15.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 305/43


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Applikazzjoni ta' l-approċċ Globali għall-migrazzjoni fil-fruntieri marittimi tan-nofsinhar ta' l-Unjoni Ewropea u fir-reġjuni ġara tal-Lvant u tax-Xlokk

(2007/C 305/09)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

iqis li l-politika ta' migrazzjoni Ewropea u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni ta' l-Unjoni Ewropea huma r-responsabilità ta' l-Istati Membri individwali, li għandhom jaħdmu flimkien fis-solidarjetà u l-fiduċja reċiproka u jirrispettaw bis-sħiħ lid-drittijiet tal-bniedem u l-politika ta' migrazzjoni Ewropea;

jemmen li l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma minn ta' quddiem fir-rigward tal-politika tal-migrazzjoni, kemm fir-rigward tal-problemi kkawżati mill-migrazzjoni illegali (ir-riċeviment u l-ġestjoni ta' dawk li jaslu, l-impjieg illegali, il-kriminalità u s-sigurtà urbana) kif ukoll fir-rigward tas-servizzi li l-awtoritajiet lokali huma responsabbli li jipprovdu għar-residenti (akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, edukazzjoni eċċ);

jirrakkomanda li tittieħed azzjoni immedjata sabiex jiġu armonizzati l-liġijiet li jwaqqfu t-traffikar tal-persuni u l-organizzazzjonijiet kriminali li jwettquh

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x'jaqdu fil-promozzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni u ġemellaġġ mal-kontrapartijiet tagħhom, u jfakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jġibu magħhom know-how u esperjenza lill-kooperazzjoni deċentralizzata. Dan għandu jkun inkluż b'mod sistematiku fl-iżvilupp tal-politika Ewropea ta' l-immigrazzjoni;

jappella lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ u tikkontribwixxi lejn l-identifikazzjoni ta' soluzzjonijiet prattiċi sabiex tiġi rinfurzata l-ġestjoni tal-fruntieri marittimi esterni tan-nofsinhar u tiġi msaħħa l-kapaċità tal-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħha sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet kritiċi, bħall-influss bil-massa ta' immigranti illegali;

fl-istess ħin, iħeġġeġ lill-atturi lokali u reġjonali sabiex jagħmlu użu, fuq bażi ta' proġetti, mill-fondi disponibbli u jenfasizza li dawn il-fondi għandhom isiru disponibbli mingħajr iktar dewmien

jirrakkomanda li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tagħhom, u b'mod partikolari fil-pajjiżi kandidati iżda wkoll fil-pajjiżi msieħba li dan isir iktar mill-qrib, fil-kontribuzzjonijiet ta' l-UE bħat-taħriġ u l-ġemellaġ ta' uffiċjali ta' l-infurzar tal-liġi, kooperazzjoni mal-Frontex, il-protezzjoni soċjali u t-taħriġ ta' uffiċjali għal kwistjonijiet ta' xogħol, ir-rijabilitazzjoni tal-vittmi tat-traffikar, il-ġbir ta' data u l-monitoraġġ ta' flussi ta' migrazzjoni;

Dokumenti ta' referenza

L-Approċċ Globali lejn il-Migrazzjoni sena wara: Lejn politika Ewropea komprensiva għall-migrazzjoni

COM(2006) 735 finali

It-tisħiħ tal-ġestjoni tal-Fruntieri Marittimi tan-nofsinhar ta' l-Ewropa

COM(2006) 733 finali

L-applikazzjoni ta' Strateġija Globali għall-Migrazzjoni għar-Reġjuni tal-Lvant u x-Xlokk ta' l- Ewropa li huma Ġirien ta' l-Unjoni Ewropea

COM(2007) 247 finali

Rapporteur

:

Is-Sur Ian MICALLEF (MT/EPP), Kunsillier, Kunsill Lokali ta' Gżira

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.

iqis li l-politika ta' migrazzjoni Ewropea u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni ta' l-Unjoni Ewropea huma rispettivament r-responsabilità ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-Istati Membri individwali, li għandhom jaħdmu flimkien fis-solidarjetà u l-fiduċja reċiproka u jirrispettaw bis-sħiħ lid-drittijiet tal-bniedem u l-politika ta' migrazzjoni Ewropea;

2.

