52007DC0253




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell 21.5.2007

COM(2007) 253 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam{SEC(2007) 602}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam

DAħLA

1.1. Żvilupp storiku dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-Faħam

Il-faħam, fid-diversi forom tiegħu mil- lignite għal faħam iebes, illum huwa sors importanti ta' enerġija fl-UE. Dan jammonta għal 17% tal-konsum totali ta' enerġija, u għal madwar 30% tal-produzzjoni ta' l-elettriku. L-UE timporta madwar terz tal-konsum totali tagħha tal-faħam.

Mis-snin Ħamsin 'il quddiem, partijiet mill-produzzjoni indiġena tal-faħam ma setgħux jikkompetu iktar fuq is-suq, l-iktar minħabba t-tnaqqis fl-ispejjeż tat-trasport tal-faħam minn pajjiżi terzi, il-ħsara ta' l-art fejn jinqata' l-faħam b'kundizzjonijiet ġeoloġiċi favorevoli u iktar spejjeż tax-xogħol. Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar ("il-KEFA") u iktar 'l quddiem, il-Komunità Ewropea ("il-KE") ħallew l-Istati Membri jagħtu sussidji lill-industrija tal-faħam tagħhom, bil-ħsieb li jippermettu proċess ordnat ta' strutturar mill-ġdid u għeluq.

L-iktar bażi ġuridika reċenti għal dan kienet ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam ("ir-Regolament dwar l-industrija tal-faħam").[1] Dan ġie adottat fuq il-bażi ta' Artikolu 87(3)(e) tat-Trattat tal-KE, u jistabbilixxi eċċezzjoni għall-projbizzjoni ġenerali ta' l-għajnuna mill-Istat. Dan jippermetti għajnuna għall-għeluq (l-Artikolu 4), għajnuna operattiva (l-Artikolu 5 § 3), għajnuna għall-investiment (l-Artikolu 5 § 2) u għajnuna għar-responsabbiltajiet li jkunu ntirtu (l-Artikolu 7), li fir-rigward ta' l-Artikoli 4 u 5, jkunu suġġetti għall-kundizzjoni li l-għajnuna ssegwi tendenza degressiva (l-Artikolu 6) u li l-Istati Membri jinkludu l-minjieri fi pjan għal aċċess għar-riservi tal-faħam, li jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni (l-Artikolu 9). Fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni awtorizzat l-għajnuna mill-Istat f'diversi Stati Membri.

1.2 Ambitu tar-Rapport

L-ambitu tar-rapport huwa stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolament dwar l-industrija tal-faħam.

L-Artikolu 13 jistabbilixxi r-regoli għar-reviżjoni tar-Regolament dwar l-industrija tal-faħam fid-dawl tal-konklużjonijiet fir-rapport tal-Kummissjoni.

L-Artikolu 14 § 3 fih "klawżola sunset ", li skond din " [d] an ir-Regolament jibqa' ’ jgħodd sal-31 ta ' Diċembru 2010".

Il-kuntest politiku li fih sar dan ir-rapport huwa stabbilit bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa",[2] il- Green Paper " Strateġija Ewropea għal Enerġija Sostenibbli, Kompetittiva u Sikura ",[3] l-Istrateġija Mġedda għall-Iżvilupp Sostenibbli",[4] l-Istrateġija ta' Göteborg[5]u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ewropa sostenibbli għal dinja aħjar: Strateġija Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli"[6]

RIżULTATI TA' L-APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT DWAR L-INDUSTRIJA TAL-FAħAM BEJN L-2002 U L-2006

Dan ir-Regolament dwar l-industrija tal-faħam daħal fis-seħħ fl-24 ta' Lulju 2002. L-Artikolu 14 jipprevedi, madankollu, il-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu għajnuna għall-perjodu bejn l-24 ta' Lulju 2002 u l-31 ta' Diċembru 2002 skond ir-regoli tad-Deċiżjoni Nru 3632/93/KEFA li jistabbilixxi r-regoli Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (id-Deċiżjoni dwar l-industrija tal-faħam). L-Istati Membri kollha li taw l-għajnuna f'dan il-perjodu għamlu użu minn din il-possibbiltà.[7] B'hekk, l-applikazzjoni de facto tar-Regolament dwar l-industrija tal-faħam bdiet biss fl-1 ta' Jannar 2003.

Fir-rigward ta' l-Istati Membri li daħlu fl-UE fl-1 ta' Mejju 2004 u l-1 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni bdiet tapplika r-Regolament dwar l-industrija tal-faħam sa mill-1 ta' Mejju 2004 u l-1 ta' Jannar 2007 rispettivament. Qabel dik id-data, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni applikaw it-test tar-Regolament dwar l-industrija tal-faħam, kif previst mill-hekk imsejħa Ftehimiet Ewropej. Sakemm id-data kienet disponibbli għall-Kummissjoni għall-perjodu ta' qabel l-adeżjoni, din ġiet inkluża f'dan ir-rapport.

B'segwitu għat-tmiem il-produzzjoni tal-faħam fi Franza fl-2004, huma ħdax l-Istati Membri produtturi tal-faħam koperti bir-Regolament dwar l-industrija tal-faħam.[8]Fost il-pajjiżi kandidati, it-Turkija u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja wkoll jipproduċu l-faħam kopert bir-Regolament dwar l-industrija tal-faħam.

2.1. Ħarsa ġenerali dwar l-użu ta' l-għajnuna mill-Istat għall-industrija tal-faħam u r-riżultati tal-proċess ta' l-istrutturar mill-ġdid.

