52006DC0117

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi - Trasferiment tan-negozju - Kontinwità bis-saħħa ta’ bidu ġdid /* KUMM/2006/0117 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.03.2006

KUMM(2006) 117 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi Trasferiment tan-negozju - Kontinwità bis-saħħa ta’ bidu ġdid

WERREJ

1. Daħla 2

1.1. Terz ta' l-impriżi Ewropej qed jiffaċċjaw trasferiment 2

1.2. It-Trasferimenti jrawmu l-ispirtu intraprenditorjali 2

1.3. Mhux in-negozji kollha jistgħu jiġu ttrasferiti... 2

1.4. ...iżda trasferimenti li jirnexxu joffru potenzjal qawwi għat-tkabbir u l-impjiegi 2

2. L-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-rakkomandazzjoni ta' l-1994 2

2.1. Il-Progress li sar mhuwiex biżżejjed 2

2.2. Mhux qed isir biżżejjed biex jikber l-għarfien dwar it-trasferimenti tan-negozji 2

2.3. L-ambjent finanzjarju ħafna drabi ma jiffavorixxix it-trasferimenti tan-negozji 2

2.4. M’hemmx problemi kbar fir-ristrutturar ta’ negozju għat-tħejjija ta’ trasferiment 2

2.5. Illum huwa eħfef li jiġu organizzati kumpaniji żgħar milli kumpaniji b’responsabbiltà limitata 2

2.6. Il-kontinwità tas-sħubiji tista’ tiġi żgurata bi ftehim ta’ sħubija 2

2.7. It-taxxi fuq il-wirt tneħħew jew tnaqqsu f’ħafna pajjiżi 2

2.8. M’hemmx ħafna possibbiltajiet ta' ħelsien mit-taxxi disponibbli għal bejgħ lil persuni terzi 2

3. Rakkomandazzjonijiet għall-ħidma fil-ġejjieni 2

3.1. Għandha tingħata attenzjoni politika sew lit-trasferimenti tan-negozji u sew lil negozji li għadhom fil-bidu 2

3.2. Għandu jkun hemm kundizzjonijiet finanzjarji xierqa 2

3.3. Għandna nkabbru l-għarfien, inqisu l-fatturi ‘ soft’ u nappoġġaw il- mentoring 2

3.4. Norganizzaw swieq trasparenti għat-trasferimenti tan-negozji 2

3.5. Niżguraw li s-sistemi fiskali jiffavurixxu t-trasferimenti 2

3.6. Noħolqu strutturi xierqa biex nimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet b’mod wiesa’ 2

DAħLA

Terz ta' l-impriżi Ewropej qed jiffaċċjaw trasferiment

Fi Frar 2005, il-Kummissjoni Ewropea affermat mill-ġdid l-impenn tagħha għall-partnerjat ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi[1] u f’Novembru 2005 nediet qafas komprensiv ta’ politika għall-SMEs li għaraf espliċitament l-importanza tat-trasferimenti tan-negozji[2].

Il-popolazzjoni ta’ l-Ewropa qed tixjieħ u l-potenzjal għat-trasferimenti tan-negozju qed jiżdied. Terz ta' l-intraprendituri ta’ l-UE, primarjament dawk li jmexxu impriżi tal-familja, se jirtiraw fi żmien l-għaxar snin li ġejjin. Skond l-estimi dan jista’ jaffettwa sa 690,000 impriża żgħira u medja u 2.8 miljuni impjiegi fis-sena[3]. It-trasferimenti tan-negozju huma kumplessi u ħafna drabi jispiċċaw ħażin, mhux għaliex in-negozju nnifsu mhuwiex vijabbli iżda sempliċiment minħabba problemi fil-fażi ta' trasferiment. Sabiex tiżdied il-kompetittività ta’ l-Ewropa, jeħtieġ li l-ambjent ekonomiku u l-miżuri ta’ appoġġ għan-negozji jittejbu.

L-importanza tat-trasferimenti tan-negozji hija enfasizzata wkoll minn dejta nazzjonali. Għall- Ġermanja , huwa mistenni volum ta’ trasferimenti ta’ madwar 354,000 kumpanija matul il-ħames snin li ġejjin[4]. Għal Franza , il-potenzjal għat-trasferimenti huwa stmat għal madwar 600,000 impriża fl-għaxar snin li ġejjin[5]. Għall- Italja , huwa previst potenzjal ta' trasferimenti ta' 40% tal-kumpaniji kollha għall-għaxar snin li ġejjin[6]. Fl- Awstrija 23% tan-negozji kollha se jgħaddu minn trasferiment fil-perjodu 2004-2013[7]. Fl-Iżvezja bejn 45,000 u 50,000 impriża bl-impjegati qed jistennew bidla ġenerazzjonali fl-għaxar snin li ġejjin[8]. Is- Small Business Service tar- Renju Unit identifika terz tas-sidien ta’ SMEs bħala vulnerabblli għal falliment fit-trasferimenti minħabba problemi marbuta ma’ l-età[9]. Minkejja n-nuqqas ta’ dejta kompletament komparabbli, it-tagħrif disponibbli juri li l-fenomenu huwa ta’ importanza kbira għall-Ewropa kollha.

