23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/23


Addendum ma’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 298 tat-8 ta’ Diċembru 2006

(2016/C 144/12)

 

Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta' multi f'każijiet ta' kartell

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2006/C 298/11)

I.   INTRODUZZJONI

(1)

Dan l-Avviż jiddefinixxi qafas li jippermetti li jiġu rrikompensati, għall-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, l-impriżi li huma jew kienu partijiet f'kartelli sigrieti li jolqtu lill-Komunità. Il-kartelli huma ftehimiet u/jew prattiċi miftehma bejn żewġ kompetituri jew iktar bl-iskop li jikkoordinaw l-imġiba kompetittiva tagħhom fuq is-suq u/jew jinfluwenzaw il-parametri tal-kompetizzjoni rilevanti permezz ta' prattiċi bħall-iffissar tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jew kundizzjonijiet oħra tal-kummerċ, l-allokazzjoni ta' kwoti ta' produzzjoni jew bejgħ, il-kondiviżjoni tas-suq inkluż l-immanuvrar tal-offerti, ir-ristrizzjonijiet fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u/jew azzjonijiet kontra l-kompetizzjoni kontra kompetituri oħra. Prattiċi bħal dawn huma fost l-iktar ksur serji tal-Artikolu 81 KE (1).

(2)

Meta jillimitaw b'mod artifiċjali l-kompetizzjoni li normalment teżisti bejniethom, l-impriżi jevitaw eżattament dawk il-pressjonijiet li jwassluhom biex jinnovaw, kemm fis-sens ta' żvilupp tal-prodott u kif ukoll fl-introduzzjoni ta' metodi ta' produzzjoni iktar effiċjenti. Dawn il-prattiċi jwasslu anki għal materji primi u komponenti iktar għaljin għall-kumpaniji Komunitarji li jixtru mingħand dawn il-produtturi. Huma finalment jirriżultaw fi prezzijiet artifiċjali u f’anqas għażla għall-konsumatur. Għat-tul, dawn iwasslu għal telf ta' kompettività u opportunitajiet ta' impieg imnaqqsa.

(3)

Min-natura stess tagħhom, il-kartelli sigrieti huma ta' sikwit diffiċli biex jiġu identifikati u investigati mingħajr il-koperazzjoni tal-impriżi jew individwi implikati fihom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li huwa fl-interess tal-Komunità li tippremja lill-impriżi involuti f’dan it-tip ta’ prattiki illegali li huma disposti li jtemmu l-parteċipazzjoni tagħhom u li jikkoperaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, independentement mill-bqija tal-impriżi involuti fil-kartell. L-interessi tal-konsumatur u ċ-ċittadini biex jiġi żgurat li kartelli sigrieti jiġu mikxufa u kkastigati huma akbar mill-interess li jiġu mmultati dawk l-impriżi li jippermettu lill-Kummissjoni biex tiskopri u tipprojbixxi dawn il-prattiċi.

(4)

Il-Kummissjoni tikkonsidra li l-kollaborazzjoni ta' impriża fl-iskoperta tal-eżistenza ta' kartell għandha valur intrinsiku. Kontribuzzjoni deċiżiva għall-ftuħ ta' investigazzjoni jew għall-kostatazzjoni ta' xi ksur tal-liġi tista' tiġġustifika l-għoti ta' immunità minn kwalunkwe multa lill-impriża msemmija, bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti ċerti rekwiżiti addizzjonali.

(5)

Barra min hekk, kooperazzjoni bejn impriża waħda jew iktar tista' tiġġustifika tnaqqis f'multa mill-Kummissjoni. Kwalunkwe tnaqqis f'multa għandu jirrifletti l-kontribuzzjoni effettiva tal-impriża, fis-sens ta' kwalità u ta' żmien, għad-determinazzjoni tal-ksur tal-liġi mill-Kummissjoni. It-tnaqqis għandu jkun limitat għal dawk l-impriżi li jipprovdu l-Kummisjoni bi provi li jżidu valur sinifikattiv lil dawk li diġa' qegħdin fil-pussess tal-Kummissjoni.