2.1.1 L-għajnuna għall-operazzjoni u l-investiment (Artikolu 5 § 2 u Artikolu 5 § 3 tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam)

Jistgħu jiġu distinti 3 gruppi ta' Stati Membri: Dawk li waqqfu s-sussidji għall-faħam għal minjieri li qed joperaw (ir-Repubblika Ċeka, Franza u l-Italja), dawk li jagħtu l-għajnuna għall-investiment (il-Polonja, is-Slovakkja u r-Renju Unit), u dawk li jagħtu l-għajnuna operattiva (il-Bulgarija, il-Ġermanja, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja).

Waqfien totali tas-sussidji għall-faħam

Franza għalqet l-aħħar minjiera tal-faħam tagħha fl-2004. Fl-2006, Franza awtorizzat impriża privata, li mhux se tirċievi l-ebda sussidju, biex tibda l-operazzjonijiet tat-tħaffir f'minjiera ġdida tal-faħam bis-saqaf miftuħ ( open-cast coal mine ) fiż-żona ta' L'arc (Gardanne). Ir- Repubblika Ċeka pprivatizzat il-minjieri tal-faħam preċedentement ta' proprjetà statali, u ddeċidiet li tieqaf tagħti s-sussidji. Dan wassal għal tnaqqis importanti ta' kemm il-produzzjoni tal-minjieri kif ukoll l-impiegi fil-minjieri. Illum, l-impriża pprivatizzata tal-minjieri OKD qed tikkompeti b'suċċess fuq is-suq dinji. L- Italja għandha minjiera waħda tal-faħam f'Sardenja, li għaliha ma ġiet nnotifikata l-ebda għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni[9].

F'dawn it-3 pajjiżi, tlesta l-proċess ta' strutturar mill-ġdid.

L-għajnuna għall-investiment (Artikolu 5 § 2 tar-Regolament dwar l-industrija tal-faħam)

Ir- Renju Unit, il- Polonja u s- Slovakkja llimitaw s-sussidji tagħhom għall-għajnuna ta' l-investiment skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam. Ir-Renju Unit u s-Slovakkja pprivatizzaw kompletament il-minjieri li preċedentement kienu ta' proprjetà statali. Fil-Polonja, għaddej il-proċess ta' privatizzazzjoni. It-tabella 1 (ara SEC (2007) 602) turi l-ammont totali ta' investiment awtorizzat mill-Kummissjoni.

Il-proċess tar-ristrutturar ta' l-industrija tal-minjieri tal-faħam f'dawn il-pajjiżi tlesta sal-punt li dawk il-minjieri kollha li kienu jinsabu 'l bogħod mil-limitu ta' profittabilità għebu għalkollox mis-suq. Madankollu, dawn l-Istati Membri ddeċidew li bħala parti mill-istrateġija ta' enerġija globali tagħhom, jixtiequ jżommu fis-suq dawk il-minjieri tal-faħam li għandhom xi prospetti li jsiru vijabbli mingħajr għajnuna operattiva.

L-għajnuna operattiva (Artikolu 5 § 3 tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam)

Il- Bulgarija, il- Ġermanja , l- Ungerija, ir- Rumanija u Spanja ddeċidew li jżommu l-iskemi ta' għajnuna operattivi. L-industriji nazzjonali tal-minjieri ta' dawn il-pajjiżi x'aktarx li ma jkampawx mingħajr għajnuna operattiva bħal din. Il-proċess ta' ristrutturar jidher li għandu suċċess limitat, minħabba li l-ispejjeż ta' produzzjoni tnaqqsu bi ftit wisq, jew żdiedu [10] Jidher li f'dawn il-pajjiżi, t-titjib possibbli fit-termini ta' effiċjenza ġewwa l-minjieri tal-faħam waslu għal-limiti tagħhom. L-ispejjeż ta' produzzjoni baqgħu għoljin ħafna meta mqabbla mal-prezz tas-suq dinji għall-faħam (tabella 2 bbażata fuq iċ-ċifri ta' l-2006[11] - ara SEC (2007) 602).

Fit-tieni nofs ta' l-2005[12], il-prezz medju għall-faħam impurtat kien ta' € 60 kull tunnellata faħam ekwivalenti għal inqas minn nofs l-ispiża medja tal-produzzjoni fi Spanja, il-Ġermanja u l-Ungerija. Għaldaqstant, dawn il-minjieri mhumiex strutturalment kompetittivi fis-suq dinji. It-Tabella 3 (ara SEC (2007) 602) turi l-ammont totali ta' għajnuna operattiva awtorizzata mill-Kummissjoni. Fi Spanja, l-elettriku prodott minn dan il-faħam jammonta għal 4% mill-produzzjoni totali ta' l-elettriku, fil-Ġermanja għal 10%, u fl-Ungerija għal 0.1%.

L-Ungerija bħalissa qed tippjana li ttemm l-għajnuna operattiva fl-2014. Il-Ġermanja beħsiebha tagħmel dan fl-2018.