It-Trasferimenti jrawmu l-ispirtu intraprenditorjali

Fl-imgħoddi, in-negozji normalment kienu jiġu ttrasferiti fil-familja stess u ġeneralment dawn it-tranżazzjonijiet kienu jimxu mingħajr tfixkil. In-negozji tal-familja jżommu ċertu spirtu intraprenditorjali fis-soċjetà u joffru inkubatur naturali għall-intraprendituri żgħażagħ. Ġeneralment, in-negozji tal-familja li jkollhom orjentament għat-tul, joffru element importanti ta’ stabbiltà lill-ekonomiji tagħna u huma l-għajn ta' bosta prassi ġenwini ta' responsabbiltà soċjali korporattiva.

Madankollu, minħabba li l-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum għandha aċċess usa’ għall-edukazzjoni, din għandha ħafna iktar għażliet oħra minflok tkompli n-negozju tal-familja. Barra minn hekk, il-ġenituri għandhom inqas tfal u, għalhekk, in-negozjanti għandhom inqas ċans li jsibu suċċessur mill-familja stess, speċjalment minħabba l-fatt li l-ambjent dejjem iżjed kompetittiv jirrikjedi ħiliet maniġerjali u intraprenditorjali aktar avvanzati. F’din is-sitwazzjoni huwa partikolarment inkwetanti l-fatt li t-tfal bniet ġeneralment ma jitqisux bħala suċċessuri potenzjali mis-sidien (normalment irġiel) tan-negozju[10].

Mhux in-negozji kollha jistgħu jiġu ttrasferiti...

M’hemmx kuntradizzjoni bejn ċerta rata ta’ mortalità ta’ kumpaniji qodma u l-kumpaniji ġodda li jeħdulhom posthom u ekonomija innovattiva li qed tespandi. Mhux kull negozju jista’ jiġi ttrasferit. It-trasferiment ta’ negozju hija problema partikolari f’setturi ta’ l-ekonomija li qed jiċkienu jew setturi li għaddejjin minn bidliet strutturali. Barra minn hekk, trasferiment huwa iktar diffiċli għal negozji iżgħar jew għal negozji fejn is-sid attwali għandu rwol dominanti.

Fil-ġejjieni se naraw iktar trasferimenti lil partijiet terzi. Madankollu, mhuwiex faċli li wieħed isib suċċessur barra mill-familja. L-aktar klassi ta' età attiva fit-twaqqif tan-negozju se tiċkien fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. Barra minn hekk, nofs l-Ewropej biss jixtiequ jaħdmu għal rashom; il-maġġoranza tippreferi tkun impjegata. U minkejja l-vantaġġi li wieħed jieħu f'idejh negozju stabbilit (struttura ta’ produzzjoni eżistenti, netwerk ta’ klijenti, isem stabbilit, eċċ.) anki dawk li huma interessati f’karriera intraprenditorjali jippreferu li jibdew negozju ġdid.

...iżda trasferimenti li jirnexxu joffru potenzjal qawwi għat-tkabbir u l-impjiegi

Meta n-negozji jfallu biss minħabba problemi fil-fażi tat-trasferiment, kapital ekonomiku, bħall-għarfien, il-kuntatti stabbiliti u assi intanġibbli oħrajn, jispiċċaw, jintilfu l-impjiegi u jitnaqqas it-tkabbir ekonomiku. Il-falliment fit-trasferiment ta’ negozji kompetittivi huwa partikolarment ta’ ħsara fir-reġjuni li diġà qed ibatu minn tnaqqis fl-attività ekonomika jew fiż-żoni rurali fejn l-għeluq ta’ negozju wieħed jista’ jfixkel l-istruttura ekonomika sħiħa.

Trasferimenti tan-negozju li jkollhom suċċess jirriżultaw f'effetti tajba immedjati għall-ekonomija ta' l-Ewropa. Kumpaniji eżistenti jikkonservaw medja ta’ ħames impjiegi filwaqt li kumpanija ġdida tiġġenera medja ta’ żewġ impjiegi[11]. Barra minn hekk, ir-rata tas-suċċess tat-trasferimenti hija ogħla minn dik ta’ kumpaniji ġodda.

Din il-komunikazzjoni tfakkar lill-Istati Membri bl-importanza ta’ kundizzjonijiet adegwati għat-trasferimenti tan-negozju. Hija tirrapporta dwar sforzi fil-passat u fil-preżent mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jiffaċilitaw it-trasferimenti tan-negozji u tiġbed l-attenzjoni lejn xi metodi ta' prassi tajba. Minbarra dan, il-komunikazzjoni tasal għal konklużjonijiet dwar x’għad baqa’ jsir mill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea biex jiżguraw li jkun hemm iktar trasferimenti li jirnexxu fil-ġejjieni.

L-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-rakkomandazzjoni ta' l-1994

Il-Progress li sar mhuwiex biżżejjed

Fil- komunikazzjoni tagħha ta’ Lulju 1994 l-Kummissjoni Ewropea identifikat erba’ problemi tipiċi tat-trasferimenti: (1) L-iżgurar tal-kontinwità tas-sħubiji u ta’ negozji b’sid wieħed; (2) It-tħejjija għat-trasferiment billi tiġi adottata l-iktar forma ġuridika xierqa; (3) It-trasferimenti lill-partijiet terzi għandhom jiġu mħeġġa u (4) It-trasferimenti fil-familja għandhom jiġu megħjuna b’miżuri fiskali xierqa[12]. F’ Diċembru 1994 , il-Kummissjoni ppubblikat rakkomandazzjoni dwar it-trasferiment ta’ impriżi żgħar u medji [13] fejn stiednet lill-Istati Membri biex:

- Iħeġġu inizjattivi biex jikber l-għarfien u jiżdiedu t-tagħrif u t-taħriġ sabiex tkun żgurata tħejjija f’waqtha għat-trasferiment tan-negozju.

