27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 256/47


Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Green Paper dwar l-Applikazzjonijiet għan-Navigazzjoni bis-Satellita”

COM(2006) 769 finali

(2007/C 256/10)

Nhar it-8 ta' Diċembru 2006, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar l-Applikazzjonijiet għan-Navigazzjoni bis-Satellita.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Ġunju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Buffetaut.

Matul l-437 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-11 u t-12 ta' Lulju 2007 (seduta tal-11 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'134 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Il-programm Galileo huwa x-xempju tal-politika spazjali Ewropea. Id-daqs tal-proġett u l-karattru strateġiku tiegħu wasslu lill-Aġenzija Spazjali Ewropea sabiex taħdem bi sħab ma' l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, kultura intergovernattiva minn naħa u kultura Komunitarja min-naħa l-oħra għandhom jiżguraw is-suċċess ta' din l-intrapriża. Fl-istess spirtu ta' kooperazzjoni, il-proġett għandu jiġi implimentat bħala sħubija pubblika-privata.

1.2

L-ewwel satellita sperimentali, il-prekursur ta' satelliti ġejjiena li fl-aħħar mill-aħħar għandhom jifformaw kostellazzjoni ta' 30, ittellgħet fl-orbita lejn tmiem l-2005. Għalhekk, l-iżvilupp ta' dan il-proġett miexi fid-direzzjoni t-tajba, iżda dan ma jfissirx li ma ltaqax ma' problemi u dewmien.

1.3

Il-programm Galileo ser ikun jinvolvi sistema globali ta' navigazzjoni bis-satellita, li tipprovdi sensiela ta' servizzi ta' pożizzjonar, navigazzjoni u datar.

1.4

Galileo, bit-30 satellita tiegħu u l-istazzjonijiet terreni tiegħu, ser jagħmilha possibbli li jipprovdi informazzjoni dwar il-pożizzjoni ġeografika tagħhom lil utenti f'diversi setturi ekonomiċi, inkluzi t-trasport (lokalizzazzjoni tal-vetturi, bastimenti, inġenji ta' l-ajru, sistemi ta' gwidar, tiftix għal skopijiet ta' vjaġġar, eċċ.), il-ġustizzja, il-pulizija u d-dwana (kontroll tal-fruntieri), ix-xogħlijiet pubbliċi (topografija, ġeodesija u sistemi ta' informazzjoni ġeografika), il-passatemp (navigazzjoni fuq ibħra u muntanji), is-servizzi soċjali (eż. assistenza lin-nies b'diżabilità jew lill-anzjani), is-servizzi governattivi ta' sigurtà, u fl-aħħarnett, permezz tas-servizzi li jillokalizzaw sinjali ta' periklu, salvataġġ fil-baħar jew f'partijiet remoti tad-dinja.

1.5

Skond ċerti previżjonijiet, is-suq tal-prodotti u s-servizzi maħluqa permezz ta' l-applikazzjonijiet tan-navigazzjoni għandu jilħaq l-EUR 400 biljun sal-2005.

1.6

In-nuqqas ta' ftehim bejn l-imsieħba fir-rigward tal-mudell ekonomiku għal Galileo u l-gvernanza tal-konsorzju industrijali huwa tant profond, illi n-negozjati dwar kuntratti għal konċessjonijiet sfaw fix-xejn. Id-dewmien li kien hemm s'issa u n-nuqqas ta' progress fin-negozjati joħolqu riskju għall-proġett innifsu.

