15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 10/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali”

COM(2007) 51 finali — 2006/0022 (COD)

(2008/C 10/12)

Nhar it-28 ta' Frar 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 174 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Retureau.

Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'149 vot favur, 3 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Għal darb'oħra, il-Kumitat jaqbel li r-reati serji kontra l-ambjent jistgħu jkunu suġġetti għal sanzjonijiet kriminali. Jafferma mill-ġdid li skondtu, il-Kummissjoni għandu jkollha l-kompetenza sabiex iġġiegħel lill-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet kriminali proporzjonati u dissważivi, applikati fil-qafas tas-sistema kriminali ta' kull Stat Membru, meta dan huwa neċessarju sabiex jassiguraw l-applikazzjoni tal-politiki Komunitarji, b'mod partikolari fil-qasam tal-ħarsien ta' l-ambjent kontra reati serji. Il-Kummissjoni fl-aħħar għandha tiddisponi minn poter ta' kontroll fuq l-effiċjenza tal-liġi kriminali applikabbli fil-qasam ikkonċernat u teżerċita dan il-poter b'mod attiv.

1.2

Il-proposta għal direttiva hija mmirata per eżempju lejn reati li jsiru fil-qafas ta' organizzazzjonijiet kriminali (li l-abbozz ikkunsidra ċirkostanza aggravanti). Il-Kumitat huwa konvint li azzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu suġġetti għal sanzjonijiet, jew anke għal approssimazzjoni tar-regoli tal-liġi kriminali fl-Istati Membri, iżda t-Trattat u l-każistika huma pjuttost ċari fir-rigward tar-ripressjoni ta' atti li jsiru fil-qafas ta' organizzazzjonijiet kriminali: fil-prinċipju l-approssimazzjoni tar-regoli ta' l-Istati Membri dwar il-liġi kriminali tista' ssir biss fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali kif stipulat fit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u mhux skond it-Trattat KE kif ġie propost mill-Kummissjoni.

1.3

Il-Kumitat huwa mħasseb ukoll jekk l-istipulazzjoni li ċerti reati jiġu kkastigati bil-priġunerija ma tmurx lil hinn mis-setgħat skond l-ewwel pilastru, u tikkostitwixxi interferenza fl-għażla tas-sanzjonijiet l-aktar adegwati, li bi prinċipju għandhom jibqgħu l-kompetenza ta' l-Istati Membri.

1.4

Huwa tal-fehma li l-kompetenza tal-Komunità għandha tkun ristretta għad-definizzjoni ta' l-obbligi u l-istipulazzjoni li għandhom jiġu applikati sanzjonijiet kriminali. Deċiżjoni qafas ibbażata fuq it-Titolu VI tat-TUE għandha tkun meħtieġa sabiex isiru aktar passi 'l quddiem u tiġi stipulata sistema ta' sentenzi.

1.5

Bl-istess mod, il-Kumitat jistaqsi wkoll jekk il-liġi Komunitarja tistax tasal sabiex timponi livell massimu ta' sanzjonijiet.

1.6

Il-Kumitat jixtieq li l-aspetti politiċi evidenti relatati mat-tqassim tal-kompetenzi u r-rwol li huwa jixtieq li l-Parlament ikollu fil-leġiżlazzjoni kollha li tinkludi kapitolu kriminali jistgħu jkunu suġġett ta' ġurisprudenza aktar preċiża tal-Qorti jew ta' ftehim interistituzzjonali, jew ta' riforma li tista' tiġi integrata fir-riforma tat-Trattati mis-CIG attwali; din l-aħħar possibbiltà hija preferuta, minħabba l-urġenza sabiex jiġu adottati sanzjonijiet effettivi għall-ħarsien ta' l-ambjent.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-1998, il-Kunsill ta' l-Ewropa fetaħ għall-firma Konvenzjoni dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali. Dan kien sinifikattiv għaliex irrappreżenta l-ewwel konvenzjoni internazzjonali sabiex jiġu kriminalizzati atti li jikkawżaw u jafu jikkawżaw ħsara ambjentali. Madankollu, il-Ġermanja, segwita minn Franza u r-Renju Unit, esprimiet ir-riluttanza tagħha li tirratifika l-Konvenzjoni. Bħala riżultat ta' dan, id-Danimarka u l-Kummissjoni t-tnejn ippreżentaw inizjattivi separati bil-għan li jitħares l-ambjent permezz tal-liġi kriminali.

