52007DC0183




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.4.2007

KUMM(2007) 183 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-EWROPA GLOBALI: PARTENARJAT AKTAR B'SAĦĦTU BIEX ITEJJEB L-AĊĊESS GĦAS-SWIEQ GĦALL-ESPORTATURI EWROPEJ

{SEG(2007) 452}{SEG(2007) 453}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-EWROPA GLOBALI: PARTENARJAT AKTAR B'SAĦĦTU BIEX ITEJJEB L-AĊĊESS GĦAS-SWIEQ GĦALL-ESPORTATURI EWROPEJ

1. Introduzzjoni

Fl-ekonomija globali tal-lum il-kumpaniji Ewropej dipendenti aktar minn qatt qabel fuq l-aċċess effettiv għas-swieq ta' l-imsieħba kummerċjali tagħna. Il-kumpaniji Ewropej qegħdin jagħmlu investimenti ta' kapital intensiv f'pajjiżi terzi u qegħdin joħolqu katini tal-provvista li huma kemm kumplessi kif ukoll globali. L-esportaturi Ewropej qegħdin ifittxu dejjem aktar li jirnexxu mhux biss fl-ekonomiji kbar tad-dinja żviluppata, iżda wkoll fl-ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u r-Russja.

Il-qafas għal Ewropa Globali stabbilit fl-2006[1] jsostni li l-politika kummerċjali tista' tagħti kontribut ewlieni lit-tkabbir ekonomiku u lill-impjiegi fl-Ewropa billi tiżgura li l-kumpaniji Ewropej jibqgħu kompetittivi u li jkollhom aċċess ġenwin għas-swieq ta' l-esportazzjoni li jeħtieġu. L-Ewropa għandha d-dritt li tiftaħ is-swieq tagħha stess b'mod li tistimula l-kompetittività u l-innovazzjoni, tipprovdi aċċess għal materja prima u tiġbed lejha investiment barrani. din hija r-reazzjoni tajba għall-globalizzazzjoni. B’mod parallel, aħna nistgħu u għandna nistennew li nsibu swieq miftuħa u kundizzjonijiet ta' kummerċ ġust fl-esteru. B'mod partikolari, l-ekonomiji emerġenti li bbenefikaw mis-sistema ta' kummerċ globali biex jiksbu rati għoljin ta' tkabbir, issa għandhom ineħħu l-ostakli tagħhom stess u jiftħu aktar is-swieq tagħhom. Dan huwa fl-interess tagħhom stess, kif ukoll b'mod aktar mifrux, fl-interess tas-sistema ta' kummerċ globali. F'ekonomija globali kompetittiva ħafna, l-aċċess għas-swieq se jinfluwenza b'mod sinifikanti s-saħħa ekonomika tagħna fl-esportazzjoni.

L-ewwel prijorità u dik l-aktar ċara ta' l-Ewropa biex jinżammu miftuħa s-swieq globali hija permezz ta' l-impenn tagħha lejn id-WTO, is-sistema ta' kummerċ multilaterali u ċ-Ċiklu ta' Doha. Il-liberalizzazzjoni globali progressiva m'hijiex biss l-aktar mod effettiv biex tinħoloq sistema ta' kummerċ miftuħa, iżda hija l-uniku mod biex jinkisbu riżultati pożittivi għal kulħadd, kemm għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll għal dawk żviluppati. Madankollu, il-politika mġedda dwar l-aċċess għas-swieq li tiffoka fuq problemi jew swieq partikolari hija parti essenzjali mill-istrateġija usa’ ta' l-UE.

Din il-Komunikazzjoni tipproponi Partenarjat aktar b'saħħtu biex itejjeb l-aċċess għas-swieq bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, u n-negozji, ibbażat fuq konsultazzjoni pubblika estensiva. Hija tistabbilixxi strateġija aktar ċara u orjentata aktar lejn ir-riżultati, li tiffoka fuq problemi konkreti li n-negozji ta' l-UE jħabbtu wiċċhom magħhom fis-swieq ta' pajjiżi terzi. Hija tidentifika kemm id-dgħjufijiet fis-sistema attwali, kif ukoll il-punt sa fejn il-politika ta' l-UE għandha tinbidel sabiex tirrifletti l-ekonomija globali li qed tinbidel.

Hija tipprevedi deċentralizzazzjoni akbar tas-sistema attwali u użu aħjar ta' għarfien lokali u ta' inizjattivi lokali permezz ta' l-iżvilupp ta' Gruppi Komunitarji speċjalizzati fl-Aċċess għas-Swieq, ibbażati lokalment, li jintgħażlu minn fost id-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-Ambaxxati ta' l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet kummerċjali. Hija tistaqsi wkoll jekk nistgħux nipprijoritizzaw aħjar l-użu tal-kapaċitajiet tagħna sabiex niżguraw li, filwaqt li l-ilmenti dwar l-aċċess għas-swieq jitqiesu kif jixraq, l-UE jkollha fil-mira tagħha l-aktar problemi urġenti. Hija tistabbilixxi l-mod kif nistgħu nagħmlu s-sistema attwali aktar effiċjenti u aktar trasparenti għan-negozji ta' l-UE.

