52006PC0195

Proposta għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE tal-Kunsill rigward it-titjib fl-effikaċja tal-proċeduri ta’ appell fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi {SEC(2006) 557} /* KUMM/2006/0195 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 4.5.2006

COM(2006) 195 final

2006/0066 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE tal-Kunsill rigward it-titjib fl-effikaċja tal-proċeduri ta’ appell fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi

(ippreżentata mill-Kummissjoni )SEC(2006) 557}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

110 | Raġunijiet u għanijiet tal-proposta Id-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE jikkoordinaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-mezzi ta’ appell applikabbli f’każijiet ta’ ksur tad-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi. Madankollu, in-nuqqas ta’ regoli kkoordinati fil-kwistjoni tat-termini ta’ żmien applikabbli għall-appelli ta’ qabel il-kuntratt wassal għaż-żamma, fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri, ta’ l-arranġamenti nazzjonali li ma jippermettux ix-xkiel, fi żmien utli, ta’ l-iffirmar ta’ kuntratti fejn l-għotja hija kkontestata. Issa, l-iffirmar tal-kuntratt ikkonċernat kważi dejjem ikollu l-konsegwenza li jirrendi l-effetti ta’ l-għotja kkontestata rriversibbli. Din is-sitwazzjoni hija aktar ta’ tħassib meta jkollha x’taqsam mal-prevenzjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratti bi ftehim; jiġifieri kuntratti konklużi illegalment mingħajr proċeduri pubbliċi u mingħajr sejħiet għall-offerti minn qabel. Il-proposta ta’ Direttiva li temenda d-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE (id-“Direttivi ta’ l-appell”) għandha l-għan li tkompli tinkoraġġixxi iżjed lill-intrapriżi Komunitarji sabiex iressqu l-offerti f’liema Stat Membru ta’ l-Unjoni li jkun fiċ-ċertezza li jkunu jistgħu, jekk ikun hemm il-ħtieġa, iressqu appelli effikaċi f’każ li l-interessi tagħhom ikunu ġew mittiefsa waqt il-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratti. In-natura, minn issa ’l quddiem, effikaċi ta’ l-appelli ta’ qabel il-kuntratt għandha twassal lill-awtoritajiet li jiddeċiedu dwar l-għoti li jippubblikaw aħjar u jaraw li jkun hemm aktar kompetizzjoni fil-kuntratti tagħhom, għall-benefiċċju tal-partijiet kollha involuti. |

120 | Il-kuntest ġenerali Id-direttivi ta’ l-appell jagħmlu distinzjoni bejn l-appelli ta’ qabel il-kuntratt li jkollhom l-għan li jssewwu, fil-ħin, ksur tal-liġijiet Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi u l-appelli ta’ wara l-kuntratt li, ġeneralment, ikunu limitati għal talbiet għall-ħlas tad-danni. Minħabba n-nuqqas ta’ limiti ta’ żmien u ta’ arranġamentispeċifiċi li jippermettu s-sospensjoni ta’ l-iffirmar ta’ kuntratt ikkontestat, l-effikaċja relattiva ta’ l-appelli ta’ qabel il-kuntratt tvarja b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ konklużjoni illegali ta’ kuntratt bi ftehim, l-intrapiżi li jsofru d-dannu għandhom biss il-possibbiltà li jappellaw għall-ħlas tad-danni, li ma jippermettix li l-kuntratt li jkun ingħata illegalment jerġa’ jinfetaħ għall-offerti. Barra minn hekk, dawn l-appelli għall-ħlas tad-danni m’humiex ta’ deterrent għall-awtoritajiet kontraenti il-kuntratt, speċjalment minħabba l-fatt li l-intrapriżi li jħossuhom offiżi jridu jippruvaw li kellhom possibbiltà realistika li jirbħu l-kuntratt. B’hekk, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat l-għoti tal-kuntratti bi ftehim bħala “l-akbar ksur tal-liġi Komunitarja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi” (Stadt Halle, każ C-26/03, paragrafu 37), id-direttivi ta’ l-appell fis-seħħ ma jippermettux il-prevenzjoni jew it-tiswija effikaċi tal-konsegwenzi ta’ tali illegalità. Fin-nuqqas ta’ inizjattiva leġiżlattiva fil-livell Komunitarju, jibqgħu, anzi jiżdiedu, id-differenzi kbar bejn Stat Membru u ieħor fir-rigward ta’ l-effikaċja ta’ l-appelli għad-dispożizzjoni ta’ l-intrapriżi. Jippersistu sitwazzjonijiet ta’ insigurtà ġuridika u ksur serju jew ripetut tad-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi. |

130 | Dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tal-proposta Din il-proposta ta’ Direttiva għandha l-għan li temenda ż-żewġ direttivi li jikkonċernaw l-appelli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi: i) Id-Direttiva 89/665/KEE li hija applikabbli, bħala prinċipju, għall-kuntratti ta’ xogħol, ta’ servizzi u ta’ fornituri mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti, minn issa ’l quddiem koperti mid-Direttiva 2004/18/KE; ii) Id-Direttiva 92/13/KEE li hija applikabbli għall-kuntratti ta’ l-entitajiet kontraenti fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u l-posta, minn issa ’l quddiem koperti mid-Direttiva 2004/17/KE (appelli fis-setturi msejħa “speċjali”) L-emendi proposti jintroduċu regoli kkoordinati maħsuba sabiex jiċċaraw u jtejbu l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar l-appelli ta’ qabel il-kuntratt li jsiru fil-qafas ta’ proċeduri formali għall-għoti ta’ kuntratt jew fil-qafas ta’ kuntratti konklużi bi ftehim. L-emendi l-oħra proposti huma maħsuba sabiex, min-naħa jiffokaw l-mekkaniżmu ta’ tiswija li jista’ jiġi inizjalat mill-Kummissjoni fuq il-każijiet serji u, min-naħa l-oħra, sabiex jirrevokaw iż-żewġ mekkaniżmi (iċ-ċertifikazzjoni mill-entitajiet kontraenti u l-medjazzjoni) li huma applikabbli biss fis-setturi speċjali u li ma attirawx l-interess ta’ l-entitajiet kontraenti u ta’ l-intrapriżi kkonċernati. |

140 | Koerenza mal-politika u l-għanijiet l-oħrajn ta’ l-Unjoni L-għan ta’ l-emenda tad-Direttivi “ta’ l-appell” huwa, b’mod partikolari, it-titjib fl-effikaċja ta’ l-appelli mill-operaturi ekonomiċi fil-qafas tal-proċeduri ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi li għandhom mhux biss ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 2004/17/KE u 2004/18/KE, iżda wkoll mall-prinċipji tat-Trattat tal-KE, bħall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-merkanzija, il-provvista ħielsa tas-servizzi, id-dritt għall-istabbiliment ta’ l-intrapriżi u mal-prinċipji li jirriżultaw, bħat-trattament ugwali, l-għarfien reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza. Barra minn hekk, dan l-għan jaqbel b’mod sħiħ ma’ dak ta’ l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea li tagħti d-dritt, lil kull persuna li tkun sofriet minn ksur tad-drittijiet u l-libertajiet garantiti mill-Unjoni, li jkollha appell effettiv u aċċess għal tribunal imparzjali. Fl-aħħarnett, it-titjib fl-effikaċja ta’ l-appelli nazzjonali, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ l-għoti illegali bi ftehim ta’ kuntratti pubbliċi, jidħol ukoll fil-qafas tal-politika ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea kontra l-korruzzjoni (ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28.5.2003, COM(2003) 317 finali). |

Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u analiżi ta’ l-impatt |

Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati |

211 | Metodi ta’ konsultazzjoni użati, is-setturi ewlenin ittrattati u l-profil ġenerali ta’ dawk li ħadu sehem L-Istati Membri ġew ikkonsultati fil-qafas tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kunttratti Pubbliċi. Konsultazzjoni pubblika u miftuħa għall-operaturi ekonomiċi u r-rappreżentanti tagħhom (assoċjazzjonijiet professjonali u avukati) ġiet organizzata permezz ta’ kwestjonarju fuq l-Internet (Interactive Policy Making) li pproduċa 138 kontribuzzjoni. Barra minn hekk, 5 assoċjazzjonijiet professjonali Ewropej u nazzjonali ssottomettew kontribuzzjonijiet bil-miktub fuq inizjattiva tagħhom. Konsultazzjoni oħra ma’ l-operaturi ekonomiċi twettqet permezz ta’ kwestjonarju indirizzat speċifikament lejn bord rappreżentattiv ta’ intrapriżi Ewropej (European Business Test Panel) li ssottometta 543 kontribuzzjoni. Esperti mhux governattivi, inklużi wkoll rappreżentanti ta’ l-operaturi ekonomiċi, ġew ikkonsultati fil-qafas ta’ Kumitat Konsultattiv dwar il-Ftuħ ta’ Kuntratti Pubbliċi. L-awtoritajiet kontraenti ġew ikkonsultati permezz ta’ kwestjonarju fuq l-Internet li pproduċa 16-il kontribuzzjoni. |

212 | Sinteżi tar-risposti riċevuti u l-mod kif tqiesu Il-konsultazzjonijiet ma’ l-operaturi ekonomiċi u r-rappreżentanti tagħhom jindikaw li l-operat tal-proċeduri nazzjonali ta’ l-appell fil-qafas tad-Direttivi fis-seħħ mhux dejjem jippermetti t-tiswija effikaċi tan-nuqqas ta’ ħarsien tar-regoli Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi. Jeżisti kważi-konsensus fost il-partijiet ikkonċernati dwar il-ħtieġa li jkun hemm titjib fl-effikaċja ta’ l-appelli ta’ qabel il-kuntratt billi jkun hemm perjodu ta’ sospensjoni tat-tip “standstill” bejn in-notifika tad-deċiżjoni dwar l-għoti u l-iffirmar ta’ kuntratt pubbliku kif ukoll ta’ regoli komplimentari maħsuba sabiex jiggarantixxu l-effikaċja. Għalkemm jezisti wkoll kważi-konsensus dwar is-serjetà tal-prattiċi illegali ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi bi ftehim minn ċerti awtoritajiet kontraenti, l-opinjonijiet dwar is-soluzzjonijiet għalihom ivarjaw skond l-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi. Hija biss minoranza ta’ l-Istati Membri u ta’ l-operaturi ekonomiċi li jappoġġaw proposti li jfittxu li jimponu sanzjonijiet finanzjarji jew kontrolli amministrattivi minn qabel fuq l-awtoritajiet kontraenti jew mekkaniżmu ta’ notifika mill-awtoritajiet indipendenti li jirċievu l-ilmentimill-intrapriżi li jħossuhom offiżi. L-obbligu li jiġi osservat perjodu ta’ sospensjoni flimkien ma’ obbligu ta’ trasparenza qabel l-iffirmar ta’ kuntratt mogħti bi ftehim jikkostitwixxu proposta ġeneralment aktar aċċettabbli għall-partijiet ikkonċernati. |

