52007DC0039

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-titjib tal-kapaċità tas-sajd u l-indikaturi ta’ l-isforz skond il-politika komuni tas-sajd /* KUMM/2007/0039 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 5.2.2007

KUMM(2007) 39 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-titjib tal-kapaċità tas-sajd u l-indikaturi ta’ l-isforz skond il-politika komuni tas-sajd

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-titjib tal-kapaċità tas-sajd u l-indikaturi ta’ l-isforz skond il-politika komuni tas-sajd

WERREJ

1. Għanijiet ta' din il-komunikazzjoni 3

2. Definizzjoni tal-kapaċità tas-sajd u l-isforz tas-sajd 3

2.1. Il-kapaċità tas-sajd 3

2.2. Sforz tas-sajd 3

3. Kwantifikazzjoni tal-kapaċità tas-sajd 3

3.1. L-indikaturi tal-kapaċità tas-sajd bbażati fuq il-karatteristiċi tal-bastiment. 3

3.1.1. It-tunnellaġġ tal-bastiment tas-sajd 3

3.1.2. Il-qawwa ta' bastiment tas-sajd 3

3.1.3. Indikaturi oħra tal-kapaċità tas-sajd ibbażati fuq il-karatteristiċi tal-bastiment. 3

3.2. L-indikaturi tal-kapaċità tas-sajd bbażati fuq l-irkaptu tas-sajd. 3

3.2.1. It-tip u d-daqs ta' l-irkaptu tas-sajd. Effiċjenza u selettività 3

3.2.2. Indikaturi tal-kapaċità tas-sajd għax-xbieki tat-tkarkir. 3

3.2.3. Indikaturi tal-kapaċità tas-sajd għall-konzijiet. 3

3.2.4. Indikaturi tal-kapaċità tas-sajd għat-tartaruni. 3

3.2.5. Indikaturi tal-kapaċità tas-sajd għan-nases. 3

3.2.6. Indikaturi tal-kapaċità tas-sajd għal għeżula tat-tisqif u pariti 3

3.2.7. Kontroll u infurzar 3

4. Il-progress teknoloġiku 3

5. l-attività tas-sajd 3

5.1. Definizzjoni ta’ l-attività tas-sajd 3

5.2. Ir-reġistrar u l-monitoraġġ ta’ attività; ġurnal ta’ abbord 3

6. It-triq ‘il quddiem 3

7. Konklużjonijiet 3

GħANIJIET TA' DIN IL-KOMUNIKAZZJONI

L-adattament tal-kapaċità tal-flotot għall-opportunitajiet tas-sajd disponibbli tagħhom u l-limitazzjoni ta’ l-isforz tas-sajd fejn ikun meħtieġ għall-konservazzjoni ta’ l-istokks tal-ħut huma strumenti ewlenin tal-Politika Komuni tas-Sajd.

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li jinfetaħ dibattitu dwar l-iktar mod adattat li bih jistgħu jiġu kkwantifikati l-kapaċità tas-sajd u l-isforz tas-sajd fil-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd.

DEFINIZZJONI TAL-KAPAċITÀ TAS-SAJD U L-ISFORZ TAS-SAJD

Il-kapaċità tas-sajd

Il-kapaċità tas-sajd hija ddefinita bħala kemm bastiment jew grupp ta’ bastimenti jifilħu jaqbdu ħut[1] Jeżistu żewġ modi kif din il-kapaċità tiġi kkwantifikata

Fl-approċċ ekonomiku jitqies li l-kapaċità ta’ bastiment jew gruppi ta’ bastimenti hija ekwivalenti għall- output massimu, jew l-ammont massimu ta’ ħut li potenzjalment jistgħu jinqabdu fuq ċertu perjodu ta’ żmien, sakemm il-bastimenti jintużaw b’mod sħiħ u l-istokks jibqgħu f'kundizzjonijiet ta' saħħa tajba.

L-approċċ l-ieħor, ġeneralment addottat għall-ġestjoni tas-sajd, jibbaża l-kwantifikazzjoni tal-kapaċità tas-sajd fuq il-'potenzjal' tal-flotot biex jikkostitwixxu input għas-sajd fit-termini tal-ġenerazzjoni tal-mortalità mis-sajd. Il-kwantifikazzjoni tal-potenzjal massimu ta' l- input tista' tkun ibbażata fuq il-karatteristiċi tal-bastiment jew l-irkaptu tas-sajd. Dawn il-karatteristiċi tal-bastiment jew l-irkaptu nistgħu insejħulhom ukoll parametri tal-kapaċità tas-sajd.

Fil-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd, il-kapaċità tas-sajd s’issa ġiet ikkwantifikata abbażi tall-karatteristiċi tal-bastiment. Dan l-approċċ imur lura għall-ewwel programmi multijannwali ta' gwida adottati fil-bidu tat-tmeninijiet. L-indikaturi magħżula għall-kapaċità tas-sajd dak iż-żmien kienu t-tunnellaġġ tal-bastimenti u l-qawwa tal-magna u dawn ġew inklużi fir-regolament ta' bażi tal-Politika Komuni tas-Sajd[2], li jipprovdi wkoll għall-possibilità li tiġi ddefinita l-kapaċità tas-sajd fit-termini ta’ l-ammont jew id-daqs ta' l-irkaptu tas-sajd.