- Jipprovdu ambjent finanzjarju li jiffavorixxi t-trasferimenti tan-negozji.

- Jipprovdu possibilitajiet ġuridiċi biex jiġi rristrutturat negozju bi tħejjija għal trasferiment.

- Jistabbilixxu prinċipji ġuridiċi li jiżguraw il-kontinwità tas-sħubiji u negozji b'sid wieħed fil-każ tal-mewt ta’ wieħed mill-imsieħba jew tas-sid.

- Jgħinu s-sopravvivenza tan-negozji b’taxxi xierqa fuq il-wirt u r-rigali.

- Jiffaċilitaw it-trasferiment ta’ negozju lil partijiet terzi b’regoli fiskali xierqa.

Fl- 1998 l-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri f’komunikazzjoni oħra biex iżidu l-isforzi tagħhom, partikolarment permezz ta’ simplifikazzjoni leġiżlattiva u amministrattiva, tnaqqis effettiv tat-taxxi u aċċess eħfef għal appoġġ finanzjarju għat-trasferiment ta’ negozju[14]. Fl- 2000 grupp ta’ esperti maħtura mill-Istati Membri sabu li inqas minn nofs ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-1994 rriżultaw f'miżuri konkreti. Il-grupp irrakkomanda iżjed sforzi sabiex jinħolqu l-postijiet fis-suq għat-trasferimenti lill-partijiet terzi, l-iżvilupp ta’ għodod ta’ taħriġ aħjar u iktar riċerka fuq kwistjonijiet marbuta mat-trasferimenti[15]. Proġett ieħor fl- 2002/03 kkonferma n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, enfasizza li t-trasferimenti tan-negozji għandhom jirċievu l-istess attenzjoni politika daqs it-twaqqif ta’ kumpaniji ġodda, irrakkomanda li t-trasferimenti lill-partijiet terzi jiġu ffaċilitati u talab għal iktar miżuri biex jinkoraġġixxu ppjanar f’waqtu tat-trasferimenti[16].

Illum għad hemm iktar lok għat-titjib: Kif turi t-tabella annessa, huwa biss f’madwar 55% ta' l-oqsma tar-rakkomandazzjonijiet ta' l-1994 li hemm fis-seħħ miżuri (l-Istati Membri l-qodma 60%, l-Istati Membri l-ġodda 45%, kull kolonna tirrappreżenta rakkomandazzjoni ta' l-1994.) Fl-Istati Membri l-ġodda jidher li hemm iktar soluzzjonijiet effiċjenti marbuta ma’ kwistjonijiet tal-liġi tal-kumpaniji, possibbilment minħabba li l-liġijiet tan-negozji f’ħafna minn dawn il-pajjiżi ġew imfassla dan l-aħħar u setgħu jiġu msejsa fuq eżempji effiċjenti. L-Istati Membri l-qodma għandhom relattivament iktar miżuri ta’ appoġġ fis-seħħ, huma iżjed attivi fir-rigward tat-tkabbir ta’ l-għarfien u joffru ambjent aħjar għal bejgħ lill-impjegati[17].

Mhux qed isir biżżejjed biex jikber l-għarfien dwar it-trasferimenti tan-negozji

It-tħejjijiet għat-trasferimenti huma kumplessi u jieħdu l-ħin u ħafna drabi jiġu wkoll posposti minħabba l-ħtiġijiet iktar urġenti ta’ l-operat ta’ kuljum tan-negozji. Il-fundaturi tan-negozju, speċjalment, xi kultant jitnikkru biex jippjanaw it-trasferiment għax jibżgħu li jekk iċedu l-kontroll tan-negozju, il-qagħda soċjali u r-rwol tagħhom fil-kumpanija jonqsu.

Madwar nofs il-pajjiżi ta' l-UE daħħlu miżuri biex ikabbru l-għarfien jew għandhom istituzzjonijiet li joffru tagħrif u taħriġ għat-trasferimenti tan-negozji (tabella, kolonna 2). Iżda meta wieħed iqis l-importanza ċentrali ta’ din il-kwistjoni, għad baqa’ ħafna xi jsir. Miżuri bħal dawn jirnexxu b’mod partikolari jekk ikunu mmirati lejn kumpaniji individwali bħal fl- Olanda u fl- Awstrija fejn il-kmamar tal-kummerċ bagħtu ittri lil sidien tan-negozji li kellhom iktar minn ċerta età fejn enfasizzaw il-ħtieġa ta’ tħejjija f’waqtha għat-trasferiment.

Bl-istess mod, jinħtieġ li jiżdied l-għarfien fost intraprendituri potenzjali ġodda li t-teħid ta’ negozju eżistenti jista’ jkun alternattiva tajba flok jibdew wieħed ġdid.