Konsultazzjoni permezz ta’ l-Internet twettqet bejn id-19 ta’ Marzu 2004 u s-7 ta’ Mejju 2004.. Il-Kummissjoni rċeviet 543 tweġiba. Ir-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni jinstabu fuq: http://europa.eu.int/comm/internal_market/publicprocurement/remedies |

Il-ksib u l-użu tal-perizja |

229 | Ma kienx hemm il-ħtieġa tal-ksib ta’ perizja esterna. |

230 | Analiżi ta’ l-impatt Jeżistu tliet għażliet kbar fil-qafas tar-reviżjoni tad-Direttivi “ta’ l-appell”, tnejn minn dawn l-għażliet jistgħu jkunu suġġetti ta’ varjant skond jekk hix prevista tibdila tad-direttivi jew l-adozzjoni ta’ komunikazzjoni: (1) Id-Direttivi jinżammu kif inhuma: din l-għażla tikkonsisti filli l-Kummissjoni tiħeġġeġ li tibda proċeduri ta’ infrazzjoni maħsuba biex jittrattaw il-problemi kollha ta’ nuqqas ta’ kompatibbiltà bejn id-Direttivi “ta’ l-appell” tal-leġiżlazzjoni jew il-prattiċi nazzjonali f’dan il-qasam. Id-differenzi diġà nnutati fil-mod li bih l-Istati Membri jisiltu l-konsegwenzi operattivi mill-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti jippersistu u l-problemi fil-proċess ta’ l-iffirmar tal-kuntratt jiġu rregolati b’mod parzjali biss u fuq termini ta’ żmien differenti ħafna bejn l-Istati Membri, li jċaħħad lill-operaturi ekonomiċi mill-garanziji fir-rigward ta’ l-effikaċja ta’ l-appell ta’ qabel il-kuntratt applikabbli fl-Istati Membri (“no level playing field”). Fir-rigward ta’ l-għotjiet illegali bi ftehim, il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri ma jipprevedux iż-żmien eżatt meta bi ħsiebhom jistabbilixxu l-mekkaniżmu ta’ appelli speċifiċi. Fil-prattika, il-kuntratturi potenzjali jibqa’ jkollhom biss il-possibbiltà ta’ appell għall-ħlas tad-danni. Id-diffikultajiet inerenti f’dan it-tip ta’ appell, bħall-obbligu tal-prova u t-tul u l-ispejjeż tal-proċeduri, ma jinkoraġġux lill-kuntratturi sabiex jagħmlu użu minnu, billi rarament jipproduċi riżultati pożittivi. Fin-nuqqas ta’ aġir ikkoordinat li jippermetti t-twettiq ta’ appelli effikaċi kontra din il-prattika illegali, it-trasparenza u l-kompetizzjoni għall-kuntratti pubbliċi ma jiġux imtejba, li jċaħħad lill-intrapriżi Ewropej (inklużi l-aktar kompetittivi fosthom) mill-opportunità li jressquħu l-offerti għall-kuntratti pubbliċi li jibqgħu jingħataw bi ftehim. (2) L-introduzzjoni ta’ perjodu ta’ sospensjoni tat-tip “standstill” permezz ta’ emenda tad-direttivi jew permezz ta’ komunikazzjoni li tindika l-obbligi ta’ l-Istati Membri f’dan ir-rigward: għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-ħtieġa li jkun hemm perjodu ta’ sospensjoni raġonevoli, sabiex l-intrapriżi li jħossuhom offiżi jkunu jistgħu jissottomettu appell utli fi stadju fejn il-kontravenzjoni tkun għad tista’ tiġi rranġata, għad hemm differenzi bejn Stat Membru u ieħor dwar l-iskop u l-kontenut eżatt ta’ dan l-obbligu. It-tislit tal-konsegwenzi operattivi minn tali obbligu f’Direttiva jippermetti r-regolazzjoni fl-istess waqt tal-problema tal-kompetizzjoni għall-iffirmar tal-kuntratti fil-proċeduri formali għall-għoti u dik li għandha x’taqsam ma’ l-għotjiet illegali bi ftehim billi ttejjeb is-sigurtà ġuridika fis-sitwazzjonijiet previsti permezz ta’ garanziji għall-applikazzjoni effikaċi tal-miżura. (3) Prerogattivi ġodda mogħtija lil awtoritajiet indipendenti permezz ta’ emenda tad-direttivi jew permezz ta’ komunikazzjoni li tħeġġeġ it-twaqqif ta’ tali awtoritajiet: L-Istati Membri jaħtru awtoritajiet indipendenti li jkollhom l-awtorità li javżaw lill-awtoritajiet kontraenti dwar l-aktar kontravenzjonijiet serji tal-liġi Komunitarja dwar il-kuntratti pubbliċi (b’mod partikolari l-għotjiet illegali bi ftehim) sabiex dawn jikkoreġu n-nuqqasijiet innutati huma stess. Dan il-mekkaniżmu ta’ notifika għandu ċerti vantaġġi, għal dawk li jitfgħu l-offerti, f’termini ta’ spejjeż u anonimità. Min-naħa l-oħra, l-inċertezza dwar l-ispejjeż amministrattivi li jistgħu jkunu involuti għall-operat ta’ dawn l-awtoritajiet indipendenti u l-pożizzjoni negattiva espressa mill-maġġoranza tad-delegazzjonijiet ta’ l-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kuntratti Pubbliċi, wasslet lill-Kummissjoni sabiex tiskarta din is-soluzzjoni u tagħżel l-introduzzjoni ta’ perjodu ta’ sospensjoni. |

231 | Il-Kummissjoni wettqet analiżi ta’ l-impatt bħala parti mill-Programm Leġislattiv u tax-Xogħol tal-Kummissjoni, u r-rapport dwaru jinstab fuq http://europa.eu.int/comm/internal_market/publicprocurement/remedies |

L-elementi ġuridiċi tal-proposta |

305 | Sommarju tal-miżuri proposti Meta awtorità kontraenti ttemm proċess formali ta’ l-għoti ta’ kuntratt skond id-Direttivi tal-kuntratti pubbliċi, din għandha, bħala prinċipju, tissospendi l-konklużjoni tal-kuntratt sa l-iskadenza ta' perjodu minimu ta’ 10t ijiem kalendarji mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ l-għoti lill-operaturi ekonomiċi li jkun ħadu sehem attiv fil-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt. Meta xi awtorità kontraenti tqis li għandha d-dritt li tagħti kuntratt bi ftehim fejn il-valur ikun akbar mil-limiti stabbiliti mid-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi, din għandha (ħlief f’każ ta’ urġenza assoluta) tissospendi l-konklużjoni tal-kuntratt għal perjodu ta’ 10t ijiem kalendarji wara li tkun ippubblikat id-deċiżjoni b’mod adegwat permezz ta’ avviż ta’ l-għoti ssimplifikat. Jekk kuntratt jiġi konkluż b’mod illegali mill-awtorità kontraenti matul il-perjodu ta’ sospensjoni, tali konklużjoni titqies li hija mingħajr effett. Il-konsegwenzi ta’ tali illegalità fuq l-effetti tal-kuntratt jiġu ddeterminati mill-entità kompetenti responsabbli mill-appelli; din ta’ l-aħħar trid, madankollu, tiġi avżata minn operatur ekonomiku qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt xhur mid-data effettiva tal-konklużjoni. Il-mekkaniżmu tat-tiswija huwa ffokat fuq il-każijiet ta’ vjolazzjonijiet serji u l-mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni u konċiljazzjoni mhux użati ġew irrevokati. |

310 | Bażi legali Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE. |

320 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma’ tolqotx xi qasam rilevanti li huwa ta’ kompetenza esklussiva tal-Komunità. |

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jitwettqu b’mod sodisfaċenti permezz ta’ l-inizjattivi ta’ l-Istati Membri minħabba r-raġunijiet li ġejjin. |

321 | Minkejja l-iżviluppi fil-ġurisprudenza li seħħew wara l-1999 u l-inizjattivi sussegwenti mmexxija minn ċerti Stati Membri, b’mod partikolari wara l-proċeduri dwar il-vjolazzjonijiet istitwiti mill-Kummissjoni, għad baqa’ differenzi kbar bejn l-Istati Membri f’termini ta’ l-effikaċja ta’ l-appelli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ garanzija ta’ appelli effikaċi ma jħeġġiġx lill-intrapriżi Komunitarji sabiex jressqu offerti barra mill-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom. L-esperjenza ta’ dawn l-aħħar snin turi li dan in-nuqqas ta’ sigurtà ġuridika ma jistax jitneħħa permezz ta’ inizjattivi iżolati u konfliġġenti minn xi Stati Membri. |

L-għanijiet tal-proposta jistgħu jitwettqu l-aħjar permezz ta’ inizjattivi mill-Komunità minħabba r-raġunijiet li ġejjin. |

324 | In-nuqqasijiet li ġew skoperti waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni jinsabu fil-qasam ta’ applikazzjoni taż-żewġ Direttivi adottati fl-1989 u l-1992. It-titjib u l-kjarifiki li twettqu fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ ta’ dawn id-Direttivi ma jistgħux iħallu l-effett sħiħ tagħhom ħlief permezz ta’ Direttiva ta’ emenda. L-Unjoni hija l-aktar addattata sabiex twettaq l-għan tat-titjib fl-effikaċità ta’ l-appelli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE. Effettivament, il-konsultazzjonijiet preparatorji wrew li l-livell ta’ mobilizzazzjoni jvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor fir-rigward tal-ħtieġa li jissaħħu d-dispożizzjonijiet li jippermettu l-iżgurar ta’ applikazzjoni effikaċi tad-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi. Fin-nuqqas ta’ inizjattiva Komunitarja f’dan il-qasam, id-differenzi bejn l-Istati Membri fl-applikazzjoni kif suppost tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kuntratti pubbliċi jippersistu. |