Sforz tas-sajd

Il-liġi Komunitarja tiddefinixxi l-isforzi tas-sajd għal bastiment bħala l-prodott tal-kapaċità u l-attività tiegħu. Għal grupp ta’ bastimenti, l-isforz tas-sajd huwa ddefinit bħala t-total ta' l-isforz tas-sajd ta' kull bastiment.

L-isforz tas-sajd jista’ jittieħed bħala input ta’ enerġija, fejn il-kapaċità tirrappreżenta l-qawwa u l-attività tirrappreżenta ż-żmien li fih tintuża din il-qawwa tal-magna. Dan huwa partikolarment sempliċi meta l-kapaċità hija ddefinita bħala l-qawwa tal-bastiment (ara 3.1.2).

KWANTIFIKAZZJONI TAL-KAPAċITÀ TAS-SAJD

L-indikaturi tal-kapaċità tas-sajd bbażati fuq il-karatteristiċi tal-bastiment.

Ġeneralment il-kapaċità tiġi kkwantifikata fuq il-bażi tal-karatteristiċi tal-bastiment. Dan l-approċċ huwa sempliċi u relattivament faċli biex jiġi infurzat, għallinqas fir-rigward tat-tunellaġġ. It-tunnellaġġ u l-qawwa tal-magna huma l-indikaturi li l-iktar jintużaw, għalkemm hemm alternattivi oħra.

It-tunnellaġġ tal-bastiment tas-sajd

It-tunnellaġġ ta’ bastiment huwa funzjoni tal-volum tiegħu, sħiħ jew parzjali. Hemm diversi sistemi għall-kalkolu tat-tunnellaġġ ta' bastiment u dawn ivarjaw b’mod essenzjali fir-rigward tal-volumi li jitqiesu fil-kalkolu.

Meta l-PKS kienet għadha fil-bidu, l-Istati Membri applikaw standards differenti biex jikkalkulaw it-tunnellaġġ. Kienu biss il-bastimenti ta’ 'l fuq minn 24m fit-tul li jagħmlu vjaġġi internazzjonali, li kienu jitkejlu permezz ta' sistema komuni madwar il-Komunità, minħabba li kienu soġġetti għall-Konvenzjoni ta' Londra.[3]

Fl-1994, il-Kunsill adotta d-definizzjoni tat-tunnellaġġ attwali li tapplika għall-bastimenti tas-sajd Komunitarji kollha[4]. Il-bastimenti ta’ 15m jew iktar fit-tul totali, it-tunnellaġġ huwa kkalkulat bħala funzjoni tal-volum totali kif iddefinit mill-Konvenzjoni ta’ Londra, filwaqt li għal bastimenti ta' inqas minn 15m, il-volum totali huwa sostitwit bi stima tal-volum tal-buq (funzjoni tat-tul, il-wisgħa u l-fond).

Mill-aħħar ta’ l-2003, il-bastimenti Komunitarji tas-sajd kollha tkejlu skond definizzjoni komuni ta’ tunnellaġġ. Din hija kisba importanti għall-PKS. Madankollu, minn żmien għall-ieħor is-sajjieda jirrikjedu li ċerti spazji fi ħdan il-bastiment għandhom jiġu eżentati mill-kalkolu tat-tunnellaġġ jew anke mir-reġim tad-dħul-ħruġ[5] Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan ikun jirrappreżenta pass lura li jxekkel l-miżuri attwali tal-ġestjoni tal-kapaċità. Fil-passat, it-tunnellaġġ tkejjel f’modi differenti fl-Istati Membri, iżda punt komuni bejniethom kollha kien il-fatt li ċerti spażji ma tqisux fil-kalkolu. Dan ikkomplika s-sistema u ħeġġeġ dikjarazzjonijiet inkoretti ta’ l-użu ta’ l-ispazji sabiex bastimenti qodma setgħu jiġu sostitwiti b'oħrajn akbar.

L-esperjenza turi li d-definizzjoni attwali ta’ tunnellaġġ hija sodifaċenti u mhemmx pjanijiet biex tinbidel b’mod fundamentali.

Madankollu, għadu jista’ jsir xi titjib żgħir fl-applikazzjoni ta’ l-istandard tal-kejl Komunitarju tat-tunnellaġġ. Dawn jinkludu d-definizzjoni tal-preċiżjoni meħtieġa fil-kalkolu tat-TG jew il-mod ta' kif jiġi kkalkulat il-volum f'ċirkostanzi partikolari, kif fil-każ ta' bastimenti katamaran ta’ tul ta’ inqas minn 15m.

Id-dispożizzjonijiet attwali huma stabbiliti fi tliet testi legali. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3259/94 li jemenda dak ta’ qabel, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ implimentazzjoni 95/84/KE. Sabiex tissimplifika l-liġi Komunitarja, il-Kummissjoni se tipproponi Regolament ikkonsolidat ġdid tal-Kunsill li jiddefinixxi l-karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd li jissostitwixxu t-testi attwali.

