52006PC0149

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jadatta r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD), minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija ma' l-Unjoni Ewropea /* KUMM/2006/0149 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 5.4.2006

KUMM(2006) 149 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jadatta r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD), minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija ma' l-Unjoni Ewropea

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fl-20 ta’ Settembru 2005, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali li jagħmel tibdiliet fl- acquis li kienu bbażati fuqhom in-negozjati dwar l-adeżjoni mal-Bulgarija u r-Rumanija. Dan ir-regolament ma jqisx ir-riżultati tan-negozjati ta’ l-adeżjoni jew, tabilħaqq, tat-tkabbir innifsu. Għalhekk, hemm ħtieġa li jiġu adattati kemm l-Att ta’ l-Adeżjoni kif ukoll it-test tar-regolament il-ġdid dwar l-iżvilupp rurali qabel l-adeżjoni sabiex ikun żgurat li dawn it-tnejn ikunu kompatibbli.

Speċifikament, hemm ħtieġa li:

- jiġu adattati l-annessi marbuta ma’ l-iżvilupp rurali ta' l-Att ta' l-Adeżjoni sabiex ir-riżultati tan-negozjati jkunu kompatibbli ma' l- acquis il-ġdid (fejn ir-referenzi fl-Att ta’ l-Adeżjoni ma għadhomx validi jew fejn ir-riżultati tan-negozjati ma humiex immedjatament kompatibbli mar-regolament il-ġdid dwar l-iżvilupp rurali);

- li jiġu adattati l-artikoli 29 u 34 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni fejn dawn jirreferu għal regoli tranżitorji u implimentattivi għall-iżvilupp rurali;

- li jiġi adattat ir-regolament il-ġdid dwar l-iżvilupp rurali sabiex ikun jista' jiġi applikat għall-Bulgarija u r-Rumanija u sabiex jinkorpora r-riżultati tan-negozjati dwar l-adeżjoni, skond kif ikun xieraq.

Il-prinċipji ta’ gwida li ġew segwiti fit-tħejjija ta’ dawn l-adattamenti kienu li l-karattru u l-prinċipji fundamentali tar-riżultati tan-negozjati dwar l-adeżjoni għandhom jinżammu u li l-adattazzjonijiet għandhom ikunu limitati għal dak li huwa assolutament meħtieġ.

Il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja għall-baġit Komunitarju.

Il-proposti li saru fit-testi legali (żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill u Regolament tal-Kunsill rispettivament) huma deskritti hawn taħt.

LEADER – Limitu finanzjarju massimu għall-ass 4

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jistabbilixxi li fi ħdan kull programm ta’ żvilupp rurali għandu jkun hemm ass obbligatorju Leader sabiex jappoġġa l-istrateġiji ta’ żvilupp rurali mfassla u implimentati lokalment, u li dan l-ass għandu jqis perċentwal minimu tal-kontribut EAFRD lejn il-programm. Minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-implimentazzjoni ta’ l-approċċ Leader, u sabiex tinkiseb ħila lokali suffiċjenti biex Leader ikun applikat, il-medja tal-kontributi finanzjarji ta' 2.5% għall-ass Leader applikabbli għall-UE-10 għandha tkun applikata għall-Bulgarija u r-Rumanija fil-perjodu 2010–2013 biss. It-test legali jiċċara wkoll kif dan il-perċentwali għandu jiġi kkalkulat.

Miżuri tat-tip LEADER+

Il-miżuri maqbula mal-Bulgarija u r-Rumanija marbuta ma’ l-appoġġ għall-akkwist ta’ ħiliet maħsuba biex iħejju l-komunitajiet rurali biex jikkonċepixxu u jimplimentaw strateġiji lokali ta’ żvilupp huma differenti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Ir-riżultati tan-negozjati mal-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jinżammu f’dan il-qasam.

Servizzi ta’ Konsultazzjoni

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-użu ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni jvarjaw kemm fl-ambitu tagħhom kif ukoll fil-livell ta’ appoġġ finanzjarju għall-benefiċjarji minn dawk stipulati għall-perjodu 2007–09 fit-Trattat ta’ l-Adeżjoni. Sabiex tkun evitata kull possibbilta ta' ffinanzjar doppju għall-ewwel tliet snin tal-programm, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jingħataw l-għażla li jimplimentaw jew il-miżura prevista fl-Anness VIII għall-Att ta' Adeżjoni jew il-miżura prevista fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Barra minn hekk, sabiex jingħata effett lill-istqarrija konġunta mill-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-Bulgarija u r-Rumanija, li ddaħħlet fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill tad-19/20 ta' Settembru fejn intlaħaq qbil politiku dwar ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, huwa propost li tiġi estiża l-miżura tat-Trattat ta' l-Adeżjoni dwar l-għoti ta' servizzi ta' konsultazzjoni sal-2013 għal bdiewa li jirċievu appoġġ ta’ semi-sussistenza.

