52006DC0035




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 1.2.2006

KUMM(2006) 35 finali

WHITE PAPER

DWAR POLITIKA TA’ KOMUNIKAZZJONI EWROPEA(preżentata mill-Kummissjoni)

Id-dibattitu dwar l-Ewropa, bl-involviment tal-poplu

INTRODUZZJONI ‘INNAQSU D-DISTAKK’

Fl-aħħar għoxrin sena, fl-Unjoni Ewropea seħħet trasformazzjoni. Ħadet firxa wiesgħa ta’ ħidmiet li jolqtu l-ħajja taċ-ċittadini f’ħafna modi differenti. Iżda l-komunikazzjoni ta’ l-Ewropa maċ-ċittadini tagħha ma żammitx l-istess pass.

Kulħadd jirrikonoxxi li hemm distakk bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha. Fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika tal-Eurobarometer fl-aħħar snin, ħafna nies li ġew intervistati jgħidu li ftit jafu dwar l-Unjoni Ewropea u jaħsbu li ftit għandhom vuċi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-komunikazzjoni hija essenzjali biex ikun hemm demokrazija b’saħħitha. Hija triq b’żewġ direzzjonijiet. Id-demokrazija tista’ tiffjorixxi biss jekk iċ-ċittadini jafu x’qed jiġri, u jistgħu jieħdu sehem b’mod sħiħ.

Il-komunikazzjonijiet qatt ma tista tinqata minn dak li qed jiġi kkomunikat. Iċ-ċittadini jistennew li l-Ewropa toffrilhom prosperità, solidarjetà u sigurtà quddiem il-globalizzazzjoni. Huwa għalhekk essenzjali għal kull politika ta' komunikazzjoni li l-UE tħejji programm ta’ politika effettiva. Iżda li jsir dan mhux biżżejjed.

Is-sena li għaddiet il-Kummissjoni ħejjiet Pjan ta’ Azzjoni b’lista dettaljata ta’ miżuri speċifiċi li ser tadotta biex ittejjeb il-komunikazzjoni tagħha maċ-ċittadini[1]. Dawn jinkludu, per eżempju, it-tisħiħ tal-uffiċċji ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni, iktar koordinazzjoni u ppjanar interni, ħidma fuq il-lingwa u l-preżentazzjoni, iktar punti ta’ aċċess għaċ-ċittadini.

Il-Kummissjoni nediet ukoll ‘Pjan D bħal Demokrazija, Djalogu u Dibattitu’[2], li għandu l-għan li jinvolvi liċ-ċittadini f’diskussjoni wiesgħa dwar l-Unjoni Ewropea – għalfejn qiegħda hemm, fejn sejra u x'għandha tagħmel.

Iżda dawn l-inizjattivi mill-Kummissjoni Ewropa ser jirnexxu biss bil-parteċipazzjoni ta’ ħafna iktar forzi. Huwa essenzjali approċċ ta’ sħubija. Is-suċċess jiddependi fuq l-involviment ta’ l-atturi ewlenin kollha – l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra ta’ l-UE. l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri; il-partiti politiċi Ewropej; is-soċjetà ċivili.

L-għan ewlieni ta’ din il-White Paper huwa li tiġi proposta triq 'il quddiem u ssir stedina lil dawn l-atturi ewlenin kollha biex jikkontribwixxu ideat dwar kif l-aħjar jaħdmu flimkien biex dan id-distakk jonqos. Ir-riżultat ikun aġenda li tħares 'il quddiem għal komunikazzjoni aħjar u biex ittejjeb id-dibattitu pubbliku fl-Ewropa[3].

Din l-Aġenda għandha tmur lil hinn mill-għan tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni nfisha. Din tfittex li tinvolvi l-livelli kollha tal-gvern u organizzazzjonijiet ta’ l-Istati Membri u qed tħares fit-tul.

Il-White Paper tistieden diskussjoni vibranti u miftuħa. L-Ewwel Parti tfisser il-viżjoni tal-Kummissjoni dwar f’hiex għandha tikkonsisti politika ta’ komunikazzjoni ta’ l-UE. It-Tieni Parti tidentifika ż-żoni ewlenin għal konsultazzjoni u azzjoni fil-futur.

Kif ser taħdem il-konsultazzjoni? Fil-White Paper, iż-żoni fejn il-Kummissjoni qed tfittex ideat u qed toffri suġġerimenti huma identifikati f’kaxxi. Il-Parlament, il-Kunsill u l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra ta’ l-UE huma mistiedna li jwieġbu għal din il-White Paper permezz tal-kanali istituzzjonali normali. Iċ-ċittadini u l-partijiet interessati Ewropej huma mistiedna jirrispondu billi jidħlu f’websajt li nħolqot apposta http:/europa.eu.int/comm/communication_white_paper jew fl-indirizza postali White Paper Consultation - European Commission -Directorate General Communication - B-1049 Brussels - Belgium Il-Kummissjoni, bil-kooperazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet l-oħra ta’ l-UE, ser torganizza wkoll sensiela ta’ ‘laqgħat għall-partijiet interessati’ li għalihom ser jiġu mistiedna gruppi ta' interess speċifiku (NGOs, organizzazzjonijiet kummerċjali u partijiet oħra interessati). Sensiela speċjali ta’ stħarriġ tal-Eurobarometer ser titnieda fir-Rebbiegħa 2006 biex tinġabar l-aħjar data possibbli għall-analiżi. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni ser idum sitt xhur. Fi tmiem dan il-perjodu, il-Kummissjoni ser tiġbor fil-qosor ir-risposti u tfassal konklużjonijiet biex tipproponi pjani ta’ azzjoni għal kull qasam ta’ ħidma. |

- L-EWWEL PARTI

IL-KOMUNIKAZZJONI GħAS-SERVIZZ TAċ-ċITTADINI

1. IL-KOMUNIKAZZJONI BħALA POLITIKA FIHA NNIFISHA

Id-‘distakk fil-komunikazzjoni’ bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha mhijiex xi ħaġa ġdida. Ilha tkun diskussa fi ħdan l-UE mill-inqas mindu saru r-referenda ta’ qabel daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Maastricht fl-1992.

Fl-aħħar snin, l-istituzzjonijiet kollha ta’ l-UE taw importanza ġdida lill-ħidma dwar il-komunikazzjoni. Madankollu, hemm perċezzjoni ġenerali li jrid isir aktar. Il-Komunikazzjoni baqgħet wisq ‘Materja ta’ Brussell’. Iffokat l-aktar biex tinforma lin-nies x'tagħmel l-UE: kien hemm inqas attenzjoni biex jinstemgħu l-ideat tan-nies. Għalkemm il-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni saru prattika normali, dawn huma limitati għall-inizjattivi ta’ politika speċifiċi u ċ-ċittadini spiss għandhom l-impressjoni li l-kanali li permezz tagħhom jipparteċipaw fid-dibattitu, huma limitati jew inaċċessibbli. Il-komunikazzjoni istituzzjonali, għalkemm essenzjali u qed titjieb b'mod kostanti, ċertament ma kenitx biżżejjed biex jitnaqqas dan id-distakk.

Il-Kummissjoni Ewropea għalhekk qed tipproponi approċċ essenzjalment ġdid – li b’mod deċiż tħalli warajha komunikazzjoni f’direzzjoni waħda u tadotta djalogu rinforzat, minn komunikazzjoni ċċentrata madwar l-istituzzjoni għal waħda ċċentrata madwar iċ-ċittadini, minn komunikazzjoni bbażata fi Brussell għal waħda iktar deċentralizzata. Il-Komunikazzjoni għandha ssir politika ta’ l-UE fiha nnifisha, għas-servizz taċ-ċittadini. Għandha tkun ibbażata fuq djalogu ġenwin bejn il-poplu u min ifassal il-politika u fuq djalogu politiku vivaċi bejn iċ-ċittadini nfushom. Nies minn kull settur tal-ħajja għandhom ikollhom id-dritt għall-informazzjoni ġusta u sħiħa dwar l-Unjoni Ewropea, u jkunu fiduċjużi li l-veduti u t-tħassib tagħhom jinstemgħu mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u rapprezentanza taċ-ċittadini Ewropej għandhom rwol importanti, minħabba li l-appoġġ taċ-ċittadini għall-proġett Ewropew huwa materja ta' interess komuni.