Il-qawwa ta' bastiment tas-sajd

Il-qawwa ta’ bastiment tas-sajd hija ddefinita fil-liġi Komunitarja[6] bħala t-total tal-qawwa massima kontinwa fil- flywheel ta’ kull magna u li tista’ tiġi applikata għal propulsjoni tal-bastiment. Għalhekk, skond il-liġi Komunitarja, il-qawwa ta’ bastiment tas-sajd tfisser il-qawwa propulsiva tiegħu.

Il-bastimenti jagħmlu użu wkoll minn dak li ġeneralment jissejjaħ 'qawwa awżiljarja'. Il-qawwa awżiljarja tista’ tiġi ddefinita bħala l-qawwa totali installata abbord u mhux inkluża fid-definizzjoni tal-qawwa propulsiva. Il-qawwa awżiljarja tkopri l-ħtiġijiet li ġejjin: It-tagħmir marbut mal-propulsjoni (pompi, tmun, eċċ), tagħmir għall-operazzjonijiet tas-sajd, tagħmir għall-ipproċessar u l-konservazzjoni tal-ħut, l-akkomodazzjoni (dawl, tisħin, tisjir), u t-tagħmir elettroniku għas-sajd u n-navigazzjoni.

Il-proporzjon tal-qawwa awżiljarja fil-qawwa totali tal-bastiment tas-sajd sar importanti, speċjalment għall-bastimenti tat-tkarkir. Iktar qawwa awżiljarja ippermettiet l-użu ta’ xbiek ikbar u s-sajd fil-fond ħafna. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni għandha tipproponi lill-Istati Membri li l-qawwa awżiljarja tiġi inkluża fid-definizzjoni tal-kapaċità tas-sajd.

Is-sistema attwali tal-kejl u ċ-ċertifikazzjoni tal-qawwa tal magna għandha nuqqasijiet serji. Magna tista’ tiġi ċċertifikata b’qawwa ħafna inqas mil-qawwa massima kontinwa tagħha. Ir-rata ta’ qawwa mnaqqsa ( de-rating ) ġeneralment tinkiseb permezz ta’ aġġustamenti għas-settings tal- fuel injection meta l-magna tkun iċċertifikata. Dawn l-aġġustamenti huma riversibbli faċilment, u b'riżultat ta' dan, l- output reali ta' qawwa minn meta l-magna tiġi installata abbord huwa kważi impossibli li jiġi mmonitorjat jew ivverifikat.

Il-Kummissjoni qed taħdem biex issib sistema ġdida biex tiċċertifika l-qawwa tal-magna għalhekk il-qawwa ċċertifikata għandha tikkorrispondi għall-verità; b'riżultat ta’ dan, magni simili għandhom jingħataw rati simili.

Din il-kwistjoni hija teknikament kumplessa u ma tistax tiġi solvuta mingħajr il-kooperazzjoni tal-manifatturi tal-magna, is-soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni u l-amministraturi responsabbli għall-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni fl-Istati Membri.

L-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ ċertifikazzjoni tal-qawwa se teħtieġ dispożizzjonijiet legali ġodda li jissostitwixxu l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86. Id-dispożizzjonijiet ġodda għandhom jinkludu wkoll id-definizzjoni tal-qawwa awżiljarja bħala parti mid-definizzjoni tal-kapaċità. Il-Kummissjoni ħasbet biex tibbaża ċ-ċertifikazzjoni tal-qawwa tal-magna fuq iċ-ċertifikat eżistenti ta’ emissjonijiet ta’ l-ossidi tan-nitroġenu maħruġa skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness IV għall-Konvenzjoni MARPOL[7], iżda din is-soluzzjoni teħtieġ iktar evalwazzjoni teknika.

Indikaturi oħra tal-kapaċità tas-sajd ibbażati fuq il-karatteristiċi tal-bastiment.

Jistgħu jintużaw indikaturi ta’ kapaċità oħra bbażati fuq il-karatteristiċi tal-bastimenti, għalkemm dawn ma jidhrux li żiedu ħafna fil-valur meta mqabbla mat-tunnellaġġ u l-qawwa:

Il- volum ta’ l-istivi tal-ħut xi kultant jintuża bħala indikatur tal-kapaċità ta’ tagħbija tal-bastiment tas-sajd. Għas-sajd demersali dan l-indikatur jidher li jkun il-biċċa l-kbira irrelevanti, minħabba li l-istivi tal-ħut rari jimtlew. Għall-kuntrarju, il-bastimenti tas-sajd pelaġiku bit-tkarkir u l-bastimenti tat-tartaruni ħafna drabi jkollhom jidħlu lura mis-sajd qabel iż-żmien minħabba d-daqs ta’ l-istivi tal-ħut tagħhom. Madankollu, dan l-indikatur huwa marbut sew mal-volum tal-bastiment (i.e. it-tunnellaġġ gross -TG), u huwa diffiċli li jitkejjel.

Il-kapaċità ta’ friża tista’ titqies ukoll bħala indikatur xieraq ta' kapaċità. Il-kapaċità ta’ friża hija l-massa ta’ ħut li tista’ tiġi ffriżata għal kull unità ta’ żmien u hija fattur ta’ limitu f’ċerti żoni ta’ sajd. Madankollu, il-kapaċità ta’ friża tkun diffiċli biex tiġi ċċertifikata u ssorveljata. Il-qawwa awżiljarja tista’ tintuża minflok il-kapaċità ta’ friża, minħabba li l-proċessi ta' l-iffriżar u ta' tkessiħ jeħtieġu ammont kbir ta’ enerġija. Dan ikun argument ieħor favur l-inklużjoni tal-qawwa awżiljarja fil-kalkolu tal-kapaċità tal-bastiment.