2.1.2 Għajnuna għall-għeluq (Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam) u għajnuna għar-responsabbiltajiet li jkunu ntirtu (Artikolu 7 tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam)

Ir-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam jipprevedi żewġ strumenti diversi biex jitħaffef l-għeluq tal-minjieri li mhumiex kompetittivi fuq is-suq dinji. l-għajnuna għall-għeluq, li hija għajnuna li tkopri t-telf operattiv tal-minjieri sad-data ta' għeluq, u għajnuna għar-responsabbiltajiet li jkunu ntirtu, li tkopri ċerti kategoriji ta' responsabbiltajiet soċjali u ambjentali ġejjin mill-minjieri tal-faħam.[13]

Għajnuna għall-għeluq tal-minjieri (Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-industrija tal-faħam)

Fl-Istati Membri kollha li jipproduċu l-faħam ingħalqu minjieri li ma kinux qed jiġġeneraw profitti, minbarra fl-Italja. Il- Ġermanja , Spanja u Franza taw għajnuna għall-għeluq tal-minjieri skond l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam sabiex itaffu l-konsegwenzi soċjali ta' l-għeluq tal-minjieri. L-ammont ta' għajnuna mogħtija tidher fit-tabella 4 (ara SEC (2007) 602). Fil-perjodu 2003 sa 2006, Franza għalqet żewġ minjieri, il-Ġermanja għalqet żewġ minjieri, Spanja għalqet 8 unitajiet ta' produzzjoni, u impenjat ruħha li tagħlaq 9 minjieri oħra sa l-aħħar ta' l-2007.[14]

F'dan il-perjodu ngħalqu xi minjieri oħra fi Stati Membri oħrajn ukoll. L-Ungerija għalqet żewġ minjieri, is-Slovakkja waħda u l-Polonja tliet minjieri. Dan l-għeluq tal-minjieri sar mingħajr l-ħruġ ta' l-għajnuna ta' l-għeluq.

Għajnuna għar-responsabbiltajiet (Artikolu 7 tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam)

Fir- Repubblika Ċeka u fi Franza , l-Istat ikompli jħallas is-sussidji għar-responsabbiltajiet soċjali u ambjentali li jkunu ntirtu mill-passat. Madankollu, l-impriżi tal-minjieri li għadhom joperaw ma jidhrux li bbenefikaw minn dawn il-pagamenti.[15]

L-Istati Membri l-oħra, minbarra l-Ungerija u l-Italja, ħadu parti mill-ispejjeż ambjentali u soċjali, mhux biss għall-minjieri magħluqa iżda wkoll għal dawk li għadhom attivi.[16] It-tabella 5 (ara SEC (2007) 602) turi l-ammont totali ta' investiment awtorizzat għal investimenti li jkunu ntirtu.

2.1.3 Żvilupp tal-produzzjoni tal-minjieri u ta' l-impjieg fis-settur

Fl-UE25, il-produzzjoni totali tal-minjieri u l-impjieg totali tal-minjieri niżlu fil-perjodu ta' bejn l-2003 u l-2006. It-tabelli 6 (il-produzzjoni tal-minjieri għas-snin 1998 sa l-2004, ara SEC (2007) 602) u 7 (impjieg fis-settur tal-minjieri 2004, ara SEC (2007) 602) jiddeskrivu l-iżvilupp pajjiż b'pajjiż.

2.2 Ir-rwol tas-sorsi ta' enerġija indiġeni fit-taħlita ta' l-enerġija globali ta' l-UE u l-impatt tas-sussidji tal-Faħam fuq is-suq intern għall-enerġija

2.2.1 Ir-rwol ta' sorsi enerġetiċi lokali fit-taħlita enerġetika ta' l-UE

Il-konsum enerġetiku primarju jiżvela tendenza ġenerali ta' diversità fil-fjuwils użati. Il-fjuwil primarju l-iktar sinifikanti għal bosta Stati Membri huwa ż-żejt u warajh jiġi il-gass naturali. Dan jidher fil-grafiku 1 (ara SEC (2007) 602).

L-użu tal-fjuwils fossili indiġeni fl-Istati Membri jvarja sew, skond il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi u skond kemm ġew sfruttati r-riżorsi. Minbarra l-faħam, hemm il-produzzjoni tal-gass (id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Olanda, ir-Renju Unit), il-produzzjoni taż-żejt (ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija u r-Renju Unit), il-produzzjoni tax- shale taż-żejt (l-Estonja), u l-produzzjoni tal-pit (f'bosta Stati Membri u użat b'mod partikolari fl-Irlanda u l-Finlandja).

Fir-rigward tal- produzzjoni ta' l-elettriku , bosta Stati Membri jużaw firxa varjata ta' fjuwils fil-proċess ta' ġenerazzjoni ta' l-elettriku. Filwaqt li t-taħlita partikolari tal-fjuwils tvarja bejn pajjiż u ieħor, hemm prevalenza ta' faħam, gass, enerġija nukleari u enerġija idroelettrika (ara l-Grafiku 2, SEC (2007) 602). Il-faħam għandu rwol prominenti fit-taħlita tal-fjuwils, u jammonta għal 30% tal-produzzjoni ta' l-elettriku. Terz minn dan l-elettriku [17]huwa ġġenerat minn faħam ta' kwalità baxxa tal-klassi C ( ortho-lignite ), li mhuwiex eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat skond ir-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam. Terz ieħor huwa prodott minn faħam indiġenu, li huwa eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat skond ir-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam. It-terz li jibqa' huwa prodott mill-faħam impurtat. Madwar 45% tal-faħam indiġenu eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat skond ir-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam jirċievi għajnuna operattiva jew għajnuna għall-investiment. Fi kliem ieħor, il-faħam indiġenu ssussidjat iservi bħala fjuwil għal 4.5% tal-produzzjoni ta' l-elettriku fil-UE.

