52006DC0475

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Nistabbilixxu Strateġija Ambjentali għall-Mediterran {SEC(2006)1082} /* KUMM/2006/0475 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 5.9.2006

KUMM(2006) 475 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Nistabbilixxu Strateġija Ambjentali għall-Mediterran {SEC(2006)1082}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Nistabbilixxu Strateġija Ambjentali għall-Mediterran

1. Introduzzjoni

Il-Mediterran huwa l-ikbar baħar Ewropew, li jgħaqqad il-popli tal-pajjiżi li jħaddnu l-ilmijiet tiegħu. Il-benessri tagħhom jiddependi fuq is-saħħa ta’ l-ambjent tiegħu. Madankollu, minkejja kważi tletin sena ta’ sforzi internazzjonali biex nipproteġu din l-ekosistema unika, għadha dgħajfa u tkompli sejra lura maż-żieda ta' pressjonijiet ambjentali. Il-projezzjonijiet attwali juru li 50% tal-kosta Mediterranja setgħet kienet mibnija sal-2025[1], eżempju wieħed biss tal-kobor ta' dawn il-pressjonijiet. Studji riċenti[2] bdew jikkwantifikaw l-ispiża tad-degradazzjoni ambjentali f’diversi pajjiżi.[3] Id-degradazzjoni ambjentali fl-Eġittu kienet stmata li tiswa bejn €2.7 u €5.1 biljun fis-sena (jew 3.2-6.4% tal-PGD), €1.5 biljun fis-sena (jew 3.6% tal-PGD) fl-Alġerija u €1.2 biljun fis-sena (jew 3.7% tal-PGD) fil-Marokk.[4] Huwa ċar li jekk irridu nipproteġu s-saħħa tal-popli tar-reġjun, u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom, ma nistgħux nibqgħu b'idejna marbutin. Il-pajjiżi Mediterranji għandhom jaġixxu issa sabiex jissalvagwardjaw l-ambjent tagħhom u jiġġestixxu tajjeb ir-riżorsi naturali tagħhom bl-iktar mod xieraq.

Matul l-aħħar tletin sena, bosta inizjattivi u organizazzjonijiet stabbiliti identifikaw il-kaġunijiet tal-problemi u żviluppaw strateġiji u azzjonijiet biex isolvuhom. Madankollu, dawn l-istrateġiji sikwit jibqgħu ma jsirux. Minbarra l-problemi li spiss jissemmew ta’ riżorsi finanzjarji limitati, waħda mir-raġunijiet prinċipali għal dan in-nuqqas ta’ azzjoni hija l-prijorità politika baxxa li tingħata lill-ambjent, inter alia tfisser integrazzjoni insuffiċjenti bejn id-dimensjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali ta’ żvilupp sostenibbli. Nuqqas ta’ governanza ambjentali inklużiva u għarfien pubbliku limitat dwar kwistjonijiet ambjentali tgħarraq is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni skarsa bejn id-diversi atturi, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, dgħajfet l-effikaċja ta’ l-assistenza internazzjonali.

Kif l-ebda pajjiż waħdu ma jista’ jieħu t-tort ta’ dan id-deterjorament ta’ l-ambjent Mediterranju, l-ebda pajjiż ma jista’ jipproteġih bil-ħidma tiegħu biss. L-Unjoni Ewropea (UE) bħala attur reġjonali ewlieni għandha tagħmel il-parti tagħha sabiex tipproteġi dan il-wirt komuni, imma minħabba r-riżorsi limitati tagħha ma tistax taħdem waħedha. Billi l-bżonnijiet tar-reġjun jisbqu bil-wisq il-kapaċità u l-mezzi biex jintlaħqu, jeħtieġ li l-Kummissjoni tikkonċentra l-isforzi u r-riżorsi limitati tagħha fuq dawk l-oqsma li għandhom valur miżjud ċar u għalhekk għandha tiżviluppa approċċ strateġiku realistiku lejn kooperazzjoni ambjentali fil-Mediterran. Kull wieħed minn sħabna fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-komunità tad-donaturi u, fuq kollox, l-atturi u l-pajjiżi diversi taż-żewġ naħat tal-Mediterran għandhom bżonn li jagħmlu sforzi sinifikanti, addizzjonali u koordinati jekk l-għan ta' Mediterran iżjed nadif u f’saħħtu irid jintlaħaq. Is-suċċess jiddependi fl-aħħar mill-aħħar fuq appoġġ politiku mifrux fuq medda wiesgħa li jfisser determinazzjoni ċara biex ir-riżorsi neċessarji jintużaw b’mod effikaċi fuq din il-biċċa xogħol.

