15.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 305/30


Opinjoni ta' prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Fatturi ta' suċċess sabiex ikun antiċipat u akkompanjat ir-ristrutturar fil-bliet u r-reġjuni

(2007/C 305/07)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI JAGĦMEL DAWN IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

Huwa importanti li jiġi rikonoxxut li l-proċess ta' ristrutturar fil-bliet u fir-reġjuni huwa fenomenu kostanti li jakkompanja l-ħajja soċjo-ekonomika tagħna. Ir-ristrutturar għandu jiġi kkunsidrat bħala opportunità għat-trattament ta' problemi ekonomiċi eżistenti u tal-ġejjieni tagħna.

Il-KtR jirrakkomanda s-sorveljanza kostanti ta' dawn il-prattiki fl-Unjoni Ewropea kollha, li għandha titwettaq minn korpi li jkunu indipendenti mill-partijiet interessati kollha. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-ħolqien ta' sħubijiet lokali u reġjonali bejn l-awtoritajiet amministrattivi, in-negozji u l-imsieħba soċjali, u għaldaqstant tiġi promossa l-kooperazzjoni għall-iżvilupp lokali f'dinja globalizzata, partikularment f'żoni periferiċi, fejn hemm il-periklu ta' telf ta' wirt kulturali.

Ir-ristrutturar fuq livell lokali u reġjonali għandu jassigura li l-għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu b'konformità mal-politiki ta' l-UE, filwaqt li fl-istess ħin jinżammu livelli għoljin ta' impjieg sabiex ikun assigurat livell xieraq ta' għajxien. Il-proċess attwali ta' ristrutturar għandu jkun l-ewwel pass fi proċess ta' modernizzazzjoni li jfittex li joħloq ekonomija ffokata fuq il-ġejjieni u bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni. Dan il-għan ma jistax jinkiseb mingħajr ma jiżdied l-investiment fil-kapital uman.

Approċċ integrat għar-ristrutturar taż-żoni rurali jassigura (jew għandu jassigura) l-inqas livell ta' aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, sabiex jiġu attirati n-negozji u l-ħaddiema b'ħiliet u jitwaqqaf it-tnaqqis tal-popolazzjoni. Huwa essenzjali wkoll li l-fondi ta' l-ERDF, l-ESF u l-EAFRD jintużaw fl-appoġġ għall-azzjoni innovattiva iktar milli sabiex jinżamm l-istatus quo. Strumenti importanti fl-indirizzar tal-problemi immedjati li jistgħu jkunu kkawżati mir-ristrutturar huwa l-Fond Ewropew ta' Aġġusta għall-Globalizzazzjoni.

Rapporteur

:

Is-Sur Witold KROCHMAL, Sindku ta' Wołow (PL/UEN-AE)

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-isfond soċjo-ekonomiku u politiku ta' l-opinjoni

1.

Nhar is-16 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex ifassal opinjoni ta' prospettiva dwar strateġiji effettivi ta' ristrutturar għall-bliet u r-reġjuni ta' l-Ewropa. Il-Kummissjoni temmen li l-opinjoni tal-Kumitat ser tipprovdi tagħrif siewi għall-formulazzjoni ta' l-approċċ tal-Kummissjoni lejn il-proċessi ta' ristrutturar li huma essenzjali għall-ekonomija Ewropea.

2.

L-Unjoni Ewropea bħalissa għaddejja minn perijodu ta' bidla ekonomika fundamentali, li tinvolvi r-ristrutturar ta' ekonomiji sħaħ tal-bliet u tar-reġjuni. B'riżultat ta' dan, l-awtoritajiet lokali u reġjonali qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' sfidi ġodda li jridu jindirizzaw sabiex jinżamm il-bilanċ soċjo-ekonomiku u ambjentali.

3.

Ir-ristrutturar għandu jiġi kkunsidrat bħala opportunità għat-trattament ta' problemi ekonomiċi eżistenti u tal-ġejjieni u sabiex jittaffew u jiġu eliminati l-effetti negattivi tagħhom. Minħabba l-fehma tajba tar-realtà tal-livell iktar qrib il-poplu u l-ħila tagħha li twieġeb b'manjiera adattata, rapida u flessibbli, l-isfera lokali u reġjonali hija l-iktar effettiva fl-implimentazzjoni tal-politiki tar-ristrutturar, speċjalment meta dawn il-proċessi m'humiex risposta għal problemi strutturali.

4.