325 | Fir-rigward tal-problema ta’ l-għoti illegali tal-kuntratti bi ftehim, l-ebda soluzzjoni effikaċi kontra din il-prattika llegali għadha ma giet adottata mill-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, għalkemm maġġoranza kbira minn dawn ta’ l-aħħar jirrikonoxxu r-realtà u s-serjetà tal-problema. Fejn tidħol il-kompetizzjoni għall-iffirmar tal-kuntratt fil-proċeduri formali ta’ l-għotja, hemm konsensus fost ir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jkun hemm, permezz ta’ Direttiva ta’ emenda, perjodu ta’ sospensjoni li t-tul u l-modalità tiegħu jkunu stipulati b’mod ċar. Barra minn hekk, jidher li hemm il-ħtieġa ta’ inizjattiva leġiżlattiva Komunitarja sabiex tistabbilixxi sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u ta’ deterrent kontra l-ksur l-aktar serju tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kuntratti puibbliċi. |

327 | L-Istati Membri jżommu d-dritt li jaħtru l-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appelli u jżommu r-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għal tali appelli (rispett għall-awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri). Il-proposta għal Direttiva tikkonċentra l-aktar żewġ problemi serji li huma komuni għall-Istati Membri kollha. |

Għalhekk, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. |

331 | Il-proposta għal Direttiva tipprevedi biss xi titjib jew kjarifiki tad-dispożizzjonijiet eżistenti li għandhom x’jaqsmu l-appelli ta’ qabel il-kuntratt u l-kuntratti fejn il-valur jaqbeż il-limiti stabbiliti permezz tad-Direttiva 2004/18/KE u 2004/17/KE biss, mingħajr ma jitlob xi tibdil fis-sistemi amministrattivi jew ġuridiċi eżistenti. Barra minn hekk, il-fatt li jipprevedi aktar kjarifiki tad-dokumenti ta’ interpretazzjoni sabiex jiġu rregolati l-problemi l-oħrajn ta’ operat mhux kif suppost tal-proċeduri nazzjonali għall-appelli kkawżat minn interpretazzjoni ħażina tad-dispożizzjonijiet eżistenti minn ċerti Stati Membru, jindika l-karattru proporzjonali ta’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni. |

332 | Il-piż fuq l-awtoritajiet pubbliċi huwa ġeneralment limitat għall-ispejjeż marġinali li jirriżultaw mill-obbligu li jiddiferixxi l-iffirmar ta’ kuntratt għal perjodu ta’ 10t ijiem kalendarji b’mod ġenerali u ż-żieda b’xi punti perċentwali fin-numru ta’ appelli li jsiru dwar numru ta’ kuntratti pubbliċi ppubblikati fil-livell Komunitarju. Għas-soċjetà b’mod ġenerali, il-benefiċċju ta’ applikazzjoni aħjar tal-liġi Komunitarja dwar il-kuntratti pubbliċi minħabba l-effett ta’ deterrent ta’ appelli effikaċi għandu jkun, b’mod partikolari, titjib fil-kwalità tas-servizz pubbliku u dan il-benefiċċju ġenerali jaqbeż bil-kbir l-ispejjeż supplimentari involuti. Fin-nuqqas ta’ obbligu għall-ħolqien ta’ strutturi amministrattivi ġodda, il-piż finanzjarju u amministrattiv fuq l-awtoritajiet pubbliċi ġie minimizzat ukoll. |

L-għażla ta’ l-istrumenti |

341 | L-istrument propost: Direttiva |

342 | Strumenti oħrajn ma kinux ikunu addattati għar-raġunijiet li ġejjin. L-alternattiva għal Direttiva li tistabbilixxi l-firxa u l-arranġamenti ta’ applikazzjoni ta’ perjodu ta’ sospensjoni tat-tip “standstill” kienet tkun dokument li jinterpreta l-ġurisprudenza tal-Qorti. Madankollu, din l-alternattiva ġiet skartata għaliex ma kienetx tista’ tiggarantixxi l-applikazzjoni, fl-Istati Membri kollha, ta’ perjodu ta’ sospensjoni definit b’mod ċar u sodisfaċenti fir-rigward tad-diversi ċirkostanzi koperti mid-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi. B’mod ġenerali, id-differenzi fl-interpretazzjoni ma’ u bejn l-Istati Membri dwar l-iskop tal-ġurisprudenza li fuqha huwa msejjes l-obbligu ta’ l-osservanza ta’ perjodu ta’ sospensjoni, kif ukoll fil-metodi ta’ l-applikazzjoni ta’ sanzjoni effettiva, proporzjonali u ta’ deterrent applikabbli f’każ tal-ksur ta’ din id-dispożizzjoni importanti għall-effikaċja ta’ l-appelli ta’ qabel il-kuntratt, ma jiġux eliminati bl-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ dokument ta’ interpretazzjoni. |

Effetti fuq il-baġit |

409 | Il-proposta m’għandux effett fuq il-baġit Komunitarju. |

Tagħrif supplimentari |

510 | Simplifikazzjoni |

511 | Il-proposta jintroduċi simplifikazzjoni fil-qasam leġiżlattiv. |

512 | Is-simplifikazzjoni proposta tikkonsisti fir-revoka tal-mekkaniżmi taċ-ċertifikazzjoni u l-konċiljazzjoni applikabbli fis-setturi speċjali (Direttiva 92/13/KEE) li ma ntużawx. |

Kunsiderazzjoni mill-ġdid/reviżjoni/klaswsola ta’ revoka awtomatika |

531 | Il-proposta tinkludi klawsola dwar il-kunsiderazzjoni mill-ġdid. |

550 | Tabella ta’ konverġenzi L-Istati Membri huma obbligati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva, kif ukoll tabella tal-konverġenzi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u d-Direttiva. |

560 | Żona Ekonomika Ewropea Dan l-abbozz ta’ Liġi jirriżulta minn qasam kopert mill-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, għalhekk, għandu jestendi fiż-Żona Ekonomika Ewropea. |

.

2006/0066 (COD)

Proposta ta’

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE tal-Kunsill rigward it-titjib fl-effikaċja tal-proċeduri ta’ appell rigwrad l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi

(Test ippreżentat għar-relevanza taż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],

Wara l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3]

Konformi mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[4],

Billi:

1. Id-Direttiva 89/665/KEE tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi[5], kif ukoll id-Direttiva 92/13/KEE tal-Kunsill tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni[6], jikkonċernaw il-proċeduri ta’ appell fil-qasam ta’ kuntratti mogħtija rispettivament mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti. Dawn id-Direttivi huma maħsuba sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tad-Direttivi 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi[7] u mid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, t-trasport u servizzi postali[8].

2. Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, kixfu ċertu numru ta’ nuqqasijiet fil-mekkaniżmi ta’ appell eżistenti fl-Istati Membri. Minħabba dawn in-nuqqasijiet, il-mekkaniżmi stipulati mid-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE mhux dejjem jippermettu l-kontroll tal-ħarsien tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, b’mod partikolari fi stadju fejn l-irregolaritajiet ikunu għadhom jistgħu jissewwew. B’hekk, l-operaturi ekonomiċi għad m’għandhomx il-garanziji ta’ trasparenza u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni suppost ipprovduti permezz ta’ dawn id-Direttivi. F’tali ċirkostanzi, il-Komunità fl-intier tagħha ma tistax tibbenefika b’mod sħiħ mill-modernizzazzjoni u mis-simplifikazzjoni tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, imwettqa mid-Direttivi 2004/18/KE u 2004/17/KE. Jaqbel, għalhekk, li fid-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE jidħlu d-dettalji preċiżi li huma indispensabbli sabiex jinkisbu r-riżultati mixtieqa mill-leġiżlatur Komunitarju.

3. Fost in-nuqqasijiet skoperti hemm, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ perjodu ta’ żmien li jippermetti appell effettiv bejn id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt u l-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat li, xi kultant, twassal għal għaġla għall-iffirmar tal-kuntratt min-naħa ta’ l-awtoritajiet kontraenti li jkunu jixtiequ jirrendu l-konsegwenzi tad-deċiżjoni dwar l-għoti irriversibbli. Sabiex jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas li huwa ostaklu serju għall-ħarsien ġuridiku effettiv tal-kandidati jew dawk li jressqu l-offerti kkonċernati, għandu jkun hemm perjodu ta’ sospensjoni minimu, li waqtu tiġi sospiża l-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, kemm jekk dan iseħħ fil-mument ta’ l-iffirmar tal-kuntratt u kemm jekk le.

4. Fid-dawl tal-ħtieġa, rikonoxxuta mill-partijiet kollha involuti, fejn jingħaqdu l-ħeffa tal-proċeduri ta’ l-għoti tal-kuntratti ma’ l-effikaċja tal-proċeduri nazzjonali ta’ l-appelli, hemm raġunijiet għall-kombinament ta’, min-naħa waħda, l-obbligu li jiġi osservat perjodu ta’ sospensjoni minimu raġonevoli addattat għaċ-ċirkostanzi ta’ żmien jew għall-kundizzjonijiet ftit jew wisq ikkomplikati li fihom jiġu varati ċerti proċeduri u, min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ l-għoti bl-aktar mezzi ta’ telekomunikazzjoni ħfief disponibbli, it-tagħrif indispensabbli għal kull min ikun irid iressaq appell utli. Fost dan it-tagħrif, hemm b’mod partikolari taħt is-sura ta’ sommarju eżekuttiv, ir-raġunijiet bħad-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE.

5. Billi d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE għandhom l-għan li jimmodernizzaw u jissimplifikaw il-proċeduri ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, ikun jaqbel li l-obbligu li jkun hemm perjodu ta’ sospensjoni jkun limitat għaċ-ċirkosatanzi fejn l-operaturi ekonomiċi oħrajn barra minn dak li jkun rebaħ il-kuntratt ikunu jistgħu, b’mod raġonevoli, jipprevalu fuq xi ksur tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi fi kwistjonijiet ta’ trasparenza u kompetizzjoni.

6. Tali perjodu ta’ sospensjoni mhux maħsub sabiex japplika la f’każ ta’ urġenza assoluta fis-sens tad-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE u lanqas għal kuntratti espliċitament esklużi permezz ta’ dawn l-istess Direttivi.

7. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tas-serjetà rikonoxxuta ta’ l-għoti illegali ta’ kuntratti bi ftehim, u sabiex jiġi żgurat il-ħarsien ġuridiku ta’ kull min hu ikkonċernat, jaqbel li jiġi applikat perjodu ta’ sospensjoni minimu kkombinat ma’ obbligu ta’ trasparenza fl-għoti ta’ kull kuntratt bi ftehim mingħajr la riklami u lanqas kompetizzjoni minn qabel bis-saħħa tad-derogi inklużi fid-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE u, f’kull ċirkostanzi, kull darba li xi awtorità kontraenti tagħti xi kuntratt bi ftehim meta l-valur ikun aktar mil-limitu stabbilit mill-istess Direttivi, mingħajr la riklami u lanqas kompetizzjoni minn qabel b’kompetizzjoni ma’ xi persuna ġuridikament distinta minnha. L-applikazzjoni ta’ dan il-perjodu ta’ sospensjoni kkombinat ma’ obbligu ta’ trasparenza kif stiulat permezz ta’ l-Ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ C-26/03, Stadt Halle[9], għandu jippermetti ġlieda effikaċi kontra l-kuntratti mogħtija illegalment bi ftehim, ladarba tittratta l-aktar ksur serju tal-liġi Komunitarja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi min-naħa ta’ awtorità kontraenti.

8. Billi huwa rikonoxxut li din id-Direttiva trid tistabbilixxi l-perjodu ta’ sospensjoni minimu meqjus indispensabbli għal appelli effikaċi, jaqbel li tkun żgurata l-koerenza tad-dispożizzjonijiet involuti tad-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE sabiex ma jitnaqqasx l-effiċjenza ta’ l-istrument maħsub sabiex jippermetti l-appelli qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.

9. B’mod partikolari, meta xi Stat Membru jeħtieġ li dik il-persuna li jkollha l-intenzjoni li tagħmel użu minn proċedura ta’ appell għandha tinforma b’dan lill-awtorità kontraenti, jaqbel li ma jkun impost l-ebda perjodu minimu addizzjonali bejn il-mument meta jingħata dan it-tagħrif lill-awtorità kontraenti u l-mument meta l-appell jitressaq. Bl-istess mod, meta xi Stat Membru jeħtieġ li l-persuna involuta għandha tkun ressqet, l-ewwel nett, appell quddiem l-awtorità kontraenti, jaqbel li din l-istess persuna jkollha perjodu minimu raġonevoli sabiex tinforma lill-entità ta’ appell kompetenti, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, f’każ li tkun tixtieq tikkontesta t-tweġiba, jew in-nuqqas ta’ tweġiba, mill-awtorità kontraenti.

10. L-introduzzjoni ta’ appell ftit qabel it-tmiem tal-perjodu minimu ta’ sospensjoni m’għandux ikollu l-effett li jċaħħad lill-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell miż-żmien minimu meħtieġ sabiex taġixxi, b’mod partikolari sabiex ittawwal il-perjodu ta’ sospensjoni għall-konklużjoni tal-kuntratt. B’hekk jaqbel li jkun previst perjodu minimu ta’ sospensjoni awtonomu, li jibda minn meta l-entità responsabbli mill-appelli tiġi mgħarrfa u li jippermetti, fi kwalunkwe ċirkostanzi, li din l-aħħar entità tkun tista’ taġixxi fi żmien qasir iżda raġonevoli.

11. Għall-istess raġunijiet ta’ effikaċja ta’ l-istrument maħsub, jaqbel li jkun hemm previst li l-għoti tat-tagħrif imsemmi u l-introduzzjoni ta’ l-appelli kkonċernati għandhom isiru bl-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni l-aktar ħfief li jistgħu jippriservaw l-effett tal-perjodu ta’ sospensjoni u jistgħu joffru elementi ta’ prova ta’ tali komunikazzjoni. F’dan il-kuntest, għandu jkun previst ukoll l-għoti tat-tagħrif permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi billi dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni għandhom dawn il-karatteristiċi u jikkombinaw, ukoll, sempliċità fl-użu u l-anqas spejjeż għall-partijiet kollha involuti.

12. Jaqbel ukoll li tkun żgurata l-koerenza bejn, min-naħa, il-perjodu ta’ l-appell mid-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet kontraenti li jtemmu l-parteċipazzjoni ta’ xi persuna li titfa’ offerta jew ta’ xi kandidat fi proċedura li tirriżulta mid-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE u, min-naħa l-oħra, il-perjodi ta’ sospensjoni.

13. Sabiex ikun żgurat il-ħarsien tal-perjodi għal appelli effikaċi maħsuba sabiex jiġġieldu kontra l-għaġla fl-iffirmar tal-kuntratti mogħtija illegalment u kontra l-għoti tal-kuntratti illegalment bi ftehim, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet bħala l-aktar ksur serju tal-liġi Komunitarja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi minn awtorità kontraenti, jaqbel li jkunu previsti sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u ta’ deterrent kontra kull awtorità kontraenti li tkun kisret il-perjodi ta’ sospensjoni minimi. Fiċ-ċirkostanzi, fejn id-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE jistipulaw li l-Istati Membri għandhom jaraw li d-deċiżjonijiet illegali ta’ l-awtoritajiet kontraenti ikunu jistgħu jitħassru mill-entitajiet responsabbli mill-proċeduri ta’ appell, jaqbel li jkun previst li kull konklużjoni ta’ kuntratt li sseħħ bi ksur ta’ dawn il-perjodi ta’ sospensjoni għandha titqies bħala bla effett u li l-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell għandha tapplika l-konsegwenzi kollha fuq il-kuntratt illegali, bħal dawk li jikkonċernaw il-ħlas lura ta’ l-ammonti li jistgħu jkunu tħallsu mill-awtorità kontraenti.

14. Madankollu, sabiex tkun żgurata l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet applikati, jaqbel li l-Istati Membri jagħtu l-possibbiltà, lill-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell, li ma terġax tiftaħ il-kuntratt, jew li tirrikonoxxi ċerti mill-effetti tiegħu fiż-żmien previst, meta l-ħarsien ta’ ċerti esiġenzi assoluti jew imperattivi dwar interess ġenerali ta’ natura mhux ekonomika titlob dan f’ċirkostanzi eċċezzjonali speċifiċi. Barra minn hekk, il-ħtieġa li jkun żgurat, fil-ħin stipulat, is-sigurezza ġuridika tad-deċiżjonijet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti, teħtieġ l-istabbiliment ta’ perjodu minimu raġonevoli ta’ preskrizzjoni li jkun maħsub sabiex jaċċerta n-nuqqas ta’ effett tal- konklużjoni tat-tali kuntratt u japplika l-konsegwenzi.

15. It-tisħiħ ta’ l-effikaċità ta’ l-appelli nazzjonali permezz ta’ din id-Direttiva għandu jħeġġeġ lill-persuni involuti li jagħmlu aktar użu mill-possibbiltajiet ta’ appell qabel il-konklużjoni tal-kuntratt permezz ta’ proċeduri sommarji. F’tali ċirkostanzi, il-mekkaniżmu ta’ tiswija għandu jkun iffokat fuq vjolazzjonijiet serji tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, u l-Kummissjoni titħalla tistabbilixxi, għall-Istat Membru involut, perjodu reġonevoli sabiex jirrispondi, li jkun jista’ jqis aħjar iċ-ċirkostanzi speċifiċi.

16. Is-sistema ta’ ċertifikazzjoni volontarja stipulata mid-Direttiva 92/13/KEE li, permezz tagħha, l-entitajiet kontraenti kellhom il-possibbiltà li jiddikjaraw il-konformità tal-proċeduri tagħhom għall-għoti tal-kuntratti fl-okkażjoni ta’ ispezzjonijiet perjodiċi, ma ntużat kważi qatt u, għalhekk, ma tistax tilħaq l-għan tagħha li tevita, b’mod konsistenti, il-ksur tal-liġi Komunitarja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Min-naħa l-oħra, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mid-Direttiva 92/13/KEE li jiżguraw organiżmi permanenti akkreditati għal dan il-għan ikunu disponibbli b’mod permanenti jista’ jirrappreżenta infiq amministrattiv li ma jkunx aktar ġustifikat fid-dawl tan-nuqqas ta’ talba reali min-naħa ta’ l-entitajiet kontraenti. Għal dawn ir-raġunijiet jaqbel, għalhekk, li din is-sistema ta’ ċertifikazzjoni tiġi rrevokata.

17. Bl-istess mod, il-mekkaniżmu ta’ konċiljazzjoni stipulat mid-Direttiva 92/13/KE ma attirax interess reali min-naħa ta’ l-operaturi ekonomiċi, kemm minħabba li ma jippermettix, minnu nnifsu, il-kisba ta’ miżuri proviżorji ta’ prevenzjoni li jistgħu jżommu, fil-ħin, il-konklużjoni illegali ta’ xi kuntratt kif ukoll minħabba l-karattru ftit li xejn kompatibbli mal-ħarsien tal-perjodi partikolarment qosra ta’ appell għall-finijiet ta’ miżuri proviżorji u r-revoka ta’ deċiżjonijiet illegali. Barra minn hekk, l-effikaċità potenzjali tal-mekkaniżmu ta’ konċiljazzjoni ddgħajjfet aktar minħabba d-diffikultajiet fl-istabbiliment ta’ elenku komplet u wiesa’ biżżejjed ta’ arbitri indipendenti f’kull Stat Membru, disponibbli f’kull ħin u kapaċi li jittrattaw it-talbiet għall-konċiljazzjoni fuq avviż qasir ħafna. Għal dawn ir-raġunijiet jaqbel, għalhekk, li dan il-mekkaniżmu ta’ konċiljazzjoni jiġi rrevokat.

18. Għandu jinżamm l-obbligu fuq l-Istati Membri li jgħaddu, b’mod regolari, tagħrif dwar l-operat tal-proċeduri nazzjonali ta’ l-appell, proporzjonat b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kuntratti Pubbliċi dwar in-natura u dwar sa fejn jasal dan it-tagħrif. Effettivament, hija biss id-disponibbiltà ta’ dan it-tagħrif li jista’ jippermetti l-valutazzjoni korretta ta’ l-effetti ta’ l-emendi introdotti fil-qafas ta’ din id-Direttiva fit-tmiem ta’ perjodu sinifikanti mit-tħaddim ta’ din ta’ l-aħħar.

19. Għaldaqstant, id-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE għandhom jiġu emendati.

20. Billi, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, għalhekk, jintlaħqu l-aħjar fil-livell Komunitarju, il-Kummissjoni tista’ tieħu miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit mill-Artikolu 5 tat-Trattat. B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif dikjarat fl-imsemmi Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, billi tirrispetta, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ l-awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri.

21. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji li huma rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal appell effettiv u għal aċċess għal tribunal imparzjali, skond l-Artikolu 47(1) u (2) tal-Karta.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Id-Direttiva 89/665/KEE

Id-Direttiva 89/665/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

1) L-Artikolu 1 jiġi emendat kif ġej:

a) Il-Paragrafu 1 jiġi mibdul bit-test li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu, fir-rigward tal-proċeduri ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi li jirriżultaw mill-qasam ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;(*), il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu appellati b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun, skond il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2 sa 2g tad-Direttiva preżenti, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-kwistjoni tal-kuntratti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu din il-leġiżlazzjoni.

___________________________

(*) ĠU L 134 tat-30.4.2004, p. 114.”

b) Il-Paragrafu 3 jiġi mibdul bit-test li ġej:

“3. L-Istati Membri għandhom jaraw li l-proċeduri ta’ l-appell ikunu aċċessibbli skond il-metodi li l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw mill-inqas għal kull persuna li jkollha, jew kellha interess fil-ksib ta’ kuntratt pubbliku mogħti u li tkun sofriet, jew tkun fil-periklu li ssofri danni minħabba l-ksur allegat.”

c) Jiżdiedu l-paragrafi 4 u 5 kif ġej:

“4. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-persuna li tkun tixtieq tagħmel użu mill-proċedura ta’ l-appell għandha tkun avżat lill-awtorità kontraenti permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi dwar il-vjolazzjoni allegata u l-intenzjoni tagħha li tressaq appell. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jaraw li l-ebda perjodu minimu ma jiġi impost mill-mument meta dan it-tagħrif jingħata lill-awtorità kontraenti u l-mument meta jitressaq appell quddiem l-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell.

Bl-istess mod, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-persuna kkonċernata tressaq, fl-ewwel istanza, appell quddiem l-awtorità kontraenti. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jaraw li l-introduzzjoni ta’ l-appell imsemmi permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi twassal għas-sospensjoni immedjata tal-proċeduri tal-konklużjoni tal-kuntratt.

Is-sospensjoni awtomatika stipulata fit-tieni paragrafu tintemm hekk kif jiskadi perjodu li ma jistax ikun anqas minn ħames ġranet tax-xogħol mill-għada tal-ġurnata meta l-awtorità kontraenti tkun bagħtet ir-risposta tagħha bil-faks jew mezzi elettroniċi.

5. F’każ ta’ appell dwar jekk l-għoti tat-tagħrif bil-faks jew mezzi elettroniċi ikunx sar jew ma jkunx sar, l-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell, indipendenti mill-awtorità kontraenti, għandha tqis, b’mod partikolari, l-elementi kollha ta’ prova raġonevoli u pertinenti mgħoddija lilha mill-awturi ta’ dawn il-komunikazzjonijiet li jikkonfermaw li l-komunikazzjonijiet ikunu saru u ġew riċevuti mid-destinatarji tagħhom.”

2) L-Artikolu 2 jiġi emendat kif ġej:

a) Il-Paragrafu 3 jiġi mibdul bit-test li ġej:

“3. Ħlief fil-każ ta’ l-Artikolu 1(4) u l-Artikoli 2a sa 2f, il-proċeduri ta’ l-appell m’għandux neċessarjament ikollhom l-effett ta’ sospensjoni awtomatika fuq il-proċeduri ta’ l-għoti tal-kuntratt li jirreferu għalihom.”

b) Jidħol il-paragrafu 3a kif ġej:

“3.a Meta xi entità indipendenti mill-awtorità kontraenti tiġi infurmata b’appell li jikkonċerna deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt jew dwar deċiżjoni sussegwenti għaliha, hija għandha tavża lill-awtorità kontraenti, mingħajr dewmien, permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi, li ma tistax tipproċedi għall-konklużjoni tal-kuntratt, għal perjodu ddeterminat mill-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni fuq din l-entità. Dan il-perjodu ma jistax ikun anqas minn ħames ġranet tax-xogħol mill-għada tal-jum meta jkun intbagħat it-tagħrif ikkonċernat. Wara l-eżami tad-dokumenti kollha li jakkumpanjaw l-appell, u meta tasal għal konklużjoni li m’għadx hemm il-ħtieġa li jitwal il-perjodu ta’ sospensjoni msemmi hawn fuq, l-entità tista’, f’kull ħin, ittemm l-obbligu li l-kuntratt ma jiġix konkluż”.

c) Il-Paragrafu 4 jiġi mibdul bit-test li ġej:

“4. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, meta l-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell tistħarreġ jekk ikunx il-każ li tieħu miżuri proviżorji, din ta’ l-aħħar għandha tqis il-konsegwenzi probabbli ta’ tali miżuri għall-interessi kollha li jistgħu jsofru dannu, kif ukoll l-interess pubbliku, u tiddeċiedi li ma tiħux dawn il-miżuri meta l-kosegwenzi negattivi jkunu akbar mill-vantaġġi tagħhom.

Meta jagħmlu użu mill-fakultà pprovduta fl-ewwel inċiż, l-Istati Membri ma jistgħux ixekklu l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2f, meta l-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat tkun seħħet bi ksur ta’ l-Artikolu 1(4), ta’ l-Artikolu 2(3a), jew bi ksur ta’ wieħed mill-Artikoli 2a sa 2e, jew bi ksur ta’ xi miżura proviżorja kumplimentari meħuda mill-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell u maħsuba sabiex ittawwal il-perjodu ta’ sospensjoni ta’ l-imsemmija konklużjoni.

Id-deċiżjoni li ma jittiħdux miżuri proviżorji ma tkunx ta’ ħsara għad-drittijiet l-oħrajn mitluba mill-persuna li titlob dawn il-miżuri”

d) Il-Paragrafu 6 jiġi mibdul bit-test li ġej:

“6. Ħlief fil-każ stipulat fl-Artikolu 1(4) u l-Artikoli 2a sa 2f, l-effetti tal-eżerċizzju tal-poteri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fuq il-kuntratt li jirriżulta minn għoti ta’ appalt jiġu stabbiliti skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Barra minn hekk, ħlief f’każ li xi deċiżjoni tkun trid tiġi revokata qabel il-ħlas tad-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt li sseħħ skond l-Artikolu 1(4), l-Artikolu 2(3), l-Artikoli 2a sa 2f, il-poteri ta’ l-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell ikunu limitati għall-ħlas tad-danni lil kull persuna li tkun sofriet xi danni minħabba l-vjolazzjoni.”

e) fil-paragrafu 8, l-ewwel inċiż, il-kliem “ġurisdizzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 234 tat-Trattat” jieħdu post il-kliem “ġurisdizzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 177 tat-Trattat”

3) Jiżdiedu l-Artikoli 2a sa 2f kif ġej:

“Artikolu 2a

1. L-Istati Membri għandhom jaraw li l-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) ikollhom il-ħin meħtieġ sabiex jiżgura appelli effettivi mid-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jirrispettaw il-kundizzjonijiet minimi dikjarati fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikoli 2b, 2c u 2d.

2. Il-konklużjoni ta’ kuntratt li ssegwi d-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku li jirriżulta mid-Direttiva 2004/18/KE ma tistax isseħħ qabel it-tmiem ta’ perjodu ta’ għaxart ijiem kalendarji mill-għada tal-jum meta d-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt tiġi komunikata permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi lil dawk li jkunu tefgħu l-offerti. Il-komunikazzjoni, lil kull min ikun ressaq offerta, ta’ l-għoti għandu jkun akkumpanjat minn sommarju eżekuttiv tar-raġunijiet rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 41(2) tad-Direttiva 2004/18/KE.

3. B’deroga tal-paragrafu 2, fil-każijiet urġenti msemmija fl-Artikolu 38(8) tad-Direttiva 2004/18/KE l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-konklużjoni ta’ kuntratt li ssegwi d-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma tistax isseħħ qabel it-tmiem ta’ perjodu ta’ sebat ijiem kalendarji mill-għada tal-jum meta d-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt tiġi kkomunikata permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi lil dawk li jkunu tefgħu l-offerti. Dan il-perjodu jiġi estiż awtomatikament bi tlett ijiem kalendarji meta persuna kif imsemmija fl-Artikolu 1(3) tavża lill-awtorità kontraenti, qabel ma jiskadi dan il-perjodu, permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi, li jkollha l-intenzjoni li tressaq appell. Il-komunikazzjoni, li kull min ikun ressaq offerta, tad-deċiżjoni dwar l-għoti għandha tkun akkumpanjata minn sommarju eżekuttiv tar-raġunijiet rilevanti kif imsemmija fl-Artikolu 41(2) tad-Direttiva 2004/18/KE.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw l-ewwel punt meta l-kwistjoni tkun tittratta kuntratti msejsa fuq ftehim qafas skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2004/18/KE, jew kuntratti mogħtija fil-qafas ta’ sistemi dinamiċi ta’ akkwist skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(6) ta’ din id-Direttiva.

4. Il-perjodi msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ma japplikawx f’każ ta’ urġenza assoluta skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 31(1)(c) tad-Direttiva 2004/18/KE.

Artikolu 2b

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-perjodi msemmija fl-Artikolu 2a(2) u (3) ma japplikawx fil-każijiet li ġejjin:

a) meta l-kwistjoni tkun tittratta kuntratti msejsa fuq ftehim qafas li jkun sar ma’ operatur ekonomiku wieħed skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 32(3) tad-Direttiva 2004/18/KE;

b) meta l-kwistjoni tkun tittratta kuntratti msejsa fuq ftehim qafas li jkun sar ma’ diversi operaturi ekonomiċi u dawn il-kuntratti jingħataw bl-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet fissi tal-ftehim qafas, mingħajr sejħiet għall-offerti, skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 32(4)(2) tad-Direttiva 2004/18/KE;

c) meta l-kwistjoni tkun tittratta kuntratti mogħtija fil-qafas ta’ proċedura miftuħa skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(11)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE u l-awtorità kontraenti tkun irċievet offerta waħda biss mingħand il-persuna li lilha tkun tixtieq tagħti l-kuntratt;

d) meta l-kwistjoni tkun tittratta kuntratti mogħtija fil-qafas ta’ proċedura ristretta skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(11)(b) tad-Direttiva 2004/18/KE u, ħlief għall-operatur ekonomiku li jkun ingħata l-kuntratt, l-operaturi ekonomiċi l-oħrajn kollha li jkunu ġew mistiedna biex iressqu offerta jkunu soġġetti għal deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti, soġġetta għall-appell, li ttemm il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura fuq kriterji diversi mill-kriterji ta’ l-għoti tal-kuntratt;

e) meta l-kwistjoni tkun tittratta kuntratti mogħtija fil-qafas ta’ proċedura negozjata skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(11)(d) tad-Direttiva 2004/18/KE u, ħlief għall-operatur ekonomiku li jkun ingħata l-kuntratt, l-operaturi ekonomiċi l-oħrajn kollha li jkunu ġew ikkonsultati u urew interess fl-offerta jkunu soġġetti għal deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti, soġġetta għall-appell, li ttemm il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura fuq kriterji diversi mill-kriterji ta’ l-għoti tal-kuntratt.

