20.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 168/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji ta' gwida għall-Politika ta' l-Impjiegi ta' l-Istati Membri

COM(2006) 815 finali — 2006/0271 (CNS)

(2007/C 168/10)

Nhar it-12 ta' Jannar 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji ta' gwida għall-Politika ta' l-Impjiegi ta' l-Istati Membri

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Marzu 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura O'Neill.

Matul l-435 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u fis-26 ta' April 2007 (seduta tal-25 ta' April 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'129 vot favur, 4 voti kontra u l-ebda astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

B'konformità ma' l-Artikolu 128, paragrafu 2 tat-Trattat, il-Linji ta' Gwida dwar l-Impjiegi li qegħdin attwalment fis-seħħ jeħtieġu konferma b'deċiżjoni tal-Kunsill sabiex jiġġeddu għall-2007, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-KESE.

1.2

Il-KESE jappoġġja l-proposta li l-Linji ta' Gwida dwar l-Impjiegi (2005-2007) jiġġeddu għall-2007, dment li jkunu meqjusa l-oqsma li dwarhom ġie espress tħassib u saru rakkomandazzjonijiet.

1.3

Il-KESE jirrakkomanda bi sħiħ li l-iskeda u l-proċess li għandhom jiġu adottati jiġu kkomunikati b'mod wiesa' u fi żmien adegwat lill-partijiet kollha kkonċernati, sabiex jinkisbu l-aqwa benefiċċji possibbli minn dan il-proċess, tkompli tinbena r-rieda tajba, tiġi żgurata l-parteċipazzjoni massima mill-partijiet ikkonċernati u jkun hemm biżżejjed ħin għar-risposti, fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali, fl-istadju ta' żvilupp.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm enfasi akbar fuq l-inklużjoni tal-persuni bi bżonnijiet speċjali fil-Linji ta' Gwida l-ġodda dwar l-Impjiegi, b'objettivi speċifiċi u rikonoxximent akbar tal-ħtiġiet tal-politika soċjali. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili mill-aktar fis possibbli fl-iżvilupp tal-linji ta' gwida mill-Kummissjoni kif ukoll iqis importanti li jiġi kkonsultat dwar id-dokument finali.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni immedjatament tieħu l-passi sabiex tidħol f'diskussjonijiet mal-KESE dwar l-iżvilupp tal-Linji ta' Gwida dwar l-Impjiegi billi tistabbilixxi kuntatti formali u informali sabiex tieħu approċċ proattiv għall-iżvilupp tal-Linji ta' Gwida dwar l-Impjiegi għat-tliet snin li ġejjin.

1.6

Il-KESE jagħmel sejħa sabiex jiġu stabbiliti objettivi ħafna aktar ambizzjużi u li jistgħu jitkejlu, li jkunu jistgħu jiġu evalwati fil-linji ġodda ta' gwida fil-livell ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri, u sabiex il-Kummissjoni tingħata aktar poteri ta' applikazzjoni.

1.7

Il-KESE jirrakkomanda li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' l-Istati Membri kollha sistemi adegwati ta' Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u Komunikazzjoni (ICT) sabiex ikun hemm garanzija ta' titjib fil-ġbir ta' informazzjoni u sabiex il-proċess ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni jitħaffef.

1.8

Il-KESE jkompli jirrakkomanda li l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma għandhom jinkludu aktar evidenza konkreta ta' objettivi mfissra, skedi, spejjeż u stimi baġitarji.

2.   Il-proposta għal deċiżjoni tal-Kummissjoni

2.1

Fil-bidu ta' l-2007, il-Kummissjoni bagħtet proposta lill-KESE bħala parti mill-proċess ta' konsultazzjoni bil-għan li jiġu vvalidati l-“Linji ta' Gwida għall-Politika dwar l-Impjiegi ta' l-Istati Membri” għall-2007, li jeħtieġu li jiġu kkonfermati minn deċiżjoni tal-Kunsill.