Il-pajjiżi li jħaddnu l-Mediterran jistgħu jiġu raggruppati skond ir-relazzjoni politika tagħhom ma’ l-UE. L-Istati Membri tal-UE attwali u dawk potenzjali qegħdin jagħtu l-kontribut l-iżjed sinifikanti tagħhom sabiex jipproteġu l-Mediterran permezz ta' l-allinjament mal-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali ta’ l-UE u l-applikazzjoni effettiva tagħhom. L-istrateġija ta’ l-UE għalihom hija spjegata sewwa u għalhekk din l-istrateġija ser tiffoka fuq dawk il-pajjiżi msieħba[5] fil-grupp li jaqa’ taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat ( ENP )[6].

F’Novembru 2005, fl-għaxar anniversarju tas-Samit Ewro-Mediterranju, il-mexxejja tal-partenarjat ġeddew l-impenn tagħhom għall-proċess u reġgħu ffokaw l-attivitajiet billi adottaw flimkien programm għal ħames snin[7]. Il-pajjiżi kollha tar-reġjun impenjaw ruħhom li jżidu l-isforzi sabiex inaqqsu sostanzjalment it-tniġġis tal-Baħar Mediterran sa l-2020 permezz ta’ l-inizjattiva li saret magħrufa bl-isem ta' ‘Orizzont 2020’ u sejħu għall-iżvilupp ta’ kalendarju vijabbli għal dan il-għan.

Wara diskussjoni wiesgħa[8] bejn l-atturi relevanti rigward Orizzont 2020, il-Kummissjoni ppreparat din il-Komunikazzjoni bil-għan li:

- Tiddeskrivi l-inizjattiva Orizzont 2020 u tagħmel l-ewwel proposta, għad-diskuzzjoni bejn l-imsieħba, għal kalendarju vijabbli kontra t-tniġġis bħala pass importanti biex jitwettaq l-impenn politiku meħud f’Barċellona.

- Tiddeskrivi kif, parallelament ma’ l-inizjattiva Orizzont 2020, il-Kummissjoni tista’ tikkontribwixxi għall-protezzjoni u l-irkuprar tal-Mediterran permezz tal-kooperazzjoni usa' tagħha, u kif il-Kummissjoni ser tipprova ttejjeb il-koordinament mal-pajjiżi msieħba u l-atturi l-oħra.

Dan l-approċċ jappoġġja l-Politika Marittima tal-UE[9] (u l-pilastru ambjentali tagħha, l-Istrateġija għall-Ibħra ta’ l-UE[10]) li qiegħda tiġi żviluppata.

2. L-Għanijiet Tal-Kooperazzjoni Ambjentali Mediterranja

Billi t-tniġġis huwa ħieles li jinfirex mar-reġjun hemm interdipendenza ċara bejn il-pajjiżi li jħaddnu l-Baħar Mediterran. It-tniġġis mill-pajjiżi terzi għandu impatt dirett fuq l-UE u daqstant it-tniġġis tagħna jolqot il-ġirien tagħna. Bl-istess mod, ir-riżorsi naturali bħall-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-bijodiversità huma marbutin f’ekosistemi kumplessi u permezz ta’ movimenti ta’ merkanzija, persuni u servizzi; għalhekk għandhom interdipendenzi innumerabbli li jeżiġu azzjoni integrata u koordinata. Il-Mediterran jista’ jkun protett biss b'sistema ta' protezzjoni u rkuprar ambjentali koerenti u li taħdem mar-reġjun kollu. Permezz tal-kooperazzjoni ambjentali mal-pajjiżi msieħba, il-Kummissjoni Ewropea tinsab lesta li taħdem għal dan il-għan.

L-għanijiet bażiċi tal-kooperazzjoni ambjentali tal-Kummissjoni mal-pajjiżi Mediterranji huma:

- Li tgħin lill-pajjiżi msieħba biex jiżviluppaw istituzzjonijiet ta’ l-ambjent li jiffunzjonaw u politika ambjentali soda, effikaċi u nfurzata u qafas ġuridiku li jippermetti l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ambjentali f’oqsma oħra tal-politika settorjali.

- Li jintlaħqu livelli mnaqqsa ferm ta’ tniġġis, applikati konsistentament mar-reġjun kollu, li jwasslu għal benefiċċji tas-saħħa korrispondenti kif ukoll li jnaqqsu l-impatti ta’ attività inkontrollabbli fuq l-ambjent naturali tagħna.

- Li tippromwovi amministrazzjonijiet ambjentali li jkunu ppreparati biex jindirizzaw kemm sitwazzjonijiet ta' emerġenza kif ukoll kwistjonijiet ambjentali ta' dak il-ħin u għat-tul.

