) jissuġġerixxu li t-taħriġ għall-għalliema jista’ jipprovdi mezz bi spiża iżgħar li jgħolli l-marki miksuba fit-testijiet, meta mqabbla ma’ dik tat-tnaqqis tad-daqs tal-klassi jew taż-żieda fl-għadd ta' siegħat ta' tagħlim'.

Fl-2004, ir-Rapport Konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-progress lejn l-Għanijiet ta' Liżbona[8] fl-oqsma ta' l-Edukazzjoni u t-Taħriġ sejjaħ għall-iżvilupp ta’ prinċipji komuni Ewropej għall-kompetenzi u l-kwalifiki meħtieġa mill-għalliema u minn min iħarreġ. Il-Kunsill f’Novembru 2006 stqarr li 'l-motivazzjoni, il-ħiliet u l-kompetenzi ta' l-għalliema, ta' min iħarreġ, ta' persunal ieħor li jgħallem u ta' servizzi ta' gwida u benesseri, kif ukoll il-kwalità tat-tmexxija ta’ l-iskola, huma fatturi ewlenin fil-kisba ta’ riżultati ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja u li 'l-isforzi tal-persunal li jgħallem għandhom ikunu appoġġjati minn żvilupp professjonali kontinwu u minn kooperazzjoni tajba mal-ġenituri, servizzi ta’ benesseri għall-istudenti u l-komunità kollha.'

It-titjib fil-kwalità ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Għalliema hija, għalhekk, għan importanti għas-sistemi ta’ edukazzjoni Ewropej jekk għandu jseħħ progress aktar mgħaġġel lejn il-kisba ta’ l-għanijiet komuni stabbiliti taħt il-programm ta’ Edukazzjoni u Taħriġ 2010.

Li tkun żgurata kwalità għolja ta’ Edukazzjoni ta’ l-Għalliema huwa ovjament importanti wkoll, sabiex tkun żgurata tmexxija effiċjenti tar-riżorsi nazzjonali u valur tajjeb għall-flus: madwar żewġ terżi tan-nefqa fuq l-iskejjel hija allokata għall-pagi ta' l-għalliema[9].

1.2 Politiki u għanijiet oħra ta' l-Unjoni

Il-politika dwar l-Edukazzjoni ta' l-Għalliema hija marbuta mill-qrib ma’ oqsma ta’ politika Ewropej oħra ewlenin, fosthom:

- Il-politika soċjali bl-enfasi tagħha fuq l-irwol ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala mod kif toħroġ mill-faqar u fattur ewlieni ta’ l-inklużjoni soċjali, u l-enfasi fuq 'il-ħiliet bażiċi' fil-Patt għaż-Żgħażagħ[10];

- Politika ta’ innovazzjoni[11] bl-enfasi tagħha tkun li tiżgura li l-għalliema jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu spirtu ta’ intraprendenza u innovazzjoni.

- Politika ta' riċerka bl-enfasi tagħha tkun fuq it-titjib tat-tagħlim tax-xjenzi f’kull livell ta’ edukazzjoni fl-Unjoni[12].

- Politika ta’ intrapriża [13] bl-enfasi tagħha tkun fuq il-ħtieġa għall-awtoritajiet pubbliċi li jippromwovi edukazzjoni għall-intraprendenza lill-kapijiet ta’ l-iskejjel u għalliema permezz ta' taħriġ fil-bidu u kontinwu;

- L-Istrateġija ta’ Qafas għall-Multilingwiżmu l-Ġdida tal-Kummissjoni[14] li tippromwovi l-valur tat-tagħlim tal-lingwa u li tidentifika l-kwalità tat-tagħlim tal-lingwa u taħriġ aħjar għall-għalliema tal-lingwa bħala sfidi importanti; kif ukoll

- Id-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, li tipprovdi qafas legali għall-mobbiltà professjonali ta’ l-għalliema.

1.3 Ħtiġijiet li qed jinbidlu

It-tibdil fl-edukazzjoni u fis-soċjetà jpoġġu pressjonijiet ġodda fuq il-professjoni tat-tagħlim. Pereżempju, barra milli jaqsmu għarfien bażiku, l-għalliema qegħdin kull ma jmur jintalbu aktar li jgħinu liż-żgħażagħ isiru studenti kompletament awtonomi billi jiksbu ħiliet ewlenin, aktar milli jitgħallmu tagħrif bl-amment; qed jintalbu jiżviluppaw modi aktar kollaborattivi u kostruttivi għat-tagħlim u huma mistennija jkunu faċilitaturi u mexxejja tal-klassi aktar milli persuni awtorevoli. Dawn l-irwoli ġodda jeħtieġu edukazzjoni f'firxa ta’ strateġiji u stili ta’ tagħlim. B’żieda ma’ dan, il-klassijiet illum fihom taħlita aktar eteroġena ta' żgħażagħ minn sfondi differenti u b’livelli differenti ta’ abbiltà u diżabbiltà. Huma meħtieġa jużaw l-opportunitajiet offruti minn teknoloġiji ġodda u jwieġbu għat-talba għal tagħlim individwalizzat; u jista’ ikollhom jieħdu r-responsabbiltà addizzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jew ta’ ħidmiet ta’ tmexxija li jirriżultaw minn awtonomija akbar fl-iskejjel.

