52006DC0333




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 28.6.2006

KUMM(2006) 333 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ l-Aja għas-sena 2005

{SEC(2006) 813}

{SEC(2006 814}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ l-Aja għas-sena 2005

1. Din il-komunikazzjoni hija risposta għall-istedina tal-Kunsill lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm u tal-pjan ta’ azzjoni ta’ l-Aja (“tabella tar-riżultati”)[1] u din hija l-ewwel miżura konkreta għall-2005. Il-metodoloġija magħżula għandha tiggwida lir-rapporti annwali ta’ l-erba’ snin li ġejjin.

2. Bħalma sar bit-tabella tar-riżultati tal-programm ta’ Tampere, l-ewwelnett, il-punt hu li jkun żgurat il-monitoraġġ ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri previsti taħt il-programm ta’ l-Aja, inklużi dawk li għandhom x’jaqsmu mal-pjan ta’ azzjoni dwar id-drogi, l-istrateġija dwar l-aspetti esterni taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u l-pjan ta’ azzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li jissupplimentaw il-pjan ta’ azzjoni ta’ l-Aja, skond l-iskeda ta’ żmien iffissata. Għalhekk, il-miżuri kollha ppjanati għall-2005 huma eżaminati f’din il-komunikazzjoni. Il-miżuri programmati għas-sena 2006 u s-snin sussegwenti għandhom ikunu eżaminati fir-rapporti annwali li għad iridu jiġu (l-ewwel parti ta’ l-anness).

3. Minbarra dan il-monitoraġġ tal-proċess ta’ adozzjoni, li għall-ewwel darba huwa parti minn dan l-eżerċizzju għall-oqsma ta’ politika “Ġustizzja, Libertà, Sigurtà” (minn issa ’l quddiem “JLS”), din il-komunikazzjoni tiffoka fuq il-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni ta’ dawn l-oqsma ta’ politika fuq il-livell nazzjonali (Parti II u l-anness 2).

1. MONITORAġġ TA’ L-ADOZZJONI TAL-MIżURI PREVISTI GħALL-2005 TAħT IL-PROGRAMM TA’ L-AJA

4. It-tabella (1) fl-anness tagħti l-qagħda ta’ kull miżura prevista għall-2005 jew fuq bażi regolari/kontinwa fil-pjan ta' azzjoni ta' l-Aja. Mit-tabelli hawn taħt joħroġ riżultat ġeneralment pożittiv, minkejja li l-oqsma kollha ma kellhomx l-istess suċċess.

[pic][pic]

1.1. Linji-gwida ġenerali

1.1.1. Ir-rispett u l-protezzjoni attiva tad-drittijiet fundamentali

5. Ir-riżultati f’dan il-qasam huma ġeneralment sodisfaċenti. Ħafna mill-azzjonijiet previsti għall-2005 twettqu, jew se jitwettqu fl-2006, bl-eċċezzjoni ta’ proposta ta’ adeżjoni ta’ l-Unjoni mal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, affermata mid-dħul fis-seħħ tal-Kostituzzjoni. Il-proposti relatati ma’ ftehim ġenerali dwar il-qafas finanzjaru 2007-2013 kienu adottati kif ippjanat mill-Kummissjoni[2] u s-segwitu tagħhom jiddependi mill-iżviluppi marbutin ma’ dan il-ftehim ġenerali.

6. Il-proposta tal-Kummissjoni li twessa' l-mandat ta’ l-Osservatorju Ewropew tal-fenomeni razzisti u ksenofobiċi u li toħloq Aġenzija tad-drittijiet fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea hija kisba sostanzjali, prijoritarja taħt il-programm ta’ l-Aja.

7. L-adozzjoni tal- komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal kienet posposta għal Lulju 2006 minħabba l-bżonn ta’ ħidma preparatorja intensiva sabiex ikun garantit li l-interessi varji kollha involuti jittieħdu f’kunsiderazzjoni.

8. Fil-qasam tal- protezzjoni tad -data , il-proposta għal deċiżjoni-qafas ippreżentata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fil-qasam kriminali tissupplimenta l-qafas legali eżistenti. Din toħloq il-kontraparti indispensabbli għall-proposti maħsuba li jimplimentaw il-prinċipju tad-disponibilità u li jtejjeb l-iskambju ta’ l-informazzjoni bejn il-fruntieri bejn l-aġenziji li jinfurzaw il-liġi ta’ l-Istati Membri.

1.1.2. Strateġija Ewropea dwar id-drogi

9. Kif kien qed jipprevedi l-pjan ta’ azzjoni ta’ l-Aja, l-Unjoni preparat strateġija dwar id-droga 2005-2012 f’Diċembru 2004 u pjan ta’ azzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea dwar id-drogi (2005-2008) f’Ġunju 2005, li jistabbilixxu, għall-partijiet interessati kollha, prijoritajiet speċifiċi, skeda dettaljata ta’ l-implimentazzjoni kif ukoll l-għodod ta’ evalwazzjoni u l-indikaturi konkreti għal kull waħda mit-tmenin azzjoni proposti. Il-pjan jagħti lill-Kummissjoni r-responsabilità tal-monitoraġġ u ta’ l-evalwazzjoni, f’kooperazzjoni ma’ l-Osservatorju Ewropew tad-drogi u l-vizzji tad-droga u l-Europol. L-ewwel rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ azzjoni għandu jkun preżentat fil-Ħarifa 2006.

1.1.3. Relazzjonijiet esterni

10. Skond l-iskeda tal-pjan ta’ azzjoni, l-Unjoni preparat, f’Diċembru 2005, strateġija dwar id-dimensjoni esterna taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, bl-għan, partikolarment, li tippromwovi l-Istat tad-dritt, l-istabbilità u s-sigurtà ’l barra mill-fruntieri ta’ l-Unjoni Ewropea.

1.2. Insaħħu l-libertà

1.2.1. Ic-Ċittadinanza ta' l-Unjoni

11. F’dan il-qasam, il-programm ta’ l-Aja jiffoka partikolarment fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, li se tkun evalwata iktar, peress li d-data ta’ l-għeluq tat-traspożizzjoni tagħha għadha kif skadiet.