Il-ġibda tal-bolard ġiet proposta bħala indikatur xieraq għall-bastimenti tat-tkarkir. Din hija ddefinita bħala l-forza massima li bastiment jista' jeżerċita meta jiġbed kontra punt fiss. Il-ġibda tal-bolard minn dejjem kellha valur kuntrattwali għall-bastimenti ta’ l-irmonk (u ħafna drabi għall-bastimenti tat-tkarkir) u hemm metodi standard biex din titkejjel. Madankollu, dan il-kejl huwa għali u għalhekk jista’ jsofri mill-istess problema tas-sottodikjarazzjoni li taffettwa l-qawwa tal-magna. jekk il-magna tiġi stmata b’inqas, il-ġibda mkejla tonqos ukoll.

L-indikaturi tal-kapaċità tas-sajd bbażati fuq l-irkaptu tas-sajd.

It-tip u d-daqs ta' l-irkaptu tas-sajd. Effiċjenza u selettività

Il-karatteristiċi, speċjalment id-daqs, ta' l-irkaptu tas-sajd jistgħu jitqiesu li jirrapreżentaw il-potenzjal li għandu bastiment biex jiġġenera l-mortalità mis-sajd. Jekk it-tip u d-daqs ta' l-irkaptu tas-sajd li s-sajjieda jitħallew jużaw għal ċertu sajd ikunu definiti sew, jista’ tkun iktar faċli li tiġi kkwantifikata l-kapaċità tas-sajd abbażi ta’ dik l-informazzjoni.

Effiċjenza u selettività

Mhemmx separazzjoni ċara bejn il-karatteristiċi ta' l-irkaptu tas-sajd li jaffettwaw l-effiċjenza tiegħu (l-abilità ġenerali għas-sajd) u dawk li jaffettwaw is-selettività tagħha (l-abbilità biex jiddiskrimina bejn speċijiet u daqsijiet ta’ ħut). Il-Kummissjoni tista’ tipproponi li t-tip u d-daqs ta' l-irkaptu tas-sajd jitqiesu bħala relatati ma’ l-effiċjenza, u għalhekk mal-potenzjal għas-sajd jew il-kapaċità tas-sajd, filwaqt li xi karatteristiċi ta' l-irkaptu tas-sajd, bħad-daqs tax-xibka jew irkaptu għas-separazzjoni, għandhom jitqiesu li jinfluwenzaw s-selettività. Għalkemm dan l-approċċ huwa simplifikazzjoni, iservi biex jiddistingwi miżuri ta’ ġestjoni bil-għan li jillimitaw il-kapaċità minn dawk bil-għan biex itejbu s-selettività.

Il-Kummissjoni għandha tqis l-abbozzar tal-proposti leġiżlattivi li ġejjin fl-oqsma tal-miżuri tal-ġestjoni tal-kapaċità u l-konservazzjoni teknika.

Tip ta’ rkaptu tas-sajd

Fl-isforzi tal-kwantifikazzjoni tal-kapaċità tas-sajd fuq il-bażi ta' l-irkaptu tas-sajd jista' jkun utli li l-irkaptu tas-sajd ikun kklassifikat f'żewġ gruppi, skond jekk jibqgħux mwaħħlin mal-bastiment jew le. Meta t-tagħmir tas-sajd jibqa’ mwaħħal mal-bastiment, il-perjodu ta’ ħin tas-sajd tiegħu jista jiġi stmat fuq il-bażi taż-żmien tal-bastiment fuq il-baħar. Dan huwa l-każ għal xbieki tat-tkarkir jew tartaruni, kif ukoll xi tipi ta’ konzijiet. Jekk it-tagħmir tas-sajd jitħalla fiż-żoni tas-sajd waqt li l-bastiment ilesti rkaptu ieħor jew imur lura lejn il-port, il-kejl tal-perjodu ta’ ħin jew l-attività tas-sajd jistgħu jsiru indipendenti miż-żmien li jkun qatta' l-bastiment fil-baħar u jkun iktar diffiċli biex jitkejjel. Dan ikun il-każ għal għeżula, il-pariti jew in-nases immażrati fil-qiegħ tal-baħar.

Indikaturi tal-kapaċità tas-sajd għax-xbieki tat-tkarkir.

Is-sajd bit-tkarkir essenzjalment jikkonsisti minn filtrazzjoni ta’ l-ilma. Filwaqt li wieħed jassumi li qed tintuża veloċità għat-tkarkir li taqbel għall-ispeċi mmirati, il-bokka (il-fetħa) tal-wiċċ ta' xibka mkejla f’metri kwadri (m2) jagħti kwantifikazzjoni raġjonevoli tal-kapaċità tas-sajd.

It-tkarkir demersali jew pelaġiku jistgħu t-tnejn jiġu kkaratterizzati mill-bokka tal-wiċċ ix-xibka deskritt hawn fuq. Xbieki tat-tkarkir bit-travu jistgħu jiġu kkaratterizzati permezz tat-tul tat-travu li jiddetermina il-wiċċ tal-bokka għal dan it-tip ta’ xbieki tat-tkarkir.

