52007DC0354




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 29.6.2007

KUMM(2007) 354 finali

GREEN PAPER MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa – alternattivi għall-azzjoni ta’ l-UE {SEG(2007) 849}

GREEN PAPER MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa – alternattivi għall-azzjoni ta’ l-UE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

WERREJ

1. Niffukaw l-adattament u r-rimedji 2

2. Raġunijiet għat-tħassib dinji 4

3. L-Ewropa mhix eskluża 4

4. L-Ewropa għandha tadatta - sfidi għas-soċjetà Ewropea u l-politika pubblika Ewropea 9

5. Niffokaw fuq azzjoni mill-UE – Alternattivi prijoritarji għal approċċ flessibli msejjes fuq erba' pilastri 14

5.1. L-ewwel pilastru: Azzjoni bikrija mill-UE 14

5.1.1. Integrazzjoni ta’ l-adattament waqt l-implimentazzjoni u l-modifika tal-leġiżlazzjoni u politiki eżistenti u futuri. 14

5.1.2. L-integrazzjoni ta’ l-adattament fil-programmi Komunitarji eżistenti ta' finanzjament; 19

5.1.3. L-iżvilupp ta’ risponsi ġodda ta’ politika. 20

5.2. It-tieni pilastru: L-integrazzjoni ta’ l-adattament fl-azzjonijiet esteri ta’ l-UE 22

5.3. It-tielet pilastru: It-tnaqqis ta’ l-inċertezzi bit-twessigħ tal-bażi ta’ l-għarfien permezz ta’ riċerka integrata dwar il-klima 25

5.4. Ir-raba’ pilastru: L-involviment tas-soċjetà, s-settur tan-negozju u dak pubbliku Ewropej fit-tħejjija ta' l-istrateġiji ta' l-adattament koordinati u komprensivi 27

6. Il-Passi li jmiss 28

Anness

Nota: l-istampi u l-mapep f'dan id-dokument għandhom jiġu stampati bil-kulur

1. NIFFUKAW L-ADATTAMENT U R-RIMEDJI Illum il-bidla klimatika toffri sfida doppja: L-ewwelnett, impatti ħorox tal-bidla klimatika jistgħu jiġu impediti biss bit-tnaqqis qawwi fl-emissjonijiet tal-gass serra (GHG). It-tranżizzjoni immedjata għal ekonomija globali b’użu baxx tal-karbonju hija għalhekk is-sies ċentrali tal-politika integrata ta’ l-UE dwar il-bidla klimatika u l-politika ta' l-enerġija sabiex tilħaq l-għan tal-UE biex tinżamm iż-żieda medja dinjija tat-temperatura taħt iż-2°C imqabbla mal-livelli preindustrijali. |

Jekk din taqbeż iż-2°C, ir-riskju ta’ bidla klimatika perikoluża u imprevedibbli jiżdied b'mod sinikanti u l-ispejjeż ta’ l-adattament jistgħu jeskalaw. Din hija r-raġuni għalfejn ir-rimedji huma daqstant imperattivi għall-komunità globali u għalfejn il-Kapijiet ta’ l-Istati u l-Gvernijiet ta’ l-UE fil-Kunsill tar-Rebbiegħa 2007 qablu unanimament li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gass serra b'għallinqas 20% sa l-2020 u, f'każ ta' ftehim komprensiv internazzjonali, bi 30% sa l-2020, u appellaw għal tnaqqis globali sa 50% sa l-2050 imqabbla mal-livelli ta’ l-1990. It-tieninett, bil-bidla klimatika diġà magħna, soċjetajiet madwar id-dinja qed jaffaċċjaw sfida paralela li jkollhom jadattaw għall-impatti tagħha minħabba li ċertu livell ta’ bidla klimatika huwa inevitabbli matul dan is-seklu u wara, anki jekk l-isforzi globali tar-rimedjar tul id-deċennji li ġejjin isarfu f’suċċess. Minkejja li azzjoni ta’ l-adattament għalhekk saret tkomplija inevitabbli u indispensabbli għal azzjoni ta’ rimedju, xorta waħda mhix alternattiva għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet GHG. Għandha l-limiti tagħha. Ladarba ċerti limiti tat-temperatura jinqabżu, ċerti impatti klimatiċi (pereżempju, trażlok kbir ta’ popolazzjonijiet) huma mistennija jiħraxu u jsiru irriversibbli. | [pic] |

L-Unjoni Ewropea għandha tidħol għall-isfida ta' l-adattament, b'ħidma f'partenarjat ma' l-Istati Membri tagħha u globalment ma' pajjiżi sieħba. Approċċ Ewropew huwa neċessarju biex jiżgura koordinazzjoni adegwata u l-effiċjenza tal-politiki li jindirizzaw l-impatti tal-bidla klimatika. L-azzjonijiet ta' adattament għandhom ikunu konsistenti ma' l-azzjonijiet tar-rimedjar u viċiversa. Dawn huma wkoll meħtieġa biex jiġu żgurati l-benefiċji miksuba mill-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u għall-impjiegi Din il-Green Paper teżamina l-impatti tal-bidla klimatika fl-Ewropa, ir-raġunijiet għal azzjoni u r-risponsi fl-UE. Hi tiffoka fuq ir-rwol ta’ l-UE, imma tqis ir-rwol prominenti ta’ l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, reġjonali u lokali f’kull strateġija ta’ l-adattament effiċjenti. Billi l-isfida ta’ l-adattament hija minnha nnifisha waħda dinjija, il-Green Paper tqajjem ukoll id-dimensjoni esterna u tara l-miżuri ta’ l-adattament fl-Ewropa li jistgħu japplikaw ukoll għal inħawi oħra tad-dinja, u l-opportunità għall-UE biex tipprovdi tmexxija internazzjonali f’dan il-qasam. Is-Summit reċenti tal-G8 f'Heiligendamm laqa' l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma ta' Nairobi dwar l-adattament u enfasizza l-impenn tal-parteċipanti biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' u l-appoġġ għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw f'dan il-qasam. |

2. RAġUNIJIET GħAT-TħASSIB DINJI

Bosta nħawi fid-dinja diġà qed jitħabtu ma’ l-effetti avversi ta’ żieda fit-temperaturi medji dinjija ta’ 0.76 °C mill-1850. Mingħajr politika dinjija effettiva ta’ rimedju għall-bidla klimatika, l-aħjar stimi ta’ riskaldament dinji fir-Raba’ Rapport Valutattiv tal-Bord Intergovernattiv dwar il-Bidla Klimatika (IPCC 4AR, il-Grupp ta’ Ħidma I) ivarjaw minn 1.8°C sa 4°C sa l-2100 imqabbla mal-livelli ta’ l-1990 (ara l-Anness 1). Dan huwa bejn tlieta u sitt darbiet aktar miż-żieda fit-temperatura li d-dinja esperjenzat miż-żminijiet preindustrijali. Anki l-anqas livell tax-xenarju ta’ attività normali jgħolli t-temperatura aktar minn 2°C miż-żminijiet preindustrijali. L-Anness għal din il- Green Paper jispjega f’aktar dettall il-bidliet fit-temperaturi u l-impatt globali.

Tul l-aħħar tliet deċennji, il-bidla klimatika diġà ħalliet effett fuq bosta sistemi fiżiċi u bijoloġiċi madwar id-dinja:

- L-ilma: Il-bidla klimatika se tkompli tnaqqas l-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur. L-ilma li jdub mill-glaċjieri attwalment jissuplixxi l-ilma lil aktar minn biljun ruħ; ladarba dan jispiċċa, popolazzjonijiet se jkunu taħt pressjoni u jispiċċaw jemigraw lejn reġjuni oħra fid-dinja, u jikkawżaw taqlib u nuqqas ta’ sigurtà lokali u saħansitra dinjin. L-inħawi affetwati min-nixfa huma mistennija li jiżdiedu.

- L-ekosistemi u l-bijodiversità: Madwar 20-30 % ta' l-ispeċijiet tal-pjanti u l-annimali eżaminati s'issa huma f'sogru akbar ta’ estinsjoni jekk iż-żiediet fit-temperatura medja dinjija jaqbżu l-1.5-2.5°C.

- L-ikel: Il-bidla klimatika hija mistennija żżid ir-riskju tal-ġuħ; l-għadd akbar ta’ nies f’dan ir-riskju jista’ jiżdied għal bosta mijiet ta’ miljuni.

- Il-kosti: Iż-żieda fl-għoli tal-livell tal-baħar se jkun ta' theddida għad-delta tan-Nil, id-delta ta’ Ganges/Brahmaputra u d-delta ta’ Mekong, u tikkawża ċ-ċaqliq ta’ aktar minn miljun ruħ f’kull delta sa l-2050. Stati ta’ ġżejjer żgħar diġà ġew affetwati.

- Is-saħħa: Il-bidla klimatika ser ikollha impatti diretti u indiretti fuq is-saħħa tan-nies u ta' l-annimali. L-effetti ta' l-avvenimenti klimatiċi estremi u żieda fil-mard li jittieħed huma fost ir-riskji l-aktar sinifikanti li għandhom jiġu kkunsidrati. Il-mard b’rabta mal-klima huwa fost l-aktar fatali madwar id-dinja. Dijarea, malarja u nutriment ħażin ta’ proteini u enerġija waħidhom ikkawżaw aktar minn 3.3 miljun mewt madwar id-dinja fl-2002, b'29 % ta' dawn l-imwiet iseħħu fl-Affrika.

3. L-EWROPA MHIX ESKLUżA

L-effetti tal-bidla klimatika fl-Ewropa u l-Artiku diġà huma sinifikanti u kalkolabbli. Il-bidla klimatika se taffettwa bil-kbir l-ambjent naturali ta’ l-Ewropa u kważi t-taqsimiet kollha tas-soċjetà u l-ekonomija. Minħabba n-nuqqas ta’ konsistenza ta’ l-impatti klimatiċi u s-sensittività ta’ l-ekosistema, anki bidliet żgħar fit-temperatura jistgħu jħallu effetti kbar. L-impatti fir-reġjuni ġeografiċi ewlenin ta’ l-Ewropa huma deskritti fl-Anness 3.

L-Ewropa saħnet bi kważi 1°C tul is-seklu li għadda, aktar mill-medja dinjija. Atmosfera isħan fiha aktar irtuba, imma x-xejriet ġodda tax-xita jvarjaw bil-kbir minn reġjun għall-ieħor. Ix-xita u l-borra żdiedu sinifikament fit-Tramuntana ta’ l-Ewropa, filwaqt li qed jiġi nnutat li n-nixfa saret aktar spissa fin-Nofsinhar ta’ l-Ewropa. Temperaturi estremi riċenti, bħal mewġa tas-sħana fis-Sajf 2003 li kisret ir-rekord, huma tipiċi ta' bidla klimatika kawża tal-bniedem. Filwaqt li avvenimenti meterjoloġiċi individwali ma jistgħux jiġu attribwiti għal kawża waħdanija, analiżi statistiċi wrew li r-riskju ta’ avvenimenti bħal dawn diġà żdied konsiderevolment b’konsegwenza tal-bidla klimatika. Hemm evidenza kbira li kważi l-proċessi kollha naturali, bijoloġiċi u fiżiċi (pereżempju, is-siġar qed jarmu qabel, il-glaċieri qed idubu) qed jirreaġixxu għall-bidliet klimatiċi fl-Ewropa u madwar id-dinja. Aktar minn nofs l-ispeċijiet tal-pjanti fl-Ewropa jistgħu jkunu vulnerabbli u mhedda sa l-2080.