(6)

Minbarra s-sottomissjoni ta’ dokumenti preeżistenti, l-impriżi jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni bi preżentazzjonijiet volontarji dwar l-għarfien tagħhom dwar kartell u r-rwol tagħhom fih, imħejjija apposta sabiex jiġu sottomessi f’dan il-programm ta’ klemenza. Dawn l-inizjattivi rriżultaw utli għall-investigazzjoni effettiva u t-terminazzjoni ta’ ksur ta’ kartelli u m’għandhomx jiġu skoraġġiti permezz ta’ ordnijiet ta’ żvelar maħruġa f’litigazzjoni ċivili. Applikanti prospettivi għal klemenza jistgħu jiġu skoraġġiti milli jikkooperaw mal-Kummissjoni skont dan l-Avviż jekk dan jasal biex jagħmel ħsara lill-pożizzjoni tagħhom fi proċeduri ċivili, meta mqabbla ma’ kumpanniji li ma jikkooperawx. Dan l-effett mhux mixtieq ikun jagħmel ħsara sinjifikattiva lill-interess li għandu l-pubbliku li jiżgura applikazjoni effettiva tal-Artikolu 81 KE mill-awtoritajiet pubbliċi f’każijiet ta’ kartell u b’hekk l-applikazzjoni privata effettiva sussegwenti jew parallela.

(7)

Id-dmirijiet ta’ superviżjoni mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni ma jinkludux biss id-dmir li jiġi investigat u kkastigat ksur individwali, iżda jkopri wkoll id-dmir li tiġi implimentata politika ġenerali. Il-ħarsien tal-prospetti korporattivi fl-interess pubbliku mhux limitu għall-iżvelar tagħhom lil destinatarji oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex jitħarsu d-drittijiet tagħhom ta’ difiża fil-proċedura quddiem il-Kummissjoni, sal-punt li huwa teknikament possibbli li jiġu kkombinati ż-żewġ interessi billi l-prospetti korporattivi jsiru aċċessibbli biss fl-uffiċċji tal-Kummissjoni u normalment f’okkażjoni waħda wara n-notifika formali tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipproċessa dejta personali fil-kuntest ta’ dan l-avviż f’konformità mal-obbligi tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (2).

II.   IMMUNITÀ MILL-MULTI

A.   Rekwiżiti għall-immunità mill-multi

(8)

Il-Kummissjoni se tagħti immunità minn kwalunkwe multa li kienet altrimenti tiġi imposta fuq impriża li tiżvela l-parteċipazzjoni tagħha f’kartell allegat li jaffettwa l-Komunità jekk dik l-impriża tkun l-ewwel waħda li tissottometti informazzjoni u evidenza li fil-fehma tal-Kummissjoni jippermettulha li:

(a)

twettaq ispezzjoni mmirata f’konnessjoni mal-kartell allegat (3); jew

(b)

taqbad ksur tal-Artikolu 81 KE f’konnessjoni mal-kartell allegat

(9)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq ispezzjoni mmirata skont it-tifsira tal-punt (8)(a), l-impriża trid tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni u l-evidenza elenkati hawn taħt, sakemm dan, fil-fehma tal-Kummissjoni, ma jkunx ta’ ħsara għall-ispezzjonijiet:

(a)

Prospett korporattiv (4) li jinkludi, sa fejn ikun magħruf mill-applikant fil-mument tas-sottomissjoni:

Deskrizzjoni dettaljata tal-arranġament allegat tal-kartell inklużi, pereżempju, l-għanijiet, l-attivitajiet u l-funzjonament tiegħu; il-prodott jew is-servizz ikkonċernat, il-firxa ġeografika, it-tul ta’ żmien u l-volumi stmati tas-suq affettwati mill-kartell allegat; id-dati, il-postijiet, il-kontenut u l-parteċipanti speċifiċi fil-kuntatti tal-kartell allegati, u l-ispjegazzjonijiet kollha relevanti f’konnessjoni mal-provi pprovduti f’sostenn għall-applikazzjoni.