2. IKTAR DIBATTITU U DJALOGU – SFERA PUBBLIKA EWROPEA

Fl-Ewropa tal-lum, iċ-ċittadini jeżerċitaw id-drittijiet politiċi tagħhom l-aktar fuq livell nazzjonali u lokali. Ġew introdotti d-drittijiet politiċi marbuta mad-dimensjoni Ewropea, bħad-dritt ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Madankollu, il-pubbliku jiġi nfurmat bil-politika u l-kwistjonijiet politiċi l-aktar permezz tas-sistemi edukattivi nazzjonali tiegħu u permezz tal-medja nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-pubbliku jikkunsidra l-manifesti tal-partiti politiċi dwar kwistjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u jiddiskutu dawn il-kwistjonijiet l-aktar fi ħdan il-komunitajiet tagħhom stess.

Fil-qosor, l-‘isfera pubblika’ li fiha tiżvolġi l-ħajja politika fl-Ewropla hija fil-parti l-kbira sfera nazzjonali. Biex il-kwistjonijiet Ewropej jidhru fuq l-aġenda, iċ-ċittadini jarawhom minn perspettiva nazzjonali. Il-medja tibqa’ essenzjalment nazzjonali, l-aktar minħabba l-barrieri tal-lingwa; ftit hemm postijiet fejn l-Ewropej minn Stati Membri differenti jistgħu jsiru jafu aktar dwar xulxin u jindirizzaw kwistjonijiet ta' interess komuni

Madankollu ħafna mid-deċiżjonijiet politiċi li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tan-nies fl-UE jittieħdu f'livell ta’ l-UE. In-nies iħossuhom 'il bogħod minn dawn id-deċiżjonijiet, mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u mill-istituzzjonijiet Ewropej. Hemm sens ta’ aljenazzjoni minn ‘Brussell’, li sa ċertu punt tirrifletti d-diżillużjoni mill-politika in ġenerali. Raġuni għal dan huwa l-iżvilupp mhux adegwat ta’ ‘Sfera pubblika Ewropea’ fejn jista’ jseħħ dibattitu Ewropew. Minkejja li jeżerċitaw id-dritt li jeleġġu l-membri tal-Parlament Ewropew, iċ-ċittadini spiss iħossu li ftit għandhom l-opportunità biex isemmgħu leħinhom fuq il-kwistjonijiet Ewropej, u m’hemm ebda forum minn fejn jistgħu jiddiskutu dawn il-kwistjonijiet flimkien. Kultura politika pan Ewropea – bi gruppi politiċi u fondazzjonijiet pan Ewropej – għadha qed tiżviluppa.

L-Ewropa għandha bżonn issib postha fl-‘isferi pubbliċi’ nazzjonali, reġjonali u lokali eżistenti u d-diskussjoni pubblika bejn l-Istati Membri jeħtieġ tissaħħaħ. Din hija l-ewwel u l-aktar responsabbiltà ewlenijia ta’ l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri. Hija r-responsabbiltà tal-gvern, f’livell nazzjonali, reġjonali u lokali, li jikkonsulta u jinforma ċ-ċittadini dwar il-politika pubblika – inkluża l-politika Ewropea u l-impatt tagħha fuq il-ħajja ta' kuljum tan-nies – u li jagħmel laqgħat biex jagħti l-ħajja lil dan id-dibattitu.

Hemm ukoll interess reali biex tinbena dimensjoni Ewropea fid-dibattitu nazzjonali. Iċ-ċittadini jindunaw li hemm xi ħaġa nieqsa fid-dibattitu nazzjonali li tinjora l-aspetti tal-politika pubblika li huma ta' rilevanza diretta għalihom. Pjuttost milli tkun f’kompetizzjoni, l-għarfien iktar qawwi tad-dimensjoni Ewropea fi skambju politiku nazzjonali jista’ biss iżid fil-kredibbiltà tiegħu.

Huwa għalhekk li l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw il-post ta' l-Ewropa fl-isfera pubblika.

IT-TIENI PARTI

IT-TMEXXIJA ' L-QUDDIEM TAX-XOGħOL

Aġenda għall-azzjoni

Il-Kummissjoni identifikat ħames oqsma ta’ azzjoni bi sħubija ma' istituzzjonijiet oħra ta’ l-UE, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili. Din il-lista ta’ klassifikazzjoni mhijiex minquxa fil-ġebel: ser tikber hekk kif is-soċjetà tevolvi u t-teknoloġiji jinbidlu.

Il-ħames oqsma huma akkumpanjati minn punti possibbli ta’ azzjoni biex jiġu diskussi fil-proċess ta' konsultazzjoni.

1. ID-DEFINIZZJONI TAL-PRINċIPJI KOMUNI |

Id- dritt għall-informazzjoni u l-libertà ta’ l-espressjoni huma fil-qalba tad-demokrazija fl-Ewropa. Referenzi għal dawn il-prinċipji huma inklużi fit-Trattat ta’ l-UE fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali[4]. Dawn għandhom ikunu l-punt tat-tluq fi proċess li għandu l-għan li jiddefinixxi prinċipji komuni u viżjoni komuni ta’ Politika UE ta’ Komunikazzjoni.

Prinċipji oħra importanti huma wkoll fil-qalba tal-komunikazzjoni:

- L-inklużività. Iċ-ċittadini kollha għandhom ikollhom aċċess fil-lingwa tagħhom għall-informazzjoni dwar materji ta’ interess pubbliku. Dan ifisser li l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ kanali, fosthom il-mass media u t-teknoloġiji ġodda bħall-Internet. Dan ifisser ukoll li l-pubbliku minn kull settur tal-ħajja fil-pajjiżi kollha ta’ l-UE għandu jiġi mgħejjun biex jiżviluppa l-ħiliet li għandu bżonn biex ikollu aċess għal dik l-informazzjoni u jużaha. Dan huwa importanti b’mod partikolari fil-każ ta’ minoranzi, ċittadini b’diżabilità u gruppi oħra li jistgħu jiġu esklużi b'mod sistematiku mill-parteċipazzjoni fl-isfera pubblika.

- Id-Diversità. Iċ-ċittadini Ewropej ġejjin minn sfond soċjali u kulturali differenti ħafna minn xulxin u għandhom opinjonijiet politiċi diversi. Il-politika ta’ komunikazzjoni ta’ l-UE għandha tirrispetta l-firxa sħiħa ta’ veduti fid-dibattitu pubbliku.

- Il-Parteċipazzjoni. Iċ-ċittadini għandhom ikollhom dritt jesprimu l-ideat tagħhom, li jinstemgħu u jkollhom l-opportunità ta' djalogu ma' min jieħu d-deċiżjonijiet. Fil-livell UE, fejn hemm ir-riskju miżjud li l-istituzzjonijiet huma 'l bogħod miċ-ċittadini, dan il-prinċipju huwa ta’ importanza partikolari.

Id-definizzjoni tal-prinċipji komuni: lejn liema triq 'il quddiem?

Il-prinċipji u n-normi komuni li għandhom jiggwidaw l-attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni dwar kwistjonijiet Ewropej għandhom ikunu elenkati fid-dokument qafas – per eżempju l- Karta Ewropea jew Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-Komunikazzjoni . L-għan huwa l-parteċipazzjoni ta’ l-atturi kollha (l-istituzzjonijiet ta’ l-UE, gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, organizzazzjonijiet mhux governattivi) f’impenn komuni f’rispett ta’ dawn il-prinċipji u biex jiġi assigurat li l-politika ta’ komunikazzjoni ta’ l-UE tkun fl-interess taċ-ċittadini. Dan l-impenn għandu jsir fuq bażi volontarja.