Politika b'saħħitha ta' aċċess għas-swieq hija l-funzjoni ewlenija tal-politika kummerċjali komuni, u l-qasam ewlieni li fih l-UE tista' tagħti benefiċċji ekonomiċi reali lill-Istati Membri tagħha. F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-azzjoni kontra l-ostakli għall-kummerċ, neħtieġu nidentifikaw modi kif intejbu l-użu ta' l-għodod eżistenti u – fejn ikun possibbli – niżviluppaw oħrajn ġodda. Dan id-dokument jistabbilixxi kif nistgħu nsaħħu dik il-politika fil-ġejjieni.

2. L-Istrateġija ta' l-UE għall-Aċċess għas-Swieq f'ekonomija globali li qed tinbidel

Il-progress mill-1996 'l hawn

L-Istrateġija ta' l-UE għall-Aċċess għas-Swieq tnediet fl-1996[2] bl-għan li tinforza l-ftehim kummerċjali multilaterali u bilaterali u li tiżgura li s-swieq ta' pajjiżi terzi kienu miftuħa għall-esportazzjonijiet ta' l-UE. L-istrateġija kellha l-għan li tipprovdi lill-esportaturi bit-tagħrif dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-swieq u b'qafas li fih jintgħelbu l-ostakli għall-kummerċ tal-prodotti, tas-servizzi, tal-proprjetà intellettwali u ta' l-investiment.

Id- Database dwar l-Aċċess għas-Swieq inħolqot bħala l-għodda operattiva ewlenija ta' din l-istrateġija. Dan huwa servizz online bla ħlas għall-esportaturi ta' l-UE, li jinkorpora tagħrif dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-swieq f'madwar 100 pajjiż kif ukoll reġistru pubbliku li qed jevolvi li bħalissa fih madwar 500 ostaklu għall-aċċess għas-swieq irrappurtati, primarjament min-negozji, lill-Kummissjoni. Is-sezzjonijiet ta' tagħrif tad- database huma utilizzati sewwa u ġeneralment popolari ħafna ma' l-utenti.

B'riżultat tal-prijorità li l-UE tat lill-isforzi multilaterali sabiex jitnaqqsu l-ostakli għall-kummerċ, il-Kummissjoni sa ċertu punt ma baqgħetx tiffoka fuq it-tneħħija speċifika ta' l-ostakli. Jeħtieġ bis-sħiħ li dan jitranġa, kemm minħabba l-kumplessità u l-importanza dejjem akbar ta' l-ostakli mhux tariffarji, kif ukoll minħabba l-ħtiġijiet tal-partijiet interessati. Dan jista' jinkiseb permezz ta' konsultazzjoni mtejba man-negozji u ma' l-Istati Membri, kif ukoll bi strateġija aktar iffukata sabiex jintgħelbu l-ostakli u jsir l-aħjar użu mir-riżorsi. In-nuqqas ta' koordinazzjoni mtejba se tagħmilha ferm aktar diffiċli biex każijiet ta' prijorità jiġu individwati, analizzati u evalwati u biex it-tneħħija ta' l-ostakli tirnexxi b'mod sistematiku.

In-natura ta' l-ostakli li qed jinbidlu fl-ekonomija globali

Fl-ekonomija globali inbidlet in-natura ta' l-ostakli għall-kummerċ. Fejn qabel l-aċċess għas-swieq kien jiffoka fuq it-tariffi tal-fruntieri, l-ostakli mhux tariffarji u oħrajn ta' "wara l-fruntiera" fis-swieq ta' l-imsieħba kummerċjali tagħna qed isiru dejjem aktar importanti (ara l-kaxxa iżjed 'l isfel). Għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-ostakli għall-kummerċ li ma jkunux meħtieġa u l-miżuri li wieħed jista' jiġġustifika u jiddefendi legalment sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' politika leġittima, bħas-sigurtà, il-ħarsien tas-saħħa tal-bnedmin, ta' l-annimali u tal-pjanti u ta' l-ambjent. Filwaqt li jeħtieġ li jiġi rregolat il-kummerċ, dan għandu jsir b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju, li ma jkunx aktar restrittiv fuq il-kummerċ milli meħtieġ biex jintlaħqu għanijiet oħra ta' politika leġittima.

Dawn it-tipi ġodda ta' ostakli huma aktar ikkumplikati, joħolqu sfidi tekniċi u jieħdu fit-tul biex jiġu individwati, analizzati u mneħħija. Bħalissa qed jinqalgħu bosta problemi marbuta ma' l-aċċess għas-swieq minħabba li r-regoli eżistenti m'humiex implimentati jew infurzati b'mod korrett. Barra minn hekk, l-espansjoni tar-regoli tad-WTO ma żammitx kompletament mal-pass tal-firxa ta' ostakli li qegħdin jespandu fl-ekonomija globali. Filwaqt li l-GATT u d-WTO kienu notevolment effettivi fit-tneħħija ta' l-ostakli tariffarji għall-kummerċ, u bdew jaħdmu f'oqsma bħat-tfassil ta' politika dwar ir-restrizzjonijiet sanitarji fuq il-kummerċ, għad hemm ħafna oqsma fejn ir-regoli tad-WTO għandhom jiġu żviluppati u jevolvu sabiex ikunu indirizzati l-ostakli mhux tariffarji. Barra minn hekk, aktar ma naqsmu l-aħjar prassi u l-approssimazzjoni ta' l-istandards ambjentali u soċjali ma' l-imsieħba kummerċjali, aktar imur tajjeb in-negozju fl-UE.