Indikaturi tal-kapaċità tas-sajd għall-konzijiet.

Il-kapaċità tal-konzijiet tista’ tiġi kkwantifikata minn numru ta’ snanar jew, jekk id-distanza bejn is-snanar tibqa’ kostanti, mit-tul tal-konz.

Indikaturi tal-kapaċità tas-sajd għat-tartaruni.

Il-kapaċità tat-tartaruni tista’ tiġi karatterizzata mit-tul totali tax-xibka, sakemm il-fond tax-xibka jkun skond l-ispeċi mmirata. Għandha tingħata attenzjoni għall-użu ta’ rkaptu li jintuża sabiex jinġema’ l-ħut (FAD), li jista’ jżid il-kapaċità li sa ċertu punt huwa diffiċli li jkun ikkwantifikat. It-tartaruni huma dejjem marbuta mal-bastiment.

Indikaturi tal-kapaċità tas-sajd għan-nases.

Il-kapaċità tas-sajd bin-nases tista’ tiġi kkwantifikata minn numru u d-daqs tan-nases. Karatteristiċi oħra tan-nases, bħal pereżempju l-għamla tagħhom, id-daqs tal-fetħiet, u ċerti speċifikazzjonijiet fuq il-materjali użati, jistgħu jiddependu sew fuq is-sajd partikolari u jistgħu jiġu ddefiniti bħala miżuri tekniċi.

Indikaturi tal-kapaċità tas-sajd għal għeżula tat-tisqif u pariti

Il-kapaċità tas-sajd ta’ dawn ix-xbieki hija marbuta direttament mad-daqs tagħhom, għalhekk in-numru ta’ xbieki, flimkien mat-tul u l-fond tagħhom, jistgħu jkunu indikaturi xierqa tal-kapaċità . Tista’ tintuża l-erja tal-wiċċ għal kull xibka. Id-daqsijiet tal-malji u karatteristiċi oħra huma speċifikati bħala miżuri tekniċi.

Kontroll u infurzar

Hemm qbil ġenerali li kwalunkwe sistema ta' ġestjoni tal-kapaċità jew l-isforz f’termini ta’ indikaturi ta’ rkaptu tas-sajd tkun iktar diffiċli biex tiġi mmonitorjata u infurzata minn sistema bbażata fuq il-karatteristiċi ta’ bastiment. Biex sistema bħal din tkun effettiva għandha tistrieħ fuq impenn sod għall-infurzar min-naħa ta’ l-awtoritajiet u l-partijiet interessati. Dan ikun possibbli biss f’żona ta’ sajd delimitata sew u għal grupp definit sew ta’ bastimenti, idealment b’aċċess esklussiv għas-sajd.

IL-PROGRESS TEKNOLOġIKU

Wieħed mill-iżvantaġġi għall-indikaturi tal-kapaċità tas-sajd ibbażata fuq karatteristiċi ta’ bastimenti huwa li ma jistgħux faċilment iqisu l-effett tal-progress teknoloġiku.

Huwa ġeneralment aċċettat li, illum, bastiment medju ‘ta' l-aħħar teknoloġija’ jaqbad kwantità konsiderevolment akbar ta’ ħut minn bastiment ta’ tunnellaġġ ekwivalenti 30 sena ilu. Madankollu, huwa diffiċli biex wiħed jikkwantifka dan il-fenomenu. Xi studji jindikaw żidiet ta’ kull sena fil-produttività minħabba l-avvanzi teknoloġiċi ta’ bejn 1 u 3%[8] jew anke figuri ogħla għal ċertu sajd. Eżempji ta’ titjib teknoloġiku li kkontribwixxa għal din iż-żieda fil-kapaċità reali tas-sajd huma:

- L-użu ta’ skrejjen b' pitch jew żennuni kontrollabbli ma jżidx il-qawwa tal-bastiment, kif iddefinita mil-liġi Komunitarja, iżda jżid l-effiċjenza li biha tintuża din il-qawwa. L-istess output ta’ qawwa tal-magna tista’ tipproduċi ġibda akbar meta tkarkar jew ikollha veloċità ogħla ta’ navigazzjoni.

- L-elettronika fil-forma ta’ tagħmir li jintuża biex jinstab il-ħut jew tagħmir għall-kontroll tal-pożizzjoni ta' l-irkaptu huma eżempji ta' titjib fl-effiċjenza ta' bastiment li ma jistax jiġi rappreżentat minn parametru li jista jitkejjel. L-istess għal tagħmir elettroniku li jikkontrolla l-pożizzjoni tax-xibka tat-tkarkir biex jagħmel l-użu tagħha iktar effiċjenti.

- L-użu tad- data satellitari biex tiddetermina l-pożizzjoni probabbli ta’ l-istokk tat-tonn huwa eżempju ieħor. Din it-teknika tippermetti lill-bastimenti tat-tonn jnaqqsu ż-żmien ta’ riċerka tagħhom għall-benefiċċju tal-ħin tas-sajd, u b’hekk iżidu l-qabda għal kull vjaġġ tas-sajd.