L-aktar inħawi vulnerabbli fl-Ewropa huma (ara l-Grafiċi 1 u 2):

- in-Nofsinhar ta’ l-Ewropa u l-Baċir Mediterranju kollu, minħabba l-effett ikkumbinat minn żidiet għolja fit-temperaturi u tnaqqis ta’ xita fl-inħawi li diġà qed jaffaċċaw l-iskarsezza ta’ l-ilma;

- inħawi muntanjużi, partikolarment l-Alpi, fejn it-temperaturi jiżdiedu f’daqqa u jwasslu għal tidwib kullimkien tal-borra u s-silġ, li jbiddlu l-ġieri fix-xmajjar;

- iż-żoni kostali, minħabba li jogħla l-livell tal-baħar ikkombinat ma' sogri akbar ta’ maltempati;

- art vulnerabbli għall-għargħar li tkun popolata sew, minħabba sogri akbar ta' maltempati, xita qawwija u għargħar f’daqqa, li jwasslu għal ħsarat mifruxa f’żoni mibnija u fl-infrastruttura;

- l-Iskandinavja, fejn hija mistennija ħafna aktar preċipitazzjoni u ħafna minna aktar f’xita milli f’borra;

- ir-reġjun ta’ l-Artiku, fejn il-bidliet fit-temperaturi se jkunu ogħla minn kwalunkwe post ieħor fid-dinja.

Bosta setturi ekonomiċi jiddependu bil-kbir fuq il-kundizzjonijiet klimatiċi u se jħossu l-effetti tal-bidla klimatika fuq l-attivitajiet u n-negozji tagħhom: l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, il-faċilitajiet turistiċi fix-xtajtiet u ta’ l-iskijing, u s-saħħa. It-tnaqqis fid-disponibbiltà ta’ l-ilma, il-ħsarat mir-riħ, it-temperaturi ogħla, aktar nirien u pressjoni akbar mill-mard se jikkawżaw ħsarat fil-foresti. Żieda fil-frekwenza u l-intensità ta’ l-avvenimenti estremi bħal maltempati, preċipitazzjonijiet qawwija, għargħar tal-baħar, għargħar għal għarrieda, nixfiet, nirien tal-foresti u l-uqigħ ta' mases ta' l-art jikkawżaw ħsara fil-bini, u l-infrastruttura tat-trasport u industrijali, u b’hekk jinfluwenzaw indirettament is-setturi tas-servizzi finanzjarji u ta' l-assigurazzjoni. Anki ħsara barra l-UE tista' taffettwa konsiderevolment l-ekonomija tagħha, pereżempju bit-tnaqqis fil-provvista ta' l-injam għall-industriji Ewropej ta' l-ipproċessar.

Il-kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu, pereżempju, se jinfluwenzaw is-settur ta’ l-enerġija u t-tendenzi tal-konsum ta’ l-enerġija b’diversi modi:

- fir-reġjuni fejn il-preċipitazzjoni se tonqos jew fejn is-Sjuf xotti se jsiru aktar frekwenti, l-ilma disponibbli, għat-tkessih ta’ impjanti termali u nukleari u għall-produzzjoni ta’ l-idroenerġija, se jonqos. Il-kapaċità tat-tkessiħ ta’ l-ilma se tonqos ukoll minħabba t-tisħin ġenerali ta’ l-ilma u l-limiti tar-rimi jistgħu jinqabżu;

- is-sistemi tal-ġieri tax-xmajjar se jkunu alterati minħabba x-xejriet mibdula tal-preċipitazzjoni u minħabba t-tnaqqis fil-kisi tas-silġ u l-borra fl-inħawi muntanjużi. It-tisħim tad-digi ta’ l-idroenerġija jista' jaċċellera minħabba żieda fir-riskju ta’ l-erożjoni;

- Id-domanda għat-tisħin se tonqos, imma r-riskju tal-qtugħ fl-enerġija se jiżdied minħabba li s-sħana tas-sajf se tgħolli d-domanda għall-arja kkundizzjonata li jirriżulta f'żieda fid-domanda għall-elettriku;

- Ir-riskju akbar ta' maltempati u għargħar jista' jhedded l-infrastruttura ta' l-enerġija.

L-infrastruttura ewlenija tat-trasport b’ħajja twila ta’ l-użu, bħalma huma t-toroq, il-ferroviji, il-kanali ta’ l-ilma, l-ajruporti, il-portijiet u l-istazzjonijiet tal-ferrovija, it-tħaddim tagħha u mezzi tat-trasport relatati huma meterjoloġikament u klimatikament sensittivi, u għaldaqstant affettwati b’bidla fil-klima. Pereżempju:

- Il-livell ogħla tal-baħar ser inaqqas l-effett kenni tal-brejkwoters u tal-ħitan tal-mollijiet.

- is-sogru ta’ ħsara u interruzzjoni minħabba maltempati u għargħar, imma wkoll minħabba mewġ ta' sħana, nirien u uqigħ ta' massa ta' l-art, huma mistennija li jiżdiedu.

Dan juri li, filwaqt li jista’ jkun hemm xi aspetti pożittivi tal-bidla klimatika (pereżempju, il-produzzjoni agrikola f’ċerti nħawi limitati ta’ l-Ewropa), dawn huma bil-qabda anqas mill-impatti negattivi.

[pic]

Grafika 1: Bidla fit-temperatura medja annwali sa tmiem dan is-seklu[1]

[pic]Bidla fit-temperatura medja annwali [%]

Grafika 2: Bidla fix-xita medja annwali sa tmiem dan is-seklu

[pic]

Preċipitazzjoni Annwali: Bidla fl-ammont ta' xita [%]

4. L-EWROPA GħANDHA TADATTA - SFIDI GħAS-SOċJETÀ EWROPEA U L-POLITIKA PUBBLIKA EWROPEA

Il-każ favur l-azzjoni – iffrankar ta’ spejjeż fil-futur

L-analiżi ta' Stern[2] dwar l-ekonomiji tal-bidla klimatika tikkonkludi li l-adattament jista' jnaqqas l-ispejjeż, ladarba jitniedu l-politiki biex jegħlbu l-ostakli għall-azzjoni mill-privat. Il-forzi tas-suq weħidhom x’aktarx li ma jwasslux għal adattament effiċjenti minħabba ċertu livell ta’ inċertezza fil-previżjonijiet klimatiċi u n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji. L-adattament kosteffettiv għalhekk huwa l-aħjar soluzzjoni.

Stimi preliminari mill-analiżi ta’ Stern jissuġġerixxu li, b’żieda ta’ 3 sa 4°C fit-temperatura medja dinjija, il-kost addizzjonali għall-adattament ta’ l-infrastruttura u l-bini jista’ faċilment jammonta għal bejn 1 u -10% tal-kost totali investiti fil-kostruzzjoni fil-pajjiżi ta' l-OECD. L-ispiża addizzjonali biex l-infrastruttura u l-bini jsiru aktar adattabbli għall-bidla klimatika fil-pajjiżi ta’ l-OECD tista’ tvarja minn €15 sa 150 biljun kull sena (0.05–0.5% tal-PGD). Jekk it-temperaturi jitħallew jogħlew b’5 sa 6°C, il-kost tal-miżuri ta' l-adattament x'aktarx jiżdiedu bil-kbir, u sewwasew l-effikaċja relattiva tagħhom tonqos.

Kif jidher fil-Grafika 3, il-ħsara kkawżata minn livelli ogħla tal-baħar jekk ma jsirx l-adattament jistgħu jitilgħu sa erba’ darbiet aktar mill-ispejjeż tal-protezzjoni addizzjonali kontra l-għargħar. Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, il-kost tal-ħsara se jiżdied gradwalment mis-snin 2020 sas-snin 2080.

Meta jsir l-adattament?

Azzjoni bikrija se ssarraf f’benefiċċji ekonomiċi ċari billi tantiċipa ħsarat potenzjali u timminimizza t-theddid fuq l-ekosistemi, is-saħħa tal-bniedem, l-iżvilupp ekonomiku, il-proprjetà u l-infrastruttura. Barraminhekk, jista’ jinkiseb vantaġġ kompetittiv mill-kumpaniji Ewropej li huma fuq quddiem fl-istrateġiji u t-tekonoloġiji ta’ l-adattament.

Għarfien suffiċjenti tad-dimensjonijiet taż-żmien ta’ l-impatti huwa importanti meta wieħed jiffissa l-prijoritajiet. Il-livell eżatt taż-żieda fit-temperatura huwa dubjuż u se jkun jiddependi wkoll mill-azzjoni dinjija ta’ rimedju tul xi deċennji li ġejjin. Dan japplika partikolarment għall-perjodi itwal ta’ żmien, li għalihom l-inċertezzi huma akbar.

Jekk ma jkunx hemm rispons bikri tal-politika, l-UE u l-Istati Membri jistgħu jispiċċaw sfurzati jirreaġixxu b’adattament bla pjan, bosta drabi bl-addoċċ b’reazzjoni għal kriżijiet u diżastri dejjem aktar spissi, li jirriżultaw fi spejjeż ogħla kif ukoll f’theddida għas-sistemi soċjali u ekonomiċi ta’ l-Ewropa u s-siġurtà tagħha. Għall-impatti li għalihom għandha previżjonijiet sodi biżżejjed, l-adattament għandu għalhekk jibda minnufih.

Grafika 3: L-impatt tal-miżuri ta’ l-adattament fuq il-ħsara minħabba żieda baxxa jew għolja fl-għoli tal-livell tal-baħar. Il-kost bi u mingħajr il-miżuri ta’ l-adattament[3].

[pic]

Kif għandhom jadattaw l-Ewropej?

Is-settur privat ta’ l-UE, is-setturi ta’ l-industrija u tas-servizzi, kif ukoll ċittadini individwali se jkunu ffaċjati bil-konsegwenzi tal-bidla klimatika u jista' jkollhom parti importanti fil-miżuri ta’ l-adattament. Azzjoni konkreta tista’ tvarja bil-kbir, u tkopri pereżempju:

- miżuri ta ’ spejjeż kurrenti relattivament irħas, pereżempju, il-konservazzjoni ta’ l-ilma, it-tibdil fin-newba, id-dati taż-żrigħ, l-użu ta’ xtieli tolleranti għan-nixfa, pjanar pubbliku, u trawwim ta’ kuxjenza;

- miżuri infrastrutturali ta’ spejjeż kapitali għoljin ta’ protezzjoni u rilokazzjoni, eż. żieda fl-ogħli tad-digi, rilokazzjoni tal-portijiet, l-industrija u bliet u rħula sħaħ minn żoni kostali baxxi u art vulnerabbli għall-għargħar, u bini ta’ impjanti ġodda ta’ l-enerġija minħabba l-inoperabbiltà ta’ l-impjanti ta’ l-idroenerġija.

Hija meħtieġa azzjoni mis-settur pubbliku, pereżempju, fl-adattament ta’ l-ippjanar ta’ l-ispazji u l-art għar-riskji ta’ l-għargħar għal għarrieda; l-adattament tal-kodiċijiet eżistenti tal-bini biex jiġi żgurat li l-infrastruttura fuq medda twila ta’ żmien tkun protetta fil-ġejjini mir-riskji klimatiċi; l-aġġornament ta' l-istrateġiji tal-ġestjoni tad-diżastri, sistemi ta’ twissija bikrija għall-għargħar u nirien tal-foresti.

