52006DC0663

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat ekonomiku u soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Evalwazzjoni finali ta’ l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni Komunitarju multi-annwali dwar il-promozzjonita’ użu iktar sikur ta’ l-Internet permezz tal-ġlieda kontra l-kontenut illegali u perikoluż fuq in-netwerks globali /* KUMM/2006/0663 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 6.11.2006

KUMM(2006) 663 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni finali ta’ l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni Komunitarju multi-annwali dwar il-promozzjonita’ użu iktar sikur ta’ l-Internet permezz tal-ġlieda kontra l-kontenut illegali u perikoluż fuq in-netwerks globali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni finali ta’ l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni Komunitarju multi-annwali dwar il-promozzjonita’ użu iktar sikur ta’ l-Internet permezz tal-ġlieda kontra l-kontenut illegali u perikoluż fuq in-netwerks globali (Test b’ rilevanza għaż-żEE)

1. INTRODUZZJONI

Din il-Komunikazzjoni tikkonċerna l-evalwazzjoni finali tal-Pjan ta’ Azzjoni multi-annwali għal Internet Iktar Sikur għall-perjodu 2003-2004. L-evalwazzjoni twettqet minn bord ta’ tliet esperti indipendenti, appoġġat minn tim ta’ evalwaturi professjonali minn kumpanija[1] fdata bl-istrutturar u l-appoġġ ta’ l-evalwazzjoni, il-ġbir ta' l-evidenza u l-abbozzar tar-rapport. L-evalwazzjoni twettqet matul Frar u Marzu 2006, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni kkonċernati[2]. Is-sommarju eżekuttiv tar-rapport ta’ l-evalwazzjoni[3] huwa anness ma’ din il-Komunikazzjoni.

2. SFOND

L-għan tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Internet Iktar Sikur (SIAP - Safer Internet Action Plan ) (minn hawn ’il quddiem “il-programm”), kif speċifikat fid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4], kien il-promozzjoni ta’ użu iktar sikur ta’ l-Internet u l-inkoraġġiment, fuq livell Ewropew, ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta’ l-industrija fuq l-Internet.

Oriġinarjament, il-programm kien għal erba’ snin - mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-31 ta' Diċembru 2002 - b’baġit ta’ €25 miljun. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew li jestenduh għal sentejn oħra - mill-1 ta' Jannar 2003 sal-31 ta' Diċembru 2004. Il-baġit totali għall-perjodu 1999-2004 kien stabbilit għal €38.3 miljun.

Il-programm kien implimentat permezz ta’ tliet Linji ta’ Azzjoni:

1. il-ħolqien ta’ ambjent iktar sikur (il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew ta’ hotlines , fejn l-utent aħħari jkun jista' jirrapporta kontenut illegali fuq l-Internet, u l-inkoraġġiment ta’ l-awtoregolazzjoni u kodiċijiet ta’ kondotta);

2. l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ filtrazzjoni u klassifikazzjoni;

3. l-inkoraġġiment ta’ azzjonijiet ta’ għarfien.

Matul il-perjodu 2003-2004, l-ambitu tal-programm twessa’ biex jinkludi teknoloġiji onlajn ġodda, fosthom il-kontenut mobbli u l- broadband , il-logħob onlajn, it-trasferiment ta’ fajls minn kompjuter għall-ieħor (P2P) u l-għamliet kollha ta’ komunikazzjonijiet f’ħin reali bħaċ- chat rooms u l-messaġġi instantanji, primarjament bil-għan li jittejjeb il-ħarsien tat-tfal u l-minorenni. Ġie inkoraġġit ukoll netwerking imtejjeb permezz ta’ Forum għal Internet Aktar Sikur fost dawk kollha attivi fil-qasam fl-Istati Membri u bejn il-parteċipanti fil-proġett fid-diversi linji ta’ azzjoni, partikolarment fil-qasam tal- hotlines u t-trawwim ta’ għarfien. Il-programm kellu wkoll l-għan li jrawwem il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenzi u l-aħjar prassi fil-livelli Ewropej u internazzjonali, speċjalment ma’ l-Istati Membri l-ġodda, il-pajjiżi kandidati u dawk fil-proċess ta’ l-adeżjoni.