L-isem u l-indirizz tal-entità legali li tissottometti l-applikazzjoni għall-immunità u kif ukoll l-ismijiet u l-indirizzi tal-impriżi l-oħra kollha li jipparteċipaw jew ipparteċipaw fil-kartell allegat;

L-ismijiet, il-pożizzjonijiet, postijiet tal-uffiċċji u, fejn neċessarju, indirizzi tad-djar tal-individwi kollha li, sa fejn jaf l-applikant, huma jew kienu involuti fil-kartell allegat, inklużi dawk l-individwi li kienu involuti f’isem l-applikant;

Informazzjoni dwar liema awtoritajiet oħra tal-kompetizzjoni, fl-UE jew barra minnha, ġew ikkuntattjati jew huwa ppjanat li jiġu kkuntattjati f’konnessjoni mal-kartell allegat; kif ukoll

(b)

Evidenza oħra li tirrigwarda l-kartell allegat li huma fil-pussess tal-applikant jew għad-dispożizzjoni tiegħu fiż-żmien tas-sottomissjoni, inklużi b’mod partikolari xi evidenza kontemporanja ta' ksur.

(10)

Immunità skont il-punt (8)(a) ma tingħatax jekk, fiż-żmien tas-sottomissjoni, il-Kummissjoni diġà kellha evidenza biżżejjed biex tadotta deċiżjoni biex twettaq spezzjoni f’konnessjoni mal-kartell allegat jew diġà kienet wettqet ispezzjoni bħal din.

(11)

Immunità skont il-punt (8)(b) tingħata biss bil-kondizzjonijiet kumulattivi li l-Kummissjoni ma kellhiex, fiż-żmien tas-sottomissjoni, biżżejjed provi biex issib ksur tal-Artikolu 81 KE b'konnessjoni mal-allegat kartell u li ebda impriża ma ngħatat immunità kondizzjonali minn multi taħt il-punt (8)(a) b'konnessjoni mal-allegat kartell. Sabiex tikkwalifika, impriża trid tkun l-ewwel waħda li tipprovdi evidenza inkriminanti kontemporanja tal-kartell allegat, flimkien ma’ prospett korporattiv li jkun fih l-istess tip ta’ informazzjoni speċifikata fil-punt (9)(a), li tippermetti lill-Kummissjoni li tikkostata ksur tal-Artikolu 81 KE.

(12)

B'żieda mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (8)(a), (9), u (10) jew fil-punti(8)(b) u 11, kif xieraq, il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin għandhom jkunu milħuqa f'kull każ biex jikkwalifikaw għal xi immunità minn multa:

(a)

L-impriża tikkoopera b’mod ġenwin (5), sħiħ, u fuq bażi kontinwa u mingħajr dewmien minn meta tissottometti l-applikazzjoni sat-tmiem tal-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni. Dan jinkludi:

tipprovdi lill-Kummissjoni immedjatament bl-informazzjoni u l-evidenza relevanti kollha li jirrigwardaw il-kartell allegat li jiġu fil-pussess tagħha jew li jkunu għad-dispożizzjoni tagħha;

tibqa' fid-dispożizzjoni tal-Kummissjoni biex twieġeb malajr għal kull talba li tista' tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-fatti kkonċernati;

tpoġġi l-impjegati u d-diretturi attwali (u jekk possibbli wkoll lil dawk tal-passat) għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sabiex din tkun tista’ tintervistahom;

ma teqridx, ma tiffalsifikax jew taħbi informazzjoni jew evidenza relevanti li jirrigwardaw il-kartell allegat; kif ukoll

ma tiżvelax il-fatt jew xi parti mill-kontenut tal-applikazzjoni tagħha qabel ma l-Kummissjoni tkun ħarġet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-każ, sakemm ma jintlaħaqx qbil mod ieħor;

(b)

L-impriża temmet l-involviment tagħha fil-kartell allegat immedjatament wara l-applikazzjoni tagħha, ħlief għal dak li, fil-fehma tal-Kummissjoni, ikun raġonevolment neċessarju sabiex tiġi ppriżervata l-integrità tal-ispezzjonijiet;

(c)

Meta tkun qed tikkunsidra li tagħmel l-applikazzjoni tagħha lill-Kummissjoni, l-impriża ma tridx tkun qerdet, iffalsifikat jew ħbiet provi tal-kartell allegat jew żvelat il-fatt jew xi partijiet mill-kontenut tal-applikazzjoni li tkun qed tikkunsidra li tagħmel, ħlief ma’ awtoritajiet oħra tal-kompetizzjoni.

