52006DC0208

Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew - Inwasslu għar-riżultati ta’ l-aġenda ta’ modernizzazzjoni għall-universitajiet - L-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni /* KUMM/2006/0208 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.5.2006

KUMM(2006) 208 finali

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LIL L-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW

INWASSLU GĦAR-RIŻULTATI TA’ L-AĠENDA TA’ MODERNIZZAZZJONI GĦALL-UNIVERSITAJIET: L-EDUKAZZJONI, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW [1]

INWASSLU GĦAR-RIŻULTATI TA’ L-AĠENDA TA’ MODERNIZZAZZJONI GĦALL-UNIVERSITAJIET: L-EDUKAZZJONI, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

Introduzzjoni

Il-modernizzazzjoni ta’ l-universitajiet Ewropej[2], li tinvolvi r-rwoli interkonnessi tagħhom ta’ l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, ġiet rikonoxxuta mhux biss bħala kondizzjoni ta’ qofol għas-suċċess ta’ l-Istrateġija usa’ ta’ Liżbona, imma bħala parti mill-mossa usa’ lejn ekonomija dejjem aktar globali u msejsa fuq l-għarfien. Ġew identifikati l-punti ewlenija fuq l-aġenda għall-bidla[3] u ngħataw momentum miżjud mill-Kunsill Ewropew: fil-laqgħa informali ta’ Hampton Court f’Ottubru 2005, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) u l-universitajiet ġew rikonoxxuti bħala sisien tal-kompetittività Ewropea; il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 qabel dwar azzjoni aktar b’saħħitha fuq il-livell Ewropew sabiex fl-universitajiet u fir-riċerka tkun imbuttata ’l quddiem din l-aġenda, li għandha tkun implimentata sa tmiem l-2007 fil-kuntest tas-sħubija mġedda għat-tkabbir u għall-impjieg[4]. Fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma bbażati fuq il-Linji ta’ Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Inpjieg[5], l-Istati Membri jirreferu b’mod ġenerali għal dawn il-kwistjonijiet, imma ftit jindirizzawhom bħala prijorità nazzjonali. Madanakollu, dawn il-bidliet huma meħtieġa sabiex ikun riġenerat il-metodu proprju ta’ l-Ewropa, mhux biex jiġi replikat kwalunkwe mudell importat. Huma meħtieġa bl-istess mod sabiex isaħħu r-rwoli tas-soċjetà ta’ l-universitajiet f’Ewropea kulturalment u lingwistikament differenti.

Għal dan il-għan, flimkien ma’ l-għeruq fundamentali lokali, reġjonali u nazzjonali ta’ l-universitajiet, il-qafas Ewropew qed isir dejjem aktar importanti. Id-dimensjoni Ewropea toffri l-benefiċċji potenzjali ta’ operazzjoni fuq skala akbar, aktar diversità u rikkezza intelletwali ta’ riżorsi, flimkien ma’ opportunitajiet għall-kooperazzjoni u għall-kompetizzjoni bejn l-istituzzjonijiet.

Minn dan il-lat, il-Kummissjoni diġà pproponiet l-istabbiliment ta’ Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (EIT)[6] li ntlaqa’ tajjeb mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 bħala inizjattiva ġdida biex ikunu indirizzati b’mod speċifiku dawn l-isfidi. Jista’ jikkontribwixxi sabiex itejjeb il-kapaċità Ewropea għall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni xjentifika, filwaqt li jipprovdi mudell innovattiv sabiex jispira u jimbotta l-bidla fl-universitajiet eżistenti, b’mod partikolari billi jinkoraġġixxi il-multidixxiplinarjetà u l-iżvilupp ta’ sħubijiet b’saħħithom man-negozju li se jiżguraw ir-rilevanza tiegħu. Naturalment, l-EIT waħdu ma jistax ikun l-unika soluzzjoni fl-isforz sabiex ikunu mmodernizzati l-universitajiet Ewropej.

Il-Komunikazzjoni preżenti ġejja mid-djalogu[7] li f’dawn l-aħħar snin il-Kummissjoni Ewropea fetħet ma’ l-Istati Membri u mal-komunitajiet akkademiċi u xjentifiċi. Il-kontenut tagħha ġie diskuss ukoll ma’ numru ta’ esperti (ara l-Anness 2), li taw pariri lill-Kummissjoni f’kapaċità personali.

L-ISFIDI LI HEMM FIL-ĠEJJIENI….

B’4 000 istituzzjoni, aktar minn 17-il miljun student u madwar 1.5 miljun staff – li minnhom 435 000 huma riċerkaturi[8] - l-universitajiet Ewropej għandhom potenzjal enormi , imma dan il-potenzjal mhux utilizzat b’mod sħiħ u ma jitħaddimx b’mod effettiv sabiex jappoġġja l-isforz Ewropew għal aktar tkabbir u għal aktar impjiegi.

L-Istati Membri jagħtu importanza kbira lill-universitajiet tagħhom u ħafna ppruvaw “jippreservawhom” fuq livell nazzjonali permezz ta’ regolamenti dettaljati li jorganizzawhom, jikkontrollawhom, jagħtuhom mikroġestjoni u fl-aħħar mill-aħħar, jimponu fuqhom grad mhux mixtieq ta’ uniformità.

Din il-pressjoni għall-uniformità wasslet għal rendiment medju li kien ġeneralment tajjeb, imma kabbret il-frammentazzjoni tas-settur f’sistemi u sottosistemi nazzjonali fil-parti l-kbira żgħar. Dawn jagħmlu l-kooperazzjoni diffiċli fuq livell nazzjonali, aħseb u ara fuq il-livell Ewropew jew dak internazzjonali, u jimponu kondizzjonijiet li ma jħallux lill-universitajiet jiddiversifikaw u jiffokaw fuq il-kwalità.

Barra minn hekk, il-parti l-kbira ta’ l-universitajiet għandhom it-tendenza li joffru l-istess korsijiet lill-istess grupp ta’ studenti żgħażagħ li għandhom l-aħjar kwalifiki akkademiċi u jonqsu milli jkunu miftuħa għal tipi oħra ta’ tagħlim u ta’ persuni li jridu jitgħallmu, eż. korsijiet ta’ taħriġ mill-ġdid mhux ta’ lawrja għall-adulti jew korsijiet biex jagħmlu tajjeb għad-differenza ( gap courses ) għal studenti li mhumiex ġejjin mir-rotot tradizzjonali. Dan mhux biss xekkel l-aċċess għal gruppi soċjali żvantaġġjati u ma ppermettiex rati ogħla ta’ reġistrazzjoni imma naqqas l-innovazzjoni fil-kurrikula u fil-metodi ta’ tagħlim (eż. fejn għandha x’taqsam l-intraprenditorijà[9]), fixkel il-provvista ta’ opportunitajiet għal taħriġ/taħriġ mill-ġdid sabiex jiżdiedu l-ħiliet u l-livelli ta’ kompetenza tal-ħaddiema u wassal għal tlaqqigħ ħażin persistenti bejn il-kwalifiki tal-gradwati u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. F’bosta Stati Membri, il-livell tal-qgħad fost il-gradwati huwa għoli wisq.