- Li tippromwovi użu sostenibbli (ekonomikament effiċjenti, soċjalment xieraq, u ambjentalment vijabbli) ta' l-art u l-ibħra fir-reġjun Mediterranju.

- Li tippromwovi soċjetà ċivili iżjed f’saħħitha, fejn il-pubbliku għandu aċċess għall-informazzjoni ambjentali, jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali u l-għarfien ambjentali huwa msaħħaħ.

- Li tinkoraġġixxi kooperazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi msieħba sabiex isostnu dawn l-għanijiet.

Meta nilħqu dawn l-għanijiet, mhux biss inkunu nipproteġu l-ambjent fih innifsu, imma nkunu qed nikkontribwixxu għal tkabbir ekonomiku għat-tul fir-reġjun.

3. Mezzi sabiex nilħqu l-għan tagħna

Il-mezzi li għandha l-Kummissjoni għall-kooperazzjoni ambjentali mar-reġjun huma:

3.1 Assistenza finanzjarja

Assistenza Komunitarja Ewropea li tista’ tingħata lill-pajjiżi msieħba fil-Politika Ewropea tal-Viċinat ( ENP) hija ffinanzjata mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Partenarjat ( ENPI ). Għalhekk, il-proġetti kollha għandhom juru rabta ċara mal-Politika Ewropea tal-Viċinat ( ENP), il-Partenarjat Ewro-Mediterranju ( EMP ) u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ( ENP ) meta jkunu ġew adottati. Għal proġetti globali, finanzjament Komunitarju limitat huwa wkoll possibbli mill-Programm Tematiku għall-Ambjent u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali fosthom l-Enerġija ( ENRTP ) tal-futur.

Għotja ta’ assistenza mill-UE tibqa’ madankollu inevitabilment żgħira meta mqabbla mal-ħtiġijiet ta’ investiment fir-reġjun. Għalhekk, proġetti li jnaqqsu t-tniġġis jibqgħu jieħdu l-parti l-kbira tal-finanzjamenti tagħhom mis-self ta’ l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali ( IFIs ), kontribuzzjonijiet minn donaturi oħra, riżorsi naturali u għejun oħra ta’ finanzi. L-assistenza mill-KE tal-ġejjieni ser tfittex li tkabbar kemm tista’ l-effetti katalitiċi, fosthom ma' l- IFIs permezz ta’ l-użu mmirat ta’ għodda bħal assistenza teknika u sussidji fuq ir-rata ta’ mgħax fejn hu l-każ, għax dawn jistgħu jagħtu impuls għal livelli ogħla ta’ assistenza f'forma ta' self. Barra minn dan, ser tibqa’ tingħata importanza lill-għotjiet lill-miżuri għall-bini ta’ kapaċità. Użu ikbar ta’ riżultati minn riċerka jistgħu jikkontribwixxu għal żidiet fl-effikaċja f'termini ta' spejjeż.

3.2 Insaħħu d-djalogu u l-proprjetà

L-Unjoni Ewropea hija impenjata fi djalogu politiku ma’ pajjiżi msieħba permezz tal-Partenarjat Ewro-Mediterranju u l-Politika Ewropea tal-Viċinat. Fi snin riċenti, struttura formali ta’ laqgħat tas-sottokumitati li jaqgħu taħt Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bilaterali ġiet żviluppata biex tiffaċilita dan id-djalogu. Il-Kummissjoni ser tiżgura li din l-istruttura tintuża biex tgħolli l-profil ta’ kwistjonijiet ambjentali, anke lil hinn mill-ministeri ta’ l-ambjent (partikolarment dawk responsabbli mill-ippjanar u l-finanzi) u biex tippromwovi integrazzjoni ta' kunsiderazzjonijiet ambjentali f'kull politika settorjali relevanti, inkluż il-politika ekonomika.

L-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-pajjiżi terzi Mediterranji għandhom jallinjaw ma' l-għanijiet tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u kull obbligu ġuridiku lejn pajjiżi terzi li jirriżulta mid-Dritt Komunitarju (l- acquis ), inkluż l-impenji internazzjonali bħall-Pjan ta’ Implimentazzjoni ta’ Johannesburg adottat fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2002. Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni ta’ l- ENP jistabbilixxu l-azzjonijiet prijoritarji li għandhom jiġu indirizzati mill-UE u l-pajjiżi msieħba. Dawn il-Pjanijiet fihom għadd ta’ azzjonijiet ambjentali li jimmiraw li jtejbu l-governanza ambjentali, jindirizzaw problemi ambjentali speċifiċi kif ukoll jippromwovu kooperazzjoni ambjentali internazzjonali u reġjonali. L-UE u l-pajjiżi msieħba jaqsmu l-pussess ta’ dawn il-pjanijiet li huma adottati u implimentati b’mod konġunt u bbażati fuq il-prijoritajiet ta’ kull pajjiż u dawk ta’ l-UE.