Artikolu 2c

1. Meta l-Istati Membri jistipulaw li l-appelli kollha minn deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti meħuda fil-qafas ta’, jew b’konnessjoni ma’, proċedura għall-għoti tal-kuntratti li tirriżulta mid-Direttiva 2004/18/KE għandhom jitressqu qabel it-tmiem ta’ perjodu ddeterminat, dan il-perjodu ma jistax ikun anqas minn għaxart ijiem kalendarji mill-għada tal-jum meta din id-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti tkun ikkomunikata lil min ikun ressaq l-offerta jew il-kandidat ikkonċernat permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi. Il-komunikazzjoni, li kull min ikun ressaq offerta jew kull kandidat, ta’ din id-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti għandha tkun akkumpanjata minn sommarju eżekuttiv tar-raġunijiet rilevanti kif imsemmija fl-Artikolu 41(2) tad-Direttiva 2004/18/KE.

2. L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-fakultajiet ipprovduti mill-Artikolu 2a(3) jistgħu jipprovdu li l-appell imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu preżenti għandu jitressaq fi żmien perjodu li ma jistax ikun anqas minn sebat ijiem kalendarji mill-għada tal-jum meta d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti tiġi kkomunikata permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi lil dak li jkun tefa’ l-offerta jew lill-kandidat kkonċernat.

Dan il-perjodu jiġi estiż awtomatikament bi tlett ijiem kalendarji meta persuna kif imsemmija fl-Artikolu 1(3) tavża lill-awtorità kontraenti, qabel ma jiskadi dan il-perjodu, permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi, li jkollha l-intenzjoni li tressaq appell.

Il-zzjoni, li kull min ikun ressaq offerta jew kull kandidat, ta’ din id-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti għandha tkun akkumpanjata minn sommarju eżekuttiv tar-raġunijiet rilevanti kif imsemmija fl-Artikolu 41(2) tad-Direttiva 2004/18/KE.

Artikolu 2d

F’każ ta’ appell dwar jekk il-komunikazzjoni bil-faks jew mezzi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 2a u 2c tkun saret jew ma tkunx saret, l-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell, għandha tqis, b’mod partikolari, l-elementi kollha ta’ prova raġonevoli u pertinenti mgħoddija lilha mill-awtorità kontraenti li jindikaw li din il-komunikazzjoni tkun saret u ġiet riċevuta minn dak li jkun tefa’ l-offerta jew il-kandidat ikkonċernat.

Artikolu 2e

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-effikaċja ta’ l-appelli b’inġunzjoni jew kanċellazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1)(a) sa (b), kontra l-kuntratti mogħtija illegalment bi ftehim, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2. Meta xi awtorità kontraenti tqis, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli, li ma tistax tibda proċeduri formali li jikkonsistu f’miżuri ta’ riklamar u kompetizzjoni minn qabel għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku fejn il-valur huwa aktar mil-limitu korrispondenti tad-Direttiva 2004/18/KE, l-awtorità kontraenti għandha, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, tieħu ż-żewġ miżuri li ġejjin:

a) tadotta deċiżjoni dwar l-għoti li ma toħloq l-ebda effett kontrattwali u suxxettibbli li jiġi soġġett għal appell skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 1 u 2 ta’ din id-Direttiva;

b) tippubblika avviż li jiżgura livell ta’ riklamar aċċettabbli u li jinkludi mill-inqas it-tagħrif imsemmi fl-anness ta’ din id-Direttiva.

Il-pubblikazzjoni ta’ avviż skond l-Artikolu 35(4) u l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/18/KE jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt b) ta’ dan il-paragrafu.

3. Il-konklużjoni ta’ kuntratt li ssegwi d-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku imsemmija fil-paragrafu 2 ma tistax isseħħ qabel it-tmiem ta’ perjodu minimu ta’ għaxart ijiem kalendarji mill-għada tal-jum meta l-avviż imsemmi fil-paragrafu 2(b) jingħata l-pubbliċità stipulata.

4. Il-paragrafi 2 u 3 ma japplikawx, la f’każ ta’ urġenza assoluta skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 31(1)(c) tad-Direttiva 2004/18/KE, u lanqas għal kuntratti espliċitament esklużi skond it-termini ta’ l-Artikoli 12 u 18 tad-Direttiva msemmija.

Artikolu 2f

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ħarsien, min-naħa waħda, tal-perjodi stipulati fl-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 2a(2) u (3) u, min-naħa l-oħra, ta’ l-Artikolu 2e skond il-kundizzjonijiet definiti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2. Il-konklużjoni ta’ kuntratt li tkun seħħet bi ksur tad-dispożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 titqies li hija bla effett.

3. B’deroga tal-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kuntratt li jkun ġie konkluż bi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jista’, madankollu, iħalli ċerti effetti bejn il-partijiet ikkonċernati jew fir-rigward ta’ partijiet terzi mat-tmiem ta’ perjodu ta’ preskrizzjoni li ma jistax ikun anqas minn 6 xhur mid-data effettiva tal-konklużjoni.

Id-deroga stipulata fl-ewwel inċiż tista’ tiġi applikata wkoll meta, fil-qafas ta’ appell li jfittex li jistabbilixxi u jislet il-konsegwenzi ta’ konklużjoni li sseħħ bi ksur tal-paragrafu 1, xi entità ta’ l-appell indipendenti mill-awtorità kontraenti ssib li l-ħarsien ta’ ċerti eżiġenzi assoluti jew imperattivi dwar xi interess ġenerali ta’ natura mhux ekonomika teħtieġ li, f’dan il-każ partikolari, ċerti effetti tal-kuntratt imsemmi m’għandhomx jerġgħu jitqajjmu.

4. L-Istati Membri għandhom jipprovdu s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ konklużjoni ta’ kuntratt bi ksur tad-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, meta ċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 3 jkunu kollha preżenti jew meta l-urġenza assoluta skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 31(1)(c) tad-Direttiva 2004/18/KE tkun ġiet invokata minn awtorità kontraenti filwaqt li l-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni ma jkunux kollha preżenti.

Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diswadenti.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn [ tmintax-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea] u kull tibdil fihom mill-aktar fis possibbli.”

4) L-Artikolu 3 jiġi emendat kif ġej:

a) Il-Paragrafi 1 u 2 jiġu mibdula bit-test li ġej:

“1. Il-Kummissjoni tista’ tinvoka l-proċedura stipulata fil-paragrafi 2 sa 5 hija tqis li jkun seħħ ksur serju tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi waqt il-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt fil-qasam ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE.

2. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru u lill-awtorità kontraenti bir-raġunijiet li wassluha biex tqis li jkun seħħ ksur serju, u titlob li jissewwa.

Hija għandha tistipula żmien raġonevoli għar-risposta ta’ l-Istat Membru skond iċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku”.

b) Fil-Paragrafu 3, il-frażi tal-ftuħ tiġi mibdula bit-test li ġej:

“Qabel it-tmiem tal-perjodu stipulat fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika lill-Kummissjoni:”

5) L-Artikolu 4 jiġi mibdul bit-test li ġej:

“Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni, kull sena, tagħrif dwar l-operat tal-proċeduri nazzjonali ta’ appelli li jkunu seħħu matul is-snin kalendarji preċedenti. Il-Kummissjoni tiddetermina, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kuntratti Pubbliċi, l-għan u n-natura ta’ dan it-tagħrif.

2. Qabel it-tmiem ta’ perjodu ta’ sitt snin mill- [ 18-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea ] il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kuntratti Pubbliċi, għandha teżamina mill-ġdid l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u, jekk ikun il-każ, tipproponi emendi meqjusa meħtieġa.

6) Jiżdied l-Anness li t-test tiegħu jidher fl-Anness I ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

Id-Direttiva 92/13/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

1) L-Artikolu 1 jiġi emendat kif ġej:

a) Il-Paragrafu 1 jiġi mibdul bit-test li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-entitajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu appellati b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun, skond il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2 sa 2f, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-kwistjoni ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittraspostaw din il-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-proċeduri ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi li jirriżultaw mid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; (*)

__________________________

(*) ĠU L 134 tat-30.4.2004, p. 1.”

b) Il-Paragrafu 3 jiġi mibdul bit-test li ġej:

“3. “L-Istati Membri għandhom jaraw li l-proċeduri ta’ l-appell ikunu aċċessibbli skond il-metodi li l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw mill-inqas għal kull persuna li jkollha, jew kellha interess fil-ksib ta’ kuntratt pubbliku mogħti u li tkun sofriet, jew tkun fil-periklu li ssofri danni minħabba l-ksur allegat.”

c) Jiżdiedu l-paragrafi 4 u 5 kif gej:

“4. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-persuna li tkun tixtieq tagħmel użu mill-proċedura ta’ l-appell għandha tkun infurmat lill-entità kontraenti permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi dwar il-vjolazzjoni allegata u l-intenzjoni tagħha li tressaq appell. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jaraw li l-ebda perjodu minimu ma jiġi impost mill-mument meta dan it-tagħrif jingħata lill-entità kontraenti u l-mument meta jitressaq appell quddiem l-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell.

Bl-istess mod, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-persuna kkonċernata tressaq, fl-ewwel istanza, appell quddiem l-entità kontraenti. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jaraw li l-introduzzjoni ta’ l-appell imsemmi permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi twassal għas-sospensjoni immedjata tal-proċeduri tal-konklużjoni tal-kuntratt.

Is-sospensjoni awtomatika stipulata fit-tieni inċiż tintemm hekk kif jiskadi perjodu li ma jistax ikun anqas minn ħames ġranet tax-xogħol mill-għada tal-ġurnata meta l-entità kontraenti tkun bagħtet it-tweġiba tagħha bil-faks jew mezzi elettroniċi.