2.2

Id-deċiżjoni qafas tal-Kunsill, adottata mill-Kunsill fuq proposta tad-Danimarka, u kontra l-opinjoni u l-proposti tal-Kummissjoni, tat definizzjoni ta' numru ta' reati ambjentali, li għalihom l-Istati Membri ntalbu jintroduċu sanzjonijiet kriminali. Id-dispożizzjonijiet tad-dokument kienu fil-biċċa l-kbira bbażati fuq dawk tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali ta' l-4 ta' Novembru 1998, u li s'issa huwa ffirmat, minn għaxar Stati Membri.

2.3

Il-Kummissjoni opponiet il-bażi legali magħżula quddiem id-diversi korpi tal-Kunsill. Kienet tal-fehma li l-Artikolu 175(1) tat-TKE huwa l-bażi ġuridika t-tajba f'dan ir-rigward, u, fil-15 ta' Marzu 2001 ippreżentat Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali msejsa fuq dan l-artikolu (1), għalkemm l-Artikolu 174 tat-TKE ma ta ebda setgħat lill-Komunità f'kwistjonijiet kriminali.

2.4

Fid-9 ta' April 2002, il-Parlament Ewropew adotta rapport dwar id-direttiva proposta kif ukoll dwar l-abbozz ta' deċiżjoni qafas, u qabel ma' l-approċċ imressaq mill-Kummissjoni dak iż-żmien (direttiva u deċiżjoni qafas).

2.5

Madankollu, il-Kunsill m'adottax id-direttiva u d-deċiżjoni qafas proposti mill-Kummissjoni iżda verżjoni emendata ta' l-abbozz tagħha ta' deċiżjoni qafas, imsejjes fuq l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropew li, fil-fehma tiegħu, jirrappreżenta strument xieraq li jobbliga lill-Istati Membri sabiex jintroduċu sanzjonijiet kriminali. Enfasizza li l-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri kienu kontra li jirrikonoxxu s-setgħat kriminali min-naħa tal-Komunità, u kienu konvinti li kwistjonijiet bħal dawn jidħlu fl-ambitu tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali kif stipulat fit-Titolu VI tat-TUE.

2.6

Il-każ tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ħarġet is-sentenza tagħha fit-13 ta' Settembru 2005 (2).

2.7

Il-Parlament, kif ukoll il-Qorti u l-Avukat Ġenerali, jemmnu li m'hemm l-ebda setgħa ġenerali tal-Komunità sabiex tarmonizza l-liġi kriminali, iżda f'ċerti oqsma definiti b'mod ċar, bħal f'dan dwar il-ħarsien ambjentali, il-Komunità tista' tobbliga lill-Istati Membri sabiex jippreskrivu sanzjonijiet kriminali.

Mill-parti tagħha, il-Kummissjoni interpretat is-sentenza b'mod wiesa' ħafna, u tat lilha nnifisha poteri vasti f'ħafna politiki Komunitarji barra minn dik ta' l-ambjent.

2.8

Wara s-sentenza tal-Qorti Ewropa tal-Ġustizza li ħassret id-deċiżjoni qafas, il-Kummissjoni ppreżentat proposta ġdida għal direttiva. Il-Qorti ġġudikat li, għalkemm bħala regola ġenerali, la l-liġi kriminali u lanqas ir-regoli tal-proċedura kriminali ma jaqgħu taħt il-kompetenza Komunitarja, dan ma jwaqqafx il-leġiżlatura Komunitarja, meta l-applikazzjoni ta' sentenzi kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tikkostitwixxi miżura essenzjali fil-ġlieda kontra reati ambjentali serji, milli tadotta miżuri relatati mal-liġi kriminali ta' l-Istati Membri meta jkunu neċessarji sabiex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ambjentali tkun kompletament effettiva (3). Il-Kumitat ifakkar li l-Qorti enfasizzat il-fatt li fil-prinċipju, il-Komunità ma kellhiex kompetenza fi kwistjonijiet kriminali, ikkunsidrati bħala qasam ta' sovranità ta' l-Istati Membri mit-TUE. Il-formula kkwotata ta' “miżuri relatati mal-liġi kriminali” tant hija vaga li tħalli lok għal kull xorta ta' interpretazzjonijiet, sikwit kontradittorji.