L-ostakli għall-kummerċ fl-ekonomija globali moderna

1. L-ostakli tariffarji . Għalkemm dawn naqsu minħabba sensiliet suċċessivi ta' kummerċ multilaterali, it-tariffi għoljin għadhom joħolqu problemi għall-esportaturi ta' l-UE.

2. Il-proċeduri doganali ta' piż għall-importazzjoni, għall-esportazzjoni u għat-tranżitu, kif ukoll regoli u prattiċi tat-taxxa inġusti u diskriminatorji.

3. Ir-regolamenti tekniċi, l-istandards u l-proċeduri ta' valutazzjoni ta' konformità li m'humiex konformi mar-regoli tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (Il-Ftehim TBT).

4. L-użu ħażin ta' miżuri sanitarji u fitosanitarji jiġifieri dawk li m'humiex iġġustifikati minħabba raġunijiet ta' saħħa u sikurezza skond ir-regoli eżistenti tad-WTO.

5. Ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal materja prima , b'mod partikolari l-prattiċi restrittivi ta' l-esportazzjoni, inklużi t-taxxi ta' l-esportazzjoni, li jgħollu l-prezzijiet għal prodotti bħal ġlud, u minerali u metalli ewlenin, kif ukoll prattiċi ta' pprezzar doppju.

6. Il-protezzjoni skarsa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali inklużi indikazzjonijiet ġeografiċi u n-nuqqas ta' implimetazzjoni u infurzar xierqa.

7. L-ostakli għall-kummerċ fis-servizzi u għall-investiment barrani dirett bħal limiti mhux iġġustifikati imposti fuq proprjetà barranija, l-obbligazzjonijiet ta' l-inizjattivi bi sħab u t-trattament diskriminatorju.

8. Ir-regoli u l-prattiċi restrittivi għall-akkwist pubbliku li jżommu lill-kumpaniji ta' l-UE milli jagħmlu offerti b'mod effettiv għal kuntratti pubbliċi fil-pajjiżi terzi.

9. L-abbuż u/jew l-użu inkompatibbli mad-WTO ta' l-istrumenti ta’ difiża għall-kummerċ mill-pajjiżi terzi.

10. L-użu inġust , mill-pajjiżi terzi, ta' għajnuna mill-Istat u sussidji oħra b'mod li jostakola l-aċċess għas-swieq.

L-appoġġ għall-bidla mill-partijiet interessati

Fl-2006 l-Kummissjoni kkummissjonat studju ta' valutazzjoni[3] u wettqet konsultazzjoni bl-internet dwar l-istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea għall-aċċess għas-swieq[4]. Il-konsultazzjoni attirat iżjed minn 150 rispons mill-Istati Membri, negozji ta' l-UE, u partijiet interessati oħra. Il-proċess ta' valutazzjoni u konsultazzjoni stabbilixxa l-konklużjonijiet ewlenin li ġejjin:

- L-UE għandha ttejjeb it-taħlita ta' strumenti ta' politika li tuża sabiex tiżgura u tippreserva l-aċċess għas-swieq – filwaqt li tgħaqqad l-impenn għal negozjati kummerċjali multilaterali u bilaterali ma' l-impenn sabiex tiżgura li dak il-ftehim ikun infurzat.

- Filwaqt li l-promozzjoni ta' l-esportazzjoni tibqa', kif inhu xieraq, ir-rwol essenzjali ta' l-Istati Membri ta' l-UE, bosta kumpaniji Ewropej qegħdin jaħdmu fuq skala Ewropea u dejjem aktar fuq dik globali. Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u n-negozji għandhom jaħdmu aktar fil-qrib bejniethom bħala sħab sabiex ikabbru kemm jistgħu l-influwenza tagħna fit-trattament u l-prevenzjoni ta' l-ostakli, kemm fi Brussell kif ukoll fil-pajjiżi terzi.

- L-UE għandha tiddefinixxi aħjar il-prijoritajiet tagħha fil-ġlieda kontra l-ostakli sabiex tikseb l-akbar impatt ekonomiku għall-UE.

- L-UE teħtieġ servizz aktar effiċjenti u trasparenti għan-negozji. L-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) qed isiru dejjem iżjed attivi fis-swieq ta' l-esportazzjoni u spiss jiffaċċjaw l-akbar sfidi meta jindirizzaw l-ostakli għall-kummerċ. Fl-implimentazzjoni prattika ta' l-istrateġija għandhom jitqiesu b'attenzjoni l-problemi ta' l-SMEs f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għas-swieq. F'Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni[5] li tinkludi referenza speċifika għall-ħtiġiet ta' l-SME's f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni tista' ttejjeb aktar id- Database tagħha dwar l-Aċċess għas-Swieq ħalli l-użu tagħha jsir aktar faċli.

