52006SC0786

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill - Valutazzjoni ta’ l-azzjoni meħuda mill-Portugall bħala reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Settembru 2005 bl-għan li ttemm il-qagħda ta' defiċit eċċessiv tal-gvern /* SEK/2006/0786 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 21.6.2006

SEC(2006) 786 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Valutazzjoni ta’ l-azzjoni meħuda mill-Portugall bħala reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Settembru 2005 bl-għan li ttemm il-qagħda ta' defiċit eċċessiv tal-gvern

1. Il-proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Portugall

Matul is-snin disgħin, il-Portugall irnexxielu jtejjeb il-qagħda tal-baġit tiegħu. Fi sfond ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu li beda f’nofs is-snin disgħin, id-defiċit ġenerali tal-gvern tnaqqas gradwalemnt għal taħt it-3% tal-PGD u l-proporzjon tad-dejn tal-gvern beda jitnaqqas sakemm qorob il-50% tal-PGD lejn l-aħħar tad-disgħinijiet.

Mis-sena 2000 ’il quddiem, madankollu, il-qagħdiet ekonomiċi u fiskali tal-Portugall bdew sejrin lura. Ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku tnaqqset ħafna b’mod li tirrifletti l-kundizzjonijiet ċikliċi ħżiena kif ukoll dgħjufija strutturali iktar permanenti ta’ l-ekonomija. Dan it-tnaqqis kien imsieħeb mid-deterjorament strutturali mgħaġġel tal-finanzi pubbliċi u fl-2001 id-defiċit ġenerali tal-gvern qabeż l-4% tal-PGD. Fil-5 ta’ Novembru 2002, il-Kunsill iddeċieda li kien jeżisti defiċit eċċessiv[1] u skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat, għamlet rakkomandazzjoni lill-Portugall bl-għan li jtemm dik il-qagħda qabel l-2003[2]. Fis-sena ta’ wara, kien hemm iktar issikkar fil-politika fiskali u d-defiċit ġenerali tal-gvern tnaqqas għal ftit anqas minn 3% tal-PGD, għalkemm dan sar permezz ta’ operazzjonijiet kbar ta’ darba. F’Mejju ta’ l-2004, il-Kunsill qies li l-Portugall kien mexa mar-rakkomandazzjoni tiegħu u ddeċieda li jħassar d-deċiżjoni tiegħu ta’ Novembru 2002, b’mod li jtemm il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv[3].. Meta ddeċieda li jħassar id-deċiżjoni ta’ l-2002, il-Kunsill ikkunsidra l-impenn ta' l-awtoritajiet Portugiżi sabiex idaħħlu fis-seħħ dawk il-miżuri meħtieġa sabiex iżommu d-defiċit taħt il-valur ta’ riferenza fl-2004 u iktar ’il quddiem.

Minkejja dawn l-isforzi ta’ tisħiħ, il-finanzi pubbliċi baqgħu dgħajfa ħafna u pjanijiet sabiex id-defiċit jinżamm taħt il-valur ta' riferenza ta' 3% tal-PGD baqgħu jiddependu fuq miżuri kbar ta’ darba.

F’Ġunju ta’ l-2005 – wara l-elezzjonijiet ġenerali tar-rebbiegħa ta’ l-2005 u l-bidla fil-gvern li kien hemm – il-Portugall bagħat aġġornament tal-programm tiegħu ta’ stabbiltà, li kien iħabbar bidla fl-istrateġija fiskali u stqarr x'kienu l-pjanijiet sabiex id-defiċit ġenerali tal-gvern jitnaqqas għal inqas minn 3% tal-PGD fl-2008. Id-defiċit kellu jibqa’ ta’ iktar minn 3% tal-PGD għas-snin bejn l-2005 u l-2007, l-iktar minħabba li tnaqqis ma kienx se jibqa' jiddependi fuq miżuri ta’ darba u l-valutazzjoni mill-ġdid tat-tkabbir fin-nefqa tal-gvern. Matul dan il-perjodu, id-dejn tal-gvern kien meqjus li jaqbeż is-60% tal-PGD u li jibqa’ jiżdied sa l-2007. Il-Kunsill, skond ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni f’dan is-sens, iddikjara li l-Portugall jinsab f’qagħda ta’ defiċit eċċessiv fl-20 ta’ Settembru 2005[4] u, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat, għamel rakkomandazzjoni lill-Portugall bl-għan li jnaqqas id-defiċit għal taħt it-3% tal-PGD b’mod li jitwemmen u sostenibbli sa qabel l-2008, billi jieħu azzjoni f'qafas ta' perjodu medju[5].