2.9

Din is-sentenza ssaħħaħ il-preżentazzjoni tal-Kummissjoni ta' proposta emendata għal direttiva (4), li fiha hemm inklużi inkriminazzjonijiet kif ukoll sanzjonijiet, peress li temmen li sanzjonijiet purament amministrattivi jew ċerti sanzjonijiet kriminali applikabbli f'xi pajjiżi huma wisq differenti jew dgħajfin wisq sabiex ikollhom effett xieraq bħala deterrent, b'mod partikulari fejn hija involuta l-kriminalità organizzata. Għal din ir-raġuni hemm bżonn li jittieħdu passi sabiex ikun żgurat livell minimu ta' armonizzazzjoni tal-liġi kriminali applikabbli għal reati ambjentali serji — kemm dawk li jirriżultaw minn atti b'intenzjoni kriminali kif ukoll minn negliġenza serja.

2.10

F'opinjoni preċedenti (5), il-KESE appoġġja l-proposta inizjali tal-Kummissjoni għal direttiva, u l-abbozz tagħha ta' deċiżjoni qafas, skond liema l-Istati Membri kellhom jadottaw sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jiġġieldu reati kontra l-ambjent. L-azzjoni għall-annullament ippreżentata mill-Kummissjoni u appoġġjata mill-Parlament Ewropew kontra d-deċiżjoni qafas tal-Kunsill kienet appoġġjata wkoll mill-Kumitat, għalkemm f'deċiżjoni preliminari ta' proċedura, il-Qorti eskludiet kwalunkwe intervent mill-Kumitat.

2.11

Għalhekk l-għan huwa li jiġi evalwat jekk:

il-proposti l-ġodda jikkonformaw mal-qafas stabbilit mill-Qorti,

is-sanzjonijiet proposti huma proporzjonati ma' l-għan li tkun żgurata l-effettività tal-liġi ambjentali u livell ogħla ta' armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali (l-obbligu li jiġu introdotti sanzjonijiet kriminali biżżejjed dissważivi sabiex jiggarantixxu l-effikaċja tal-leġislazzjoni applikabbli).

2.12

Id-dibattitu wiesa' li beda wara li ħarġet is-sentenza, fuq livell ta' politika u fir-rigward ta' l-opinoni legali dwar il-kostituzzjonalità li jiġu estiżi l-kompetenzi tal-Komunità għal kwistjonijiet kriminali għall-implimentazzjoni ta' politiki Komunitarji u d-dibattitu dwar il-preċedenza tat-TKE fuq it-TUE f'dawn l-oqsma, minkejja dan, ser ikollhom jiġu kkunsidrat mill-Kumitat (6), fir-rigward tal-bosta proposti leġiżlattivi li l-Kummissjoni qed tipprevedi li tirrivedi, kif għamlet riċentement fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (7), per eżempju.

2.13

Ħafna Stati Membri fil-fatt jisfidaw l-interpretazzjoni kemxejn wiesgħa li l-Kummissjoni hija mistennija li tagħti dwar is-sentenza, fir-rigward kemm tal-kontenut tal-proposti ambjentali ġodda kif ukoll ta' l-introduzzjoni ta' kapitolu penali “minimu” għall-implimentazzjoni effettiva tal-politiki Komunitarji kollha (u mhux biss ta' politika espliċitament trasversali, bħall-ambjent), għalkemm it-Trattat KE ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni espliċita dwar dan. Skond dawn l-Istati Membri, l-użu tal-każistika tal-Qorti għandha tkun ristretta għall-politika ambjentali minħabba li l-ambjent min-natura tiegħu huwa transsettorjali u transkonfinali, u minħabba t-test tas-sentenza, u mhux bħala karta bajda mogħtija lill-Kummissjoni għall-politiki Komunitarji kollha.