Ir-ristrutturar fuq livell lokali u reġjonali għandu jassigura li l-għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu b'konformità mal-politiki ta' l-UE, fi kliem ieħor il-kompetittività u l-innovattività, filwaqt li fl-istess ħin jinżammu livelli għoljin ta' impjieg sabiex ikun assigurat livell xieraq ta' għajxien għaċ-ċittadini ta' l-UE.

5.

Dawn l-isfidi b'mod partikulari jikkonċernaw lill-bliet u r-reġjuni, i.e. awtoritajiet lokali, li għandhom għan sinifikanti li jittrasformaw linji gwida strateġiċi f'direzzjonijiet konkreti ta' azzjoni u għall-mobilizzazzjoni ta' organizzazzjonijiet soċjali lokali u ta' negozji sabiex jieħdu azzjoni bħal din.

6.

L-għan ta' din l-Opinjoni huwa li tikkontribwixxi għadd ta' fatturi addizzjonali għad-dibattitu dwar proċessi attwali lokali u reġjonali ta' ristrutturar, li saru proċess kontinwu u inevitabbli u akkompanjament kostanti għall-ħajja soċjali u ekonomika tagħna.

7.

Ir-raġunijiet ewlenin li jiddeterminaw il-proċess tar-ristrutturar u li awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali għandhom jiġġestjonaw u preferibbliment ibassru u jantiċipaw huma:

l-espansjoni tal-proċess ta' globalizzazzjoni,

is-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu,

l-enerġija u l-bidla fil-klima,

il-ftuħ ta' l-ekonomiji dinjija għall-kummerċ internazzjonali,

l-iżvilupp tas-suq intern ta' l-UE,

l-introduzzjoni ta' teknoloġiji innovattivi ġodda,

livelli ogħla fil-qasam tal-ħarsien ambjentali,

l-importanza dejjem tikber tas-servizzi ta' interess ġenerali,

bidliet fit-talba tal-konsumatur.

8.

Ir-ristrutturar jista' jseħħ f'diversi livelli u f'diversi oqsma:

fuq livell intersettorjali,

fuq livell settorjali,

fuq livell ta' l-intrapriża.

9.

Irrispettivament mill-approċċ adottat għal fergħa jew settur konċernat, il-proċessi ta' ristrutturar iseħħu l-iktar fuq livell lokali. Dan minħabba l-fatt li l-komunitajiet lokali u reġjonali huma dawk l-iktar milqutin minn dawn il-proċessi.

10.

Minħabba l-mod kif qegħdin jipproċedu l-affarijiet li jagħmlu r-ristrutturar neċessarju, dawn il-proċessi ta' sikwit jiġbru fihom azzjoni mhux mistennija u sfurzata meħuda min-negozji sabiex jadattaw għall-ħtiġijiet ta' l-ekonomija globali u s-suq tal-konsumatur li kulma jmur qiegħed jinbidel.

11.

Bħala riżultat ta' ekonomija dejjem iktar globalizzata, il-kriżijiet jew in-nuqqasijiet ta' kompetittività kummerċjali jew settorjali qegħdin jiżdiedu fl-importanza. Kriżijiet ta' dan it-tip m'humiex prevedibbli u, bit-tnaqqir kostanti tal-fibra ekonomika tar-reġjuni, jistgħu jikkawżawlhom ħsara serja.

12.

Għall-istess raġuni, qegħdin naraw rilokazzjonijiet dejjem iktar frekwenti, li huma mifhuma bħala t-trasferiment mhux mistenni ta' attività ekonomika minn reġjun għal ieħor. Dawn id-deċiżjonijiet mhux mistennija huma bbażati fuq kriterji strateġiċi u finanzjarji, u fuq oħrajn bħall-ispiża tal-fatturi tal-produzzjoni, iżda xi kultant għandhom tendenza li jitħeġġu minn inċentivi u politiki li jattiraw l-investiment.

13.

Dan it-tip ta' ristrutturar ad hoc iwassal għal riżultati mhux sodisfaċenti, minkejja l-eżistenza ta' strumenti legali fis-sod u maniġers professjonali f'bosta pajjiżi. Proċessi bħal dawn m'għandhomx il-ħila li jwasslu għall-prevenzjoni ta' bidliet negattivi soċjali u reġjonali imferrxin u jwasslu għall-preferenza ta' soluzzjonijiet fuq perijodu qasir akkost ta' soluzzjonijiet iktar permanenti u stabbli. Azzjoni bħal din ta' sikwit tirriżulta fi problemi soċjali u reġjonali serji. Il-benefiċċji tar-rilokazzjoni għall-kumpaniji ħafna drabi għandhom konsegwenzi serji għar-reġjuni li l-kumpaniji jitilqu minnhom.