(13)

Kull impriża li tkun ħadet passi sabiex tisforza impriżi oħra sabiex jidħlu fil-kartell jew jibqgħu fih mhix eliġibbli għall-immunità mill-multi. Hija tista’ xorta waħda tikkwalifika għal tnaqqis fil-multi jekk twettaq ir-rekwiżiti relevanti u tissodisfa l-kundizzjonijiet għal dan.

B.   Il-proċedura

(14)

Impriża li tkun tixtieq tapplika għall-immunità minn multi għandha tikkuntattja lid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni. L-impriża tista’ inizjalment jew tapplika għal marker jew immedjatament tipproċedi sabiex tagħmel applikazzjoni formali lill-Kummissjoni għall-immunità mill-multi sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet fil-punti (8) (a) jew (8) (b), kif xieraq. Il-Kummissjoni tista’ tinjora kull applikazzjoni għall-immunità mill-multi fuq il-bażi li din tkun tressqet wara li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tkun diġà nħarġet.

(15)

Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jagħtu marker li tipproteġi l-post fil-kju tal-applikanti tal-immunità għal perjodu li jiġi speċifikat każ b’każ sabiex jippermettu l-ġbir tal-informazzjoni u provi neċessarji. Sabiex ikun eliġibbli li jingħata marker, l-applikant irid jipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tiegħu, il-partijiet fil-kartell allegat, il-prodott(i) affettwat(i) u territorju/i, stima tat-tul ta’ żmien tal-kartell allegat u n-natura tal-kondotta tal-kartell allegat. L-applikant għandu jinforma wkoll lill-Kummissjoni dwar applikazzjonijiet oħra passati jew futuri possibbli għall-klemenza quddiem awtoritajiet oħra fir-rigward tal-kartell allegat u jiġġustifika t-talba għal marker. Meta jingħata l-marker, is-servizzi tal-Kummissjoni jiddeterminaw il-perjodu li fih l-applikant għandu jipperfezzjona l-marker billi jissottometti l-informazzjoni u l-provi meħtieġa sabiex jintlaħaq il-minimu relevanti għall-immunità. Impriżi li jkunu ngħataw marker ma jistgħux jipperfezzjonawh billi jagħmlu applikazzjoni formali f’termini ipotetiċi. Jekk l-applikant jipperfezzjona l-marker fil-perjodu stabbilit mis-servizzi tal-Kummissjoni, l-informazzjoni u l-provi pprovduti jitqiesu bħala li ġew sottomessi fid-data meta jkun ingħata l-marker.

(16)

Impriża li tagħmel applikazzjoni formali għall-immunità lill-Kummissjoni għandha:

(a)

tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni u provi kollha li jirrigwardaw il-kartell allegat li jkunu għad-dispożizzjoni tagħha, kif speċifikat fil-punti (8) u (9), inklużi dikjarazzjonijiet tal-impriża; jew

(b)

tippreżenta inizjalment dawn il-provi f'termini ipotetiċi, u f'dan il-każ l-impriża għandha tippreżenta lista deskrittiva tal-provi li tipproponi li tiżvela f'data miftehma wara. Din il-lista għandha tirrifletti b'mod akkurat in-natura u l-kontenut tal-provi, waqt li tissalvagwardja n-natura ipotetika ta' dan l-iżvelar. Kopji ta' dokumenti, li minnhom ikunu tneħħew partijiet sensittivi, jistgħu jintużaw biex jillustraw in-natura u l-kontenut ta' dawn il-provi. L-isem tal-impriża li tkun qed tapplika u ta’ impriżi oħra involuti fil-kartell allegat m’għandhomx għalfejn jiġu żvelati sakemm il-provi deskritti fl-applikazzjoni jiġu ppreżentati. Madankollu, il-prodott jew servizz ikkonċernat mill-kartell allegat u kif ukoll il-firxa ġeografika tal-kartell allegat u d-dewmien stmat għandu jkun identifikat b’mod ċar.

(17)

Jekk mitlub, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jipprovdi rċevuta għall-applikazzjoni mill-impriża għall-immunità mill-multi, li tikkonferma d-data u, fejn xieraq, il-ħin tal-applikazzjoni.

