52006PC0097

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles /* KUMM/2006/0097 finali - CNS 2006/0029 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 6.3.2006

KUMM(2006) 97 finali

2006/0029 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDU M TA' SPJEGAZZJONI

Wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd ta’ Lulju 2004, il-Komunità terġa’ tinnegozja l-istruttura kollha tal-ftehim eżistenti biex minflokha tieħu postha din l-istruttura l-ġdida

L-inizjalar tas-Sħubija l-ġdida dwar is-Sajd bejn il-Komunità u s-Seychelles saret f’Marzu 2005. Iż-żewġ partijiet hemmhekk qablu dwar qafas ta' ftehim ġdid u protokoll dwar is-sajd.

Il-Ftehim il-ġdid tas-Sħubija dwar is-Sajd u l-protokoll il-ġdid jaħsbu għal titjib fil-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fis-settur tas-sajd bil-għan li jassiguraw li r-riżorsi jiġu konservati u użati b’mod sostenibbli, kifukoll għal sħubija bejn impriżi bil-għan li jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi fis-settur tas-sajd u attivitajiet relatati.

Iż-żewġ Partijiet qablu li jissuġġerixxu lill-awtoritajiet tagħhom rispettivi biex jibdlu l-qafas ta’ ftehim eżistenti b’dan il-ftehim tas-sħubija ġdid u l-protokoll il-ġdid tas-sajd (il-protokoll dalwaqt se jkun adottat f'proċedura separata).

Fil-kuntest ta’ dan t’hawn fuq, dan il-Ftehim il-ġdid se jinkoraġixxi li r-riżorsi jintużaw b'mod responsabbli u sostenibbli għall-benefiċċju kemm tal-KE kifukoll tar-Repubblika tas-Seychelles.

Il-Kummissjoni fuq bażi ta' dan tipproponi lill-Kunsill biex jadotta l-konklużjoni ta' dan il-Ftehim ġdid tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-KE u s-Seychelles.

2006/0029 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari Artikolu 37 flimkien ma’ Artikolu 300(2) u l-ewwel sottoparagrafu ta’ Artikolu 300(3) marbut tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Billi:

(1) Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1708/87 il-Komunità approvat Ftehim mar-Repubblika tas-Seychelles dwar is-sajd lil hinn mis-Seychelles[3]. Taħt dak il-Ftehim iż-żewġ partijiet wettqu negozjati biex jibdluh bi Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd.

(2) Wara dawk in-negozjati, ġie inizjalat Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd f'Marzu 2005.

(3) Il-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd jaħseb għal titjib fil-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fis-settur tas-sajd bil-għan li jiggarantixxi li r-riżorsi jiġu konservati u jintużaw b’mod sostenibbli, kif ukoll għal sħubija bejn impriżi bil-għan li jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi fis-settur tas-sajd u attivitajiet relatati fl-interess komuni.

(4) Dak il-Ftehim għandu jkun approvat.

(5) Minħabba d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim ġdid, Regolament (KEE) Nru 1708/87 ma jibqax jintuża’ aktar u għalhekk għandu jiġi revokat għal raġunijiet ta’ ċarezza.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (minn issa 'l quddiem "il-Ftehim") hu hawnhekk approvat f'isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim hu mehmuż ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill hu b'dan awtorizzat jaħtar il-persuni li għandhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex jorbtu lill-Komunità.

Artikolu 3

Regolament (KEE) Nru 1708/87 hu b'dan irrevokat.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak li fih jiġi ppubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn issa 'l quddiem magħrufa bħala “l-Komunità”, u

Ir-Repubblika tas-Seychelles, minn issa ‘l quddiem magħrufa bħala “Seychelles”, minn issa ‘l quddiem magħrufa bħala l-“Partijiet”,

FILWAQT LI JQISU r-relazzjoni ta’ ħidma mill-qrib bejn il-Komunità u s-Seychelles, speċjalment fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Cotonou, u x-xewqa tagħhom it-tnejn li jsaħħu dik ir-relazzjoni,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il–Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar,

KONXJI mill-importanza tal-prinċipji stabbiliti permezz tal-Kodiċi ta’ mġiba dwar sajd responsabbli adottat fil-Konferenza tal-FAO fl-1995,