Il-Kunsill stabbilixxa bħala skadenza d-data tad-19 ta’ Marzu 2006 għall-Portugall sabiex jieħu azzjoni effettiva sabiex inaqqas id-defiċit ġenerali tal-gvern. B’mod speċifiku, il-Kunsill talab lill-Portugall sabiex: “ irażżan id-deterjorament tal-qagħda fiskali fl-2005, billi jiżgura d-dħul fis-seħħ serju tal-miżuri korrettivi mħabbra ”; sabiex “ idaħħal fis-seħħ b’mod sħiħ il-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li jkun hemm korrezzjoni fit-tul u li tħalli effett tad-defiċit aġġustat b’mod ċikliku, li jeskludi miżuri ta’ darba jew temporanji, billi jagħmel il-pass importanti ħafna li jnaqqas il-PGD b' 1.5% fl-2006 mill-2005, li mbagħad ikun segwit bi tnaqqis ieħor importanti ta', mill-anqas, ¾% tal-PGD f’kull waħda mis-sentejn ta’ wara " u li “ jdaħħal malajr fis-seħħ riformi għat-trażżin u t-tnaqqis tan-nefqa fis-snin li ġejjin; jaħtaf kull opportunità li jħaffef it-tnaqqis tad-defiċit tal-baġit, u li jkun lest li jadotta miżuri oħra li jistgħu ikunu meħtieġa sabiex tintlaħaq il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sa l-2008 ". Fl-istess waqt, il-Portugall kien mistieden “ jikkunsidra miżuri korrettivi iktar ambizjużi, jekk ikunu meħtieġa sabiex jiżguraw it-twettiq tal-miri stabbiliti għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv ". Minbarra dan, l-awtoritajiet Portugiżi ntalbu “ jiżguraw li l-proporzjon ta’ dejn gross tal-gvern jibda’ jitnaqqas sabiex jitqarreb malajr lejn il-valur ta’ riferenza billi jiġi żgurat li l-iżviluppi tad-dejn jirriflettu l-progress fit-tnaqqis tad-defiċit, billi jiġu evitati tranżazzjonijiet finanzjarji li jżidu d-dejn, u billi jiġi kkunsidrat bil-qies l-impatt li proġetti kbar ta' investiment pubbliku, inkluż dawk bi sħubija mas-settur privat, jistgħu iħallu fuq id-dejn . Il-Kunsill stieden ukoll lill-awtoritajiet Portugiżi sabiex “ ikomplu jtejbu l-ġbir u l-ipproċessar tad- data tal-gvern ġenerali ”. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Portugiżi kienu mħeġġa " jiżguraw it-tisħiħ tal-baġit sabiex f’perjodu medju l-qagħda tal-finanzi tal-gvern tkun qrib il-bilanċ jew iż-żejjed jinżamm permezz ta’ tnaqqis fid-defiċit aġġustat b’mod ċikliku, mingħajr miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra, permezz ta’ mill-anqas 0.5% tal-PGD kull sena wara li d-defiċit eċċessiv ikun ġie kkoreġut. ”

Skond l-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kunsill 1467/97, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill 1056/2005 [6], li jiddikjara li, wara li jiskadi ż-żmien li fih Stat Membru għandu jieħu miżuri wara li tkun saret rakkomandazzjoni ta’ 104(7), "... il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Kunsill jekk tikkunsidrax li l-miżuri meħuda jidhru biżżejjed sabiex sabiex jiżguraw li jkun hemm progress xieraq lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fit-terminu stabbilit mill-Kunsill, sakemm jidħlu fis-seħħ b’mod sħiħ u l-iżviluppi ekonomiċi jikkorrispondu mal-previżjonijiet ”, din il-komunikazzjoni tistħarreġ l-azzjoni meħuda mill-Portugall b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

2. Azzjoni meħuda mill-Portugall b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill

2.1 Bilanċ tal-baġit tal-gvern u riforma fin-nefqa

Bilanċ tal-baġit fl-2005

Il-liġi tal-baġit ta’ l-2005 adottata f’Diċembru ta’ l-2004 bl-għan li jintlaħaq defiċit tal-gvern ġenerali ta’ 2.8% tal-PGD, ibbażat fuq tkabbir tal-PGD reali meħud bħala 2.4%. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, Il-baġit ta’ l-2005 ħaseb, fost l-oħrajn, għad-dħul fis-seħħ ta’ miżuri ta’ darba li jissarfu f’1.4% tal-PGD. Wara l-elezzjonijiet ġenerali tar-rebbiegħa ta' l-2005 u l-bidla fil-gvern li rriżultat, dan l-għan ġie rivedut għal 6.2% tal-PGD, kif intwera fl-aġġornament ta’ Ġunju 2005 tal-programm Portugiż ta’ stabbiltà u kkonfermat f’baġit supplimentari adottat mill-parlament f’Lulju 2005. Id-daqs ta’ din ir-reviżjoni kien minħabba l-valutazzjoni mill-ġdid tat-tkabbir ta’ nefqa tal-gvern u l-adozzjoni ta’ strateġija fiskali ġdida, li element importanti tagħha kien li ma jistgħux jittieħdu miżuri kbar ta' darba. L-għan tad-defiċit rivedut kien diġà jirrifletti pakkett korrettiv li jsarraf xi 0.6% tal-PGD adottat f'nofs is-sena 2005, li l-ikbar miżuri tiegħu kienu żieda fir-rata standard tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) minn 19 għal 21% u l-fatt li ġew iffriżati l-promozzjonijiet awtomatiċi għall-ħaddiema tal-gvern. L-aġġornament tal-programm ta’ stabbiltà ta’ Diċembru 2005 mmira biex jilħaq defiċit tal-gvern ta’ 6.0% tal-PGD[7].

Bilanċ tal-baġit fl-2006

Il-liġi tal-baġit ta’ l-2006 ġiet approvata mill-parlament Portugiż fit-30 ta’ Novembru 2005 bl-għan li jintlaħaq defiċit tal-gvern ġenerali ta’ 4.6% tal-PGD. Il-baġit jibni fuq l-istrateġija fiskali mfissra fl-aġġornament ta’ Ġunju 2005 tal-programm ta’ stabbiltà u t-twettiq ta’ l-għan tad-defiċit jiddependi fuq numru kbir ta’ miżuri korrettivi kemm relatati man-nefqa u kemm mad-dħul. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ sforz fiskali, il-baġit ta’ l-2006 jipprevedi tnaqqis fil-bilanċ strutturali tal-gvern (li hu, il-bilanċ aġġustat b’mod ċikliku, mingħajr miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji) b’1.6% tal-PGD.