(18)

La darba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni u l-provi mressqin mill-impriża taħt il-punt (16)(a), u vverifikat li dawn jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (8)(a) jew (8)(b), kif xieraq, hi tagħti lill-impriża immunità kondizzjonali minn multi bil-miktub.

(19)

Jekk l-impriża tkun ippreżentat informazzjoni u evidenza f'termini ipotetiċi, il-Kummissjoni ser tivverfika li n-natura u l-kontenut tal-provi deskritti fil-lista dettaljata msemmija fil-punt (16)(b) ser jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (8)(a) jew (8)(b), kif xieraq, u tinforma lill-impriża b'dan. Wara l-iżvelar tal-provi mhux aktar tard mid-data miftehma u wara li vverifikat li dawn jikkorrispondu mad-deskrizzjoni magħmula fil-lista, il-Kummissjoni tagħti lill-impriża l-immunità kondizzjonali minn multi bil-miktub.

(20)

Jekk ikun evidenti li l-immunità mhix disponibbli jew li l-impriża naqset milli tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (8) (a) jew (8) (b), kif xieraq, il-Kummissjoni tinforma lill-impriża bil-miktub. F’dan il-każ, l-impriża tista’ tirtira l-evidenza żvelata għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha għall-immunità jew titlob lill-Kummissjoni tikkunsidraha taħt it-taqsima III ta’ dan l-avviż. Dan ma jipprevenix lill-Kummissjoni milli tuża s-segħat normali ta' investigazzjoni tagħha biex tikseb l-informazzjoni.

(21)

Il-Kummissjoni mhix ser tikkunsidra applikazzjonijiet oħra għall-immunità minn multi qabel ma tkun ħadet pożizzjoni fuq applikazzjoni eżistenti fir-rigward tal-istess ksur tal-liġi issuspettat, irrispettivament minn jekk l-applikazzjoni għall-immunità tkunx ippreżentata b'mod formali jew b'talba għal marker.

(22)

Jekk fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva, l-impriża tkun issodisfat il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (12), il-Kummissjoni tagħtiha immunità minn multi fid-deċiżjoni rilevanti. Jekk fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva, l-impriża tkun issodisfat il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (12), il-Kummissjoni tagħtiha immunità minn multi fid-deċiżjoni rilevanti. Jekk il-Kummissjoni, wara li tkun tat l-immunità kondizzjonali finalment issib li l-applikant għall-immunità jkun ġiegħel lill-parteċipanti l-oħra, hija ma tagħtix l-immunità.

III.   TNAQQIS TA' MULTA

A.   Rekwiżiti għal tnaqqis tal-multi

(23)

Impriżi li jiżvelaw il-parteċipazzjoni tagħhom f'allegat kartell li jaffettwa lill-Komunità u li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet taħt is-sezzjoni II hawn fuq jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta' kull multa li kieku kienet tkun imposta.

(24)

Biex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur allegat li jirrapreżentaw valur miżjud sinifikanti b'rispett għall-evidenza li diġa' tkun tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fil-punti (12)(a) sa (12)(c) ta' hawn fuq.

(25)

Il-kunċett ta’ “valur miżjud” jirreferi għall-punt sa fejn il-provi prodotti jsaħħu, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ preċiżjoni tagħhom, il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-akkordju allegat. F'din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta' żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Il-provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b'rilevanza indiretta biss. Bl-istess mod, il-livell ta’ korroborazzjoni ta’ sorsi oħra, neċessarju sabiex il-provi ppreżentati jistgħu jkunu affidabbli kontra impriżi oħra involuti fil-kawża, jkollu effett fuq il-valur ta' dawk l-provi, b’tali mod li provi determinanti jingħataw valur ogħla minn provi bħal ma huma dikjarazzjonijiet li jkunu jridu jiġu kkorroborati jekk jiġu kkontestati.

(26)

F’kull deċiżjoni finali mogħtija fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-livell ta’ tnaqqis li minnu għandha tibbenefika l-impriża, relattiv mal-multa li altrimenti tiġi imposta. Għal:

l-ewwel impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis ta' bejn 30 u 50 %,

it-tieni impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis ta' bejn 20 u 30 %,

impriża oħra li jipprovdu valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis massimu ta’ 20 %.