Il-Kummissjoni ser tniedi forum speċjali għaċ-ċittadini fuq l-Internet biex tiġbor ideat dwar il-ħtieġa, l-għan u l-kontenut ta’ dokument qafas bħal dan. Dan ikun għall-perjodu ta’ sitt xhur u jkollu segwitu b’laqgħat mal-partijiet interessati. Ser jiġu wkoll organizzati diskussjonijiet pubbliċi, u l-Istati Membri ta’ l-UE ser jiġu mistiedna biex jippromwovu diskussjonijiet u konsultazzjonijiet nazzjonali. Il-websajt ser tiġi aġġornata b’mod regolari biex tirrapporta dak li qed jiġri fuq livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali.

Fi tmiem il-perjodu ta’ konsultazzjoni, il-Kummissjoni ser tippreżenta r-riżultati tal-konsultazzjoni u wara tikkonsidra jekk għandhiex tipproponi, Karta, Kodiċi ta’ Kondotta jew xi strument ieħor.

2. L-GħOTI TAL-POTER LIċ-ċITTADINI

Kull politika ta’ komunikazzjoni ta’ suċċess ta’ l-UE għandha tiffoka fuq il-bżonnijiet taċ-ċittadini. Għandha għalhekk tiffoka fuq l-għoti ta’ l-għodod u l-faċilitajiet – fora għad-dibattitu u kanali ta’ komunikazzjoni pubblika – li jagħtu lill-poplu l-akbar aċċess possibbli għall-informazzjoni u l-opportunità li jsemmgħu leħinhom.

Il-ħidma fil-ġejjieni f’dan il-qasam tista' timmira għal tliet għanijiet ewlenin :

- Titjib fl-edukazzjoni ċivika. L-edukazzjoni ċivika – li hija r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri – hija kruċjali biex il-poplu jkun jista’ jeżerċita d-drittijiet politiċi u ċiviċi tiegħu u jsir attiv fl-isfera pubblika. L-edukazzjoni ċivika m’għandhiex tkun limitata biss biex jiġu mgħallma it-tfal ta’ l-iskola dwar l-istituzzjonijiet u l-politika ta’ l-UE. Għandha tgħin nies ta’ kull età biex jużaw l-għodda bħall-Internet biex ikollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-politika pubblika u jieħdu sehem f’dibattiti. Dan huwa importanti b’mod partikolari fil-każ ta’ minoranzi, ċittadini b’diżabilità u gruppi oħra li jistgħu jiġu esklużi mill-parteċipazzjoni fl-isfera pubblika.Programmi ta’ l-UE jistgħu jservu ta’ appoġġ dirett fit-trawwim tad-dimensjoni Ewropea. Programmi bħal Leonardo da Vinci, Socrates, Erasmus, Youth in Action, eċċ. jagħtu opportunitajiet edukattivi u ta’ taħriġ għal eluf ta' studenti u żgħażagħ madwar l-Ewropa. Programmi ta' teknoloġija ta’ l-informatika jfittxu li jnaqqsu l-firda diġitali u jindirizzaw l-esklużjoni.

- Inġibu ċ-ċittadini qrib xulxin. Fora ġodda għad-diskussjoni pubblika dwar kwistjonijiet Ewropej huma essenzjali biex jinbnew fiduċja, rispett u ħeġġa reċiproka biex naħdmu flimkien lejn l-għanijiet komuni. Filwaqt li t-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni huma bla dubju importanti, laqgħat wiċċ imb’wiċċ jibqgħu kruċjali. Inizjattivi eżistenti bħal Pjan D, Youth in Action u Culture urew kif l-UE tista’ tgħin biex trawwem postijiet ġodda ta' laqgħat għad-dibattitu ċiviku.

- L-adozzjoni tal-programm propost Citizens for Europe jista' joffri opportunità ġdida biex iċ-ċittadini jinġabu aktar qrib xulxin u jingħataw iktar vuċi fit-tmexxija Ewropea. Il-programm għandu wkoll l-għan li jgħin l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili madwar l-Ewropa biex jorganizzaw proġetti transnazzjonali li jippromwovu l-kunċett ta’ ċittadini attivi u jsiru dibattiti pubbliċi dwar l-Ewropa.Jista’ jsir iktar ukoll biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-bosta programmi ta’ l-UE li jeżistu diġà u huma ppjanati biex iċ-ċittadini Ewropej jinġabu qrib xulxin u jiġu mobilizzati. Il-Kummissjoni tista’ tifli l-iskemi eżistenti biex tidentifika u xxerred l-aħjar prattiċi. Wieħed jista’ jitgħallem ħafna, per eżempju, mill-esperjenza ta’ suċċess ta’ l-istudenti ta’ l-Erasmus. Matul is-snin, huma żviluppaw b’mod spontanju netwerk li jgħaqqad 150 000 student mill-Istati Membri. Il-websajts tagħhom iservu ta’ ċentru biex jiġu organizzati attivitajiet, laqgħat wiċċ imb’wiċċ u dibattiti fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet Ewropej.

- Inressqu ċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet pubbliċi qrib xulxin. Komunikazzjoni tajba fiż-żewġ direzzjonijiet bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet pubbliċi hija essenzjali f’demokrazija b’saħħitha. L-isforzi attwali biex l-istituzzjonijiet ta’ l-UE jkunu aktar reattivi, miftuħa u aċċessibbli jeħtieġ li jkomplu jissaħħu. Iżda din hija wkoll kwistjoni għall-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali. It-tqarrib tad-distakk bejn l-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha jfisser il-ħolqien u ż-żamma ta’ rabtiet bejn iċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi mill-livell lokali sa dak Ewropew.L-istituzzjonijiet ta' l-UE qed jagħmlu passi importanti 'l quddiem f’dan ir-rigward. Il-Parlament Ewropew ħeġġeġ it-trasparenza u l-Kunsill Ewropew ta’ Seville qabel li l-Kunsill għandu jiltaqa’ fil-pubbliku meta jimplimenta l-liġijiet ta’ l-UE flimkien mal-Parlament Ewropew. Il-Pjan ta’ Azzjoni 2005 tal-Kummissjoni Nikkomunikaw fl-Ewropa [5] jenfasizza l-importanza li wieħed jisma' liċ-ċittadini u jelenka dak li l-Kummissjoni nnifisha beħsiebha tagħmel biex ‘tirranġa l-affarijiet tagħha’ f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni diġà għamlet passi ta’ ġgant fil-mod kif tagħmel konsultazzjoni dwar inizjattivi politiċi ewlenin u ġew introdotti standards minimi għall-konsultazzjoni . Introduċiet ukoll l-Inizjattiva tagħha Ewropea dwar it-Trasparenza[6]. Barra minn hekk, qed tingħata iktar attenzjoni biex jiġi implimentat id-dritt taċ-ċittadini li jikkomunikaw ma’ l-istituzzjonijiet fil-lingwa tagħhom stess. Il-Multilingwiżmu huwa parti intergrali mill-leġittimità, it-trasparenza u d-demokrazija tal-proġett Ewropew.