- Tagħmir iktar qawwi fuq il-gverta prinċipali jippermetti li bastiment ikala u jiġbed ix-xibka iktar drabi kull ġurnata, u b’hekk iżid l-qabda effettiva, waqt li d-daqs tal-bastiment, il-qawwa proplusiva tiegħu u l-għadd ta’ jiem ta’ sajd jibqa' l-istess.

- Ittejjeb id-disinn tax-xbieki tat-tkarkir b’diversi modi sabiex titnaqqas il-forza meħtieġa biex jinġibdu fl-ilma. Materjal iktar b’saħħtu jippermetti fibri irqaq u dan jippermetti lix-xibka tat-tkarkir biex toffri inqas reżistenza meta tgħaddi mil-ilma. Ittejjeb wkoll id-disinn idrodinamiku tal-bibien u ta' l-għamla tax-xibka tat-tkarkir biex titnaqqas r-reżistenza, u dan jippermetti li bastiment juża xibka tat-tkarkir ikbar.

L-effett tal-progress teknoloġiku fuq il-kapaċità tas-sajd probabbilment hija kwistjoni kkumplikata wisq biex tiġi integrata b’mod espliċitu fil-miżuri tal-ġestjoni tas-sajd. Il-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd fuq il-bażi tat-tip u d-daqs ta’ l-irkaptu tas-sajd għandu l-vantaġġ li jevita parti mid-diffikultà billi jistabbilixxi limiazzjonijiet i fil-livell ta' l-irkaptu tas-sajd.

Standardizzazzjoni u progress teknoloġiku.

Il-kwantifikazzjoni u l-limitazzjoni tal-kapaċità tas-sajd u l-isforz tas-sajd fuq il-bażi tal-karatteristiċi ta' l-irkaptu jinvolvu ċertu livell ta' standardizzazzjoni tat-tipi, daqsijiet u karatteristiċi oħra ta' l-irkaptu bħad-daqs tax-xbiek jew l-għamla tas-snanar. Din l-istandardizzazzjoni tista’ xxekkel il-progress tekniku u, konsegwentement l-effiċjenza ta' l-irkaptu.

L-ATTIVITÀ TAS-SAJD

Definizzjoni ta’ l-attività tas-sajd

L-attività tas-sajd hija ddefinita bħala l-perjodu ta’ żmien li matulu tkun qed topera b’mod effiċjenti l-kapaċità tas-sajd ta’ bastiment. Fil-liġi Komunitarja, l-attività tas-sajd tirreferi għall-attività u titkejjel f'jiem. Madankollu, tista' tiġi ddefinita b’mod iktar preċiż għal ċertu sajd fuq il-bażi tal-ħin li fih it-tagħmir tas-sajd ikun qiegħed jitħaddem.

L-attività tal-bastiment

Dan il-kunċett attwalment japplika għall-pjanijiet ta’ rkupru għal bakkaljaw, barbun tat-tbajja' kif ukoll għall-Anness II għat-TAC ta’ l-2006 u r-regolament ta’ kwota, fejn l-attività tal-bastimenti hija ġestita bħala ġranet preżenti fiż-żona u assenti mill-port. Dan japplika wkoll għall-kalkolu ta’ l-isforz tas-sajd fir-reġim ta’ l-ilmijiet tal-Punent [9], fejn l-attività hija ddefinita bħala żmien imqatta' f’żona ddefinita sew. Għal bastimenti bbażati ħdejn iż-żoni tas-sajd tagħhom, iż-żewġ definizzjonijiet ta' qabel huma ekwivalenti.

Barra d-definizzjoni ta’ qabel, ir-regoli dwar l-attività tas-sajd għandhom jistabbilixxu b’mod ċar kif għandhom jiġu kkalkolati l-għadd ta’ ġranet. Per eżempju, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-jiem qed jingħaddu bħala jiem kalendarji jew bħala n-numru ta’ sigħat diviżi b’24 u spjega kif qed jiġu ttrattati partijiet minn ġurnata.

Attività ta' l-irkaptu tas-sajd. Ħin fl-ilma.

Indikatur iktar preċiż u, fit-teorija, indikatur aħjar biex titkejjel l-attività ikun il-perjodu ta’ ħin proprju tas-sajd, i.e. il-ħin li matulu l-irkaptu tas-sajd ikun attivament fl-ilma, jew “soak time” . Madankollu, il-ħin li l-irkaptu fiss iqatta' fl-ilma ġeneralment huwa diffiċli u għali biex jiġi mmonitorjat sew minħabba li n-nases u rkaptu fiss ieħor jista’ jitħalla fl-ilma waqt li l-bastiment imur x’imkien ieħor jew jirritorna lejn il-port. Dawn jistgħu jiġu kalati minn bastiment wieħed u jiġu rkuprati minn ieħor, u jistgħu jitqiegħdu wkoll b’mod permanenti.