L-attivitajiet ambjentali fil-Mediterran jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Inizjattiva Ambjentali żviluppata mis-Sħubija l-Ġdida għall-Iżvilupp Afrikan ( NEPAD ) u l-Unjoni Afrikana (UA), li magħhom l-UE ilha fi djalogi kostanti għal dawn l-aħħar snin.

Organizzazzjonijiet mhux governattivi ( NGOs ) huma atturi prinċipali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali, u ta’ sikwit jaġixxu meta aġenziji governattivi ma jkunux iridu jew ma jistgħux jintervjenu. Madankollu, il-preżenza tagħhom fir-reġjun hija dgħajfa u hemm il-bżonn li tikber il-kapaċità ta’ l- NGO biex tipparteċipa fid-djalogu politiku. Il-Kummissjoni ser tgħin fl-iżvilupp u l-tħaddim ta’ networks reġjonali u kuntatti tal- NGO bil-għan li ssaħħaħ is-soċjetà ċivili bl-iżvilupp ta’ approċċ reġjonali koerenti u l-qsim ta’ prassi tajba. Pjattaformi nazzjonali ta’ l- NGO ser ikunu mħajra wkoll, flimkien ma’ l-użu iżjed effikaċi ta’ riżultati eżistenti ta’ riċerka u li tingħata prijorità lill-kooperazzjoni xjentifika fil-ġejjieni.

Il-Kummissjoni ser tkompli tagħti l-ikbar importanza lill-ftuħ u t-trasparenza waqt li tiżgura li l-attivitajiet ma jkunux ristretti biss għall-kuntatti mal-partijiet interessati fuq livell nazzjonali biss, imma jinfirxu ’l barra biex jinkludu l-imsieħba interessati kollha fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika ambjentali, bħal awtorijitajiet lokali u reġjonali, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-komunità tan-negozju.

3.3 Mekkaniżmi biex itejbu l-koordinament

Il-Kummissjoni ser taħdem mill-qrib mad-diversi msieħba sabiex tiżgura li l-attivitajiet jiffokaw fuq dawk l-oqsma li għandhom valur miżjud ċar.

Jeżistu bosta organizzazzjonijiet li bħalissa qegħdin jaħdmu fil-qasam ambjentali fil-Mediterran, partikolarment dawk li għandhom x’jaqsmu mal-Konvenzjoni ta’ Barċellona[11] li fiha l-Komunità hija parti u li hija għareb ta' l-isforzi kooperattivi fir-reġjun.

Il-Programm ta' Ħidma konġunt “Pjan ta’ Azzjoni għall-Mediterran[12] ( MAP )/Kummissjoni Ewropea” ffirmat fl-2005 ser jiżgura iktar koerenza bejn l-attivitajiet taż-żewġ organizzazzjonijiet f’għadd ta’ oqsma prijoritarji, li jinkludu:

- L-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Ibħra

- L-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Ewropea għall-Ġestjoni Integrata taż-Żoni max-Xtut ( ICZM ) u li tiżgura l-konsistenza b’ħidma li għaddejja mal-Protokoll ta’ l- ICZM skond il-Konvenzjoni ta’ Barċellona.

- Li jintlaħqu l-miri relatati mal-prevenzjoni tat-tniġġis u l-protezzjoni tal-bijodiversità.

Il-kooperazzjoni ser tissokta mal-Bank Dinji u l-Bank Ewropew għall-Investimenti fil-kuntest tal-Programm ta’ Assistenza Teknika Mediterranju Ewropew ( METAP ). Il-Memoranda ta’ Ftehim ma’ l- IFIs ser tkun sfruttata kompletament biex jiġi żgurat koordinament aħjar fl-azzjonijiet ambjentali fil-Mediterran. Ser jittieħdu passi wkoll sabiex jissaħħaħ il-kuntatt mal-Fond ta' Investimenti Strateġiċi għall-Ambjent Dinji ( Global Environment Facility [GEF] Strategic Investment Fund ).

Kuntatti akbar ma’ dawn l-atturi msemmija hawn fuq u ma’ diversi donaturi bilaterali ser jkunu faċilitati permezz tal-ħolqien tal-Grupp tat-Tmexxija ta’ l-Orizzont 2020, li ser ikun mfisser ’l quddiem.

Ser ikun żgurat koordinament aħjar bejn l-azzjonijiet promossi mis-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u t-Teknoloġija u dawk mill-istrumenti esterni ta’ l-UE, inkluż għal dak li għandu x'jaqsam mal-ħtiġijiet għall-bini ta’ kapaċità u l-infrastruttura għar-riċerka, u l-użu tar-riċerka.