Fl-2006, parti kbira mit-tisħiħ fiskali maħsub ġej minn ġbir ta’ taxxi addizzjonali. Il-proporzjon ta’ taxxa mqabbel mal-PGD huwa maħsub li se jiżdied b’madwar punt perċentwali meta mqabbel mar-riżultat ta' l-2005. Dan id-dħul addizzjonali jiġi minn żieda fil-VAT li daħlet fis-seħħ f’Lulju 2005 u f’żieda fit-taxxi fuq prodotti taż-żejt u t-tabakk. Il-liġi tal-baġit ta’ l-2006 ħolqot ukoll kategorija ta’ taxxa ta’ dħul personali addizzjonali b’rata ta’ taxxa marġinali ogħla għal salarji annwali ta’ iktar minn €60 000, waqt li tbaxxa t-tnaqqis minħabba t-taxxa għall-pensjonanti. Tnaqqis ta’ benefiċċji relatati mat-taxxa – li xi wħud minnhom daħlu fis-seħħ permezz tal-baġit ta’ l-2005 – u ġbir imtejjeb tad-dħul huma wkoll mistennija jtejbu d-dħul. Il-bażi minima ta' taxxa għall-kontribuzzjonijiet soċjali minn ħaddiema għal rashom żdiedet fl-2005 minn waħda ekwivalenti għall-paga minima għal waħda ekwivalenti għal darba u nofs il-paga minima.

F’dak li għandu x’jaqsam man-nefqa, il-liġi tal-baġit timmira li tistabbilizza n-nefqa attwali f’termini reali bit-trażżin mifrux fuq is-setturi u s-subsetturi differenti ġenerali tal-gvern. Eżempji tal-miżuri importanti li daħlu fis-seħħ permezz tal-liġi tal-baġit huma l-fatt li ġew iffriżati t-trasferimenti nominali minn gvernijiet ċentrali lill-gvernijiet reġjonali u lokali, li ma jistgħux iżidu d-djun tagħhom mil-livelli ta’ tmiem l-2005, u l-obbligu li l-gvernijiet lokali jżommu n-nefqa fuq il-ħaddiema fil-livell ta’ l-2005. Fl-istess waqt, idaħħlu fis-seħħ regoli iktar iebsin dwar l-impjieg , li fil-fatt jikkonsistu f’bidla parzjali biss (b'medja ta' 50% biss) tal-ħaddiema li jitilqu mis-settur pubbliku fil-gvern ċentrali[8], u l-obbligu li jinġieb il-kunsens tal-Ministru tal-Finanzi sabiex ikunu jistgħu jidħlu impjegati ġodda mal-gvern. Fl-istess waqt, ġiet estiża l-miżura temporanja, li daħlet fis-seħħ f’nofs l-2005, li biha ġew iffriżati l-promozzjonijiet awtomatiċi. B’mod ġenerali, skond il-baġit, il-proporzjoni ta’ nefqa primarja meta mqabbla mal-PGD tnaqqset b' 0.5 punt perċentwali f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat ta’ l-2005. Sabiex jiġi żgurat illi t-twettiq tal-baġit isir b’mod li jipprevjeni varjazzjonijiet mill-għanijiet previsti, ġew impjegati kontrolluri finanzjarji f'kull Ministeru minn Frar li għadda u l-baġit ta' l-2006 jinkludi mekkaniżmi ta' rappurtar ta' nefqa għas-subsetturi tal-gvern ġenerali, u jista’ jkun hemm pieni jekk dan ma jseħħx.

Minbarra l-miżuri korrettivi li daħlu fis-seħħ permezz tal-liġi tal-baġit ta’ l-2006 nnifisha, tniedu miżuri strutturali sa minn nofs l-2005 (ara t-Tabella 1) bl-għan li jrażżnu u jnaqqsu n-nefqa b’mod iktar permanenti, u b’hekk għandhom impatt ta’ tnaqqis tad-defiċit fis-snin ta’ wara u jappoġġjaw tisħiħ fiskali fil-perjodu medju. Xi wħud minn dawn il-miżuri ddaħħlu qabel ma saret ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Settembru 2005 skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat. Jista' jiġi nnutat li ddaħħlu bidliet fl-iskemi ta' pensjonijiet tax-xjuħija: it-tneħħija gradwali ta’ l-iskema tal-pensjoni tax-xjuħija tal-ħaddiema tal-gvern u l-inklużjoni tagħha fl-iskema (inqas ġeneruża) ta’ pensjoni ġenerali ġie mgħaġġel b’żidiet gradwali, mill-2006 sa l-2015, fl-età legali tal-pensjoni u fil-perjodi ta' eliġibilità, kif ukoll bidla fil-formula ta' benefiċċji; minbarra dan, ir-regoli ta' rtirar mix-xogħol għal xi kategoriji ta' impjegati tal-gvern saru iktar iebsa, b'mod partikolari billi saret iktar diffiċli li wieħed li jkun ħadem ftit ikun eleġibbli għall-pensjoni; u fl-aħħar, fl-iskema ta’ pensjoni ġenerali, il-kundizzjonijiet għal iritar kmieni saru inqas tajbin. Iddaħħlu wkoll miżuri għal tnaqqis fin-nefqa fis-settur tal-kura tas-saħħa. B’mod partikolari, f’Awwissu 2005 tnaqqsu r-rati ta’ ħlas lura għal mediċini; saru iktar iebsin ir-regoli għal skemi ta’ għajnuna tas-saħħa speċifiċi għal xi gruppi ta’ impjegati tal-gvern; inbdiet reviżjoni tal-ftehim għal xiri ta’ servizzi mis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa minn fornituri privati; u lejn it-tmien ta’ l-2005, iktar sptarijiet tal-gvern inbidlu f’korporazzjonijiet tal-gvern, b’grad ogħla ta’ awtomija imprenditorjali. Bħalissa għaddejja wkoll organizzazzjoni mill-ġdid tas-servizzi tas-saħħa, waqt li numru ta’ servizzi qegħdin jispiċċaw.