12. Ir- rapporti dwar l-applikazzjoni tad-direttivi fuq id-dritt ta’ residenza tal-pensjonanti, l-istudenti u l-persuni inattivi, u fuq id-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew dalwaqt se jkunu finalizzati.

1.2.2. Politika dwar l-ażil, l-immigrazzjoni u l-fruntieri

13. Sabiex titjieb il-koordinazzjoni ta’ l-oqsam ta’ politika nazzjonali u biex jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-iskambju regolari ta’ l-informazzjoni bejn l-Istati Membri u bejniethom u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni ppreżentat proposta dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta' informazzjoni reċiproka dwar il-miżuri ta l-Istati Membri fl-oqsma ta’ l-ażil u l-immigrazzjoni.

14. Fil-qasam kruċjali tal-ġbir ta’ l-informazzjoni sabiex titjieb l-analiżi tal-fenomenu migratorju, twettaq progress sostanzjali. Il-Kummissjoni adottat, nhar it-28 ta’ Novembru 2005, il- Green Paper dwar il-futur ta’ netwerk Ewropew tal-migrazzjonijiet , maħsuba biex toħloq reazzjonijiet fost il-partijiet interessati, u fl-istess ħin, ifformulat proposta għal Regolament dwar l-istatistiċi komunitarji dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali, li bħalissa qed ikunu diskussi.

1.2.3. Sistema komuni ta’ ażil Ewropew

15. Ir-riżultati f’dan il-qasam huma mħalltin.

16. L-adozzjoni, fl-1 ta’ Diċembru 2005, wara iktar minn erba’ snin ta’ diskussjonijiet, tad- Direttiva dwar l-istandards minimi rigward il-proċeduri ta’ għoti u rtirar ta' l-istatut ta’ refuġjat indikat it-tmiem ta’ l-ewwel fażi ta’ żvilupp ta’ politika dwar l-ażil. Fil-futur, l-adozzjoni ta’ tali miżuri, fil-prinċipju, mhux se tkun iktar soġġett għar-regola ta’ l-unanimità, iżda għandha ssir skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 TKE[3].

17. Il-Kummissjoni bdiet il-monitoraġġ ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-istrumenti ta’ l-ewwel fażi, iżda kellha tipposponi għall-2006 il-preżentazzjoni ta' proposta dwar l-istatut ta' resident għal perjodu ta' żmien twil għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali sat-tieni fażi ta’ żvilupp għal sistema komuni ta’ kenn politiku Ewropew. Fil-bidu ta’ l-2006 il-Kummissjoni ppreżentat ukoll il-komunikazzjoni tagħha dwar l-introduzzjoni ta’ strutturi meħtieġa għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

18. Ma kienx possibbli li ssir l-evalwazzjoni tal- Fondi Ewropej għar-refuġjati (FER I) fl-2005 kif kien ippjanat, u kellha tiġi posposta għall-2006.

1.2.4. L-immigrazzjoni legali, inklużi l-proċeduri ta’ dħul

19. L-iskeda ta’ l-2005 kienet irrispettata bis-sħiħ.

20. F’Diċembru 2005, fuq il-bażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il- Green Paper dwar il-migrazzjonijiet ekonomiċi , il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ azzjoni dwar l-immigrazzjoni legali b’serje ta’ miżuri operattivi u leġiżlattivi li għandhom ikunu implimentati bejn l-2006 u l-2009, li jkopru l-kundizzjonijiet ta’ dħul jew ta’ residenza, it-tixrid u t-taqsim ta’ l-informazzjoni, il-miżuri ta’ integrazzjoni u l-miżuri li għandhom ikunu introdotti f’kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini.

1.2.5. L-integrazzjoni ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi

21. L-adozzjoni, fl-1 ta’ Settembru 2005, tal-komunikazzjoni “Programm komuni għall-integrazzjoni. Qafas dwar l-Integrazzjoni taċ-Ċittadini minn Pajjiżi Terzi fl-Unjoni Ewropea” , tistabbilixxi l-prinċipji bażiċi komuni li fuqhom għandu jistrieħ qafas Ewropew koerenti fil-qasam ta' l-integrazzjoni.[4] Dan il-qafas, kif kien approvat mill-Kunsill JHA ta’ Diċembru 2005, għandu jservi bħala l-bażi għal inizjattivi oħrajn ta’ l-UE.

1.2.6. Il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali

22. F’termini ta’ partenarjat ma’ pajjiżi terzi, l-adozzjoni, f’Settembru 2005, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar mudell għal rapport dwar l-attivitajiet tal- Liaison Officers fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż li jilqa’ fi kwistjonijiet relatati ma’ l-immigrazzjoni illegali għandha tkun kontribuzzjoni utli għall-ġestjoni ta’ netwerks ta' kollegament dwar l-immigrazzjoni fil-pajjiżi terzi rilevanti.

23. Ir- rapport annwali fuq il-politika komuni dwar il-migrazzjoni illegali , skedata għall-2005, se tkun preżentata fis-Sajf 2006 bħala anness mal-komunikazzjoni futura tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet futuri f’dan il-qasam.

24. L-introduzzjoni ta’ netwerk ta’ informazzjoni protetta b’konnessjoni ma’ l-internet għas-servizzi ta’ l-Istati Membri li għandhom l-inkarigu tal-ġestjoni tal-flussi migratorji (ICONET) hija għodda ta’ ġestjoni siewja; il-Kummissjoni se torganizza sessjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni għall-punti ta’ kuntatt ta’ l-Istati Membri sabiex isiru għal kollox operattivi.

25. Il-miżuri kollha, skedati għall-istabbiliment ta’ politika effettiva ta’ tkeċċija u ta’ ripatrijazzjoni bbażati fuq standards komuni u fuq kooperazzjoni eqreb u għajnuna teknika reċiproka, twettqu. Għalhekk, il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva dwar il-proċeduri tar-ritorn . L - azzjonijiet perparatorji għall-appoġġ finanzjajru għall-ġestjoni tar-ritorn kienu mnedija.