1.7

Fid-dawl ta' dawn id-diffikultajiet, il-Kunsill tat-Trasport ta' Marzu kien talab lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tevalwa l-progress tan-negozjati dwar kuntratti għal konċessjonijiet u sabiex tanalizza soluzzjonijiet alternattivi. Bħala reazzjoni għal dan il-falliment, il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni “Galileo f'salib it-toroq”, tistiedenlill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex jirreġistraw il-falliment tan-negozjati attwali tal-kuntratti għal konċessjonijiet u jieħdu deċiżjoni sabiex iġibuhom fi tmiemhom. Madankollu, fl-istess waqt, tistedinhom ukoll sabiex jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li l-programm Galileo jitkompla. Il-Kummissjoni tipproponi xenarju alternattiv fejn il-fażijiet ta' żvilupp u ta' deployment ikunu appoġġati u ffinanzjati mis-settur pubbliku u l-kuntratt konċessjonarju ikun jikkonċerna biss lill-fażi operattiva. L-Aġenzija Spazjali Ewropea tmexxi x-xogħlijiet u l-awtorità inkarigata mis-sejħa għall-offerti f'isem l-Unjoni Ewropea.

2.   Il-kontenut essenzjali tal-Green Paper

2.1

Id-dokument tal-Kummissjoni, minn naħa, jipprovdi deskrizzjoni rapida tas-sistema attwali u l-iżviluppi prevedibbli tagħha u, min-naħa l-oħra, jipprovdi evalwazzjoni ta' l-applikazzjonijiet innovattivi possibbli. Id-dokument jelenka ħames tipi ta' servizzi: is-servizz ta' aċċess miftuħ, is-servizz kummerċjali, is-servizz “salvagwardja tal-ħajja”, is-servizz ta' tiftix u salvataġġ (search and rescue), u servizz governattiv b'aċċess ristrett: servizz pubbliku regolat — PRS (public regulated service). Il-Green Paper ma tindirizzax l-applikazzjonijiet koperti mis-servizz li ssemma fl-aħħar — huwa f'idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jixtiqux jużawh jew le. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ser tinterroga lil kull Stat Membru direttament dwar dan is-suġġett u mbagħad tiġbor u tagħmel sommarju tar-risposti.

2.2

Il-Kummissjoni telenka dawn is-setturi li huma affettwati mis-sistema u huma potenzjalment interessati fiha:

Informazzjoni dwar il-pożizzjoni ġeografika (għall-pubbliku ġenerali) u s-sejħiet ta' emerġenza,

It-trasport bit-triq,

It-trasport ferrovjarju,

In-navigazzjoni marittima u fuq passaġġi ta' l-ilma interni u s-sajd.

It-trasport bl-ajru,

Il-protezzjoni ċivili, il-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza u għajnuna umanitarja,

Il-monitoraġġ ta' merkanzija perikoluża,

It-trasport tal-bhejjem,

L-agrikoltura, il-kejl tal-pakketti, il-ġeodesija u l-indaġini katastali,

L-enerġija, iż-żejt u l-gass

Is-servizz ta' tiftix u salvataġġ,

Il-loġistika,

L-ambjent,

L-isport u t-turiżmu,

L-infurzar tal-liġi.

2.3

It-tul ta' din il-lista ta' applikazzjonijiet possibbli tixħet dawl fuq l-ambitu u l-firxa wiesgħa ta' l-applikazzjonijiet potenzjali.

2.4

Bħas-soltu, il-Green Paper tintemm b'lista ta' mistoqsijiet lill-partijiet interessati. M'huwiex il-kompitu tal-KESE li jipprovdi tweġibiet speċifiċi għal dawn il-mistoqsijiet iżda pjuttost li jenfasizza dawk li jikkunsidra li huma ta' importanza partikolari, u jqajjem dawk il-mistoqsijiet li suppost li kellhom isiru imma ma sarux.

2.5

Il-Kummissjoni qiegħda tanalizza r-risposti dwar il-Green Paper li rċeviet mill-partijiet interessati. Dawn ir-risposti kienu ftit wisq u ta' xi kultant wisq ġenerali sabiex tkun tista' tinġibed konklużjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni beħsiebha tkompli l-konsultazzjoni billi twettaq konsultazzjonijiet aktar profondi bl-għan li tippubblika pjan ta' azzjoni f'Ottubru 2007. Sal-lum, l-ebda settur ekonomiku prinċipali ma wera interess ġenwin fis-servizzi mħallsa. Din hija stampa ċara tad-diffikultà f'li tkun f'kompetizzjoni ma' servizz li huwa miftuħ bla ħlas għall-pubbliku, anke jekk dan ta' l-aħħar m'huwiex garantit. Dan il-fatt għalhekk iqajjem il-mistoqsija tal-bilanċ ekonomiku u finanzjarju tas-sistema Ewropea — servizz ċivili li ma jibbenefikax mill-istess livell ta' appoġġ pubbliku (f'dan il-każ dak militari) bħall-GPS Amerikan.