Dawn it-tibdiliet jeħtieġu lill-għalliema li mhux biss jiksbu għarfien u ħiliet ġodda iżda wkoll li jiżviluppawhom kontinwament. Sabiex il-korp tat-tagħlim ikun mgħammar b'ħiliet u kompetenzi għall-irwol il-ġdid tiegħu, huwa meħtieġ li jkollu kemm edukazzjoni tal-bidu ta' l-għalliema ta' kwalità għolja kif ukoll proċess koerenti ta’ żvilupp professjonali kontinwu sabiex l-għalliema jibqgħu aġġornati bil-ħiliet meħtieġa f'soċjetà msejsa fuq l-għerf.

Bħal kull professjoni oħra moderna, l-għalliema għandhom ukoll ir-responsabbiltà li jestendu l-fruntieri ta' l-għarfien professjonali permezz ta' impenn lejn il-prattika riflettiva, permezz tar-riċerka, u permezz ta' ingaġġ sistematiku fl-iżvilupp professjonali kontinwu mill-bidu sat-tmiem tal-karrieri tagħhom. Is-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ għall-għalliema jeħtieġu li jipprovdu l-opportunitajiet meħtieġa għal dan.

1.4 Nuqqas ta’ ħiliet u l-għoti limitat ta’ taħriġ

Madankollu, sistemi għal Edukazzjoni ta’ l-Għalliema mhux dejjem huma mgħammra sew sabiex jissodisfaw dawn il-pressjonijiet ġodda.

Fi studju riċenti ta' l-OECD[15], kważi l-pajjiżi kollha rrappurtaw nuqqasijiet fil-ħiliet tat-tagħlim, u diffikultajiet fl-aġġornament tal-ħiliet ta' l-għalliema. In-nuqqasijiet jirrelataw b'mod speċjali ma' nuqqas ta' kompetenza biex jitrattaw żviluppi ġodda fl-edukazzjoni (inkluż it-tagħlim individwalizzat, it-tħejjija ta' l-istudenti għal tagħlim awtonomu, kif jitrattaw klassijiet eteroġeni, it-tħejjija ta' l-istudenti biex jisfruttaw l-ICT, u oħrajn).

F’bosta mill-Istati Membri teżisti biss ftit koordinazzjoni sistematika bejn l-elementi differenti ta’ l-edukazzjoni ta’ l-għalliema, li twassal għal nuqqas ta’ koerenza u kontinwità, speċjalment bejn l-edukazzjoni professjonali tal-bidu ta’ l-għalliema u t-tagħrif dwar l-impjieg sussegwenti, it-taħriġ kontinwu u l-iżvilupp professjonali; dawn il-proċessi lanqas ma huma ta’ spiss marbuta ma' l-iżvilupp u t-titjib ta’ l-iskejjel, jew mar-riċerka edukattiva. L-inċentivi għall-għalliema sabiex jibqgħu jaġġornaw il-ħiliet tagħhom tul il-ħajja professjonali tagħhom huma dgħajfin.

Investiment fit-taħriġ u l-iżvilupp kontinwu tal-forza tax-xogħol tat-tagħlim huwa baxx madwar l-Ewropa u l-ammont tat-taħriġ kontinwu disponibbli għal għalliema prattikanti huwa limitat. It-taħriġ kontinwu għall-għalliema huwa obbligatorju biss fi ħdax-il Stat Membru; l-għalliema mhumiex espliċitament obbligati li jieħdu dan it-taħriġ f'dawn l-istati kollha[16]. Fejn jeżisti, it-taħriġ ġeneralment jammonta għal anqas minn 20 siegħa fis-sena. M'hemm l-ebda Stat Membru li għandu taħriġ obbligatorju minimu li jaqbeż il-ħamest ijiem fis-sena, u f’bosta pajjiżi tlett ijiem biss ta’ taħriġ fis-sena huma obbligatorji. Barra minn hekk, il-fatt li t-taħriġ kontinwu jista’ jkun obbligatorju ftit li xejn huwa rifless fir-rati ta’ parteċipazzjoni.

Fir-rigward ta’ għalliema ġodda, nofs il-pajjiżi biss fl-Ewropa joffru xi forma sistematika ta’ appoġġ lill-għalliema ġodda (eż. tagħrif dwar l-impjieg, taħriġ, mentoring ) fl-ewwel snin tagħhom bħala għalliema. Oqsfa espliċiti ta' għajnuna għal għalliema li jesperjenzaw diffikultajiet fit-twettiq adegwat tax-xogħol tagħhom jeżistu biss f’terz mill-pajjiżi.

Tabella 1 hawn taħt turi jekk it-taħriġ kontinwu hux obbligatorju jew le.