Kif jiġi milħuq iċ-ċittadin? L-edukazzjoni ċivika hija responsabbiltà nazzjonali jew reġjonali. Madankollu, l-UE tista’ tgħin billi tassigura l-bdil ta’ l-aħjar prattiċi u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ‘għodod’ edukattivi komuni biex id-dimensjoni Ewropea tirrifletti ruħha b'mod aktar effettiv. L-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna jesploraw l-aħjar metodi biex jinġabu flimkien għalliema Ewropej f’dan il-qasam, per eżempju permezz ta’ netwerk, programm speċjali biex ikun hemm bdil ta’ ideat dwar strateġiji innovattivi dwar l-edukazzjoni ċivika u t-tagħlim ta’ ħiliet ġodda. Proġett ieħor importanti li jista’ jiġi żviluppat mill-Istati Membri għandu jkun li l-libreriji jinbidlu f’libreriji Ewropej magħquda bejn xulxin b’mod diġitali li jistgħu jaħdmu bħala ċentri ta’ informazzjoni u tagħlim, billi jassiguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess liberu għat-teknoloġiji ta' l-informatika u l-informazzjoni rilevanti. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw fi sforz komuni biex jistabbilixxu postijiet ġodda fejn jiltaqgħu l-Ewropej, miftuħa għaċ-ċittadini tal-ġenerazzjonijiet u l-isfondi soċjali kollha, biex isiru avveniment kulturali u politiċi dwar l-Ewropa. L-Istituzzjonijiet u l-korpi ta’ l-UE jistgħu jaħdmu flimkien biex jikkoordinaw, itejbu u jestendu l-programmi tagħhom tal-viżitaturi. L-istituzzjonijiet ta’ l-UE għandhom jesploraw il-possibbiltà li jikkomplementaw il-websajts ta’ l-UE b’fora online - ‘postijiet ta’ laqgħat virtwali’ – b’rabtiet ma’ sorsi esterni ta’ l-informazzjoni. L-istituzzjonijiet ta’ l-UE għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex iressqu liċ-ċittadini aktar lejn xulxin. L-istandards minimi dwar konsultazzjoni tal-Kummissjoni jistgħu jiġu aġġornati biex tiġi assigurata rappresentazzjoni iktar bilanċjata ta’ gruppi ta’ interess u segwitu aktar reattiv. It-tliet istituzzjonijiet ewlenin jistgħu jikkunsidraw ukoll l-organizzazzjoni bejniethom ta' dibattiti miftuħa li jikkomplementaw id-dibattiti Parlamentari, b’mistoqsijiet mill-pubbliku jew mill-ġurnalisti. |

- 3. ĦIDMA MAL-MEDJA U TEKNOLOġIJI ġODDA

Il-medja hija attur ewlieni f’kull politika Ewropea dwar il-komunikazzjoni.

Fl-aħħar snin, l-istituzzjonijiet Ewropej kollha għamlu sforzi kbar biex itejbu l-mod kif jinteraġixxu mal-medja. B’iktar minn elf ġurnalist akkreditat fi Brussell, jeħtieġ ikun hemm sforz ġdid biex jiġi assigurat li l-istampa tkun infurmata bid-deċiżjonijiet importanti f’ħin reali. Europe by Satellite tipprovdi filmati, awdjo u ritratti lill-medja f’isem it-tliet istituzzjonijiet ewlenin ta’ l-UE, u l-Parlament Ewropew qed jippjana li jinfetaħ għall-pubbliku permezz tal-web TV. Europa li hija l-akbar websajt fid-dinja.

Madankollu, minkejja dawn l-isforzi, u l-kompetenza professjonali tal-korrispondenti fi Brussell, ir- rappurtaġġ tal-medja dwar kwistjonijiet Ewropej tibqa’ limitata u frammentata. Avvenimenti regolari kbar bħall-laqgħat tal-Kunsill Ewropew jiġbdu l-attenzjoni tal-ġurnali nazzjonali, iżda fil-perjodi bejniethom m’hemm ebda rapurtaġġ tal-kwistjonijiet ta’ l-UE. Il-ġurnali reġjonali u lokali jilħqu għadd kbir ta’ nies iżda ġeneralment ftit jagħtu spazju lill-kwistjonijiet Ewropej. Hekk kif it-televiżjoni u r-radju bidlu x-xejriet ta’ programmazzjoni tagħhom, il-ħin dedikat għall-informazzjoni politika u għall-kwistjonijiet Ewropej huwa iktar limitat u żdiedet il-kompetizzjoni għall-‘ispazju televiżiv’.

Ir-rivoluzzjoni fl-informatika żiedet l-aċċessibbiltà għall-informazzjoni u fetħet id-dinja għall-medja ‘interattiva’. Għadd bla preċedent ta’ nies issa jistgħu jkollhom kuntatti b’mod aktar faċli ma’ xulxin u jieħdu sehem fin-netwerks kollha. Madankollu għad fadal ħafna xogħol biex jiġi sfruttat bl-aħjar mod il-potenzjal tat-teknoloġija ta’ l-informatika biex jonqos id-distakk fl-informatika.

L-azzjoni għandha tiffoka fuq il-miri li ġejjin:

- Wiċċ uman għall-Ewropa. L-Unjoni Ewropea spiss titqies bħala ‘bla wiċċ’: m’għandha l-ebda identità pubblika ċara. Iċ-ċittadini għandhom bżonn l-għajnuna biex ikollhom kuntatti ma’ l-Ewropa, u l-informazzjoni politika għandha impatt akbar meta tingħata f’kuntest ta’ ‘interess uman’ li tippermetti liċ-ċittadini jifhmu għaliex hija rilevanti għalihom personalment. L-istituzzjonijiet ta’l-UE u l-livelli kollha tal-gvern jistgħu jagħmlu aktar biex ‘jagħtu wiċċ uman’ lill-informazzjoni li jagħtu.

- Id-dimensjoni nazzjonali, reġjonali u lokali. Iċ-ċittadini Ewropej għandhom bżonn ta’ aċċess għall-informazzjoni komuni kontinwa jekk iridu jaraw id-dimensjoni Ewropea tal-kwistjonijiet komuni. Huwa hawn li l-medja pan Ewropea u l-istampa speċjalizzata għandhom rwol importanti. Iżda jeħtieġ li l-kwistjonijiet Ewropej ukoll jiġu diskussi fil-kuntest nazzjonali u lokali. Parti minn dan joħroġ naturalment minn impenn akbar min-naħa tal-politiċi nazzjonali u lokali u mill-istituzzjonijiet; iżda hemm bżonn ukoll involviment proattiv fl-istituzzjonijiet ta’ l-UE, mhux l-anqas biex il-politika Ewropea titqiegħed f’kuntest lokali.

- L-isfruttar tal-potenzjal tat-teknoloġiji ġodda. It-teknoloġiji diġitali bħall-Internet jistgħu joffru kanali ġodda ta’ komunikazzjoni dwar il-kwistjonijiet Ewropej, fora ġodda għad-dibattitu ċiviku u għodda ġdida għad-demokrazija bejn il-fruntieri. Madankollu, hemm bżonn tmexxija politika jekk l-Ewropa trid tisfrutta bl-aqwa mod il-potenzjal ta’ l-Internet u tassigura li ma toħloqx diviżjonijiet ġodda fis-soċjetà. L- i2010 Initiative diġà tfittex li tnaqqas id-distakk bejn ‘dak li għandha u m’għandiex’ is-soċjetà ta' l-informatika – billi tindirizza kwistjonijiet bħall-opportunitajiet indaqs, ħiliet fl-ICT u l-ugwaljanzi bejn ir-reġjuni ta’ l-Ewropa f’termini ta’ aċċess għall-Internet.