Bl-għan li tiġi mistħarrġa l-kumpatibilità ta’ proġetti kbar b’investiment pubbliku b’għanijiet ta’ tisħiħ fiskali, ġie adottat qafas ta’ monitoraġġ interministerjali tar-riżultati finanzjarji ta' proġetti ta' investiment li jaqbżu l-limitu ta' € 250 miljun (madwar 0.2% tal-PGD).

Tabella 1: Impatt tal-baġit tal-bidliet prinċipali tal-politika

skond il-programm ta’ stabbiltà ta’ Diċembru 2005

Valuri kumulattivi % tal-PGD, prezzijiet ta’ l-2005 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |

Miżuri biex jiżdied id-dħul |

Taxxa fuq id-dħul u l-ġid | 0.1 | 0.4 | 0.5 | 0.6 | 0.6 |

VAT | 0.4 | 0.8 | 0.8 | 0.8 | 0.8 |

Taxxa fuq prodotti taż-żejt | - | 0.1 | 0.3 | 0.4 | 0.4 |

Sisa fuq it-tabakk | - | 0.1 | 0.2 | 0.3 | 0.4 |

Kontribuzzjonijiet soċjali | 0.1 | 0.2 | 0.3 | 0.3 | 0.3 |

Dħul totali | 0.6 | 1.6 | 2.1 | 2.3 | 2.4 |

Miżuri biex inaqqsu n-nefqa |

Riforma fl-amministrazzjoni pubblika (tinkludi l-impjegati) | 0.1 | 0.3 | 0.7 | 1.1 | 1.4 |

Sigurtà soċjali u saħħa |

Ħaddiema fis-settur privat | - | 0.1 | 0.2 | 0.2 | 0.2 |

Impjegati tal-gvern | - | 0.2 | 0.3 | 0.5 | 0.6 |

Ħlas ta’ mediċini | - | 0.1 | 0.1 | 0.1 | 0.1 |

Nefqa totali | 0.1 | 0.6 | 1.3 | 1.8 | 2.3 |

Impatt totali fuq il-bilanċ ġenerali tal-gvern | 0.6 | 2.3 | 3.3 | 4.1 | 4.7 |

Nota: jekk tgħodd iċ-ċifri jistgħu jagħtu riżultat li jvarja minħabba li huma mnizzla bħala l-eqreb ċifra. Sors: Programm ta’ stabbiltà (SP) ta' Diċembru 2005; Kalkoli ta' servizzi tal-Kummissjoni. |

Bilanċ tal-baġit fl-2007 u wara

Skond l-aġġornament ta’ Diċembru 2005 tal-programm ta’ stabbiltà, il-Portugall jimmira għal defiċit ġenerali tal-gvern ta’ 3.7% tal-PGD għall-2007 u li jnaqqas id-defiċit taħt 3% tal-PGD sa l-2008. Il-Portugall jikkunsidra li jissokta fit-tisħiħ fiskali fis-snin ta' wara sabiex jintlaħaq l-għan ta' perjodu medju (MTO) għall-qagħda tal-baġit ta' wieħed bilanċjat f'termini strutturali, kif speċifikat fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

Għas-snin 2007-2009, it-tisħih fiskali jiddependi iktar u iktar fuq it-trażżin tan-nefqa primarja, kif ukoll fuq tnaqqis bil-mod, iżda xorta pożittiv, fi dħul minn taxxi (ara t-Tabella 1). Dan ta’ l-aħħar jintlaħaq permezz ta’ iktar żidiet fis-sena f'taxxi fuq prodotti taż-żejt u tabakk. It-trażżin tan-nefqa f'dawn is-snin jiġi permezz tal-miżuri korrettivi fl-iskemi tas-saħħa u tal-pensjonijiet spjegati hawn fuq. Minbarra dan, se jkun hemm inqas ħela fis-settur ta’ l-amministrazzjoni pubblika, minħabba r-riforma fl-amministrazzjoni ċentrali, id-dħul ta’ skali ġodda tal-karriera u tal-pagi minn Jannar 2007, u żieda fir-ri-organizzazzjoni interna ta' l-impjegati tal-gvern skond il-ħtieġa bl-għan li tittejjeb l-amministrazjoni tar-riżorsi umani. Skond id-dikjarazzjoni ta’ l-awtoritajiet Portugiżi, dawn il-miżuri ser jiġu addottati matul l-2006 u jidħlu fis-seħħ ftit wara.[9]