L-istat ta' taħriġ kontinwu għall-għalliemaf'edukazzjoni primarja, sekondarja ġenerali iktar baxxa u ogħla, 2002/03

[pic] Sors: Eurydice. | ISCED 3 [pic] |

[pic] | Obbligatorju |

[pic] | Mhux obbligatorju imma neċessarju għal promozzjoni |

[pic] | Mhux Obbligatorju |

Tabella 2 hawn taħt turi li l-ħin annwali minimu allokat għal taħriġ kontinwu obbligatorju jvarja minn pajjiż għall-ieħor.

Ħin minimu fis-sena (f'sigħat) għal taħriġ kontinwu obbligatorju f'edukazzjoni primarja, sekondarja ġenerali iktar baxxa u ogħla, 2002/03.

x Taħriġ kontinwu mhux obbligatorju v Varjabbli Sors: Eurydice. Noti addizzjonali Il-Belġju: Tlett ijiem fis-sena. Il-Ġermanja: L-ammont ta' taħriġ kontinwu obbligatorju jvarja minn Land għall-oħra. L-Estonja: 160 siegħa f'temp ta' ħames snin. Il-Litwanja: 15-il jum mifruxa f'ħames snin ta' taħriġ. Dan jikkorrispondi għal 90 siegħa f'ħames snin. Il-Latvja: L-awtoritajiet ċentrali ta' l-edukazzjoni fasslu minimu ta' ħin allokat ta' 36 siegħa għal tliet snin. L-Ungerija: Kull seba' snin, 60-120 siegħa ta' taħriġ kontinwu huma obbligatorji. Malta: Tlett ijiem fis-sena fil-bidu u fl-aħħar tas-sena skolastika. Sa mill-2001/02, ġew introdotti tliet sessjonijiet ta' sagħtejn fis-sena wara l-iskola. L-Olanda: 10 % tas-sigħat ta' xogħol fis-sena ta' l-għalliema għandhom ikunu ddedikati għall-avvanz tal-professjonaliżmu. Dan huwa ammont ta' ħin stipulat formalment li huwa disponibbli għall-għalliema biex joħduh. L-Awstrija: Għal-livell 2 ta' l-ISCED, it-tagħrif mogħti hawnhekk għandu x'jaqsam ma' l-għalliema tal-Hauptschulen. Għall-għalliema ta' allgemein bildenden höheren Schulen l-ammont ta' taħriġ mhux speċifikat. Il-Finlandja: Tlett ijiem fis-sena ta' sitt sigħat kull wieħed. Ir-Renju Unit (ENG/WLS/NIR): Il-ħamest ijiem fis-sena skolastika meta s-sessjonijiet ta' l-iskola mhumiex meħtieġa spiss jintużaw għal taħriġ kontinwu. Barra minn hekk, is-sehem fl-arranġamenti għall-iżvilupp professjonali huwa aspett essenzjali tad-dmirijiet professjonali. Ir-Renju Unit (SCT): Hemm minimu ta' ħamest ijiem għal taħriġ kontinwu. L-għalliema għandhom jgħaddu 50 siegħa fis-sena f'attivitajiet ippjanati; xi ftit minn dan il-ħin jista' jintuża wkoll għal taħriġ kontinwu. Il-Liechtenstein: L-għalliema jridu jieħdu sehem f'ta' l-inqas attività ta' taħriġ kull sentejn. Ir-Rumanija: 95 siegħa kull ħames snin, sakemm l-għalliema ma jieħdux gradi professjonali matul dan iż-żmien. Nota ta' spjegazzjoni Kalkolu: Sakemm ma jingħadx mod ieħor fin-noti ta' hawn fuq, jum jikkorrispondi għal seba' sigħat. Għall-pajjiżi fejn ċertu ammont ta' taħriġ matul bosta snin huwa obbligatorju, il-kalkolu huwa bbażat fuq medja. |

Tabella 3 hawn taħt turi li l-miżuri ta’ appoġġ għal għalliema ġodda għad mhumiex mifruxa. Fl-2002, nofs biss tal-pajjiżi kollha offrew għajnuna lil għalliema ġodda tul dan il-perjodu tal-karriera tagħhom.

Regolamenti u/jew rakkomandazzjonijiet dwar tipi ta' appoġġ u superviżjoni disponibbli għal min hu ġdid fil-professjoni tat-tagħlim fl-edukazzjoni primarja u sekondarja ġenerali (iktar baxxa jew ogħla), 2002/03

(1) 100 siegħa - (2) varjabbli - (3) 40 siegħa - (4) sa 24 siegħa |

Sors: Eurydice. |

1.5 Karatteristiċi tal-professjoni tat-Tagħlim fl-Unjoni Ewropea

Sess

Tabella 4 hawn taħt turi li l-maġġoranza ta’ l-għalliema fl-edukazzjoni primarja u sekondarja huma nisa[17]. Fl-2002 fil-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea għajr għal wieħed, aktar minn 70% ta’ l-għalliema fl-edukazzjoni primarja (ISCED 1) kienu nisa. Il-proporzjoni ta’ għalliema nisa fl-edukazzjoni sekondarja ta’ l-ewwel livell (ISCED 2) mhux daqstant għoli daqs kemm hu fl-edukazzjoni primarja. Filwaqt li l-proporzjon tan-nisa fl-edukazzjoni sekondarja ogħla jispikka anqas, xorta jaqbżu l-ammont ta' rġiel fi kważi l-pajjiżi kollha.