Ir-riżultati tal-valutazzjoni u tal-konsultazzjonijiet tagħna juru biċ-ċar li l-aċċess għas-swieq jinħass li huwa qasam li jistħoqqlu azzjoni aktar b'saħħitha fil-livell ta' l-UE. In-negozji ta' l-UE jeħtieġu strateġija orjentata aktar lejn ir-riżultati sabiex jgħinu biex jingħelbu l-problemi konkreti li huma jiffaċċjaw biex ikollhom aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi, bl-effiċjenza u l-ħeffa li jirriflettu r-realtà kummerċjali moderna. L-Istati Membri esprimew b'mod konsistenti l-opinjoni tagħhom li tinħtieġ politika ta' l-UE aktar effettiva u assertiva.

3. Proposti għal Partenarjat aktar b'saħħtu biex itejjeb l-aċċess għas-swieq

Ir-raġunjiet għaliex l-aċċess għas-swieq għandu jingħata aktar attenzjoni huma validi illum daqs kemm kienu fl-1996, jekk mhux iżjed. Ix-xogħol tagħna huwa li nsaħħu u nadattaw il-qafas eżistenti għall-politika ta' aċċess għas-swieq u li ntejbu l-għodda konkreti li jagħmlu parti minn dak il-qafas.

3.1. L-aqwa taħlita ta' strumenti ta' politika

Is-sistema tad-WTO u l-kooperazzjoni multilaterali jibqgħu l-uniku mekkaniżmu l-aktar importanti sabiex ikun żgurat u garantit l-aċċess għas-swieq fis-sistema ta' kummerċ globali, għalkemm oħrajn bħall-Organizzazzjoni Doganali Dinjija għandhom rwol importanti wkoll. Iżda ma nistgħux inserrħu fuq soluzzjoni unika jew mekkaniżmu uniku biex negħlbu l-ostakli għall-kummerċ. Jeħtieġ li nużaw strumenti multilaterali u bilaterali, kif ukoll dawk formali u informali.

Fid-WTO, il-prijorità ta' l-UE hija t-tlestija b'suċċess taċ-Ċiklu ambizzjuż ta' negozjati kummerċjali ta' Doha. Il-possibbiltà li jintużaw negozjati ta' adeżjoni sabiex ikun żgurat aċċess akbar għas-swieq qiegħda tonqos, peress li wħud mill-pajjiżi l-aktar importanti fil-kummerċ bħaċ-Ċina issa ssieħbu fid-WTO, u oħrajn bħar-Russja qegħdin jidħlu fil-fażi finali tan-negozjati. L-attività multilaterali se tiġi kkomplementata minn tnedija ta' negozjati dwar ġenerazzjoni ġdida ta' Ftehim bilaterali ta' Kummerċ Ħieles, li tmur lil hinn mir-regoli attwali tad-WTO, ma' reġjuni u pajjiżi bħall–ASEAN, il-Korea, l-Indja, il-pajjiżi Andini u l-Amerika Ċentrali, kif ukoll mit-twettiq tan-negozjati li għadhom għaddejjin mal-Mercosur u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni fil-Golf, u mill-konklużjoni ta' ftehim settorjali.

Jeħtieġ ukoll li nfittxu li nsaħħu l-pożizzjoni tagħna f'korpi normattivi internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Istandardizzazzjoni (ISO). Dan għandu jgħina biex ninfluwenzaw aħjar il-kooperazzjoni regolatorja internazzjonali, per eżempju billi nippromwovu l-użu ta' standards internazzjonali volontarji mfassla mill-korpi internazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni. Barra minn hekk, il-ġenerazzjoni ġdida ta' FTAs għandha tinkludi komponent ta' approssimazzjoni regolatorja. L-UE għandha wkoll tiffaċilita s-sehem attiv ta' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fi djalogi regolatorji bħal dawn.

Madankollu, il-qbil dwar ir-regoli huwa biss il-bidu tal-proċess. Jeħtieġ li tinżamm konċentrazzjoni netta fuq l-infurzar tagħhom u jkun żgurat li l-pajjiżi terzi jikkonformaw ma' l-obbligazzjonijiet tagħhom skond il-ftehim bilaterali u multilaterali. Sabiex dan jiġi ffaċilitat, id-drittijiet skond il-Ftehim tad-WTO dwar ir-Riżoluzzjoni ta' Tilwim għandhom jitħaddmu b'mod attiv. In-negozjati multilaterali u bilaterali għandhom jintużaw biex ikunu stabbiliti mekkaniżmi flessibbli, bbażati fuq il-medjazzjoni, ħalli jevitaw u jsolvu t-tilwim, sabiex jiġu indirizzati l-problemi mal-pajjiżi sħab. Għandna wkoll inħeġġu lill-oħrajn biex jagħmlu użu akbar, kif għamlet l-UE, tal-proċeduri ta' notifika sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ, skond il-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ. Barra minn hekk, għandna nemendaw ir-Regolament ta' l-Ostakli għall-Kummerċ sabiex jinkludi l-ilmenti kontra l-vjolazzjoni tat-trattati bilaterali li aħna parti minnhom. L-UE tista' wkoll tiżviluppa aktar il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi sabiex jiġu indirizzati l-ostakli ta' interess komuni. Per eżempju, l-UE għandha tintegra dawn id-diskussjonijiet f'partenarjati strateġiċi eżistenti mas-swieq ewlenin tal-pajjiżi emerġenti u żviluppati: aħna diġà qegħdin naħdmu fil-qrib ma' l-Istati Uniti fuq kwistjonijiet ta' aċċess għas-swieq.