2.2

Il-Kummissjoni tipproponi li l-linji ta' gwida stabbiliti għall-perijodu 2005-2008 (1) bbażati fuq l-Artikou 128 tat-Trattat jinżammu għall-2007 u għandhom jiġu meqjusa mill-Istati Membri fil-politiki tagħhom dwar l-impjiegi (2).

2.3

B'din il-proposta ta' deċiżjoni, il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra l-Istrateġija ta' Lisbona, implimentata sa mill-2005, li hija bbażata fuq iċ-ċiklu ġdid ta' gvernanza li jinkludi pakkett integrat ta' linji ta' gwida li jibqgħu validi sa l-2008. Dawn jinkorporaw dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

2.4

L-Istati Membri kienu meħtieġa li jippreparaw Programmi Nazzjonali ta' Riforma li ġew evalwati mill-Kummissjoni. Din ir-reviżjoni annwali tistabbilixxi l-progress li sar fl-applikazzjoni tal-l-linji ta' gwida u tipprovdi l-konklużjonijiet li fuqhom hija bbażata l-proposta li dawn il-linji ta' gwida jiġġeddu.

3.   Osservazzjonijiet preċedenti tal-KESE

Il-KESE kkumenta fuq il-linji ta' gwida f'żewġ opinjonijiet preċedenti (3). L-oqsma speċifiċi li dwarhom kien hemm tħassib kienu dawn:

L-iskeda għall-iżvilupp u għall-adozzjoni tal-linji ta' gwida kienet ristretta ħafna u ma ppermettitx għal dibattitu u involviment reali fuq dan is-suġġett mill-partijiet differenti ikkonċernati kemm fil-livell ta' l-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, li kellu impatt fuq il-proċessi demokratiċi, b'mod partikolari fl-iżvilupp tal-programmi nazzjonali.

Peress li fir-rigward tal-linji attwali ta' gwida, qiegħed jiġi enfasizzat li l-Istati Membri jistabbilixxu l-objettivi tagħhom, hemm tħassib kontinwu li l-miżuri dwar il-politika ta' l-impjiegi ma jistgħux jibqgħu jiġu vvalutati permezz ta' objettivi speċifiċi u li jistgħu jiġu kwantifikati, bħalma kien iseħħ fil-programmi preċedenti bil-konsegwenza li l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma saru anqas ambizzjużi fir-rigward tal-politika ta' l-impjiegi u fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiema.

Hemm bżonn li jkun hemm enfasi akbar fuq l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, u li sa ċertu punt tingħatalhom garanzija li jkollhom l-ewwel impjieg li joffri prospetti għall-futur.

Hemm bżonn ta' enfasi kontinwa fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba l-età, id-diżabilità jew l-oriġini etniċi.

It-transizzjoni lejn l-ekonomija ta' l-għarfien teħtieġ strateġija aktar rigoruża u aktar iffokata fir-rigward tat-taħriġ professjonali u tat-tagħlim tul il-ħajja sabiex ikun hemm adattament għal teknoloġiji ġodda, ir-ristrutturazzjoni tal-bażi industrijali u sabiex l-indivdwi jkunu jistgħu jiksbu kompetenzi trasferibbli.

Irid ikun hemm aktar konsistenza sabiex l-investiment jiġi integrat fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-innovazzjoni, kemm sabiex tiġi stimolata l-ekonomija kif ukoll sabiex jiġu żviluppati impjiegi ġodda.

L-attenzjoni li qiegħda tingħata lill-ugwaljanza bejn is-sessi u lill-bżonn għall-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik familjali mhix biżżejjed.

Hemm bżonn ta' aktar attenzjoni fir-rigward ta' l-impatt tal-bidla demografika u l-isfidi li ġġib magħha x-xjuħija tal-ħaddiema.

Il-bżonn li tissaħħaħ u tiġi kkontrollata l-implimentazzjoni tal-politiki ta' immigrazzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ippjanar nazzjonali għall-impjiegi.