Miżuri agri-ambjentali u għall-benessri ta' l-annimali

Ir-riżultati tan-negozjati dwar l-adeżjoni inkludew dispożizzjoni għall-Bulgarija u r-Rumanija biex ikunu kkofinanzjai miżuri agri-ambjentali u miżuri għall-benessri ta’ l-annimali fil-livell ta’ 85%. Sabiex tkun żgurata l-konsistenza ma’ l-arkitettura finanzjarja l-ġdida tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, li taħtu r-rati ta’ ko-finanzjament ma għadhomx iktar iffissati fil-livell tal-miżuri iżda fil-livell ta’ l-assi, huwa propost li tiġi applikata rata massima ta’ ko-finanzjament ta' 82% lill-Bulgarija u r-Rumanija għall-ass 2 (minflok il-massimu ta’ 80% previst skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005) għal matul il-programm u l-perjodu ta' pprogrammar kollu. Din il-figura ta’ 82% hija bbażata fuq il-ko-effiċjent mistenni tal-miżuri agri-ambjentali u ta’ benessri ta’ l-annimali fi ħdan in-nefqa globali ta’ dawn il-pajjiżi taħt l-ass 2 u għalhekk iżomm benefiċċju ekwivalenti għal dak mogħti fit-Trattat ta’ l-Adeżjoni.

Komplementi għal pagamenti diretti nazzjonali

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni stabbiliet Fond waħdieni għall-appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali, bidel iż-żewġ sorsi preċedenti ta’ finanzjament (EAGGF – Gwida u Garanzija). B’riżultat ta’ dan, jinħtieġ li tkun iċċarata l-bażi għall-kalkolu tal-limitu ta’ 20 % speċifikat fil-komplement għall-miżura tal-pagamenti diretti prevista fl-Anness VIII għall-Att ta’ Adeżjoni fuq ammonti ta’ fondi tat-tieni pilastru li jistgħu jiġu ttrasferiti biex jintużaw bħala komplementi għall-pagamenti diretti lill-bdiewa taħt l-ewwel pilastru tal-PAK. Meta wieħed iqis il-ħtieġa għall-konsistenza mad-dispożizzjonijiet applikati lill-UE-10, il-ħtiġijiet taż-żewġ pajjiżi fl-iżvilupp rurali, u l-importanza ta' ħarsien kontra trasferimenti potenzjalment eċċessivi ta' fondi tat-tieni pilastru, huwa propost li l-limitu ta' 20% għandu jiġi applikat biss lill-komponent ta' Garanzija ta' l-EAGGF.

Regoli tranżitorji u implimentattivi

Referenzi għar-regoli tranżitorji u implimentattivi fl-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jiġu adattati biex jikkonformaw mal-proċeduri stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

Aġġustamenti tekniċi

Il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jiżdiedu mal-lista ta’ Stati Membri ġodda li għalihom japplikaw il-miżuri tranżitorji skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Jinħtieġ li jitħassru d-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ l-Anness VIII ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni, li issa jew (1) huma koperti direttament mir-Regolament (KE) Nru 1698/2005: appoġġ għall farms ta’ semi-sussitenza li għaddejjin minn ristrutturar, gruppi ta’ produtturi, għajnuna teknika, jew inkella (2) ma għadhomx applikabbli: rekwiżit li l-appoġġ ta’ investiment jiġi llimitat lil stabbilimenti agrikoli li għalihom tista' tintwera' l-vijabbiltà ekonomika fi tmiem it-twettiq ta' l-investiment.

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jadatta r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD), minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija ma' l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u partikolarment l-Artikolu 56 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005[1] introduċa regoli ġenerali li jiggvernaw l-appoġġ Komunitarju għall-politika ta’ l-iżvilupp rurali għall-perjodu ta’ pprogrammar 2007–2013 u stabbilixxa prijoritajiet u miżuri għall-iżvilupp rurali.

(2) Dawk ir-regoli u l-miżuri ġenerali għandhom jiġu adattati biex jippermettu l-implimentazzjoni tagħhom fil-Bulgarija u r-Rumanija mid-data ta' l-adeżjoni ta' dawk il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.

(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jistabbilixxi ass Leader obbligatorja fi ħdan il-programm ta’ żvilupp rurali, li għandu jirrappreżenta perċentwali minimu ta’ kontribut EAFRD lill-programm. Minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-implimentazzjoni ta’ l-approċċ Leader, u tinkiseb tinbena ħila lokali suffiċjenti biex ikun applikat Leader, il-medja tal-kontributi finanzjarji ta' 2.5% għall-ass Leader għandha tkun applikata għall-perjodu 2010–2013 għal dawk il-pajjiżi.

(4) Bil-ħsieb li l-Bulgarija u r-Rumanija jkunu permessi jibbenefikaw sal-2013 mill-miżuri tranżitorji dwar l-appoġġ lil stabbilimenti agrikoli ta’ semi-sussistanza u t-twaqqif ta’ gruppi ta' produtturi, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jiżdiedu mal-lista ta’ pajjiżi li jibbenefikaw minn dawn il-miżuri.

(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għandu għaldaqstant jiġi emendat skond dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 huwa emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 17(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-Bulgarija u r-Rumanija, il-medja ta’ għallinqas 2.5% tal-kontribut totali EAFRD għall-ass 4 għandu jiġi rrispettat matul il-perjodu 2010–2013. Kull kontribut mill-EAFRD għal dak l-ass matul il-perjodu 2007–2009 għandu jitqies għall-kalkolu tal-perċentwali."

(2) Fl-Artikolu 20(d), il-kliem introduttorju huwa mibdul b'dan li ġej:

“miżuri tranżitorji għall-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja dwar:”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007 soġġett għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.