2.2 Dejn tal-gvern

Id-dejn tal-gvern kien jammonta għal 63.9% tal-PGD fl-aħħar ta’ l-2005, u fl-aġġornament tal-programm ta’ Diċembru 2005 ta’ stabbiltà Portuġiż jipprevedi li l-proporzjon ta’ dejn meta mqabbel mal-PGD se jkompli jiżdied fl-2006 u l-2007. B'mod globali, dan juri tkomplija tad-tendenza ta' żieda li ġiet innutata mill-2001 ’l hawn u kienet ibbażata fuq djun primarji għolja, tkabbir nominali fil-PGD baxx u aġġustamenti mdaqqsa fil-fluss ta’ riżervi li jżidu d-dejn. Il-proporzjon ta’ dejn huwa maħsub li jilħaq l-iktar punt għoli tiegħu meta jkun 69% tal-PGD fl-2007 u mbagħad jonqos, minħabba ritorn għal żidiet tal-baġit primarji, u għaġġla fit-tkabbir tal-PGD u tmiem fl-aġġustamenti mdaqqsa fil-fluss ta’ riżervi li jżidu d-dejn. Dan ta’ l-aħħar ikun mgħejjun ħafna minn dħul mill-privatizzazzjoni li jammonta għal 1.1% tal-PGD fl-2006 u xi ½% tal-PGD kemm fl-2007 kif ukoll fl-2008. L-impatt tat-tranżazzjonijiet finanzjarji li jżidu d-dejn (minbarra dħul minn privatizzazzjoni) kien 1.2% tal-PGD u, skond l-aġġornament ta’ Diċembru 2005 tal-programm ta’ stabbiltà, fl-2006 huwa maħsub li jkun madwar ½% tal-PGD u li jkompli jonqos b'xi ¼% tal-PGD fl-2007-2008, u dan x’aktarx minħabba t-tnaqqis fl-għoti ta’ kapital lill-kumpaniji tal-gvern. Minbarra dan, l-impatt fuq id-dejn tad-differenza bejn id-djun ibbażat fuq il-kontanti u dak ibbażat fuq il-maturazzjoni huwa mistenni li jonqos minn madwar 1% tal-PGD fl-2006 (wara 0.7% tal-PGD fl-2005) għal inqas minn ¼% tal-PGD fl-2007-2009.

2.3 Ġbir u pproċessar tad- data tal-gvern

Dan l-aħħar il-Portugall ħa passi dwar il-ġbir u pproċessar ta’ data ġenerali tal-gvern. F’Jannar 2006 ġie ffirmat protokoll bejn l-istitut nazzjonali ta’ l-istatistika (INE), il-Ministeru tal-Finanzi u l-Banco de Portugal bi ħsieb li jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet ta’ istituzzjonijiet differenti fi ġbir ta’ statistiċi dwar finanzi pubbliċi u t-twaqqif ta’ kooperazzjoni bejniethom. Bħala mezz ta’ appoġġ għal ġbir ta’ data tal-gvern, il-baġit ta’ l-2006 jipprovdi għal penali f’każ ta’ dewmien f’rappurtar tad- data fuq infiq għal subsetturi ġenerali tal-gvern u d- database ta’ riżorsi umani ta’ l-amministrazzjoni pubblika. Fl-istess ħin, il-kontrolluri finanzjarji li qegħdin jiġu mpjegati f’kull ministeru huma responsabbli għall-ikkonsolidar ta’ informazzjoni u sabiex itejbu l-kwalità ta’ informazzjoni finanzjarja u t-trasparenza fil-kontijiet.

3. VALUTAZZJONI TA’ L-AZZJONI MEħUDA MILL-PORTUGALL B’RISPOSTA GħAR-RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

Il-valutazzjoni ta’ konformità tal-miżuri msemmija hawn fuq mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt Artikolu 104(7) titqies fuq il-bażi tat-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2006 dwar servizzi tal-Kummissjoni, il-liġi tal-baġit ta’ l-2006 u l-aġġornament ta’ Diċembru 2005 tal-programm ta’ stabbiltà tal-Portugall.

Wara tkabbir fil-PGD ta’ 0.3 % fl-2005, ix-xenarju makroekonomiku wara l-aġġornament tal-programm ta’ stabbiltà jbassar illi l-PGD jikber għal 1.1% fl-2006, 1.8% fl-2007, 2.4% fl-2008 u eventwalment 3% fl-2009. Dan ix-xenarju huwa wieħed li juri aktar għaqal minn dak ta’ wara r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Settembru 2005 skond Artikolu 104(7). Fid-dawl ta’ aktar dgħjufija fil-prospetti ekonomiċi, it-tbassir tar-rebbiegħa 2006 dwar servizzi tal-Kummissjoni jbassar rati ta’ tkabbir ta’ PGD ta’ 0.9% fl-2006 u 1.1% fl-2007.

3.1 Bilanċ tal-baġit tal-gvern u riforma fl-infiq

Bilanċ tal-baġit fl-2005

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt Artikolu 104(7) kienet teħtieġ limitazzjoni tad-deterjorament tal-qagħda fiskali fl-2005 billi tiżgura implimentazzjoni ħarxa tal-miżuri korrettivi mħabbra. U fil-fatt fl-1 ta’ April, l-awtoritajiet Portugiżi rrapurtaw defiċit ġenerali tal-gvern ta’ 6.0% tal-PGD għall-2005 – anqas mid-defiċit li kien fil-mira ta’ 6.2% tal-PGD ddikjarat fl-aġġornament ta’ Ġunju 2005 tal-programm ta’ stabbilità tal-Portugall, li kien impliċitament miżmum għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt Artikolu 104(7), u bi qbil mal-mira ta’ 6.0% tal-PGD ppreżentat fl-aġġornament ta’ Diċembru 2005 tal-programm ta’ stabbiltà.[10] Minkejja l-livell ta’ nfiq li kien ogħla minn dak imbassar, intlaħaq l-għan tad-defiċit, peress illi n-nefqa kienet ikkumpensata bi dħul ogħla.[11]

Bilanċ tal-baġit fl-2006

Implimentazzjoni sħiħa tal-baġit ta’ l-2006 tkun konsistenti mat-titjib ta’ 1.5% tal-PGD fil-bilanċ strutturali tal-gvern (i.e., il-bidla fil-bilanċ aġġustat b’mod ċikliku, b’esklużjoni ta’ miżuri ta’ darba u miżuri temporanji) meħtieġa mill-Kunsill fl-2006, meta tassumi li t-tkabbir reali fil-PGD jkun, b'mod wiesa’, jaqbel mal-pjanijiet.