5. F’każ ta’ appell dwar jekk l-għoti tat-tagħrif bil-faks jew mezzi elettroniċi jkunx sar jew ma jkunx sar, l-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell, indipendenti mill-entità kontraenti, għandha tqis, b’mod partikolari, l-elementi kollha ta’ prova raġonevoli u pertinenti mgħoddija lilha mill-awturi ta’ dawn il-komunikazzjonijiet li jikkonfermaw li l-komunikazzjonijiet ikunu saru u ġew riċevuti mid-destinatarji tagħhom.”

2) L-Artikolu 2 jiġi emendat kif ġej:

a) Il-Paragrafu 3 jiġi mibdul bit-test li ġej::

“3. Ħlief fil-każ ta’ l-Artikolu 1(4) u ta’ l-Artikoli 2a sa 2f, il-proċeduri ta’ l-appell m’għandux neċessarjament ikollhom l-effett ta’ sospensjoni awtomatika fuq il-proċeduri ta’ l-għoti tal-kuntratt li jirrigwardaw.”

b) Jidħol il-paragrafu 3a kif ġej:

“3a. Meta xi entità indipendenti mill-awtorità kontraenti tiġi infurmata b’appell li jikkonċerna deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt jew dwar deċiżjoni sussegwenti għaliha, hija għandha tavża lill-entità kontraenti, mingħajr dewmien, permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi, li ma tistax tipproċedi għall-konklużjoni tal-kuntratt, għal perjodu ddeterminat mill-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni fuq din l-entità. Dan il-perjodu ma jistax ikun anqas minn ħamest ijiem tax-xogħol mill-għada tal-jum meta jintbagħat it-tagħrif ikkonċernat. Wara l-eżami tad-dokumenti kollha li jakkumpanjaw l-appell, u meta tasal għal konklużjoni li m’għadx hemm il-ħtieġa li jitwal il-perjodu ta’ sospensjoni msemmi hawn fuq, l-entità tista’, f’kull ħin, ittemm l-obbligu li l-kuntratt ma jiġix konkluż”.

c) Il-Paragrafu 4 jiġi mibdul bit-test li ġej:

“4. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, meta l-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell tistħarreġ jekk ikunx il-każ li tieħu miżuri proviżorji, din ta’ l-aħħar għandha tqis il-konsegwenzi probabbli ta’ tali miżuri għall-interessi kollha li jistgħu jsofru dannu, kif ukoll l-interess pubbliku, u tiddeċiedi li ma tiħux dawn il-miżuri meta l-konsegwenzi negattivi jkunu akbar mill-vantaġġi tagħhom.

Meta jagħmlu użu mill-fakultà stipulata fl-ewwel paragrafu, l-Istati Membri ma jistgħux ixekklu l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2f, meta l-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat tkun seħħet bi ksur ta’ l-Artikolu 1(4), ta’ l-Artikolu 2(3a), l-Artikoli 2a sa 2e, jew bi ksur ta’ xi miżura proviżorja kumplimentari meħuda mill-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell u maħsuba sabiex ittawwal il-perjodu ta’ sospensjoni ta’ l-imsemmija konklużjoni.

Id-deċiżjoni li ma jittiħdux miżuri proviżorji ma tkunx ta’ ħsara għad-drittijiet l-oħrajn mitluba mill-persuna li titlob dawn il-miżuri.”

d) Il-Paragrafu 6 jiġi mibdul bit-test li ġej::

“6. Ħlief fil-każ stipulat fl-Artikolu 1(4) u l-Artikoli 2a sa 2f, l-effetti ta’ l-eżerċizzju tal-poteri msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-kuntratt li jirriżulta minn għoti ta’ kuntratt jiġu stabbiliti skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Barra minn hekk, ħlief f’każ li xi deċiżjoni tkun trid tiġi revokata qabel il-ħlas tad-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt li sseħħ skond l-Artikolu 1(4), l-Artikolu 2(3), l-Artikolu 2a sa 2f, il-poteri ta’ l-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell ikunu limitati għall-ħlas tad-danni lil kull persuna li tkun sofriet xi danni minħabba l-vjolazzjoni”.

e) fil-paragrafu 9, l-ewwel punt, il-kliem “ġurisdizzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 234 tat-Trattat” jieħdu post il-kliem “ġurisdizzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 177 tat-Trattat”

3) Jiżdiedu l-Artikoli 2a sa 2f kif ġej:

“Artikolu 2a

1. L-Istati Membri għandhom jaraw li l-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) ikollhom il-ħin meħtieġ sabiex jiżguraw appelli effettivi mid-deċiżjonijiet meħuda mill-entitajiet kontraenti, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jirrispettaw il-kundizzjonijiet minimi dikjarati fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikoli 2b, 2c u 2d.

2. Il-konklużjoni ta’ kuntratt li ssegwi d-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku li jirriżulta mid-Direttiva 2004/17/KE ma tistax isseħħ qabel it-tmiem ta’ perjodu ta’ għaxart ijiem kalendarji mill-għada tal-jum meta d-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt tiġi kkomunikata permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi lil dawk li jkunu ressqu l-offerti. Il-komunikazzjoni, lil kull min ikun ressaq offerta, ta’ l-għoti għandha tkun akkumpanjata minn sommarju eżekuttiv tar-raġunijiet rilevanti kif imsemmija fl-Artikolu 49(2) tad-Direttiva 2004/17/KE.

3. B’deroga tal-paragrafu 2, fil-każijiet fejn jiġu applikati l-perjodi mqassra skond l-Artikolu 45(8) tad-Direttiva 2004/17/KE l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-konklużjoni ta’ kuntratt li ssegwi d-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma tistax isseħħ qabel it-tmiem ta’ perjodu ta’ sebat ijiem kalendarji mill-għada tal-jum meta d-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt tiġi kkomunikata permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi lil dawk li jkunu tefgħu l-offerti. Dan il-perjodu jitwal awtomatikament bi tlett ijiem kalendarji meta persuna kif imsemmija fl-Artikolu 1(3) tavża lill-entità kontraenti, qabel ma jiskadi dan il-perjodu, permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi, li jkollha l-intenzjoni li tressaq appell. Il-komunikazzjoni, lil kull min ikun ressaq offerta, ta’ l-għotja għandha tkun akkumpanjata minn sommarju eżekuttiv tar-raġunijiet rilevanti kif imsemmija fl-Artikolu 49(2) tad-Direttiva 2004/17/KE.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw l-ewwel inċiż meta l-kwistjoni tkun tittratta kuntratti msejsa fuq ftehim qafas skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4), l-Artikolu 14(2) u (3) tad-Direttiva 2004/17/KE jew kuntratti mogħtija fil-qafas ta’ sistemi ta’ akkwist dinamiċi skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(5) u l-Artikolu 15 tad-Direttiva msemmija..

4. Il-perjodi msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ma japplikawx f’każ ta’ urġenza assoluta skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 40(3)(d) tad-Direttiva 2004/17/KE.

Artikolu 2b

1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-perjodi msemmija fl-Artikolu 2a(2), (3) u (4) ma japplikawx fil-każijiet li ġejjin:

a) meta l-kwistjoni tkun tittratta kuntratti msejsa fuq ftehim qafas li jkun sar ma’ operatur ekonomiku wieħed skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 40(3)(i) tad-Direttiva 2004/17/KE;

b) meta l-kwistjoni tkun tittratta kuntratti mogħtija fil-qafas ta’ proċedura miftuħa skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(9)(a) tad-Direttiva 2004/17/KE u l-entità kontraenti tkun irċievet biss offerta mingħand il-persuna li lilha tkun tixtieq tagħti l-kuntratt;

c) meta l-kwistjoni tkun tittratta kuntratti mogħtija fil-qafas ta’ proċedura ristretta skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(9)(b), id-Direttiva 2004/17/KE u, ħlief għall-operatur ekonomiku li jkun ingħata l-kuntratt, l-operaturi ekonomiċi l-oħrajn kollha li jkunu ġew mistiedna biex iressqu offerta jkunu soġġetti għal deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti soġġetta għall-appell li ttemm il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura fuq kriterji diversi mill-kriterji ta’ l-għoti tal-kuntratt.

d) meta l-kwistjoni tkun tittratta kuntratti mogħtija fil-qafas ta’ proċedura negozjata skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(9)(c), tad-Direttiva 2004/17/KE u, ħlief għall-operatur ekonomiku li jkun ingħata l-kuntratt, l-operaturi ekonomiċi l-oħrajn kollha li jkunu ġew ikkonsultati u wrew interess fl-offerta jkunu soġġetti għal deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti soġġetta għall-appell li ttemm il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura fuq kriterji diversi mill-kriterji ta’ l-għoti tal-kuntratt.

Artikolu 2c

1. Meta l-Istati Membri jistipulaw li l-appelli kollha minn deċiżjoni ta’ entità kontraenti meħuda fil-qafas ta’, jew b’konnessjoni ma’ proċedura għall-għoti tal-kuntratti li tirriżulta mid-Direttiva 2004/17/KE għandhom jitressqu qabel it-tmiem ta’ perjodu ddeterminat, dan il-perjodu ma jistax ikun anqas minn għaxart ijiem kalendarji mill-għada tal-jum meta din id-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti tkun ikkomunikata lil min ikun tefa’ l-offerta jew il-kandidat ikkonċernat permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi. Il-komunikazzjoni, lil kull min ikun tefa’ offerta jew kull kandidat, ta’ din id-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti għandha tkun akkumpanjata minn sommarju eżekuttiv tar-raġunijiet rilevanti kif imsemmija fl-Artikolu 49(2) tad-Direttiva 2004/17/KE.

2. L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-fakultajiet ipprovduti mill-Artikolu 2a(3) jistgħu jipprovdu li l-appell imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitressaq fi żmien perjodu li ma jistax ikun anqas minn sebat ijiem kalendarji mill-għada tal-jum meta din id-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti tiġi kkomunikata permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi lil dak li jkun ressaq l-offerta jew lill-kandidat ikkonċernat.

Dan il-perjodu jitwal awtomatikament bi tlett ijiem kalendarji meta persuna kif imsemmija fl-Artikolu 1(3) tavża lill-entità kontraenti kkonċernata, qabel ma jiskadi dan il-perjodu, permezz tal-faks jew mezzi elettroniċi, li jkollha l-intenzjoni li tressaq appell.