L-ambjent finanzjarju ħafna drabi ma jiffavorixxix it-trasferimenti tan-negozji

Ġeneralment, trasferiment jeħtieġ iktar fondi finanzjarji milli l-ħolqien ta' kumpanija mhux biss għaliex l-assi materjali u finanzjarji għandhom jitħallsu iżda wkoll minħabba r-relazzjonijiet mal-klijenti, il-fornituri, ir-reputazzjoni kummerċjali, l-aspetattivi ta' dħul fil-ġejjieni, eċċ. Il-faċilitajiet finanzjarji mfassla għall-ħolqien ta' kumpaniji mhux dejjem ikunu biżżejjed biex jiġi ffinanzjat trasferiment.

Meta negozju żgħir jiġi ttrasferit lil persuna privata jew negozju żgħir ieħor, ħafna drabi ma jkunx hemm garanzija sostanzjali u l-ħlas lura tad-dejn marbut mat-trasferiment jiddependi biss fuq il-likwidità tan-negozju. Għalhekk, ikun jeħtieġ evalwazzjoni bir-reqqa tal-qagħda tal-kumpanija li toħloq spejjeż relattivament għoljin ta’ tranżizzjoni. L-ispejjeż u r-riskji, speċjalment għal kumpaniji żgħar, ħafna drabi l-banek ma jqisuhomx bħala pożittivi meta mqabbla mal-volum ta’ finanzjament.

Għan-negozji ta’ daqs medju, is-soluzzjoni ta’ finanzjament xierqa ħafna drabi tkun tinvolvi taħlita ta’ fondi ta’ investiment, finanzjament intermedju u dejn, meta jitqiesu l-interessi tal-partijiet ikkonċernati u l-limiti tal-kapaċità tan-negozju li jagħti l-flus lura. Xi kultant ma tinstabx soluzzjoni perfettament adatta fil-ħin biex l-intrapriża tibqa’ vijabbli. Il-Kummissjoni, bis-saħħa tal-programm il-ġdid għall-kompetittività u l-innovazzjoni, ipproponiet li tappoġġa l-għoti dirett ta’ fondi ta’ investiment (finanzjament intermedju) u garanziji biex taqsam ir-riskju ta’ tranżazzjonijiet bħal dawn. Barra minn hekk, l-inizjattiva tal-Kummissjoni “Riżorsi Komuni Ewropej għall-Impriżi Mikro u Medji” se tgħin lill-awtoritajiet responabbli għall-programmi ta’ koeżjoni jimlew il-lakuni fl-għoti ta' inġinerija finanzjarja.

Biex jgħin it-trasferiment tal-finanzi fil- Belġju u l- Lussemburgu , huwa offrut self b’interessi mnaqqsa, filwaqt li fid- Danimarka , fi Franza u fl- Awstrija jeżistu garanziji għas-self li jnaqqsu il-primjum fuq ir-riskju. Fl- Irlanda , huwa disponibbli ħelsien mit-taxxa għall-investiment, inklużi t-trasferimenti tan-negozji. Miżuri iktar indiretti huma s-servizzi ta' konsultazzjoni u databases imħaddma minn banek li jgħinu biex jiġi stmat aħjar il-valur ta’ negozju. Inqas minn nofs il-25 pajjiż ta’ l-UE joffri xi tip ta’ għajnuna finanzjarja diretta jew indiretta mmirata lejn il-promozzjoni tat-trasferimenti tan-negozji (tabella, kolonna 3). Miżuri perfettament adatti għat-trasferimenti huma rari; ġeneralment l-appoġġ għall-ħolqien tan-negozji jista’ jintuża wkoll għat-trasferimenti tan-negozji.

M’hemmx problemi kbar fir-ristrutturar ta’ negozju għat-tħejjija ta’ trasferiment

Speċjalment f’negozji żgħar, ir-rabta bejn in-negozju u l-intraprenditur attwali ħafna drabi tkun waħda kbira u għalhekk, ikun jinħtieġ li l-istuttura tinbidel qabel it-trasferiment. Il-persuna/i li tieħu/jieħdu f’idejha/hom in-negozju tista'/jistgħu wkoll tħoss/iħossu l-bżonn li tibdel/jbiddlu l-istruttura legali sabiex taġġustaha għall-proċessi l-ġodda tat-teħid ta’ deċiżjonijiet jew għal numru ġdid ta' sidien/meniġers. Huwa diffiċli li trasferiment jirnexxi jekk bidla fl-istruttura legali tkun tirrikjedi l-għeluq tan-negozju.

Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta’ l-UE jeżistu miżuri li jippermettu bdil fil-forma legali, partikolarment l-inkorporazzjoni ta' negozju, (tabella, kolonna 4). Dawn id-dispożizzjonijiet għal bidla legali jew huma inkorporati espliċitament fil-liġi jew isegwu minn prinċipji ġuridiċi ġenerali.