Kif tiġi involuta l-medja b’mod aktar effettiv fil-komunikazzjoni dwar l-Ewropa? Politika Ewropea ta’ Komunikazzjoni għandha tinkoraġġixxi l-korpi pubbliċi fuq livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali biex: tissupplixxi l-medja b’aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti ta’ livell għoli; taħdem iktar fil-qrib max-xandara u l-operaturi tal-medja; tistabbilixxi rabtiet ġodda mas-sistemi reġjonali u lokali ta’ komunikazzjoni; tuża b’mod pro-attiv it-teknoloġiji ġodda. L-istituzzjonijiet ta’ l-UE għandhom ikunu attrezzati aħjar b’għodda u kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni. Żewg ideat possibbli li jistgħu jgħinu f’din il-ħidma jistgħu jkunu: l-aġġornament tal-Europe by Satellite, b’enfasi fuq il-produzzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv ta’ kwalità għolja li huwa faċli biex tużah għall-medja u li jkun rilevanti għaċ-ċittadini, u l-esplorar tal-ħtieġa li jkun hemm servizz inter-istituzzjonali li jopera bi standards professjonali. Programm Ewropew għat-Taħriġ u Komunikazzjoni Pubblika, li permezz tiegħu uffiċjali mill-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali jistgħu jirċievu taħriġ fil-komunikazzjoni u t-teknoloġiji tal-medja. L-istituzzjonijiet ta’ l-UE għandhom jesploraw ma’ firxa wiesgħa ta’ atturi fil-medja kif il-medja (pan Ewropea, nazzjonali u lokali) jkollha materjal rilevanti għaliha biex tadatta l-informazzjoni għall-ħtiġijiet ta' pajjiżi differenti u partijiet mill-popolazzjoni. Flimkien ma inizjattivi li diġà jeżistu biex tonqos il-firda diġitali, Round Table Ewropea għad-Demokrazija, kif suġġerit fi ‘Pjan D’, tista’ tintalab biex tħejji abbozz ta’ rapport dwar it-Teknoloġiji Informatiċi u d-demokrazija fl-Ewropa. |

- 4. NIFHMU AħJAR L-OPINJONI PUBBLIKA EWROPEA

Fis-soċjetajiet demokratiċi moderni, min iħejji l-politika jagħti ħafna attenzjoni lill-analizzar ta’ l-opinjoni pubblika, bl-użu ta’ għodda bħal stħarrig ta’ l-opinjoni pubblika u monitoraġġ tal-medja. L-importanza ta’ dawn l-għodda kibret flimkien ma' tendenza għaċ-ċittadini li jirtiraw mill-politika tradizzjonali (is-sħubija f'partiti politiċi, l-ivvutar fl-elezzjonijiet, eċċ.).

L-opinjoni pubblika Ewropea hija kumplessa u diversa u tirrifletti l-perspettivi nazzjonali differenti. Li wieħed jifhimha għalhekk hija ta' sfida partikolari.

Il-Kummissjoni Ewropea dejjem kienet minn ta’ quddiem nett biex tiżvilupp għodda moderna – bħall-istħarriġ tal-Eurobarometer – biex issir l-analiżi ta' l-opinjoni pubblika Ewropea:

- Il-Eurobarometer kiber f’ database Ewropea ewlenija li regolarment tosserva l-opinjoni pubblika fl-Istati Membri ta’ l-UE kollha u fil-pajjiżi kandidati, billi jsiru intervisti lill-eluf ta’ nies kull darba. L-istħarriġ kollu jgħaddi minn skrutinju indipendenti u jsir disponibbli lill-pubbliku in ġenerali u lir-riċerkaturi akkademiċi.

- Ir-riċerka soċjali indipendenti fuq il-kwistjonijiet Ewropej, appoġġjata minn fondi ta’ riċerka ta’ l-UE, iffjorixxiet; kien hemm iktar minn 350 proġett multi-nazzjonali mill-1994 'l hawn. Ipprovdiet tagħrif siewi fuq is-suċċessi u n-nuqqasijiet ta’ l-interazzjoni bejn min jagħmel il-politika Ewropea u ċ-ċittadini, ibbażat fuq l-għodda indipendenti għall-analiżi.

- Sar sforz kostanti biex titjieb il-kwalità u l-importanza tal-Eurobarometer. Bħalissa qed issir evalwazzjoni mill-ġdid tal-metodoloġija biex tirrispondi għall-bżonn urġenti li x-xejriet ta’ l-opinjoni pubblika Ewropea jinftehmu f’kuntest iktar fond u wiesa’.

X’jista’ jsir aktar biex titkejjel l-opinjoni pubblika Ewropea? L-istituzzjonijiet ta’ l-UE jistgħu jaħdmu iktar flimkien dwar it-tfassil u l-ippjanar ta’ l-istħarrig tal-Eurobarometer u t-tixrid tar-riżultati. Id-diskussjonijiet pubbliċi bejn l-istituzzjonijiet ta’ l-UE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jiġu inklużi ma' kull stħarriġ ġdid tal-Eurobarometer. L-ewwel pass jista’ jseħħ b’sensiela speċjali ta’ l-istħarriġ tal-Eurobarometer u studji kwalitattivi dwar il-Komunikazzjoni fl-UE fir-Rebbiegħa 2006. Biex ix-xejriet ta' l-opinjoni pubblika jiġu antiċipati u miftehma aħjar fir-rigward tal-kwistjonijiet ta' importanza kruċjali għall-futur ta' l-Ewropa, jistgħu jiġu esplorati toroq ġodda ta' kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri. Żewġ ideat possibbli huma: Netwerk ġdida ta’ esperti nazzjonali fir-riċerka ta’ l-opinjoni pubblika, biex jgħinu fl-iskambju ta’ l-aħjar prattiċi u jiġu żviluplpati sinerġiji bejn ir-riċerkaturi fil-livelli kollha. L-istituzzjonijiet ta’ l-UE u l-Istati Membri jistgħu jiġbru flimkien ir-riżorsi disponibbli biex jitwaqqaf Osservatorju ta’ l-Opinjoni Pubblika Ewropea li jidentifika u jipprovdi analiżi fil-fond tax-xejriet ta’ l-opinjoni pubblika. |

5. ĦIDMA FLIMKIEN |

- “Sfera pubblika” Ewropea ta’ ħidma ma tistax titfassal fi Brussell. Tista' sseħħ biss jekk dan l-għan ikollu l-appoġġ ta’ l-atturi ewlenin kollha u tinġab 'il quddiem f’kull livell. Il-livell nazzjonali jibqa’ l-parteċipazzjoni ewlenija f’kull dibattitu politiku, u l-gvernijiet ta’ l-Istati Membri u l-atturi l-oħra nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà li jużaw il-kanali nazzjonali biex jassiguraw dibattitu qawwi Ewropew.

Strateġija ta’ sħubija għandha tinvolvi l-atturi ewlenin kollha:

- L- Istati Membri għandhom impenn li ilu ħafna żmien biex jikkooperaw ma’ l-istituzzjonijiet Ewropej biex jinfurmaw lin-nies dwar l-Ewropa u joħolqu kuntatti nazzjonali ma’ Brussell. Xi Stati Membri individwali ilhom jinkoraġġixxu b'mod attiv dibattitu pubbliku – dwar il-Kostituzzjoni proposta ta’ l-UE, per eżempju – iżda jista’ jsir ħafna iktar[7].

- Jista’ jsir iktar biex jiġi assigurat li l- istituzzjonijiet ta’ l-UE jaħdmu flimkien biex itejbu l-komunikazzjoni. L-istituzzjonijiet u l-korpi ta’ l-UE li jieħdu sehem fil-Grupp Inter-istituzzjonali dwar l-Informazzjoni għandhom jgħinu fid-deċentralizzazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ l-UE – ‘b’ħidma lokali’ – u jinkoraġġixxu l-Istati Membri jkunu aktar attivi meta jinfurmaw liċ-ċittadini dwar il-kwistjonijiet ta’ l-UE.