3.   Mistoqsijiet prinċipali

3.1

Mistoqsija 2 (1), dwar il-ħarsien tal-ħajja privata huwa suġġett ta' importanza partikolari, li l-KESE diġà tah attenzjoni speċjali meta irrikjeda li d-dritt għall-privatezza għandu jiġi mħares b'mod strett. Dal-fatt iqajjem il-kwistjoni li jinstab bilanċ bejn id-dritt għal privatezza u l-possibilitajiet provduti minn din it-teknoloġija. Madankollu, jeħtieġ li jiġi enfasizzat ill s-sistemi ta' pożizzjonar u navigazzjoni permezz tas-satellita jippermettu lill-utenti li jistabbilixxu l-pożizzjoni tagħhom, iżda din il-pożizzjoni jafuha huma biss u ma tkunx disponibbli lil partijiet terzi sakemm l-utent innifsu ma jiddeċidiex li jaqsam din l-informazzjoni magħhom, per eżempju permezz tal-mezz ta' telekomunikazzjoni mobbli bħall-GSM. Peress li dawn is-sistemi jaħdmu biss f'direzzjoni waħda, l-operatur ta' sistema tan-navigazzjoni — tkunx GPS, Galileo jew is-sistema Russa GLONASS — ma jkunx jafx min huma l-utenti u m'hemm l-ebda mezz kif jista' jkun jaf min qiegħed juża s-sinjali tan-navigazzjoni, u wisq inqas il-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Għalhekk, il-kwistjoni tal-ħarsien tad-dritt għal ħajja privata għandu jiġi analizzat fuq il-bażi ta' l-applikazzjonijiet individwali li huma pprovduti lill-utenti. Ħafna minn dawn is-servizzi filfatt jeħtieġu li l-pożizzjoni ġeografika ta' l-utent tiġi mibgħuta lura lejn server li imbagħad ikun jista' jipprovdi l-informazzjoni mitluba minn dan ta' l-aħħar (eż. informazzjoni dwar it-traffiku fit-toroq).

3.2

Mistoqsija 5 (2), dwar il-kooperazzjoni internazzjonali tqajjem numru ta' kwistjonijiet. L-Unjoni Ewropea ffirmat ftehimiet ta' kooperazzjoni maċ-Ċina, l-Iżrael, il-Korea t'Isfel, il-Marokk u l-Ukraina, u qegħdin jiġu kkunsidrati ftehimiet oħra ma' l-Indja, il-Brażil, l-Arġentina u l-Awstralja. Għalkemm dawn il-ftehimiet ta' kooperazzjoni huma mixtieqa ħafna sabiex isaħħu l-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema Galileo fil-livell internazzjonali, prinċipalment fir-rigward ta' kwistjonijiet bħall-istandardizzazzjoni, il-ftuħ tas-swieq, iċ-ċertifikazzjoni, il-frekwenzi u d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, ikun għaqli li nimxu b'ċerta kawtela għaliex il-motivazzjoni prinċipali ta' ċerti imsieħba hija l-akkwist ta' l-għarfien u l-kompetenzi bl-għan li jiġi ggwadanjat iż-żmien sabiex jiżviluppaw it-teknoloġija tagħhom, li mbagħad tkun tista' tikkompeti ma' Galileo. Illum il-ġurnata, huwa minn awl id-dinja li din kienet l-intenzjoni ewlenija taċ-Ċina meta ffirmat ftehim ta' kooperazzjoni dwar Galileo ma' l-UE fl-2003. Barraminhekk, huwa sorprendenti meta wieħed jinnota li la n-Norveġja u lanqas l-Isvizzera għadhom ma kkonkludew ftehim ma' l-UE li jkopri l-kooperazzjoni tagħhom fil-programm Galileo, minkejja l-fatt li qegħdin jiffinanzjaw il-fażi ta' żvilupp/validazzjoni tal-programm permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-Aġenzija Spazjali Ewropea. B'riżultat ta' dan, l-aċċess potenzjali tagħhom għas-servizz pubbliku regolat ta' Galileo għadu ma ġiex iddeterminat.