Perċentwali ta' għalliema nisa fl-edukazzjoni primarja (ISCED 1) u edukazzjoni sekondarja (ISCED 2 u 3), is-setturi pubbliċi u privati flimkien, 2001/02

[pic] |

Grupp ta’ Età |

B’mod ġenerali, teżisti l-ħtieġa li jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jingħażlu u jinżammu għadd suffiċjenti ta' rġiel u nisa edukati u motivati sew fil-professjoni, b'mod partikolari sabiex jieħdu post il-koorti ta' l-età li qed jonqsu.

2 QAFAS GħALL-AZZJONI

2.1 Appoġġ attwali mill-Unjoni Ewropea għall-edukazzjoni ta’ l-għalliema

L-Istati Membri huma responsabbli għall-organizzazzjoni u l-kontenut tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ. L-irwol ta’ l-Unjoni Ewropea huwa li tappoġġjahom.

Fil-livell Ewropew, programmi Komunitarji bħall-azzjonijiet Comenius u Erasmus fi ħdan il-programm Socrates, u l-programm Leonardo Da Vinci taw appoġġ għal proġetti għall-promozzjoni ta’ l-iżvilupp tal-kompetenzi ta' l-għalliema. Il-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja l-ġdid (2007-2013) se jżid l-appoġġ għall-mobbiltà ta’ l-għalliema u għal proġetti ta’ kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet ta’ l-edukazzjoni ta' l-għalliema[21].

Il-Fond Soċjali Ewropew ukoll huwa strument importanti li se jintuża għall-appoġġ tal-modernizzar tas-sistemi ta' l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, inkluża l-edukazzjoni tal-bidu u kontinwa ta' l-għalliema fl-Istati Membri.

2.2 Ħidma konġunta ma’ l-Istati Membri

Il-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib ma’ l-Istati Membri biex tgħinhom jiżviluppaw u jimmodernizzaw il-linji politiċi tagħhom ta' edukazzjoni u taħriġ. Hija tagħmel dan permezz tal-Programm ta’ Ħidma ‘Edukazzjoni u Taħriġ 2010’, parti mill-Istrateġija Riveduta ta’ Liżbona, li jiffaċilita l-iskambju tat-tagħrif, tad- data u ta’ l-aħjar prassi permezz ta' tagħlim reċiproku u ta' reviżjoni minn esperti.

Bi tweġiba għall-identifikazzjoni tal-Kunsill ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema bħala kwistjoni ewlenija, il-Kummissjoni fl-2002 stabbiliet grupp ta' ħidma sabiex jirrifletti dwar it-titjib ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema u ta' min iħarreġ, li ġabar flimkien ir-rappreżentanti ta' 31 pajjiż li pparteċipaw fil-programm ta’ ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010[22].

Ix-xogħol sussegwenti mill-Kummissjoni u minn esperti nazzjonali wera ftehim ġenerali dwar it-tibdiliet meħtieġa. Ġie stabbilit sett ta’ Prinċipji Komuni Ewropej għall-Kompetenzi u l-Kwalifiki ta' l-Għalliema [23] b’kooperazzjoni ma’ esperti maħtura mill-Istati Membri u ttestjati fl-2005 f'Konferenza Ewropea ta' persuni għolja li jfasslu l-politika, esperti fil-qasam ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema u partijiet interessati ewlenin. Bosta pajjiżi diġà bdew jużaw il-Prinċipji Komuni Ewropej sabiex iżidu r-riflessjoni tagħhom dwar l-iżvilupp ta’ politika dwar l-edukazzjoni ta' l-għalliema.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri baqgħu jesploraw tweġibiet għall-isfidi identifikati, permezz tal-grupp dwar 'L-Għalliema u Min Iħarreġ', li huwa magħmul minn esperti maħtura mit-18-il Stat Membru li esprimew tħassib partikolari li jiżviluppaw il-linji politiċi tagħhom dwar l-Edukazzjoni ta’ l-Għalliema. Hija organizzat sensiela ta’ attivitajiet ta’ tagħlim għall-impari dwar oqsma ta’ tħassib ta' politika komuni, inklużi sistemi ta' żvilupp professjonali kontinwu, l-iskola bħala komunità ta’ tagħlim għall-għalliema tagħha, Tmexxija ta’ l-Iskejjel, it-tħejjija ta’ l-għalliema għal klassijiet kulturalment diversi, u sħubiji bejn l-iskejjel u kumpaniji. L-Istati Membri huma ta' l-opinjoni li din it-tip ta' ħidma tipprovdi opportunitajiet ta' tagħlim utli.