L-adattament se jġib ukoll opportunitajiet ekonomiċi ġodda inkluż impjiegi u swieq ġodda għall-prodotti u servizzi innovattivi bħal:

- swieq ġodda għall-tekniċi tal-bini, materjali u prodotti li joffru protezzjoni klimatika;

- fejn iċ-ċentri turistiċi jkunu wisq sħan tul is-Sajf, it-turiżmu max-xtajtiet fil-pajjiżi Mediterranji jkun mistenni jaqleb għar-Rebbiegħa u l-Ħarifa, filwaqt li minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli jwasslu sabiex l-Atlantiku u l-Baħar tat-Tramuntana jsiru destinazzjonijiet turistiċi potenzjali ġodda għall-btajjel max-xtajtiet;

- jiġu adattati l-prassi lokali tal-ġestjoni agrikola fl-Iskandinavja għal perjodi itwal ta’ tkabbir;

- is-settur ta’ l-assigurazzjoni jista’ jiżviluppa prodotti ġodda ta’ l-assigurazzjoni għat-tnaqqis tar-riskji u vulnerabbiltà qabel iseħħu diżastri; Primjums ta’ l-assikurazzjoni li jantiċipaw il-bidliet klimatiċi jistgħu jkunu ta’ inċentiv għal azzjonijiet ta’ adattament.

Ir-rwol ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, u dawk reġjonali u lokali.

L-adattament huwa kumpless minħabba li s-severità ta’ l-impatti se tvarja minn reġjun għall-ieħor, skond il-vulnerabbiltà fiżika, il-livell ta’ l-iżvilupp soċjoekonomiku, il-kapaċità naturali u umani li tadatta, is-servizzi tas-saħħa, u l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza tad-diżastri.

Għalhekk qed tiżviluppa l-governanza fuq diversi livelli dwar l-addatament tal-bidla klimatika, li tinvolvi l-parteċipanti kollha minn ċittadini individwali u awtoritajiet pubbliċi sa l-UE. Għandha tittieħed azzjoni fl-aktar livell xieraq u din tkun kumplimentari u bbażata fuq parternarjati konġunti. It-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istati u r-reġjuni tagħhom ivarja konsiderevolment madwar l-UE u għalhekk l-eżempji msemmija hawn taħt għandhom jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali. Bosta mill-eżempji f’kull każ ikunu jeħtieġu koordinazzjoni mill-qrib bejn, u l-involviment ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u awtoritajiet oħrajn bħalma huma l-amministrazzjonijiet tal-baċiri tax-xmajjar.

- Livell nazzjonali

Titjib tal-ġestjoni tad-diżastri u tal-kriżijiet

Se jiżdiedu l-frekwenza u l-intensità ta’ diżastri ta’ skala kbira ewlenin bħan-nirien, l-uqigħ ta' mases ta' l-art, n-nixfiet, il-mewġ tas-sħana, l-għargħar jew it-tfaqqiegħ ta’ mard. Il-prevenzjoni, il-preparatezza, ir-rispons u rkupru għad-diżastri għandhom isir ta' prijorità akbar għall-Istati Membri. Il-kapaċitajiet għar-rispons rapidu għall-bidla klimatika jkunu jeħtieġu li jiġu akkumpanjati bi strateġija għall-prevenzjoni u t-twissija tad-diżastri kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew.

Jistgħu jissaħħu aktar l-għodod tal-ġestjoni tar-riskju u jiġu żviluppati oħrajn ġodda: pereżempju, l-ippjantar ta’ l-inħawi vulnerabbli skond it-tipi ta’ impatti, metodi u mudelli ta’ żvilupp, valutazzjoni u tbassir tal-perikli, valutazzjoni ta’ l-impatti fuq is-saħħa, l-ambjent, impatti ekonomiċi u soċjali, u monitoraġġ satellitari u terrestrali b’appoġġ għat-teknoloġiji tal-ġesjoni tar-riskju. L-esperjenza u l-prassi tajba, inkluż l-ippjanar ta’ kontinġenza, jistgħu jiġu skambjati.

L-iżvilupp ta’ strateġiji ta' adattament

L-esperjenzi u l-għarfien espert fit-tfassil effettiv ta’ strateġiji ta’ l-adattament u ta’ politiki implimentattivi għadhom limitati. L-iskambju ta’ l-informazzjoni dwar il-miżuri ta’ rispons adatattivi jistgħu jnaqqsu qatiegħ l-ispejjeż tat-tagħlim madwar l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-muniċipalitajiet u l-komunitajiet.

L-ifqar saffi tas-soċjetà se jkunu l-aktar vulnerabbli għall-bidliet. Għaldaqstant għandha tingħata l-attenzjoni għall-aspetti soċjali ta’ l-adattament, inkluż it-theddid fuq l-impjiegi u l-impatti fuq l-għixien u l-kundizzjonijiet ta’ l-akkomodazzjoni. Pereżempju, it-tfal żgħar u l-anzjani huma aktar vulnerabbli għall-mewġ tas-sħana.

- Livell reġjonali

L-adattament għall-bidla klimatika huwa ta’ sfida għall-awtoritajiet ta' l-ippjanar fl-Ewropa partikolarment fil-livelli reġjonali. L-ippjanar ta’ l-ispazji huwa suġġett transettorjali li huwa għodda utli biex tiddefenixxi l-miżuri ta’ adattament kosteffettiv. Ir-rekwiżiti minimi għall-ippjanar ta’ l-ispazji, l-użu ta’ l-art u l-bdil fl-użu ta’ l-art, fir-rigward ta’ l-adattament jista’ jkollu rwol importanti fit-trawwim ta' kuxjenza fost il-pubbliku, id-deċiżuri u l-professjonisti u fl-inizzjazzjoni ta’ approċċ aktar proattiv fil-livelli kollha. Jistgħu jitqiesu l-iżvilupp ta’ dokumenti speċifiċi ta’ gwida teknika u studji ta' każijiet u prassi tajba. L-appoġġ ta’ l-UE għall-implimentazzjoni jista’ jiġi pprovdut għar-reġjuni għall-iskambju tal-prassi tajba.

- Livell lokali

Bosta deċiżjonijiet, li jinfluwenzaw direttament jew indirettament l-adattament għall-bidla klimatika, jittieħdu fil-livell lokali. Dan huwa wkoll il-lok fejn ikun disponibbli għarfien dettaljat dwar il-kundizzjonijiet lokali naturali u umani. Għaldaqstant l-awtoritajiet lokali għandhom rwol importanti x’jaqdu. Il-bidla fl-imġieba fi ħdan is-soċjetajiet u l-komunitajiet jiddependi ħafna mill-kuxjenza dwar il-problema. Iċ-ċittadini u l-parteċipanti jistgħu ma jkunux konxji ta’ l-iskala u s-serjetà ta’ dan li jkun ġej bħala impatti fuq l-attivitajiet tagħhom.

Pereżempju ġestjoni dettaljata ta’ l-art u prattiki dwar l-użu ta’ l-art jistgħu jiġu esplorati flimkien mal-bdiewa biex jiġu prevenuti li l-erożjoni u t-tisħim jilħqu d-djar u l-abitazzjonijiet. Fin-Nofsinhar ta’ l-Ewropa xi muniċipalitajiet żviluppaw, flimkien mal-bdiewa, inizjattivi biex jiġi frankat l-ilma, permezz ta' sistemi effiċjenti u elettroniċi ta’ ġestjoni għat-tisqija ta’ l-għelejjel.

F’reġjuni fejn għandhom nżul ta' xita u perjodi ta’ nżul ta' xita li qed jiżdiedu, sistemi ta’ ġbir separati għad-drenaġġ u għall-ilma tax-xita għandhom jitqies biex inaqqas il-bżonn li eventwalment jiżdiedu l-fawwara tad-dranaġġ.

Għaliex hija meħtieġa azzjoni fil-livell ta’ l-UE?

Hemm benefiċċji ċari l-adattament jiġi indirizzat b’mod integrat u koordinat fil-livell ta’ l-UE. Is-sistemi fiżiċi, bijoloġiċi u umani ta’ l-Ewropa huwa għonja fid-diversità, u l-bidla klimatika se tagħmel dan aktar evidenti. Filwaqt illi approċċ universali għall-adattament huwa ċertament inadegwat, il-bidla klimatika xorta waħda se jkollha impatt kullimkien u dawn l-impatti mhux se jieqfu mal-fruntieri amministrattivi. F’bosta oqsma l-adattament ser jeħtieġ approċċ transkonfinali, pereżempju dwar il-baċiri tax-xmajjar u fir-rigward ta’ reġjuni bijoġeografiċi. Filwaqt li l-miżuri se jkollhom jittieħdu jew jiġu implimentati fuq livell nazzjonali jew lokali, fejn jeżistu l-kapaċitajiet operazzjonali, huwa essenzjali li l-isforzi jiġu koordinati b’mod kosteffettiv. Se jkun meħtieġ li jiġu mmobilizzati parteċipanti fil-livelli kollha.

Barraminhekk, ċerti setturi (eż. l-agrikoltura, l-ilma, il-bijodiversità, is-sajd u netwerks ta' l-enerġija) huma fil-biċċa l-kbira tagħhom integrati fil-livell ta' l-UE permezz tas-suq waħdieni u l-politiki komuni, u jagħmel sens li l-għanijiet ta' l-adattament jiġu integrati fihom. Jista' wkoll jitqies kif jista' jittieħed kont ta' l-adattament fl-infiq tal-programmi ta' l-UE (eż. riċerka, koeżjoni, netwerks tranżewropej, żvilupp rurali, agrikoltura, sajd, il-fond soċjali, azzjonijiet esterni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp). L-adattament se jeħtieġ solidarjetà fost l-Istati Membri ta’ l-UE sabiex jiġi żgurat li r-reġjuni ifqar u żvantaġġati, u dawk ir-reġjuni li se jintlaqtu l-agħar mill-bidla klimatika, se jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji.

L-adattament tal-polititiki qed jibda kważi fl-Istati Membri kollha. Huwa essenzjali li jinqasmu l-esperjenzi mill-azzjonijiet bikrin ta’ adattament u mir-riżultati tar-riċerka. L-adattament għall-bidla klimatika x’aktarx tgawdi mill-esperjenza miksuba mir-reazzjonijiet għall-avvenimenti klimatiċi estremi u mill-implimentazzjoni ta’ pjanijiet speċifiċi u proattivi tal-ġestjoni tar-riskji tal-bidla klimatika.

L-Ewropa għandha l-kapaċità umana, l-ħiliet tekniċi u r-riżorsi finanzjarji biex tikseb rwol qawwi ta’ tmexxija. L-adattament fil-biċċa l-kbira huwa kwistjoni ta’ koerenza politika, ippjanar minn qabel u azzjoni konsistenti u koordinata. L-UE għandha turi kif l-adattament għandu jitqies fil-politika rilevanti kollha ta’ l-UE. L-UE tista’ għalhekk tkun ta’ xempju u tintensifika l-kooperazzjoni mas-sieħba tagħha madwar id-dinja fl-adattament għal din it-theddida dinjija.

Din il- Green Paper tiffoka fuq l-ewwel u l-aktar sett urġenti ta’ għażliet għall-azzjonijiet prijoritarji fil-livell Komunitarju fil-qasam ta' kompetenza Komunitarja. F’dan il-kuntest jistgħu jitqiesu erba’ perspettivi ta’ azzjoni.

- Fejn l-għarfien attwali ma jkunx biżżejjed, għandhom jiġu żviluppati strateġiji ta' l-adattament sabiex tiġi identifikata allokazzjoni ottimali u użu effiċjenti ta' riżorsi biex jiggwida l-azzjonijiet fil-livell ta’ l-UE, permezz ta’ politiki ta’ l-UE settorjali u oħrajn kif ukoll b’Fondi Komunitarji disponibbli.