In-nuqqas ta' liġijiet effiċjenti dwar il-kompetizzjoni jistgħu wkoll jillimitaw l-aċċess għas-swieq. Jeħtieġ li nkomplu bl-isforzi tagħna biex nippromwovu l-introduzzjoni ta' regoli tal-kompetizzjoni xierqa fil-pajjiżi terzi.

L-infurzar tar-regoli dwar l-aċċess għas-swieq jiddependi wkoll fuq sistema teknika u amministrattiva effettiva. Ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw b'mod partikolari m'għandhomx kapaċitajiet amministrattivi, taħriġ jew apparat tekniku biżżejjed. L-għajnuna marbuta mal-kummerċ tista' tgħin biex tnaqqas dawn ir-restrizzjonijiet. Il-Kummissjoni, u l-UE kollha kemm hi, hija impenjata li żżid l-għajnuna marbuta mal-kummerċ bħala parti mill-istrateġija ġenerali tagħha dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ[6].

Fl-aħħarnett, il-kuntatti politiċi u d-diplomazija kummerċjali se jkollhom rwol dejjem aktar importanti fl-isforzi konġunti tal-Kummissjoni, ta' l-Istati Membri u tan-negozji sabiex jintgħelbu l-ostakli b'mod effettiv, u se jikkomplementaw strumenti ta' politika oħra, ta' vantaġġ fiż-żmien medju u f'dak imbiegħed.

3.2. Relazzjoni ġdida ma' l-Istati Membri u man-negozji

Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa vitali fiċ-ċentru tal-politika kummerċjali komuni. Iżda jidher ċar li l-Kummissjoni, biex tkun aktar effettiva, trid tistabbilixxi partenarjat ġdid kemm ma' l-Istati Membri, li għandhom il-ħiliet tagħhom f'dan il-qasam, kif ukoll man-negozji Ewropej.

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u n-negozji jridu jistabbilixxu modi mtejba ta' ħidma. Dan jimplika kuntatt u kooperazzjoni aktar sistematiċi fil-livelli kollha, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fil-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u n-negozji għandhom jaħdmu aħjar flimkien sabiex jistabbilixxu l-prijoritajiet fit-tneħħija ta' l-ostakli, kif ukoll jgħaqqdu d- databases u jiżviluppaw netwerk ta' speċjalisti fl-aċċess għas-swieq.

Dan huwa importanti b'mod partikolari direttament fis-swieq ewlenin ta' pajjiżi terzi, fejn l-għarfien lokali huwa l-aktar żviluppat. Id-Delegazzjonijet tal-Kummissjoni, l-ambaxxati ta' l-Istati Membri u n-negozji Ewropej li jaħdmu fis-swieq barranin, huma familjari ma' l-istrutturi u l-proċessi amministrattivi lokali u s-soltu jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex joffru reviżjoni inizjali ta' problemi dwar aċċess għas-swieq, jidentifikaw każijiet li jeħtieġu azzjoni koordinata ma' speċjalisti fi Brussell f'oqsma bħall-proprjetà intellettwali, l-ostakli tekniċi għall-kummerċ (TBT) u l-protezzjoni sanitarja / fitosanitarja (SPS), u jiżguraw li jkun hemm segwitu lokali. F’termini prattiċi, diġà qed isir ħafna fil-pajjiżi terzi sabiex jitressqu flimkien ir-riżorsi u l-kuntatti. Madankollu l-koordinazzjoni u l-kuntatti aktar sistematiċi għandhom itejbu l-ġbir intelliġenti, jippermettu l-identifikazzjoni tal-proposti leġiżlattivi relevanti u jirreaġixxu qabel ma dawn jiġu adottati, u jużaw l-għarfien u l-influwenza lokali sabiex jagħmlu pressjoni diplomatika biex jintgħelbu l-ostakli għall-aċċess għas-swieq malajr u b’mod effettiv.

Il-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta' Gruppi speċjalizzati fl-Aċċess għas-Swieq fis-swieq ta' pajjiżi terzi li jinvolvu l-Kummissjoni, l-Istati Membri, is-settur privat (per eżempju l-Kmamar tal-Kummerċ ta' l-UE), u fejn hu xieraq il-partijiet interessati ta' l-UE. Fiż-żmien qasir, għandha tkun stabbilita lista ta' pajjiżi pilota li fihom se jitwaqqfu netwerks u Gruppi aktar b'saħħithom, speċjalizzati fl-Aċċess għas-Swieq.