Barra minn hekk, ir-regolamenti amministrattivi għadhom ifixklu l-mobilità akkademika sabiex wieħed imur jistudja, jitħarreġ fir-riċerka jew jaħdem f’pajjiż ieħor. Il-proċeduri għar-rikonoxximent tal-kwalifiki għal għanijiet akkademiċi huma, fl-aħjar eventwalità, twal; fl-agħar eventwalità, li ma jiġux rikonoxxuti u l-portabilità limitata ta’ l-għotjiet/tas-self nazzjonali jew tad-drittijiet għal pensjoni nazzjonali ma jħallux lill-istudenti, lir-riċerkaturi u lill-akkademiċi milli japprezzaw b’mod sħiħ l-opportunitajiet fi Stati Membri oħra.

L-universitajiet għandhom jaċċettaw ukoll li r-riċerka m’għadhiex attività iżolata u li l-enfasi qed tiċċaqlaq mir-riċerkaturi individwali għat-timijiet u għan-netwerks globali tar-riċerka. Il-problemi xjentifiċi għandhom it-tendenza li jmorru lil hinn mill-istrutturi dixxiplinarji tradizzjonali: ir-riċerka l-aktar reċenti kulma tmur qed titmexxa fil-kollegament bejn id-dixxiplini akkademiċi jew f’ambjenti multidixxplinari. L-ambjenti ta’ riċerka ta’ l-universitajiet huma aktar kompetittivi u globalizzati u jeħtieġu interazzjoni akbar.

Madankollu, f’dan il-kuntest, ħafna universitajiet Ewropej għadhom jistmaw il-benefiċċji potenzjali tal-qsim ta’ l-għarfien ma’ l-ekonomija u mas-soċjetà b’inqas milli ħaqqhom, filwaqt li l-industrija ma żviluppatx kapaċità ta’ assorbiment biżżejjed biex ikun utilizzat il-potenzjal tar-riċerka bbażata fl-universitajiet. Għaldaqstant, l-arrikkiment reċiproku mal-komunità tan-negozju u ma’ soċjetà usa’ jibqa’ diffiċli. In-nuqqas ta’ ftuħ fil-konfront tal-komunità tan-negozju jintlemaħ ukoll fl-għażliet ta’ karriera ta’ dawk li għandhom dottorat, li għandhom it-tendenza li jsegwu l-karrieri sħaħ tagħhom jew fi ċrieki akkademiċi jew fl-industrija, imma mhux bħala intraprendituri.

Problemi strutturali u kulturali bħal dawn jiħraxu mid-defiċit kbir tal-finanzjament doppju li jaffetwa l-universitajiet kemm mil-lat edukattiv kif ukoll minn dak tar-riċerka. Filwaqt li kien hemm tkabbir mixtieq fir-reġistrazzjonijiet ta’ l-istudenti, ma kienx hemm l-istess tkabbir fil-finanzjament pubbliku, u l-universitajiet fl-Ewropa ma setgħux ipaċu d-differenza minn sorsi privati. Id-differenza medja fir-riżorsi kemm għall-attivitajiet ta’ riċerka kif ukoll għal dawk edukattivi meta mqabbbla mal-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Uniti hija ta’ madwar EUR 10 000 għal kull student fis-sena[10]. Fl-istess ħin, l-edukazzjoni u r-riċerka ta’ kwalità għolja qed isiru aktar għoljin u, bil-finanzi pubbliċi daqshekk skarsi, l-awtoritajiet pubbliċi qed jorbtu kondizzjonijiet dejjem aktar stretti ma’ l-appoġġ għar-riċerka bbażata fl-universitajiet. Għall-quddiem, jidher probabbli li l-parti l-kbira tar-riżorsi meħtieġa sabiex titneħħa d-differenza fil-finanzjament se jkollu jiġi minn sorsi li mhumiex pubbliċi.

Fil-qosor, l -universitajiet Ewropej bħalissa mhumiex f’pożizzjoni li jilħqu l-potenzjal tagħhom f’numru ta’ modi importanti . Għaldaqstant, jinsabu lura fil-kompetizzjoni internazzjonali miżjuda għal akkademiċi u studenti ta’ talent, u qed jitilfu mill-aġendi tar-riċerka li jinbidlu malajr u mill-ġenerazzjoni tal-massa kritika, ta’ l-eċċellenza u tal-flessibilità meħtieġa biex jirnexxu. Dawn il-fallimenti qed jiġu aggravati minn kombinazzjoni ta’ kontroll pubbliku eċċessiv flimkien ma’ finanzjament insuffiċjenti.

L-Ewropa taħtieġ universitajiet li jistgħu jibnu fuq il-punti tajba tagħhom u jiddifferenzjaw l-attivitajiet tagħhom fuq il-bażi ta’ dawn il-punti tajba . Filwaqt li l-istituzzjonijiet kollha jaqsmu ċerti valuri u kompiti komuni, mhux kollha jeħtieġu l-istess bilanċ bejn l-edukazzjoni u r-riċerka, l-istess metodu għar-riċerka u għat-taħriġ fir-riċerka, jew l-istess taħlita ta’ servizzi u dixxiplini akkademiċi. Ir-riċerka għandha tibqa’ kompitu ewlieni tas-sistemi b’mod ġenerali, imma mhux bilfors għall-istituzzjonijiet kollha. Dan għandu jippermetti li titfaċċa sistema artikolata li tinkludi l-istituzzjonijiet tar-riċerka magħrufa mad-dinja kollha, flimkien ma’ netwerks ta’ universitajiet u kulleġġi nazzjonali u reġjonali eċċellenti li jipprovdu wkoll edukazzjoni teknika iqsar. Sistema ta’ din ix-xorta għandha timmobilizza l-ħażna sostanzjali ta’ għarfien, talenti u enerġija fi ħdan l-univesritajiet u għandu jixirqilha – u għandha tkun f’pożizzjoni li tiġġenera – l-investiment akbar meħtieġ sabiex tkun tista’ tiqtabbel ma’ l-aqwa fid-dinja.

….U L-BIDLIET MEĦTIEĠA

Jekk l-Istati Membri se jirnexxilhom jagħmlu dan kollu, jeħtieġ li joħolqu l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex jagħtu l-opportunità lill-universitajiet ħalli jtejbu r-rendiment tagħhom, jimmodernizzaw lilhom infushom u jsiru aktar kompetittivi – fil-qosor, isiru l-mexxejja fir-rinaxximent tagħhom stess u jagħtu sehemhom fil-ħolqien ta’ soċjetà msejsa fuq l-għarfien prevista mill-istrateġija ta’ Liżbona. Id-diskussjonijiet fuq il-livell Ewropew juru żjieda fir-rieda tajba li jkunu mmodernizzati s-sistemi, u l-aġenda li hija deskritta aktar ’l isfel mhix, fiha nfisha, ikkontestata. L-azzjoni hija primarjament f’idejn l-Istati Membri u l-universitajiet. Wara li wieżnet id-dibattitu u filwaqt li ħadet f'kunsiderazzjoni l-ispeċifitajiet Ewropej, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-bidliet li ġejjin se jkunu l-muftieħ għas-suċċess:

JITKISSRU L-BARRIERI MADWAR L-UNIVERSITAJIET FL-EWROPA

Jeħtieġ li l-mobilità ġeografika u intersettorjali tiżdied b’mod sostanzjali . Il-proporzjon tal-gradwati li għaddew mill-inqas term jew semestru wieħed barra mill-pajjiż jew b’esperjenza fl-industrija għandu għall-inqas jirdoppja. Dan huwa ferm aktar minnu għar-riċerkaturi.