3.4 Trasferiment, adattament u applikazzjoni ta’ l-esperjenza ta’ l-UE

L-UE għandha ħafna esperjenza rigward l-indirizzar ta’ problemi ambjentali fil-Mediterran, inkluż il-promozzjoni ta’ mudelli ta’ produzzjoni u konsum sostenibbli u l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ambjentali ma’ setturi oħra. L-UE tista’ wkoll taqsam approċċi li kellhom suċċess f'diversi partijiet ta' l-Ewropa mal-pajjiżi l-oħra kollha fil-Mediterran, adattati għall-kuntesti soċjo-ekonomiċi tagħhom.

L-istrument TAIEX [13] bħalissa huwa miftuħ għall-pajjiżi ta’ l- ENP. Għalhekk, flimkien mal-ħidma kontinwa tiegħu biex isostni l-bini tal-kapaċità fil-pajjiżi kandidati u oħrajn ta’ l-Ewropa tax-Xlokk, din il-faċilità ser tippermetti wkoll it-trasferiment immirat ta’ l-esperjenza ambjentali u l-għarfien espert ta' l-UE skond il-bżonnijiet tal-pajjiżi msieħba permezz ta’ attivitajiet bħal workshops , żjajjar ta’ studju u żjajjar ta' esperti fil-pajjiżi. Dan l-istrument ser ikun partikolarment utli biex jittrasferixxi u jadatta l-esperjenza ta' l-Istati Membri ta' l-UE għar-reġjun biex jgħin fl-implimentazzjoni ta' impenji li hemm fil-Pjanijiet ta' Azzjoni ENP.

Il-programm LIFE u l-Programm ta’ Azzjoni għal medda ta' żmien qasir u medju ( Short and Medium Term Action Programme , SMAP ) appoġġjaw b’suċċess ħafna proġetti ambjentali u kemm il-pajjiżi msieħba kif ukoll l-UE kisbu esperjenza fi kwistjonijiet relevanti għar-reġjun. Din l-esperjenza ser tkun disponibbli għall-pajjiżi msieħba u għall-partijiet interessati.

Fil-qasam tar-riċerka, ħafna proġetti li għadhom għaddejjin jew li ntemmew dan l-aħħar skond il-Ħames u s-Sitt Programm ta' Qafas għar-Riċerka huma partikolarment relevanti għall-Mediterran. Eżempji jinkludu proġetti li jindirizzaw kwistjonijiet ta’ l-ilma taħt l-parti għall-Mediterran ta' l-Inizjattiva ta’ l-UE dwar l-Ilma u dawk li jkopru t-tniġġis inċidentali tal-baħar, ir-riċerka fil-qasam tal-baħar u tal-kosta u l-impatti tat-tibdil fil-klima. Ir-riżultati ta’ proġetti relevanti huma normalment disponibbli mingħajr ħlas u jinqasmu bejn il-pajjiżi msieħba mill-Kummissjoni bl-użu ta’ networks li jxerrdu l-informazzjoni u faċilitajiet, inkluż l-internet.

Il-Kummissjoni għarfet l-isfidi tal-promozzjoni ta’ turiżmu sostenibbli fil-Mediterran[14] u stabbiliet Grupp għas-Sostenibbiltà tat-Turiżmu ( TSG ), b’rappreżentanti minn assoċjazzjonijiet mill-industrija, trade unions/ soċjetà ċivili, rappreżentanti ta’ destinazzjonijiet kif ukoll amministrazzjonijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali. It- TSG huwa mistenni li joħroġ sensiela ta’ proposti u rakkomandazzjonijiet sa l-aħħar tal-2006 u dawk relevanti ser jitqassmu bejn l-imsieħba.

Ser ikun hemm skambju ta' esperjenza bejn il-konvenzjonijiet li jittrattaw il-Baħar Baltiku, il-Baħar l-Iswed u l-Mediterran.

4. ORIZZONT 2020

Is-Samit ta' l-għaxar anniversarju tal-Partenarjat Ewro-Mediterranju ta l-mandat politiku għall-iżvilupp ta' inizjattiva sabiex jitnaqqas it-tniġġis fil-Mediterran.

Il-Kummissjoni, bil-mezzi disponibbli għaliha, identifikat l-oqsma fejn tista' ġġib valur miżjud ċar biex tikkontribwixxi lejn it-twettiq ta’ għanijiet ta’ kooperazzjoni ambjentali kif kien deskritt qabel.