L-użu ta' sorsi ta' enerġija indiġena li jiġġeddu żdied dawn l-aħħar snin fil-UE25, kif jidher mill-Grafiku 3 (ara SEC (2007) 602). Is-sorsi ta' l-enerġija li jiġġeddu llum jgħoddu għal madwar 6% tal-konsum totali ta' l-enerġija u għal madwar 16% tal-konsum totali ta' l-elettriku. Hija prevista żieda oħra billi l-Istati Membri aċċettaw miri għal produzzjoni ta' l-elettriku minn sorsi rinnovabbli ta' l-enerġija fid-Direttiva 2001/77/KE fuq il-promozzjoni ta' elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-suq intern ta' l-elettriku [18] Il-Kummissjoni adottat fl-10 ta' Frar 2007 "Pjan ta' l-Enerġija li Tiġġedded"[19] , li fih tipproponi li tiġi stabbilita mira mandatorja ta' 20% tas-sehem mill-enerġija li tiġġedded tal-konsum enerġetiku fil-UE sa l-2020. Din il-mira ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu fit-8-9 ta' Marzu 2007.

2.2.2 L-impatt tas-sussidji tal-faħam fuq is-suq intern

L-għajnuna mill-Istat għall-industrija tal-faħam potenzjalment tolqot tlitt iswieq diversi ta' prodotti: is-suq għall-faħam, is-suq għall-azzar, u s-suq għall-elettriku. Hemm ukoll effetti sekondarji fuq is-settur tal-makkinarju tal-minjieri u s-settur ta' l-ekoteknoloġija.

Impatt fuq is-suq tal-faħam

Il-faħam jeżisti fi kwalitajiet diversi ħafna. Il-prezzijiet li jitħallsu u l-użi possibbli jvarjaw skond il-kwalità. Għaldaqstant, x'aktarx li mil-lat tal-kompetizzjoni, jeħtieġ li jiġu distinti iktar minn suq wieħed ta' prodotti għall-faħam.[20]Id-dimensjoni ġeografika ta' dawn is-swieq ta' prodotti tista' tvarja, għax il-faħam ta' kwalità għolja u dak ta' kwalità medja huma faċilment ittrasportati, u jeżisti suq globali għalihom, filwaqt li għall-faħam ta' kwalità baxxa, il-Kummissjoni sabet li l-ispejjeż tat-trasport jillimitaw l-estensjoni tas-suq tal-prodott.[21]

L-għajnuna mill-Istat għandha impatt fuq is-swieq għall-faħam, għax l-għajnuna mill-Istat iżżomm ħajjin l-impriżi u l-minjieri li kieku jfallu. Madankollu, it-tgħawwiġ tas-suq ġewwa l-UE jidher li huwa limitat mill-fatt li l-biċċa l-kbira tal-faħam kopert bir-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam jintuża fis-suq intern. Minbarra l-Polonja u, sa ċertu punt, għalkemm inqas, ir-Repubblika Ċeka, l-ebda pajjiż ma jesporta l-faħam tiegħu. Dan jissuġġerixxi li ftit hemm kompetizzjoni diretta bejn il-faħam prodott fid-diversi Stati Membri.[22] Il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fit-tħejjija ta' dan ir-rapport jikkonfermaw din l-analiżi.

Fir-rigward ta' faħam ta' kwalità baxxa, l-impatt ta' l-għajnuna mill-Istat jidher limitat mill-fatt li l-ispejjeż tat-trasport għall-faħam ta' kwalità baxxa huma għoljin, u l-kompetizzjoni bejn il-minjieri tnaqqset billi l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni tintuża f'impjanti ta' enerġija fil-qrib.[23]

Impatt fuq is-suq ta' l-elettriku

Sabiex jiġu evitati l-effetti konsegwenzjali mill-għajnuna mill-Istat għall-industrija tal-Faħam fis-suq għall-elettriku, ir-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam tipprevedi klawżola ta' salvagwardja fl-Artikolu 4(e) tagħha.

It-tweġiba ta' tliet NGOs ambjentali[24] lill-konsultazzjoni tal-Kummissjoni timplika, madankollu, li s-sussidji tal-faħam għawġu s-suq għall-produzzjoni ta' l-elettriku favur il-faħam. Din tiddikjara li “ is-settur ta' l-enerġija għadu 'l bogħod milli jipprovdi kundizzjonijiet ugwali għas-sorsi kollha ta' provvista . L-alternattivi ta' enerġija li tniġġes, bħall-faħam u l-enerġija nukleari bbenefikaw minn bosta għexieren ta' appoġġ mill-Istat, ħafna drabi fi swieq protetti sew u monopolistiċi ”.[Traduzzjoni mhux uffiċjali].

Studju li sar mill- Europe Economics għall-Kummissjoni analizza din il-mistoqsija fid-dettall, u jikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat għall-industrija tal-faħam tinfluwenza biss minn fejn jinstab il-faħam, jiġifieri d-deċiżjoni dwar jekk għandux jinxtara faħam ta' produzzjoni nazzjonali jew faħam impurtat. L-istudju ma sab l-ebda indikazzjoni li l-għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam tista' taffettwa il- mix totali tal-fjuwil, jiġifieri, is-sehem tal-faħam fil-produzzjoni ta' l-elettriku. It-tweġiba ta' l-EUROELECTRIC għall-konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati tappoġġa din il-pożizzjoni.

Il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni kombinata ta' l-Artikolu 4(c) u l-Artikolu 4(e) tar-Regolament għandha tippermetti li jiġi evitat li s-sussidji għall-faħam ikollhom impatt fuq is-suq ta' l-elettriku.[25]

Il-Kummissjoni tinnota madankollu, li l-għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam jista' jkollha impatt fuq is-suq intern għall-elettriku, b'mod partikolari fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta' l-investiment għal impjanti ta' l-enerġija li jaħdmu bil-faħam. Fil-każ li l-investitur jista' jkun assigurat li l-għajnuna mill-Istat tista' tippermetti l-minjieri indiġeni jipproduċu l-faħam għall-futur qarib, għandu jibni impjant ta' l-elettriku ġdid ħdejn il-minjiera, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport. Jekk, min-naħa l-oħra, l-għajnuna għal produzzjoni indiġena mhux kompetittiva hija inċerta, il-bini ta' l-impjant ta' l-elettriku tista' issir qrib ilmijiet navigabbli interni sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' trasport għall-faħam impurtat.