26. Fl-aħħarnett, wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ riammissjoni mal-Makaw, Hong Kong u s-Sri Lanka, in-negozjati mar-Russja kienu konklużi f’Ottubru 2005, kif ukoll ma’ l-Albanija min-naħa ta’ l-UE f’Novembru 2005. In-negozjati ma’ l-Ukrajina, it-Turkija, il-Marokk u l-Pakistan qed ikomplu.

1.2.7. Id-dimensjoni esterna ta’ l-ażil u l-immigrazzjoni

27. Fl-2005 kien hemm żviluppi sinifikanti f’dan il-qasam.

28. Rigward il- kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-ġestjoni ta l-immigrazzjoni u tal-kenn politiku , l-Unjoni qablet dwar konklużjonijiet operattivi dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni mal-pajjiżi terzi u r-relazzjonijiet esterni. Fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2005 adotta aġenda ambizjuża għall-kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri mal-pajjiżi ta’ l-Afrika u tal-Mediterran. Il-Kummissjoni hija mistiedna li tikkoordina l-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet prijoritarji f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Għandha tinforma lill-Kunsill Ewropew fl-aħħar ta’ l-2006.

29. Il-Kummissjoni pproponiet qafas għall-iżvilupp ta’ programmi ta' protezzjoni reġjonali ta' l-UE li ntlaqa' tajjeb mill-Istati Membri. It-tnedija ta’ l-ewwel programmi pilota fit-Tanzanija u fil-pajjiżi indipendenti l-ġodda kienet posposta għall-2006 minħabba ż-żmien meħtieġ għall-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-offerti taħt il-programm AENEAS.

1.2.8. Il-ġestjoni tal-fruntieri, biometrija, sistemi ta’ informazzjoni u politika tal-viżi

30. F’dan il-qasam ukoll, saru progressi sostanzjali.

31. Rigward it-tneħħija tal-kontrolli tal-persuni fil-fruntieri interni, u fl-istennija ta’ evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ l- acquis li mhuwiex relatat mas-sistemi ta’ informazzjoni Schengen (SIS II) fl-Istati l-Membri l-ġodda, skedat għall-2006, il-Kummissjoni ppreżentat, kif kien maħsub, proposta dwar l-istrumenti legali li tas-SIS II .

32. Rigward il-ġestjoni tal-fruntieri esterni u wara l-istabbiliment ta’ l-Aġenzija tal-fruntieri esterni (FRONTEX) fl-1 ta’ Mejju 2005, proposti ġodda b’rispons għall-evalwazzjoni tal-mod ta’ tħaddim tagħha mhumiex mistennija qabel l-2007. Madankollu, il-Kummissjoni diġà kkonfermat l-intenzjoni tagħha li tippreżenta proposta bl-għan li toħloq gruppi ta’ esperti nazzjonali li jkunu kapaċi jforni malajr l-għajnuna teknika u operattiva lill-Istati Membri li jitolbuha.

33. L-acquis ta’ Schengen (SIS) sar parzjalment applikabbli fir-Renju Unit fit-22 ta’ Diċembru 2004. Id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ parti ta’ l-SIS fir-Renju Unit għandha tkun adottata wara l-finalizzazzjoni ta’ l-emendi tekniċi neċessarji f’dan l-Istat Membru.

34. L-adozzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, fl-24 ta’ Novembru 2005, dwar l-interoperabilità bejn SIS II, is-sistema ta’ informazzjoni dwar il-viżi (VIS) u l-EURODAC hija pass sinifikanti lejn metodu koerenti u lejn l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet armonizzati fl-UE dwar l- identitfikaturi u d- data biometrika . Bl-istess mod, ittieħdu deċiżjonijiet operattivi f’Diċembru għat-tħejjija ta' l-introduzzjoni ta' l-istandards minimi applikabbli għall-karti ta' l-identità nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-proposta li temenda l-istruzzjonijiet konsulari komuni dwar l-istandards u l-proċeduri għat-teħid tad- data biometrika setgħet tiġi ppreżentata biss fl-2006, minħabba li d-diskussjonijiet dwar il-prekundizzjonijiet neċessarji għadhom għaddejjin.

1.2.9. Il-politika tal-viżi, inkluża l-elaborazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni dwar il-viżi (VIS)

35. Ċertu numru ta' miżuri prijoritarji taħt il-programm ta’ l-Aja kienu jew għandhom ikunu adottati iktar tard milli pjanat, fl-2006.

36. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-emendi neċessarji għat-titjib tal-politika tal-viżi u għall-ħolqien ta’ ċentri komuni għall-applikazzjoni tal-viża, u l-abbozz emendat ta’ l-istruzzjonijiet konsulari komuni rigward id-drittijiet tal-viża huma eżempji ta’ dawn il-miżuri.

37. Għaldaqstant, kien irreġistrat progress fil-qasam tat- tranżitu , permezz tal-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, u fil-qasam tas-sistema dwar it-traffiku lokali bejn pajjiż u ieħor , fejn intlaħaq ftehim politiku matul l-ewwel qari fi Frar 2006.

1.3. Insaħħu s-sigurtà

1.3.1. It-terroriżmu: il-qsim ta’ l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji waqt li jinstab bilanċ ġust bejn is-sigurtà u l-protezzjoni tal-ħajja privata

38. Il-fatt li d- Direttiva dwar il-ħażna tad- data ġġenerata jew ipproċessata b’rabta mad-dispożizzjoniji tal-forniment tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku u li temenda d-direttiva 2002/58/KE, kienet adottata fil-21 ta’ Frar 2006, ħames xhur biss wara l-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, wara l-ftehim li tlaħaq ma’ l-ewwel qari bejn il-Parlament u l-Kunsill, kienet suċċess interistituzzjonali importanti li turi l-volontà politika ta’ l-Unjoni.