L-importanza li jkun hemm fondi neċessarji fil-livell nazzjonali u Ewropew sabiex jiġu implimentati l-miżuri dwar il-politika ta' l-impjiegi.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

F'opinjonijiet preċedenti, il-KESE laqa' l-adozzjoni tal-linji integrati ta' gwida għall-2005-2008 u jkompli jenfasizza li s-suċċess jiddependi mill-fatt li l-Istati Membri jieħdu r-responsabbiltajiet tagħhom bis-serjetà u jpoġġu fil-prattika fil-livell nazzjonali l-prijoritajiet stabbiliti b'mod konġunt. Irid ikun hemm enfasi qawwija fuq l-involviment ta' l-imsieħba soċjali kollha u tas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha ta' l-iżvilupp u ta' l-implimentazzjoni.

4.2

Il-KESE jirrikonoxxi li sar progress fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku fl-UE-25 u permezz tal-miżuri speċifiċi dwar l-impjiegi (4), iżda jibqa' mħasseb minħabba d-disparità kontinwa bejn l-implimentazzjoni tal-miżuri differenti fl-Istati Membri u bejn Stati Membri differenti u jibqa' tal-fehma li hemm nuqqas ta' urġenza u ta' ordni ta' preċedenza tal-prijoritajiet sabiex jitwettaq tibdil sinjifikanti.

4.3

Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tassumi rwol aktar importanti fl-iżvilupp ta' objettivi Ewropej u nazzjonali, u fil-kontroll u l-evalwazzjoni tal-progress li jsaħħaħ u jżid il-valur tar-Rapporti Annwali maħruġa mill-Programmi Nazzjonali ta' Riforma f'kull Stat Membru.

4.4

Il-KESE jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni sabiex parti mill-Fondi Strutturali, Soċjali u ta' Globalizzazzjoni jintużaw sabiex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Linji ta' Gwida dwar l-Impjiegi. Il-KESE jkompli jenfasizza l-importanza li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni l-fondi neċessarji fil-livell Ewropew u nazzjonali sabiex l-inizjattivi dwar l-impjiegi jiddaħħlu f'ordni ta' preċedenza.

4.5

Il-KESE, waqt li jtenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' progress, jixtieq li l-miżuri u l-emendi fil-Linji ta' Gwida dwar l-Impjiegi għall-2008-2010 jirriflettu l-bżonn għal titjib.

5.   Oqsma li għadhom iqajmu tħassib

Il-linji ta' gwida għat-tkabbir u l-impjiegi, stabbiliti fl-2005, ippreżentaw oqsma speċifiċi għal titjib u l-KESE jibqa' mħasseb minħabba l-fatt li firxa ta' objettivi għadhom ma ntlaħqux, li hemm nuqqas ta' ordni ta' preċedenza tal-prijoritajiet fil-livell nazzjonali, u jixtieq jara ugwalment l-implimentazzjoni ta' miżuri bl-għan li jingħelbu dawn in-nuqqasijiet fil-linji ta' gwida li ser jiġu ppubblikati fl-2008.

Huwa improbabbli li l-objettiv globali ta' 70 % għal impjegar totali jintlaħaq f'dan il-perijodu. Għalkemm ir-rata stabbilita għall-impjegar tan-nisa ser tilħaq is-60 % li kienu proposti, din iċ-ċifra hija magħmula minn xogħol part-time, flessibbli u temporanju.

L-objettiv ta' 50 % propost għall-ħaddiema “aktar anzjani” (persuni li għandhom bejn 45-65 sena, skond it-tifsira tal-Kummissjoni) ukoll mhux ser jintlaħaq minkejja l-progress li sar.

L-iżvilupp ta' strateġiji għall-persuni b'diżabilità jew bi bżonnijiet speċjali u l-integrazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol għadhom baxxi.

Hemm tħassib kontinwu dwar il-livell ta' qgħad taż-żgħażagħ li qiegħed jibqa' jiżdied u qegħdin jittieħdu miżuri adattati sabiex is-sitwazzjoni titjieb.