L-impatt fuq is-suq għall-produzzjoni tal-kokk u ta' l-azzar

Il-klawżola ta' salvagwardja fl-Artikolu 4(e) tar-Regolament japplika wkoll għas-swieq tal-produzzjoni tal-kokk ( coke) u ta' l-azzar. La l-partijiet interessati u lanqas l-Istati Membri ma għamlu osservazzjonijiet fuq t-tgħawwiġ possibbli ta' kompetizzjoni f'dawn l-iswieq.

2.3 Il-problemi li ffaċċjat il-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam

Il-Kummissjoni ltaqgħet ma' 5 problemi ewlenin fl-applikazzjoni tar-regoli attwali ta' l-għajnuna mill-Istati għall-industrija tal-faħam. Il-kontroll tal-kriterju "ma’ tistax tikkaġuna li l-prezzijiet tal-kunsinna tal-faħam tal-Komunità jkunu orħos mill-prezzijiet ta' faħam ta' kwalità simili" (Artikolu 4(c) tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam), id-distinzjoni bejn il-faħam kopert bir-Regolament u l-faħam mhux kopert bir-Regolament, it-tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni, il-kontroll tal-kategoriji ta' l-għajnuna għal responsabbiltajiet li jkunu ntirtu stabbiliti fl-Anness tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam, u l-kontroll ta' l-għeluq tal-minjieri.

2.3.1 Kontroll tar-rispett rigward l-Artikolu 4(c) tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam

L-Artikolu 4(c) tar-Regolament dwar l-industrija tal-faħam jipprevdi li “ l-ammont ta ’ għajnuna għal kull tunnellata metrika faħam ekwivalenti ma tistax tikkaġuna li l-prezzijiet tal-kunsinna tal-faħam tal-Komunità jkunu orħos mill-prezzijiet ta ’ faħam ta ’ kwalità simili minn pajjiżi terzi ”. Fir-rigward ta' dan l-Artikolu huwa diffiċli li wieħed jivverifika, b'mod partikolari żewġ sitwazzjonijiet:

Kumpaniji tal-minjieri u ta' l-enerġija integrati. F'bosta Stati Membri,[26] il-minjieri tal-faħam u l-impjanti ta' l-enerġija jiffurmaw parti minn impriża waħda. F'dan il-każ, il-prezz għall-faħam għandu jagħmel parti minn transazzjoni bejn il-kumpaniji, li fin-natura tiegħu huwa diffiċli li jkun ssorveljat esternament. Il-Kummissjoni indirizzat din il-problema, safejn kien possibbli, permezz ta' analiżi fil-fond tal-każijiet individwali kkonċernati.

L-assenza tal-prezz tas-suq globali. Ma hemm l-ebda prezz tas-suq globali għall-faħam ta' kwalità baxxa, għax m'hemm kważi l-ebda kummerċ għal dan it-tip ta' faħam: kif ġie spjegat iktar 'il fuq, minħabba l-ispejjeż għoljin ta' trasport u l-valur kalorifiku baxx, il-faħam ta' kwalità baxxa għandu jintuża qrib il-post tal-produzzjoni. F'dawn il-każijiet, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-metodi ta' kalkolu għall-prezz dehrux raġonevoli, u ma wasslux għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq għal produzzjoni ta' l-elettriku.[27]

2.3.2 Distinzjoni bejn il-faħam kopert u l-faħam mhux kopert bir-Regolament

Skond l-Artikolu 2(a) tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam, huwa biss il-faħam ta' kwalità għolja, ta' kwalità medja u ta' kwalità baxxa tal-kategoriji A u B, fi ħdan it-tifsira tas-sistema ta' kodifikazzjoni internazzjonali għall-faħam stabbilita mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa kopert bir-Regolament, filwaqt li l-faħam ta' kwalità baxxa tal-kategorija C u fjuwils solidi tal-fossili indiġeni oħra, bħax- shale taż-żejt, ir-ramel tal-qatran u l-pit, mhuwiex. Dawn kollha ta' l-aħħar għalhekk huma suġġetti għar-regoli ġenerali ta' l-għajnuna mill-Istat.

Għall-Istati Membri tal-KEFA, il-Kummissjoni stabbiliet il-kwalità tal-faħam fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-interpretazzjoni ta' l-espressjonijiet “faħam” u “ lignite ” imsemmijin fl-Anness I tat-Trattat tal-KEFA tal-11 ta' Ottubru 1986[28] Ir-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam ippreveda li din id-distinzjoni bejn il-faħam u l- lignite jikkorrespondu mal-linja ġdida ta' diviżjoni bejn il-faħam ta' kwalità baxxa tal-kategorija B u l-faħam ta' kwalità baxxa tal-kategorija C. Għall-Istati Membri tal-KE li ma kinux Stati Membri tal-KEFA, il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha, aċċettat l-analiżi ġeoloġiċi li saru mil-laboratorji ta' l-Istati Membri, u stabbiliet li l-minjieri fl-Ungerija u s-Slovakkja jipproduċu faħam ta' kwalità baxxa tal-kategorija B, filwaqt li l-minjiera " Lignin Hodonin" fir-Repubblika Ċeka tipproduċi faħam ta' kwalità baxxa tal-kategorija C.[29]