- Ħafna mill-politika u l-programmi Ewropej jiġu implimentati f’ livelli reġjonali u lokali . Għalhekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu f’qagħda tajba biex jagħmlu djalogu maċ-ċittadini u biex jinvolvu b’mod attiv il-komunitajiet lokali dwar il-kwistjonijiet ta’ l-UE. Diġà hemm eżempji li rnexxew ta’ sħubija fix-xogħol. Per eżempju, il-Kummissjoni u l-Eżekuttiv Skoċċiż qed jaħdmu fuq proġett konkret biex ‘id-deċiżjonijiet jkunu aktar qrib il-poplu’ permezz ta’ inizjattiva fuq żewġ direzzjonijiet bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet.

- Il- Partiti politiċi huma importanti fil-formazzjoni ta’ l-opinjoni pubblika dwar il-kwistjonijiet Ewropej u huma wkoll għandhom rwol ewlieni biex jistimulaw id-dibattitu u biex jikkontribwixxu fl-isfera pubblika Ewropea.

- L- organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili , inklużi l-organizzazzjonijiet professjonali u settorjali, għandhom ukoll rwol importanti ħafna biex iqajmu l-kuxjenza pubblika dwar il-kwistjonijiet Ewropej u d-dibattiti politiċi, u biex jinkoraġġixxu lin-nies jieħdu sehem attiv f’dawn id-dibattiti.

Kif ser taħdem is-sħubija? Il-Kooperazzjoni bejn il-livelli nazzjonali u Ewropej tista' tinkludi inizjattivi ġodda meħuda f'livell nazzjonali: diskussjoni pubblika u parlamentari dwar il-prijoritajiet annwali strateġiċi tal-Kummissjoni; diskussjonijiet wiċċ imb’wiċċ bejn il-ministri nazzjonali u l-Kummissarji Ewropej, imxandra fil-medja nazzjonali, eċċ. Jista’ jkun hemm enfasi partikolari fuq l-oqsma li fihom l-UE u l-Istati Membri diġà jaġixxu flimkien. Il-mezzi ta’ kooperazzjoni jistgħu jkunu finanzjarji, bħas-shubija maniġerjali bħal dik iffirmata bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi, jew jistgħu jkunu operazzjonali – bil-kooperazzjoni tan-Netwerks u r-Relays bħal m'huma n-netwerk ġdid Europe Direct. Għandhom jinbdew forom ġodda u strutturati ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali dwar il-komunikazzjoni pubblika biex jinqasmu esperjenzi dwar il-komunikazzjoni fl-Ewropa u biex jiġu żviluppati inizjattivi konġunti. Metodi ġodda ta’ kooperazzjoni akbar huma partikolarment importanti fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni. Il-komunikazzjoni dwar ir-rwol ta’ l-UE fid-dinja huwa mezz effettiv kif jiġu involuti ċ-ċittadini Ewropej kif ukoll biex jitjieb l-appoġġ u li wieħed jifhem l-UE fil-bqija tad-dinja. Jistgħu jiġu esplorati bosta fatturi għal iktar kooperazzjoni, inkluż l-isforzi biex jissaħħu l-kapaċitajiet tad-diplomazija pubblika. L-Istituzzjonijiet ta’ l-UE għandhom ikomplu bi strateġija iktar koordinata u orjentata lejn iċ-ċittadini. B’mod partikolari, l-iskop tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew jista’ jitwessa’ u l-arranġamenti ta’ ħidma attwali fil-Grupp Interistituzzjonali dwar l-Informazzjoni (IGI) jistgħu jiġu aġġornati. Dan jinkludi aġġornament ta’ l-inizjattivi attwali skond il-linji tal-Baġit PRINCE[8]. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni diġà jinkoraġġixxu diskussjoni reġjonali u lokali dwar il-kwistjonijiet Ewropej, bl-involviment tas-soċjetà ċivili. Il-protokolli ta’ kooperazzjoni adottati dan l-aħħar bejn il-Kummissjoni u dawn il-kumitati jwittu t-triq biex ikun hemm sforzi konġunti akbar f'dan il-qasam. Il-Partiti politiċi jistgħu jinvolvu aktar lill-membri tagħhom fi kwistjonijiet politiċi Ewropej u biex jikkontribwixxu għad-dibattitu permezz ta’ gruppi ta’ diskussjoni trans nazzjonali Ewropej. Għandhom jiġu mħajra jiżviluppaw komponenti Ewropej fi ħdan il-programmi tagħhom. Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti fid-dibattitu Ewropew. Ir-rwol tagħhom jista’ jissaħħaħ permezz ta’ proġetti speċifiċi ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-komunikazzjoni pubblika. |

- 6. KONKLUżJONI

L-Unjoni Ewropea hija proġett komuni bejn il-livelli kollha tal-gvern, it-tipi kollha ta’ organizzazzjonijiet u nies minn kull livell tal-ħajja. Iċ-ċittadini għandhom dritt għall-informazzjoni dwar l-Ewropa u l-proġetti konkreti tagħha, id-dritt li jesprimu l-ideat tagħhom dwar l-Ewropa u li jinstemgħu. Din hija sfida għall-komunikazzjoni – li jiġu faċilitati l-iskambju, il-proċess tat-tagħlim, id-djalogu.

Biex l-Ewropa tilqa’ għal din l-isfida, l-atturi kollha involuti jeħtieġ li jkollhom sett miftiehem ta’ għanijiet u miżuri miġbura ‘f’pakkett ta’ għodod’ bejniethom. Dan ifisser ħidma flimkien f’modi innovattivi.

Din il-White Paper tiġbor l-isfidi u tidentifika kif jistgħu jiġu megħluba. Issa qed inħarsu lejn l-ideat ta' l-istituzzjonijiet Ewropej, ta' l-Istati Membri, il-gvernijiet lokali u reġjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, partijiet interessati u ċ-ċittadini ta’ l-Ewropa dwar kuntatt u komunikazzjoni aħjar.

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1. L-ISEM TAL-PROPOSTA:

WHITE PAPER DWAR “POLITIKA TA’ KOMUNIKAZZJONI EWROPEA”

2. QAFAS ABM/ABB (ĠESTJONI/STABBILIMENT TAL-BAĠIT SKOND L-ATTIVITAJIET)

Il-qasam ta’ politika kkonċernat:

16 - STAMPA U KOMUNIKAZZJONI

Attivitajiet assoċjati:

16.03 – Analiżi ta' l-opinjoni pubblika u l-iżvilupp ta' materjal ta' informazzjoni ġenerali għaċ-ċittadini.

16.04 – Ġestjoni integrata tal-mezzi ta’ komunikazzjoni

3. LINJI TAL-BAĠIT

3.1. Linji tal-baġit (linji ta' tħaddim u linji ta’ assistenza teknika u amministrattiva relatati (ex-linji BA)) li jinkludu l-intestaturi :

16 03 01 – Analiżi ta’ l-opinjoni pubblika u azzjonijiet ta’ prossimità

16 03 02 – Azzjonijiet ta’ komunikazzjoni

16 04 03 – Għodod ta’ komunkazzjoni

3.2. Dewmien ta’ l-azzjonijiet u ta’ l-impatt finanzjarju:

Il-pubblikazzjoni tal- White Paper dwar politika ta’ komunikazzjoni Ewropea għandha tvara proċess ta’ konsultazzjoni bil-ħsieb li jinfirex fuq sitt xhur, minn Frar sa Ġunju-Lulju 2006. L-impatti finanzjarji marbutin mal- White Paper , għalhekk, huma limitati għall-miżuri meħtieġa għat-tħaddim tajjeb ta’ din il-konsultazzjoni.