Biex tiddefinixxi l-livell ta’ tnaqqis f’dawn l-iskali, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-data li fiha ġew ikkomunikati l-provi li jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija fil-punt (24) u l-livell tal-valur miżjud li dawn irrappreżentaw.

Jekk impriża li titlob tnaqqis fil-multa tkun l-ewwel li tippreżenta provi determinanti, fis-sens tal-punt (25), li l-Kummissjoni tuża biex tistabbilixxi fatti addizzjonali li jżidu l-gravità jew il-perjodu tal-ksur, il-Kummissjoni ma tiħux f'kunsiderazzjoni dawn il-fatti addizzjonali meta tiffissa l-ammont ta' xi multa imposta fir-rigward tal-impriża li tkun ippreżentathom.

B.   Il-proċedura

(27)

Impriża li tixtieq tibbenefika minn tnaqqis ta’ multa għandha tagħmel applikazzjoni formali lill-Kummissjoni u għandha tippreżentalha provi suffiċjenti tal-kartell allegat sabiex tikkwalifika għal tnaqqis ta’ multa skont il-punt (24) ta’ dan l-avviż. Kull preżentazzjoni volontarja ta’ provi lill-Kummissjoni li l-impriża li tippreżentaha tkun tixtieq tiġi kkunsidrata għat-trattament benefiku tat-taqsima III ta’ dan l-avviż għandha tiġi identifikata b’mod ċar fiż-żmien tal-preżentazzjoni tagħha bħala parti minn applikazzjoni formali għal tnaqqis ta’ multa.

(28)

Jekk mitlub, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jipprovdi rċevuta għall-applikazzjoni għal tnaqqis mill-multi u għal kwalunkwe preżentazzjoni sussegwenti ta’ provi, li tikkonferma d-data u, fejn xieraq, il-ħin ta’ kull preżentazzjoni. Il-Kummissjoni mhux ser tieħu pożizzjoni dwar applikazzjoni għat-tnaqqis ta' multa qabel ma tkun ħadet pożizzjoni fuq kull applikazzjoni eżistenti għall-immunità kundizzjonali minn multi fir-rigward tal-istess kartell allegat.

(29)

Jekk il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni preliminarja li l-provi mressqin mill-impriża jikkostitwixxu valur miżjud sinifikanti fis-sens tal-punti (24) u (25) u li l-impriza tkun issodisfat il-kundizzjonijiet tal-punti (12) u (27), għandha tinforma lill-impriża bil-miktub, mhux aktar tard mid-data li fiha ġiet notifikata dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet, bl-intenzjoni tagħħa li tapplika tnaqqis ta' multa fi ħdan faxxa speċifika kif previst fil-punt (26). Fl-istess perjodu ta’ żmien, il-Kummissjoni tinforma wkoll lill-impriża bil-miktub jekk hija tasal għall-konklużjoni preliminari li l-impriża ma tikkwalifikax għal tnaqqis tal-multa. Il-Kummissjoni tista’ tinjora kull applikazzjoni għal tnaqqis tal-multi fuq il-bażi li din tkun tressqet wara li tkun ħarġet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

(30)

Il-Kummissjoni ser tevalwa l-pożizzjoni finali ta' kull impriża li applikat għat-tnaqqis f'multa fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva f'kull deċiżjoni adottata. Il-Kummissjoni tiddetermina f’kull deċiżjoni finali bħal din:

(a)

jekk il-provi pprovduti minn impriża kinux jirrapreżentaw valur miżjud sinifikanti relattivament għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien;

(b)

jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (12) (a) sa (12) (c) aktar'il fuq kinux ġew issodisfati;

(c)

il-livell eżatt tat-tnaqqis li tibbenefika minnu impriża mill-firxa ta’ livelli speċifikati fil-punt (26).

Jekk il-Kummissjoni ssib li l-impriża ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (12), hija ma tibbenefika mill-ebda trattament favorevoli taħt dan l-Avviż.