Il-mekkaniżmu ewlieni għall-implimentazzjoni tas-SIAP kien il-kofinazjament ta’ proġetti magħżula fuq il-bażi ta’ sejħiet pubbliċi għall-proposti. Matul il-perjodu 2003-2004, ġew ikkofinanzjati tnejn u ħamsin proġett bl-involviment ta’ 105 organizzazzjoni u li jkopru t-22 Stat Membru flimkien ma’ l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Bulgarija. Tnejn u għoxrin proġett huma hotline (punti ta’ koordinazzjoni u 21 hotline mifruxa f’20 pajjiż), ħamsa u għoxrin huma proġetti għaż-żieda ta’ l-għarfien 2 punti ta’ koordinazzjoni u 23 punti ta’ konġunzjoni għall-għarfien mifruxa f’21 pajjiż), wieħed huwa għal riċerka applikata għall-edukazzjoni dwar il-midja, wieħed għal skema ta’ tikkettar dwar il-kwalità, wieħed huwa pjan awtoregolatorju għall-ġlieda kontra l-i spam u wieħed għall-klassifikazzjoni tal-logħob onlajn. Sar stħarriġ ta’ l-Eurobarometer taħt kuntratt ta’ qafas. Barra minn hekk, ġie konkluż kuntratt ta’ servizz għal studju biex jiġu stabbiliti punti ta’ referenza għal softwer u servizzi ta' filtrazzjoni, wara sejħa għall-offerti miftuħa. In-nefqa totali taħt il-baġits ta’ l-2003 u l-2004, inkluż il-finanzjament ta’ proġetti li l-ispiża tagħhom inqasmet, il-kuntratti ta' servizz għall-istudju għall-istabbilitment ta' punti ta' riferiment u tal-Eurobarometer u l-ispejjeż għall-evalwazzjonijiet, ir-reviżjonijiet u l-laqgħat kienet ta' madwar €13.7 miljun.

3. L-GħANIJIET TA’ L-EVALWAZZJONI

Fl-evalwazzjoni tqiesu l-kwistjonijiet speċifiċi li ġejjin: ir-rilevanza ta' l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-mezzi ta’ implimentazzjoni tal-programm, l-effettività u l-impatt tal-programm, l-effiċjenza u l-effettività tan-nefqa tiegħu, l-utilità u s-sostenibbiltà tiegħu, ir-rabtiet kawżali mir-riżorsi utilizzati sa l-attivitajiet u l-impatti preżunti (il-loġika ta’ l-intervenzjoni) u t-tagħlimiet li għandhom jinkisbu għal intervenzjonijiet simili fil-ġejjieni.

4. IS-SEJBIET TA’ L-EVALWAZZJONI

L-evalwaturi sabu li l-Pjan ta’ Azzjoni għal Internet Iktar Sikur ġie implimentat b’suċċess u l-allokazzjoni ta’ l-għotjiet u l-ġestjoni tal-programm ġeneralment kienu trasparenti, effiċjenti u sodisfaċenti.

Il-partijiet interessati kollha raw li s-SIAP huwa programm rilevanti u effettiv li għandhu jitkompla. L-Unjoni Ewropea tqieset bħala l-pijuniera li identifikat minn kmieni l-kwistjoni tal-kontenut illegali u perikoluż fuq l-Internet bħala kwistjoni politika serja u importanti ta’ dimensjoni globali.

It-tnedija ta’ hotlines nazzjonali tqieset bħala waħda mill-kisbiet ewlenin tal-programm. L-evalwazzjoni tan-netwerk eżistenti ta’ hotlines , ikkoordinat mill-INHOPE, wasslet għal evidenza li wriet li l-biċċa l-kbira minnhom joffru servizz utli, rilevanti u effettiv u li mhux se jkun sostenibbli mingħajr finanzjament pubbliku. Waħda mill-problemi ewlenin huwa l-fatt li l-biċċa l-kbira ta' l-utenti aħħarija ta' l-Internet ftit li xejn jafu dwar l-eżistenza tal- hotlines . Il-livell ta’ kooperazzjoni bejn il- hotlines u l-partijiet interessati l-oħra, partikolarment mal-gvernijiet nazzjonali u l-punti ta’ koordinazzjoni, iżda wkoll mal-pulizija u l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, joffri possibilità ta’ titjib.