It-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2006 dwar servizzi tal-Kummissjoni bassar defiċit ta’ 5% fil-PGD għall-2006, ogħla mill-mira uffiċjali ta’ 4.6% tal-PGD fuq bażi ta’ valutazzjoni b’attenzjoni ta’ dawk il-miżuri li kienu mħabbra fil-baġit ta’ l-2006 u fl-aġġornament tal-programm ta’ stabbiltà f’Diċembru ta’ l-2005 bi grad suffiċjenti ta’ dettall sabiex jiġu valutati kif suppost. Skond il-kalkoli tal-Kummissjoni, il-korrezzjoni ta’ defiċit strutturali bejn l-2005 u 2006 li toħroġ mit-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2006 dwar servizzi tal-Kummissjoni, ta’ ftit anqas minn 1% ta’ PGD, xorta ma tlaħħaqx mal-minimu rrikkmandat mill-Kummissjoni.

Id-differenza bejn it-tbassir tal-Kummissjoni u l-mira uffiċjali tirrifletti numru ta’ inċertezzi dwar ir-riżultat tal-baġit ta’ l-2006 f’relazzjoni kemm mal-miżuri varji mmirati biex irażżnu n-nefqa kif ukoll l-effettività ta’ mekkaniżmi sabiex jinfurzaw kontroll tan-nefqa li għadhom ma ġewx ittestjatati.[12] Huwa minnu illi data preliminari fuq eżekuzzjoni tal-baġit fuq bażi ta’ flus kontanti għall-parti tal-bidu ta’ l-2006 tissuġġerixxi li, fuq kollox, il-pjanijiet tal-baġit ġew ġeneralment osservati matul l-ewwel ftit xhur ta’ l-2006, b’mod partikolari fis-sub-settur ta’ l-Istat. Madankollu, jibqgħu inċertezzi, b’mod partikolari dwar jekk hux possibbli li jinkiseb it-trażżin kollu ppjanat tan-nefqa, b’mod notevoli fir-rigward tan-nefqa fuq trasferimenti soċjali li tħallsu mhux permezz ta’ flus, li r-riżultat ta’ l-2005 kien ’l fuq mit-tbassir taħt il-pjanijiet tal-baġit ta’ l-2006[13], kif ukoll saħħa u nefqa tal-gvern reġjonali u lokali. Barra minn hekk, miżuri oħra mmirati lejn iż-żamma ta’ l-infiq jistgħu jieħdu aktar milli mistenni sabiex isiru effettivi. Id-differenza bejn l-ispejjeż stmati u l-ammont effettivament imħallas fl-oqsma msemmija hawn fuq, possibilment flimkien ma’ differenza bejn l-ispejjeż stmati u l-ammont effettivament imħallas minuri oħra, jistgħu jwasslu għal defiċit qrib aktar ta' 5% ta' PGD mill-mira uffiċjali ta’ 4.6% tal-PGD. Fl-istess ħin, fuq in-naħa tad-dħul, filwaqt illi xi riskji negattivi għall-attività ekonomika jistgħu jseħħu, huwa possibbli li t-titjib fil-ġbir tat-taxxa osservat fl-2004 u 2005 jista’ jibqa’ jseħħ matul din is-sena. Data preliminari tissuġġerixxi illi dan jista’ jkun veru l-każ, pereżempju, għal kontribuzzjonijiet soċjali.

Tabella 2: Bilanċi tal-baġit u dejn

F’% tal-PGD | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |

Bilanċ tal-baġit fl-2007 u wara

Jekk jitqies bħala fatt illi jseħħu l-pjanijiet kollha msemmija fl-aġġornament ta’ Diċembru 2005 tal-programm ta’ stabbiltà Portugiż, il-kisba tal-mira tad-defiċit ta’ l-2007 ta’ 3.7% tal-PGD twassal għal tnaqqis tad-defiċit b’aġġustament b’mod ċikliku, mingħajr miżuri ta' darba jew miżuri oħra temporanji, b'xi ¾% tal-PGD (ara Tabella 2). Bi sforzi oħra fiskali ta’ xi ¾% tal-PGD ¾% tal-PGD, jinkiseb defiċit taħt 3% tal-PGD fl-2008, li jkun bi qbil mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Wara l-2008, ir-rata ta’ aġġustament lejn l-MTO li toħroġ mill-programm hija bi qbil mat-titjib minimu annwali fil-bilanċ strutturali ta’ 0.5% tal-PGD meħtieġ mill-Kunsill, għalkemm l-MTO mhux ser jinkiseb sa l-2009.

Jekk jitqies bħas-soltu li ma hemm l-ebda bidla fil-politika, it-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2006 dwar servizzi tal-Kummissjoni jbassar id-defiċit ġenerali tal-gvern ta’ 4.9% fil-PGD fl-2007, ibbażat fuq rata ta’ tkabbir għal PGD ta’ 1.1%. Dan jissuġġerixxi li t-tisħiħ fiskali jieqaf ħesrem minħabba pressjoni kontinwa 'l fuq fuq in-nefqa. Iżda, din il-qagħda ssarraf fil-possibiltà li (i) il-kobor ekonomiku jkun aktar dgħajjef milli mistenni, u, (ii) il-fatt li għalkemm tħabbru numru ta’ miżuri addizzjonali sabiex tiġi kontrollata n-nefqa, dawn xorta għadhom jistennew leġiżlazzjoni fil-kors ta’ din is-sena[14]. Per eżempju, skond l-aġġornament tal-programm ta’ stabbiltà ta’ Diċembru, 2005, bidliet f’organizzazzjonijiet tal-gvern għandhom iħallu tfaddil ta’ xi ½% tal-PGD fl-2007 meta mqabbla ma’ l-2006[15]. B’kollox, il-kisba tal-għanijiet tad-defiċit jiddependu fuq implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri msemmija fil-programm ta’ stabbiltà, li għandu jkun imsaħħaħ mill-ġdid kif suppost jew jitkompla b’miżuri addizzjonali jekk iseħħ xi nuqqas.