- L-UE teħtieġ li tirrikonoxxi d-dimensjoni esterna ta’ l-impatti tal-bidla klimatika u l-adattament għalihom u tibni alleanza ġdida ma’ l-imsieħba tagħha madwar id-dinja, partikolarment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għandha tiġi koordinata azzjoni ta’ adattament mal-pajjiżi ġirien tagħha u tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

- Fejn għad hemm diskrepanzi sinifikanti fl-għarfien, ir-riċerka Komunitarja, l-iskambju ta’ l-informazzjoni u azzjonijiet ta’ tħejjija għandhom ikomplu jnaqqsu l-inċertezza u jwessgħu l-bażi ta’ l-għarfien. Għandha tissaħħaħ l-integrazzjoni tar-riżultati tar-riċerka fil-politika u fil-prattika.

- L-istrateġiji u l-azzjonijiet koordinati għandhom, fost l-oħrajn, jiġu analizzati u diskussi aktar, fi Grupp Ewropew ta’ Konsulenza dwar l-Adattament għall-Bidla Klimatika fl-ambitu tal-Programm Ewropew dwar il-Bidla Klimatika.

F’kull waħda minn dawn l-erba’ intestaturi qed jiġu spjegati għadd ta’ alternattivi prijoritarji għal azzjoni għall-konsiderazzjoni ulterjuri. .

[pic]

5. NIFFOKAW FUQ AZZJONI MILL-UE – ALTERNATTIVI PRIJORITARJI GħAL APPROċċ FLESSIBLI MSEJJES FUQ ERBA' PILASTRI

5.1. L-ewwel pilastru: Azzjoni bikrija mill-UE

Azzjoni bikrija tkopri alternattivi ta’ politika fl-oqsma li ġejjin:

- integrazzjoni ta’ l-adattament waqt l-implimentazzjoni u l-emendi fil-leġiżlazzjoni u politiki eżistenti u futuri;

- L-integrazzjoni ta’ l-adattament fil-programmi Komunitarji eżistenti ta' finanzjament;

- L-iżvilupp ta’ risponsi ġodda ta’ politika.

5.1.1. Integrazzjoni ta’ l-adattament waqt l-implimentazzjoni u l-modifika tal-leġiżlazzjoni u politiki eżistenti u futuri.

Adattament għall-bidla klimatika se jħalli impatt fuq bosta oqsma ta’ politika ta' l-UE. Dan li ġej jipprovdi ħarsa inizjali dwar kif l-adattament għall-bidla klimatika tqies jew jista’ jitqies f’dawn il-politiki. Ladarba bosta mill-politiki huma bbażati fuq leġiżlazzjoni ta’ qafas, is-suċċess ta’ l-approċċ ta’ l-UE għall-adattement jiddependi fuq kooperazzjoni mtejba tul l-implimentazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-UE u l-Istati Membri.

L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

L-agrikoltura Ewropea se tiffaċċja bosta sfidi fis-snin li ġejjin bħall-kompetizzjoni internazzjonali, aktar liberalizzazzjoni tal-politika tal-kummerċ u t-tnaqqis fil-popolazzjoni. Il-bidla klimatika se żżid ma' dawn il-pressjonijiet u se tagħmel l-isfidi aktar diffiċli u jiswew aktar. Il-bidliet klimatiċi previsti se jaffettwaw ir-rendiment ta’ l-għelejjel, il-ġestjoni tal-bhejjem u l-post tal-produzzjoni b’riskji serji għad-dħul għall-farms u l-abbandun ta' l-art f’ċerti partijiet ta’ l-Ewropa. Ir-riskji tal-produzzjoni ta’ l-ikel jistgħu jkunu problematiċi f’ċerti partijiet ta’ l-Ewropa minħabba l-mewġ tas-sħana, in-nixfa u l-insetti huma mistennija li jżidu l-inċidenza li l-għelejjel ma jilħqux. Hekk kif tiżdied il-varjabbiltà tar-rendiment, il-provvista ta' l-ikel fid-dinja ser tkompli tiġi mhedda. F'dan il-kuntest, l-impatt potenzjali li jista' jirrizulta mill-possibiltà ta' żieda fil-biomassa għall-produzzjoni ta' l-enerġija fuq il-provvista ta' l-ikel fid-dinja, għadha tiġi analizzata.

Bi klima li qegħda dejjem tinbidel, ir-rwol ta’ l-agrikoltura u l-forestrija ta’ l-UE, bħala fornituri tas-servizzi ambjentali u ta’ l-ekosistemi ser jikseb aktar importanza. Il-ġestjoni ta' l-agrikoltura u l-forestrija għandha rwol ewlieni f’termini, fost l-oħrajn, ta’ użu effiċjenti ta’ l-ilma f’reġjuni xotti, protezzjoni tal-mogħdijiet ta’ l-ilma kontra infiltrazzjoni eċċessiva ta’ nutrijenti, titjib fil-ġestjoni ta’ l-għargħar, u manutenzjoni u restawr tal-pajsaġġi multifunzjonali, bħal ma huwa bur ta’ valur naturali għoli li jipprovdi abitat u jgħin fl-imigrazzjoni ta’ bosta speċijiet. Il-promozzjoni ta’ ġestjoni tal-foresti b’mod li joffri adattabbiltà għall-klima, miżuri ta’ ġestjoni tal-ħamrija marbuta maż-żamma tal-karbonju organiku (pereżempju, ebda jew ħdim minimu tar-raba’), u l-protezzjoni ta’ bwar permanenti huma miżuri rimedjali li għandhom jgħinu wkoll fl-adattament għar-riskji tal-bidla klimatika.

Appoġġ Komunitarju għall-agrikoltura, l-forestrija u l-iżvilupp rurali għandu rwol importanti fil-produzzjoni ta’ l-ikel, il-manutenzjoni tal-pajsaġġi rurali u l-forniment tas-servizzi ambjentali. Ir-riformi reċenti tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) kienu l-ewwel pass lejn qafas għall-iżvilupp sostenibbli fl-agrikoltura ta’ l-UE. Aġġustamenti fil-ġejjieni tal-PAK u l- "Health Check" ta' l-2008 jistgħu jipprovdu l-opportunitajiet biex jiġi eżaminat kif jiġi integrat aħjar l-adattament għall-bidla klimatika fil-programmi ta’ appoġġ għall-agrikoltura. Għandhom jiġu kkunsidrati pereżempju l-limiti li fihom il-PAK tista' tippromwovi prattiċi tajbin fil-biedja, li huma kompatibbli mal-kundizzjonijiet klimatiċi l-ġodda u li jikkontribwixxu b'mod proattiv għall-preservazzjoni u l-ħarsien ta' l-ambjent.

L-industrija u s-servizzi

Is-setturi ta’ l-industrija u tas-servizzi ta’ l-UE t-tnejn se jaffaċċjaw il-ħtieġa li jadattaw għall-bidla klimatika u l-opportunitajiet biex ipoġġu fis-suq il-prodotti u s-servizzi biex jgħinu f’dan il-proċess. Il-bidla klimatika se taffettwa l-industriji u s-servizzi bħalma huma l-kostruzzjoni u t-turiżmu, tista’ toħloq ristrutturar u tikkawża ħsara fl-infrastruttura industrijali. L-impriżi se jkollhom jadattaw għat-tibdil fil-kundizzjonijiet, pereżempju, billi jintegraw l-ħtiġijiet ta’ adattament għall-bidla klimatika fil-pjanijiet ta’ ħidma tagħhom. Fl-istess waqt, il-kobenefiċċji bejn il-miżuri ta’ rimedju u adattament għandhom jiġu sfruttati. Pereżempju, investimenti fl-insulazzjoni mhux biss inaqqsu l-ħtieġa tat-tisħin fix-Xitwa, imma jipproteġu kontra s-sħana u jnaqqsu l-bżonn ta’ l-arja kkundizzjonata tul Sjuf isħan.

Fl-analiżi ta' nofs is-sena li jmiss, il-Kummissjoni ser teżamina kif il-politika industrijali tista' tikkontribwixxi għall-isforzi ta' l-adattament. Wara din l-analiżi ser isir Pjan għal Azzjoni fil-bidu ta' l-2008.

L-enerġija

It-tibdil fil-kundizzjonijiet klimatiċi jiftaħ opportunitajiet ġodda, fosthom għall-enerġija solari u fotovoltajċi. Min-naħa l-oħra, sjuf itwal u aktar niexfa jistgħu jaffetwaw sorsi oħra ta' enerġija, bħal enerġija nukleari u idrawlika, filwaqt li fl-istess ħin iżidu l-ħtieġa għall-elettriku għall-arja kkundizzjonata. Dan isaħħaħ il-ħtieġa għad-diversifikazzjoni fis-sorsi ta' l-enerġija, għall-iżvilupp ta' l-enerġija rinovabbli, għal żieda fil-ġestjoni li tipprovdi rispons għad-domanda u netwerk li jista' jlaħħaq ma' varjazzjoni akbar kemm fit-talba għall-elettriku kif ukoll fil-produzzjoni. Il-Kummissjoni miexja lejn Pjan Strateġiku għall-Enerġija Teknoloġika li ser ikollu l-għan li jżid l-innovazzjoni fit-teknoloġiji ta' l-enerġija, biex iwieġeb għall-isfida doppja tar-rimedjar tal-bidla klimatika u l-adattament. Il-binjiet huma kwistjoni ċentrali. Dawn huma eżempji primarji tal-ħtieġa immedjata għall-adattament, biex wieħed ikun jista' jgħix fihom aħjar anke fi klimi isħan, u biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija, filwaqt li tiġi indirizzata wkoll il-kwistjoni tar-rimedjar. Il-Kummissjoni ser tibda l-ħidma tagħha fuq ir-reviżjoni tal-qafas regolatorju kkonċernat fil-ġejjieni qarib, b'mod partikolari d-Direttiva dwar il-prestazzjoni enerġetika tal-bini.

It-trasport

L-adattament ta’ l-infrastruttura eżistenti għall-kundizzjonijiet klimatiċi li jinbidlu, filwaqt li jiġi żgurat l-operat kontinwu u sikur, se jkun jeħtieġ investimenti addizzjonali sostanzjali. L-infrastruttura l-ġdida tat-trasport u mezzi relatati mat-trasport għandhom isiru adattabbli għall-klima sa mill-fażi bikrija tad-diżinn. Pereżempju, il-vajrazzjonijiet fis-sistema idrawlika u l-livell ta’ l-ilma fix-xmajjar navigabbli diġà ħallew impatt fuq id-diżinn ta’ dgħajjes ta’ l-ilmijiet interni. L-ippjanar bis-sens, inklużi l-aspetti ta’ spazji fl-għażla tas-siti, għandu jqis il-kundizzjonijiet klimatiċi futuri mistennija. Gwida dwar l-interpretazzjoni tal-qafas Komunitarju eżistenti, għall-awtoritajiet tal-portijiet u għall-ġestjonarji ta' l-infrastrutturi idrawliċi, ikunu wkoll ta' għajnuna għall-adattament ta' din l-infrastruttura

Is-saħħa

Il-bidla klimatika bla dubju se jkollha impatti detrimentali fuq is-saħħa minħabba l-mewġ tas-sħana, it-tniġġis ta’ l-arja u l-mard kontaġjuż li jinġarr. Barra minn hekk, il-bidla fil-klima tista' taffetwa l-mard li jiġi ma' l-ilma, l-ikel u l-annimali. Dawn l-effetti jistgħu jiġu amplifikati minn fatturi oħra ta’ pressjoni, pereżempju l-esponiment għall-ożonju u partiċelli fini waqt mewġa ta' sħana. Esponiment fit-tul għall-partiċelli fini fl-arja atmosferika ikun agħar għal bosta problemi tas-saħħa, bħal mard kroniku ta’ ostakolar pulmonari, li ġġib in-nies aktar suxxettibli għall-pressjoni kkawżata mill-klima. Bosta proġetti żviluppati taħt programmi ta' fondi ta' l-UE (b'mod partikolari l-Programm Komunitarju għas-Saħħa Pubblika u l-Programmi ta' Qafas tar-Riċerka) iffokaw fuq l-effetti tal-mewġ tas-sħana fuq is-saħħa tal-bniedem, ir-risponsi tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni ta' effetti qawwija fuq is-saħħa minħabba kundizzjonijiet klimatiċi u strateġiji ta' adattament għas-saħħa. L-analiżi ta' nofs is-sena tal-Pjan Ewropew ta’ Azzjoni għall-Ambjent u għas-Saħħa (2004-2010) tinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet xierqa.