3.3. Karatteristiċi tal-baġit:

Linja tal-baġit | Tip ta' nefqa | Ġdida | Kontribuzzjoni EFTA | Kontribuzzjoni mill-pajjiżi applikanti | Intestatura fil-perspettiva finanzjarja |

16 03 01 | NCE | NDA | NON | NON | NON | Nru 3 |

16 03 02 | NCE | NDA | NON | NON | NON | Nru 3 |

16 04 03 | NCE | NDA | NON | NON | NON | Nru 3 |

4. SOMMARJU TAR-RIŻORSI

4.1. Riżorsi finanzjarji

4.1.1. Sommarju ta’ l-approprjazzjonijiet għall-impenji (AI) u l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (AĦ)

miljuni ta’ EUR (sa 3 punti deċimali)

Tip ta' nefqa | Taqsima Nru | 2006 | Snin sussegwenti | Total |

Nefqa operattiva |

Approprjazzjonijiet għall-impenji (AI) | 8.1 | a | 0,875 | --- | 0,875 |

Approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (AĦ) | b | 0,875 | --- | 0,875 |

AMMONT TOTALI TA’ REFERENZA |

Approprjazzjonijiet għall-impenji | a | 0,875 | --- | 0,875 |

Approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet | b | 0,875 | --- | 0,875 |

Infiq amministrattiv mhux inkluż fl-ammont ta’ referenza |

Riżorsi umani u nfiq relatat (NDA) | 8.2.5 | d | 0,405 | --- | 0,405 |

Nefqa totali indikattiva ta’ l-azzjoni

AI totali inkluża n-nefqa fir-riżorsi umani | a+d | 1,280 | --- | 1,280 |

AĦ totali inkluża n-nefqa fir-riżorsi umani | b+d | 1,280 | --- | 1,280 |

4.1.2. Kumpatibilità mal-Programmar Finanzjarju

L-impatt finanzjarju ta’ din il-proposta huwa llimitat għall-eżerċiżżju ta’ l-2006. Għal dan il-baġit, din il-proposta hija kumpatibbli mal-programmar finanzjarju eżistenti.

L-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet maħsuba għandha tkun koperta mir-ridistribuzzjoni ta’ l-approprjazzjonijiet eżistenti fl-intestatura 16 tal-baġit.

4.2. Riżorsi umani FTE (inklużi l-uffiċjali, l-impjegati temporanji u esterni) – ara d-dettall taħt punt 8.2.1.

Bżonnijiet annwali | 2006 |

Numru totali ta’ riżorsi umani | 5 |

5. KARATTERISTIĊI U GĦANIJIET

L-għan tal- White Paper dwar il-politika ta’ komunikazzjoni Ewropea huwa li tvara proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni dwar il-politika Ewropea tal-komunikazzjoni b’mod ġenerali u dwar is-suġġerimenti li fiha. F’dan l-istadju, dawn is-suġġerimenti mhumiex proposti operattivi reali u għalhekk mhumiex inklużi fid-dikjarazzjoni finanzjarja.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa maħsub għal perjodu ta’ 6 xhur, minn Frar sa Ġunju/Lulju 2006.

Huwa biss fit-tmiem ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni li eventwalment dawn is-suġġerimenti se jkunu s-suġġett ta’ proposti formali min-naħa tal-Kummissjoni flimkien mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji korrispondenti.

5.1. Azzjoni meħtieġa

Għall-implimentazzjoni tal-proċess ta’ konsultazzjoni, għandhom jinħolqu żewġ websajts , waħda għall-konsultazzjoni dwar il-karta Ewropea għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u l-oħra għall-konsultazzjoni dwar il-kontenut kollu tal- White Paper .

Għandha titwaqqaf Task Force permezz tar-ridistribuzzjoni bejn id-Direttorati Ġenerali fi ħdan il-Kummissjoni biex tissorvelja l-proċess ta’ konsultazzjoni u tuża r-rizultati.

Se jkunu organizzati wkoll ħames konferenzi speċifiċi fi Brussell (jekk ikun possibbli f’kooperazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet l-oħra) ma’ l-imsieħba kkonċernati, bejn Frar u Ġunju-Lulju 2006.

Serje speċjali ta’ stħarriġ “Eurobarometer” se jkun varat fir-Rebbiegħa 2006 biex jagħti l-aħjar data għall-analiżi.

5.2. Valur miżjud ta’ l-involviment tal-Komunità, kumpatibilità tal-proposta ma' strumenti finanzjarji oħrajn u sinerġija possibbli.

Ibbażata fuq il-prerogattivi istituzzjonali ta’ l-Istituzzjoni, il- White Paper għandha l-għan li tiżviluppa l-valur miżjud ta’ l-involviment komunitarju fil-problema “Nikkomunikaw l-Ewropa”. Kif reġa’ enfasizza l-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu f’Ġunju 2005, ir-responsabbiltà li “Nikkomunikaw l-Ewropa” hija waħda maqsuma bejn l-istituzzjonijiet komunitarji, partikolarment il-Kummissjoni, u l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll reġjonali u lokali ta’ l-Istati Membri. Ir-rwol partikolari tal-Kummissjoni enfasizzat mill-Kunsill Ewropew hu li tiżviluppa l-linji prinċipali ta’ azzjoni u li tikkoordina l-attivitajiet meħuda mill-imsieħba kollha.

5.3. Għanijiet, riżultati mistennija u indikaturi relatati tal-proposta fil-kuntest tal-ġestjoni skond l-attività (ABM)

L-għan tal- White Paper huwa li timplimenta proposti konkreti dwar ħames oqsma ta’ azzjoni identifikati. Biex dan jintlaħaq, minbarra ż-żewġ websajts li għandhom jinħolqu u l-użu ta’ l-istħarriġ “Eurobarometer”, il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jissaħħaħ bl-organizzazzjoni ta’ ħames konferenzi fi Brussell ma’ l-imsieħba istituzzjonali u mhux istituzzjonali kollha (soċjetà ċivili organizzata) tal-Kummissjoni fil-qasam tal-komunikazzjoni.

Indikaturi tat-tħaddim tajjeb tal-konsultazzjoni jistgħu jkunu l-livell ta’ parteċipazzjoni ta’ l-imsieħba fil-konferenzi msemmija kif ukoll in-numru ta’ kontribuzzjonijiet mibgħuta fuq iż-żewġ websajts indikati.

Fit-tmiem ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni (Lulju 2006), gruppi ta’ ħidma speċifiċi mħallta (Kummissjoni-Imsieħba) għandhom jitwaqqfu għal kull qasam identifikat sabiex tkun preparata l-elaborazzjoni tal-proposti konkreti u operattivi.

5.4. Metodi ta' implimentazzjoni

Ġestjoni ċentralizzata, direttament mill-Kummissjoni

6. KONTROLL U EVALWAZZJONI

6.1. Sistema ta’ kontroll

Fit-tmiem tal-proċess ta’ konsultazzjoni, għandha titwaqqaf sistema ta’ monitoraġġ li tivverifika safejn ir-riżultati tal-konsultazzjoni jkunu ppermettew li jintlaħaq kunsens dwar l-implimentazzjoni tas-suġġerimenti kollha li jinsabu fil- White Paper .

6.2. Evalwazzjoni

6.2.1. Evalwazzjoni ex-ante

Fid-dawl tan-natura tal-proposta, ta’ min jinnota li ġiet stabbilita “evalwazzjoni ta’ l-impatt”. Fir-rigward ta’ l-azzjonijiet fil-qafas tal-proċess ta’ konsultazzjoni, dawn jaqgħu taħt l-attivitajiet li tradizzjonalment huma mmexxija mid-DĠ COMM.

6.2.2. Miżuri meħuda wara evalwazzjoni intermedjarja/ex-post

Għandu jitwaqqaf rapport dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni.

6.2.3. Kundizzjonijiet u frekwenza ta’ l-evalwazzjonijiet futuri

Dawn għandhom japplikaw għall-proposti operattivi li jirriżultaw mill-proċess ta’ konsultazzjoni u jiddependu min-numru u n-natura tagħhom.

7. MIżURI KONTRA L-FRODI

Fir-rigward ta’ l-azzjonijiet maħsuba bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolament finanzjarju dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit u partikolarment dwar il-miżuri ta’ kontroll, għandhom ikunu implimentati.