Hemm bżonn li jissaħħaħ il-koordinament bejn id-diversi atturi sabiex tiżdid l-effiċjenza u l-effikaċja ta’ l-attivitajiet ambjentali mwettqa, inkluż l-assistenza finanzjarja u teknika. Il-Kummissjoni tinsab f'qagħda tajba biex tmexxi din il-ħidma.

Għalhekk, il-Kummissjoni toffri l-inizjattiva ta' l-Orizzont 2020 bħala segwitu għas-Samit ta’ Barċellona u proposta għal “ kalendarju vijabbli " hija pprovduta fl-Anness ta' din il-Komunikazzjoni. Din il-proposta hija maħsuba biex tkun bażi għal aktar diskussjoni mal-pajjiżi msieħba sabiex twassal għall-adozzjoni mill-Ministri ta' l-Ambjent Ewro-Mediterranji fit-tielet laqgħa tagħhom fil-Kajr f'Novembru 2006.

L-inizjattiva Orizzont 2002 ser tibni fuq istituzzjonijiet eżistenti u riżultati, billi timla l-vojt fejn tista’ ġġib valur miżjud.

Ser topera fi ħdan il-qafas ta' strumenti tal-politika ambjentali eżistenti u li qegħdin jiżviluppaw, u tappoġġja l-implimentazzjoni ta' l-impenji għat-tnaqqis tat-tniġġis meħuda fil-qafas tal-Konvenzjoni ta' Barċellona. Huwa propost, fuq il-bażi tar-riżultati tad-diskussjonijiet tagħna mad-diversi msieħba, li l-attivitajiet ta’ l-inizjattiva Orizzont 2020 jiġu raggruppati f’erba’ komponenti kif ġej:

- Proġetti għat-tnaqqis tat-tniġġis

B’kollaborazzjoni mal-pajjiżi benefiċjari, l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali relevanti, il- MAP u partijiet interessati oħra, ser jiġu żviluppati sensiela ta’ proġetti biex jindirizzaw, l-ewwelnett, is-setturi ta’ prijorità definiti fis-Samit ta' l-għaxar anniversarju tal-Partenarjat Ewro-Mediterranju, li huma skart muniċipali, ilma ta’ l-skart urban u emissjonijiet industrijali.

- Miżuri għall-bini tal-kapaċità

L-azzjonijiet li ser jittieħdu, mibnija fuq azzjonijiet u inizjattivi li għaddejjin, ser jistabbilixxu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-protezzjoni ambjentali sostenibbli tal-Mediterran, inkluż l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni, istituzzjonijiet u sostenn lill-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili. Attenzjoni partikolari ser tingħata lill-miżuri għall-bini tal-kapaċità fil-livell lokali. Dawn l-azzjonijiet ser jestendu lil hinn mit-tliet setturi ta’ prijorità tal-komponent tat-tnaqqis tat-tniġġis.

- Riċerka

Ser jkomplu l-isforzi sabiex noħolqu, naqsmu u nikkomunikaw l-għarfien espert xjentifiku li jappoġġja l-għanijiet ta’ l-inizjattiva Orizzont 2020. L-attivitajiet ser jinkludu it-tixrid ta’ għarfien relevanti akkumulat bir-riċerka riċenti u l-programmi LIFE , il-kooperazzjoni xjentifika fis-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka, l-Azzjonijiet Diretti taċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka ( JRC ) tal-Kummissjoni u l-azzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-potenzjal uman.

- Monitoraġġ, Tmexxija u Reviżjoni

L-Aġenzija Ewropea ta’ l-Ambjent b’kooperazzjoni ma’ l-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Kummissjoni Ewropea (EUROSTAT) , il-Programm ta' Riċerka u Sorveljanza tat-Tniġġis tal-Mediterran ( Mediterranean Marine Pollution and Research Programme , MEDPOL ) fi ħdan il-Konvenzjoni ta' Barċellona, is-Sistema Ewro-Mediterranja ta' Informazzjoni dwar l-Ilma ( Euro-Mediterranean Water Information System , EMWIS ) , il-Kummissjoni Ewropea u entitajiet oħra ser jiżviluppaw sistema ta' punteġġ sabiex ikejlu l-progress ma' livelli ta' tniġġis fil-Mediterran, waqt li jieħdu vantaġġ mill-ħidma li għaddejja fuq l-livell Ewropew.

Kumitat konsultattiv tat-tmexxija, b'għadd kbir ta’ membri, ser jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ l-inizjattiva f’kull waħda mill-pilastri tiegħu.