Is-saħħa ta' l-annimali x'aktarx tiġi affetwata minn impatti fuq il-kundizzjonijiet ta' għajxien u mill-possibbiltà ta' żieda fil-mard li jittieħed. Il-bidla fil-klima tista' taffetwa, direttament jew indirettament, il-mard kontaġjuż li jinġarr mill-annimali.

L-adattament huwa rispons ewlieni biex jiġi żgurat li l-effetti potenzjali tal-bidla klimatika fuq is-saħħa jitnaqqsu u jinżammu minimi. Il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi li effetti bħal dawn qed jiżdiedu b’mod mgħaġġel u perikoluż. Għalhekk qed tippjana biex fl-2008 tadotta Komunikazzjoni li tiffoka speċifikament fuq dan is-suġġett, li se tistabbilixxi qafas biex jiġu indirizzat l-impatti tal-bidla klimatika fuq is-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimali. Il-Komunikazzjoni hija mistennija li tħares lejn aspetti differenti tal-mortalità u morbidità kawża tal-bidla klimatika inkluż il-bidliet fil-mezzi tat-trażmissjoni ta’ ċertu mard li jittieħed, li jaffettwa lil bnedmin u l-annimali; bidliet fit-tixrid ta’ l-allerġens mill-arja minħabba tibdil atmosferiku u r-riskji kawża tar-radjazzjoni ultravjola minħabba li l-bidla klimatika ddewwem l-irkupru tas-saff stratosferiku ta’ l-ożonju.

Ir-regolamenti dwar il-ħarsien tal-konsumatur, is-saħħa pubblika, u l-ikel u l-għalf se jkunu jeħtieġu li jiġu eżaminati biex joffru protezzjoni mis-sensitività klimatika. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-Kumitati Xjentifiċi u l-Aġenziji biex tinfurmahom dwar riskji speċifiċi għas-saħħa marbuta mal-bidla klimatika.

L-ilma

Id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma tipprovdi qafas konsistenti għall-ġestjoni integrata tar-riżorsi ta’ l-ilma. Madankollu ma tindirizzax direttament il-bidla klimatika. L-isfida se tkun li jiġu inkorporati miżuri biex ilaħħqu mal-bidla klimatika bħala parti mill-implimentazzjoni tagħha, li tibda bl-ewwel ċiklu ta’ ppjanar għall-2009. Partikolarment, l-istrumenti ekonomiċi u l-prinċipju li min juża jħallas għandhom jiġu applikati fis-setturi kollha inkluż fid-djar, trasport, enerġija, agrikoltura u turiżmu. Dan se jipprovdi inċentivi qawwija biex jitnaqqas il-konsum ta’ l-ilma u tiżdied l-effiċjenza fl-użu.

Il-Kummissjoni qed taħdem fuq Komunikazzjoni dwar l-iskarsezza ta’ l-ilma u n-nixfa li hija marbuta mill-qrib mal-bidla klimatika u l-adattament. Xi reġjuni fin-Nofsinhar ta’ l-Ewropa, fejn ir-riżorsi ta' l-ilma ħelu huma diġà skarsi, se jsofru. In-nixfa tista’ ssir aktar spissa madwar l-UE kollha u l-kwalità ta’ l-ilma se tiddeterjora. Il-ġestjoni sostenibbli tad-domanda hija ta’ importanza kbira madwar l-UE. L-opprezzar inadegwat ta’ l-ilma, l-ippjanar inkonsistenti għall-użu ta’ l-art u l-allokazzjoni ħażina ta’ l-ilma, awtomatikament iwasslu għal użu eċċessiv. L-applikazzjoni ta' politiki ta’ pprezzar effiċjenti, li l-iffrankar ta’ l-ilma jsir prijorità u t-titjib fl-effiċjenza fis-setturi kollha huma diġà elementi essenzjali ta' l-approċċ ta' l-UE.

Bl-istess mod, il-leġiżlazzjoni proposta dwar il-valutazzjoni u l-ġestjoni ta' l-għargħar se tiffoka fuq il-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-preparatezza. L-implimentazzjoni għandha tinkludi analiżi tal-possibbiltà ta’ l-avvenimenti estremi fil-futur biex jitnaqqas ir-riskju. Il-miżuri kurrenti mhux strutturali għandhom jiġu prijoritizzati, jiġifieri jiġu sfruttati bis-sħiħ proċessi naturali biex jitnaqqsu s-sogri ta' l-għargħar, pereżempju bl-użu ta' artijiet mistgħadra, biex jiġu massimizzati l-kapaċitajiet taż-żamma fis-sors, bl-użu sostenibbli ta’ l-art u l-ippjanar ta’ l-ispazji biex jiġu limitati l-esponiment u l-vulnerabbiltà. Madankollu, protezzjoni kapitali strutturali kontra l-għargħar se tibqa’ importanti biex tlaħħaq ma' l-għargħar estremi.

Il-baħar u s-sajd

Fil-kuntest tal-ħidma tagħha dwar il-Politika Marittima ta’ l-UE, il-Kummissjoni se teżamina l-kwistjonijiet tal-bidla klimatika. L-Istrateġija għall-Baħar u l-leġiżlazzjoni relatata, li se jkunu il-pilastri ambjentali tal-Politika Marittima, se jintegraw il-klima u l-miżuri ta’ adattament fil-programmi implimentattivi u fil-pjanijiet.

Huwa għan importanti tal-Politika Komuni tas-Sajd li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ta’ l-istokkijiet tas-sajd. Il-bidla klimatika tista' taffetwa x-xejriet ta' distribuzzjoni u l-abbondanza ta' l-ispeċi, mill-plankton sal-predaturi primarji, li jistgħu jirriżultaw f'bidliet serji fil-funzjonament ta' l-ekosistemi u l-firxa ġeografika ta' l-istokkijiet. Bidliet sinifikanti fit-temperaturi ta' l-ilma jista' wkoll ikollhom impatt fuq il-farms ta' l-annimali akwatiċi. Il-miżuri meħtieġa għall-adattament għandhom ikunu riflessi fl-implimentazzjoni tal-programmi kurrenti.

L-ekosistemi u l-bijodiversità

Il-bidla klimatika se taffettwa b'mod sinifikanti l-ekonomiji u s-soċjetajiet bl-impatti tagħha fuq l-ekosistemi, b’mod speċjali fuq il-kapital naturali, il-bijodiversità u l-prosegwiment tas-servizzi ta’ l-ekosistemi fl-ekosistemi ta’ din id-dinja, ta' l-ilma ħelu u tal-baħar. Dan minħabba li l-impatti tal-bidla klimatika fuq il-bniedem huma fil-parti l-kbira rimedjati minn sistemi naturali. Ekosistemi f’saħħithom se jkunu aktar adattabbli għall-bidla klimatika u għaldaqstant kapaċi aktar iżommu l-provvista ta' servizzi ta' l-ekosistemi li fuqhom jiddependu l-prosperità u l-benessri tagħna. Dawn jinsabu fil-qofol ta’ kwalunkwe politika ta’ adattament. Għaldaqstant pressjonijiet ‘tas-soltu’ li jikkawżaw frammentazzjoni, deterjorament, sfruttar eċċessiv u tniġġis ta' l-ekosistemi għandhom jitnaqqsu (‘ekosistemi protetti għall-klima’).

Il-bidla klimatika se jkollha impatti profondi fuq il-komponenti fiżiċi u bijoloġiċi ta’ l-ekosistemi: l-ilma, il-ħamrija, l-arja u l-bijodiversità. Għal kull wieħed minn dawn l-oqsma hemm, jew qed jitħejjew, leġiżlazzjoni u politiki ta’ l-UE. Dawn se jkunu meħtieġa li jiġu implimentati fil-ħin previst biex jippermettu azzjoni bikrija biex tissaħħaħ l-adattabbiltà ta’ l-ekosistemi għall-bidla klimatika. Madankollu, se tkun sfida ewlenija biex jinżammu ekosistemi b’saħħithom u operattivi, minħabba li bidla klimatika tista’ ddgħajjef sforzi passati u preżenti. Għalhekk il-politiki jistgħu jeħtieġu aktar modifiki.

L-implimentazzjoni effettiva tal-Komunikazzjoni ta’ l-2006 dwar il-Bijodiversità u l-' EU Action Plan to 2010 and beyond ' ser tkun kontribuzzjoni importanti biex jitħarsu u jiġu rrestawrati l-bijodiversità u l-ekosistemi. Għandha ssir enfasi biex: tkun żgurata l-integrità, l-koerenza u l-konnettività tan-netwerk Natura 2000; il-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u s-servizzi ta’ l-ekosistemi fl-ambjent wiegħsa tal-kampanja u tal-baħar; li l-iżvilupp reġjonali u territorjali jsir kompatibbli mal-bijodiversità; t-tnaqqis ta’ l-impatti mhux mixtieqa ta’ l-ispeċijiet aljeni invażivi.

L-użu sostenibbli jfisser li l-iżvulupp u l-isfruttar m’għandux jirriżulta fi tnaqqis fil-kapital naturali jew is-servizzi ta’ l-ekosistemi. F'dan il-kuntest, jinħtieġu miżuri ta' kumpens biex ikun żgurat li l-proġetti ta' żvilupp jippreservaw il-kapital naturali. Analiżi komprensiva tal-vijabbiltà (kosti/benefiċċji) u l-valutazzjonijiet ta’ l-impatt għandhom gradwalment u sistematikament jinkorporaw il-kost ambjentali ta’ l-ekosistemi li qed jonqsu.

Riżorsi naturali oħra

Il-programmi Forest Focus ta’ l-2003-2006 jinkludu studji dwar il-previżjonijiet tal-bidliet fit-tkabbir ta’ foresti, il-ħażniet tal-karbonju u l-emigrazzjoni ta’ l-ispeċijiet tas-siġar. Il-monitoraġġ tal-foresti u l-ħamrija madwar il-Komunità għandhom jingħataw l-appoġġ, minħabba li r-riżultati tagħhom iridu jintużaw bħala bażi għall-iżvilupp ta' miżuri ta’ rispons. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Foresti jinkludi riċerka u taħriġ dwar l-adattament, il-valutazzjoni ta’ l-impatt, u l-iskambju tal-prassi, u l-promozzjoni ta' ġestjoni tal-foresta aktar konxja dwar il-karbonu, bl-istess mod bħal fil-ġestjoni tal-ħamrija f’termini kemm ta’ rimedjar u adattament.