2.3 Prinċipji komuni

L-isfidi li qed tiffaċċja l-professjoni tat-tagħlim huma, essenzjalment, komuni madwar l-Unjoni Ewropea. Huwa possibbli li wieħed jasal għal analiżi komuni tal-kwistjonijiet u viżjoni komuni tat-tip ta' ħiliet li jeħtieġu l-għalliema.

Il-Prinċipji Komuni Ewropej għall-Kompetenzi u l-Kwalifiki ta’ l-Għalliema, li ssemmew hawn fuq, inkitbu fuq l-bażi ta’ l-esperjenza ta’ għalliema u edukaturi tat-tagħlim madwar l-Ewropa u ġew ivvalidati minn partijiet interessati. Jiddeskrivu viżjoni ta’ professjoni ta’ tagħlim Ewropea li għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

- hija professjoni kkwalifikata sew : l-għalliema huma kollha gradwati minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla (u dawk li jaħdmu fil-qasam ta’ l-edukazzjoni vokazzjonali tal-bidu huma kkwalifikati sew fil-qasam professjonali tagħhom u għandhom kwalifa pedagoġika adatta). Kull għalliem għandu għarfien estensiv dwar is-suġġett, għarfien tajjeb ta' pedagoġija, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex jiggwidaw u jappoġġjaw lill-istudenti, u apprezzament tad-dimensjoni soċjali u kulturali ta' l-edukazzjoni.

- hija professjoni ta’ persuni li jibqgħu jitgħallmu tul il-ħajja : l-għalliema huma appoġġjati sabiex ikomplu l-iżvilupp professjonali tagħhom matul il-karriera tagħhom. Kemm huma kif ukoll dawk li jimpjegawhom jirrikonoxxu l-importanza li jiksbu għarfien ġdid, u huma kapaċi jinnovaw u jużaw l-evidenza sabiex jinformaw ħidmiethom.

- hija professjoni mobbli : il-mobbiltà hija komponent ċentrali għal programmi ta' edukazzjoni ta' l-għalliema tal-bidu u dik kontinwa. L-għalliema huma mħeġġa jaħdmu jew jistudjaw f’pajjiżi oħra Ewropej għall-għanijiet ta’ l-iżvilupp professjonali.

- hija professjoni msejsa fuq is- sħubija : l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ta’ l-għalliem jorganizzaw xogħlhom b'kollaborazzjoni fi sħubija ma’ skejjel, ambjenti ta’ xogħol lokali, fornituri ta’ taħriġ imsejjes fuq ix-xogħol u partijiet interessati oħrajn.

B’konformità ma’ dawn il-prinċipji, u fid-dawl ta' l-analiżi msemmija qabel, il-Kummissjoni temmen li l-passi ta' politika li ġejjin għandhom jiġu indirizzati sabiex titjieb il-kwalità ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Għalliema fl-Unjoni Ewropea.

2.3.1 Tagħlim tul il-ħajja

L-edukazzjoni tal-bidu ma tistax tipprovdi lill-għalliema bl-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għal ħajja ta’ tagħlim. L-iżvilupp edukattiv u professjonali ta’ kull għalliem jeħtieġ li jitqies bħala ħidma għal tul il-ħajja, u jkun strutturat u jkollu biżżejjed riżorsi skond dan.

L-għoti ta’ l-edukazzjoni u l-iżvilupp ta' l-għalliema jkun aktar effettiv jekk ikun koordinat bħala sistema koerenti fil-livell nazzjonali, u jkun iffinanzjat b'mod xieraq. L-istrateġija ideali tkun li tiġi stabbilita katina ta’ provvediment li tinkludi l-edukazzjoni ta’ l-għalliema tal-bidu, tagħrif dwar il-professjoni, u żvilupp professjonali kontinwu tul il-karriera li jinkludi opportunitajiet ta’ tagħlim formali, informali u mhux formali. Dan ikun ifisser li l-għalliema kollha:

- jieħdu sehem fi programm effettiv ta’ tagħrif dwar l-impjieg matul l-ewwel tliet snin fil-kariga/professjoni;

- ikollhom aċċess għal gwida strutturata u mentoring minn għalliema esperjenzati jew professjonisti rilevanti oħrajn matul il-karriera tagħhom;

- jieħdu sehem f'diskussjonijiet regolari dwar il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u żvilupp tagħhom, fil-kuntest aktar wiesgħa ta’ l-iżvilupp ta' l-istituzzjoni fejn jaħdmu.

B’żieda ma’ dan, il-Kummissjoni temmen li l-għalliema kollha jibbenefikaw jekk:

- jiġu mħeġġa u appoġġjati matul il-karriera tagħhom sabiex jestendu u jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom permezz ta’ mezzi formali, informali u mhux formali, u jekk it-tagħlim formali u mhux formali rilevanti tagħhom ikun rikonoxxut;

- ikollhom aċċess għal opportunitajiet oħrajn għal żvilupp professjonali kontinwu, bħal skambji u tqegħid f’xogħol temporanju (iffinanzjati jew le mill-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja); kif ukoll

- ikollhom l-opportunità u l-ħin jistudjaw għal aktar kwalifiki, u jieħdu sehem fi studju u riċerka f’livell ta’ edukazzjoni ogħla.