jappoġġja l-isforzi ta' l-Unjoni Ewropea li mill-1999 ħadet serje ta' inizjattivi lejn Politika Ewropea komprensiva għall-Migrazzjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tkompli f'din id-direzzjoni, u tħejji t-triq ukoll għal kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u pajjiżi terzi; jilqa' b'mod partikolari wkoll ir-rikonferma ta' l-għan komuni ta' politika bħal din li tinsab fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007;

3.

jemmen li l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma minn ta' quddiem fir-rigward tal-politika tal-migrazzjoni, kemm fir-rigward tal-problemi kkawżati mill-migrazzjoni illegali (ir-riċeviment u l-ġestjoni ta' dawk li jaslu, l-impjieg illegali, il-kriminalità u s-sigurtà urbana) kif ukoll fir-rigward tas-servizzi li l-awtoritajiet lokali huma responsabbli li jipprovdu għar-residenti (akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, edukazzjoni eċċ);

4.

jenfasizza r-rwol prinċipali li jaqdu l-korpi lokali u reġjonali, minħabba l-esperjenza li kisbu permezz tar-relazzjonijiet tagħhom mal-pajjiżi ta' oriġini u l-miżuri li jieħdu sabiex jintegraw il-migranti, partikularment fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-impjieg;

5.

jistieden lill-Kummissjoni sabiex tniedi kampanji ta' kuxjenza pubblika u ta' informazzjoni b'kooperazzjoni ma' awtoritajiet nazzjonali, lokali u reġjonali dwar politiki ta' migrazzjoni legali u l-impatt pożittiv tagħhom, notevolment sabiex titneħħa l-ansjetà pubblika; fl-istess waqt, isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja lill-pajjiżi ta' oriġini fit-tnedija ta' kampanji disinjati sabiex iżidu l-kuxjenza pubblika u l-għarfien dwar il-possibilitajiet ta' migrazzjoni legali u wkoll sabiex jenfasizzaw ir-riskji ta' l-immigrazzjoni illegali;

6.

iħeġġeġ lill-KE li tipproponi mekkaniżmi li jiżguraw li regolarizzazzjonijiet futuri ta' immigranti illegali jseħħu b'mod koordinat bħala parti minn sistema komuni għall-immigrazzjoni u l-ażil; jilqa' għalhekk il-proposta tal-Kummissjoni sabiex tniedi studju fl-2007 dwar il-prattiċi tar-regolarizzazzjoni u l-effetti fuq l-Istati Membri u fuq l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom;

7.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tipprevedi li meta l-Istati Membri fir-reġjun ikunu qegħdin jiffaċċaw sitwazzjoni kritika, bħal influss qawwi ta' migranti, il-kapaċità tan-Netwerk ta' Għassa Kostali tal-ġejjieni għandha tiġi msaħħa;

8.

jilqa' d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew sabiex iżid il-baġit allokat lill-Frontex b'mod sostanzjali u l-approvazzjoni tiegħu tal-baġit għall-Timijiet ta' Intervent Rapidu fil-Fruntieri (Rapid Border Intervention Teams); jirrakkomanda li dawn it-timijiet jinkludu l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u partijiet oħra involuti, inkluża l-komunikazzjoni maċ-ċentri ta' kmand reġjonali proposti fil-fruntieri marittimi tan-nofsinhar (1) u dawk l-amministrazzjonijiet reġjonali li jintlaqtu ħafna mill-influss tal-migranti;

9.

jappoġġja l-proposta għat-twaqqif ta' grupp ta' esperti mill-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri li jistgħu jkunu disponibbli għal sejħiet fi żmien qasir fi Stati Membri oħra li jkunu qegħdin jiffaċċaw pressjoni żejda fuq il-kapċitajiet tagħhom sabiex jassistu fl-evalwazzjoni inizjali f'waqtha tal-każijiet individwali fil-punti tal-wasla, inkluża l-identifikazzjoni tal-persuni; jew dawk li jistgħu jiġu mibgħuta lura lejn il-pajjiż ta' oriġini jew ta' transitu tagħhom u l-ġestjoni effiċjenti suċċessiva ta' każijiet individwali, inkluża l-evalwazzjoni tal-kondizzjonijiet tas-saħħa ta' l-immigranti u r-rifuġjati kif ukoll kwalunkwe sitwazzjoni epidemjoloġika relatata u sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta' minuri mhux akkumpanjati u gruppi vulnerabbli oħra;

10.