IV.   PROSPETTI KORPORATTIVI MAGĦMULA SABIEX DAWN JIKKWALIFIKAW TAĦT DAN L-AVVIŻ

(31)

Prospett korporattiv huwa preżentazzjoni volontarja minn impriża, jew f’isimha, lill-Kummissjoni dwar l-għarfien tal-impriża dwar kartell u r-rwol tagħha fih, imħejjija apposta sabiex tiġi ppreżentata taħt dan l-Avviż. Kull dikjarazzjoni miktuba magħmula rigward il-Kummissjoni fir-rigward ta' dan l-avviż, tifforma parti mill-fajl tal-Kummissjoni.

(32)

Fuq rikjesta tal-applikant, il-Kummissjoni tista’ taċċetta li d-dikjarazzjonijiet tal-impriża jiġu pprovduti oralment sakemm l-applikant ma jkunx diġà żvela l-kontenut tal-prospett korporattiv lil partijiet terzi. Id-dikjarazzjonijiet korporattivi orali jistgħu jkunu rrekordjati u traskritti fil-bini tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (6) u l-Artikoli 3 u 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 (7) l-impriżi li jagħmlu prospetti korporattivi bil-fomm jingħataw l-opportunità li jivverifikaw il-preċiżjoni teknika tar-rekord, li jkun disponibbli fil-bini tal-Kummissjoni, u jistgħu jikkoreġu s-sustanza tas-sottomissjonijiet orali tagħhom fi ħdan perjodu definit. L-impriżi jistgħu jirrinunzjaw għal dawn id-drittijiet fil-limitu ta’ żmien imsemmi, u f’dan il-każ ir-reġistrazzjoni titqies minn dak il-mument bħala li ġiet approvata. Wara l-approvazzjoni espliċita jew impliċita tad-dikjarazzjoni orali jew il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe korrezzjonijiet għaliha, l-impriża għandha tisma’ r-reġistrazzjonijiet fl-uffiċċji tal-Kummissjoni u tivverifika l-preċiżjoni tat-traskrizzjoni f’limitu ta’ żmien stabbilit. In-nuqqas ta’ konformità ma’ dan l-aħħar rekwiżit jista’ jwassal għat-telf ta’ trattament benefiċjarju taħt dan l-Avviż.

(33)

L-aċċess għall-prospetti korporattivi jingħata biss lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sakemm dawn jimpenjaw ruħhom, - flimkien mar-rappreżentanti legali li jirċievu l-aċċess f’isimhom -, li ma jagħmlu l-ebda kopja b’mezzi mekkaniċi jew elettroniċi ta’ kwalunkwe informazzjoni fid-dikjarazzjoni ta’ impriża li għaliha jkun ingħata aċċess u li jiżguraw li l-informazzjoni li tinkiseb mill-prospett korporattiv tintuża biss għall-finijiet imsemmija aktar 'l isfel. Partijiet oħra bħal pereżempju l-ilmentaturi ma jingħatawx aċċess għall-prospetti korporattivi. Il-Kummissjoni tqis li din il-protezzjoni speċifika ta’ prospett korporattiv ma tkunx ġustifikata sa mill-mument meta l-applikant jiddivulga l-kontenut tagħha lil partijiet terzi.

(34)

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regoli għall-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni (8), l-aċċess għall-fajl jingħata biss lil dawk li lilhom tkun indirizzata dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet bil-kundizzjoni li l-informazzjoni miksuba b’dan il-mod tista’ tintuża biss għall-iskopijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità in kwistjoni fil-proċeduri amministrativi relatati. L-użu ta' informazzjoni bħal din għal skop different waqt il-proċedura tista' tkun meqjusa bħala nuqqas ta' kooperazzjoni fis-sens tal-punti (12) u (27) ta' dan l-Avviż/. Barra minn hekk, jekk użu bħal dan isir wara li l-Kummissjoni tkun diġà addottat deċiżjoni ta' projbizzjoni fil-proċedimenti, il-Kummissjoni tista', fi kwalunkwe proċediment legali quddiem il-Qrati tal-Komunità, titlob lill-Qorti biex iżżid il-multa fir-rigward tal-impriża responsabbli. F'każ li l-informazzjoni tintuża għal skop ieħor, fi kwalunkwe mument, bl-involviment ta' xi rappreżentant legali estern, il-Kummissjoni tista' tirraporta l-inċident lill-uffiċċju fejn ir-rappreżentant legali jipprattika, bl-għan ta' azzjoni dixxiplinarja.