Ir-ristrutturar legali ta’ kumpanija jista’ jirriżulta fi spejjeż ta’ taxxi (eż. taxxa fuq il-qligħ kapitali, taxxa fuq il-kumpaniji) jew il-ħlas ta’ drittijiet ta’ reġistrazzjoni u taxxi tal-boll. Id-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE (Il-“ Merger Directive ”) tipprevedi għal differiment tat-tassazzjoni fuq il-qligħ kapitali iżda tapplika biss għal ristrutturar f'pajjiż ieħor u mhux għal operazzjonijiet ta' ristrutturar li jseħħu kollha kemm huma domestikament jew għal konverżjoni minn sid uniku jew sħubija għal kumpanija ta' responsabbiltà limitata. Barra minn hekk, il-ħelsien mit-taxxa huwa soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, eż. l-assi trasferiti għandhom jibqgħu marbuta bi stabbiliment permanenti fl-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi trasferita. Fl-aħħarnett, din id-Direttiva ma tkoprix taxxi indiretti fuq it-trasferiment bħat-taxxa tal-boll fuq it-trasferiment ta’ proprjetà li ma tistax tiċċaqlaq. Dawn it-taxxi ta’ l-aħħar ġew identifikati mill-Istudju dwar it-Taxxi tal-Kumpaniji ta’ l-2001[18] bħala ostaklu ewlieni għar-ristrutturar tan-negozji, minħabba li jistgħu jammontaw għal 10% tal-valur tal-proprjetà li ma tistax tiċċaqlaq. Numru relattivament kbir ta' pajjiżi jirrappurtaw xi dispożizzjonijiet fis-seħħ biex itaffu dawn l-ispejjeż fil-kuntest ta' trasferiment (tabella, kolonna 5).

Illum huwa eħfef li jiġu organizzati kumpaniji żgħar milli kumpaniji b’responsabbiltà limitata

Il-kumpanija b’responsabbiltà limitata toffri bosta vantaġġi għat-trasferiment ta’ negozju. Kumpaniji bħal dawn huma ġuridikament indipendenti mis-sid u jibqgħu jeżistu wara li jmut is-sid. Barra minn hekk, l-istruttura tagħhom tagħmilha faċli li l-ishma jinqasmu fost il-werrieta skond is-sehem tagħhom fil-wirt u tippermetti l-possibbiltà li jinxtraw lura l-ishma sabiex tiġi kkonċentrata s-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet u sabiex jitħallsu werrieta li mhumiex interessati fin-negozju.

Għal intrapriżi żgħar, il-proċeduri ta' ġestjoni ta’ kumpaniji limitati, li huma rregolati strettament, jistgħu jkunu impenjattivi wisq (eż. ir-rekwiżit ta' numru minimu ta' azzjonisti, rekwiżiti minimi għolja ta' kapital, il-ħtieġa għal bord ta' sorveljanza, formalitajiet biex tissejjaħ laqgħa u rekwiżiti fir-rigward tal-kontijiet, l-awditjar u r-rappurtar). Erbatax-il pajjiż ta’ l-UE rrappurtaw simplifikazzjonijiet speċjali għal kumpaniji ta' responsabbiltà limitata pubbliċi żgħar (tabella, kolonna 6).

Meta mqabbel maż-żmien li fih saret ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, illum f’ħafna pajjiżi huwa possibbli li jiġi stabbilit negozju żgħir bħala kumpanija b’responsabbiltà limitata jew anki bħala kumpanija pubblika limitata b’membru wieħed (jew massimu ta’ żewġ membri) - żvilupp li juri progress ċar. F’ħafna pajjiżi, iddaħħlu simplifikazzjonijiet eż. fir-rigward tal-kontabilità, speċjalment għal kumpaniji partikolarment żgħar u għal kumpaniji li l-ishma tagħhom ma jinbigħux u ma jinxtrawx fil-Borża (tabella, kolonna 7).

Il-kontinwità tas-sħubiji tista’ tiġi żgurata bi ftehim ta’ sħubija

Ġeneralment, is-sħubiji jispiċċaw meta jmut sħab minnhom iżda ġeneralment ikun possibbli li tiġi garantita l-kontinwità permezz ta’ ftehim ta’ sħubija mfassal adegwatament li jegħleb fuq it-testament individwali ta’ sħab f’każ ta’ kuntradizzjonijiet bejniethom (tabella, kolonna 8).

Jekk in-negozju jintiret minn iktar minn werriet wieħed, jista’ jkun hemm interessi diverġenti dwar jekk in-negozju għandux jitkompla jew jiġi likwidat. Fil- Latvja u fl- Awstrija jidher li mhuwiex mandatorju li l-werrieta kollha jiddeċiedu flimkien fuq il-kontinwazzjoni tan-negozju, u anki fil-ftit pajjiżi fejn jidher li hija biżżejjed deċiżjoni tal-maġġoranza, għandhom jiġu sodisfatti xi kundizzjonijiet. Ġeneralment, is-sistemi ġuridiċi jagħtu iżjed importanza lid-dritt tal-werriet individwali milli lill-komunità tan-negozji (tabella, kolonna 9).

Mod kif tiġi żgurata l-kontinwità tan-negozju fil-każ tal-mewt tas-sid huwa permezz tal-patti ta’ suċċessjoni. Minkejja li f’xi pajjiżi ntwera li patti bħal dawn jafu jkunu utli, għadhom mhux permess f’numru relattivament kbir ta’ pajjiżi oħrajn; fi Spanja , Franza , il- Latvja , l- Ungerija , Malta , l- Awstrija u l- Finlandja biss irrappurtaw li jistgħu jiġu konklużi patti bħal dawn.