5. Kooperazzjoni usa' lil hinn mill-ambitu ta' l-inizjattiva Orizzont 2020

Waqt li l-inizjattiva Orizzont 2020 ser tindirizza il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom x’jaqsmu mat-tniġġis fil-Mediterran, hija waħedha ma tistax tilħaq l-għanijiet kollha ppreżentati f’sezzjoni 2. Għal din ir-raġuni, jeħtieġ li fl-istess ħin, jittieħdu azzjonijiet u inizjattivi paralleli oħrajn.

Skond il-Politka Ewropea tal-Viċinat u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni tagħha, kif ukoll skond il-Partenarjat Ewro-Mediterranju, il-kooperazzjoni ambjentali bejn il-Kummissjoni u l-imsieħba Mediterranji ser tindirizza l-kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-ambitu ta’ l-Orizzont 2020 fis-snin li ġejjin, kif imsemmija hawn taħt:

- L-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni ENP (promozzjoni ta’ tmexxija ambjentali li ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali, integrazzjoni ta’ kwistjonijiet dwar l-ambjent u s-saħħa f'diversi oqsma tal-politika, kif ukoll tindirizza kwistjonijiet speċifiċi dwar l-ambjent u s-saħħa bħad-deżertifikazzjoni, il-kwalità ta’ l-ilma u l-arja, it-turiżmu, eċċ).

- Iktar integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ambjentali f’setturi ekonomiċi relevanti, b’enfasi partikolari fuq dawk is-setturi ekonomiċi li jippreżentaw potenzjal kbir f'termini ta’ tkabbir ekonomiku u ħolqien ta’ impjiegi.

- It-theddid ambjentali globali bħall-bidla fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, kif identifkat fil-Komunikazzjoni riċenti li tipproponi programm tematiku għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali[15]. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ser tkompli tappoġġja l-komponent Mediterranju ta' l-Inizjattiva ta’ l-UE dwar l-Ilma, inkluż il-komponent tiegħu dwar riċerka, bħala parti mill-kontribut ta' l-UE għall-ksib ta’ l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp li huma usa’ minn dawk ta’ l-inizjattiva Orizzont 2020.

- Kwistjonijiet reġjonali prijoritarji oħra bħall-perikli u inċidenti ambjentali u tas-saħħa, degradazzjoni tal-ħamrija u l-ġestjoni integrata taż-zoni kostali ( ICZM ) ser jibqgħu jiġu indirizzati.

- L-użu tal-Valutazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali u l-Evalwazzjoni Strateġika ta’ l-Ambjent ser ikunu promossi sistematikament madwar ir-reġjun.

- Ser tkun promossa u sostnuta l-produzzjoni ta’ indikaturi relevanti permezz ta’ mekkaniżmi reġjonali eżistenti ta’ kooperazzjoni fil-qasam statistiku (eż. MEDSTAT/Ambjent).

- Is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti ser tkun estiża sal-baċir Mediterranju kollu, b’kollaborazzjoni mal- FAO Silva Mediterranea .

- L-Istati Membri ta' l-UE ser ikunu mħeġġa biex jikkooperaw mal-pajjiżi ġirien sabiex jimplimentaw dawk il-partijiet ta' leġiżlazzjoni ambjentali ta’ l-UE li jikkonċernaw il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Eżempju hija d-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima[16] proposta, li l-ambitu ta' applikazzjoni tagħha huwa usa’ minn dak speċifiku ta’ l-inizjattiva Orizzont 2020 u li tista’ diġà tibbaża fuq ir-riċerka eżistenti u li għaddejja.

- Il-kooperazzjoni ser tkompli tippromwovi l-integrazzjoni ta' kunsiderazzjonijiet ambjentali f'setturi oħrajn. Il-Kummissjoni ser ittemm il-Valutazzjoni ta' l-Impatt tal-Kummerċ dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ( SIA ) għaż-Żona tal-Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja ( EMFTA). Il-konkluzjonijiet u r-rakomandazzjonijiet ser ikunu integrati fin-negozjati kummerċjali mal-pajjiżi msieħba.

- Ser jitkompla x-xogħol fuq kwistjonijiet importanti li jinqalgħu, bħan-nixfa, skarsezza ta’ l-ilma u l-għargħar, jekk ikun il-każ.

- Il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi Mediterranji msieħba jelenkaw oqsma oħra għall-kooperazzjoni ambjentali.

- L-azzjonijiet biex jippromwovu l-preparazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, bħall-inċidenti ambjentali fir-reġjun.