(35)

Il-prospetti korporattivi magħmula skont dan l-Avviż jkunu trasmessi biss lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 12 tar-Regolmanet Nru 1/2003, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fin-Notifika tan-Netwerk (9) ikunu milħuqa u sakemm il-livell ta' protezzjoni kontra l-iżvelar mogħti mill-awtorità tal-kompetizzjoni riċeventi jkun tal-istess livell ta' dak tal-Kummissjoni.

V.   KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(36)

Il-Kummissjoni ma tiħux pożizzjoni dwar l-opportunità li tingħata jew le immunità kundizzjonali jew inkella li tiġi rikompensata jew le talba, jekk ikun jidher li t-talba tikkonċerna ksur li għalih japplika t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin iffissat fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li tali talba tkun mingħajr skop.

(37)

Sa mid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali, dan l-avviż jieħu post l-avviż tal-Kummissjoni tal-2002 dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-multi f’każijiet ta’ kartelli għall-każijiet kollha fejn l-ebda impriża ma tkun ikkuntattjat lill-Kummissjoni sabiex tieħu vantaġġ mit-trattament favorevoli stabbilit f’dak l-avviż. Madankollu, il-punti (31) sa (35) tal-avviż preżenti se jiġu applikati mill-mument tal-pubblikazzjoni tiegħu għall-applikazzjonijiet kollha pendenti u ġodda għall-immunità mill-multi jew għal tnaqqis ta’ multi.

(38)

Il-Kummissjoni hija konxja li dan l-avviż ser joħloq stennija leġittima li fuqha dawn l-impriżi jistgħu jiddependu meta jiżvelaw l-eżistenza ta' kartell lill-Kummissjoni.

(39)

Skont il-prattika tal-Kommissjoni, il-fatt li impriża kkooperat mal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva tagħha ser jiġi ndikat f'kull deċiżjoni, biex tiġi spjegata r-raġuni għall-immunità jew tnaqqis tal-multa. Il-fatt li jingħataw immunità jew tnaqqis fir-rigward ta' multi ma jistax jipproteġi lil xi impriża mill-konsegwenzi tal-liġi ċivili għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur tal-Artikolu 81 KE.

(40)

Il-Kummissjoni ssostni li normalment l-iżvelar pubbliku ta’ dokumenti u dikjarazzjonijiet miktuba jew rekordjati waslu fil-kuntest ta’ dan l-Avviż jimmina ċerti interessi pubbliċi jew privati, pereżempju l-protezzjoni tal-għan ta’ spezzjonijiet u investigazzjonijiet fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (10), anke wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet.


(1)  Referenza f'dan it-test għall-Artikolu 81 KE tkopri wkoll l-Artikolu 53 ŻEE fejn applikat mill-Kummissjoni skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 56 tal-Ftehim ŻEE.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  Il-valutazzjoni tal-livell limitu jkollha titwettaq ex ante, jiġifieri mingħajr ma jitqies jekk ispezzjoni partikolari tkunx irnexxiet jew jekk ispezzjoni tkunx ġiet imwettqa jew le. Il-valutazzjoni għandha ssir esklussivament abbażi tat-tip u l-kwalità tal-informazzjoni sottomessa mill-applikant.

(4)  Prospetti korporattivi jistgħu jieħdu l-forma ta’ dokumenti miktuba ffirmati minn impriża jew f’isimha jew magħmula oralment.

(5)  Dan jeħtieġ b’mod partikolari li l-applikant jipprovdi informazzjoni akkurata, mhux qarrieqa, u sħiħa. Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006 fil-każ C-301/04 P, il-Kummissjoni vs SGL Carbon AG a.o., fil-paragrafi 68-70, u s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005 fil-Kawżi C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P, C-208/02 P u C-213/02 P, Dansk Rørindustri A/S a.o. vs il-Kummissjoni, fil-paragrafi 395-399.

(6)  ĠU L 1 of 4.1.2003, p. 1.

(7)  ĠU L 123 of 27.4.2004, p. 18.

(8)  ĠU C 325, 22.12.2005, p. 7.

(9)  L-avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk tal-Awtorijatjiet tal-Kompentizzjoni, ĠU C 101, 27.4.2004, p. 43.

(10)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.