L-edukazzjoni u r-relazzjoni tagħha mas-suq modern tax-xogħol hija kwistjoni prinċipali fis-sens li hemm nuqqas ta' kompetenzi bażiċi u intermedjarji u nuqqas ta' koerenza bejn il-kompetenzi u l-kwalifiki fir-rigward tas-suq ta' l-impjiegi. L-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri tat-taħriġ professjonali u t-tagħlim tul il-ħajja kollha, u r-rieda reali tas-sostenn finanzjarju jew mis-settur pubbliku jew mis-settur privat, jibqgħu sors ta' tħassib sinjifikanti.

Jeżisti nuqqas kontinwu ta' enfasi fuq it-tagħlim tul il-ħajja fl-etajiet kollha iżda b'mod partikolari għall-ħaddiema aktar anzjani. Dan jippreżenta problema partikolari fir-rigward ta' l-adattabilità tal-forza tax-xogħol.

Jibqa' tħassib fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-ħaddiema migranti fl-Istati Membri li qegħdin jimlew il-vojt sostanzjali li jeżisti minħabba l-ħtieġa ta'-kompetenzi fis-suq tax-xogħol.

Waqt li l-KESE jappoġġja l-mobilità tal-ħaddiema fl-Istati Membri, huwa mħasseb mill-impatt li t-trasferiment ta' ħaddiema kwalifikati u ċ-ċaqliq ta' kompetenzi minn pajjiż ta' l-UE għal ieħor għandhom fuq il-pajjiż ta' oriġini. Dan għandu jiġi kkontrollat u għandha tittieħed azzjoni sabiex tiġi assigurata ż-żamma ta' bilanċ ta' forza tax-xogħol kompetenti u kwalifikata, neċessarja għas-sostenibbiltà.

L-effett fuq l-opportunitajiet lokali fir-rigward ta' l-impjiegi għandu jiġi analizzat waqt li jiġi mistoqsi għaliex il-persuni bla xogħol mhumiex qegħdin jimlew il-postijiet battala lokali.

L-objettiv ta' ekonomija ta' l-għarfien ibbażata fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni għadu 'l bogħod milli jintlaħaq. Hemm nuqqas ta' attenzjoni mogħtija mill-Istati Membri għall-approċċ integrat ibbażat fuq “iċ-ċiklu tal-ħajja”. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex ikomplu bl-isforzi tagħhom sabiex irendu d-dinja tax-xogħol kompatibbli mal-ħajja familjali. Dan huwa kompitu għas-soċjetà kollha. B'mod partikolari, permezz tal-provvista ta' faċilitajiet intiżi li jieħdu ħsieb it-tfal, ir-rikonċiljazzjoni tal-familja u ta' l-obbligi familjali tkun possibbli u n-nisa jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu f'impjieg b'paga, jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol malajr wara waqfa (5).

Hemm bżonn li l-Istati Membri jippromovu strateġiji intiżi sabiex itejbu l-adattabilità tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi u b'mod partikolari l-potenzjal tal-kunċett tal-flessigurtà (6).

Il-problemi ta' l-impatt tax-“xogħol mhux iddikjarat” fuq l-Istati Membri u l-individwi għandhom jiġu indirizzati.

L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-aġenda “Xogħol Diċenti” (7) u l-prinċipji tal-Kwalità tax-Xogħol (8) għadhom ma twettqux f'xi Stati Membri.

B'paragun mal-medja ta' l-Istati Uniti, ir-rati ta' produttività fl-Ewropa jibqgħu baxxi, u din hija riflessjoni tar-rata u tal-livell ta' investiment fil-persuni u fl-ideat.

Għalkemm ir-rata ta' l-investiment pubbliku fl-UE jista' jitqabbel ma' l-investiment ta' l-Istati Uniti, l-investiment mis-settur privat huwa sostanzjalment inferjuri.