14.

L-isfida mhix li jitwaqqaf ir-ristrutturar inevitabbli, iżda li jiġi milqugħ, u b'tali mod, sa fejn huwa possibbli, li r-reġjuni, il-komunitajiet u l-individwi ma jiġux ippreġudikati u dawn jistgħu sempliċement jaraw il-possibbilitajiet offerti lilhom.

15.

Intlaqtu b'mod partikulari mir-ristrutturar il-pajjiżi li daħlu membri fl-UE fl-2004 u fl-2007. Dan kien il-biċċa l-kbira minħabba livelli differenti ta' żvilupp ekonomiku u progress fil-qasam ta' teknoloġija ġdida u innovazzjoni fost is-27 Stat Membru ta' l-UE. F'bosta każijiet, inkisbu l-effetti ekonomiċi mistennija iżda akkost ta' konsegwenzi soċjali negattivi kkawżati primarjament mill-perijodu qasir ta' transizzjoni.

16.

Jekk nassumu li l-proċessi ta' ristrutturar huma kontinwi, jeħtieġ li nanalizzaw każijiet ta' ristrutturar fl-eks 15-il Stat Membru ta' l-UE, bl-użu tal-metodu ta' antiċipazzjoni, li jippermetti r-rikonoxximent bikri ta' diffikultajiet imminenti, u għaldaqstant jitneħħew parzjalment jew mill-inqas jittaffew l-effetti negattivi tar-ristrutturar.

17.

Is-suċċess ta' proċess speċifiku ta' ristrutturar, b'mod partikulari l-antiċipazzjoni ta' problemi, il-biċċa l-kbira jiddependi fuq id-djalogu bejn il-kumpanija, it-tielet settur, il-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet tagħhom (per eżempju it-trade unions), l-awtoritajiet lokali jew reġjonali, ċentri ta' edukazzjoni ogħla u istituti tar-riċerka kif ukoll korpi governattivi bħal aġenziji ta' l-iżvilupp reġjonali. Ir-riżultat u s-suċċess tal-proċess ta' ristrutturar ta' sikwit jiddependu fuq il-kwalità ta' dan id-djalogu.

18.

Awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom sehem importanti f'dan il-proċess. Huwa possibbli li jkunu definiti tliet tipi ta' azzjoni f'każ ta' ristrutturar imminenti:

tisħiħ u fejn hemm bżonn id-diversifikazzjoni tal-bażi ekonomika u soċjali u l-infrastruttura lokali,

teħid ta' azzjoni sabiex jinżammu l-impjegaturi maġġuri u jissaħħu l-SMEs bħala muturi għall-impjiegi,

li r-reġjun, il-belt jew iż-żona lokali jsiru iktar attraenti.

Kemm l-azzjoni msemmija hawn fuq kif ukoll il-proċess ta' ristrutturar jeħtieġu data statistika, riżorsi ta' tagħrif xierqa u strateġija speċjali għall-ġbir u t-tqassim ta' tagħrif mal-parteċipanti kollha fil-proċess tar-ristrutturar.

19.

Il-politika tat-tagħrif għandha tqis b'mod partikulari dawk l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li, minħabba s-sitwazzjoni speċifika tagħhom, għandhom diffikultà ikbar f'li jkollhom aċċess għal sorsi ta' tagħrif li jagħmluha possibbli li jkunu antiċipati bidliet fis-suq.

20.

Is-settur ta' l-SME jixraqlu ħarsien speċjali kemm matul il-proċess ta' ristrutturar kif ukoll matul il-perijodu antiċipat ta' bidla. Huwa matul dawn il-fażijiet li l-aktar hemm bżonn ta' intervent sabiex jissaħħu u jiġu żviluppati l-kompetenzi u l-kapaċitajiet maniġerjali, organizzattivi u strateġiċi ideali sabiex isostnu t-tkabbir ta' l-SME, billi jiċċaqalqu mix-xejra tradizzjonalment ċentralizzata fuq il-familji fundaturi u jitwaqqaf mudell ta' kontroll u ta' tmexxija adegwat għal-livell ta' kompetizzjoni globali. L-eżempji eżaminati juru li l-istrateġija ta' sottokuntrattar uriet li hija l-iktar metodu effettiv, iżda biss f'dawk il-każijiet fejn kien possibbli li wieħed imur lilhinn minn relazzjonijiet standard tas-suq u jistabbilixxi kooperazzjoni bbażata fuq sħubija bejn negozji jew ditti fi ħdan netwerk, b'mod partikulari fuq livell reġjonali.