Il-forom kollha ta’ mobilità għandhom ikunu stmati b’mod espliċitu bħala fattur li jarrikkixxi l-istudji fil-livelli kollha (inkluż it-taħriġ fir-riċerka fuq livell ta’ dottorat), imma li jtejjeb ukoll il-progressjoni tal-karriera tar-riċerkaturi u ta’ l-istaff universitarji.

L-għotjiet/is-self nazzjonali għandhom ikunu portabbli b’mod sħiħ fi ħdan l-UE. Hija meħtieġa portabilità sħiħa tad-drittijiet għall-pensjoni flimkien mat-tneħħija ta’ ostakli oħra għall-mobilità professjonali, internazzjonali jew intersettorjali sabiex titrawwem il-mobilità ta’ l-istaff u tar-riċerkaturi u b’hekk l-innovazzjoni.

Il-ħidma fil-kuntest tal-proċess ta’ Bolonja qed iġġib konverġenza fl-istruttura u fit-tul tal-programmi ta’ lawrja; madanakollu, dan minnu nnifsu mhux se joħloq il-kondizzjonijiet għal mobilità intra-universitarja akbar. Għandu jsir sforz kbir sabiex sa l-2010 tinkiseb il-qalba tar-riformi ta’ Bolonja fil-pajjiżi kollha ta’ l-UE: kwalifiki komparabbli (ċiklu qasir, Baċellerat, Master , Dottorat); kurrikula flessibbli u mmodernizzati fil-livelli kollha li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; u sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità li wieħed jista’ joqgħod fuqhom. Dan jeħtieġ inċentivi mmirati mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli sabiex tkun żgurata l-adozzjoni xierqa tar-riformi aktar milli sempliċi konformità superfiċjali ma’ l-istandards. Il-kurrikula fid-dixxiplini jew fil-professjonijiet speċifiċi għandhom ikunu rinnovati, billi jsir użu minn paraguni u mill-aħjar prattika fuq livell Ewropew.

Id-Direttiva reċenti dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki personali[11] għamlitha aktar faċli u aktar malajr li wieħed ikollu l-kwalifiki għal prattika professjonali rikonoxxuti min-naħa għall-oħra tal-konfini nazzjonali. Il-proċeduri għar-rikonoxximent akkademiku għandhom ikunu riveduti wkoll sabiex ikunu żgurati riżultati aktar malajr u aktar prevedibbli (b’mod partikolari, billi jkunu ppubblikati l-politiki ta’ rikonoxximent ta’ l-universitajiet): l-istess bħar-rikonoxximent professjonali, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-ebda applikant m’għandu jistenna għal aktar minn erba’ xhur għal deċiżjoni dwar rikonoxximent akkademiku .

Tkun żgurata awtonomija u kontabbiltà reali għall-univesritajiet

L-universitajiet mhux se jsiru innovattivi u kapaċi jirreaġixxu għall-bidla sakemm ma jingħatawx awtonomija u kontabbiltà reali. L-Istati Membri għandhom jiggwidaw is-settur universitarju b’mod ġenerali permezz ta’ qafas ta’ regoli ġenerali, għanijiet ta’ politika, mekkaniżmi ta’ finanzjament u inċentivi għal attivitajiet edukattivi, ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni. Bħala tpattija talli jiġu meħlusa mir-regolamentazzjoni żejda u mill-mikro-ġestjoni, l-universitajiet għandhom jaċċettaw kontabbiltà istituzzjonali sħiħa lejn is-soċjetà ġenerali għar-riżultati tagħhom.

Dan jeħtieġ sistemi ta’ amministrazzjoni interna ġodda bbażati fuq prijoritajiet strateġiċi u fuq il-ġestjoni professjonali tar-riżorsi umani, ta’ l-investiment u tal-proċeduri amministrattivi. Jeħtieġ ukoll li l-universitajiet jegħlbu l-frammentazzjoni tagħhom f’fakultajiet, dipartimenti, laboratoriji u unitajiet amministrattivi u li jimmiraw l-isforzi tagħhom b’mod kollettiv lejn prijoritajiet istituzzjonali għar-riċerka, għat-tagħlim u għas-servizzi. L-Istati Membri għandhom jibnu u jippremjaw il-kapaċità ta’ ġestjoni u ta’ tmexxija fi ħdan l-universitajiet. Dan jista’ jsir billi jiġu stabbiliti korpi nazzjonali ddedikati għat-taħriġ fil-ġestjoni u fit-tmexxija universitarja, li jistgħu jitgħallmu minn dawk li diġà jesżistu.

IKUNU PROVDUTI INċENTIVI GħAL SħUBIJIET STRUTTURATI MAL-KOMUNITÀ TAN-NEGOZJU

Filwaqt li l-missjoni pubblika u l-mandat ġenerali soċjali u kulturali ta’ l-universitajiet Ewropej irid jinżamm, għandhom isiru dejjem aktar parteċipanti sinifikanti fl-ekonomija, ikollhom il-ħila li jirrispondu b’mod aħjar u aktar mgħaġġel għad-domandi tas-suq u jiżviluppaw sħubijiet li jutilizzaw l-għarfien xjentifiku u teknoloġiku. Dan jimplika r-rikonoxximent li r-relazzjoni tagħhom mal-komunità tan-negozju hija ta’ importanza strateġika u tifforma parti mill-impenn tagħhom sabiex iservu l-interess pubbliku.

Is-sħubijiet strutturati mal-komunità tan-negozju (inklużi l-SMEs) iġibu opportunitajiet għall-universitajiet biex itejbu l-qsim tar-riżultati tar-riċerka, id-drittijiet għall-proprjetà intelletwali, il-brevetti u l-liċenzji (pereżempju, permezz ta’ kumpaniji ġodda fil-kampus jew il-ħolqien ta’ parks tax-xjenza). Jistgħu wkoll iżidu r-rilevanza tal-programmi edukattivi u ta’ taħriġ permezz ta’ l-apprendistati ta’ l-istudenti u tar-riċerkaturi fin-negozju, u jistgħu jtejbu l-prospetti tal-karriera tar-riċerkaturi fl-istadji kollha tal-karriera tagħhom billi jżidu l-ħiliet intraprenditorjali mal-kompetenza xjentifika. Ir-rabtiet man-negozju jistgħu jġibu finanzjament addizzjonali, pereżempju biex tiġi estiża l-kapaċità ta’ riċerka jew biex ikunu provduti korsijiet ta’ taħriġ mill-ġdid, u se jkabbru l-impatt tar-riċerka bbażata fl-universitajiet fuq l-SMEs u fuq l-innovazzjoni reġjonali.

Biex ikunu żgurati dawn il-benefiċċji, il-parti l-kbira ta’ l-universitajiet se jkollhom ħtieġa ta’ appoġġ estern sabiex isiru l-bidliet organizzattivi meħtieġa u jibnew l-attitudnijiet intraprenditorjali u l-ħiliet ta’ ġestjoni. Dan jista’ jinkiseb billi jinħolqu “raggruppamenti lokali għall-ħolqien u għat-trasferiment ta’ l-għarfien” jew uffiċċji ta’ kollegament tan-negozju, riċerka konġunta jew trasferiment ta’ l-għarfien li jservu bħala kollegament ma’ l-operaturi ekonomiċi lokali/reġjonali. Dan jimplika wkoll li l-iżvilupp tal-ħiliet intraprenditorjali, ta’ ġestjoni u ta’ innovazzjoni għandhom isiru parti integrali mill-istrateġiji edukattivi għall-gradwati, ta’ taħriġ fir-riċerka u ta’ tagħlim matul il-ħajja għall-istaff ta’ l-università.