jirrakkomanda li l-grupp ta' esperti mill-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri għandu jissawwar b'tali mod li jkun jista' jaqdi l-ħtiġijiet ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali bl-aħjar mod possibbli, inklużi, jekk mitluba, r-rappreżentanti ta' l-amministrazzjonijiet reġjonali jew lokali miż-żoni kkonċernati jew assoċjazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali ta' l-awtoritajiet lokali u l-possibilità li l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali jitolbu għall-intervent ta' esperti bħal dawn fit-territorju tagħhom, peress li l-wasla ta' immigranti illegali fi kwalunkwe Stat Membru għandha effett immedjat fuq il-lokalità jew ir-reġjun li jaslu fiha;

11.

jaqbel mal-proposta tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li l-ftehimiet ta' sħubija dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp jobbligaw lill-pajjiżi msieħba sabiex jirrikonoxxu l-prinċipji tad-demokrazija u ta' l-istat ta' dritt kif ukoll il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

12.

jirrakkomanda li tittieħed azzjoni immedjata sabiex jiġu armonizzati l-liġijiet li jwaqqfu t-traffikar tal-persuni u l-organizzazzjonijiet kriminali li jwettquh.;

13.

jaqbel mat-talba tal-Kummissjoni lill-Istati Membri sabiex iżidu l-isforzi tagħhom, sabiex jassiguraw l-implimentazzjoni rapida ta' dawk il-miżuri li fuqhom diġà jaqblu u jikkumplementaw l-azzjoni ta' l-UE ma' l-inizjattivi tagħhom stess;

14.

jenfasizza li l-gvernijiet reġjonali u lokali għandhom jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati u għandhom jiġu involuti f'dawn it-tipi ta' inizjattivi ta' djalogu kollha inkluż dawk mal-pajjiż ta' oriġini u ta' tranżitu, partikularment permezz tal-Kumitat tar-Reġjuni;

15.

jenfasizza l-importanza, u jantiċipa bil-ħerqa li jipparteċipa b'mod attiv f'edizzjonijiet futuri ta' konferenzi bħal “L-Integrazzjoni ta' l-ibliet: politiki Ewropej, prattiċi lokali” organizzata fl-2006 għall-iskambju ta' l-aħjar prattika u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, u jirrakkomanda li l-UE tisfrutta l-potenzjal tar-reġjuni li jifformaw il-fruntiera marittima bħala pjattaforma għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet ta' benefiċċju reċiproku ma' pajjiżi terzi;

16.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x'jaqdu fil-promozzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni u ġemellaġġ mal-kontrapartijiet tagħhom, u jfakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jġibu magħhom know-how u esperjenza lill-kooperazzjoni deċentralizzata permezz tas-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni, is-servizzi urbani, l-iżvilupp ekonomiku territorjali, flimkien mal-proviżjoni ta' appoġġ istituzzjonali għall-ġestjoni lokali, l-esperjenza fid-demokrazija lokali u reġjonali u t-tħaddim ta' l-istituzzjonijiet demokratiċi. Dan għandu jkun inkluż b'mod sistematiku fl-iżvilupp tal-politika Ewropea ta' l-immigrazzjoni;

17.

jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ u tikkontribwixxi lejn l-identifikazzjoni ta' soluzzjonijiet prattiċi sabiex tiġi rinfurzata l-ġestjoni tal-fruntieri marittimi esterni tan-nofsinhar u tiġi msaħħa l-kapaċità tal-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħha sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet kritiċi, bħall-influss bil-massa ta' immigranti illegali;

18.

jisħaq fuq is-sejħa unanima tiegħu ta' Frar 2007 (CdR 258/2006) (2) għat-twaqqif ta' Aġenzija li tkun responsabbli b'mod speċifiku għall-indirizzar tal-kwistjoni tal-migrazzjoni illegali u t-talba għall-ażil minn ċittadini ta' pajjiżi terzi, u din l-Aġenzija għandha tkun ibbażata f'Malta;

19.