L-istrateġija għall-Ħamrija u l-leġiżlazzjoni relatata tagħha timmira biex tipproteġi l-funzjonijiet tal-ħamrija madwar l-UE. Oqsma fir-riskju tat-tnaqqis tal-materjal organiku se jkunu identifikati sabiex kunsiderazzjoni għall-bidla klimatika tkun tista’ tiġi inkluża fil-programmi mfassla biex ireġġgħu lura x-xerjiet li mhumiex sostenibbli. Tnaqqis nett ta’ materjal organiku fil-ħamrija fi klima li qed tisħon huwa ta’ tħassib ewlieni minħabba li l-ħamrija hija l-akbar sors ta’ karbonju tad-dinja.

L-Istrateġija Tematika dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali timmira biex tnaqqas l-impatti negattivi ta’ l-użu tar-riżorsi f'ekonomija li qed tikber u biex tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi, billi jintuża l-approċċ taċ-ċiklu tal-proċess. Il-bidla klimatika tagħmel ir-riżorsi naturali aktar skarsi, u taggrava l-impatti ambjentali ta’ l-użu tar-riżorsi. Il-Pjan ta’ Azzjoni li jmiss dwar il-Konsum u Produzzjoni Sostenibbli ser iqis azzjonijiet biex titejjeb il-koerenza ta' politiki eżistenti u biex jintużaw anqas riżorsi u enerġija.

Kwistjonijiet trasversali

Il-protezzjoni klimatika għandha tiġi integrata fid-Direttiva tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt Ambjentali (EIA) u fid-Direttiva tal-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (SEA). EIAs, SEAs u valutazzjoni ta’ l-impatt tal-politiki għandhom jindirizzaw l-impatti fuq l-ekosistemi, appoġġati bi strumenti li jinternalizzaw il-kost tal-ħsarat fuq il-kapital naturali u s-servizzi ta’ l-ekosistemi.

L-Istati Membri u l-protezzjoni ċivili ta’ l-Istati Membri għandhom jiffukaw aktar fuq il-prevenzjoni, twissija bikrija u preparazzjoni.

Ir-Rakkomandazzjoni dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali (ICZM) tappella għal approċċ strateġiku għall-ippjanar u l-ġestjoni kostali. Iż-żoni kostali qed jiġu esposti dejjem aktar għar-risjki tal-bidka klimatika u għandhom ikunu mira ewlenija ta’ miżuri ta’ rimedjar u adattament. Approċċ koerenti u integrat għall-ippjanar u l-ġestjoni kostali għandha tipprovdi kuntest għal sinerġiji u tindirizza l-inkonsistenzi potenzjali bejn l-iżvilupp ekonomiku taż-żoni kostali u l-adattament meħtieġ għall-bidla klimatika. Għandha tingħata gwida għall-ġestjoni u l-ippjanar, u l-aqwa prinċipji u prassi għandhom jiġu applikati meta jkunu qed jiġu żviluppati l-approċċi u l-istrateġiji.

5.1.2. L-integrazzjoni ta’ l-adattament fil-programmi Komunitarji eżistenti ta' finanzjament;

Waqt it-tħejjija tal-programmi tagħhom għall-appoġġ Komunitarju, l-Istati Membri għandhom jintegraw l-attivitajiet ta’ adattament. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-proġetti ta’ l-infrastruttura. l-infrastruttura ewlenija, bħall-pontijiet, portijiet u toroq, għandhom ħajja ta’ bejn 80 u 100 sena, għaldaqstant l-investimenti tal-lum għandhom iqisu bis-sħiħ il-kundizzjonijiet previsti għat-tmiem tas-seklu. Bini u infrastrutturi oħra ppjanati biex iservu bejn 20 u 50 sena wkoll se jkollhom jirreżistu l-kundizzjonijiet klimatiċi tal-futur. L-investimenti li huma l-ottimali fil-kundizzjonijiet attwali, jistgħu ma jkunux neċessarjament ekonomikament vijabbli fil-kundizzjonijiet klimatiċi futuri jew meta jitqiesu l-impatti ta’ dawn fuq is-saħħa ta’ l-ekosistemi. Għaldaqstant l-investimenti intermedji jew fit-tul għandhom ikunu “protetti mill-klima.” Pereżempju, fl-Olanda l-għarfien eċċellenti dwar l-effetti tal-bidla klimatika fuq iż-żieda fl-għoli tal-mogħdijiet tax-xmajjar u tal-livell tal-baħar diġà qed jitqiesu fid-disinn ta' l-infrastruttura. Fl-Istati Uniti l-periti jassumu metru żieda fil-livell tal-baħar meta jiġu ddiżinjati l-pontijiet f’żoni kostali.

Ir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-bidla klimatika fil-politika ta' koeżjoni ta' l-UE[4]. Il-Kummissjoni se teżamina kif il-protezzjoni klimatika għandha tkun inkorporata u mħaddma fil-programmi u proġetti adottati fl-ambitu tal-Fond ta’ Koeżjoni, tal-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali (pereżempju, bħala parti mill-Istrateġijia Reġjonali għall-Innovazzjoni), ta’ l-istrumenti ta’ qabel l-adeżjoni, tal-Programmi ta' Netwerks Tranżewropej, u fil-miżuri infrastrutturali fl-ambitu tal-Fond għall-Iżvilupp Rurali.

Il-Fond Soċjali Ewropew jipprevedi firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet li għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fit-trawwim ta’ kuxjenza pubblika dwar il-bidla klimatika, fil-bini tal-kapaċitajiet, fit-taħriġ, u kulfejn in-nies ikunu meħtieġa li jitrażlokaw. Eżempji ta’ azzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu programmi ta’ taħriġ għall-periti dwar il-protezzjoni klimatika tal-bini, opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ fl-ekonomija b’konsum baxx tal-karbonju, jew kura preventiva tas-saħħa għat-tfal u l-anzjani fil-każijiet ta’ mewġ tas-sħana. L-Istati Membri suppost diġà qed jisfruttaw il-programmi operattivi attwali biex jinkludu miżuri bħal dawn.

Il-Fond ta’ Struttura tas-Sajd jistipula l-prijoritajiet ta’ politika u t-termini ta’ assitenza għas-sajd u s-settur ta’ l-akkwakultura. Huwa maħsub biex jgħin jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tas-sajd komuni billi jipprovdu għajnuna strutturali. B’hekk isaħħaħ il-kompetittività ta' l-istrutturi operattivi u l-iżvilupp ta' impriżi li huma ekonomikament vijabbli. L-impatti tal-bidla klimatika għandhom jitqiesu dejjem aktar.

LIFE+ għandu jiffinanzja proġetti pilota fil-promozzjoni ta’ l-adattament bejn il-fruntieri nazzjonali, pereżempju fil-wiri ta’ l-użu tat-teknoloġiji kosteffiċjenti ta’ l-adattament, approċċi innovattivi, ippjanar ta’ l-ispazji għall-adattament, u l-skambju ta' prassi tajba. Barraminhekk, għandha tappoġġa komunikazzjoni sostenibbli u trawwem kuxjenza pubblika dwar l-impatti klimatiċi u l-adattament.

Din il- Green Paper tipprovdi opportunità biex jiġi eżaminat jekk il-bidla klimatika, u b'mod partikolari l-ħtiġijiet ta' l-adattament, humiex qed jiġu trattati kif suppost fil-kuntest tal-programmi ta' fondi eżistenti.

5.1.3. L-iżvilupp ta’ risponsi ġodda ta’ politika.

Hemm bosta politiki Komunitarji li se jkunu direttament jew indirettament affettwati mill-impatti tal-bidla klimatika u li għalihom l-UE għadha teħtieġ tiżviluppa rispons adegwat. Għal dawn il-politiki, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tipprovdi inċentivi xierqa għal adattament effettiv. Verifika sistematika ta’ kif il-bidla klimatika se tinfluwenza l-oqsma ta’ politika u l-leġiżlazzjoni Komunitarji kollha għandha ssir sa l-2009 u tkun segwita minn aktar ħidma konkreta.

Bħala eżempju, hija meħtieġa azzjoni mmirata dwar il-kodiċijiet u l-metodi tal-bini, u l-għelejjel adattabbli għall-klima. L-adattament huwa wkoll opportunità għall-innovazzjon u t-tekonoloġiji ġodda, b’potenzjal jikber għall-esportazzjoni ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi żviluppati fl-UE. Dan għandu jiġi esplorat b’kooperazzjoni mill-qrib mas-settur privat.

Il-bidla klimatika u l-effetti li ġġib magħha f'termini ta' danni fuq il-propjetà, interruzzjoni tal-kummerċ u nirien fil-foresti, tippreżenta riskju finanzjarju sostanzjali għall-individwi, għall-ażjendi u għas-settur finanzjarju. Is-servizzi finanzjarji u s-swieq ta' l-assigurazzjoni se jkollhom isibu metodi innovattivi biex iwieġbu b’mod effikaċi għaż-żieda fl-esponiment għar-riskji b’rabta mal-klima. Diġà jeżistu prodotti finanzjarji ġodda li deħlin fis-suq, bħad-derivattivi tat-temp u l-bonds tal-katastrofi li jeħtieġu li jiġu żviluppati aktar. L-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq Ewropej ta’ l-assigurazzjoni taħt il-politika tas-Servizzi Finanzjarji ta' l-UE u d-Direttiva tas-Solvibbiltà II għandha titkompla peress li tippreżenta aktar opportunitajiet kemm f'termini tal-provvista kif ukoll tad-domanda tal-prodotti ta' l-assigurazzjoni. Barraminhekk, għandha tiġi valutata l-istruttura tar-riskju tal-futur ta’ fondi eżistenti pubbliċi u privati dwar id-diżastri naturali, inkluż il-Fond ta’ Solidarjetà ta’ l-UE.

L-ippjanar ta’ l-ispazji jista' jipprovdi qafas integrat biex jgħaqqad il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u r-riskju mal-kapaċitajiet adattivi u r-risponsi ta' adattament, u għalhekk jiffaċilita l-identifikazzjoni ta' l-politiki alternattivi u strateġiji kosteffiċjenti. Għandha tingħata kunsiderazzjoni għat-twaqqif ta’ arranġamenti għal finanzjament innovattiv, dedikati għall-adattament b’appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji koordinati ta’ l-adattament, speċjalment fir-reġjuni u s-sezzjonijiet tas-soċjetà l-aktar vulnerabbli fl-Ewropa. L-UE għandha rwol fit-twaqqif u l-koordinament ta’ oqfsa u pjattaformi tal-valutazzjoni jew netwerks għall-iskambju ta' l-informazzjoni

[pic]

5.2. It-tieni pilastru: L-integrazzjoni ta’ l-adattament fl-azzjonijiet esteri ta’ l-UE

It-tħassib dejjem jikber dwar l-impatti tal-bidla klimatika u l-ħtiġijiet ta’ adattament li jirriżultaw se jinfluwenzaw ir-relazzjonijiet ta’ l-UE ma’ pajjiżi terzi. Għandhom jinbdew djalogu u partenarjati dwar l-adattament mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, ġirien u industrijalizzati. Filwaqt li d-differenzi fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi, politiċi, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi sieħba jappellaw għal strateġiji speċifiċi ta' l-adattament, għadd kbir ta' azzjonijiet ta’ adattament huma simili għall-pajjiżi kollha, u għalhekk jipprovdu ċans tajjeb għall-kooperazzjoni.

Il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (CFSP) għandha rwol importanti fit-titjib tal-kapaċità ta' l-UE biex tħares kontra u titratta l-kunflitti, bħalma huma dawk konfinali u t-tensjonijiet dwar l-aċċess għar-riżorsi naturali kif ukoll id-diżastri naturali aggravati bil-bilda klimatika u l-konsegwenzi potenzjali, bħal migrazzjoni forzata u ċ-ċaqliq intern tal-persuni. Il-politika tal-migrazzjoni ta' l-UE għandha wkoll tqis l-impatti tal-bilda klimatika, b'mod partikolari fil-ġestjoni tal-migrazzjoni.