DETERMINATI biex jikkooperaw, fl-interess tagħhom it-tnejn, biex jippromwovu li jibda jsir sajd responsabbli biex ikun żgurat li jiġu kkonservati fit-tul u użati b'mod sostenibbli r-riżorsi ħajjin tal-baħar,

KONVINTI illi dik il-kooperazzjoni għandha tkun forma ta’ inizjattivi u miżuri li, sew jekk jittieħdu flimkien jew sew jekk jittieħdu separatament, ikunu kumplimentari, konsistenti mal-politika u jiżguraw sinerġija fl-isforzi,

BIĦSIEBHOM, għal dawk il-finijiet, jibdew djalogu bil-għan li jiddefenixxu l-politika tas-sajd settorali fis-Seychelles u jidentifikaw il-mezzi addattati biex jiżguraw li din il-politika tkun imħaddma u li operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili jkunu involuti fil-proċess,

ĦERQANA biex jistabbilixxu l-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet li jkopru l-attivitajiet tas-sajd ta' l-bastimenti tal-Komunità fl-ibħra tas-Seychelles u ta' l-appoġġ tal-Komunità biex jibda jsir sajd responsabbli f'dawk l-ilmijiet,

RIŻOLTI biex ikomplu jikkooperaw mill-qrib b’mod ekonomiku fl-industrija tas-sajd u attivitajiet relatati permezz tat-twaqqif u l-iżvilupp ta’ impriżi konġunti li jinvolvu kumpaniji miż-żewġ Partijiet,

HAWNHEKK JAQBLU KIF ĠEJ:

Artikolu 1 - Firxa

Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-prinċipji, regoli u proċeduri li jirregolaw:

- il-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fis-settur tas-sajd bil-għan li s-sajd jibda jsir b'mod responsabbli fl-ilmijiet tas-Seychelles biex ikun garantit li r-riżorsi tas-sajd ikunu kkonservati u użati b'mod sostenibbli, u jiġi żviluppat is-settur tas-sajd fis-Seychelles;

- il-kundizzjonijiet li jkopru l-aċċess għall-ilmijiet tas-Seychelles minn bastimenti tas-sajd tal-Komunità;

- l-arranġamenti biex ikun mgħasses is-sajd fl-ilmijiet tas-Seychelles bil-għan li jkun żgurat li r-regoli u l-kundizzjonijiet t’hawn fuq jiġu mħarsa, il-miżuri għall-konservazzjoni u l-immaniġjar tal-ħażniet tal-ħut ikunu effettivi u jilqgħu għas-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat;

- sħubija bejn kumpaniji bil-għan li jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi fis-settur tas-sajd u attivitajiet relatati, fl-interess komuni.

Artikolu 2 - Tifsiriet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a) “Awtoritajiet tas-Seychelles” tfisser l-Awtorità tas-Sajd tas-Seychelles;

(b) “L-awtoritajiet tal-Komunità" tfisser il-Kummissjoni Ewropea;

(ċ) “Bastiment tal-Komunità” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru tal-Komunità u li hu rreġistrat fil-Komunità;

(d) “impriża konġunta” tfisser kumpanija kummerċjali mwaqqfa fis-Seychelles mis-sidien tal-bastiment jew minn impriżi nazzjonali mill-Partijiet sabiex ikunu jistgħu jistadu jew iwettqu attivitajiet relatati;

(e) "Kumitat Konġunt” tfisser kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità u tas-Seychelles li l-funzjonijiet tagħhom huma deskritti f’Artikolu 9 ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 3 – Prinċipji u għanijiet li fuqhom hija bbażata l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim

1. Il-Partijiet hawnhekk qed jintrabtu li jippromwovu s-sajd b’mod responsabbli fl-ilmijiet tas-Seychelles ibbażat fuq il-prinċipju mhux diskriminatorju bejn il-flotot tas-sajd differenti f’dawk l-ilmijiet, mingħajr preġudizzju għall-ftehim milħuq bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’reġjun ġeografiku, inkluż ftehim reċiproku dwar is-sajd.

2. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bil-għan li jfissru u jimplimentaw politika settorali dwar is-sajd fl-ibħra tas-Seychelles u għandhom għal dak il-għan jibdew politika ta' djalogu dwar ir-riformi neċessarji. Huma qegħdin hawnhekk jintrabtu li ma jadottawx miżuri f’din iż-żona mingħajr ma jikkonsultaw lil xulxin l-ewwel.