2.3.3 Tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni

Id-Deċiżjoni dwar l-industrija tal-Faħam pprevediet li kwalunkwe minjiera li tirċievi l-għajnuna operattiva kellha turi “ għandu jsegwi tendenza ’ l isfel sabiex iwassal għall-tnaqqis sostanzjali ”. Din il-kundizzjoni ma ġietx replikata fir-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam. Il-Kummissjoni ġiet ikkonfrontata fid-Deċiżjoni tagħha N 552/2005, dwar l- għajnuna mill-Istat għall-industrija tal-faħam Ġermaniża għas-sena 2006 , bil-mistoqsija jekk, skond ir-Regolament, kellhiex tawtorizza l-għajnuna operattiva minkejja l-iżvilupp ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni, jiġifieri anki f'sitwazzjoni fejn jiżdiedu l-ispejjeż ta' produzzjoni. Hi kkonkludiet li, fil-prinċipju, l-impriżi li japplikaw għall-għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam jeħtieġu li jsegwu strateġija li twassal biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' produzzjoni tagħhom.

2.3.4 Applikazzjoni tal-kategoriji fl-Anness

L-Anness għar-Regolament jistipula l-kategoriji għall-awtorizzazzjoni ta' l-għajnuna mill-Istat biex tkopri r-responsabbiltajiet li jkunu ntirtu. L-ispejjeż għall-għajnuna permessi mill-Anness għar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam xi kultant ma jkollhomx rabta diretta jew jista' ma jkollhom l-ebda rabta ma' l-istrutturar mill-ġdid ta' l-industrija tal-faħam. Barra minn hekk, xi wħud mill-kategoriji huma estremament vagi.[30] L-effett ta' dan għalhekk jista' jkun li titħalla li tingħata għajnuna għall-ispejjeż tal-kumpaniji kkonċernati mingħajr ma jiġu sfurzati għal iktar ristrutturar . F'dan ir-rigward, għandha tinġibed l-attenzjoni li, għal kuntrarju ta' l-għajnuna skond l-Artikolu 4 u 5, l-għajnuna skond l-Artikolu 7 mhijiex suġġetta għal massimu finanzjarju u mhux meħtieġ li jkun degressiv.

2.3.5 Kontroll ta' l-għeluq tal-minjieri

Il-Kummissjoni ġiet iffaċċjata bil-problema li Spanja ma rrispettatx l-impenn tagħha li tagħlaq il-minjieri li rċevew għajnuna għall-għeluq skond l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam. Fid-Deċiżjoni tagħha C 14/04, Il-Pjan ta' Ristrutturar ta' l-industrija Spanjola tal-faħam u l-għajnuna ta' l-Istat għas-snin 2003 – 2005, il-Kummissjoni tagħti spjegazzjoni ddettaljata ta' dawn il-problemi. [31]Il-Kummissjoni ser tissokta timmonitorja mill-qrib din is-sitwazzjoni.

IL-ħTIEġA TA' EMENDI GħAR-REGOLAMENT DWAR L-INDUSTRIJA TAL-FAħAM

Skond l-Artikolu 13(1) u l-premessi 9 u 23 tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk l-iżvilupp tas-suq tal-faħam u/jew il-konsegwenzi soċjali u reġjonali tal-minjieri tal-faħam jagħmlux neċessarji l-emendi għar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam sa mill-1 ta' Jannar 2008.

3.1 L-iżviluppi fuq is-suq tal-faħam u s-sigurtà tal-provvista globali ta' l-enerġija

Fil-perjodu bejn l-2003 u l-2006, il-prezzijiet għall-faħam fuq is-suq dinji [32]varjaw konsiderevolment. Madankollu, kienu iktar stabbli minn prezzijiet għaż-żejt u l-gass naturali. Ir-raġuni bażika għat-tibdil fil-prezzijiet kienet żieda qawwija fid-domanda għall-faħam, flimkien mal-kapaċitajiet limitati ta' produzzjoni u kapaċitajiet limitati ta' trasportazzjoni. Iż-żieda fid-domanda kienet dovuta prinċipalment għad-domanda għolja ta' faħam miċ-Ċina u l-Indja. Barra minn hekk, il-prezzijiet għoljin għal gass naturali wasslu biex l-impjanti ta' l-enerġija li jaħdmu bil-faħam ikunu iktar kompetittivi minn qabel, li setgħet żiedet ukoll id-domanda.

Il-limiti tal-kapaċità tal-produzzjoni u tat-trasport huma dovuti għall-fatt li l-investimenti fil-kapaċitajiet ġodda tal-minjieri u tat-trasport għandhom bżonn mill-inqas sena bħala żmien ta' tħejjija. L-adattament għall-bidliet fit-tendenzi għad-domanda għalhekk issir relattivament bil-mod.

Barra minn hekk, it-tema tas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija fl-Unjoni Ewropea tqiegħdet fuq quddiem tal-prijoritajiet fl-aġenda, wara l-kwistjoni li tqajmet dwar il-gass bejn ir-Russja u l-Ukraina fil-bidu ta' l-2006 u t-tilwima bejn ir-Russja u l-Belarus dwar iż-żejt li feġġet fil-bidu ta' l-2007. Fuq kollox, huwa ċar li hemm livell ogħla ta' għarfien dwar l-importanza tas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija fl-2007 milli kien hemm fl-2003. Il-problemi, madankollu, prinċipalment jikkonċernaw ż-żejt u l-gass naturali. Fir-rigward tal-faħam, is-suq dinji jidher li jaħdem b'mod effiċjenti, kif intwera biż-żieda fil-produzzjoni tal-faħam b'reazzjoni għad-domanda ikbar mill-Indja u ċ-Ċina. Is-sigurtà ta' l-importazzjonijiet Ewropej tal-faħam illum mhijiex differenti wisq minn kif kienet fl-2003.