Tkun provduta t-taħlita t-tajba ta’ ħiliet u kompetenzi għas-suq tax-xogħol

L-universitajiet għandhom il-potenzjal li jkollhom rwol vitali fl-għan ta’ Liżbona biex l-Ewropa tkun mgħammra bl-ħiliet u bil-kompetenzi meħtieġa sabiex tirnexxi f’ekonomija globalizzata u msejsa fuq l-għarfien. Sabiex tegħleb it-tlaqqigħ ħażin persisteni bejn il-kwalifiki tal-gradwati u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, il-programmi universitarji għandhom ikunu strutturati biex itejbu b’mod dirett l-impjegabilità tal-gradwati u biex joffru appoġġ wiesa’ lill-ħaddiema b’mod aktar ġenerali. L-universitajiet għandhom joffru kurrikula, metodi ta’ tagħlim u programmi ta’ taħriġ/taħriġ mill-ġdid innovattivi li jinkludu ħiliet usa’ relatati ma’ l-impjiegi flimkien ma’ ħiliet speċifiċi għad-dixxiplini. L-apprendistati fl-industrija li jissarrfu fi krediti għandhom ikunu integrati fil-kurrikula. Dan japplika għal-livelli kollha ta’ l-edukazzjoni, jiġifieri l-programmi ta’ ċiklu qasir, ta’ Baċellerat, ta’ Master u ta’ Dottorat. Jinvolvi wkoll li jkunu offruti korsijiet li ma jwasslux għal lawrja għall-adulti, eż. korsijiet ta’ taħriġ mill-ġdid u li jimlew il-vojt għall-istudenti li mhumiex ġejjin mir-rotot tradizzjonali. Dan għandu jkun estiż lil hinn mill-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol sabiex tkun stimolata mentalità intraprenditorjali fost l-istudenti u r-riċerkaturi.

Fuq il-livell ta’ dottorat, ifisser li l-kandidati li qed jimmiraw għal karriera professjonali fir-riċerka għandhom jakkwistaw ħiliet fir-riċerka u fil-ġestjoni ta’ l-IPRs, fil-komunikazzjoni, fin-netwerking, fl-intraprenditorija u fil-ħidma f’tim minbarra t-taħriġ fit-tekniki ta’ riċerka.

B’mod aktar ġenerali, l-universitajiet jeħtieġ li jaħtfu b’mod aktar dirett l-isfidi u l-opportunitajiet li jiġu ppreżentati mill- aġenda għat-tagħlim li jissokta matul il-ħajja . It-tagħlim matul il-ħajja jippreżenta sfida, għaliex se jeħtieġ li l-universitajiet se jkunu aktar miftuħa biex jiprovdu korsijiet għal studenti fi stadji aktar tard taċ-ċiklu tal-ħajja. Jippreżenta opportunità għall-universitajiet li altrimenti tista’ tirriskja li twassal biex ir-reġistrazzjonijiet ta’ l-istudenti direttament mill-iskola jaqgħu fis-snin li ġejjin minħabba l-bidla demografika li ġejja.

Fi ftit kliem, filwaqt li l-integrazzjoni tal-gradwati fis-suq tax-xogħol hija responsabbiltà maqsuma ma’ dawk li jħaddmu, mal-korpi professjonali u mal-gvernijiet, is-suċċess tas-suq tax-xogħol għandu jintuża bħala indikatur (fost l-oħrajn) tal-kwalità tar-rendiment ta’ l-universitajiet, u għandu jiġi rikonoxxut u ppremjat f’sistemi regolatorji, ta’ finanzjament u ta’ evalwazzjoni.

Titnaqqas id-differenza fil-finanzjament u l-finanzjament jibda jitħaddem b’mod aktar effettiv fl-edukazzjoni u fir-riċerka

Minħabba r-rwol importanti ta’ l-universitajiet fir-riċerka Ewropea, il-mira ta’ l-UE li tinvesti 3% tal-PGD fl-R&D sa l-2010 timplika investiment akbar fir-riċerka bbażata fl-universitajiet[12]. Hekk kif diġà ressqet fir-Rapport Annwali ta’ Progress tagħha dwar l-Istrateġija ta’ Liżbona[13], il-Kummissjoni tipproponi li l-UE għandha wkoll timmira, fi żmien għaxar snin, sabiex tiddedika mill-anqas 2% tal-GDP[14] (inklużi kemm l-għoti ta’ fondi pubbliku kif ukoll dak privat) lil settur modernizzat ta’ edukazzjoni ogħla. Pereżempju, studji ta’ l- OECD juru li l-flus li ntnefqu sabiex jinkisbu kwalifiki universitarji jagħtu rendiment ogħla minn rati ta’ interess reali.[15].

L-iskemi ta’ appoġġ għall-istudenti llum għandhom it-tendenza li ma jkunux biżżejjed sabiex jiżguraw aċċess indaqs u opportunitajiet indaqs ta’ suċċess għall-istudenti mill-isfondi l-inqas ipprivileġġjati. Dan japplika bl-istess mod għall-aċċess bla ħlas, li ma jiggarantix neċessarjament ekwità soċjali. Għalhekk l-Istati Membri kollha għandhom jeżaminaw b’mod kritiku it-taħlita attwali tagħhom ta’ miżati ta’ l-istudenti u ta’ skemi ta’ appoġġ fid-dawl ta’ l-effiċjenza u ta’ l-ekwità effettiva . L-eċċellenza fit-tagħlim u fir-riċerka ma tistax tinkiseb jekk l-oriġini soċjo-ekonomika hija barriera għall-aċċess jew għall-karrieri fir-riċerka.

L-universitajiet għandhom ikunu ffinanzjati aktar għal dak li jagħmlu milli għal dak li huma, billi l-finanzjament ikun iffokat fuq ir-riżultati rilevanti aktar milli fuq l-inputs , u billi l-finanzjament jiġi adattat għad-diversità tal-profili istituzzjonali[16]. L-universitajiet għandhom jieħdu aktar responsabbiltà għas-sostenibbiltà finanzjarja tul medda twila ta’ żmien tagħhom stess, partikolarment għar-riċerka: dan jimplika diversifikazzjoni pro-attiva tal-portafolji ta’ finanzjament għar-riċerka tagħhom permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ l-intrapriżi (inkluż fil-forma ta’ konsorzja transkonfinali), fondazzjonijiet u sorsi privati oħra.

Għalhekk kull pajjiż għandu jsib il-bilanċ it-tajjeb bejn il-finanzjament tal-qalba, dak kompetittiv u l-finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati (appoġġjat minn assigurazzjoni tal-kwalità robusta) għall-edukazzjoni ogħla u għar-riċerka bbażata fl-universitajiet. Il-finanzjament kompetittiv għandu jkun ibbażat fuq sistemi ta’ evalwazzjoni istituzzjonali u fuq indikaturi ta’ rendiment diversifikati b’miri ddefiniti b’mod ċar u indikaturi appoġġjati minn livelli ta’ referenza internazzjonali kemm għall-inputs kif ukoll għar-riżultati ekonomiċi u tas-soċjetà.