3.2 Dejn tal-gvern

It-tnaqqis ippjanat fil-proporzjon ta’ dejn mal-PGD wara l-2007, jekk tinkiseb, tkun ukoll konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fis-sens illi l-iżviluppi tad-dejn huma mistennija li jirriflettu progress fit-tnaqqis tad-defiċit u tnaqqis f’operazzjonijiet finanzjarji li jżidu d-dejn. Skond it-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2006 dwar servizzi tal-Kummissjoni, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern huwa mbassar għal 68.4% tal-PGD fl-2006 u 70.6% tal-PGD fl-2007. Hemm inċertezzi kbar dwar il-mod tat-tnaqqis tad-dejn peress illi jiddependi fuq il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ tnaqqis tad-defiċit li huma ambizzjużi, id-dħul minn pjanijiet kbar ta’ privatizzazzjoni u t-tnaqqis effettiv ta’ operazzjonijiet finanzjarji li jżidu d-dejn - b’mod partikolari għotjiet lill-korporazzjonijiet tal-gvern li mhumiex finanzjarji - li jkunu jirrappreżentaw differenza mill-passat riċenti. Riskji negattivi fil-profil tal-kobor tal-PGD iżidu l-inċertezza.

3.3 Ġbir u pproċessar tad-data tal-gvern

Il-kwalità ta’ data ġenerali tal-gvern tjiebet. B’mod partikolari, id-disponibilità ta’ kontijiet ta’ matul is-sena, fuq bażi ta’ kontanti, għas-sub-setturi differenti tal-gvern ġenerali żdiedet fl-ambitu. Nhar l-24 ta’ April, 2006, wara r-rapurtaġġ tad-defiċit tal-gvern u l-livelli tad-dejn ta' l-1 ta' April, Eurostat neħħa r-riservi tiegħu fir-rigward tad- data tal-Portugall[16]. Iżda, ir-reviżjonijiet tal-figuri tad-defiċit tal-gvern min-nofs l-2005- parzjalment relatati ma’ l-isforzi biex tittejjeb il-kwalità ta’ l-istatistika- kienu relattivament kbar[17];barra minn hekk, in-natura ta’ dawk ir-reviżjonijiet, għadhom jindikaw nuqqasijiet fil-ġbir tad- data fir-rigward ta’ nefqa matul il-ħlas.

4. Konklużjonijiet

Fuq informazzjoni attwali, jidher li l-Portugall ħa azzjoni li tirrappreżenta progress xieraq lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fit-terminu stabbiliti mill-Kunsill. B’mod partikolari, l-Portugall:

- kiseb riżultat mid-defiċit ġenerali tal-gvern fl-2005 skond il-pjanijiet;

- adotta pakkett sħiħ ta’ miżuri korrettivi min-nofs l-2005, li jinkludi fil-liġi tal-baġit ta’ l-2006, li, jekk tiġi implimentata u effettiva bis-sħiħ, tikseb tnaqqis fl-2006 tad-defiċit b’aġġustament b’mod ċikliku, li teskludi miżuri ta’ darba u miżuri temporanji, li hija skond ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill;

- stabilixxa mira ta’ defiċit tal-gvern ta’ taħt 3% għal 2008 u pjanijiet sabiex gradwalment jitnaqqas id-defiċit b’aġġustament b’mod ċikliku għas-snin 2007-2008, b’esklużjoni ta’ miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra, skond ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill;

- implimenta jew beda numru ta’ miżuri ta’ natura permanenti li jimmiraw sabiex iżommu u jnaqqsu n-nefqa, u żamm il-mira fiskali mħabbra minkejja valutazzjoni mill-ġdid b’aktar attenzjoni tal-prospetti tal-kobor tal-PGD;

- jippjana li jnaqqas il-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern mill-2008 permezz ta’ l-użu maħsub ta’ żieda primarja, id-dħul kbir mill-privatizzazzjoni u t-tnaqqis ta’ operazzjonijiet finanzjarji li jżidu d-dejn;

- tejjeb il-kwalità ta’ data ġenerali tal-gvern.

Iżda, il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sat-terminu ta’ l-2008 u t-tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn huma suġġetti għal riskji u inċertezzi kbar. B’mod partikolari, kif jidher mit-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2006 dwar servizzi tal-Kummissjoni, it-trażżin tan-nefqa fl-2006 u l-kisba ta’ l-għanijiet tad-defiċit ta’ l-2007 u wara tiddependi ħafna fuq implimentazzjoni mgħaġġla f’leġiżlazzjoni u implimentazzjoni effettiva tal-miżuri korrettivi kollha mħabbra. Jekk il-miżuri ma jiġux implimentati b’mod sħiħ jew ikunu ineffettivi, jew ir-riskji negattivi mbassra għax-xenarju ekonomiku jseħħu, aktar sforzi ta’ korrezzjoni jkunu meħtieġa sabiex jinkisbu l-għanijiet fiskali, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

Implimentazzjoni riġida tal-baġit ta’ l-2006 u baġit aħrax ta’ l-2007 skond ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ikunu importanti ħafna sabiex il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tinżamm fit-triq it-tajba.