2.14

Fil-każ speċifiku li qiegħed jiġi eżaminat, il-Kumitat ser jillimita l-kummenti tiegħu għal proposti li jikkonċernaw l-ambjent, l-uniku qasam kopert b'mod espliċitu mis-sentenza tal-Qorti.

2.15

Fil-qosor, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi inkriminazzjonijiet u sanzjonijiet kriminali bħala limitu minimu ta' penali, għal “reati ambjentali” fir-rigward ta' kwalunkwe persuna naturali jew legali li tikkometti, tgħin jew tinstiga reati ambjentali serji, jew li twassal għal tali reati minħabba negliġenza serja. Huma speċifikati priġunerija u/jew multi, flimkien ma' sanzjonijiet addizzjonali (Artikolu 5), u jistgħu jiġu estiżi jew supplimentati minn inkriminazzjonijiet u sanzjonijiet addizzjonali skond il-liġi nazzjonali.

3.   Il-kummenti tal-Kumitat

3.1

Il-Kumitat jenfasizza d-delużjoni tiegħu għall-fatt li s-sanzjonijiet penali għar-reati ambjentali, li dwarhom jappoġġja l-prinċipju u l-livell, kif diġà afferma dwar il-proposta ta' direttiva u dwar il-proposta ta' deċiżjoni qafas tal-Kummissjoni fl-2005, ilhom sabiex jitwettqu s-snin u forsi anke għal diversi snin oħra minħabba nuqqas ta' qbil bejn l-istituzzjonijiet dwar it-tqassim tal-kompetenzi stabbiliti fit-TKE u fit-TUE; jixtieq li tinstab soluzzjoni politika malajr kemm jista' jkun fost l-istituzzjonijiet, anke fir-rigward ta' l-involviment tal-Parlament, li titwassal għal kjarifika tat-Trattati grazzi għas-CIG li ser tibda bil-ħidma tagħha, jew b'mod alternattiv, permezz tal-ġurisprudenza ulterjuri tal-Qorti.

3.2

Id-definizzjoni ta' reati ambjentali suġġetti għal sanzjonijiet kriminali, bħal “deterjorazzjoni sinifikattiva”, għadha ma ġietx interpretata meta kienet inkorporata fil-liġi domestika jew fil-każistika kriminali ta' l-Istati Membri varji.

3.3

Il-Kumitat jinnota li d-direttiva tqis “reati serji” bħala prijorità, b'mod speċjali dawk li jsiru minn organizzazzjonijiet tal-kriminalità, jew dawk li jsiru fuq skala kbira minn persuni legali, u jinnota wkoll li d-direttiva timmira li tressaq is-sanzjonijiet applikabbli għal-livell Komunitarju sabiex jiġi evitat li nuqqasijiet jiġu użati minn kriminali. Iżda kwistjonijiet relatati mal-kriminalità organizzata jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-TUE relatat mal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, u għalhekk għandhom jiġu regolati minn strument legali xieraq, bħal per eżempju, id-deċiżjoni qafas.

3.4

Il-karattru ġenerali ta' l-inkriminazzjoni ġiegħel lil gazzetta “tabloid” Ingliża ssaqsi jekk individwu privat jaqta' xi fjuri selvaġġi jistax jispiċċa l-ħabs, jekk ikun il-każ li l-bukkett fjuri jinzerta jkun fih speċi protetta. Għandu jiġi enfasizzat li sanzjonijiet kriminali għandhom japplikaw biss f'każijiet “serji” u għandhom jibqgħu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Sabiex tiġi rispettata l-indipendenza tal-poter ġudizzjarju huwa neċessarju li l-imħallef tal-qorti kriminali nazzjonali inkarigat mill-applikazzjoni jżomm il-fakultà sħiħa tiegħu li jivvaluta każ b'każ il-gravità tad-delitt u l-livell tal-piena relatata.