TITKABBAR L-INTERDIXXIPLINARJETÀ U T-TRANSDIXXIPLINARJETÀ

L-universitajiet għandhom ikunu jistgħu jikkonfiguraw mill-ġdid l-aġendi tat-tagħlim u tar-riċerka tagħhom sabiex jaħtfu l-opportunitajiet offruti mill-iżviluppi l-ġodda fl-oqsma eżistenti u mil-linji li qed jitfaċċaw dan l-aħħar ta’ stħarriġ xjentfiku. Dan jeħtieġ li l-attenzjoni tkun iffokata inqas fuq id-dixxiplini xjentifiċi u aktar fuq l-oqsma tar-riċerka (eż. l-enerġija l-ħadra, in-nanoteknoloġija), fejn ikunu assoċjati aktar mill-qrib ma’ oqsma relatati u komplementari (inklużi l-istudji umanistiċi, ix-xjenzi soċjali, il-ħiliet intraprenditorjali u ta’ ġestjoni) u titrawwem l-interazzjoni bejn l-istudenti, ir-riċerkaturi u t-timijiet ta’ riċerka permezz ta’ mobilità akbar bejn id-dixxiplini, is-setturi u l-ambjenti tar-riċerka.

Dan kollu jeħtieġ metodi istituzzjonali u organizzattivi ġodda għall-ġestjoni ta’ l-istaff, għall-kriterji ta’ evalwazzjoni u ta’ finanzjament, għat-tagħlim u għall-kurrikula u, fuq kollox, għar-riċerka u għat-taħriġ fir-riċerka.

L-implikazzjonijiet ta’ l-interdixxiplinarjetà u tat-transdixxiplinarjetà jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti u aċċettati mhux biss mill-universitajiet u mill-Istati Membri, imma wkoll mill-korpi professjonali u mill-kunsilli tal-finanzjamenti, li fil-parti l-kbira għadhom jistrieħu fuq evalwazzjonijiet, strutturi u mekkaniżmi ta’ finanzjament tradizzjonali u ta’ dixxiplina waħda.

Jiġi attivat l-għarfien permezz ta’ l-interazzjoni mas-soċjetà

Is-soċjetà qed issir dejjem aktar imsejsa fuq l-għarfien u l-għarfien qed jissostitwixxi r-riżorsa fiżika bħala l-mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku. L-universitajiet għalhekk jeħtieġ li jikkomunikaw ir-rilevanza ta’ l-attivitajiet tagħhom, partikolarment dawk li huma relatati mar-riċerka, billi jaqsmu l-għarfien mas-soċjetà u billi jirrinforzaw id-djalogu mal-partijiet interessati kollha. Il-komunikazzjoni bejn l-ispeċjalisti xjentifiċi u dawk li mhumiex speċjalisti hija ferm meħtieġa imma ta’ spiss assenti.

Dan jeħtieġ impenn ferm iktar ċar mill-universitajiet għall-opportunitajiet ta’ tagħlim matul il-ħajja, imma wkoll għal strateġija ta’ komunikazzjoni wiesgħa bbażata fuq konferenzi, operazzjonijiet bil-bieb miftuħ, apprendistati, fora ta’ diskussjoni, djalogi strutturati ma’ l- alumni u maċ-ċittadini b’mod ġenerali u mal-parteċipanti lokali/reġjonali. Il-ħidma flimkien ma’ edukazzjoni formali u mhux formali ta’ qabel u man-negozju (inklużi l-SMEs u entitajiet żgħar oħra) ukoll se jkollha rwol minn dan il-lat.

Interazzjoni ta’ din ix-xorta mad-dinja ta’ barra gradwalment se tagħmel l-attivitajiet universitarji b’mod ġenerali u l-aġendi edukattivi, ta’ taħriġ u ta’ riċerka tagħhom b’mod partikolari, aktar rilevanti għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tas-soċjetà kollha. Se tgħin lill-universitajiet biex jippromwovu l-attivitajiet differenti tagħhom u jikkonvinċu lis-soċjetà, lill-gvernijiet u lis-settur privat li ta’ min jinvesti fihom.

Tkun ippremjata l-eċċellenza fl-ogħla livell

L-eċċellenza tfeġġ mill-kompetizzjoni u tiġi żviluppata prinċipalment fil-livell tal-fakultà/tad-dipartiment – ftit universitajiet jiksbu l-eċċellenza tul firxa wiesgħa ta’ oqsma. Żjieda fil-kompetizzjoni , ikkombinata ma’ aktar mobilità u aktar konċentrazzjoni tar-riżorsi, għandha tagħti l-possibbiltà lill-universitajiet u lill-imsieħba tagħhom fl-industrija sabiex joffru ambjent ta’ ħidma aktar miftuħ u ta’ sfida għall-istudenti u għar-riċerkaturi l-aktar ta’ talent, biex b’hekk isiru aktar attraenti għall-Ewropej u għal dawk li mhumiex Ewropej bl-istess mod. L-universitajiet jeħtieġ li jkunu f’pożizzjoni li jiġbdu lejhom l-aħjar akkademiċi u l-aħjar riċerkaturi , li jirreklutawhom permezz ta’ proċeduri flessibbli, miftuħa u trasparenti, li jiggarantixxu lill-investigaturi/mexxejja tat-timijiet prinċipali indipendenza sħiħa fir-riċerka u jipprovdu lill-istaff bi prospetti attraenti ta’ karriera[17].

L-eċċellenza teħtieġ ukoll li l-Istati Membri jirrivedu l-opportunitajiet li jipprovdu fil-livelli ta’ Master , Dottorat u post-dottorat, inkluża t-taħlita ta’ dixxiplini u ħiliet involuti. Għad hemm it-tendenza li l-opportunitajiet fil-livell ta’ post-dottorat jiġu traskurati jew ikunu ffokkati b’mod dejjaq wisq. F’dan il-qasam huma meħtieġa bidliet li jilħqu ’l bogħod. L-universitajiet individwali għandhom jidentifikaw l-oqsma partikolari fejn jistgħu jiksbu l-eċċellenza u jikkonċentraw hemmhekk.

Fuq il-livell Ewropew, għandha tkun inkoraġġita l-eċċellenza fl-iskejjel tal-gradwati/tad-dottorati permezz tan-netwerking ta’ dawk li jissodisfaw il-kriterji ewlenija: massa kritika, transdixxiplinarjetà u interdixxiplinarjetà, dimensjoni Ewropea b’saħħitha, appoġġ mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-industrija, oqsma identfikati u rikonoxxuti ta’ eċċellenza, provvista ta’ opportunitajiet ta’ post-dottorat, assigurazzjoni ta’ kwalità xierqa, eċċ.

F’dan il-kuntest, żewġ inizjattivi se jsaħħu b’mod partikolari l-kompetizzjoni għall-eċċellenza: il-proposta għal Istitut Ewropew tat-Teknoloġija u l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka[18].

Il-qasam ta’ l-Edukazzjoni Ogħla Ewropea u l-qasam tar-Riċerka Ewropea jsiru aktar viżibbli u attraenti fid-dinja

L-iżvilupp ta’ kooperazzjoni, mobilità u netwerks estensivi bejn l-universitajiet Ewropej tul l-għexieren ta’ snin imgħoddija ħoloq il-kondizzjonijiet it-tajba għal internazzjonalizzazzjoni usa’. Il-parti l-kbira ta’ l-universitajiet issa għandhom esperjenza ma’ konsorzja multilaterali u ħafna huma involuti f’korsijiet konġunti jew f’arranġamenti ta’ lawrji doppji. Il- Masters Erasmus Mundus urew ir-rilevanza ta’ dawn l-inizjattivi – li huma uniċi għall-Ewropa – fl-arena globali. Globalizzazzjoni li tkompli tfisser li l-Qasam ta’ l-Edukazzjoni Ogħla Ewropea u l-Qasam tar-Riċerka Ewropea iridu jkunu għalkollox miftuħa għad-dinja u jridu jsiru parteċipanti kompetittivi mad-dinja kollha .