3.3

Fi kwalunkwe każ, u saħansitra b'mod ġenerali, il-kooperazzjoni miksuba ma involvietx is-servizz pubbliku regolat. Barraminhekk, in-negozjati fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali m'għadhomx għaddejjin bl-istess rata peress li l-prijorità prinċipali hija l-implimentazzjoni effettiva tal-proġett Ewropew tan-navigazzjoni bis-satellita, fenomenu li jagħti xhieda tad-diffikultajiet li nqalgħu.

3.4

Mistoqsijiet 6 u 7 (3) dwar l-istandards u ċ-ċertifikazzjoni jqajmu l-kwistjoni taċ-ċertifikazzjoni għat-tagħmir u s-sistema nnifisha u t-terminali tan-navigazzjoni abbord. Din hija kwistjoni partikolarment delikata fl-oqsma ta' l-avjazzjoni u t-trasport ferrovjarju — fejn it-tagħmir ta' sikurezza u sinjalazzjoni huwa soġġett għal proċeduri rigorużi ta' ċertifikazzjoni li hija rikonoxxuta fil-livell internazzjonali. Iċ-ċertifikazzjoni tas-sistema Galileo innifisha tagħmel sens biss fil-kuntest ta' qasam speċifiku ta' applikazzjoni, eż. l-avjazzjoni ċivili, li jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri applikabbli. Iċ-ċertifikazzjoni ta' terminali u tagħmir abbord makkinarju mobbli li juża s-servizzi Galileo tinvolvi aktar minn sempliċi terminal ta' pożizzjonar. Tinvolvi wkoll it-tagħmir l-ieħor li juża l-informazzjoni ta' l-ippożizzjonar u li fl-aħħarnett iwassal l-informazzjoni miġbura lill-bdot jew il-kaptan. Għandhom jiġu applikati l-proċeduri ta' ċertifikazzjoni regolari, li normalment japplikaw għal dik l-applikazzjoni speċifika. Għalhekk, il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata individwalment għal kull applikazzjoni speċifika.

3.5

Aspett ieħor tal-kwistjoni, ir-responsabilità, bilkemm jiġi indirizzat, minkejja li huwa ta' importanza konsiderevoli. Għandna nirrikonoxxu li huwa ta' kumplessità eċċezzjonali. Il-kwistjonijiet ta' responsabilità kuntrattwali, li huma relattivament sempliċi, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati, iżda għandhom jiġu kkunsidrati wkoll dawk marbuta ma' responsabilità ekstrakuntrattwali, li huma ferm aktar diffiċli li jiġu ttrattati. Barraminhekk, għandu jitqies li l-livell ta' responsabilità jista' jvarja skond jekk hux qegħdin nittrattaw ma' servizz ta' aċċess miftuħ, servizz kummerċjali jew servizz pubbliku regolat. Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tikkunsidra sistema li hija simili għal dik applikata fl-avjazzjoni ċivili, i.e. li ammont fiss ikun kopert mill-assigurazzjoni u l-bqija mill-awtoritajiet pubbliċi. F'dan il-kjaż, il-mistoqsija prinċipali tkun dik li jiġi stabbilit il-livell li fih r-responsabilità taqa' f'idejn l-awtoritajiet. Attwalment, dan il-livell huwa għoli — madwar EUR 1 biljun.