39. Ħafna mill-azzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tad-disponibilità skedati għall-2005 twettqu. Għalhekk, il-Kummissjoni ppreżentat proposta dwar l-istabbiliment tal-prinċipju tad-disponibilità ta’ l-informazzjoni fi kwistjonijiet kriminali, kif ukoll proposta parallela dwar il-garanziji xierqa u dwar id-drittijiet ta’ rikorsi effettivi għat-trasferiment ta’ data personali għall-għanijiet tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, diġà msemmija[5]. Il-preżentazzjoni ta’ proposta ġenerali dwar il-prinċipju tad-disponibilità wasslet biex l-adozzjoni ta’ proposta li tikkonċerna speċifikament id-DNA tkun posposta għall-2006. Intlaħaq ftehim dwar l-inizjattiva Żvediża dwar is-simplifikazzjoni ta’ l-iskambju ta’ l-informazzjoni u tat-tagħrif bejn is-servizzi li jinfurzaw il-liġi ta’ l-Istati Membri f’Diċembru 2005.Il-Kummissjoni ppreżentat proposta li tagħti aċċess għall-VIS lis-servizzi li jinfurzaw il-liġi.

40. Rigward l- iskambju ta’ l-informazzjoni dwar il-passiġġieri ta’ l-ajru (PNR) , fis-16 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni adottat żewġ inizjattivi biex ikun introdott qafas legalment aċċettabbli għat-trasferiment tad-data PNR lejn l-Istati Uniti. Dawn l-inizjattivi jirrappreżentaw l-ewwel miżuri Ewropej li jaraw li jirrettifikaw il-bażi legali tal-ftehim konkluż ma’ l-Istati Uniti, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet annullat fit-30 ta’ Mejju 2006.

41. L-Unjoni għamlet sforzi biex tkompli bl-adozzjoni tal- metodu ġenerali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu , skond l-iskeda prevista. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ finanzjament tal-proġett pilota “ġlieda kontra t-terroriżmu”, li tara, fost l-oħrajn, li jitwaqqaf ċentru ta’ informazzjoni u ta’ kriżi fid-DĠ JLS. Barra minn hekk, ippreżentat proposti li jaraw li jtejbu s-sigurtà tal-ħażna u t-trasport ta’ l-isplussivi u li jiggarantixxu t-traċċabilità tal-prekursuri industrijali u kimiċi. Fl-aħħarnett, f’Diċembru 2005, kienet iddefinita strateġija dwar ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ.

42. Fl-istess ħin, peress li l-Istati Membri kollha ma laħqux jittrasponu b’mod komplet u sħiħ id-deċiżjoni-qafas dwar it-“terroriżmu” fl-iskadenza speċifika, ma kienx possibbli li jinbdew l-eżaminazzjoni u l-adattament permezz tat-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan it-test, kif previst.

1.3.2. Il-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu

43. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-elaborazzjoni ta’ strateġija dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata hija miżura prinċipali adottata skond l-iskeda prevista, iżda ħafna mill-miżuri li jaraw li jtejbu l-għarfien dwar il-kriminalità organizzata u dwar il-forom serji ta’ kriminalità u li jsaħħu l-ġbir u l-analiżi ta’ l-informazzjoni kellhom ikunu posposti għall-2006.

44. Il-Kunsill ippospona l-adozzjoni tal-mekkaniżmu leġiżlattiv dwar il- ġlieda kontra l-falsifikazzjoni .

45. Min-naħa l-oħra, il-pjan li jippermetti li jiżviluppa l-istandards, il-prassi u l-mekkaniżmi komuni għall-prevenzjoni tat- traffikar tal-persuni , kien adottat skond l-iskeda.

1.3.3. Il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik doganali

46. L-isforzi bl-għan li jingħataw lill- Europol il-mezzi biex ikollu rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-forom serji ta’ kriminalità (organizzata) issoktaw b’diskussjonijiet li għaddejjin fil-Kunsill JHA. Flimkien ma’ l-emendi tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija ( CEPOL ), id-diskussjonijiet dwar id-definizzjoni tar-rwol tal-kumitat tas-sigurtà ( COSI ) u l-koordinazzjoni li għandha tkun stabbilita bejn l-aġenziji (u s-servizz) varji tas-sigurtà interna, dawn juru r-rieda tajba biex jingħata impetu ġdid għad-dimensjoni operattiva tal-kooperazzjoni tal-pulizija.

1.3.4. Il-ġestjoni tal-kriżijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea

47. Fis-17 ta’ Novembru 2005 l-Kummissjoni ppubblikat Green Paper dwar il- protezzjoni ta’ l-infrastrutturi kritiċi . Fl-2006 għandu jkun hemm proposta leġiżlattiva, li tinkludi l-ħolqien ta’ netwerk ta’ twissija għall-infrastrutturi kritiċi (CIWIN) biex tieħu f’kunsiderazzjoni r-reazzjonijiet imqajma mill- Green Paper .

1.3.5. Il-prevenzjoni tal-kriminalità b’mod ġenerali

48. Wara riflessjoni interna dwar l-organizzazzjoni tan-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità ( ECPN ) fl-2005, se tkun preżentata inizjattiva li tinforza u tipprofessjonalizza dan in-netwerk fl-2006.

1.4. Insaħħu l-ġustizzja

1.4.1. It-tkabbir tal-fiduċja u l-affidibilità reċiproka

49. Wara d-diskussjonijiet immexxija fil-Ħarifa 2005 ma’ l-atturi interessati differenti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta komunikazzjoni dwar it-taħriġ ġudizzjarju fl-UE fl-2006. Il-programm ta’ l-iskambji ġudizzjarji għandu jkompli fil-kuntest ta’ azzjoni preparatorja fl-2006, qabel ma jkun inkorporat fil-komponent “ġustizzja kriminali” tal-programm-qafas “ġustizzja u drittijiet fundamentali”.

1.4.2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali

50. L-iskeda għall-miżuri mistennija mill-Kummissjoni għat-tkomplija ta’ l- implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fl-2005 kienet rispettata. Eżempji jinkludu l-komunikazzjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku, li ġġedded il-kuntest ġenerali, il-proposti leġiżlattivi għat-teħid f’kunsiderazzjoni ta’ kundanni fi proċedimenti kriminali ġodda u l-organizzazzjoni u l-kontenut ta’ l-iskambji ta’ informazzjoni estratta mir-reġistru kriminali, jew ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni-Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew.