It-taxxi fuq il-wirt tneħħew jew tnaqqsu f’ħafna pajjiżi

Meta t-taxxi fuq il-wirt jieħdu l-likwidità u l-assi min-negozji, id-dħul fiskali fit-terminu l-qasir jista’ jkun żbilanċat sew mit-telf fid-dħul fit-terminu t-twil li jirriżulta mill-għeluq tan-negozji. L- Estonja , l- Italja , Ċipru , is- Slovakkja u l- Iżvezja neħħew it-taxxi fuq il-wirt. Fi Spanja , l- Irlanda u l- Finlandja l-bażi taxxabbli tista’ titnaqqas jekk in-negozju ttrasferit jibqa’ jopera għal bosta snin. Fir- Renju Unit it-trasferiment ta’ l-assi tan-negozji jista’ jiġi eżentat kompletament mit-taxxi. Pajjiżi oħrajn joffru ammonti ħielsa mit-taxxi jew għajnuniet fiskali oħrajn. F'21 pajjiż, it-taxxa fuq il-wirt fit-trasferimenti tan-negozji ma għadhiex teżisti jew jingħata trattament preferenzjali biex jitnaqqas il-piż fiskali (tabella, kolonna 10).

Minbarra t-tnaqqis tad-dejn fiskali, jista’ jiġi evitat telf ta’ l-assi permezz tal-possibbiltà li l-pagamenti tat-taxxi fuq il-wirt jiġu differiti u/jew il-ħlas tagħhom jitqassam fuq perjodu itwal ta’ żmien. Possibbiltajiet bħal dawn ġew irrappurtati minn 18-il pajjiż (tabella, kolonna 11).

M’hemmx ħafna possibbiltajiet ta' ħelsien mit-taxxi disponibbli għal bejgħ lil persuni terzi

Sabiex il-possibbiltà ta’ trasferimenti lil parti terza ma tiġix skoraġġita, is-sistemi tat-taxxi għandhom jagħrfu li d-dħul mit-taxxi minn bejgħa jirrappreżenta żieda fil-valur li seħħet fuq perjodu twil ta’ żmien. Inqas minn nofs il-pajjiżi introduċew soluzzjonijiet sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni progressiva eżaġerata fuq id-dħul personali għal dħul bħal dan (tabella, kolonna 12), eż. l-eżenjonijiet fuq it-taxxi (sa ċertu limitu) fi Franza u l- Irlanda , it-tnaqqis tar-rati tat-taxxi (il- Belġju , il- Ġermanja , l- Awstrija ) jew taper relief (ir- Renju Unit ). Ħafna drabi dawn id-dispożizzjonijiet ikunu soġġetti għal kundizzjonijiet speċjali (età minima tal-bejjiegħ, it-trattament speċjali fir-rigward tat-taxxa jista’ jintuża darba biss).

Bejgħa ta’ trasferiment tista’ tikxef riservi taxxabbli. Ftit pajjiżi biss jipprovdu għal ħelsien speċjali mit-taxxa fuq id-dħul f’każi fejn ir-rikavat minn bejgħa jkun investit mill-ġdid f’negozju ieħor. Xi għajnuniet li kien hemm qabel tneħħew (tabella, kolonna 13). Filwaqt li l- Merger Directive tipprevedi għat-trasferiment tar-riservi, l-ambitu tad-Direttiva huwa limitat għar-ristrutturar minn pajjiż għall-ieħor. Barra minn hekk, id-Direttiva teskludi, pereżempju, trasferimenti fejn iktar minn 10% tal-konsiderazzjoni jkunu fil-forma ta’ flus.

Jekk ma jkunx jista’ jinstab suċċessur mill-familja stess, trasferiment lil impjegat jista' jiżgura livell għoli ta' kontinwità tan-negozju. Madankollu, huma ftit biss l-Istati Membri li jinkoraġġixxu trasferimenti bħal dawn permezz ta’ ħelsien speċjali mit-taxxa fuq id-dħul. Fejn huma fis-seħħ, miżuri bħal dawn huma mfassla għall-promozzjoni ġenerali tal-parteċipazzjoni finanzjarja ta’ l-impjegati milli għat-trasferimenti tan-negozji.

Rakkomandazzjonijiet għall-ħidma fil-ġejjieni

Fejn il-progress mhuwiex biżżejjed, ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin isaħħu dawk li saru fl-1994, filwaqt li oħrajn jirrifflettu l-bidliet li saru fl-ambjent ekonomiku matul dawn l-aħħar għaxar snin.

Għandha tingħata attenzjoni politika sew lit-trasferimenti tan-negozji u sew lil negozji li għadhom fil-bidu

Speċjalment minħabba li n-negozji ttrasferiti għandhom rata medja ta’ suċċess ogħla u joħolqu iktar impjiegi mill-negozji ġodda. Is-suċċessjoni f’intrapriża eżistenti jew l-akkwist ta’ intrapriża eżistenti għandhom konsistentement jiġu promossi bħala alternattiva għall-ħolqien ta’ kumpanija ġdida. F’kull każ fejn jiġu promossi l-kumpaniji ġodda, għandu jitqies jekk l-istess inizjattiva tkunx applikabbli wkoll għat-trasferimenti. F'xi pajjiżi jista' jidher li l-promozzjoni ta' iktar kumpaniji ġodda hija iktar urġenti, iżda l-kundizzjonijiet li jgħinu l-kontinwazzjoni tan-negozji huma wkoll stimolu għall-inizjattiva intraprenditorjali.