Fid-dawl tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma hemmx bżonn aktar passi fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv tal-Portugall. Il-Kummissjoni ser tkompli tħares mill-qrib lejn żviluppi tal-baġit fil-Portugall skond it-Trattat u l-SGP, b’mod partikolari fid-dawl tal-qagħda fraġli tal-finanzi pubbliċi.

[1] ĠU L 322, 27.11.2002, p. 30.

[2] http://register.consilium.eu.int/pdf/en/02/st13/13531-r2en2.pdf#page=2

[3] ĠU L 47, 18.2.2005, p. 24.

[4] ĠU L 274, 20.10.2005, p. 91.

[5] http://register.consilium.eu.int/pdf/en/05/st12/st12401.en05.pdf#page=2

[6] ĠU L 209 tat-2.8.1997 u ĠU L 174 tas-7.7.2005.

[7] Meta mqabblin mal-programm ta’ stabbiltà ta’ Ġunju 2005, il-bilanċi ġenerali nominali tal-gvern kienu riveduti ’l isfel "mekkanikament” b’xi ¼ ta’ punt perċentwali tal-PGD totalment minħabba reviżjoni sinifikanti ’l fuq fis-serje tal-PGD, fil-kuntest ta’ reviżjoni ta’ riferiment tal-kontijiet nazzjonali li saret f’ħafna Stati Membri ta’ l-UE, ta’ madwar 4½% li daħlet fis-seħħ f’Awwissu 2005. L-għanijiet ta’ Diċembru 2005 ġew riveduti skond il-każ. Reviżjoni ulterjuri fis-serje tal-PGD f'Marzu ta' l-2006 irriżultat f’korrezzjoni ‘l fuq tal-livell tag]ha b’madwar 1 ½%. Ir-reviżjoni ta’ l-a]]ar [rat min]abba bidla fit-trattament kontabbli tal-FISIM.

[8] Sat-3 ta’ Mejju 2006, l-impjiegi ġodda fil-livell tal-gvern ċentrali għal-bqija tas-sena reġa' tnaqqas bin-nofs.

[9] Minbarra dan, f’April li għadda, l-awtoritajiet Portugiżi bagħtu lill-parlament il-prinċipji għal riforma fl-iskema tal-pensjoni ġenerali. Proposta dettaljata leġiżlattiva li turi kif il-bidliet maħsuba se jidaħħlu għadha pendenti.

[10] Ara nota 7.

[11] Iċ-ċifra għan-nefqa totali ppreżentata fil-kontijiet nazzjonali preliminari fl-2005 tindika li hija qabżet il-livell tagħha b’xi 2%, li wasslet għal proporzjon tan-nefqa totali mal-PGD ta’ madwar ½ punt perċentwali ogħla mit-tbassir ta’ l-aġġornament ta’ Diċembru 2005 tal-programm ta’ stabbilità. Però, parti minn dik iż-żieda kienet minħabba kontribuzzjoni ta’ darba lill-UE b’xi 0.15% tal-PGD wara r-reviżjoni ’l fuq tas-serje tad-DGN(Dħul Gross Nazzjonali) tal-Portugall f’Awissu 2005.

[12] Għandu jiġi nnutat li l-fatt illi parti mill-irċevuti tal-VAT ġew dedikati għall-iskema ta’ pensjoni tal-ħaddiema ċivili (CGA) minn Lulju 2005 (1% minn 21% rata ta’ taxxa standard) wassal għal tnaqqis f’kontribuzzjoni soċjali mill-Istat lis-CGA. Mingħajr dan il-fatt, kemm l-ispiża tal-gvern u l-proporzjonijiet ta’ dħul ikunu ogħla bi kważi 0.1% tal-PGD fl-2005 u xi 0.3% tal-PGD fl-2006 (u għalhekk ma jkollhom l-ebda impatt fuq il-bilanċ ġenerali tal-gvern).

[13] Barra minn hekk, bidliet li jidhru f’imġiba ta’ rtirar mix-xogħol mit-tħabbir tal-bidliet fir-regoli ta’ rtirar, b’mod speċifiku żieda fl-applikazzjonijiet għall-irtirar, iżidu l-inċertezzi.

[14] Jekk jitqies bħas-soltu li ma jkun hemm l-ebda bidla fil-politika, miżuri li ssemmew imma ġewx ippreżentati f’dettall suffiċjenti sabiex jiġu valutati kif imiss ma kinux inklużi fit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni.

[15] Il-programm ta’ stabbiltà ma jsemmi xejn dwar kif ikun il-mudell ta’ tkabbir tan-nefqa f’xenarju fejn ma tinbidilx il-politika.

[16] Stqarrija Eurostat Nru 48/2006

[17] Fir-rappurtar ta’ Settembru 2005, il-figuri tad-defiċit għall-2002 u l-2004 ġew irreveduti ‘l fuq b’madwar 0.2% tal-GDP fis-sena, sabiex jinkludu arretrati tan-nefqa li ma kinux ġew inklużi fir-rappurtar preċedenti. Fir-rappurtar ta’ April 2006, id-defiċit ta’ l-2004 reġa’ ġie rivedut ‘il fuq b’xi ¼% tal-PGD għal 3.2% tal-PGD, fil-biċċa l-kbira fuq il-bażi ta’ aktar informazzjoni kompluta mill-gvern lokali u l-klassifikazzjoni mill-ġdid tas-self bħala nefqa kapitali. L-impatt tar-relazzjoni bejn id-defiċit u l-PGD ta’ dawn ir-reviżjonijiet kien attwalment kemmxejn iżgħar mill indikat, minħabba r-reviżjoni ‘l fuq fis-serje PGD fiċ-ċifri tad-defiċit. (Ara nota 7).