Madanakollu, dan se jkun possibbli biss jekk l-Ewropa tagħmel sforz serju li tippromwovi l-kwalità ta’ l-universitajiet tagħha, u żżid kemm huma attraenti u kemm huma viżibbli mad-dinja kollha.

Possibbiltà waħda, fuq il-livell Ewropew u dak ta’ l-Istati Membri, għandha tkun li tiġi żviluppata kooperazzjoni internazzjonali aktar strutturata, appoġġjata mill-mezzi finanzjarji meħtieġa, flimkien mal-pajjiżi ġirien ta’ l-UE u mad-dinja kollha, permezz ta’ ftehimiet bilaterali/multilaterali. Dan jinvolvi wkoll li l-Istati Membri, li jaġixxu fi ħdan l-impenn ta’ l-UE sabiex ma jippromwovux it-telf ta’ l-aħjar imħuħ, għandhom jiftħu l-iskemi ta’ finanzjament tagħhom lil dawk li mhumiex Ewropej u jipprovdu opportunitajiet għal skambji interuniversitarji ta’ l-istaff kif ukoll għal opportunitajiet għal staff ta’ riċerkaturi u għal staff akkademiku mhux Ewropej biex iwettqu attivitajiet professjonali. “Iċ-ċirkolazzjoni ta’ l-aħjar imħuħ” għanda wkoll tkun promossa għall-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi Ewropej li ddeċidew li jqattgħu parti mill-ħajja lavorattiva tagħhom barra mill-Ewropa[19]. Il-persuni li jidħlu għal inkarigu temporanju barra mill-pajjiż huma persuni ta’ kwalità kemm għall-pajjiż li qed jibgħat kif ukoll/jew għal dak ospitanti għaliex jikkostitwixxu riserva ta’ kuntatti profesjonali barra mill-pajjiż, fejn jagħmluha ta’ rjus il-pont biex jitqassam l-għarfien. Dan, imbagħad, se jżid il-viżibilità ta’ l-Ewropa fl-edukazzjoni u fir-riċerka u bħala msieħeb ta’ min jistrieħ fuqu fl-iżvilupp tal-kapital uman tal-pajjiżi terzi.

Punt fundamentali wieħed huwa li jkunu ssemplifikati u aċċellerati l-proċeduri legali u amministrattivi għad-dħul ta’ l-istudenti u tar-riċerkaturi li mhumiex ta’ l-UE. Dwar id-dħul u r-residenza tar-riċerkaturi minn pajjiżi terzi , fl-2005 ġie adottat i-pakkett tal-“viża tar-riċerkaturi” – direttiva u żewġ rakkomandazzjonijiet dwar id-dħul taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz sabiex iwettqu riċerka xjentifika fil-Komunità Ewropea[20] u se jkollu jiġi traspost fil-liġi nazzjonali matul l-2007.

Il-bini ta’ immaġni attraenti għall-universitajiet Ewropej fid-dinja jitlob ukoll sforz serju biex il-lawrji Ewropej isiru rikonoxxuti b’mod aktar faċli barra mill-Ewropa. Madanakollu, l-ewwelnett, ir-rikonoxximent reċiproku irid jinkiseb b’mod sħiħ fi ħdan l-UE nfisha; id-Direttiva reċenti dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali diġà għamlu aktar sempliċi għal finijiet professjonali. Fejn għandu x’jasam ir-rikonoxximent akkademiku għad hemm il-ħtieġa ta’ sforz akbar . Il-qafas koerenti ta’ kwalifiki u ta’ sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità kompatibbli li bħalissa qed jiġu żviluppati[21] se jikontribwixxi għal dan. L-eżistenza ta’ aktar korsijiet “Ewropej”, offruti b’mod konġunt minn konsorzja ta’ universitajiet u li jwasslu għal lawrji konġunti jew doppji fuq livell ta’ Masters jew ta’ Dottorat, għandu jgħin ukoll sabiex l-Ewropa ssir aktar attraenti għall-istudenti, għall-għalliema u għar-riċerkaturi mill-bqija tad-dinja.

….U DAK LI TISTA’ U GĦANDHA TAGĦMEL IL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni mhix parteċipanti dirett fil-modernizzazzjoni ta’ l-universitajiet, imma jista’ jkollha rwol katalitiku, fejn tipprovdi impetu politiku u finanzjament immirat b’appoġġ għar-riforma u għall-modernizzazzjoni.

Il-Kummissjoni tista’ tappoġġja impetu politiku ġdid permezz ta’ interazzjoni koordinata ma’ l-Istati Membri permezz tal-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni, l-identifikazzjoni u l-firxa ta’ l-aħjar prattika u l-appoġġ ta’ l-Istati Membri fit-tiftixa tagħhom għal reġimi universitarji aktar effettivi.. B’mod partikolari, ir-ragruppamenti inter pares imwaqqfa fi ħdan il-programm ta' ħidma ta' l-Edukazzjoni u Taħriġ 2010 joffru mezz effettiv ta' esplorazzjoni dwar kif jistgħu jintlaħqu l-isfidi li qed jaffaċċjaw l-universitajiet ta’ l-UE. Billi joffru forum għall-iskabju ta’ l-aqwa prassi u għall-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattovi, il-livell ta’ l-UE jista’ joffri valur miżjud ġenwin.[22] Il-Kummissjoni tista’ wkoll tiffaċilita d-djalugu bejn l-universitajiet, l-imsieħba soċjali u min iħaddem sabiex tippromwovi sħubiji strutturizzati mal-komunità tan-negozju.

Tista’ tipprovdi wkoll finanzjament b’impatt sinifikanti fuq il-kwalità u r-rendiment ta’ l-universitajiet. Dan jinkludi inċentivi biex l-universitajiet jiġu mgħejjuna jilħqu l-miri li ġew spjegati fil-qosor f’din il-Komunikazzjoni. Il-mekkaniżmi jinkudu mhux biss il-programmi l-ġodda għall-2007-2013 (is-Seba’ Programm ta’ Qafas ta’ l-UE għall-R&D, il-Programm tat-Tagħlim Matul il-Ħajja, il-Programm tal-Kompetittività u ta’ l-Innovazzjoni), imma wkoll il-Fondi Strutturali u s-Self ta’ l-EIB[23].

Il-Fondi Strutturali jistgħu jipprovdu finanzjament għat-titjib tal-faċilitajiet u tar-riżorsi universitarji, għat-trawwim ta’ sħubijiet bejn il-komunitajiet akkademiċi u tan-negozju u għall-appoġġ tar-riċerka u ta’ l-innovazzjoni rilevanti għall-għanijiet ta’ l-iżvilupp ekonomiku reġjonali jew ta’ l-Istati Membri. Is-sistema ta’ ġestjoni deċentralizzata tal-Fondi Strutturali tagħti l-possibbiltà li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet reġjonali. L-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u l-universitajiet għandhom jieħdu vantaġġ sħiħ minn dawn l-opportunitajiet biex itejbu s-sinerġiji bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, partikolarment fl-Istati Membri u fir-reġjuni ta’ l-UE li huma l-inqas żviluppati ekonomikament.