3.5

Mill-parti tiegħu, il-Kumitat huwa sodisfatt mill-fatt li d-direttiva proposta (Artikolu 3) tagħti dettalji ċari dwar l-atti illegali koperti, f'konformità mal-prinċipju ġenerali tal-liġi “Nulla poena sine lege”  (8), prinċipju ġenerali li jesiġi li l-leġislazzjoni kriminali tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi kkonċernati jkunu konxji mingħajr ambigwità tad-drittijiet u l-obbligi involuti, jew fi kliem ieħor: l-ebda sanzjoni mingħajr il-bażi legali speċifika.

3.6

Huwa ċar li ksur tal-leġiżlazzjoni ambjentali kollha, kemm ta' oriġini nazzjonali, Komunitarja jew internazzjonali, huwa kopert mis-sistema ta' sanzjonijiet kriminali proposta mill-Kummissjoni. Dan il-qasam ta' applikazzjoni partikularment wiesgħa jista' jkun ta' diffikultà legali fir-rigward tal-bażi nazzjonali tal-liġi komuni jew ta' l-istrumenti awtonomi ta' kontroll tal-liġi internazzjonali. Ir-“reati serji” kkonċernati huma dawk kommessi kemm fi ħdan il-fruntieri nazzjonali kif ukoll dawk f'ambitu transkonfinali. Madankollu, il-Kumitat jaqbel ma' dan il-materjal u l-kamp ta' applikazzjoni territorjali, li jitqajjem min-natura speċifika tal-ħarsien ambjentali, fejn reati kontra dan il-ħarsien ġeneralment jaffettwaw l-ambjent globali, irrispettivament mill-fruntieri.

3.7

Sanzjonijiet kriminali u mhux kriminali huma stipulati għal persuni legali, iżda mhuwiex ċar jekk is-sanzjonijiet kriminali applikabbli jistgħux jiġu imposti fuq persuni naturali, bħall-maniġers tal-kumpaniji kkonċernati. Is-sanzjonijiet japplikaw biss għal persuni li jappartjenu għall-persuna legali, li huma l-awturi jew l-instigaturi diretti ta' l-azzjonijiet suġġetti għall-proċeduri. Il-Kumitat iqis li d-direttiva għandha tikkunsidra wkoll il- maniġers li sempliċiment naqsu milli jissorveljaw l-azzjonijiet ta' dawk ta' taħthom, anke jekk dan jinvolvi biss sanzjonijiet supplimentari.

3.7.1

Il-Kumitat josserva li l-Artikolu 7 tal-proposta jistabbilixxi valuri minimi għal multi massimi, iżda l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sentenzi iktar severi, jekk xierqa, meta jittrasponu l-leġiżlazzjoni. Dan huwa limitat għall-garanzija ta' minimu komuni, iżda hemm riskju li jinħolqu approċċi kriminali nazzjonali diverġenti. Il-Kumitat jippreferi approċċ ta' armonizzazzjoni kriminali iktar b'saħħtu, sabiex jiġi evitat li tinħoloq tentazzjoni li jitfittex it-tribunal l-inqas sever, anke jekk dan ifisser ammonti minimi ogħla għal multi massimi.

3.8

Però, skond il-valutazzjoni ta' l-impatt tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom igawdu minn libertà konsiderevoli fir-rigward ta' l-implimentazzjoni. Fil-fehma tal-Kumitat għandu jsir monitoraġġ regolari tal-prattiki nazzjonali, għaliex diskrepanzi fit-traspożizzjoni huma tali li tixxekkel l-approssimazzjoni effettiva tal-liġi kriminali dwar l-ambjent. Il-marġni normali ta' valutazzjoni ta' l-Istati Membri, b'mod ġenerali, iridu jevitaw li joħolqu żoni fejn it-tniġġis “iqum inqas”. F'din il-perspettiva, il-Kumitat jesprimi l-qbil tiegħu ma' l-għażla ta' l-Artikolu 175 tat-Trattat KE bħala l-bażi legali.