- Jeħtieġ li jseħħ aktar sabiex jiġu promossi sħubiji kreattivi bejn l-istituzzjonijiet li jaħdmu fihom l-għalliema, id-dinja tax-xogħol, l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla u ta' riċerka, u aġenziji oħrajn, sabiex ikun hemm appoġġ għal taħriġ ta' kwalità għolja u prattika effettiva, u għall-iżvilupp ta’ netwerks ta' innovazzjoni fil-livelli lokali u reġjonali.

2.3.2 Ħiliet meħtieġa

L-għalliema għandhom irwol importanti fit-tħejjija ta’ l-istudenti sabiex isibu posthom fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol. F’kull punt tal-karriera tagħhom, l-għalliema jeħtieġ li jkollhom, jew ikunu kapaċi jiksbu, il-firxa sħiħa ta’ għarfien dwar is-suġġett, l-attitudnijiet u l-ħiliet pedagoġiċi sabiex ikunu jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom. B’mod partikolari għandhom bżonn tal-ħiliet meħtieġa biex:

- jidentifikaw il-ħiliet speċifiċi għal kull student individwali, u jwieġbu għalihom billi jeżerċitaw firxa wiesgħa ta' strateġiji ta' tagħlim;

- jappoġġjaw l-iżvilupp taż-żgħażagħ fi studenti kompletament awtonomi għal ħajjithom;

- jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu l-kompetenzi elenkati fil-Qafas ta' Referenza Ewropew għal Kompetenzi Ewlenin[24];

- jaħdmu f’ambjenti multikulturali (inkluż apprezzament tal-valur tad-diversità, u rispett għad-differenza); kif ukoll

- jaħdmu b’kollaborazzjoni mill-qrib ma' kollegi, ġenituri u l-komunità kollha.

Meta jitqiesu l-esiġenzi dejjem jiżdiedu li qed jitpoġġew fuq il-mexxejja ta’ l-iskejjel, u d-diffikultajiet esperjenzati biex jimtlew karigi ta' tmexxija, ikun ta' vantaġġ ukoll jekk l-għalliema jkollhom l-opportunità li jiksbu, jiżviluppaw u jużaw ħiliet ta’ tmexxija.

2.3.3 Prattika riflettiva u riċerka

L-għalliema jgħinu liż-żgħażagħ jieħdu r-responsabbiltà sabiex iħejju t-triqat ta’ tagħlim tagħhom tul il-ħajja. L-għalliema għandhom ikunu kapaċi jħejju t-triqat ta' tagħlim tagħhom ukoll. Barra minn dan, bħal ma huwa l-każ ta’ membri ta’ kull professjoni oħra, l-għalliema għandhom ir-responsabbiltà li jiksbu għarfien ġdid dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ. F'kuntest ta' tagħlim awtonomu tul il-ħajja, l-iżvilupp professjonali tagħhom jimplika li l-għalliema:

- jibqgħu jirriflettu dwar ix-xogħol tagħhom b'mod sistematiku;

- iwettqu riċerka msejsa fuq il-klassi;

- jinkorporaw ir-riżultati dwar riċerka dwar il-klassi u dik akkademika fit-tagħlim tagħhom;

- jivvalutaw l-effettività ta’ l-istrateġiji ta' tagħlim tagħhom u jemendawhom kif xieraq; kif ukoll

- jevalwaw il-ħtiġijiet ta’ taħriġ tagħhom.

Hemm il-bżonn li jiġu stabbiliti l-inċentivi, ir-riżorsi u s-sistemi ta’ appoġġ meħtieġa sabiex jintlaħaq dan.

2.3.4 Kwalifiki

Meta titqies il-komplessità ta' l-esiġenzi li jitpoġġew fuq l-għalliema, il-firxa ta’ għarfien u ħiliet li jeħtieġ ikollhom, u l-bżonn li jkollhom esperjenza prattika suffiċjenti fi klassijiet veri bħala parti mill-edukazzjoni tal-bidu tagħhom, mhix sorpriża li l-korsijiet ta' Edukazzjoni ta' l-Għalliema tal-bidu huma impenjattivi. Fi 18-il Stat Membru, il-korsijiet ta’ l-Edukazzjoni tal-bidu għal għalliema tas-sekondarja ogħla jdumu mill-anqas ħames snin u jwasslu għal kwalifika ta' livell universitarju (ISCED 5A); għal għalliema tas-sekondarja ta’ l-ewwel livell 12-il Stat Membru jeħtieġ edukazzjoni tal-bidu fil-livell universitarju ta’ mill-anqas ħames snin[25].

Tista' tingħata konsiderazzjoni għal politika ta' livell ogħla ta' kwalifika ta' l-għalliema, kif diġà ġie adottat f’xi pajjiżi.