51. Madankollu, sfortunatament kien hemm ħafna dewmien rigward l-adozzjoni ta’ żewġ miżuri prinċipali: id-deċiżjoni-qafas dwar il- mandat tal-kisba tal-provi kien is-suġġett ta’ ftehim politiku biss f’Ġunju 2006, u dik dwar ċerti drittijiet proċedurali għadha qed tiġi diskussa. La waħda u lanqas l-oħra ma ġew adottati fl-2005 kif kien previst fil-programm ta’ l-Aja.

52. Rigward l- armonizzazzjoni , il- Green Paper dwar il-kunflitti tal-ġurisdizzjoni u l-prinċipju ne bis in idem kienu adottati f’Diċembru 2005, u b’hekk nedew id-dibattitu biex ikun evalwat il-bżonn għall-azzjoni ta’ l-Unjoni, iżda l- Green Paper dwar il-preżunzjoni ta’ l-innoċenza kienet posposta. Hekk kien ukoll it-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni-qafas dwar l-istatut tal-vittmi fil-proċedimenti kriminali, minħabba li l-Istati Membri ma fornewx biżżejjed informazzjoni.

1.4.3. Il-kooperazzjoni ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili

53. Il-kisbiet fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili għall-2005 kienu partikolarment notevoli minħabba li l-azzjonijiet kollha skedati li kellhom jitwettqu, fil-fatt twettqu. Eżempju partikolari huwa r-rikonoxximent reċiproku, fejn huma pjanati żviluppi ġodda għas-snin li ġejjin, partikolarment fil-liġi tal-familja, wara l-adozzjoni tal- Green Papers dwar is-suċċessjonijiet u l-kunflitti tal-liġijiet u l-ġurisdizzjonijiet fi kwistjonijiet tad-divorzju, li l-Kummissjoni tixtieq tarahom adottati permezz tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni.

2. MONITORAġġ TAT-TRASPOżIZZJONI NAZZJONALI

2.1. Metodoloġija

54. Dan l-eżerċizzju jikkonċerna l-ewwelnett l-istrumenti leġiżlattivi kollha li jeħtieġu t-traspożizzjoni mill-Istati Membri, jiġifieri d-direttivi u d-deċiżjonijiet-qafas. Meta titqies l-iskadenza medja għat-traspożizzjoni, il-monitoraġġ tat-testi previsti taħt il-pjan ta’ azzjoni ta’ l-Aja għadu mhux possibbli, minħabba li fid-data tal-komunikazzjoni preżenti l-ebda wieħed minnhom għadu ma wasal biex jiġi implimentat.[6]. Għall-għanijiet ta’ dan ir-rapport ta’ l-2005, huwa utli li tkun analizzata u evalwata l-implimentazzjoni ta’ l-Istati Membri ta’ l-istrumenti JFS f’termini ġenerali, f’data fissa, li għar-raġunijiet ta’ dan ir-rapport, għandha tkun il-31 ta’ Marzu 2006.

55. It-tabella fl-anness 2 tkopri l-istrumenti kollha li d-data ta’ l-għeluq għat-traspożizzjoni skadiet fid-data ta’ din il-komunikazzjoni. Din tmur lil hinn mid-direttivi u d-deċiżjonijiet-qafas biex tinkludi l-istrumenti leġiżlattivi li ġew segwiti fi Stati Membri b’data ta’ l-għeluq għall-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni li skadiet ukoll fid-data ta’ din il-komunikazzjoni. Din tikkonċerna ċerti regolamenti jew pjanijiet ta’ azzjoni adottati taħt it-Trattat tal-KE (TKE) u ċerti deċiżjonijiet ibbażati fuq it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-tabella (2) tkopri wkoll l-Artikolu 22 TKE, li l-applikazzjoni tiegħu kienet koperta minn serje ta’ rapporti dettaljati.

56. Fit-tiftixa għal metodoloġija konsistenti biex tkun evalwata l-implimentazzjoni ta’ l-oqsma ta’ politika tal-JLS mill-Istati Membri, għandu jitqies li d-data disponibbli tista’ tvarja skond jekk l-istrumenti kienux adottati fuq il-bażi tat-Trattat tal-KE jew tat-TitoluVI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

57. Fattur komuni wieħed huwa li l-Istati Membri huma meħtieġa li jittrasponu l-miżuri provduti mid-direttivi jew mid-deiċżjonijiet-qafas u li jinnotifikaw il-Kummissjoni jew, f’ċerti każijiet, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, dwar dawn il-miżuri. Ir-rispett ta’ dan l-obbligu ta’ notifika hu għalhekk meqjus bħala wieħed mill-fatturi rilevanti għall-għanijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni nazzjonali. Iżda kien impossibbli li tkun segwita l-konformità mad-dmir tan-notifika fiż-żmien speċifikat mill-istrumenti kkonċernati minħabba li huwa eċċezzjonali li l-iskadenza tkun rispettata minn Stat Membru wieħed jew iktar rigward id-deċiżjonijiet-qafas. Jista’ jkun possibbli li jintuża dan il-kriterju biex ikun evalwat il-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni nazzjonali tal-miżuri provduti mill-programm/pjan ta’ azzjoni ta’ l-Aja fil-futur, iżda għalissa kien jidher preferibbli li tkun monitorjata l-konformità mad-dmir biex il-miżuri ta’ traspożizzjoni jkunu notifikati sal-31 ta’ Marzu, id-data fissa adottata għal dan ir-rapport.

58. It-tieni fattur komuni, lil hinn mit-traspożizzjoni formali u mill-obbligu ta’ notifika, huwa li l-Istati Membri huma meħtieġa li jittrasponu u japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-Komunità u ta l-Unjoni b’mod xieraq f’termini tas-sostanza.