3.9

Fir-rigward tal-priġunerija, il-Kumitat jinnota li l-approssimazzjoni hija proposta fuq il-baż ta' l-iskala ta' tliet passi, li jikkorrespondu mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern tal-25-26 ta' April 2002. Sanzjonijiet alternattivi huma pprovduti wkoll, apparti l-kumpens għad-danni kkawżati, bħad-diskwalifika mit-twettiq ta' attività ekonomika. Fl-aħħar nett, il-maġġoranza tar-reati ambjentali serji huma koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212/JHA dwar il-Konfiska ta' Qligħ, Mezzi u Proprjetà li huma konnessi ma' reati jew atti kriminali.

3.10

Barra minn hekk, l-istabbiliment ta' ammont massimu minn sentejn għal ħames snin huwa għażla daqsxejn stramba: kien ikun aħjar li jintgħażel livell minimu wieħed għal sentenza massima, fl-interess ta' aktar armonizzazzjoni, meta wieħed iqis li dan bl-ebda mod ma kien jipperikola l-għażla ta' mħallef li jkun iktar diskret.

3.11

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li t-twaqqif ta' limiti għad-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni imur kontra l-objettiv tad-direttiva. Hawnhekk jeżisti kunflitt bejn il-loġika kriminali preferuta mill-Kumitat u dik mill-Kummissjoni. Mingħajr dubju, fid-dawl tar-realtajiet ta' applikazzjoni, irid ikun hemm insistenza fuq loġika minflok fuq oħra, b'tali mod li jintlaħqu l-objettivi tal-proposta.

3.12

Il-KESE huwa konxju li fl-istadju attwali tal-proċess ta' integrazzjoni Komunitarja, mhuwiex possibbli regolament dwar dan is-suġġett. Madankollu, hemm it-tħassib dwar il-ħtieġa għal distinzjoni ċara bejn sanzjonijiet amministrattivi u l-kriminalità, u li jkun żgurat li t-traspożizzjoni ma twassalx għal differenzi kbar fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri — ma tkunx ħaġa loġika li ċerta mġiba tkun punibbli fi Stat Membru wieħed u mhux f'ieħor.

3.13

Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva (Artikolu 8) għandu jkun indirizzat ukoll lill-KESE.

3.14

Għandhom jitqiesu il-fehmiet tal-KESE kif ġew espressi qabel (9), b'mod speċjali fir-rigward ta':

ius standi (id-dritt li wieħed jaġixxi sabiex titnieda l-azzjoni pubblika kriminali) b'mod li l-assoċjazzjonijiet u l-NGOs ikunu jistgħu jressqu proċeduri quddiem il-qorti fuq il-bażi tad-direttiva; is-sistema tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, preferibbli għal kwalunkwe sistema ta' azzjoni rappreżentattiva, tista' sservi ta' mudell għall-implimentazzjoni ta' din il-liġi mill-NGOs akkreditati;

tisħiħ tal-makkinarju ta' kooperazzjoni u investigazzjoni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji sabiex ikunu jistgħu jħarrku reati ambjentali, jirrakkomanda t-twaqqif ta' uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet ambjentali;

l-użu ta' netwerks ġudizzjarji Ewropej għall-istabbiliment ta' kooperazzjoni neċessarja fir-rigward ta' reati transkonfinali.

Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 180, p. 238.

(2)  Sentenza tat-13 ta' Settembru 2005, Każ C-176/03.

(3)  Punt 48 tas-sentenza.

(4)  Proposta għal Direttiva COM(2007) 51 finali tad-9.2.2007.

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (COM(2003) 624 finali) (ĠU C 117 30.4.2004, p. 55), għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Århus

(6)  Wieħed għandu jinnota li l-mandat għar-riforma tat-trattati jistipula li t-TKE u t-TUE riveduti għandhom ikunu ugwali.

(7)  CESE 981/2007, (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU).

(8)  Sentenza tal-Qorti tat-8 ta' Frar 2007, Każ C-3/06 P, Groupe Danone.

(9)  Ara CES 463/2001 fin tal-31 ta' Lulju 2001 (NAT/114).