L-iżviluppi fis-suq dinji għall-faħam huma importanti għal vijabbiltà ekonomika tal-minjieri tal-faħam Ewropej. Bosta minjieri fir-Repubblika Ċeka , fil-Polonja, fir-Renju Unit u fl-Italja huma profitabbli meta mqabbla mal-prezzijiet tal-faħam relattivament għoljin osservati mill-2005, iżda ma jistgħux jibqgħu sejrin fil-każ li jinżlu l-prezzijiet għal-livell osservat fil-bidu tas-seklu.

3.2 Il-konsegwenzi soċjali u reġjonali tal-minjieri

L-ebda waħda mit-tweġibiet ġejjin mill-partijiet interessati jew mill-Istati Membri ma jindikaw li kien hemm tibdiliet importanti fir-rigward ta' l-aspetti soċjali u reġjonali tal-minjieri tal-faħam. Minkejja dan, il-Ġermanja, Spanja u bosta minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati jipproponu li jtawlu sa l-2010 l-għajnuna mill-Istat għat-tnaqqis ta' l-attività skond l-Artikolu 4 tar-Regolament. Dan jesprimi biża' li jekk ma jsirx hekk, it-tnaqqis tal-kapaċità tal-produzzjoni tista' ssir iktar diffiċli.

Il-Kummissjoni diġà approvat il-pjanijiet għall-aċċess għar-riservi tal-faħam u l-pjanijiet għall-għeluq tal-minjieri għall-Istati Membri kollha, minbarra Spanja u r-Rumanija fejn għadha għaddejja l-evalwazzjoni tan-notifiki, sa l-2010[33]. Ma nħalqux xi diffikultajiet partikolari għal dawn l-approvazzjonijiet għall-fatt li l-għajnuna skond l-Artikolu 4 se titneħħa gradwalment sa mill-2008. Barra mill-għeluq tal-minjieri rraportati hawn fuq fil-punt 2.1.1, il-Ġermanja qed tippjana li tagħlaq żewġ minjieri oħra sa l-2010 u s-Slovakkja tippjana li tagħlaq oħra fl-2007. Il-pjanijiet Spanjoli għall-għeluq tal-minjieri bħalissa qegħdin taħt skrutinju mill-Kummissjoni. Kontra għal dak li jissuġġerixxu t-tweġibiet msemmija hawn fuq, l-eżami mill-Kummissjoni ta' l-għeluq ta' dawn il-minjieri ma wrewx il-ħtieġa li jittawwal il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4, għax l-għajnuna mill-Istat kollha meħtieġa biex jitwettaq l-għeluq tista' tiġi approvata fl-ambitu ta' l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam.

Barra minn hekk, l-impatt prattiku ta' modifika bħal din għall-perjodu 2008 sa l-2010 tkun limitata ħafna. Il-Kummissjoni diġà approvat il-pjanijiet għall-aċċess għar-riservi tal-faħam għall-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Renju Unit u s-Slovakkja. Bħalissa qiegħed jiġi evalwat il-pjan għal Spanja u r-Rumanija. Dawn il-pajjiżi jgħoddu għall-biċċa l-kbira mill-għajnuna kollha mill-Istat li tingħata lill-industrija tal-faħam. Sabiex jiġu imposti xi tibdiliet għall-għajnuna mill-Istat prevista f'dawn il-pjanijiet, il-Kummissjoni teħtieġ li tipproponi li dawn l-Istati Membri l-miżuri xierqa skond l-Artikolu 17 u li jsegwu r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE.[34] Dan jirrikjedi risorsi amministrattivi konsiderevoli kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istati Membri kkonċernati.

3.3 Konklużjoni

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li mhuwiex meħtieġ li tipproponi emendi għar-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-partijiet interessati kollha biex jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar dan ir-rapport.

[1] ĠU L 205, 2.8.2002, p. 1-8 . emendat bl-Anness II, punt 12 tat-Trattati ta' Adeżjoni għat-tkabbir ta' l-UE ta' l-2004 u l-2007.

[2] COM(2007) 001 finali.

[3] COM (2006) 105 finali.

[4] Id-dokument 10117/06, adottat mill-Kunsill fid-9 ta' Ġunju 2006.

[5] Adottata mill-Kunsill f'Gothenburg fil-15 u 16 ta' Ġunju 2001.

[6] COM (2001) 264 finali.

[7] Dan jikkonċerna Spanja (ara d-Deċiżjonijiet N 3/2002; C 17/2003), Franza ara d-Deċiżjonijiet N 551/2002), Ġermanja (ara d-Deċiżjoni N 550/2002) u r-Renju Unit (ara d-Deċiżjoni N 740/2002).

[8] Ir-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam ikopri faħam ta' kwalità għolja, medja u baxxa tal-klassijiet A u B fi ħdan it-tifsira tas-sistema tal-kodifikazzjoni internazzjonali għall-faħam stabbilita mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti; ara l-Artikolu 2(a) tar-Regolament dwar l-industrija tal-faħam. Il-faħam ta' grad baxx (C) huwa eskluż mill-ambitu tiegħu. Il-pajjiżi li jipproduċu l-faħam koperti bir-Regolament dwar l-industrija tal-Faħam huma l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit.

[9] Attwalment, madankollu, il-Kummissjoni, qed tinvestiga lment, li jallega li l-Italja qed tagħti l-għajnuna mill-Istat lill-minjiera kkonċernata.