Pajjiżi li qed jiżviluppaw

Il-bidla klimatika hija sfida serja għat-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u thedded li teqred ħafna mill-kisbiet ta’ żvilupp. Komunitajiet foqra f’dawn il-pajjiżi jiddependu ħafna fuq l-użu dirett tar-riżorsi naturali lokali. Dawn għandhom għażla limitata għall-għixien tagħhom u kapaċità limitata biex jaffaċjaw il-varjabbiltà tal-klima u d-diżastri naturali. Il-pajjiżi lanqas żviluppati fl-Affrika, partijiet mill-Amerika Latina u l-Ażja, u stati ġżejjer żgħar se jintlaqtu l-agħar. Il-bidla klimatika tista’ twassal għaċ-ċaqliq mifrux tal-popolazzjonijiet, inkluż f'reġjuni qrib l-Ewropa.

Billi l-pajjiżi żviluppati huma responsabbli għall-biċċa l-kbira mill-akkumulu storiku ta’ l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gass serra fl-atmosfera, għandhom ikunu huma li jappoġġaw azzjonijiet ta’ adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-adattament se jkun fundamentali fl-iżgurar tal-ksib tal-Miri tan-NU tal-Millennju għall-Iżvilupp wara l-2015, speċjalment fl-Affrika 'l isfel mis-Sahara. L-Unjoni Ewropea għandha tivvaluta aktar kif l-adattament għall-bidla klimatika jiġi integrat fil-politiki esteri u l-istrumenti ta’ finanzjament attwali, u fejn xieraq jitfasslu politiki ġodda. L-esperjenzi ta’ l-UE dwar il-miżuri ta’ adattament għandhom jinqasmu mal-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għandhom jingħataw l-assistenza fl-iżvilupp ta’ approċċi daqstant inklussivi. L-adattament għandu wkoll jiġi integrat fl-istrateġiji għat-tnaqqis tal-faqar (jiġifieri d-Dokument ta' Strateġija għat-Tnaqqis tal-Faqar, PRSP), u kif ukoll fl-ippjanar u l-baġitjar ta' l-iżvilupp. Is-sħubijiet eżistenti, bħalma huma dawk maċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, jipprovdu bażi tajba biex l-UE twessa' l-kooperazzjoni tagħha dwar il-bidla klimatika, ma' l-ekonomiji li qed jiżviluppaw.

Il-politiki u programmi ta’ adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jieħdu bixriet differenti skond il-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiżi, pereżempju, id-diversifikazzjoni ta' l-agrikoltura jew l-għajxien, l-ipjanar ta' l-użu ta’ l-art u r-riforestazzjoni mtejbin, protezzjoni kostali mtejba bl-użu ta’ l-ekosistemi tal-mistagħdra u kostali, jew it-tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-prevenzjoni tad-diżastri. It-tnaqqis tal-pressjonijiet konvenzjonali fuq l-ekosistemi u li jsiru aktar adattabbli għall-bidliet klimatiċi, għandhom ikunu l-bażi għal azzjoni qawwija, flimkien mal-“protezzjoni klimatika” biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ta’ l-investiment.

Biex tippromwovi l-adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi kemm fil-livell dinji kif ukoll dak Ewropew:

- Fil-kuntest ta’ l-UNFCCC, l-UE se tkompli tmexxi l-kwistjoni ta’ l-adattament, u se tippromwovi l-integrazzjoni ta’ l-adattament fil-pjanijiet nazzjonali ta’ l-iżvilupp (pereżempju, permezz tal-Programmi ta' Azzjoni dwar l-Adattament Nazzjonali (NAPAs) kif ukoll il-Programm ta’ Ħidma għal Ħames Snin dwar l-Adattament adottat riċentement f’Nairobi). It-tmexxija ta’ l-UE se tkun meħtieġa biex tgħin tiżgura d-disponibbiltà ta’ riżorsi finanzjarji u tekniċi suffiċjenti, inkluż permezz tal-Fond ta’ l-Adattament skond il-Protokoll ta’ Kjoto, il-Faċilità Dinjija Ambjentali u mezzi bilaterali, biex jiġu implimentati NAPAs u strateġiji simili.

- Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE ta’ l-2004 dwar il-Bidla Klimatika u l-Iżvilupp diġà jinkludi strateġiji ta’ appoġġ għall-adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jistgħu, pereżempju, ikunu appoġġati skond il-Programm Tematiku dwar l-Ambjent u r-Riżorsi Naturali u permezz ta’ fondi ġeografiċi fil-livell nazzjonali u reġjonali. L-inklużjoni tal-miżuri ta’ l-adattament fl-ipprogrammar ġeografiku għandu jissaħħaħ Iċ-ċans li jmiss għal dan huwa r-reviżjoni intermedja ta’ l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali fl-2010. L-evalwazzjoni intermedja li għaddeja bħalissa tal-Pjan ta’ Azzjoni tipprovdi l-ewwel ċans għar-reviżjoni tal-pjan fid-dawl ta' l-aċċellerazzjoni fil-bidla klimatika.

- Il-Kummissjoni qed teżamina kif tista’ tippromwovi titjib fid-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-bidla klimatika, permezz tal-bini ta' Alleanza dwar il-Bidla Klimatika Dinjija. Il-Kummissjoni warrbet total ta’ €50 miljun għall-perjodu 2007-2010 għall-attivitajiet ta' djalogu, u biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' miżuri ta' rimedjar u adattament. Azzjonijiet fl-ambitu ta’ din l-Alleanza jistgħu jinkludu l-forniment ta’ segwitu għall-Programmi ta' Azzjoni dwar l-Adattament Nazzjonali permezz ta' proġetti pilota konkreti partikolarment rigward l-integrazzjoni ta' attivitajiet ta' l-adattament f'politiki settorjali ewlenin. Barraminhekk, l-istrateġija mistennija ta' l-UE dwar it-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastru ser isservi ta' pont bejn l-adattament u r-rispons għad-diżastru.

Pajjiżi ġirien

L-UE għandha tinvolvi lir-Russja, lit-Tramuntana mbiegħda ta’ l-Ewropea, Greenland, il-Baħar l-Iswed, il-Baċir Mediterranju, l-Artiku u r-reġjun Alpin fl-isforzi ta’ l-adattament. Dan japplika partikolarment għal kwistjonijiet transkonfinali bħall-ibħra reġjonali, il-ġestjoni ta’ baċiri tax-xmajjar, l-operat ta’ l-ekosistemi, ir-riċerka, il-bijodiversità u n-natura, il-ġestjoni tad-diżastri, is-saħħa tal-bniedem, it-tranżizzjoni ekonomika, il-kummerċ u l-provvista ta’ l-enerġija. Pajjiżi ġirien għandhom jiġu inkoraġġiti u mgħejjuna fl-analiżi ta’ l-impatti, ir-riskji, il-vulnerabbiltajiet u r-risponsi adegwati, u fl-inklużjoni ta’ l-adattament fil-pjanijiet tagħhom ta’ żvilupp. Azzjonijiet ma' ġirien għandhom jibnu fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni, djalogi u proċessi eżistenti, partikolarment fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP), fejn diġà jeżisti djalogu regolari u strutturat dwar kwistjonijiet relatati mat-tibdiliet klimatiċi, fil-kuntest ta' pjanijiet għal azzjoni li s'issa ġew maqbula flimkien. Il-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) jista' jgħin fil-proġetti ta’ l-adattament fil-pajjiżi ENP u r-Russja. Fil-pajjiżi kandidati u f'dawk li għandhom il-potenzjal li jkunu pajjiżi kandidati, jista' jintuża l-Istrument ta' Għajnuna li tingħata qabel l-Adeżjoni.

Pajjiżi industrijalizzati

L-analiżi ta’ l-impatt u l-prassi tajba ta’ l-adattament għandhom jiġu skambjati bejn ir-reġjuni industrijalizzati li jaffaċċaw problemi simili, pereżempju, il-Ġappun, ix-Xlokk ta’ l-Awstralja, u l-Lbic ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika. Għandhom jiġu elaborati aktar strateġiji ta' kooperazzjoni ma' dawn il-pajjiżi.

Titjib fil-kummerċ ta' oġġetti u servizzi sostenibbli

Il-Kummissjoni qed taħdem lejn suq globali għal teknoloġiji ambjentali li jinkoraġixxu l-kummerċ ta' l-oġġetti u servizzi sostenibbli, kif ukoll it-trasferiment tat-teknoloġija, speċjalment fost il-pajjiżi industrijalizzati u li għadhom qed jiżviluppaw. Dan l-għan jista' jintlaħaq prinċipalment permezz tan-negozjati multilaterali u bilaterali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kummerċ u ta' l-investiment fit-teknoloġiji, oġġetti u servizzi li jiffavorixxu l-ambjent, f'approċċ kooperattiv imsejjes fuq inċentivi.

[pic]

5.3. It-tielet pilastru: It-tnaqqis ta’ l-inċertezzi bit-twessigħ tal-bażi ta’ l-għarfien permezz ta’ riċerka integrata dwar il-klima

Regoli xjetifiċi bis-sens huma fundamentali fl-iżvilupp ta’ politika dwar il-klima. Minkejja li sar progress konsiderevoli fil-fehim tas-sistema tal-klima tad-dinja, jibqa’ dubji partikolarment dwar tbassir aktar preċiż u dettaljat fir-rigward ta' l-impatti tal-bidla klimatika fil-livelli reġjonali u lokali, il-vijabbiltà tal-miżuri ta’ l-adattament għal oqfsa iqsar ta’ żmien bħal bejn l-2020 u 2030. Neħtieġu nippromwovu approċċ integrat, transettorjali u ħolistiku flimkien ma’ l-internalizzazzjoni tal-kost ambjentali tad-deterjorament tas-sistemi fiżiċi u bijoloġiċi. Ir-riċerka għandha tindirizza l-kumplessità ta’ fatturi marbuta flimkien li ma jistgħux jiġu analizzati separatament. Is-7 Programm Kwadru ta’ l-UE għar-Riċerka (2007-2013) jagħmel enfasi qawwija fuq il-bidla klimatika f’termini ta’ kapaċità ta’ previżjoni, mudelli u strateġiji ta’ l-adattament. Il-proġetti ewlenin huma deskritti fl-Anness 4. L-aġenda dwar ir-riċerka dwar l-adattament u l-bidla klimatika ser tqis, inter alia, l-aspetti li ġejjin:

- L-iżvilupp ta’ metodoloġiji komprensivi u integrati għall-valutazzjoni ta’ l-impatti, vulnerabbiltajiet u adattament kosteffettiv. L-iżvilupp ta’ indikatturi biex jitkejjel is-suċċess tar-risponsi. It-titjib tal-valutazzjoni madwar l-Ewropa kollha dwar ir-riskji, l-impatti u l-vijabbiltà tar-risponsi ta’ l-adattament, meta mqabbla ma' "l-ebda azzjoni." Paragun tar-risponsi integrati madwar l-UE ma' l-approċċi settorjali, inkluża l-analiżi tal-kost soċjo-ekonomiku u tal-benefiċċji. Titjib fil-valutazzjoni integrata u l-iżvilupp ta' għodod għad-dimostrazzjoni tal-benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali ta’ l-adattament għar-reġjuni Ewropej li jaqsmu fruntieri nazzjonali.