3.6

Il-fornitur tas-sinjal sa liema punt jiggarantixxi l-prestazzjoni? Il-kwistjoni hija ta' importanza kbira fis-setturi tat-trasport bl-ajru, ferrovjarju u marittimu.

3.7

Jekk, per eżempju, sinjal ta' kwalità ħażina jkun il-kaġun li jiġġarraf ajruplan jew li jegħreq bastiment, forsi jikkawża tixrid ta' żejt, min għandu jassumi r-responsabilità u sa liema punt? Jeħtieġ li ssir distinzjoni hawn bejn ir-responsabilità kuntrattwali u r-responsabilità ekstrakuntrattwali.

3.8

L-operatur ta' Galileo għandu jassumi r-responsabilità sħiħa jew jaqsamha ma' l-Istati? U jekk dan ikun il-każ, liema Stati: l-Istat tat-tnedija, l-Unjoni Ewropea, jew l-Istati li jipparteċipaw fil-proġett Galileo? Dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati u ttrattat sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet kummerċjali ta' Galileo jkunu jistgħu jiġu żviluppati f'qafas legal sodisfaċenti u affiddabbli.

3.9

Jeżistu preċedenti, ez. Ariane. Ir-riskju ta' danni lil parzijiet terzi ikkawżati minn illanċjar jassumih Arianespace sa EUR 100 miljun. Jekk ir-riskju involut jaqbeż dan l-ammont, jiġi kopert mill-Istat Franċiż. Jeżistu arranġamenti simili dwar qsim tar-riskji bejn operaturi kummerċjali u Stati fis-settur ta' l-avjazzjoni ċivili, li jistgħu forsi jiġu applikati għal Galileo. Madankollu, il-kwistjoni delikata tibqa' l-ħtieġa li jkun hemm ftehim fejn għandha tinġibed il-linja diviżorja: liema hu t-taqsim adegwat bejn l-awtorità pubblika u l-operatur, speċjalment fir-rigward ta' servizzi ġodda?

3.10

Sistema bbażata fuq din ta' l-aħħar, jekk tiġi applikata għall-programm Galileo, ovvjament tkun tinvolvi li jiġi speċifikat b'mod ċar liema awtorità pubblika tkun tista' taqsam ir-responsabilità ma' l-operatur ta' Galileo.

3.11

Mistoqsija 9 (4) dwar il-proprjetà intellettwali hija importanti. Anke jekk l-istituzzjonijiet pubbliċi jiffinanzjaw ir-riċerka inizjali, huwa importanti li d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali għall-applikazzjonijiet għandhom ikunu l-proprjetà ta' l-intrapriżi, l-SMEs b' mod partikolari, li jiżviluppaw u jimplimentawhom.

3.12

L-aspett ta' l-użu militari ta' Galileo wkoll irid jiġi kkunsidrat. Għall-kuntrarju tal-GPS, li hija sistema militari li ssir disponibbli għal skopijiet ċivili fuq bażi diskrezzjonali, Galileo hija sistema ċivili. Kif inhu l-każ għas-sinjal ċivili tal-GPS, xejn ma jimpedixxi lill-forzi armati ta' kwalunkwe pajjiż milli jużaw is-servizz għal aċċess miftuħ ta' Galileo għal skopijiet militari, anke jekk is-servizz pubbliku regolat, li huwa speċifikament irregolat mill-Istati Membri ta' l-UE, joffri aktar vantaġġi minn servizzi oħra ta' Galileo peress li l-programm huwa aktar robust fir-rigward ta' tfixkil fil-frekwenza (scrambling) u indipendenza meta mqabbel mas-servizzi l-oħra pprovduti minn Galileo (il-meded tal-frekwenzi li jintużaw huma differenti).