L-iżvilupp ta’ punti ta’ konġunzjoni għall-għarfien fi kważi l-Istati Membri ta’ l-UE kollha tqieset bħala kisba oħra tas-SIAP. It-tqajjim tal-kuxjenza tqis bħala ħtieġa kruċjali minn dawk kollha kkonsultati. Madankollu, in-netwerk ta’ għarfien dwar is-sikurezza ta’ l-Internet, li huwa kkoordinat minn INSAFE, għadu fi stadju bikri ta’ żvilupp. F'ħafna każijiet, l-attivitajiet tat-tqajjim tal-kuxjenza jilħqu biss numru limitat ta’ gruppi fil-mira, partikolarment fir-rigward ta’ partijiet interessati oħra bħall- media lokali u nazzjonali, organizzazzjonijiet tal-ġenituri, skejjel u gruppi oħrajn. Ħafna drabi ma jingħatawx prijorità għolja biżżejjed fuq l-aġenda pubblika tal-politika tal-gvernijiet nazzjonali.

It-teknoloġiji tal-filtrazzjoni jitqiesu mill-partijiet interessati kollha bħala element ewlieni b'importanza dejjem ikbar. Madankollu, għad hemm ftit wisq għarfien fost il-ġenituri dwar kif jintuża softwer tal-filtrazzjoni fil-livell ta’ l-utent aħħari. Il-partijiet interessati kollha jaqblu li t-tikkettar tal-kontenut u s-sistemi ta’ klassifikazzjoni għadhom element importanti biex jagħmlu l-Internet post iktar sikur, partikolarment għall-minorenni. Madankollu, il-progress li ntlaħaq f’dan il-qasam mhuwiex sodisfaċenti. Ġie nnutat għadd ta’ żviluppi inkoraġġanti fl-awtoregolazzjoni ta’ l-industrija, il-kodiċijiet ta’ kondotta u l-aħjar prassi, fost oħrajn fil-qasam tal-logħob tal-kompjuter u l-kontenut mobbli.

L-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, partikolarment fir-rigward ta’ kontenut illegali u perikoluż u l-ħarsien taż-żagħżagħ, kienet identifikata bħala kwistjoni importanti.

Jinħolqu problemi ġodda bid-diffużjoni ta’ tagħmir operattiv ġdid ta’ l-Internet li jintuża mill-utenti aħħarija bħat-telefowns mobbli tal-ġenerazzjoni li jmiss u prassi ġdida bħan-netwerking soċjali (inkluż iċ- chat marbut ma’ l-użu tal-webcams), il- Blogging fuq l-Internet u l-Qsim tal-Fajls.

5. RAKOMANDAZZJONIJIET

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni fih seba’ rakkomandazzjonijiet, fosthom għadd ta' rakkomandazzjonijiet sekondarji[5]:

Il- hotlines

4. Żieda fil-viżibbiltà tal- hotlines :

5. Promozzjoni ta’ iktar għarfien dwar il- hotlines fost l-utenti aħħarija u l- media

6. Titjib fil-kooperazzjoni bejn il- hotlines u l-partijiet interessati l-oħra partikolarment il-pulizija u l-provvedituri ta—servizzi ta’ l-internet (ISPs):

7. Tħeġġiġ ta’ l-armonizzazzjoni tal-proċeduri bejn il- hotlines u l-pulizija madwar l-Ewropa.

8. Produzzjoni ta’ manwal li jispjega l-proċeduri għall-iskambju tat-tagħrif u linji gwida dwar l-aħjar prassi, li jiddefinixxu biċ-ċar il-politiki, l-etika u l-proċeduri għan-nies involuti f’dan ix-xogħol.

9. Koordinazzjoni ta’ l-iżvilupp ta’ lista sewda Ewropea ta’ kontenut illegali u promozzjoni ta’ l-implimentazzjoni wiesgħa tagħha mill-ISPs.