3. Il-Partijiet għandhom jikkoperaw ukoll biex jagħmlu evalwazzjonijiet ex-ante, b’mod kontinwu u ex-post , kemm flimkien kifukoll unilateralment, tal-miżuri, programmi u azzjonijiet implimentati fuq bażi ta' dan il-Ftehim.

4. Il-Partijiet hawnhekk jintrabtu li jiżguraw li dan il-Ftehim ikun implimentat skond il-prinċipji ta' tmexxija ekonomika u soċjali tajba.

5. B’mod partikolari, it-tħaddim ta’ baħħara tas-Seychelles abbord il-bastimenti tal-Komunità għandu jkun kopert bid-Dikjarazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji Fundamentali u Drittijiet fuq ix-Xogħol, li għandu japplika bħala dritt tal-kuntratti u l-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol. Dan jolqot b’mod partikolari l-libertà ta’ l-assoċjazzjoni u l-għarfien effettiv tad-dritt ta’ negozjar kollettiv, u t-tneħħija ta’ diskriminazzjoni fejn jidħol xogħol u impjieg.

Artikolu 4 – Kooperazzjoni statistika

1. Waqt il-perjodu kopert b’dan il-Ftehim, il-Komunità u s-Seychelles għandhom jissorveljaw l-evoluzzjoni tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles; għandha ssir laqgħa xjentifika konġunta kull sena b’dak il-għan, darba fil-Komunità u darba fis-Seychelles.

2. Skond il-konklużjonijiet tal-laqgħa xjentifika annwali u l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin fil-Kumitat Konġunt imsemmi f’Artikolu 9 u, fejn hemm bżonn u permezz ta’ ftehim miż-żewġ naħat, jieħdu miżuri biex jiżguraw l-immaniġjar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd.

3. Il-Partijiet hawnhekk jintrabtu li jikkonsultaw lil xulxin, jew direttament jew fi ħdan il-Kummissjoni ta’ l-Oċean Indjan tat-Tonn (IOTC), biex jiżguraw li jitmexxew u jiġu konservati r-riżorsi ħajjin fl-Oċean Indjan u biex jikkooperaw fir-riċerka xjentifika relevanti.

Artikolu 5 – Aċċess millbastimenti tal-Komunità għas-sajd fl-ilmijiet tas-Seychelles

1. Is-Seychelles hawnhekk qed tintrabat li tawtorizza bastimenti tal-Komunità biex jieħdu sehem f’attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tagħha skond dan il-Ftehim, inkluż il-Protokoll u l-Anness marbut miegħu.

2. L-attivitajiet tas-sajd koperti b’dan il-Ftehim għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fis-Seychelles. L-awtoritajiet tas-Seychelles għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’kull emenda għal dik il-leġiżlazzjoni.

3. Is-Seychelles għandha tassumi responsabbiltà għat-tħaddin effettiv tal-provvedimenti tal-monitoraġġ tas-sajd fil-Protokoll. Il-bastimenti tal-Komunità għandhom jikkooperaw ma’ l-awtoritajiet tas-Seychelles responsabbli biex jagħmlu dak il-monitoraġġ.

4. Il-Komunità hawnhekk tintrabat li tieħu l-passi kollha xierqa meħtieġa biex tiżgura li l-bastimenti tagħha jikkonformaw ma’ dan il-Ftehim u mal-leġiżlazzjoni dwar is-sajd fl-ibħra li fuqhom is-Seychelles għandha ġurisdizzjoni.

Artikolu 6 - Liċenzji

1. Il-bastimenti tal-Komunità jistgħu jistadu biss fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles jekk ikollhom liċenzja tas-sajd maħruġa permezz ta’ dan il-Ftehim.

2. Il-proċedura biex opra tikseb liċenzja tas-sajd, it-taxxi applikabbli u l-metodu ta’ ħlas li jrid jintuża’ mis-sidien tal-vapuri għandhom ikunu dawk stipulati fl-Anness tal-Protokoll.