jappella sabiex tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni ta' l-Unjoni Ewropea li jinsabu fiż-żona tal-Mediterran u l-Atlantiku li qegħdin jesperjenzaw dħul ta' ammonti kbar ta' migranti illegali u li jbatu minn nuqqas ta' mezzi sabiex jittrattaw man-numri kbar ta' immigranti b'livell xieraq ta' dinjità umana; isejjaħ ukoll sabiex tittieħed azzjoni immedjata u deċiżiva fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej, sabiex jiġu evitati iktar traġedji fost il-migranti illegali li jmutu f'numri kbar matul it-tentattiv li jaslu fl-ixtut ta' l-Unjoni Ewropea u l-konsegwenzi għas-sigurtà u l-koeżjoni fl-UE kollha kemm hi; għalhekk jenfasizza li hija meħtieġa politika fuq perijodu qasir sabiex tittratta b'mod urġenti u effettiv mal-problemi li jinħolqu minn influssi ta' immigranti illegali u jsejjaħ b'mod urġenti għall-ħolqien ta' strument finanzjarju mmirat speċifikament lejn ir-reġjuni bl-ogħla livelli ta' immigrazzjoni, u f'żoni ta' transitu b'influssi kbar ta' migranti illegali;

20.

jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri juru solidarjetà fil-prattika billi jieħdu miżuri konkreti sabiex itaffu mill-pressjoni fuq l-Istati u r-Reġjuni li jinsabu fil-fruntiera minħabba l-mewġiet kontinwi ta' influss qawwi ta' migranti, billi jippermettu r-rilokazzjoni u l-ospitar ta' dawn il-migranti fit-territorji tagħhom sakemm jasal żmien meta tittieħed deċiżjoni finali dwar l-istatus tagħhom;

21.

fl-istess ħin, iħeġġeġ lill-atturi lokali u reġjonali sabiex jagħmlu użu, fuq bażi ta' proġetti, mill-fondi disponibbli, jiġifieri il-Fond għall-Fruntieri Esterni, il-Fond Ewropew għar-Ritorn, il-Fond Ewropew għar-Rifuġjati u l-Fond għall-Integrazzjoni u jenfasizza li dawn il-fondi għandhom isiru disponibbli mingħajr iktar dewmien u jinnota bi preokkupazzjoni li dawn il-fondi kellhom jibdew joperaw minn Jannar 2007 filwaqt li l-fond għar-ritorn m'huwiex ser ikun disponibbli qabel l-2008;

22.

jsejjaħ lill-Istati Membri sabiex jassoċjaw, fir-rigward tal-prinċipju tas-sussedjarjetà, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta' politiki ta' migrazzjoni u fit-twaqqif ta' pjanijiet nazzjonali għall-integrazzjoni u l-impjieg, inkluż in-numru ta' ħaddiema barranin li jistgħu jiġu aċċettati fit-territorju tagħhom; barraminhekk jikkunsidra li d-dimensjonijiet lokali u reġjonali għandhom jiġu inklużi fl-analiżi, l-istatistika, u r-rapporti li jservu ta' qafas għall-politiki ta' immigrazzjoni;

fir-rigward tar-relazzjonijiet ma' l-Afrika

23.

jappoġġja l-istrateġija ta' iktar djalogu u kooperazzjoni dwar il-kwistjonjiet tal-migrazzjoni ma' l-Afrika, li jkopri l-medda sħiħa ta' kwistjonijiet ta' migrazzjoni, minn migrazzjoni legali u illegali sat-tisħiħ tal-protezzjoni tar-rifuġjati u użu aħjar mir-rabtiet bejn il-politika tal-migrazzjoni u l-politika ta' l-iżvilupp;

24.

jfakkar li, fir-rigward tal-pajjiżi ta' l-Afrika ta' Fuq, żviluppi addizzjonali ser jiġu mfittxija, li jippromovu u jżidu wkoll protokolli bilaterali fil-livell reġjonali fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Viċinat Usa' għar-Reġjuni fil-Periferija (RP) u l-pajjiżi ġara tagħhom fl-Afrika tas-sub-Saħara, li tqis il-kwistjonijiet tal-viċinat filwaqt li jeħtieġ li titkompla wkoll il-ħidma fil-kuntest ta' l-EUROMED u jeħtieġ ukoll li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bilaterali ma' l-imsieħba Mediterrani bil-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'dan il-qafas;

25.

jenfasizza li f'dan il-qafas ta' kooperazzjoni bilaterali, huwa essenzjali li tintuża l-esperjenza miġbura minn ċerti reġjuni, bħar-Reġuni fil-Periferija (RP), li, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika speċifika tagħhom u esperjenza soda, jipprovdu lill-UE bi pjattaforma unika għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien;