Tqajjim ta’ kuxjenza

10. It-tqajjim ta’ kuxjenza għandu jiffoka fuq gruppi fil-mira speċifiċi u jtejjeb l-influwenza fil-komunità:

11. Jesigi punti ta’ konġunzjoni għall-għarfien sabiex iwettqu strateġiji speċifiċi li jindirizzaw it-tfal, il-ġenituri jew l-għalliema.

12. Jiffaċilita d-diskussjoni fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali (eż. l-ministeri ta’ l-edukazzjoni) biex jeżaminaw kif fl-iskejjel jista' jkun hemm użu iktar sikur ta’ l-Internet (it-taħriġ ta’ l-għalliema, il-kurrikula, it-twaqqif ta’ kunsilli taż-żagħżagħ bħala korpi awtoregolatorji fl-iskejjel).

13. Jippromwovi iktar involviment attiv mill- media f’kampanji għat-tqajjim tal-kuxjenza.

14. Jiddedika proporzjon ogħla tal-baġit tal-programm għat-tqajjim tal-kuxjenza.

15. L-involviment tat-tfal u ż-żagħżagħ fl-identifikazzjoni tal-problemi u t-tfassil ta' soluzzjonijiet:

16. Il-ksib ta’ feedback mit-tfal u l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tfassil ta’ messaġġi u soluzzjonijiet xierqa għat-tqajjim tal-kuxjenza.

17. Iż-żieda tal-kuxjenza ta’ l-utent aħħari dwar l-għażliet disponibbli għall-filtrazzjoni tal-kontenut perikoluż:

18. It-tħeġġiġ ta' punti ta’ konġunzjoni għall-għarfien sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-għodod ta’ filtrazzjoni partikolarment fost il-ġenituri u l-iskejjel.

19. Evalwazzjoni ta’ l-effettività ta’ soluzzjonijiet differenti ta’ filtrazzjoni.

20. It-tħeġġoġ ta’ soluzzjonijiet industrijali awtoregolatorji fil-livell Ewropew:

21. Il-promozzjoni ta’ l-adozzjoni ta’ sistemi tal-verifikazzjoni ta’ l-età.

22. It-trawwim ta’ l-iskambju ta’ l-aħjar prassi, fost oħrajn, ta’ kodiċijiet ta’ kondotta, it-tikkettar tal-kontenut u sistemi ta’ klassifikazzjoni.

23. Ippjanar tal-possibilitajiet għal żviluppi teknoloġiċi fil-ġejjieni u l-għażliet għall-utent:

24. Analiżi ta’ l-implikazzjoni ta’ servizzi konverġenti u mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni fuq is-sikurezza tat-tfal u fuq l-imġiba ta’ l-utent u d-disseminazzjoni tar-riżultati.

6. KONKLUżJONI

Il-Kummissjoni tqis bis-sħiħ is-sejbiet ta’ l-evalwazzjoni finali tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Internet Iktar Sikur u se tqis ir-rakkomandazzjonijiet fl-implimentazzjoni ta’ Safer Internet plus u fl-ippjanar ta’ programm ta’ segwitu fil-ġejjieni. Il-progress li diġà sar fil-qasam imsemmi mir-rakkomandazzjonijiet se jiġi msaħħaħ.

Se jingħata appoġġ lill-programm Safer Internet plus għall-attivitajiet minn hotlines li jwasslu għal listi konġunti ta' kontenut illegali fi ħdan l-ambitu tal-programm (partikolarment xbihat ta' abbuż sesswali fuq it-tfal). Il-komunikazzjoni ta’ listi bħal dawn lill-Provvedituri tas-Servizzi ta' l-Internet għandha tirrispetta d-dispożizzjonijiet legali rilevanti dwar ir-rwol tagħhom, partikolarment dawk li jinsabu fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku[6].