- Titjib tal-fehim bażiku u l-previżjoni ta’ l-impatti fl-Ewropa, inkluż fit-Tramuntana ta’ l-Atlantiku, l-Artiku, il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed. Tiċkin tal-mudelli klimatiċi u titjib tal-previżjonijiet ta’ l-impatti fuq skali reġjonali u lokali, inklużi l-impatti potenzjali fuq is-settur ta' l-ilma, ta' l-enerġija (kapaċità mnaqqsa ta' tkessiħ ta' l-impjanti ta' l-enerġija, impatti fuq l-idroenerġija, żieda fid-domanda għat-tkessiħ tal-bini), fuq l-infrastruttura tat-trasport, l-industriji u n-negozji, l-ippjanar għall-użu ta' l-art, l-agrikoltura u s-saħħa tal-bniedem.

- Kjarifika ta’ l-impatti mistennija tal-bidla klimatika u tad-deterjorament tas-saff ta’ l-ożonju fuq l-ekosistemi u tfittxija ta’ modi biex tittejjeb l-adattabbiltà ta’ dawn ta’ l-aħħar. Dan għandu jinkludi valutazzjoni ta’ l-impatti klimatiċi fuq il-ħażniet ta’ karbonju fil-ħamrija u l-bijosfera b'mod ġenerali, l-impatti fuq l-ekosistemi akkwatiċi, l-influwenza tal-prassi tal-ġestjoni agroekoloġika u valutazzjoni ta' abitats, speċijiet u riżorsi naturali l-aktar f'risjku.

- Huma meħtieġa ġabriet ta’ dejta u mudelli dettaljati u komprensivi fit-tul u li jkopru l-Ewropa kollha. Għandha tittejjeb il-koordinazzjoni bejn iċ-ċentri tad-dejta, sistemi ta’ informazzjoni u netwerks.

- Titjib ta’ l-aċċess tad-dejta eżistenti u integrazzjoni tad-dejta rilevanti għall-adattament fl-INSPIRE (Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Ewropa), SEIS (Sistema ta' l-Informazzjoni Komuni dwar l-Ambjent) u GMES (Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà), inkluż, fost l-oħrajn, monitoraġġ fil-post fit-tul, imsaħħaħ sostanzjalment, ta' l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tar-riżorsi naturali, tal-bijodiversità u s-servizzi ta' l-ekosistemi.

- L-użu tas-sistemi ta’ l-informazzjoni eżistenti appoġġati mill-Komunità, pereżempju, is-Sistema Ewropea tat-Twissija għall-Għargħar, is-Sistema Ewropea ta’ l-Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti, u ċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) għall-protezzjoni ċivili, is-Sistema tal-KE dwar it-Tbassir tar-Rendiment ta’ l-Għelejjel għandu jitħeġġeġ u l-potenzjal tagħhom massimizzat, pereżempju, billi jiġu marbuta ma’ infrastruttura tad-dejta Metereoloġika Ewropea u programmi ta’ monitoraġġ dedikat. Titjib ta’ informazzjoni rilevanti għall-politika miċ-Ċentri Ewropej tad-Dejta dwar il-kwalità ta' l-arja, ir-riżorsi naturali, is-saħħa tal-bnedmin, prodotti u skart, b'perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja.

- Kull 4 sa 5 snin jiġu pprovduti rapporti aġġornati ta’ sinteżi dwar l-impatti klimatiċi, l-adattament u l-vulnerabbiltajiet, li jkunu mfassla mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka bbażati fost l-oħrajn fuq ir-riżultati mill-Programmi Kwadri tar-Riċerka ta' l-UE u r-riċerka nazzjonali.

- B’kooperazzjoni mas-settur privat, jingħata appoġġ għar-riċerka dwar l-adattament għan-negozji, servizzi u industriji. Titnieda riċerka għall-iżvilupp u t-teknoloġiji u prodotti ta’ l-adattament biex tistimula l-innovazzjoni f’setturi differenti (pereżempju, l-agrikoltura, il-forestrija, l-ilma, l-enerġija, il-kostruzzjoni, is-sajd u l-akkwakultura).

- Jitniedew studji madwar l-Ewropa kollha dwar il-pjanijiet preżenti u futuri dwar ir-reġjuni kostali biex tissaħħaħ il-protezzjoni kostali, dwar il-kost ambjentali u dawk ekonomiċi f’dawn il-pjanijiet, dwar l-impatti li jista’ jkollhom fuq il-baġit Komunitarju u dwar l-ekonomiji tar-reġjuni kostali. Dan għandu jinkludi valutazzjoni tal-kost involuti fil-portijiet u kanali ta’ l-ilma fit-tkomplija tal-forniment tas-servizzi bażiċi tat-trasport.

- Titjib fl-għarfien taċ-ċaqliq u d-disponibbiltà tar-riżorsi madwar id-dinja, inkluż ir-riżorsi ta’ l-enerġija rinovabbli. Forniment ta’ valutazzjoni xjentifika indipendenti dwar l-impatti ambjentali li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi naturali u mill-effiċjenza tar-riżorsi. Għandu jsir l-aqwa użu mill-analiżi fost l-oħrajn imwettaq mill-Bord Internazzjonali dwar l-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali, u mir-rapporti ta’ l-IPCC, u riżorsi simili.

- Promozzjoni ta' kooperazzjoni, partenarjati u netwerking mal-komunità xjentifika fil-pajjiżi ta' l-UE u dawl li mhux ta’ l-UE, partikolarment f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, ġirien u sieħba ewlenin, u l-iskambju tar-riżultati tar-riċerka, mudelli klimatiċi u għodod metodoloġiċi oħra, speċjalment fil-kuntest ta’ programm ta’ ħidma ta’ ħames snin dwar l-adattament fl-ambitu tal-UNFCCC.

- Forniment ta’ appoġġ lill-prattikanti permezz ta’ gwida dwar l-għarfien xjentiku u miżuri ta’ l-adattament eżistenti, alternattivi u analiżi tal-vijabbiltà ta’ dawn l-alternattivi. Promozzjoni tan-netwerks madwar l-Ewropa għall-iskambju u l-konsolidament ta’ l-għarfien, l-esperjenza u l-adattament fl-Ewropa. Faċilitar tat-trażmissjoni ta’ l-għarfien mill-komunità tar-riċerka għall-prattikanti.

It-Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u Komunikazzjoni (ICT) moderni u aktar żviluppi tagħhom se jkunu strument ewlieni għall-appoġġ ta’ dan il-proċess ta’ l-adattament billi fost l-oħrajn jippermettu risponsi rilevanti, flessibbli u rapidi għar-rekwiżiti ta’ l-adattament, pereżempju għall-monitoraġġ tal-bidliet ambjentali, l-antiċipazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji, u l-ġestjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

[pic]

5.4. Ir-raba’ pilastru: L-involviment tas-soċjetà, s-settur tan-negozju u dak pubbliku Ewropej fit-tħejjija ta' l-istrateġiji ta' l-adattament koordinati u komprensivi

Il-ħtieġa ta’ l-adattament għandha tixpruna ristrutturar sinifikanti f’xi setturi ekonomiċi li huma partikolarment dipendenti fuq it-temp, pereżempju, l-agrikoltura, il-forestrija, l-enerġija rinovabbli, l-ilma, is-sajd u t-turiżmu, jew speċifikament esposti għall-bidla klimatika, pereżempju, il-portijiet, l-infrastruttura industrijali u l-abitazzjonijiet urbani f’żoni kostali, modgħijiet ta’ l-għargħar u muntanji. Għandu jkun hemm djalogu strutturat mal-partijiet u s-soċjetà ċivili kkonċernata biex jiġu esplorati sistematikament dawn l-isfidi. Dawn jistgħu jaqsmu ideat u jipprovdu pariri dwar l-istrateġiji komprensivi u koordinati, inkluż ir-ristrutturar possibli u l-miżuri marbuta miegħu.

Bħala parti mill-Programm Ewropew dwar il-Bidla Klimatika (ECCP) il-Kummissjoni se tikkunsidra l-istabbilment ta’ Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Adattament għall-Bidla Klimatika li għandu jopera bħala l-Grupp Espert tal-Kummissjoni u jkun magħmul minn politiċi rappreżentattivi, xjentisti ewlenin u membri ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dan jikkummenta fuq ħidmet għadd ta’ gruppi ta’ ħidma speċifiċi tul perjodu ta’ 12-il xahar li jibda minn Novembru 2007.

Din il-konsultazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati tista’ tkopri t-temi li ġejjin: l-ilma, l-bijodiversità, l-agrikoltura u l-forestrija, ir-riżorsi marini, l-industrija, is-saħħa pubblika, it-trasport, l-enerġija, ir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, is-servizzi finanzjarji u l-assigurazzjoni, il-politika ta’ koeżjoni u l-fondi reġjonali, l-azzjoni estera u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux ta’ l-UE, l-użu ta’ strumenti dwar l-użu ta’ l-art u ppjanar ta’ l-ispazji. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi segretarjat u tippresedi l-gruppi ta' ħidma differenti. Il-Grupp Konsultattiv Ewropew jista’ jippreżenta l-ewwel rapport tiegħu f’nofs is-sena 2008, liema rapport il-Kummissjoni tkun tista’ tużah fit-tħejjija tal-Komunikazzjoni tagħha dwar l-adattament li għandha tiġi ppreżentata sa tmiem l-2008.

[pic]

6. IL-PASSI LI JMISS

Il-partijiet kollha ta’ l-Ewropa se jħossu dejjem aktar l-effetti avversi tal-bidla klimatika. L-isforzi ta’ l-adattament għandhom jitħaffu fil-livelli u l-politiki Komunitarji kollha, u jinħtieġu li jkunu koordinati.

Qed tintalab ir-reazzjoni tal-pubbliku dwar il-mistoqsijiet ewlenin imressqa fi tmiem il-kapitoli ewlenin ta' din il- Green Paper . L-Istituzzjonijiet Ewropej u dawk kollha interessati – għaqdiet u individwi privati – huma mistiedna jikkontribwixxu fid-dibattitu pubbliku madwar l-UE li se jitnieda ma’ l-adozzjoni tal- Green Paper :

- Il- Green Paper se titnieda pubblikament wara l-adozzjoni fi Brussell.

- Konsultazzjoni pubblika fuq l-internet se tinfetaħ sat-30 ta’ Novembru 2007.

- Sabiex tippermetti qsim aktar dirett ta’ ideat, il-Kummissjoni se torganizza sessjonijiet ta’ ħidma dwar din il- Green Paper f’bosta Stati Membri u fejn meħtieġ f'pajjiżi terzi.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika se jgħinu fit-tfassil ta’ aktar ħidma mill-Kummissjoni, partikolarment fir-rigward tal-Komunikazzjoni ppjanata tal-Kummissjoni, dwar l-adattament u aktar elaborazzjoni dwar politiki Komunitarji oħrajn u l-azzjoni ta' politika estera.

[1] Il-grafiki 1 u 2 huma bbażati fuq l-IPCC SRES, ix-xenarju A2. L-impatti klimatiċi previsti huma stmati għall-2071-2100 imqabbla ma' l-1961-1990. Il-mapep huma bbażati fuq id-dejta DMI/PRUDENCE (http://prudence.dmi.dk), u ppoċessati mill-JRC f’ the JRC funded PESETA study (http://peseta.jrc.es)

[2] http://www.hm-treasury.gov.uk/independent_reviews/stern_review_economics_climate_change/stern_review_report.cfm

[3] IPCC SRES ix-xenarju A2; kost sa l-2100 f’€ fl-1995. Ir-riżultati mill-istudju EC JRC PESETS.

[4] http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docoffic/official/reports/cohesion4/index_en.htm