Il-Kummissjoni temmen ukoll li l-Kumitat Konsultattiv għall-Aċċess għas-Swieq, magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut mill-Kummissjoni, għandu jsir aktar teknikament iffukat fuq kwistjonijiet ta' aċċess għas-swieq[7], inkluża l-konsiderazzjoni ta' każijiet partikolari u l-iskambju ta' l-aħjar prassi. Għandu jkollu wkoll enfasi mġedda fuq il-koordinazzjoni, ibbażata fuq ir-rispons mill-Gruppi lokali speċjalizzati fl-Aċċess għas-Swieq, u jaħdem mill-qrib mal-Kumitat tar-Regolament dwar l-Ostakli għall-Kummerċ. Il-Kumitat 133, il-kumitat konsultattiv ġenerali dwar il-politika tal-kummerċ, għandu jkompli jkun il-forum għad-diskussjoni dwar l-aktar każijiet importanti ta' aċċess għas-swieq. Madankollu, minħabba l-kumplessità u l-varjetà tal-kwistjonijiet ta' aċċess għas-swieq, kumitati speċjalizzati oħra ser jieħdu wkoll rwol fuq quddiem fejn xieraq. Il-Kummissjoni se tkompli tiddiskuti wkoll dawn il-kwistjonijet fuq bażi regolari mal-Parlament Ewropew.

Jidher ċar li hemm xewqa kbira min-naħa tan-negozji għal sehem aktar attiv fit-tneħħija ta' l-ostakli. Il-Kummissjoni tqis li huwa utli li jkun hemm aktar diskussjonijiet trilaterali regolari bejn il-Kummissjoni, in-negozji ta' l-UE u l-Istati Membri u tipproponi li jinħoloq forum għal-laqgħa regolari ta' l-Istati Membri / is-servizzi tal-Kummissjoni / in-negozji ta' l-UE, possibbilment marbuta mal-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv għall-Aċċess għas-Swieq.

Bħala prinċipju ġenerali biex naħdmu flimkien, għandna nużaw il-mekkaniżmi eżistenti aħjar u noħolqu qafas għal kuntatti regolari, minflok noħolqu aktar istituzzjonijiet għal kooperazzjoni intra-UE.

3.3. L-iffissar ta' prijoritajiet sabiex isir l-aħjar użu tar-riżorsi

Iż-żieda antiċipata fin-numru diġà sostanzjali ta' ostakli għall-kummerċ irrappurtati, flimkien mal-kumplessità u d-diffikultà dejjem akbar sabiex dawn jingħelbu, ifissru li huwa importanti li aħna niffukaw u naġixxu fuq l-ostakli ta' l-ogħla prijorità.

L-ilmenti kollha li waslu għandhom jibqgħu jiġu eżaminati, iżda fid-dawl ta' l-indikaturi oġġettivi ta' prijoritizzazzjoni diskussi ma' l-Istati Membri ta' l-UE u n-negozji ta' l-UE, inklużi l-impriżi żgħar u ta' daqs medju. Dawn jistgħu jinkludu:

- il-benefiċċji ekonomiċi potenzjali għan-negozju fl-UE kollu kemm hu fiż-żmien qasir u medju,

- kemm jekk l-ostaklu kkonċernat jirrappreżenta ksur serju tal-ftehim bilaterali jew multilaterali, u kemm jekk le, u

- il-probabbiltà ta' riżoluzzjoni tal-problema fi żmien raġonevoli.

F'termini tar-riżultati tal-proċess ta' prijoritizzazzjoni, il-prijoritajiet jistgħu jkunu ddefiniti f'termini ta':

- pajjiżi (kemm l-ekonomiji industrijalizzati kif ukoll dawk emerġenti, iżda minbarra l-pajjiżi l-anqas żviluppati);

- setturi (numru ta' setturi ġew identifikati, per eżempju, fil-konsultazzjoni u fil-qafas tal-politika industrijali[8]); u/jew

- kategoriji ta' problemi – per eżempju l-ksur ta' IPR.

Madankollu, il-prijoritizzazzjoni m'għandiex tkun restrittiva, iżda għandha tipprovdi gwida għal użu aħjar tar-riżorsi.

3.4. Servizz aktar effettiv, effiċjenti u trasparenti

...ma jitħallewx ostakli ġodda jidħlu fis-seħħ...

L-Istrateġija ta' "twissija bikrija", ibbażata fuq il-prevenzjoni, sabiex isir monitoraġġ tar-regolamenti fil-pajjiżi terzi, għandha l-vantaġġ li tidentifika l-ostakli possibbli fi stadju bikri, kif ukoll tegħlibhom f'ras il-għajn, u tippermetti lill-imsieħba kummerċjali li jsiru jafu dwar it-tħassib tagħna qabel ma l-abbozz ta' leġiżlazzjoni jew ta' regolamenti jsir realtà. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-oħrajn sabiex jinnotifikaw skond il-Ftehim ta' l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ u jżidu l-isforzi ta' ġbir intelliġenti b'mod mill-aktar dirett minn Gruppi speċjalizzati fl-Aċċess għas-Swieq, dwar il-leġiżlazzjoni li se tittieħed ma ddumx fil-pajjiżi terzi.

...it-titjib tal-proċess li jwassal għat-tneħħija ta' l-ostakli...

L-akbar differenza bejn l-aspettattivi li nħolqu fl-1996 u r-riżultati miksuba hija ż-żmien li ttieħed biex ir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ jitneħħew b'suċċess anke fl-aktar każijiet ċari ta' ksur tal-ftehim multilaterali jew bilaterali. Ir-rispons min-negozji juri biċ-ċar li huma jeħtieġu azzjoni aktar mgħaġġla u li twieġeb aħjar għas-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni se ttejjeb u tissimplifikail-mod kif tirreġistra, tanalizza u tindirizza l-ilmenti dwar l-aċċess għas-swieq, u l-mod kif tipprovdi rispons lin-negozji.