59. Il-Kummissjoni għandha l-opportunità li tevalwa l-kwalità ta’ l-implimentazzjoni nazzjonali meta tirrispondi l-ittri mingħand iċ-ċittadini u l-mistoqsijiet u l-petizzjonijiet mill-Parlament Ewropew. Meta titqies in-natura u d-diversità kbira tagħhom, mhuwiex possibbli li ssir lista eżawrjenti ta’ dawn l-elementi, li għalhekk mhumiex inklużi bħala sorsi ta’ informazzjoni fit-tabella. Madankollu, ħafna drabi dawn l-elementi huma użati u inkorporati fl-analiżi ġenerali fir-rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ kull strument.

60. Deċiżjonijiet-qafas adottati fuq il-bażi tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprovdu sistematikament għall-inqas Rapport tal-Kummissjoni wieħed. Ġeneralment, dan ir-rapport iservi bħala bażi għal rapport finali mill-Kunsill, li rarament iqajjem diskussjoni. Ċerti deċiżjonijiet-qafas li jipprovdu għal skadenzi differenti għall-implimentazzjoni huma koperti minn rapporti suċċessivi (eż. id-deċiżjoni-qafas dwar il-vittmi tal-kriminalità). Il-Kummissjoni qed tippreżenta iktar u iktar ta’ spiss rapport aġġornat ġdid (eż. id-deċiżjonijiet-qafas dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew jew it-terroriżmu), b’mod partikolari meta l-ewwel rapporti jkunu ddatati qabel it-tkabbir l-iktar riċenti (eż. id-Deċiżjoni-Qafas ta’ l-2001 dwar il-ħasil tal-flus). Xi drabi l-Kummissjoni tieħu wkoll l-inizjattiva li tagħmel dan ir-rapport għal strumenti li ma jobbligawhiex li tagħmel hekk (eż. id-deċiżjoni tal-Eurojust jew l-istrumenti għall-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji). Din l-inizjattiva ma tteħditx għall-ewwel azzjonijiet konġunti, bħal dik dwar il-parteċipazzjonijiet f’organizzazzjoni kriminali. Min-naħa l-oħra, pożizzjonijiet komuni, bħad-deċiżjonijiet-qafas, jipprovdu wkoll għal rapport dwar l-implimentazzjoni nazzjonali[7].

61. Il-pożizzjonijiet mhix l-istess għall-istrumenti bbażati fuq it-Trattat tal-KE. Waqt li ħafna minnhom jipprovdu għal rapport li jimmonitorja l-implimentazzjoni nazzjonali, huwa sintomatiku li dan mhux il-każ fejn tidħol l-immigrazzjoni illegali. Mill-erba’ direttivi hawnhekk bl-iskadenzi għat-traspożizzjoni u bl-obbligi li jinnotifikaw il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni sad-data ta’ l-għeluq fissa tal-31 ta’ Marzu 2006, l-ebda waħda minnhom ma’ tipprovdi għal rapport bħal dan. Bl-istess mod, fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, id-Direttiva 2003/8/KE dwar l-għajnuna legali ma tipprovdix għal rapport.

62. Iżda l-fatt li m’hemmx rapport m’għandux l-istess effett għall-istrumenti adottati taħt it-Trattat KE u t-Trattat UE. Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni huma l-uniċi reġistri pubbliċi tal-kwalità tat-traspożizzjoniji nazzjonali ta' l-istrumenti għall-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. Għal dawk l-istrumenti li għalihom m’hemmx dmir li jinnotifikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni, m’hemm l-ebda indikazzjoni ta’ l-effettività tal-miżuri adottati. Każ partikolari huwa l-azzjoni konġunta dwar il-parteċipazzjoni fl-attività kriminali. Din hija waħda mill-bażi ta’ proposta għal tfassil mill-ġdid ta’ dan l-istrument.

63. Fil-każ ta’ l-istrumenti tal-Komunità, min-naħa l-oħra, il-proċedimenti ta' infrazzjoni huma deterrent ċar fir-rigward ta’ l-Istati Membri li jkunu naqqsu, li jkollhom jiffaċċaw pubbliċità negattiva u, jekk ikun hemm bżonn, ikollhom iħallsu penali, hekk kif jidher mir-rapport ta’ monitoraġġ tal-kwalità tat-traspożizzjoni fit-tabella fl-anness 2.

2.2. Monitoraġġ skond il-politika[8]

2.2.1. Linji-gwida ġenerali

64. Rigward id-drittijiet fundamentali, id-Direttiva 95/46/KE hija kkonċernata għalissa biss dwar il- protezzjoni tad- data personali. Id-Direttiva laħqet l-għan tagħha li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-dritt tal-ħajja privata taċ-ċittadini u t-tneħħija ta’ l-ostakoli għall-moviment ħieles tad- data personali fl-Unjoni. L-Istati Membri kollha kkonformaw ma’ l-obbligu ta’ traspożizzjoni tagħhom, li tqies bħala sodisfaċenti b’mod ġenerali fl-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni għalkemm instabu ċerti każijiet ta’ applikazzjoni mhux korretta.

65. Barra minn dan, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan ta’ azzjoni ta’ l-2000-2004 fl-2004 fuq il-bażi tad- data provduta miċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga (EMCDDA) u l-Europol turi riżultat imħallat rigward l-applikazzjoni nazzjonali ta’ l-istrateġija Ewropea u l-pjan ta’ azzjoni dwar id- drogi .

2.2.2. Ic-Ċittadinanza ta' l-Unjoni

66. L-esperjenza mir-rapporti tal-Kummissjoni u mill-proċedimenti ta' infrazzjoni tippermetti li tagħti riżultat sodisfaċenti rigward l-applikazzjoni ta’ Parti II tat-Trattat tal-KE. L-Istati Membri kollha ġeneralment ikkonformaw mad-dmir tagħhom li jinnotifikaw miżuri sekondarji li jittrasponu leġiżlazzjoni sekondarja sad-data fissa tal-31 ta’ Marzu 2006. L-implimentazzjoni tad-direttivi dwar id-dritt ta’ residenza tal-pensjonanti, il-persuni inattivi u l-istudenti hija sodisfaċenti d’mod ġenerali. L-istess japplika għad-direttivi attwali dwar id-dritt taċ-ċirkulazzjoni u ta’ residenza libera fuq it-territorju ta’ Stat Membru, għalkekk hemm xi ftit każijiet ta’ applikazzjoni mhux korretta.