Fid-dawl tar-risponsi tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rapport ta’ l-evalwaturi, din tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni biex:

25. jieħdu nota tal-fatt li l-Pjan ta’ Azzjoni għal Internet iktar Sikur ġie implimentat b’suċċess;

26. jgħinu lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha li żżid il-viżibbiltà tal-programm Safer Internet u li tistimola dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet marbuta ma’ Internet iktar sikur;

27. jappoġġaw lill-Kummissjoni fl-attivitajiet tagħha biex tikkonsulta l-partijiet interessati kollha u biex teżamina attivitajiet possibbli ta’ segwitu, partikolarment biex tindirizza teknoloġiji ġodda u kategoriji ġodda ta’ kontenut diġitali li jaffettwaw l-użu sikur ta’ l-Internet.

Anness

Sommarju Eżekuttiv

Il-konklużjonijiet li huma ppreżentati hawnhekk, bħala parti mill-Evalwazzjoni Finali tal-Pjan ta' Azzjoni għal Internet Iktar Sikur (2003-2004), ġew ifformulati minn Bord ta' Esperti indipendenti, magħmul minn tliet membri. Il-Bord ta’ Esperti li ssorvelja u wettaq il-proċess ta’ evalwazzjoni u l-metodoloġija ngħata appoġġ mill-ispeċjalist ta’ l-evalwazzjoni, IDATE, responsabbli għall-istabbiliment u l-analiżi tal-bażi ta’ evidenza użata għall-evalwazzjoni. It-test jirrifletti r-riżultati ta’ kwestjonarju onlajn, intervisti bit-telefown, riċerka minn sorsi sekondarji u laqgħa ta’ Focus Group , kif ukoll il-fehmiet tal-Bord ta’ l-Esperti.

Konklużjonijiet

1. Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Internet Iktar Sikur (SIAP) li tnieda fl-1999, jitqies mill-partijiet interessati kollha bħala programm rilevanti u effettiv li għandu jitkompla . L-Unjoni Ewropea tqieset bħala pijuniera li identifikat minn kmieni l-kwistjoni tal-kontenut illegali u perikoluż fuq l-Internet bħala kwistjoni politika serja u importanti ta’ dimensjoni globali. Illum, it-tfassil u l-kunċett ta’ SIAP jintuża minn ħafna pajjiżi oħra – kemm fir-reġjun ta’ l-Ażja-Paċifiku, kif ukoll fl-Amerika ta’ Fuq u dik Latina – bħala mudell ta’ kif wieħed jindirizza l-isfida tal-kontenut perikoluż u illegali fuq l-Internet, filwaqt li jiġi mħares id-dritt uman tal-libertà ta' l-espressjoni.

2. Il-programm oriġinali inkluda erba’ direzzjonijiet ewlenin għall-azzjoni:

A. hotlines (finanzjament ta’ l-UE: €4.6 miljun),

B. tqajjim ta’ kuxjenza (finanzjament ta’ l-UE: €7.4 miljun),

C. filtrazzjoni, tikkettar u klassifikazzjoni (finanzjament ta’ l-UE: €0.875 miljun),

D. awtoregolazzjoni ta’ l-industrija u kodiċijiet ta’ kondotta (finanzjament ta’ l-UE: €0.493 miljun).

Fil-perjodu 2003/2004 il-finanzjament ta’ l-UE kien ikkonċentrat fuq hotlines u t-tqajjim tal-kuxjenza. Il-filtrazzjoni, it-tikkettar, il-klassifikazzjoni, l-awtoregolazzjoni u l-kodiċijiet tal-kondotta tqiesu primarjament bħala responsabbiltà ta’ l-industrija. Taħt is-SIAP (2003-2004) l-UE nefqet globalment €13.7 miljun. Madwar €13.4 miljun tqassmu lil iktar minn 50 proġett, primarjament ikkonċernati bil- hotlines u t-tqajjim tal-kuxjenza. Ingħata finanzjament lil 22 Stat Membru ta’ l-UE, kif ukoll lin-Norveġja, l-Iżlanda u lill-Bulgarija. Intefqu madwar €0.3 miljun biex jitkoprew l-ispejjeż ta' l-evalwazzjonijiet, ir-reviżjonijiet, il-laqgħat u l-istħarriġ ta' l-Eurobarometer. L-allokazzjoni ta’ l-għotjiet u l-ġestjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ġeneralment kienu trasparenti, effiċjenti u sodisfaċenti.