Għandu jkun hemm kundizzjonijiet finanzjarji xierqa

Il-promozzjoni tas-suċċessjoni tikkonċerna partikolarment il-finanzjament tat-trasferimenti tan-negozji. Il-faċilitajiet għall-bidu, is-self u l-garanziji għal negozji ġodda għandhom ikunu disponibbli mhux biss għall-ħolqien ta’ negozji ġodda iżda wkoll għal meta wieħed jieħu f’idejh negozji stabbiliti. Id-daqs ta’ l-istrumenti għandu jkun jirrifletti l-fatt li t-trasferimenti tan-negozji ħafna drabi jeħtieġu finanzjament daqs il-kumpaniji l-ġodda.

Meta wieħed iqis l-importanza, li kull ma jmur qed tiżdied, tat-trasferimenti lil partijiet terzi, il-garanziji għal fondi ta’ investiment ta’ riskju jew kważi-riskju fl-SMEs għandhom jinkludu investimenti minn fondi lokali u reġjonali li jipprovdu kapital inizjali u/jew kapital għall-kumpanija ġdida, kif ukoll finanzjament intermedju, sabiex inaqqsu d-diffikultajiet li l-SMEs iħabbtu wiċċhom magħhom minħabba l-istuttura finanzjarja tagħhom, u dawk li jirriżultaw minn trasferimenti tan-negozji (f’dan is-sens ara l-Art. 18.2 tal-programm propost għall-innovazzjoni u l-kompetittività li bħalissa qiegħed jiġi diskuss mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill).

Għandna nkabbru l-għarfien, inqisu l-fatturi ‘ soft’ u nappoġġaw il- mentoring

Ħafna fallimenti jistgħu jiġu evitati kieku t-trasferimenti jkunu ppjanati bil-quddiem u jintalab parir speċjalizzat. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw u jorganizzaw attivitajiet (eż. organizzati mill-kmamar tal-kummerċ) sabiex is-sidien tan-negozji jsiru konxji mill-ħtieġa għal tħejjija f’waqtha. L-Istati Membri għandhom speċjalment jikkunsidraw l-approċċi diretti bħall-ittri personali lis-sidien tan-negozji ‘l fuq minn ċerta età. Barra minn hekk, interlokuturi importanti tan-negozji żgħar (bħall-konsulenti tat-taxxa, accountants , banek, eċċ.) għandhom jiġu inklużi fil-kampanji għat-tkabbir ta’ l-għarfien.

Huwa psikoloġikament diffiċli, speċjalment għall-fundaturi, li jgħaddu n-negozji tagħhom lil ħaddieħor u jixhdu l-bidliet li jintroduċi s-sid il-ġdid. Il- mentoring tal-proċess tat-trasferiment minn partijiet terzi newtrali u infurmati jista’ jgħin biex jingħelbu dawn id-diffikultajiet. L-Istati Membri għandhom jippromwovu u jappoġġaw b’mod attiv l-iskemi ta’ mentoring ipprovduti mill-kmamar tal-kummerċ u tas-snajja' u organizzazzjonijiet simili.

Kif mitlub mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni se tikkunsidra tvara l-proġett sperimentali “It-trasferiment ta’ għarfien espert permezz tal- mentoring fl-SMEs” sabiex itejjeb il-ġestjoni tal-kapital uman billi jistabbilixxi prinċipji għal skema Ewropea ta’ taħriġ u mentoring li tinvolvi t-trasferiment ta’ l-għarfien u l-kompetenzi ewlenin li huma essenzjali għat-trasferimenti tan-negozji[19].

Norganizzaw swieq trasparenti għat-trasferimenti tan-negozji

Sabiex it-trasferimenti lil partijiet terzi jkunu ffaċilitati, it-tlaqqigħ bejn ix-xerrejja u l-bejjiegħa potenzjali għandu jkun megħjun bl-istabbiliment u l-appoġġ ta’ servizzi imparzjali għall-partijiet ikkonċernati. Servizzi bħal dawn għandhom imorru lil hinn mis-sempliċi stabbiliment ta’ databases għan-negozji li jistgħu jiġu ttrasferiti u għandhom jinkludu servizz komprensiv ta’ medjazzjoni li jiggarantixxi trasferimenti ordnati u strutturati sewwa fl-ispirtu ta’ sħubija.

Il-proġett MAP ta’ l-2004, “Tkattir ta' swieq trasparenti għat-trasferimenti tan-negozji”, jeżamina l-prassi tajba ta’ sistemi eżistenti għall-kuntatti bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja għat-trasferiment ta’ SMEs lil partijiet terzi. Pereżempju, fil- Ġermanja , Franza , l- Italja , il- Lussemburgu , l- Olanda u l- Awstrija hemm swieq li huma operati minn kmamar tal-kummerċ jew istituzzjonijiet imparzjali simili.