67. Id-direttivi dwar id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet muniċipali u tal-Parlament Ewropew kienu trasposti b’mod sodisfaċenti, għalkemm il-pubbliku jagħmel użu mhux xieraq mid-drittijiet tiegħu.

2.2.3. L-ażil, l-immigrazzjoni, il-fruntieri

68. Minbarra r-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet ferm sodisfaċenti tal-EURODAC, l- ewwel fażi tal-proċedura rigward l-ażil tinsab fil-proċess ta’ evalwazzjoni. Kif jidher mit-tabella fl-anness 2, jista’ jkun konkluż minn ċerti nuqqasijiet persistenti fin-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni li r-rata ta’ l-implimentazzjoni għadha mhix ideali.

69. Il-politika Ewropea dwar l- immigrazzjoni legali għadha fil-bidu tagħha, u s’issa m’hemx rapporti li jippermettu evalwazzjoni ġenerali. Iżda jidher li l-applikazzjoni ma tlestietx minn numru sinfikanti ta' Stati Membri li ma nnotifikawx il-miżuri li jittrasponu d-direttivi dwar “id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja” u “l-istatut taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi residenti għat-tul”, li għalihom għaddejjin proċeduri ta’ infrazzjoni.

70. Rigward l- immigrazzjoni illegali , minkejja n-nuqqas ta’ rapporti dwar l-implimentazzjoni, l-indikaturi disponibbli l-oħra juru livell ta’ traspożizzjoni relattivament sodisfaċenti tat-testi l-inqas riċenti, bl-eċċezzjoni ta’ Stat Membru b’mod partikolari.

2.2.4. Is-sigurtà

71. Minbarra d-deċiżjonijiet-qafas, l-implimentazzjoni ta’ l-istrumenti għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-kooperazzjoni tal-pulizija u doganali, u partikolarment il-konvenzjonijiet u l-protokolli tagħhom adottati fuq il-bażi tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, hija diffiċli biex tkun evalwata, meta titqies in-natura ta’ l-istrumenti kkonċernati li ma jipprovdux għall-obbligu formali ta’ notifika min-naħa ta’ l-Istati Membri u lanqas għar-rapport ta’ monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni fuq il-livell nazzjonali. Ir-ratifika tagħhom fl-inqas żmien possibbli għadha l-ewwel prijorità.

2.2.5. Il-ġustizzja

2.2.5.1. Ġustizzja kriminali

72. Il- Mandat ta’ Arrest Ewropew , strument simboliku tar-rikonoxximent reċiproku, minkejja d-dewmien inizjali fit-traspożizzjoni f’madwar nofs l-Istati Membri, issa huwa operattiv madwar l-Unjoni, soġġett għal xi sforzi li jridu jsiru minn ċerti Stati Membri biex jikkonformaw bis-sħiħ mat-test, u minkejja diffikultajiet kostituzzjonali f’diversi Stati Membri.

73. Rigward l-istrumenti ta’ armonizzazzjoni , li ħafna minnhom huma rilevanti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-evalwazzjoni ġenerali ta’ l-implimentazzjoni hija ta’ diżappunt , anke jekk il-prassi tal-Kummissjoni li tippreżenta rapporti suċċessivi ta’ implimentazzjoni turi tendenza pożittiva. Ħafna drabi l-istrumenti mhumiex trasposti għal kollox, u xi drabi b'ħafna dewmien skond l-Istati Membri.

74. L-ebda waħda minn dawn in-nuqqasijiet mhi suxxettibbli li twassal għal proċedura ta’ ksur kif jistabbilixxu t-trattati.

2.2.5.2. Ġustizzja ċivili

75. L-evalwazzjoni tidher diffiċli f’dan l-istadju għaż-żewġ strumenti kkonċernati[9] minħabba li ż-żmien permess għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha kien għadu ma skadiex fid-data fissa tal-31 ta’ Marzu għal wieħed minnhom u kien għadu kif skada għall-istrumenti l-ieħor. Mill-uniku rapport disponibbli s’issa dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar is-servizzi fl-Istati Membri tad-dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, joħroġ ċar li huwa meħtieġ ċertu titjib. Fil-15 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni għalhekk adottat proposta li temenda dan ir-Regolament, li bħalissa qed tkun eżaminata fil-Kunsill u l-Parlament.

2.3. Monitoraġġ skond il-politika

76. Din id- data ġenerali, bl-istrumenti kollha flimkien, tista’ tkun derivata minn żewġ indikaturi[10] li jidhru fit-tabella fl-anness 2. L-ewwel żewġ tabelli hawn taħt juru n-nuqqasijiet għal kull Stat Membru; l-ewwel waħda turi n-nuqqas ta’ l-Istat Membru milli jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni u t-tieni tabella turi l-każijiet ta’ traspożizzjoni jew applikazzjoni . It-tielet tabella hawn taħt tirrifletti n-nuqqasijiet, għal kull Stat Membru, skond dawn iż-żewġ indikaturi mħalltin.

[pic]

[pic]

[pic]

3. KONKLUżJONI

77. Fit-tmiem ta’ dan l-ewwel eżerċizzju ta’ monitoraġġ tal-programm ta’ l-Aja, ta’ min jinnota kemm ir-riżultat ġenerali pożittiv ta’ l-adozzjoni ta’ l-iskeda għall-2005 jikkuntrasta ma’ dak, ħafna iktar imħallat, tal-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni nazzjonali ta’ l-istrumenti adottati.