8. DETTALJI TAR-RIŻORSI

8.1. Għanijiet tal-proposta f’termini ta’ nfiq finanzjarju

L-infiq li jidher fit-tabella li ġejja jirrappreżenta l-bżonnijiet neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet imsemmija f’punt 5.1.

Approprjazzjonijiet għall-impenji f’miljuni ta’ EUR (sa 3 punti deċimali)

Tip ta’ azzjoni/riżultat | Nefqa medja | 2006 | TOTAL |

Nru ta’ azzjonijiet/riżultati | Nefqa totali | Nru ta’ azzjonijiet/riżultati | Nefqa totali |

- Konferenzi (16 03 02) | Organizzazzjoni tal-konferenzi | 0,025 | 5 | 0,125 | 5 | 0,125 |

- Websajts (16 04 03) | Żvilupp u ġestjoni tal-websajts | 0,075 | 2 | 0,150 | 2 | 0,150 |

NEFQA TOTALI | 0,875 |

8.2. Nefqa amministrattiva

8.2.1. Numru u tipi ta’ riżorsi umani

Din it-tabella tippreżenta n-numri neċessarji biex titwaqqaf Task Force temporanja li r-rwol tagħha se jkun li tassigura l-monitoraġġ tal-proċess ta’ konsultazzjoni, li tanalizza u tuża l-kontribuzzjonijiet li jsiru biex telabora proposti konkreti u operattivi fil-ħames oqsma ta’ ħidma identifikati. Din it-Task Force se tikkonsisti f’uffiċjali allokati fid-DĠ COMM. Tnejn minn dawn il-postijiet se jimtlew bir-ridistribuzzjoni bi qbil mad-DĠ COMM (minbarra l-postijiet li kienu diġà ridistribwiti bħala parti mir-riorganizzazzjoni interna u inklużi fl-organigramma l-ġdida). It-tliet postijiet l-oħra se jittieħdu mill-postijiet allokati lid-DĠ COMM fl-allokazzjoni tar-riżorsi fl-2006 - li kienu maħsuba biex isaħħu r-Rappreżentazzjonijiet - u jiġu ridistribwiti għall-miżuri tal- White Paper .

Tipi ta’ impjieg | Personal li għandu jiġi assenjat għall-ġestjoni ta' l-azzjoni permezz ta' riżorsi eżistenti (numru ta’ karigi/FTEs) |

2006 |

Uffiċjali jew aġenti temporanji (16 01 01) | A*/AD | 5 |

TOTAL | 5 |

8.2.2. Deskrizzjoni tal-karigi li ġejjin mill-azzjoni

Bir-ridistribuzzjoni, l-uffiċjali fil-livell A imqiegħeda fi ħdan id-DĠ COMM se jinġabru f’Task Force li r-rwol tagħha għandu jkun il-ġestjoni tal-proċess ta’ konsultazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proposti ta’ azzjonijiet konkreti li jirriżultaw mis-suġġerimenti milqugħa fil-qafas tal- White Paper .

8.2.3. Sorsi ta’ riżorsi umani (statutorji)

( Karigi attwalment allokati għall-ġesjoni tal-programm li għandu jinbidel jew jittawwal

( Karigi allokati minn qabel fi ħdan l-eżerċiżżju APS/PDB għas-sena n

( Karigi li għandhom jintalbu fil-proċedura APS/PDB li jmiss

X Karigi li għandhom jiġu ridistribwiti billi jintużaw ir-riżorsi eżistenti fi ħdan id-DĠ STAMPA (2 postijiet) + ridistribuzzjoni ta’ 3 postijiet mir-riżorsi ta’ l-2006.

( Karigi neċessarji għas-sena n iżda li ma kinux imbassra fl-eżerċizzju APS/PDB ikkonċernat

8.2.4. Infiq amministrattiv ieħor inkluż fl-ammont ta’ referenza (XX 01 04/05 – Infiq fil-ġestjoni amministrattiva)

N/A

8.2.5. Nefqa fir-riżorsi umani u nfiq relatat mhux inkluż fl-ammont ta’ referenza

miljuni ta’ EUR (sa 3 punti deċimali)

Tip ta’ riżorsi umani | 2006 |

Uffiċjali u aġenti temporanji (16 01 01) | 0,405 |

Nefqa totali fir-riżorsi umani u nfiq relatat (MHUX inkluż fl-ammont ta’ referenza) | 0,405 |

Kalkolu – Uffiċjali u aġenti temporanji Wara li jittieħed f’kunsiderazzjoni l-perjodu ta’ għażla, 5 Uffiċjali minn April sa Diċembru 2006: 5 Uffiċjali x 108.000 EUR / sena, fuq 9 xhur = 405.000 EUR |

8.2.6. Infiq amministrattiv ieħor mhux inkluż fl-ammont ta’ referenza

miljuni ta’ EUR (sa 3 punti deċimali)

2006 | TOTAL |

16 01 02 11 05 – Sistemi ta’ informazzjoni | p.m. | p.m. |

2. Total ta’ nfiq ieħor ta’ ġestjoni (16 01 02 11) | p.m. | p.m. |

3. Infiq ieħor ta’ natura amministrattiva |

Total ta’ l-infiq amministrattiv minbarra fir-riżorsi umani u nfiq relatat (MHUX inkluż fl-ammont ta’ referenza) | p.m. | p.m. |

[1] Pjan ta’ Azzjoni: SEG(2005) 985, 20.7.2005.

[2] Pjan D: KUMM(2005) 494, 13.10.2005.

[3] Fit-tħejjija ta’ din il-White Paper, il-Kummissjoni tat każ tar-rakkomandazzjonijiet elenkati fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea (Ir-rapport Herrero, (2004/2238(INI)). Irċeviet ukoll proposti tajbin mill-bosta avvenimenti pubbliċi u kontribuzzjonijiet individwali li rċevew għadd ta' esperti u l-partijiet interessati. Fit-8 ta’ Novembru 2005, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew organizza forum għall-partijiet interessati dwar “It-Tnaqqis tad-Distakk” (http://www.esc.eu.int/stakeholders_forum/index_en.asp). U, fil-25 ta’ Novembru, il-Kumitat tar-Reġjuni għamel diskussjoni plenarja dwar il-messaġġi ewlenin għall-White Paper tal-Kummissjoni. Proposti u suġġerimenti dettaljati li daħlu waqt il-fażi preparatorja ser jerġgħu jigu wkoll eżaminati fis-segwitu tal-proċess ta’ konsultazzjoni dwar din il-White Paper.

[4] L-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea tiddikjara li:

(1) Kulħadd għandu d-dritt għall-libertà ta’ l-espressjoni. Dan id-dritt għandu jinkludi l-libertà għall-opinjonijiet u li wieħed jirċievi u jgħaddi informazzjoni u ideat mingħajr interferenza mill-awtorità pubblika u irrispettivament mill-fruntieri

(2) Il-libertà u l-pluraliżmu tal-medja għandhom ikunu rrispettati

[5] Pjan ta’ Azzjoni: SEG(2005) 985, 20.7.2005.

[6] Inizjattiva dwar Trasparenza Ewropea SEG(2005) 1300, 9.11.2005.

[7] Possibbilment skond il-linji tal-Forum Nazzjonali Irlandiż dwar kwistjonijiet ta’ l-UE.

[8] PRINCE twaqqaf fl-1995 biex jinġabru mill-ġdid flimkien is-suġġetti ta’ informazzjoni prijoritarja skond il-Baġit ta’ l-UE. Fl-2006, ħames temi ser jiġu ffinanzjati (“L-Unjoni Ekonomika u Monetarja”, “Il-Ġejjieni ta’ l-UE”, “Il-Ġustizzja, l-Libertà u s-Sigurtà”, “ir-rwol ta’ l-UE fid-dinja”, u “t-Tkabbir”).