2.3.5 L-Edukazzjoni ta’ l-Għalliema fl-Edukazzjoni Ogħla

Sabiex ikun żgurat li jkun hemm kapaċità adegwata fl-Edukazzjoni Ogħla li tipprevedi għall-kwantità u l-kwalità ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Għalliema meħtieġa, u li tippromwovi l-professjonalizzazzjoni tat-tagħlim, jeħtieġ li programmi ta' edukazzjoni ta' l-għalliema jkunu disponibbli fiċ-ċiklu ta’ edukazzjoni ogħla ta' Master u Dottorat (kif ukoll Baċċellerat).

Jeħtieġ li jissaħħu r-rabtiet bejn l-edukaturi ta’ l-għalliema, għalliema prattikanti, id-dinja tax-xogħol u agenziji oħrajn. L-istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Ogħla għandhom irwol importanti fl-iżvilupp ta’ sħubiji effettivi ma’ skejjel u partijiet interessati oħrajn sabiex jiżguraw li l-korsijiet ta’ Edukazzjoni ta' l-Għalliema tagħhom ikunu msejsa fuq evidenza solida u prattika tajba fil-klassi.

Dawk responsabbli mill-edukazzjoni ta’ l-għalliema (u mill-edukazzjoni ta’ l-edukaturi ta’ l-għalliema) għandu jkollhom esperjenza prattika ta’ tagħlim fil-klassi u jkunu kisbu standard għoli ħafna fil-ħiliet, attitudnijiet u kompetenzi mitluba mill-għalliema.

2.3.6 It-tagħlim fis-soċjetà

L-għalliema huma mudelli. Huwa importanti għall-akkwist ta’ l-istudent li l-professjoni tirrifletti bis-sħiħ id-diversità tas-soċjetà li topera fiha (f'termini, pereżempju ta’ kultura, ilsien il-pajjiż u (diż)abbiltà). L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li l-forza tax-xogħol tat-tagħlim tirrifletti bis-sħiħ id-diversità tas-soċjetà, u b'mod partikolari jneħħu tfixkil għal bilanċ kulturali u ta’ sessi f’kull livell.

3 IL-KONTRIBUZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Sabiex tappoġġja l-Istati Membri fir-riformi tagħhom fl-Edukazzjoni ta' l-Għalliema, il-Kummissjoni tipproponi li:

1. tiżgura li l-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja l-ġdid u l-Fond Soċjali Ewropew jappoġġjaw l-isforzi ta’ l-Istati Membri ħalli jtejbu l-għoti u l-kontenut ta’ l-edukazzjoni ta' l-għalliema, u biex iħeġġu l-mobbiltà ta’ l-għalliema u għalliema fl-istadju ta’ taħriġ;

2. tiżviluppa indikaturi li jirriflettu aħjar il-kwistjonijiet involuti fit-titjib ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-għalliema u r-reklutaġġ tagħhom, u rapport dwar il-progress fil-kwalità ta’ l-edukazzjoni ta’ l-għalliema permezz tar-rapport biannwali dwar il-programm ta’ Edukazzjoni u Taħriġ 2010;

3. tikkontribwixxi għall-ħolqien u t-tixrid ta’ għarfien ġdid fil-qasam tat-tagħlim u l-edukazzjoni ta’ l-għalliema; kif ukoll tappoġġja lill-Istati Membri fl-użu effettiv tiegħu, permezz tal-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Programm ta’ Qafas ta’ Riċerka;

4. tappoġġja l-iżvilupp ta’ inizjattivi li jippromwovu d-dimensjoni Ewropea għall-edukazzjoni ta' l-għalliema u l-mobbiltà ta’ l-għalliema;

5. tirrevedi l-progress u tressaq aktar proposti.

4 KONKLUżJONIJIET

Din il-Komunikazzjoni identifikat il-kwalità tat-tagħlim u l-Edukazzjoni ta’ l-Għalliema bħala fattur prinċipali fl-assikurazzjoni tal-kwalità ta’ l-edukazzjoni u t-titjib ta’ l-akkwist edukattiv taż-żgħażagħ. Elenkat għadd ta’ passi li issa jistgħu jittieħdu f’dan il-qasam, u modi kif il-Kummissjoni tista’ tappoġġja din il-ħidma.

Meħuda flimkien, dawn il-proposti jservu sabiex: jiżguraw li l-provvediment għall-edukazzjoni u l-iżvilupp professjonali ta’ l-għalliema jkun ikkoordinat, koerenti u mgħammar bir-riżorsi xierqa; jiżguraw li l-għalliema kollha jkollhom l-għerf, l-attitudnijiet u l-ħiliet pedagoġiċi li jeħtieġu ħalli jkunu effettivi; jappoġġjaw il-professjonalizzazzjoni tat-tagħlim; jippromwovu kultura ta’ prattika riflettiva u riċerka fil-professjoni tat-tagħlim; u jippromwovu l-istatus u r-rikonoxximent tal-professjoni.

B'dan huma se jikkontribwixxu għal titjib fil-kwalità ta’ l-edukazzjoni għal kulħadd u jgħinu lill-Istati Membri jilħqu l-għanijiet ta’ Liżbona tagħhom għal koeżjoni soċjali u kompetittività u tkabbir ekonomiku.