[10] Ara d-Deċiżjoni N 552/2005, Għajnuna mill-Istat għall-industrja tal-faħam Ġermaniża għas-sena 2006

[11] Il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom javżaw lill-Kummissjoni bil-pjanijiet tagħhom għar-riservi tal-faħam mhux aktar tard mit-30 ta' April 2007. Il-Kummissjoni rċeviet in-notifika tal-pjan mir-Rumanija fiż-żmien stipulat u qed teżaminaha.

[12] Ara r-rapport tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 405/2003 tas-27 ta' Frar 2003, dwar il-kontroll tal-Komunità ta’ l-importazzjoni tal-fossili tal-karbonju li joriġina minn pajjiżi terzi, disponibbli fi http://ec.europa.eu/energy/coal/market_pricing/doc/price_post_2002/hard_coal_electricity_semester_2005_2_eur25.pdf.

[13] Anness għar-Regolament dwar l-industrija tal-faħam.

[14] Il-Kummissjoni attwalment qiegħda tivverifika jekk tħarisx dan l-impenn.

[15] Ma hemm l-ebda prassi koerenti għat-trattament ta' dawn il-pagament taħt ir-regoli ta' għanjuna mill-Istati. Fir-rigward tar-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni awtorizzat l-għajnuna mill-Istat għar-responsabbiltajiet ambjentali (kawża CZ 45 u 110/2004). Ġie deċiż li tinfetaħ investigazzjoni ex officio fir-rigward ta' l-għajnuna mill-Istat għar-responsabbiltajiet soċjali li jkunu ntirtu. Din il-kawża għaddejja bħalissa.

[16] Dawn ġew approvati bid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni N 574/2004 (Polonja), N 27 u 53/2005, N 419/2005, N 168/2005, NN 9/2006 u N 387/2006 (Slovakkja), N 421/2003 u N 321/2004 (Franza), N 746 u N 474/2002, N 493/2003, N 320/2004, N 497/2004, N 552/2005 (Ġermanja), N 20/2003 (Renju Unit) C 14/2004 (Spanja), u, qabel l-adeżjoni, mill-awtorità nazzjonali Slovena għall-kompetizzjoni.

[17] Dan jikkorrespondi għal 10% tal-produzzjoni globali ta' l-elettriku.

[18] ĠU L 283 ta' l-27 ta' Ottubru 2001, p. 33

[19] COM (2006) 848 finali.

[20] Fl-IV M.402 PowerGen/NRG Energy/Morrison Knudsen/Mibrag, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm iktar minn suq wieħed ta' prodotti għal faħam kannella, ara http://ec.europa.eu/comm/competition/mergers/cases/decisions/m402_en.pdf

[21] Fi IV M.402 il-Kummissjoni kkunsidrat li s-suq ġeografiku għall-faħam kannella kien reġjonali (fil-każ ikkonċernat: il-Ġermanja tal-Lvant). Id-deċiżjoni ta' l-għajnuna mill-Istat N 597/2004 Lignit Hodonin s.r.o. , il-Kummissjoni sabet li qed isir negozju transkonfinali ta' l- ortho-lignite , għalkemm biss bejn pajjiżi ġirien u għal distanzi żgħar. Għaldaqstant, is-suq ġeografiku jista' jkun, f'każijiet speċifiċi, reġjun li jkopri t-territorji ta' żewġ Stati Membri jew aktar.

[22] L-unika indikazzjoni għal kompetizzjoni bħal din tikkonċerna l-Ġermanja li sostitwiet partijiet mill-produzzjoni indiġena tagħha bl-importazzjonijiet Pollakki u Ċeki.

[23] Ara IV M.402 u N 597/2004 Lignit Hodonin s.r.o .

[24] L-Uffiċċju Ewropew għall-Ambjent, in-Netwerk għall-Azzjoni dwar il-Klima u Greenpeace .

[25] F'dan ir-rigward ara wkoll il-punt 2.3.1. hawn taħt.

[26] Pereżempju: il-Ġermanja, il-Polonja, Spanja u l-Ungerija.

[27] Ara d-Deċiżjoni N 92/2005 dwar għajnuna mill-Istat għall-industrija tal-faħam Ungeriża, u d-Deċiżjoni N 320/2004 dwar għajnuna mill-Istat għall-industrija tal-faħam Ġermaniża.

[28] ĠU C 254, 11 ta’ Ottubru 1986, p. 2

[29] Ara d-Deċiżjoni N 92/2005, Għajnuna mill-Istat għall-industrja tal-faħam Ungeriża, għall-Ungerija; ara d-Deċiżjoni N 27 u N 53/2005 dwar l-għajnuna mill-Istati għall-industrija tal-faħam Slovakka, u d-Deċiżjoni NN 9/2006, għajnuna mil-Istat għall-minjiera tal-faħam Bana Dolina għas-Slovakkja; ara d-Deċiżjoni N N 597/2004 Lignit Hodonin s.r.o. , għar-Repubblika Ċeka.

[30] Il-Kategorija 1(f) pereżempju, tippermetti għar-rimborż, mill-istat, ta' xi “ spejjeż li jifdal li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet amministrattivi, legali u tat-taxxa ”

[31] Ara d-Deċiżjoni C. 14/04, Pjan ta' ristrutturar ta' l-industrija tal-faħam u l-għajnuna Statali Spanjola għas-snin 2003-2005.

[32] Suq dinji jeżisti biss għall-faħam ta' kwalità għolja u medja; Il-faħam ta' kwalità baxxa dejjem intuża qrib il-post ta' produzzjoni.

[33] Il-Bulgarija ma tatx notifika tal-pjan tagħha għal aċċess għar-riservi tal-faħam u l-għeluq tal-minjieri.

[34] ĠU L 83 ta' l-27 ta' Marzu 1999, p. 1.