3. It-tnedija ta’ hotlines nazzjonali tqieset bħala waħda mill-kisbiet ewlenin tal-programm. Taħt is-SIAP ġiet żviluppata sistema mifruxa ta’ hotlines madwar l-Ewropa kollha fi kważi l-Istati Membri u l-Pajjiżi Kandidati kollha, ikkoordinata minn INHOPE, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ Hotlines ta’ l-Internet. Il- Hotlines huma punti ta’ kuntatt fejn l-utenti aħħarija jistgħu jirrappurtaw il-kontenut illegali fuq l-Internet. Il- hotlines qed jaħdmu flimkien ma’, fost oħrajn, il-pulizijia, l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi u punti ta’ konġunzjoni għall-għarfien, kif ukoll ma’ l-ISPs, l-organizzazzjonijiet ta’ l-industrija u ma’ istituzzjonijiet oħrajn. L-evalwazzjoni tal- hotlines eżistenti pproduċiet evidenza li turi li l-biċċa l-kbira minnhom qed joffru servizz utli, rilevanti u effettiv. Madankollu, il-biċċa l-kbira minnhom mhux se jkunu sostenibbli mingħajr finanzjament pubbliku. Waħda mill-problemi ewlenin hija l-fatt li l-biċċa l-kbira ta' l-utenti aħħarija ta' l-Internet ftit li xejn jafu dwar l-eżistenza tal- hotlines . Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, il-kuxjenza dwar l-eżistenza tal- hotlines hija inqas minn 10% ta’ l-ammont totali ta’ utenti aħħarija ta’ l-Internet. Il-livell ta’ kooperazzjoni bejn il- hotlines u l-partijiet interessati l-oħra, partikolarment mal-gvernijiet nazzjonali, il-punti ta’ konġunzjoni għall-għarfien iżda wkoll il-pulizija u l-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi, joffri possibilità ta’ titjib.

4. L-iżvilupp ta’ punti ta' konġunzjoni għall-għarfien fi kważi l-Istati Membri ta’ l-UE kollha tqieset bħala kisba oħra tas-SIAP. It-tqajjim tal-kuxjenza tqis bħala ħtieġa kruċjali minn dawk kollha kkonsultati. Ġew żviluppati bosta metodi, għodod u materjali skond il-ħtiġijiet lokali. Il-“Jum għal Internet Iktar Sikur” li jitmexxa min-netwerk, qed isir magħruf dejjem iktar bħala opportunità prezzjuża biex tittejjeb il-komunikazzjoni fost il-partijiet interessati involuti u biex jiġi influwenzat il-pubbliku ġenerali. In-netwerk għall-kuxjenza dwar is-sikurezza ta’ l-Internet huwa kkoordinat minn INSAFE. Dan għadu fi stadju bikri ta' żvilupp. F'ħafna każijiet, l-attivitajiet għat-tqajjim tal-kuxjenza jilħqu biss numru limitat ta’ gruppi fil-mira, partikolarment fir-rigward ta’ partijiet interessati oħra bħall- media lokali u nazzjonali, organizzazzjonijiet tal-ġenituri, skejjel u gruppi oħrajn. Ħafna drabi ma jingħatawx l-appoġġ xieraq mill-awtoritajiet nazzjonali u l- media u ma jingħatawx prijorità għolja biżżejjed fuq l-aġenda tal-politika pubblika tal-gvernijiet nazzjonali. L-azzjonijiet għat-tqajjim tal-kuxjenza ħafna drabi ma jkunux speċifiċi biżżejjed għal gruppi individwali fil-mira bħall-għalliema, il-ġenituri u t-tfal. Il-livell u l-kwalità tat-taħriġ rilevanti lill-għalliema jvarja minn pajjiż għall-ieħor u ġeneralment ma jitqiesx bħala impenn ta’ prijorità għolja. It-tfal u ż-żagħżagħ jeħtieġ jintlaħqu minn kmieni ħafna, iżda l-“Edukazzjoni dwar l-Internet” mhijiex integrata biżżejjed fil-kurrikula regolari ta’ l-iskejjel. L-esperjenza tat-tfal stess ħafna drabi ma titqiesx biżżejjed.