Niżguraw li s-sistemi fiskali jiffavurixxu t-trasferimenti

F’għadd ta’ pajjiżi t-taxxi fuq il-wirt u fuq ir-rigali ġew riveduti biex jiffaċilitaw it-trasferimenti fi ħdan il-familja stess. Fir-rigward ta’ taxxi li jaffettwaw it-trasferiment lil partijiet terzi, jiġifieri t-taxxa fuq id-dħul personali, it-taxxa korporattiva, u t-taxxi fuq il-qligħ kapitali, ftit pajjiżi biss jidhru li segwew ir-rakkomandazzjonijiet ta’ l-1994, u xi kultant il-miżuri ġew revokati. Huwa rrakkomandat li jitqiesu eżenzjonijiet (parzjali) mit-taxxa fuq id-dħul għall-qligħ mill-bejgħ ta’ negozju jekk is-sid ikun wasal biex jirtira kif ukoll għajnuniet speċjali għal qligħ li jerġa jiġi investit f'negozju ieħor jew użat biex jiffinanzja l-irtirar ta' sid in-negozju.

Jeħtieġ li jsir iżjed biex jitħeġġeġ il-bejgħ tan-negozji lill-impjegati. Partikolarment, l-eżenzjonijiet fiskali għal investimenti minn impjegati fil-kumpaniji tagħhom stess (eż. pjanijiet ta’ tifdil iffavoriti mit-taxxa, pjanijiet ta’ ishma jew pjanijiet li jagħtu d-dritt li jinxtara ammont speċifikat ta' ishma bi prezz stipulat) intużaw b’suċċess minn xi pajjiżi.

Noħolqu strutturi xierqa biex nimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet b’mod wiesa’

Huma biss l-Istati Membri, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali tagħhom u l-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għan-negozji li jistgħu joħolqu l-kundizzjonijiet għal trasferimenti tan-negozji li jirnexxu. Minbarra r-riformi tal-liġijiet u r-regolamenti, l-implimentazzjoni ta' infrastruttura ta' appoġġ li tilħaq lil mijiet ta' eluf ta' negozji madwar l-Ewropa li se jkunu qed jiffaċċjaw trasferiment fis-snin li ġejjin se tkun ugwalment importanti. Din tinkludi t-tqassim ta’ tagħrif lill-amministraturi u lil min jipprovdi l-appoġġ, it-taħriġ ta’ min iħarreġ, l-iżvilupp ta’ materjal edukattiv, settijiet ta’ għodda u ħafna attivitajiet relatati.

L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni ta’ l-1994[20]

Ø | Rakkomandazzjoni mhux implimentata | - | Ebda tagħrif |

+ | Rakkomandazzjoni implimentata dan l-aħħar | Ø ! | Rakkomandazzjoni implimentata u revokata |

[1] Il-Kummissjoni Ewropea (2005), Naħdmu flimien għat-tkabbir u l-impjiegi. Bidu ġdid għall-Istrateġija ta’ Liżbona, Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, COM(2005)24.

[2] Il-Kummissjoni Ewropea (2005), L-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Liżbona. Politika Moderna għall-SMEs għat-Tkabbir u l-Impjiegi, COM(2005)551.

[3] Estrapolazzjoni mir-rapport tal-proġett BEST dwar it-trasferiment ta' impriżi żgħar u medji, 2002.

[4] Institut für Mittelstandsforschung, Bonn, 2005.

[5] Vilain (2004), La transmission des PME artisanales, commerciales, industrielles et de services, avis et rapport du conseil économique et social.

[6] European Seminar on the Transfer of Businesses , Vjenna t-23 u l-24 ta' Settembru 2002, Rapport Finali.

[7] Mandl, (2004), Business transfer and successions in Austria, Proceedings of the 27th Institute for Small Business Affairs National Conference.

[8] Generationsskiften I företag – Problemanalys av vilka effekter förväntas av kommande generationsskiften företag, 2004.

[9] Passing the baton – encouraging successful business transfer – Evidence and key stakeholder opinion, 2004.

[10] Keese, D. (2002), Geschlechtsspezifische Nachfolgeprobleme in kleinen und mittleren Unternehmen, in: Wirtschaftspsychologie, vol. 4, pp. 34-38.

[11] Ir-rapport tal-proġett BEST dwar it-trasferiment ta' impriżi żgħar u medji, Mejju 2002.

[12] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trasferimenti tan-negozji. Azzjonijiet favur l-SMEs, ĠU C 204, 23.7.1994, pp. 1-23.

[13] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-trasferiment ta’ impriżi żgħar u medji, ĠU L 385, 31.12.1994, pp. 14-17.

[14] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trasferiment ta' impriżi żgħar u medji, ĠU C 93, 28.3.1998, pp. 2-21.

[15] Ir-rapport tal-proġett BEST dwar it-trasferiment ta' impriżi żgħar u medji, Mejju 2002.

[16] Kummissjoni Ewropea (2003), Rapport finali tal-proġett MAP 2002, Awwissu 2003.

[17] Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’attenzjoni minħabba li l-effikaċja tal-miżuri differenti ma tistax titqabbel.

[18] SEC (2001) 1681, Tassazzjoni tal-Kumpaniji fis-Suq Intern.

[19] Linja ta’ referenza tal-baġit ta' l-PE 02 02 03 03, proġett sperimentali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 49(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 25.6. 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, ĠU L 248, 16.9.2002, p.1.

[20] It-tabella turi f’liema oqsma ġew irrappurtati miżuri mill-Istati Membri iżda ma tirriflettix evalwazzjoni tal-miżuri.