26.

jappoġġja l-kooperazzjoni ta' l-UE ma' l-Afrika skond id-definizzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika li l-miri prinċipali tagħha huma l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli, is-sigurtà u l-gvernanza tajba permezz ta' djalogu kontinwu mal-pajjiżi AKP ibbażat fuq l-aġenda ta' l-Artikolu 13 tal-ftehim ta' Cotonou;

27.

jinnota li l-Artikolu 13 tal-ftehim ta' Cotonou jipprovdi li “Kull wieħed mill-Istati ta' l-AKP għandu jaċċetta r-ritorn u r-ripatrijazzjoni ta' kwalunkwe min-nazzjonali tiegħu li huma preżenti b'mod illegali f'territorju ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea b'talba ta' dan l-Istat Membru u bla ebda formalità addizzjonali. L-Istati ta' l-AKP ser jipprovdu n-nazzjonali tagħhom b'dokumenti ta' l-identità adattati għal dawn l-iskopijiet”;

28.

jenfasizza li l-UE għandha tippromovi l-infurzar ta' dan l-artikolu u żżid sostanzjalment l-isforzi tagħha sabiex tobbliga l-pajjiżi ta' oriġini sabiex jieħdu lura dawk l-immigranti li ma jikkwalifikawx għall-ażil u li madankollu ħadu r-rotta tal-passaġġ illegali;

29.

jinnota l-proposta għall-ħolqien ta' pjattaformi dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp li jgħaqqdu l-pajjiżi Afrikani, l-Istati Membri ta' l-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali fi sforz sabiex il-migrazzjoni tiġi ġestita b'mod iktar effettiv fl-interess ta' kullħadd; jemmen li l-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, partikularment dawk li huma kkonċernati direttament, — anke permezz ta' l-assocjazzjonijiet nazzjonali u regjonali taghhom — f'dawn il-pjattaformi ta' kooperazzjoni u fil-livell ta' djalogu mal-pajjiżi ta' l-AKP tkun ta' benefiċċju għall-partijiet ikkonċernati kollha;

30.

jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippromovi l-investimenti fis-setturi tax-xogħol manwali f'reġjuni fl-Afrika b'livelli għoljin ta' emigrazzjoni u li tistieden l-Istati Membri jikkumplementaw din il-kontribuzzjoni, filwaqt li ma ninsewx li investiment bħal dan ma jistax jiġi promoss mingħajr il-parteċipazzjoni effettiva tal-kumpaniji privati, li għandhom ikunu provduti bi strumenti li jiffaċilitaw investiment bħal dan;

31.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta' profili ta' migrazzjoni għal kull pajjiz fit-triq ta' l-iżvilupp li huwa interessat, u, ta' skwadri ta' appoġġ għall-migrazzjoni (MISTs) magħmulin minn esperti mill-Istati Membri li jistgħu jipprovdu l-assitenza neċessarja lil dawk l-Istati Afrikani li jitolbuha; jappoġġja wkoll l-inizjattivi mill-Kummissjoni li jagħtu spinta lit-twaqqif ta' netwerk ta' migrazzjoni pan-Afrikan ta' “osservatorji” tal-migrazzjoni u/jew istituti ta' riċerka dwar il-migrazzjoni iżda jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikun mgħammra bil-kompetenza neċessarja u barraminhekk jenfasizza li l-esperti li jiġu minn reġjuni u bliet jistgħu jipprovdu valur miżjud ċert lil dawn l-iskwadri;

32.

jenfasizza li l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali jistgħu jikkontribwixxu lejn il-ġbir ta' informazzjoni ppreżentata fil-Portal għall-Immigrazzjoni, fil-Portal Ewropew għall-Mobilità ta' l-Impjiegi, fin-netwerk EURES, u fil-Portal Ewropew għall-Mobilità tar-Riċerkaturi li kif imsemmi hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-pajjiżi Afrikani b'informazzjoni dwar il-possibilitajiet legali għax-xogħol fl-Ewropa, inkluż permezz ta' kampanji speċifiċi ta' informazzjoni u l-iffaċilitar tal-ġestjoni tal-ħaddiema staġjonali, l-iskambji ta' studenti u riċerkaturi u forom oħra ta' moviment legali tal-persuni;

Il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-tisħiħ tal-miżuri ta' integrazzjoni

33.