Aħna se niddependu fuq in-negozji ta' l-UE biex jipprovdu ħafna mit-tagħrif dwar l-ostakli li jolqtu l-kummerċ u l-investiment tagħhom ma pajjiżi terzi, u niżguraw it-tqassim fil-Kummissjoni kollha ta' dan it-tagħrif li jkun wasal. L-għan għandu jkun ir-reġistrazzjoni fid- Database dwar l-Aċċess għas-Swieq ta' l-ilmenti kollha li jkunu waslu dwar l-aċċess għas-swieq. Aħna se nistabbilixxu ħoloq ta' l-internet ma' databases oħra f'postijiet oħra fl-UE (inkluż ma' l-Istati Membri u n-negozji, fejn ikun possibbli) sabiex ikun żgurat li l-ostakli kollha rreġistrati jkunu aċċessibbli permezz tad- Database dwar l-Aċċess għas-Swieq. Il-każijiet għandhom jiġu mogħtija numru tal-każ uniku sabiex ikunu jistgħu jiġu segwiti fis-sistema b'mod trasparenti.

L-analiżi ta' l-ostakli teħtieġ l-involviment ta' l-atturi kollha, inklużi l-Gruppi speċjalizzati fl-Aċċess għas-Swieq stabbiliti lokalment. U n-negozji ta' l-UE għandhom jiġu mgħarrfa b'mod regolari dwar ix-xogħol li jkun għaddej.

L-identifikazzjoni u l-analiżi ta' l-ostakli huma l-qasam fejn partenarjat eqreb man-negozji u l-Istati Membri huwa mistenni li jkollu l-akbar impatt fuq l-effiċjenza u t-trasparenza.

...u t-titjib tad- Database dwar l-Aċċess għas-Swieq

Id- Database tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Aċċess għas-Swieq tipprovdi tagħrif affidabbli u aċċessibbli malajr fir-rigward tat-tariffi applikati, il-formalitajiet ta' l-importazzjoni u r-rekwiżiti ta' dokumentazzjoni għall-importazzjoni fil-pajjiżi terzi u tinkorpora wkoll tagħrif dwar l-ostakli għall-kummerċ li jirrestrinġu l-aċċess għal dawk is-swieq. Filwaqt li l-utenti ġeneralment huma sodisfatti bis-sistema eżistenti, jeħtieġ li jsir xi titjib.

Għandu jkun hemm konċentrazzjoni akbar fuq il-faċilità ta’ l-użu u s-simplifikazzjoni tad- Database dwar l-Aċċess għas-Swieq, u din se tagħmilha aktar faċli li jkunu identifikati u rrappurtati l-problemi. Il-Kummissjoni se ttejjeb iż-żmien ta' reazzjoni għall-mistoqsijiet on-line u se tintrabat li taġġorna b'mod regolari t-tagħrif disponibbli fid- Database . Is-sezzjoni attwali tal-'Kummenti' fid- Database se tiġi mtejba sabiex jinġiebu aktar kwistjonijiet u problemi għall-attenzjoni tal-Kummissjoni permezz ta' e-mail. Se titnieda kampanja promozzjonali fi u ma' l-Istati Membri, biex tippubbliċizzabl-aktar mod wiesa' s-servizzi tal-Partenarjat ta' l-Aċċess għas-Swieq, speċjalment fost l-SMEs permezz ta' netwerk, fil-futur qrib, mifrux ma' l-UE kollha li jgħin il-kummerċ u l-innovazzjoni, u biex tħeġġeġ lill-kumpaniji ta' l-UE jirreġistraw l-ilmenti tagħhom dwar l-ostakli.

B'risposta għat-talbiet mill-utenti u sabiex jintlaħqu aħjar l-isfidi u l-ħtiġiet attwali ta' l-esportaturi ta' l-UE, se jiġu żviluppati matul iż-żmien sezzjonijiet ġodda tad- Database għall-Aċċess għas-Swieq sabiex ikopru aħjar oqsma bħas-servizzi, l-infurzar ta' IPR u l-investiment.

Il-Gruppi speċjalizzati fl-Aċċess għas-Swieq ibbażati lokalment għandhom jipproduċu rapporti regolari dwar l-ostakli għall-kummerċ fil-pajjiżi li laqgħuhom, li se jaġġornaw u jsaħħu l-istampa ġenerali mogħtija mid- Database għall-Aċċess għas-Swieq.

Il-Kummissjoni se tħares ukoll lejn modi biex tgħaqqad id- Database għall-Aċċess għas-Swieq u l- Helpdesk ta' l-Esportazzjoni għall-esportaturi tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Il-provvediment ta' aċċess għal dan it-tagħrif għall-esportaturi ta' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għandu jżid il-kapacità tagħhom għall-esportazzjoni lejn pajjiżi oħra – dan jagħti spinta b'mod partikolari lill-kummerċ fi ħdan in-Nofsinhar.