78. Mill-monitoraġġ ta’ l-adozzjoni tal-miżuri skedati għall-2005 fl-Aja jirriżulta li l- mekkaniżmu istituzzjonali jaħdem b’mod sodisfaċenti fl-oqsma JLS li ġejjin mit- TKE . Il-progress miksub fil- kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u taċ- ċittadinanza huwa xhieda ta’ dan. Iżda jibqa’ l-fatt li f’dawn il-kwistjonijiet, l-użu tal-vot unanimu waqqaf il-proċess ta’ adozzjoni, li probabbilment ikkontribwixxa għad-dewmien ta' l-implimentazzjoni ta’ l-oqsma ta’ politika prijoritarji taħt il-programm ta’ l-Aja. L-ewwel fażi tas-sistema ta’ ażil Ewropew hija eżempju ta’ dan. B’kuntrast ma’ dan, id-djalogu interistituzzjonali fil-proċedura ta’ kodeċiżjoni ta l-frott tiegħu u ppermetta li jintlaħaq ftehim fi ftit xhur dwar dawn l-istrumenti importanti bħad-Direttiva dwar il- konservazzjoni tad-data , il- kodiċi tal-fruntieri jew ir-Regolament dwar it- traffiku lokali ta’ bejn pajjiż u ieħor .

79. Hemm diversi raġunijiet għall- progress kajman fi kwistjonijiet li jinvolvu t- Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni . Ir-rekwiżit ta’ l-unanimità għall - kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali waqqfu l-adozzjoni ta’ miżuri importanti bħall-mandat tal-kisba tal-provi u d-deċiżjoni-qafas “garanziji proċedurali”. L-inċertezza u l-eżitazzjoni tal-Kunsill dwar l-għażla tal-bażijiet legali huma raġunijiet oħra għad-dewmien li din is-sena naqqas l-impetu tal-proċess ta’ adozzjoni, minkejja s-sentenza mogħtija fit-13 ta’ Settembru 2005 fil-każ C-176-03.

80. L-ewwel evalwazzjoni tal-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni nazzjonali ta’ l-oqsma ta’ politika JLS tidher li hi frammentata ħafna, u ċertament mhix biżżejjed f'dan l-istadju , minkejja li din l-osservazzjoni m'għandhiex tkun ikkunsidrata bħala waħda li teħles lill-Istati Membri mir-responsabilità għan-nuqqasijiet li kienu osservati.

81. Meta jitqies li ċertu numru ta’ oqsma ta’ politika JLS għadhom fil-bidu, l-evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni nazzjonali ħafna drabi għadha prematura.. Dan huwa l-każ għall-kenn politiku, l-immigrazzjoni legali, ir-rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet kriminali u ta’ ġustizzja ċivili, iżda wkoll fi kwistjonijiet tad-drogi fejn hemm mekkaniżmu speċifiku ta’ monitoraġġ fil-kuntest tal-EMCDDA.

82. Iżda l-ikbar nuqqasijiet kemm f’termini kwantitattivi u kwalitattivi rigward il-livell ġenerali ta’ traspożizzjoni jikkonċernaw l- istrumenti taħt it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni . Per eżempju, m’hemmx ekwivalenza nazzjonali tad-determinazzjoni ta’ l-Unjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif jixhed il-monitoraġġ ta’ din il-politika fl-ewwel parti.

83. Għalhekk, ir-rapport juri li hemm lok għal titjib fil-qafas eżistenti, partikolarment rigward il-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. Dan huwa l-għan, mingħajr ma jinbidlu t-Trattati, tal-komunikazzjoni “L-implimentazzjoni tal-Programm ta’ l-Aja: l-ewwel reviżjoni tal-politika” li takkumpanja dan ir-rapport.

[1] Il-Programm ta’ l-Aja: insaħħu l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (ĠUKE 3.3.2005, C 53, p. 1) u l-pjan ta’ azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jimplimenta l-programm ta’ l-Aja li għandu l-għan li jsaħħaħ il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea (ĠUKE 12.8.2005, C 198, p. 1).

[2] Proposti għal programmi speċifiċi “ċittadinanza u drittijiet fundamentali”, “niġġieldu l-vjolenza (Daphne)” u nipprevjenu l-konsum tad-drogi u ninfurmaw il-pubbliku”.

[3] Skond l-Artikolu 67, paragrafu 5, l-ewwel inċiż, li jistipola l-bidla lejn din il-proċedura wara l-ewwel fażi. Barra minn hekk, b’mod ġenerali, l-adozzjoni mill-Kunsill tad-Deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2004 bl-għan li l-proċedura definita fl-Artikolu 251 TKE issir applikabbli għal ċerti oqsma koperti mit-tielet parti, titolu IV ta’ dan it-Trattat, skond ir-rekwiżiti fformulati fil-programm ta’ l-Aja, tippermetti l-bidla fil-prinċipju tal-politika kollha fil-qasam tal-kenn politiku, l-immigrazzjoni u l-fruntieri għall-proċedura ta' adozzjoni prevista taħt l-Artikolu 251, ħlief għal dak li jikkonċerna l-immigrazzjoni legali.

[4] B'mod partikolari: il-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni u l-ugwaljanza fl-opportunitajiet, li għalihom il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE tforni qafas solidu.

[5] Paragrafu 8.

[6] Dan il-monitoraġġ tat-traspożizzjoni fuq il-livell nazzjonali tal-miżuri ta’ dan il-programm jista jsir biss mir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ l-Aja għas-snin 2007/2008.

[7] Fl-aħħarnett, u b’mod eċċezzjonali, ċerti testi huma evalwati minn pari fuq il-livell nazzjonali taħt l-azzjoni komuni ta’ l-1997. Għalhekk, dan l-eżerċizzjoni għandu jitmexxa għad-deċiżjoni-qafas “mandat ta’ arrest Ewropew” matul l-2006. Dawn l-evalwazzjonijiet ma ttieħdux f’kuniderazzjoni taħt din il-komunikazzjoni, meta titqies l-anzjanità tagħhom jew in-natura ġenerali wisq tagħhom.

[8] Għall-koerenza reġgħet intużat in-nomenklatura użata taħt il-pjan ta’ azzjoni ta’ l-Aja.

[9] Id-Direttivi 2003/8/KE dwar l-għajnuna legali u 2004/80/KE dwar il-kumpens għall-vittmi tal-kriminalità.

[10] L-indikaturi skond kif inhuma deskritti f’paragrafi 57 sa 63 f’din il-komunikazzjoni.