6.   Azzjoni li ttieħdet mill-Kummissjoni

6.1

Il-Kummissjoni wettqet reviżjoni, wara li rċeviet ir-Rapporti Annwali mill-Istati Membri, li wasslet għall-Kommunikazzjoni L-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi“Sena ta' Twettiq” li tirreġistra l-progress li sar s'issa. Din is-sena hemm anness iddettaljat li jindika l-azzjonijiet irrakkomandati li huma meħtieġa speċifikament minn kull Stat Membru. Waqt li din hija ta' importanza kruċjali għall-kontribut għall-evalwazzjoni ta' l-impatt globali tal-linji ta' gwida, din tixħet dawl fuq it-tħassib tal-KESE li m'hemmx biżżejjed enfasi fuq l-urġenza u li teżisti disparità fl-implimentazzjoni tal-linji ta' gwida. Il-Kummissjoni jrid ikollha aktar awtorità sabiex tistabbilixxi objettivi li jistgħu jitkejlu, tikkoordina l-attivitajiet u tinforza l-progress.

6.2

Il-KESE jilqa' l-“Evalwazzjoni ta' l-Impatt” proposta mill-Kummissjoni li ser twettaq fil-programm ta' tliet snin flimkien ma' numru ta' aġenziji sabiex jitkejjel l-effikaċja tiegħu u sabiex tinfluwenza l-iżvilupp tal-linji l-ġodda ta' gwida dwar l-impjieg għall-2008-2010.

6.3

Il-KESE jilqa' l-proċess ta' konsultazzjoni propost dwar il-linji ġodda ta' gwida ta' l-impjiegi li ser jibda wara l-pubblikazzjoni ta' l-abbozz tal-Kummissjoni f'Diċembru 2007 bl-għan li tiġi ppreżentata l-proposta finali lill-Kunsill għal adozzjoni f'Ġunju 2008. Il-KESE jenfasizza li huwa importanti li l-Istati Membri u l-partijiet kollha interessati jiġu kkonsultati u involuti matul dan il-proċess kemm fil-livell ta' l-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali, mill-aktar fis possibbli.

6.4

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jkun hemm l-opportunità li jiġi evalwat l-impatt kmieni kemm jista' jkun matul l-2007 sabiex jiġi kkunsidrat il-kontenut, tintlaqa' l-informazzjoni u jittieħed sehem proattiv fir-risposta bl-għan li jiġi influwenzat l-iżvilupp tal-linji ta' gwida u t-tħejjija tal-programmi nazzjonali.

Brussel, il-25 ta' April 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  COM(2005) 141 finali, linji ta' gwida Integrati għat-tkabbir u għax-xogħol (2005-2008).

(2)  COM(2006) 815 finali, Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji ta' gwida għall-Politika ta' l-impjiegi ta' l-Istati Membri.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Linji ta' gwida dwar l-impjiegi 2005-2008 (rapporteur: is-Sur Malosse), ĠU C 286 tas-17.11.2005; Opinjoni tal-KESE dwar Il-Linji ta' Gwida dwar l-Impjiegi (rapporteur: is-Sur Greif), ĠU C 195 tat-18.8.2006.

(4)  Implimentazzjoni ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi — “Sena ta' twettiq”, COM(2006) 816 finali.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Linji ta' Gwida dwar l-Impjiegi 2005-2008 (rapporteur: is-Sur Malosse), ĠU C 286 tas-17.11.2005, paġna 41,punt 3.2.3.

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Flessigurtà: il-każ tad-Danimarka (rapporteur: is-Sinjura Vium), ĠU C 195 tat-18.8.2006.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-promozzjoni tax-xogħol diċenti għal kulħadd, 19 ta' Diċembru 2006 (CESE 92/2007), rapporteur: is-Sur Etty.

(8)  Intejbu l-kwalità fix-xogħol, COM(2003) 728 fin, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Intejbu l-kwalità fix-xogħol: reviżjoni tal-progress riċenti.