4. Konklużjoni

Partenarjat aktar b'saħħtu biex itejjeb l-aċċess għas-swieq huwa komponent essenzjali ta' l-Istrateġija għal Ewropa Globali u kontribut sinifikanti lill-aġenda ta’ Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Il-kumpaniji Ewropej – mill-kumpaniji kbar globali sa' l-SMEs – qegħdin jitħabtu biex jirnexxu fis-swieq globali. Politika b'saħħitha ta' aċċess għas-swieq hija l-funzjoni ewlenija tal-politika kummerċjali komuni, u l-qasam ewlieni li fih l-UE tista' tagħti benefiċċji ekonomiċi reali lill-Istati Membri tagħha u liċ-ċittadini u lin-negozji Ewropej. Il-politika ta' l-UE ta' l-1996 teħtieġ li tiġi msaħħa u adattata għal ekonomija globali li qiegħda tinbidel, fejn kemm is-swieq li aħna nfittxu biex ikollna aċċess kif ukoll l-ostakli li jżommuna milli nagħmlu dan, qegħdin jinbidlu.

Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi:

- Impenn imsaħħaħ lejn l-użu ta' istituzzjonijiet multilaterali, bħad-WTO, u l-kanali bilaterali, bħall-ġenerazzjoni ġdida ta' FTAs sabiex jiġu mħeġġa l-liberalizzazzjoni progressiva u li tista' tkun infurzata, il-ftuħ tas-swieq, l-approssimazzjoni ta' l-istandards u n-normi bejn l-UE u l-imsieħba kummerċjali tagħha.

- Li tkun stabbilita relazzjoni aktar b'saħħitha bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, u n-negozji ta' l-UE, biex tgħin b'mod dirett lill-operaturi ekonomiċi biex jegħlbu d-diffikultajiet konkreti li jiltaqgħu magħhom biex jidħlu fis-swieq tal-pajjiżi terzi u b'mod u f'perjodu ta' żmien li jkunu kompatibbli mar-realtà tan-negozju.

- Id-deċentralizzazzjoni tas-sistema attwali u l-inkoraġġiment ta' inizjattivi lokali fil-pajjiżi terzi permezz ta' l-iżvilupp ta' Gruppi Komunitarji speċjalizzati fl-Aċċess għas-Swieq, ibbażati lokalment, li jinvolvu d-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-Ambaxxati ta' l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet kummerċjali.

- Kooperazzjoni teknika eqreb fi Brussell bejn l-uffiċjali ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta' aċċess għas-swieq, u konsultazzjoni intensifikata ma' sensiela wiesgħa ta' rappreżentanti ta' l-industrija.

- Prijoritizzazzjoni aktar b'saħħitha fl-għażla ta' l-ostakli li fuqhom għandna niffukaw sabiex nagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi tagħna f'ċerti swieq identifikati, (iżda minbarra l-pajjiżi l-anqas żviluppati), setturi ewlenin, u/jew oqsma bħad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

- Eżami bir-reqqa tad- Database tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Aċċess għas-Swieq.

- Effiċjenza u trasparenza mtejba fl-analiżi tal-Kummissjoni ta' l-ilmenti dwar l-ostakli għall-kummerċ, inkluża sistema ġdida simplifikata għar-reġistrazzjoni ta' l-ilmenti.

Is-suċċess ta' din l-inizjattiva se jiddependi fuq is-saħħa tal-partenarjat il-ġdid li aħna se nkunu kapaċi nistabbilixxu, l-allokazzjoni ta' riżorsi biżżejjed għal dan, u l-aħjar użu ta' dawn ir-riżorsi li nġibu flimkien, għall-proġett. Il-Kummissjoni hija marbuta li tilqa' din l-isfida u tistieden lill-partijiet kollha involuti biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' dan il-partenarjat ġdid.

[1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-Ewropa Globali - Kompetizzjoni dinjija - Kontribut lill-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi - KUMM(2006) 567 ta' l-4.10.2006.

[2] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Isfida Globali tal-Kummerċ Internazzjonali: L-Istrateġija għall-Aċċess għas-Swieq għall-Unjoni Ewropea - KUMM(96) 53 ta' l-14.2.1996.

[3] Dan ir-rapport jista' jitniżżel minn:http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2006/november/tradoc_130518.2.pdf.

[4] Dan ir-rapport jista' jitniżżel minn http://ec.europa.eu/trade/issues/sectoral/mk_access/cs101106_en.htm

[5] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona - Politika moderna favur l-SMEs għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi" - KUMM(2005) 551 ta' l-10.11.2005.

[6] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Lejn Strateġija ta' l-UE dwar Għajnuna għall-Kummerċ - il-kontribut tal-Kummissjoni - KUMM(2007) 163 ta' l-4.4.2007

[7] Fi ħdan il-kompetenza eżistenti prevista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/552/KE ta' l-24 ta' Settembru 1998.

[8] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: "L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Qafas ta' politika għat-Tisħiħ ta’ l-industrija tal-manifattura ta’ l-UE - lejn strateġija aktar integrata għall-politika industrijali" - KUMM(2005) 474 tal- 5.10.2005. L-aġġornament tekniku tagħha jista' jitniżżel minn http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/industry/doc/sec_overview_update06.pdf