L-Istitut tat-Teknoloġija Ewropew propost se jkollu struttura ta’ amministrazzjoni li tinvolvi eċċellenza, interdixxiplinarjetà, netwerking bejn iċ-ċentri u bejn id-dinja akkademika u n-negozju, li ttenni l-messaġġi ta’ din il-Komunikazzjoni. B’hekk, minbarra l-kontribuzzjoni diretta tiegħu biex isaħħaħ l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni xjentifika ta’ l-Ewropa, se jagħmilha ta’ xempju li juri l-valur ta’ metodu u mod ta’ amministrazzjoni modernizzati u ta’ sħubija man-negozju.

KONKLUżJONIJIET

L-universitajiet huma parteċipanti ewlenija fil-futur ta’ l-Ewropa u għat-transizzjoni ta’ suċċess għal ekonomija u soċjetà msejsa fuq l-għarfien . Madanakollu, dan is-settur kruċjali ta’ l-ekonomija u tas-soċjetà jeħtieġ ristrutturar u modernizzazzjoni fil-fond jekk l-Ewropa mhux se titlef fil-konfront tal-kompetizzjoni globali fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-innovazzjoni.

L-implimentazzjoni tar-ristrutturar u tal-modernizzazzjoni meħtieġa jeħtieġ azzjoni koordinata mill-partijiet kollha involuti:

- L-Istati Membri meta jimplimentaw il-Linji ta’ Gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi[24] u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom jeħtieġu li jieħdu l-miżuri neċessarji fir-rigward ta’ universitajiet, inklużi aspetti bħal ġestjoni, għoti ta’ awtonomija u responsabilità reali lill-universitajiet, kapaċitajiet ta’ innovazzjoni, aċċess għal edukazzjoni ogħla u l-adattament ta’ sistemi ta’ edukazzjoni ogħla lil rekwiżiti ġodda ta’ kompetenza.

- L-universitajiet, min-naħa tagħhom, jeħtieġ li jagħmlu għażliet strateġiċi u jwettqu riformi interni biex jestendu l-bażi tal-finanzjament tagħhom, itejbu l-oqsma tagħhom ta’ eċċellenza u jiżviluppaw il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom; is-sħubijiet strutturati mal-komunità tan-negozju u ma’ msieħba potenzjali oħra se jkunu indispensabbli għal dawn it-trasformazzjonijiet.

- Il-Kummissjoni, tista’ tikkontribwixxi permezz ta’ l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Liżbona tal-Komunità[25], permezz ta’ djalogu ta’ politika u tagħlim reċiproku, b’mod partikolari fi ħdan il-Programm ta’ Ħidma ta' l-Edukazjoni u t-Taħriġ 2010, u permezz ta’ l-appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri u lill-universitajiet fl-attivitajiet ta’ modernizzazzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew sabiex jagħti messaġġ ċar dwar id-determinazzjoni ta’ l-UE ħalli tikseb ir-ristrutturar u l-modernizzazzjoni meħtieġa ta’ l-universitajiet, u biex jistieden lil dawk kollha konċernati biex jieħdu passi immedjati sabiex imexxu ’l quddiem din l-aġenda.

L-Anness 1

It-tabelli statistiċi

Tabella 1:

Id-distakk ta’ għoti ta’ fondi fl-investiment ta’ riċerka (għal riċerka magħmula mill-partijiet kollha, inklużi l-universitajiet) fl-2003

L-UE ta’ 25 | L-Istati Uniti | Il-Ġappun |

Intensità ta’ R&D f’% tal-PGD | 1.92 | 2.59 | 3.15 |

Sors: stimi ta’ DG RTD u EAC e, ibbażati fuq id- data ta’ l-EUROSTAT

Tabella 2:

Ir-rati grossi tar-reġistrazzjoni (l-istudenti kollha irrispettivament mill-età bħala % tal-populazzjoni ta’ studenti-età) fl-edukazzjoni terzjarja fl-2003

L-UE ta’ 25 | L-Istati Uniti | Il-Ġappun |

L-istudenti kollha bħala % tal-poplazzjoni li għandhom bejn l-20 u l-24 sena | 57% | 81% | 50% |

Sors: L-EUROSTAT

Tabella 3:

Ir-rati ta’ reġistrazzjoni fl-edukazzjoni ogħla għall-adulti fl-2003

L-UE ta’ 25 | L-Istati Uniti | Il-Ġappun |

% ta’ popolazzjoni ta’ bejn it-30 u d--39 sena fl-edukazzjoni ogħla | 30-34 sena: 4.1% 35-39 sena: 1.8% | 30-34 sena: 7.0% 35-39 sena: 4.9% | : : |

Sors: L-EUROSTAT

Tabella 4:

Produzzjoni u Impjieg ta’ riċerkaturi fl-2003

L-UE ta’ 25 | L-Istati Uniti | Il-Ġappun |

Dottorati ġodda | Id-dixxiplini kollha | 88 100* | 46 000 | 14 500 |

Matematika, Xjenza u Teknoloġija | 37 000 | 16 200 | 5 500 |

Impjieg ta’ riċerkaturi (FTE) | Numru totali | 1 167 000 | 1 335 000[26] | 675 000 |

Riċerkaturi għal kull 1000 ħaddiem | 5,5 | 9,1[27] | 10,1 |

Sors: L-EUROSTAT u l-OECD

Nota: Id- data mill-Greċja hija nieqsa

Tabella 5:

L-ishma dinjija fil-familji totali tal-brevetti trijadiċi (brevetti ffajljati fl-istess ħin fl-UE, fl-Istati Uniti u fil-Ġappun), fl-2000, bħala %

L-UE ta’ 25 | L-Istati Uniti | Il-Ġappun |

L-ishma dinjija fil-familji totali tal-brevetti trijadiċi | 31,5 | 34,3 | 26,9 |

Sors: DG RTD, Ċifri Ewlenin 2005

Tabella 6 : Rati tal-qgħad ta’ min huwa ggradwat fl-2003

L-UE ta’ 25 | L-Istati Uniti | Il-Ġappun |

Rata tal-qgħad tal-popolazzjoni bejn 20-24 sena li kisbu edukazzjoni terzjarja | 12,3 | 1,6 | : |

Rata tal-qgħad tal-popolazzjoni bejn 25-29 sena li kisbu edukazzjoni terzjarja | 8,5 | 2,6 | : |

Sors:L-EUROSTAT u l-OECD

Tabella 7:

Studenti barranin (skond iċ-ċitadinanza) bħala persentaġġ ta’ studenti fl-edukazzjoni ogħla fl-2003

| L-Awstralja |L-Iżvizzera |New Zealand |L-UE ta’ 25 |Norway |L-Istati Uniti |Il-Ġappun |Ir-Russja |Il-Korea | | Studenti barranin (skond iċ-ċitadinanza) bħala persentaġġ ta’ studenti fl-edukazzjoni ogħla fl-2003 | 18.7 |17.7 |13.5 |6.2 |5.2 |3.5 |2.2 |0.8 |0.2 | | Sors: L-EUROSTAT u l-OECD

L-Anness 2

Rikonoxximent

Fit-tħejjija ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni kkonsultat ad personam il-persuni li ġejjin:

Vladimir Báleš (l-Università Teknika Slovakka, Bratislava)

Olivier Blanchard (l-Istitut tat-Teknoloġija ta’ Massachusetts, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika);

Ivor Crewe (l-Università ta’ Essex, ir-Renju Unit);

Federico Mayor Zaragoza (Fundación Cultura de Paz, Madrid);

Linda Nielsen (l-Università ta’ Copenhagen);

Mario Monti (l-Università Bocconi, Milan);

Jan Sokol (l-Università Charles, Praga);

Georg Winckler (l-Università ta’ Vjenna).