Ir-reġistrar u l-monitoraġġ ta’ attività; ġurnal ta’ abbord

Il-ġurnal ta’ abbord għandu fi prinċipji jipprovdi għall-possibilità li tiġi rreġistrata d- data kollha meħtieġa biex tiġi kkalkulata l-attività f’modi varji. Il-kaptani għandhom jimlew id- data xierqa skond liema reġim ta’ sajd jistadu fih. Żewġ settijiet ewlenin ta' data huma relevanti f'relazzjoni ma' l-attività:

1. Id- data tal-bastiment il-pożizzjoni ġeografika f’ħinijiet differenti

2. Id- data ta' l-irkaptu: Il-ħin imqatta’ fl-ilma waqt l-operazzjoni tas-sajd.

Il-monitoraġġ ta’ l-attività tal-bastiment għandu jkun ibbażat fuq data mill-ġurnal ta’ abbord u mill-VMS (Is-Sistema ta’ Sorveljanza għall-Bastimenti). L-implimentazzjoni futura tal-ġurnal ta’ abbord elettroniku tista’ ttejjeb il-possibilitajiet biex tiġi mmonitorjata l-attività b'mod preċiż u fil-ħin.

IT-TRIQ ‘IL QUDDIEM

Fir-rigward ta’ indikaturi ta’ kapaċità attwali, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-definizzjoni tat-tunnellaġġ ta’ bastiment tas-sajd huwa adegwat u implimentat sew, u għalhekk ma jeħtieġ l-ebda tibdil kbir. Iċ-ċertifikazzjoni tal-qawwa ta’ bastimenti tas-sajd, madankollu, mhijiex sodisfaċenti. Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom ikomplu t-taħdidiet tagħhom ma l-Istati Membri, il-manifatturi tal-magni, is-soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni sabiex tittejjeb is-sistema attwali ta’ ċertifikazzjoni stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86 li jiddefinixxi l-karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd.

S’issa għadu ma sar xejn fir-rigward ta’ l-adozzjoni ta’ l-indikaturi tal-kapaċità u l-isforz ibbażati fuq id-daqs u l-karatteristiċi ta' l-irkaptu tas-sajd. Din il-kwistjoni hija teknika ħafna u tkun tirrikjedi sorveljanza u kontroll mirquma u għalhekk, iktar konsultazzjoni għal evalwazzjoni xierqa ta' din il-possibilità.

It-tipi ta' sajd li attwalment huma ddefiniti permezz taż-żoni tas-sajd, l-ispeċijiet mmirati u t-tip ta' l-irkaptu tas-sajd jistgħu ikunu l-aħjar kandidati għall-implimentazzjoni tal-limitazzjonijiet tal-kapaċità u l-isforz abbażi ta' l-irkaptu tas-sajd. Għal dan is-sajd, huma previsti awtorizzazzjonijiet tas-sajd fil-forma ta' ammont massimu ta' attività skond it-tip u d-daqs ta' l-irkaptu tas-sajd ddefiniti sew (standardizzazzjoni). Madankollu, hemm numru ta' kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati qabel l-implimentazzjoni ta' approċċ bħal dan fil-liġi Komunitarja:

- Il-kompatibilità mal-limitazzjonijiet ta’ l-isforz attwali tas-sajd u d-‘denominazzjoni’ ta’ l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd ibbażati fuq karatteristiċi ta’ bastimenti, i.e. tunnellaġġ u qawwa.

- Tapplika l-possibilità li jitneħħew il-limitazzjonijiet ta’ kapaċità ibbażati fuq il-karatteristiċi tal-bastimenti, fejn reġim ta’ ġestjoni huwa bbażat biss fuq it-tagħmir tas-sajd. Fi kliem ieħor, tista’ sistema ta’ sajd ibbażata fuq awtorizzazzjoni tiġi stabbilita b’mod indipendenti mill-qawwa jew it-tunnellaġġ tal-bastimenti?

- Finalment, l-integrazzjoni ta' sistema bħal din tal-ġestjoni ta’ l-isforz fis-sistema tal-limitazzjonijiet ta’ kapaċità kumplessiva stabbilita bil-liġi tal-Komunità (ir-reġim tad-dħul-ħruġ) tkun trid tiġi solvuta.

Filwaqt li tistenna r-riżultat ta’ din id-diskussjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sitwazzjoni attwali ta’ ħafna mis-sajd Ewropew tista’ xorta waħda tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri biex jipprevjenu iktar zidiet fl-isforz tas-sajd li jirriżulta minn titjib teknoloġiku u żieda fid-daqs u n-numru ta’ tagħmir tas-sajd.

Pjan ta' Azzjoni

Fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-qawwa tal-magna u l-kejl tat-tunnellaġġ, huma previsti l-azzjonijiet li ġejjin:

- Il-proposta li tikkonsolida d-dispożizzjonijiet tal-kejl tat-tunnellaġġ issa inklużi fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86 li jiddefinixxi l-karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd.

- Konsultazzjonijiet kontinwi mal-manifatturi tal-magna u s-soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni sabiex jiddeterminaw l-aħjar soluzzjoni teknika għaċ-ċertifikazzjoni tal-qawwa tal-magna, segwiti bi skambji ma l-esperti ta’ l-Istati Membri. Fuq il-bażi ta' dawn it-taħdidiet il-Kummissjoni tista' tressaq proposta għad-dispożizzjonijiet legali ġodda dwar il-qawwa tal-magna.