Il-komunikazzjoni, li kull min ikun tefa’ offerta jew kull kandidat ikkonċernat, ta’ din id-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti għandha tkun akkumpanjata minn sommarju eżekuttiv tar-raġunijiet rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 49(2) tad-Direttiva 2004/17/KE.

Artikolu 2d

F’każ ta’ appell dwar jekk il-komunikazzjoni bil-faks jew mezzi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 2b u 2d tkun saret jew ma tkunx saret, l-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell, għandha tqis, b’mod partikolari, l-elementi kollha ta’ prova raġonevoli u pertinenti mgħoddija lilha mill-entità kontraenti li jindikaw li din il-komunikazzjoni tkun intbagħtet u ġiet riċevuta minn dak li jkun tefa’ l-offerta jew il-kandidat ikkonċernat.

Artikolu 2e

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-effikaċja ta’ l-appelli b’inġunzjoni jew kanċellazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1)(a), (b) u (c), kontra l-kuntratti mogħtija illegalment bi ftehim, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2. Meta xi entità kontraenti tqis, fir-rigward tal-liġi Komunitarja applikabbli, li ma tistax tibda proċeduri formali li jikkonsistu f’miżuri ta’ riklami u kompetizzjoni minn qabel għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku fejn il-valur huwa aktar mill-limitu korrispondenti tad-Direttiva 2004/17/KE, din l-entità kontraenti għandha, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, tieħu ż-żewġ mizuri li ġejjin:

a) tadotta deċiżjoni dwar l-għoti li ma toħloq l-ebda effett kontrattwali u suxxettibbli li jiġi soġġett għal appell skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 1 u 2 ta’ din id-Direttiva;

b) tippubblika avviż li jiżgura livell ta’ riklami aċċettabbli u li jinkludi mill-inqas it-tagħrif imsemmi fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Il-pubblikazzjoni ta’ avviż skond l-Artikoli 43 u 44 tad-Direttiva 2004/17/KE jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt b) ta’ dan il-paragrafu.

3. Il-konklużjoni ta’ kuntratt li ssegwi d-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratt skond il-paragrafu 2 ma tistax isseħħ qabel it-tmiem ta’ perjodu minimu ta’ għaxart ijiem kalendarji mill-għada tal-jum meta l-avviż imsemmi fil-paragrafu 2(b) jingħata l-pubbliċità mitluba.

4. Il-paragrafi 2 u 3 ma japplikawx, la f’każ ta’ urġenza assoluta skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 40(3)(d) tad-Direttiva 2004/17/KE, u lanqas għal kuntratti espliċitament esklużi skond it-termini ta’ l-Artikoli 19 sa 26 ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 2f

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ħarsien, minn naħa waħda, tal-perjodi stipulati fl-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 2a(2) u (3) u, min-naħa l-oħra, ta’ l-Artikolu 2e skond il-kundizzjonijiet definiti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2. Il-konklużjoni ta’ kuntratt li tkun seħħet bi ksur tad-dispożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 titqies li hija bla effett.

3. B’deroga tal-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kuntratt li jkun ġie konkluż bi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jista’, madankollu, iħalli ċerti effetti bejn il-partijiet ikkonċernati jew fir-rigward ta’ partijiet terzi mat-tmiem ta’ perjodu ta’ preskrizzjoni li ma jistax ikun anqas minn sitt xhur mid-data effettiva tal-konklużjoni.

Id-deroga stipulata fl-ewwel inċiż tista’ tiġi applikata wkoll meta, fil-qafas ta’ appell li jfittex li jistabbilixxi u jislet il-konsegwenzi ta’ konklużjoni li sseħħ bi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, xi entità ta’ l-appell indipendenti mill-entità kontraenti ssib li l-ħarsien ta’ ċerti eżiġenzi assoluti jew imperattivi dwar xi interess ġenerali ta’ natura mhux ekonomika teħtieġ li, f’dan il-każ partikolari, ċerti effetti tal-kuntratt imsemmi m’għandhomx jerġgħu jitqajmu.

4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ sanzjonijiet maħsuba sabiex ma jħallux mingħajr konsegwenzi l-konklużjoni ta’ kuntratt bi ksur tad-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, meta ċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 3 jkunu kollha preżenti jew meta l-urġenza assoluta skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 40(3)(d) tad-Direttiva 2004/17/KE tkun ġiet invokata minn entità kontraenti anki jekk il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni ma jkunux kollha preżenti.

Is-sanzjonijiet previsti hawnhekk għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diswassivi.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill- [ 18-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewrope a] u kull tibdil fihom mill-aktar fis possibbli.

4) L-Artikoli 3 sa 7 jitħassru.

5) L-Artikolu 8 jiġi emendat kif ġej:

a) Il-Paragrafi 1 u 2 jiġu mibdula bit-test li ġej:.

“1. Il-Kummissjoni tista’ tinvoka l-proċeduri pprovduti fil-paragrafi 2 sa 5 jekk hija tqis li jkun seħħ ksur serju tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti waqt il-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt li jaqa’ fil-qasam ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE jew f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 27(a) tad-Direttiva imsemmija għall-entitajiet kontraenti li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru u lill-entità kontraenti kkonċernata bir-raġunijiet li wassluha biex tqis li jkun seħħ ksur serju, u titlob li din ta’ l-aħħar issewwi dan bil-mezzi xierqa.

Hija għandha tistipula żmien raġonevoli għar-risposta ta’ l-Istat Membru skond iċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku”.

b) Fil-Paragrafu 3, il-frażi tal-ftuħ tiġi mibdula bit-test li ġej:

“Qabel it-tmiem tal-perjodu stipulat fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika lill-Kummissjoni:”.

6) L-Artikoli 9 sa 11 jitħassru.

7) L-Artikolu 12 jiġi mibdul bit-test li ġej:

Artikolu 12

1. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni, kull sena, tagħrif dwar l-operat tal-proċeduri nazzjonali ta’ appelli li jkunu seħħu matul is-snin kalendarji preċedenti. Il-Kummissjoni tiddetermina, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kuntratti Pubbliċi, il-qasam u n-natura ta’ dan it-tagħrif.

2. Qabel it-tmiem ta’ perjodu ta’ sitt snin mill- [ 18-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea] il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kuntratti Pubbliċi, għandha teżamina mill-ġdid l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u, jekk ikun il-każ, tipproponi emendi meqjusa meħtieġa.”

8) Jiżdied l-Anness li t-test tiegħu jidher fl-Anness II ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 3 Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill- [ tmintax-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea] . L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll tabella tal-konverġenzi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-mod ta’ kif issir din ir-referenza jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet essenzjali tal-leġiżlazzjoni interna li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4 Dħul fis-Seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih ikun ippubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 5 Indirizz

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[…] […]

ANNESS I

“ANNESS

Tagħrif minimu li għandu jingħatafl-avviż imsemmi fl-Artikolu 2e(2)(b)

- l-isem, l-indirizz u l-punt(i) ta’ kuntatt ta’ l-awtorità kontraenti;

- intestatura attribwita lill-kuntratt mill-awtorità kontraenti;

- tip ta’ kuntratt (xogħol/fornituri/servizzi) u l-post fejn jitwettaq ix-xogħol, il-fornitura jew is-servizz;

- deskrizzjoni tal-kuntratt fil-qosor;

- klassifka CPV (vokabularji komuni għall-kuntratti pubbliċi);

- il-valur totali finali tal-kuntratt mogħti;

- id-data tad-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt;

- ġustifikazzjoni ta’ l-għażla li ma jinbdewx proċeduri formali li jikkonsistu f’miżuri ta’ riklami u kompetizzjoni minn qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku fejn il-valur huwa aktar mil-limitu korrispondenti tad-Direttiva 2004/18/KE skond il-każ jew każijiet imsemmija fl-Artikolu 31 ta’ dik id-Direttiva jew kull ġustifikazzjoni konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli;

- l-isem u l-indirizz ta’ l-operatur ekonomiku li jkun ingħata l-kuntratt;

- indikazzjoni preċiża ta’ l-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell u tal-perjodi għat-tressiq ta’ l-appelli;

- is-servizz minn fejn jista’ jinkiseb tagħrif dwar it-tressiq ta’ l-appelli.”

ANNESS II

“ANNESS

Tagħrif minimu li għandu jingħatafl-avviż imsemmi fl-Artikolu 2e(2)(b)

- l-isem, l-indirizz u l-punt(i) ta’ kuntatt ta’ l-entità kontraenti;

- intestatura attribwita lill-kuntratt mill-entità kontraenti;

- tip ta’ kuntratt (xogħol/fornituri/servizzi) u l-post fejn jitwettaq ix-xogħol, il-fornitura jew is-servizz;

- deskrizzjoni tal-kuntratt fil-qosor;

- klassifka CPV (vokabularji komuni għall-kuntratti pubbliċi);

- il-valur totali finali tal-kuntratt mogħti;

- id-data tad-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt;

- ġustifikazzjoni ta’ l-għażla li ma jinbdewx proċeduri formali li jikkonsistu f’miżuri ta’ riklami u kompetizzjoni minn qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku fejn il-valur huwa aktar mil-limitu korrispondenti tad-Direttiva 2004/17/KE skond il-każ jew każijiet imsemmija fl-Artikolu 40(3) ta’ dik id-Direttiva jew kull ġustifikazzjoni konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli;

- l-isem u l-indirizz ta’ l-operatur ekonomiku li jkun ingħata l-kuntratt;

- indikazzjoni preċiża ta’ l-entità responsabbli mill-proċeduri ta’ l-appell u tal-perjodi għat-tressiq ta’ l-appelli;

- is-servizz minn fejn jista’ jinkiseb tagħrif dwar it-tressiq ta’ l-appelli. »[pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] ĠU C […] tal-[…] , p.[…].

[2] ĠU C […] tal-[…] , p.[…].

[3] ĠU C […] tal-[…] , p.[…].

[4] ĠU C […] tal-[…] , p.[…].

[5] ĠU L 395 tat-30.12.1989, p. 33. Direttiva emendata mid-Direttiva 92/50/KEE (ĠU L 209 ta’ l-24.7.1992, p. 1).

[6] ĠU L 76 tat-23.3.1992, p. 14. Direttiva l-aħħar emendata mill-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003.

[7] ĠU L 134 tat-30.4. 2004, p. 114. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament 2083/2005/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 333 ta’ l-20.12.2005, p 28).

[8] ĠU L 134 tat-30.4.2004, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) 2083/2005.

[9] Ġabra 2005, p. I-1, punt 39.