6. Konklużjoni

Il-baħar Mediterran jista’ biss ikun protett kif suppost jekk il-pajjiżi kollha li jħaddnuh jieħdu r-responabbiltajiet tagħhom biex jipproteġu u jirrestawraw l-ekosistemi tiegħu bl-aħjar mod possibbli. Ħafna pajjiżi Mediterranji ma għandhomx il-mezzi biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-protezzjoni ta' l-ambjent. Bl-istess mod, l-assistenza tad-donaturi waħedha ma tiżgurax futur sostenibbli. L-għan tat-“tneħħija tat-tniġġis mill-Mediterran” jista’ jidher impossibbli li jitwettaq meta tqies l-implikazzjonijiet finanzjarji enormi, imma billi niffokaw fuq l-agħar siti tas-setturi tat-tniġġis l-iżjed importanti u nikkoordinaw ir-riżorsi billi naħdmu flimkien ikun possibbli li ntejbu s-sitwazzjoni. Fi żmien bħal dan b'riżorsi limitati, il-Kummissjoni Ewropea u l-membri l-oħra tal-komunità tad-donaturi għandhom jikoordinaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-assistenza mogħtija hija mmirata kif suppost u tintuża b'mod effikaċi mingħajr duplikazzjoni ta' sforzi.

Il-Kummissjoni Ewropea, skond l-istrateġija deskritta f’dan id-dokument, ser tipprova timmassimalizza l-effikaċja tal-kooperazzjoni tal-KE biex tappoġġja mhux biss il-prijoritajiet tagħha imma wkoll ta’ l-imsieħba. Ser tagħmel użu mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u mill-Partenarjat Ewro-Mediterranju sabiex tgħolli l-prijorità li tingħata lill-protezzjoni ta' l-ambjent mar-reġjun. Attenzjoni partikolari ser tingħata sabiex tħeġġeġ l-imsieħba jimplimentaw miżuri ambjentali li kienu impenjaw ruħhom fihom, u tiżgura li pjanijiet strateġiċi jitbidlu f’azzjonijiet konkreti. Dawk il-pajjiżi msieħba li juru li huma l-iżjed lesti biex jaħdmu ma' l-UE fuq kwistjonijiet ambjentali għandhom ikunu dawk li l-Kummissjoni timxi ’l quddiem l-ewwel magħhom. Il-Kummissjoni ma tistax tieħu f'idejha r-responabbiltajiet ambjentali ta’ l-imsieħba tagħha imma tista’ tgħinhom iwettqu dawk ir-responsabbiltajiet. Huwa biss bil-ħidma f'kollaborazzjoni li nisperaw li nipproteġu l-wirt Mediterranju komuni tagħna.

[1] Futur sostenibbli għall-Mediterran – The Blue Plan's Environment and Development outlook

[2] http://www.metap.org/main.php?id_menu=12

[3] L-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, is-Sirja u t-Tuneżija

[4] Eżempju ieħor ta’ l-ispejjeż tad-degradazzjoni ambjentali huma ċ-ċifri mis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti ( EFFIS )1 tal-KE li turi t-telf medju ta’ madwar 600,000 ettaru ta’ żoni forestali fir-reġjun Mediterranju ta’ l-UE fis-sena, bl-istima ta' l-ispiża ta' kważi €2 biljun fis-sena.

[5] L-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana, is-Sirja u t-Tuneżija.

[6] http://ec.europa.eu/world/enp/index_en.htm

[7] “L-Għaxar Anniversarju ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja: Programm ta’ ħidma biex jilqa’ għall-isfidi tal-ħames snin li ġejjin” COM (2005) 139 finali

[8] Din ‘id-diskussjoni’ kienet tinkludi inter alia laqgħa ta’ livell għoli fid-19 ta’ Diċembru 2005 f’Barċellona li involviet l-awtoritajiet nazzjonali, l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ( IFIs ), u rappreżentanti mill- NGOs u l-komunità tan-negozju, kif ukoll konsultazzjoni informali fuq l-internet permezz tal-paġna tas-sit tal-Kummissjoni http://ec.europa.eu/environment/enlarg/med/horizon_2020_en.htm

[9] Green Paper dwar “Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra” tas-7 ta’ Ġunju 2006, COM(2006) 275 final

[10] Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "Strateġija Tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta’ l-Ambjent ta’ l-Ibħra” ta’ l-24 ta’ Ottubru 2005, COM(2005)504 finali

[11] Il-Konvenzjoni għall-protezzjoni ta’ l-Ambjent tal-Baħar u r-Reġjun tal-Kosta Mediterranja

[12] Segretarjat għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona

[13] Strument għall-Assistenza Teknika u Skambju ta' Informazzjoni.

[14] COM(2003) 716 “Orjentamenti Bażiċi għas-Sostenibbiltà tat-Turiżmu Ewropew”

[15] Azzjoni Esterna Programm Tematiku għall-Ambjent u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali fosthom l-Enerġija – COM(2006) 20

[16] Proposta għal Direttiva li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-Politika Ambjentali Marittima (Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima) COM(2005) 505