Artikolu 7 – Kontribut finanzjarju

1. Il-Komunità għandha tħallas lil Seychelles kontribut finanzjarju skond ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stipulati fil-Protokoll u fl-Annessi. Dan il-kontribut waħdieni għandu jkun magħmul minn żewġ elementi relatati, primarjament:

(a) aċċess mill-bastimenti tal-Komunità għas-sajd tas-Seychelles, u

(b) l-appoġġ finanzjarju tal-Komunità biex jibda jsir sajd responsabbli u jiġu użati b’mod sostenibbli r-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tas-Seychelles.

2. Il-komponent tal-kontribut finanzjarju msemmi f’punt (b) ta’ paragrafu 1 għandu jkun determinat u mmexxi fid-dawl ta’ l-għanijiet identifikati permezz ta’ qbil komuni bejn il-Partijiet skond il-Protokoll, li jrid jintlaħaq fil-kuntest tal-politika settorali tas-sajd fis-Seychelles u programm annwali u multi-annwali biex ikun implimentat.

3. Il-kontribut finanzjarju mogħti mill-Komunità għandu jitħallas kull sena bi qbil mal-Protokoll u skond dan il-Ftehim u l-Protokoll f'każ li jkun hemm xi tibdil fl-ammont ta' kontribuzzjoni minħabba

(a) ċirkostanzi serji, barra fenomeni naturali, li jżommu milli jsiru attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tas-Seychelles;

(b) tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità, magħmula permezz ta’ ftehim miż-żewġ naħat bejn il-Partijiet bil-għan li l-ħażniet konċernati jkunu immaniġjati, fejn dan jitqies li hu meħtieġ biex ikunu ikkonservati u użati b’mod sostenibbli r-riżorsi skond l-aħjar parir xjentifiku disponibbli;

(ċ) żieda fl-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità, magħmula permezz ta’ ftehim miż-żewġ naħat bejn il-Partijiet fejn l-aħjar parir xjentifiku disponibbli jaqbel li l-istat tar-riżorsi jippermetti hekk;

(d) assessjar mill-ġdid tal-kundizzjonijiet ta’ appoġġ finanzjarju mill-Komunità biex tkun implimentata l-politika settorali tas-sajd fis-Seychelles, fejn din hi żgurata mir-riżultati ta' l-ipprogrammar annwali u multi-annwali osservat miż-żewġ Partijiet;

(e) għeluq ta’ dan il-Ftehim taħt Artikolu 12.

(f) sospensjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim taħt Artikolu 13.

Artikolu 8 – Promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn operaturi ekonomiċi u fis-soċjetà ċivili

1. Il-Partijiet għandhom jinkoraġixxu kooperazzjoni ekonomika, kummerċjali, xjentifika u teknika fis-settur tas-sajd u setturi relatati. Huma għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jikkoordinaw il-miżuri differenti li jistgħu jittieħdu għal dan il-għan.

2. Il-Partijiet għandhom jinkoraġixxu l-qsim ta' informazzjoni dwar tekniki u tagħmir tas-sajd, metodi ta' preżervazzjoni u pproċessar industrijali tal-prodotti tas-sajd.

3. Il-Partijiet għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għat-tixrid tar-relazzjonijiet bejn impriżi mill-Partijiet fl-oqsma tekniċi, ekonomiċi u kummerċjali, billi jħajru l-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta' negozju u investiment.

4. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu, b’mod partikolari, t-twaqqif ta' impriżi konġunti fl-interess tagħhom it-tnejn. Il-ħolqien ta’ impriżi konġunti fis-Seychelles u t-trasferiment ta’ l-bastimenti tal-Komunità lill-impriżi konġunti għandu jaqbel sistematikament mal-leġiżlazzjoni tas-Seychelles u tal-Komunità.

Artikolu 9 – Kumitat Konġunt

1. Għandu jitwaqqaf Kumitat Konġunt bil-għan li jissorvelja t-tħaddim ta' dan il-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt għandu jwettaq il-funzjonijiet li ġejjin:

(a) jissorvelja t-tħaddim, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim u, b’mod partikolari, it-tifsira ta' l-ipprogrammar annwali u multi-annwali msemmi f'Artikolu 7(2) u l-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tiegħu;

(b) jipprovdi r-rabta meħtieġa għal kwistjonijiet ta’ interess komuni marbuta mas-sajd;

(ċ) jaġixxi bħala forum biex jissolva b'mod amikevoli kull diżgwid marbut ma' l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Ftehim;

(d) jerġa’ jevalwa, fejn hemm bżonn, il-livell ta’ opportunitajiet ta’ sajd u, konsegwentement, tal-kontribut finanzjarju;

(e) kull funzjoni oħra li l-Partijiet jiddeċiedu dwarha permezz ta’ ftehim miż-żewġ naħat.

2. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ ta’ l-inqas darba f’sena, darba fil-Komunità u darba fis-Seychelles, u għandu jkun ippresedut mill-Parti li qed torganizza l-laqgħa. Għandha tagħmel laqgħa speċjali fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet.

Artikolu 10 – Żona ġeografika li għaliha japplika l-Ftehim

Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa, għat-territorji li fih japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skond il-kundizzjonijiet stipulati f’dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tas-Seychelles.

Artikolu 11 - Tul

Dan il-Ftehim għandu japplika għal sitt snin mid-data li fiha jidħol fis-seħħ; għandu jiġġedded għal perjodi oħra ta’ sitt snin, sakemm ma tingħatax notifika tat-tmiem tiegħu skond Artikolu 12.

Artikolu 12 - Tmiem

1. Dan il-Ftehim jista’ jintemm minn xi waħda mill-Partijiet f’każ ta’ ċirkostanzi serji bħad-degradazzjoni tal-ħażniet konċernati, bħal jekk ikun magħruf li kien hemm tnaqqis fil-livell ta’ l-użu ta’ l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità, jew jonqos milli jikkonforma ma' l-impenji li daħlu għalihom il-Partijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat.

2. Il-Parti konċernata għandha tgħarraf bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tirtira mill-Ftehim ta’ l-inqas sitt xhur qabel ma jiskadi l-perjodu inizjali jew kull perjodu ieħor.

3. Kif tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu ta’ qabel għandhom jibdew konsultazzjonijiet mal-Partijiet.

4. Il-ħlas tal-kontribut finanzjarju msemmi f'Artikolu 7 għas-sena li fiha jintemm għandu jitnaqqas proporzjonalment u pro rata temporis.

Artikolu 13 - Sospensjoni

1. L-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tista’ tkun sospiża fuq inizjattiva ta’ waħda mill-Partijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil serju dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati f’dan il-Ftehim. Dik is-sospensjoni għandha titlob lill-Parti konċernata biex tgħarraf bil-miktub l-intenzjoni tagħha ta’ l-inqas tliet xhur qabel id-data li fiha għandha sseħħ is-sospensjoni. Kif jirċievu din in-notifika, il-Partijiet għandhom jibdew konsultazzjonijiet bil-għan li jirrisolvu b’mod amikevoli d-differenzi ta’ bejniethom.

2. Il-ħlas tal-kontribut finanzjarju msemmi f’Artikolu 7 għandu jitnaqqas proporzjonalment u pro rata temporis, skond kemm ittul is-sospensjoni.

Artikolu 14 – Protokoll u Anness

Il-Protokoll u l-Anness għandhom ikunu parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 15 – Tħassir u dispożizzjonijiet tranżitorji

1. Dan il-Ftehim iħassar u jieħu post il-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar is-sajd lil hinn mis-Seychelles ta’ l-1987 sad-data li fiha jidħol fis-seħħ.

2. Iżda, il-Protokoll li jiddefenixxi għall-perjodu mit-18 ta’ Jannar 2005 sas-17 ta’ Jannar 2011 il-possibiltajiet tas-sajd u l-kontribut finanzjarju li jaħseb għalih dan il-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar is-sajd lil hinn mis-Seychelles jibqa' fis-seħħ waqt il-perjodu msemmi fl-Artikolu 1 tiegħu u jsir parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 16 – Dħul fis-seħħ

Dan il-Ftehim, imħejji b'mod duplikat biċ-Ċek, bl-Estonjan, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Finlandiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwanjan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż, kull wieħed minn dawn it-testi huwa ugwalment awtentiku, għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jgħarrfu lil xulxin li l-proċeduri tagħhom ta' adozzjoni ġew mitmuma.

****

[1] ĠU L

[2] ĠU L

[3] ĠU L 119, tat-7.5.1987, p. 26.