Il-Kummissjoni se tara li tressaq dawn il-proposti fi ħdan il-programm Edukazzjoni u Taħriġ 2010, b’ħidma mal-grupp ta’ esperti mill-Istati Membri 'Għalliema u Min Iħarreġ'. Hija se tkun megħjuna f’dan mill-konferenzi, li se jsiru fi żmien qrib, organizzati fil-qafas tal-Presidenza Portugiża tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill iwieġbu għall-kwistjonijiet imniżżla f’din il-Komunikazzjoni.

[1] L-istudju Mobility of Teachers and Trainers , li sar f’isem id-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura, 2006 (http://ec.europa.eu/education/doc/reports/doc/mobility.pdf).

[2] Din il-Komunikazzjoni hija dwar għalliema fl-edukazzjoni ġenerali u fl-edukazzjoni vokazzjonali tal-bidu; għal dawn l-għanijiet għalliem huwa persuna rikonoxxuta bħala li għandha l-istat ta' għalliem (jew ekwivalenti) skond il-leġiżlazzjoni u l-prattika ta' Stat Membru. Din teskludi persuni impjegati barra mis-sistemi formali ta' edukazzjoni u taħriġ minħabba n-natura u l-kuntest differenti tal-ħidmiet li jwettqu.

[3] Ara, pereżempju, il-linji ta’ gwida integrati għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi li jirrikonoxxu l-importanza tal-kompetenzi għall-impjieg, u b'mod partikolari l-linja ta' gwida Nru 23 dwar il-ħtieġa li s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ jiġu addattati bi tweġiba għall-ħtiġijiet ta' kompetenzi ġodda billi, fost oħrajn, ikunu żgurati l-attrattività, il-ftuħ u standards ta’ kwalità għolja fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ.

[4] Rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-progress lejn l-għanijiet ta' Liżbona, 16 ta' Mejju 2006.

[5] Ara, pereżempju, Darling Hammond et al 2005, Does teacher preparation matter? Evidence about teacher certification, Teach for America, and teacher effectiveness . Education Policy Analysis Archives , 13(42) 16-17, 20

[6] Rivkin, Hanushek, and Kain, 2000; Hanushek, Kain and Rivkin 2005, ‘ Teachers, Schools, and Academic Achievement ’.

[7] Angrist and Lavy, 2001, Does Teacher Training Affect Pupil Learning? Evidence from Matched Comparisons in Jerusalem Public Schools Journal of Labor Economics , 19, 2, 343-69

[8] http://ec.europa.eu/education/policies/2010/doc/jir_council_final.pdf

[9] Rapport ta’ l-OECD Teachers matter : Attracting, Developing and Retaining Effective Teachers , 2005; www.oecd/edu/teacherpolicy

[10] Il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, http://ue.eu.int/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/84335.pdf

[11] kif ippreżentata fil-Komunikazzjoni Nipprattikaw l-għarfien: Strateġija ta’ innovazzjoni wiesgħa għall-UE COM(2006) 502 finali.

[12] Grupp ta’ livell għoli ppresedut mis-Sur Michel Rocard MP eżamina attivitajiet ta' inizjattivi kontinwi ta' innovazzjoni nazzjonali u Ewropea fil-qasam ta' l-edukazzjoni tax-xjenza. Ir-rapport tagħhom, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/research/science-society/index.cfm?fuseaction=public.topic&id=1100&lang=, jappella għall-introduzzjoni ta’ strateġija ġdida għall-edukazzjoni tax-xjenza li hija radikalment maqtugħa mill-metodi pedagoġiċi tradizzjonali.

[13] Ara il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Inkattru l-inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim COM(2006) 33 finali

[14] COM(2005) 596 ta’ Novembru 2005

[15] Teachers Matter , OECD 2005

[16] Għal spjegazzjoni sħiħa tad- data li fuqha huma msjesa dawn it-tabelli, u d-definizzjonijiet użati, jekk jogħġbok irreferi għal: Key data on Education in Europe 2005, Eurydice, ISBN 92-894-9422-0; http://www.eurydice.org/portal/page/portal/Eurydice/showPresentation?pubid=052EN

[17] Key data on Education in Europe 2005 , Eurydice, ISBN 92-894-9422-0

[18] Dolton, P. J. and Van der Klaauw, W. ‘ Leaving teaching in the UK – a duration analysis ’. Economic Journal 105 (429), 431-444, 1995.

[19] L-istudju Mobility of Teachers and Trainers , id-Direttorat-Ġeneral għall-Edukazzjoni u l-Kultura, 2006.

[20] Idem

[21] Id-Deċiżjoni 1720/2006/KE

[22] Il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-titjib ta’ l-edukazzjoni ta’ l-għalliema u ta’ min iħarreġ, rapporti ta’ progress 2003, 2004: http://europa.eu.int/comm/education/policies/2010:objectives_en.html#training

[23] http://ec.europa.eu/education/policies/2010/testingconf_en.html

[24] Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill 2006/962/KE.

[25] Eurydice: Key Data on Education in Europe , 2005