jappoġġja l-proposta għal leġislazzjoni ġdida mmirata lejn l-impożizzjoni ta' penali fuq persuni li jimpjegaw immigranti illegali u inizjattivi li permezz tagħhom il-EUROPOL ser jiddedika attenzjoni lill-ġlieda kontra l-forom organizzati ta' immigrazzjoni illegali u ta' traffikar tal-persuni;

34.

jenfasizza l-ħtieġa sabiex isir l-istess ammont ta' sforz sabiex jiġu adottati il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jieqaf it-traffikar tal-persuni u l-persuni u/jew l-organizzazzjonijiet kriminali li jwettquh, kif ukoll li tiġi miġġielda l-ekonomija s-sewda li tagħti lok għal dawn l-attivitajiet;

35.

jappoġġja lill-Kummissjoni fit-tisħiħ ta' l-attivitajiet tagħha dwar il-miżuri ta' integrazzjoni, li permezz tagħhom ser jiġu żviluppati strumenti li jippermettu l-parteċipazzjoni usa' tal-partijiet interessati differenti, inklużi l-migranti nnifishom, li b'hekk jikkontribwixxu lejn il-promozzjoni ta' strateġija ta' integrazzjoni effettiva; jemmen li l-gvernijiet reġjonali u lokali għandhom jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati u għandhom jiġu involuti fl-inizjattivi kollha tad-djalogu;

36.

jinnota li l-istrumenti ser jinkludu a) it-twaqqif ta' pjattaforma ta' integrazzjoni fejn l-imsieħba rilevanti jkunu jistgħu jagħmlu skambju ta' fehmiet fuq bażi regolari; b) il-konsolidazzjoni tar-rwol li jaqdu l-awtoritajiet lokali; u ċ) il-ħolqien ta' sit elettroniku għall-Integrazzjoni u edizzjonijiet tal-Manwal ta' l-Integrazzjoni u r-rapport annwali dwar il-migrazzjoni u l-integrazzjoni;

Fir-rigward tal-Frontex

37.

jirrakkomanda l-attivazjoni ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) 2007/2004 li jwaqqaf l-aġenzija Frontex peress li dan jikkostitwixxi miżura importanti ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri billi jinġabar flimkien b'mod volontarju tgħammir tekniku ta' l-Istati Membri, li taħt il-ġestjoni ta' l-aġenzija jista' jsir disponibbli għall-Istati Membri li jitolbuh wara li tkun saret evalwazzjoni tal-ħtiġijiet u r-riskji mill-Frontex;

38.

jinnota li sabiex il-Frontex ikun jista' jipproduċi analiżi tar-riskju kemm immirata u kemm ġenerali, bil-għan li jiġu evitati u ġestjonati sitwazzjonijiet kritiċi, ser jenħtieġ aċċess għall-informazzjoni miġbura mill-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni (Liaison Officer) dwar l-Immigrazzjoni ta' l-Istati Membri;

39.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġi emendat ir-Regolament (KE) 377/2004 dwar il-ħolqien ta' Netwerk ta' Uffiċjali għall-Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni sabiex jieħdu ħsieb li jagħtu aċċess għall-informazzjoni lill-Frontex u sabiex din l-aġenzija tkun tista' tipparteċipa fil-laqgħat organizzati fil-qafas tan-Netwerk peress li informazzjoni bħal din hija riżors utli u b'hekk jiġi appoġġjat dan l-aċċess għall-informazzjoni;

40.

jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tassigura li l-għassa tal-fruntieri marittimi mill-Frontex, partikularment mal-Kosta tal-Gżejjer Kanarji u ż-żona tal-Mediterran ċentrali ssir waqt il-perijodi meta l-ibħra jkunu kalmi minn nofs ir-Rebbiegħa sal-bidu tal-Ħarifa sabiex jiġu evitati flussi addizzjonali ta' immigrazzjoni lejn l-Istati Membri ta' l-UE;

41.

jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipproponi inċentivi sabiex jinvolvu lill-Istati Nord Afrikani sabiex issir ħidma flimkien ħalli jiġi evitat it-traffikar tan-nies fil-kosta Ewropea tal-Mediterran. Madankollu, l-aħjar metodu għall-ksib ta' soluzzjoni fit-tul huwa li jiġu implimentati politiki li jgħinu l-iżvilupp fil-pajjiżi li fihom toriġina l-migrazzjoni;