3.13

Mingħajr ma nidħlu f'dibattitu dwar l-użijiet militari varji tas-servizz pubbliku regolat ta' Galileo, li jmorru lil hinn mill-iskop ta' din l-Opinjoni u m'humiex indirizzati fil-Green Paper, jibqa' l-fatt illi l-bilanċ finanzjarju ta' Galileo jiddependi sa ċertu punt fuq dan is-servizz. Fil-konfigurazzjoni l-ġdida tal-proġett Galileo kif propost mill-Kummissjoni, m'hemmx dubju li dan il-punt ser jerġa' jiġi diskuss. Inċidentalment, fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tistqarr li “Filwaqt li tinżamm sistema bħala sistema ċivili dħul sinifikanti jista' jiġi wkoll minn utenti tal-militar”.

4.   Konklużjoni

4.1

Il-Green Paper dwar l-applikazzjonijiet tan-navigazzjonijiet bis-satellita tipprovdi rendikont ta' ħafna mis-setturi li huma kkonċernati minnha. Jeħtieġ li titkompla f'numru ta' oqsma importanti ħafna bħad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali fi proċessi li jistgħu jwittu t-triq għal oqsma ġodda ta' applikazzjoni, u arranġamenti ta' ċertifikazzjoni u responsabilità.

4.2

Il-kwistjoni ta' l-użu governattiv jew militari ta' Galileo mill-Istati Membri ta' l-UE, li hija indirizzata permezz ta' djalogu dirett bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, u fost l-Istati Membri nfushom fi ħdan il-bord tas-sigurtà ta' Galileo, hija importanti ħafna fis-sens li għandha impatt sinifikanti duq il-mudell finanzjarju ta' Galileo. Jidher ċar li din il-kwistjoni trid tiġi analizzata mill-ġdid, iktar u iktar minħabba li l-kontribut tas-settur pubbliku jidher li ser jiżdied sostanzjalment kaġun tal-falliment ta' l-ewwel skema tas-sħubija pubblika-privata.

4.3

Huwa ta' siwi kbir u interessanti ħafna li nikkunsidraw l-applikazzjonijiet tan-navigazzjoni bis-satellita. Madankollu, jeħtieġ ukoll li jiġi aċċertat li l-kostellazzjoni tkun kompluta. Il-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni jikkostitwixxu l-aħħar ċans għall-programm Galileo. Il-KESE huwa konxju ta' l-isforz finanzjarju li dawn jirrikjedu mill-Istati Membri. Madankollu, fi żmien meta l-UE qiegħda tindirizza x-xettiċiżmu taċ-ċittadini tagħha — perijodu fejn id-dibattiti dwar l-abbozz tat-Trattat Kostituzzjonali xeħtu dawl fuq ċerta “delużjoni” — l-abbandun tal-programm Galileo jkollu effett diżastruż kemm fuq l-Ewropa u kemm lil hinn mill-Ewropa. Il-falliment tiegħu juri lid-dinja li l-Unjoni Ewropea ma kenitx kapaċi li tlaqqa' flimkien proġett xjentifiku, tekniku u ekonomiku. Huwa essenzjali li l-programm Galileo jinġab fi tmiemu sabiex jintwera li l-abilità ta' l-Unjoni Ewropea li terġa' tiġi fuq saqajha u ttemm b'suċċess proġetti ewlenin li jixħtu ħarsithom lejn il-ġejjieni.

4.4

Il-verità hija li, għal dawn ir-raġunijiet, il-proġett Galileo għaddej minn perijodu diffiċli. Il-KESE ma jistax ħlief li jinnota li jekk dan il-proġett, li huwa ta' xempju għall-UE, ifalli, ser idgħajjef bil-bosta l-fiduċja tal-poplu fl-integrazzjoni Ewropea. Jeħtieġ li jsir kull sforz sabiex dan jiġi evitat.

Brussell, 11 ta' Lulju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  COM(2006) 769, Sezzjoni 4.

(2)  COM(2006) 769, Sezzjoni 5.3.

(3)  COM(2006) 769, Sezzjoni 5.4.

(4)  COM(2006) 769, Sezzjoni 5.6.