5. It- teknoloġiji tal-filtrazzjoni jitqiesu mill-partijiet interessati kollha bħala element ewlieni b'importanza dejjem ikbar. Sar progress teknoloġiku sinifikanti fir-rigward tat-teknoloġiji tal-filtrazzjoni mill-industrija u l-utent aħħari għandu għażliet differenti disponibbli. Hemm teknoloġija tal-filtrazzjoni disponibbli li tippermetti lill-utenti aħħarija, partikolarment lill-ġenituri, li jżommu lit-tfal tagħhom milli jidħlu f’websajts b’kontenut perikoluż. Barra minn hekk, xi ISPs joffru servizzi lill-utenti aħħarija li jimblokka l-aċċess għal ċerti kategoriji ta’ kontenut perikoluż. Madankollu, għad hemm ftit wisq għarfien fost il-ġenituri dwar kif jintuża softwer tal-filtrazzjoni fil-livell ta’ l-utent aħħari. Il-partijiet interessati kollha jaqblu li t-tikkettar tal-kontenut u s-sistemi ta’ klassifikazzjoni għadhom element importanti biex jagħmlu l-Internet post iktar sikur, partikolarment għall-minorenni. Madankollu, il-progress li ntlaħaq f’dan il-qasam mhuwiex sodisfaċenti. X’aktarx li sistemi li jserrħu ħafna fuq l-awtoklassifikazzjoni mhux se jagħtu kontribut sinifikanti lejn l-ilħuq ta’ l-għanijiet rilevanti. Ġie nnutat għadd ta’ żviluppi inkoraġġanti fl-awtoregolazzjoni ta’ l-industrija, il-kodiċijiet ta’ kondotta u l-aħjar prassi, fost oħrajn, fil-qasam tal-logħob tal-kompjuter u l-kontenut mobbli.

6. L-armonizzazzjoni tal- leġiżlazzjoni nazzjonali , partikolarment fir-rigward tal-kontenut illegali u perikoluż u l-ħarsien taż-żagħżagħ, kienet identifikata bħala kwistjoni importanti. Filwaqt li jinħtieġu r-regoli, azzjonijiet legali individwali u iżolati minn Stati Membri għandhom ir-riskju li joħolqu konsegwenzi b’effiċjenza baxxa u li jfixklu l-progress. Dan imur lil hinn mill-Unjoni Ewropea u huwa sfida globali.

7. Jinħolqu problemi ġodda bid-diffużjoni ta’ tagħmir operattiv ta' l-Internet ġdid li jintuża mill-utenti aħħarija bħat-telefowns mobbli tal-ġenerazzjoni li jmiss u prassi ġdida bħan-netwerking soċjali (inkluż iċ- chat marbut ma’ l-użu tal- webcams ), il- Blogging fuq l-Internet u l-Qsim tal-Fajls. [pic][pic][pic]

[1] IDATE, mogħtija kuntratt fuq il-bażi ta’ sejħa ristretta għall-offerti maħruġa mid-DĠ għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni fil-ħarifa ta’ l-2005.

[2] DĠ INFSO Unitajiet C3 u E6

[3] Final Evaluation of Safer Internet Action Plan (2003-2004): Final Report, May 2006 , IDATE, http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/programme/evaluations/index_en.htm

[4] Id-Deċiżjoni Nru 276/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 1999 li tadotta Pjan ta’ Azzjoni Multi-annwali Komunitarju għall-promozzjoni ta’ użu iktar sikur ta' l-Internet permezz tal-ġlieda kontra l-kontenut illegali u perikoluż fuq in-netwerks globali (ĠU L 33, 6/2/1999, p. 1) emendata bid-Deċiżjoni Nru 1151/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2003 (ĠU L 162, 1/7/2003).

[5] Ara s-sommarju eżekuttiv mehmuż u mill-paġni 42 'il quddiem tar-rapport ta' l-evalwazzjoni.

[6] Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u Tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva 178, 17.7.2000, p.1, dwar il-kummerċ elettroniku)