Fir-Rigward tar-Reġjuni Ġara tan-Nofsinhar u tax-Xlokk ta' l-Unjoni Ewropea

42.

jinnota li l-obbjettiv prinċipali fl-applikazzjoni ta' l-approċċ Globali għar-reġjuni tal-Lvant u tax-Xlokk li huma ġirien ta' l-UE huwa l-ħtieġa li tinżamm koerenza fil-politika u li tkun żgurata komplimentarjetà mad-djalogu li għaddej u inizjattivi ta' kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni u oqsma relatati li diġà qegħdin isiru fil-kuntest globali tal-politika tar-relazzjonijet esterni ta' l-UE;

43.

jappoġġja l-opinjoni tal-Kummissjoni li d-djalogu ma' l-awtoritajiet ta' pajjiżi kandidati u pajjiżi msieħba għandu jinkludi kif l-impatt ta' l-iżvilupp fuq il-migrazzjoni jista' jgħin issaħħaħ l-istabilità u jħeġġeġ it-tkabbir fir-reġjun inkluż il-promozzjoni ta' politiki li jevitaw it-telf ta' nies ta' ħila, inkluż l-investiment fit-taħriġ u fil-bini tal-kapaċità sabiex jittejbu l-kundizzjonijet u jiżdiedu l-opportunitajiet tax-xogħol;

44.

jipproponi li jaħdem iktar mill-qrib mal-Kungress għall-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill ta' l-Ewropa fir-rigward ta' pajjiżi li huma membri tal-Kunsill sabiex itejbu l-kapaċità ta' pajjiżi msieħba li jittrattaw il-migranti illegali skond l-istandards internazzjonali u l-ħtiġijiet tal-vittmi tat-traffikar u persuni oħra vulnerabbli;

45.

jirrakkomanda li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tagħhom, u b'mod partikolari fil-pajjiżi kandidati iżda wkoll fil-pajjiżi msieħba li dan isir iktar mill-qrib, fil-kontribuzzjonijiet ta' l-UE bħat-taħriġ u l-ġemellaġ ta' uffiċjali ta' l-infurzar tal-liġi, kooperazzjoni mal-Frontex, il-protezzjoni soċjali u t-taħriġ ta' uffiċjali għal kwistjonijiet ta' xogħol, ir-rijabilitazzjoni tal-vittmi tat-traffikar, il-ġbir ta' data u l-monitoraġġ ta' flussi ta' migrazzjoni;

46.

jilqa' l-proposta li Frontex għandha tingħata rwol iktar prominenti inkluż fl-iżvilupp ta' kooperazzjoni mar-Russja, l-Ukraina, il-Moldova, Ġorġja, il-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi ta' l-Asja iżda jenfasizza li din l-aġenzija l-ewwel għandha ssaħħaħ l-operazzjonijiet attwali tagħha u l-analiżi tar-riskju peress li dan inbdew tard fis-sena u ġew sospiżi fis-sajf meta l-influss ta' immigranti illegali fir-reġjun tan-nofs in-nhar ta' l-Ewropa huwa għoli ħafna;

47.

jappoġġja l-proposta li jiġi approfondit djalogu komprensiv mar-Russja dwar il-kwistjonijet kollha relatati mal-migrazzjoni, inklużi l-ażil, il-protezzjoni ta' persuni spjazzati internament f'konformità ma' l-istandards internazzjonali, il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin, il-migrazzjoni għal raġunijiet ta' xogħol u l-aspetti kollha soċjali rivelanti tal-migrazzjoni;

48.

itenni li dawk l-istati li esprimew dubju dwar l-effikaċja ta' pattulji konġunti bħal dawn għandhom ikunu iktar imħeġġa sabiex jallokaw riżorsi lil Frontex, mhux biss fl-ispirtu ta' qsim tal-piż iżda wkoll minħabba l-interess individwali tagħhom peress li l-immigrazzjoni illegali hija problema pan-Ewropea, mhux biss problema li taffettwa dawk il-pajjiżi li jmissu mal-Mediterran.

Brussell, 11 ta' Ottubru 2007

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel DELEBARRE


(1)  COM(2006) 733 finali, punt 23.

(2)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni” adottata b'unanimità fit-68 sessjoni plenarja, li nżammet fit-13 u l-14 ta' Frar 2007 (laqgħa tat-13 ta' Frar 2007).