Ikkummentaw fuq bażi personali, u l-unika responsabbiltà għal dan id-dokument hija tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tixtieq tirringrazzja wkoll lill-membri tal- Forum dwar ir-Riċerka bbażata fl-Universitajiet għall-kontribuzzjoni tagħhom għad-diskussjoni dwar is-suġġetti li ssemmew f’din il-Komunikazzjoni. http://europa.eu.int/comm/research/conferences/2004/univ/pdf/enhancing_europeresearchbase_en.pdf

[1] Il-Kummissjoni tirrikonoxxi b’ringrazzjament il-kontributi ta’ l-esperti kollha li kienu kkonsultati u li offrew kummenti u suġġerimenti matul it-tħejjija ta’ dan id-dokument.

[2] F’dan id-dokument, “universitajiet” se tfisser l-istituzzjonijiet ta’ l-edukazzjoni ogħla, irrispettivament mill-isem u mill-istatus tagħhom fl-Istati Membri.

[3] “Mobilizzazzjoni ta' l-intelliġenza ta' l-Ewropa: li tippermetti lill-universitajiet sabiex jagħtu l-kontribut sħiħ tagħhom għall-Istrateġija ta' Lisbona”, COM(2005) 152 ta’ l-20 t’April 2005 u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2005. Creating an Innovative Europe (Noħolqu Ewropa Innovattiva), Grupp ta’ Esperti ppresjedut mis-sur Aho, il-Kummissjoni Ewropea, Jannar 2006

[4] Il-Konklużjonijiet 1 777/06 ta’ l-24 ta’ Marzu 2006.

[5] COM(2005)141 finali tat-12.04.2005

[6] COM (2006) 77 finali tat-22.2.2006

[7] Il-Komunikazzjoni “ The role of universities in the Europe of knowledge ” (Ir-rwol ta’ l-universitajiet fl-Ewropa ta’ l-għarfien) COM(2003)58, il-Konferenza ta’ Liège ta’ l-2004 u r-rapport mill-Forum dwar l-UBR “ European Universities: Enhancing Europe’s Research Base ” (L-Universitajiet Ewropej: Intejbu l-Bażi ta’ Riċerka ta’ l-Ewropa)

[8] L-elementi statistiċi li jsostnu l-analiżi f’din it-taqsima jinsabu fl-Anness 2. Is-sors tad- data għal dawn iċ-ċifri: l-Eurostat

[9] Cf Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2006 “Inkattru inklinazzjoni intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim”.

[10] Id-dokument ta’ ħidma ta’ l-istaff tal-Kummissjoni li jakkumapnja din il-Komunikazzjoni “Mobilizzazzjoni ta' l-intelliġenza ta' l-Ewropa”, il-paragrafu 42.

[11] Id-Direttiva 2005/36/KE li ġiet adottata fis-7 ta’ Settembru 2005; se tiġi implimentata minn Ottubru 2007.

[12] Ara “Iktar Riċerka u Innovazzjoni – Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Strateġija Komuni”, COM(2005) 488 tat-12 ta’ Ottubru 2005.

[13] COM (2006) 30 finali tal-25/01/06

[14] Il-medja ta’ l-UE ta’ l-2002 ta’ nefqa diretta fl-universitajiet kienet ta’ 1.1% meta mqabbla mal-livell ta’ l-Istati Uniti ta’ 2.6%. Anqas min-nofs tan-nefqiet edukazzjonali fl-Istati Uniti huma ffinanzjati minn sorsi pubbliċi (nefqa diretta), filwaqt li hija aktar minn 75% fil-maġġoranza ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE (u qrib il-100% f’uħud minnhom). Sors tad- data : L-EUROSTAT.

[15] “The Economics of Knowledge: why education is key for Europe’s success, (Andreas Schleicher, 2006) (L-Ekonomiji ta’ l-Għerf: għaliex l-edukazzjoni hija l-qofol għas-suċċess ta’ l-Ewropa) http://www.lisboncouncil.net/files/download/Policy_Brief_Economics_of_Knowledge_FINAL.pdf

[16] L-universitajiet li huma attivi fir-riċerka m’għandhomx ikunu vvaluati u ffinanzjati fuq l-istess bażi bħal oħrajn li huma aktar dgħajfa fir-rierka imma aktar b’saħħithom fl-integrazzjoni ta’ l-istudenti minn gruppi żvantaġġjati jew biex jaġixxu bħala forzi li jimbuttaw l-industrija u s-servizzi lokali. Minbarra r-rati ta’ tlestija, iż-żmien ta’ studju medju u r-rati ta’ impjieg tal-gradwati, għandhom jitqiesu kriterji oħra għall-universitajiet li huma attivi fir-riċerka: il-ksibiet fir-riċerka, l-applikazzjonijiet għall-finanzjament kompetittiv li rnexxew, il-pubblikazzjonijiet, it-tismijiet, il-brevetti u l-liċenzji, il-premji akkademiċi, is-sħubijiet industrijali u/jew internazzjonali, eċċ.

[17] Il-proċeduri għar-riċerkaturi għandhom ikunu skond ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2005) 576 dwar il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta’ Kondotta għar-Reklutaġġ tagħhom.

[18] COM(2005)441 finali tal-21.09.2005

[19] Ara l-inizjattiva pilota r-Riċerkaturi Ewropej li qegħdin Barra (Link ta’ l-ERA),http://www.eurunion.org/legislat/ste/eralink.htm

[20] It-tliet strumenti ġew ippubblikati fit-3 ta’ Novembru 2005 fil-Ġurnal Uffiċjali Ġ.U. L 289 tat-3 ta’ Novembru 2005. Iż-żewġ rakkomandazzjonijiet daħlu fis-seħħ immedjatament, filwaqt li l-Istati Membri se jkollhom sentejn (eż. sa Novembru 2007) biex jimplimentaw id-direttiva kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 (ĠU L 375, 23.12.2004) .

[21] Pereżempju, permezz tar-Rakkomandazzjoni reċenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Ogħla (ĠU L64 of 4.3.2006) u permezz tal-konsultazzjonijiet dwar Qafas Ewropew ta’ Kwalifiki.

[22] Li jiżdied il-potenzjal ta’ ġestjoni fi ħdan l-universitajiet, imsemmi fit-taqsima 2 hawn fuq, jista’ jkun eżempju adattat.

[23] L-appoġġ li ġie deskritt f’din it-taqsima jingħata b’patt u kondizzjoni li jiġu adottati l-programm u l-leġiżlazzjoni l-oħra involuta.

[24] B’mod partikolari il-linji ta’ gwida Nr 7 (R&D), Nr 8 (innovazzjoni), Nr 23 (investiment fil-kapital uman) u Nr 24 (adattament għal kompetenzi ta’ rekwiżiti ġodda).

[25] COM(2005) 330 finali ta’ l-20.07.2005.

[26] stima ta’ l- OECD għall-2002

[27] ċifra ta’ l-2002