Fir-riward ta’ l-użu tal-karatteristiċi ta' l-irkaptu tas-sajd bħala kapaċità tas-sajd u indikaturi ta’ l-isforz, il-Kummissjoni għandha tieħu l-azzjonijiet li ġejjin:

- Studji ta’ każi. L-Istati Membri stabbilixxew għadd ta’ limiti fuq it-tip u d-daqs ta' l-irkaptu tas-sajd fuq livell nazzjonali, internazzjonali jew lokali. L-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri tista’ tikkostitwixxi bażi valida għal diskussjoni dwar il-possibilità li miżuri bħal dawn jiġu implimentati fil-livell Komunitarju. Bħala l-ewwel inkarigu, il-Kummissjoni għandha, mill-2007, tiġbor informazzjoni mill-Istati Membri dwar il-karatteristiċi ta' reġimi bħal dawn. Studju għall-analiżi ta’ dawn ir-riżultati ta’ wieħed jew iktar skemi ta’ ġestjoni bħal dawn għandhom isegwu sussegwentement.

- Konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, il-partijiet interessati u x-xjentisti . Waqt l-2007 l-Kummissjoni beħsiebha tibda serje ta' kuntatti u laqgħat mal-partijiet interessati u x-xjentisti sabiex tidentifika s-sajd adattat għall-applikazzjoni ta’ tipi ġodda ta’ limitiazzjonijiet ta’ kapaċità jew sforzi msemmija f’din il-Komunikazzjoni. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) huwa mitlub li jipprovdi parir fuq l-aspetti speċifiċi dwar l-evalwazzjoni ta’ l-isforz tas-sajd fuq il-bażi ta’ karatteristiċi ta' l-irkaptu tas-sajd.

- Proġetti Pilota Il-Kummissjoni mbagħad għandha tipproponi li, bħala eżerċizzju pilota, xi tipi ta’ sajd magħżula jiġu ġestiti fuq il-bażi ta’ l-indikaturi ta’ l-isforz u l-kapaċità msemmija f’din il-Komunikazzjoni. Dan jista jseħħ waqt l-2008.

KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tunnellaġġ ta’ bastimenti ta' sajd huwa miżura xierqa tad-daqs tal-bastiment, u b'konsegwenza ta' dan indikatur xieraq tal-kapaċità tas-sajd. It-tunnellaġġ għandu jkompli jintuża biex jevalwa l-kapaċità globali tal-flotot tas-sajd ta’ l-Istati Membri. Il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi xi titjib żgħir għad-definizzjoni tagħha, fosthom test legali ġdid li jikkonsolida d-dispożizzjonijiet attwali.

Il-qawwa tal-bastiment tas-sajd huwa wkoll indikatur xieraq tal-kapaċità tas-sajd, iżda l-effettività tar-regoli Komunitarji attwali mhijiex sodisfaċenti. Il-proċedura għaċ-ċertifikazzjoni tal-qawwa tal-magna għandha tittejjeb sew. Fir-rigward ta’ l-użu tal-karatteristiċi tas-sajd bħala indikaturi tal-kapaċità tas-sajd, il-Kummissjoni għandha twettaq il-pjan ta’ azzjoni propost li jinkludi evalwazzjoni ta’ l-istudju ta’ każi, diskussjonijiet mal-partijiet interessati u l-implimentazzjoni tal-proġetti pilota.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri proposti fil-pjan ta’ azzjoni jistgħu jipprovdu bażi soda li fuqha jistgħu jiġu bbażati d-deċiżjonijiet futuri dwar jekk, meta u kif il-karatteristiċi ta' l-irkaptu tas-sajd għandhom jintużaw iktar bħala indikaturi tal-kapaċità tas-sajd u għalhekk bħala għodod ta' ġestjoni fi ħdan il-Politika Komuni tas-Sajd.

[1] Gréboval D. (ed.) Managing fishing capacity : selected papers on underlying concepts and issues. Il-Karta Teknika tas-Sajd tal-FAO Nru. 386. Ruma, FAO. 1999.

[2] L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd

[3] International Convention on Tonnage Measurement of Ships ffirmata f’Londra fl-1969.

[4] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86 li jiddefinixxi l-karatteristiċi tal-bastiemnti tas-sajd Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3259/94 tat-22 ta' Diċembru 1994 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2930/86 li jiddefinixxi l-karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-20 ta' Marzu 1995 li tirrigwarda l-implimentazzjoni ta' l-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86 li jiddefinixxi l-karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd

[5] Skond ir-reġim ta’ dħul-ħruġ stabbilit mill-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2317/2002, kwalunkwe kapaċità ta' dħul fil-flotta ta' Stat Membru jrid jiġi kkumpensat bil-ħruġ ta' għallinqas l-istess kapaċità espressa kemm f'termini ta' tunnellaġġ kif ukoll f’termini ta’ qawwa.

[6] L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86 li jiddefinixxi l-karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd

[7] il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikata bil-Protokoll ta' l-1978 tagħha (MARPOL 73/78),

[8] ‘Report on efficiency and productivity in fish capture operations’ Rapport 2004 tal-Grupp at’ Ħidma ICES dwar it-Teknoloġija tal-Ħut u dwar il-Komportament tal-Ħut.

[9] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 ta' l-4 ta' Novembru 2003 dwar l-immaniġġjar ta' l-isforz għas-sajd li jirrigwarda ċerti żoni u riżorsi tas-sajd tal-Komunità u li jimmodifika r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 685/95 u (KE) Nru 2027/95 (traduzzjoni mhux uffiċjali)