Konklużjonijiet

21.

Il-proċessi analizzati ta' ristrutturar juru li m'hemmx approċċ uniku għal dan il-proċess u li aktarx ikun jiddependi fuq it-tip ta' awtorità lokali kkonċernata (reġjun, belt, distrett lokali), is-settur ekonomiku, in-natura taż-żona kkonċernata kemm f'termini ta' fejn tinsab (żoni periferali), l-użu ta' l-art (biedja, industrija tal-manifattura fuq skala żgħira, industrija tal-manifattura fuq skala kbira) kif ukoll il-livell ta' żvilupp ekonomiku tal-pajjiż fejn tinsab iż-żona ta' ristrutturar.

22.

Il-proċess attwali ta' ristrutturar għandu jkun ukoll l-ewwel pass fi proċess ta' modernizzazzjoni li jfittex li joħloq ekonomija ffokata fuq il-ġejjieni u bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni. Dan il-għan ma jistax jinkiseb mingħajr ma jiżdied l-investiment fil-kapital uman permezz ta' edukazzjoni aħjar u ta' titjib ta' ħiliet. U dan jeħtieġ investiment effettiv u produttiv fis-suq tax-xogħol lokali jew reġjonali, li jagħmilha possibbli li jkunu antiċipati l-isfidi imposti mill-proċess ta' ristrutturar ekonomiku u soċjali ta' malajr.

23.

It-twessigħ u ż-żieda ta' l-investiment fil-kapital uman u l-adattament ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet ġodda tal-ħiliet li jinħolqu mir-ristrutturar jinvolvu spejjeż addizzjonali; huma meħtieġa mekkaniżmi adattati sabiex ikun żgurat li dawn l-ispejjeż jitqassmu bejn negozji, korpi tas-settur pubbliku u individwi privati. Appoġġ partikulari għandu jingħata lill-istrateġiji komprensivi ta' taħriġ li jipprovdu l-ħiliet meħtieġa f'ekonomija innovattiva bbażata fuq l-għarfien. L-iskambju ta' l-esperjenza u t-twaqqif ta' sħubijiet bejn bliet u reġjuni fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ huma essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva ta' dawn il-proċessi.

24.

Kif juru l-eżempji msemmija hawn fuq, l-attività fil-qasam ta' l-investiment tal-kapital uman hija parti estremament importanti tar-ristrutturar u tar-riġenerazzjoni ta' żoni urbani u rurali. Hija biċċa xogħol ewlenija għall-organizzazzjonijiet involuti fir-ristrutturar fuq livell lokali. Kwistjonijiet bħall-mobilità professjonali u ekonomika jew l-ibbilanċjar tal-provvista u tad-domanda fis-suq tax-xogħol fuq livell lokali għandhom impatt deċiżiv fuq l-effikaċja tal-proċessi tar-ristrutturar. Il-mobilità ta' dawk li jfittxu x-xogħol u ta' dawk li jħabbtu wiċċhom mal-qgħad, b'mod partikulari ħaddiema b'ħiliet baxxi, għandha tiġi promossa permezz tal-provvista ta' servizzi personalizzati għas-sejbien ta' xogħol u esperjenza ta' xogħol u korsijiet ta' taħriġ għall-adattament tal-ħiliet ta' dawk li jkunu qegħdin ifittxu x-xogħol u ta' dawk li jħabbtu wiċċhom mal-qgħad skond il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol lokali. Dan huwa l-iktar rilevanti għaż-żgħażagħ, li għandhom diffikultà partikulari f'li jsibu l-impjiegi.

25.

Attivitajiet ibbażati fuq il-prinċipji tal-programm ta' Azzjoni Ewropea taż-Żgħażagħ, li jkopru l-parir relatat mal-karriera, l-għajnuna fit-twettiq ta' l-edukazzjoni u l-aċċess għal korsijiet adattati ta' taħriġ, jistgħu jħaffu t-transizzjoni mingħajr xkiel mill-edukazzjoni għall-impjieg f'żoni milqutin mir-ristrutturar.

26.

Azzjoni bħal din għandha tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra żviluppi negattivi fiż-żoni urbani u rurali, bħal per eżempju t-tnaqqis tal-popolazzjoni rurali. Din hija problema mhux biss minħabba l-fatt li dan jista' jfisser li żoni rurali ma jibqgħux jiffunzjonaw bħala komunitajiet, u li dan jirriżulta fit-telf ta' valuri kulturali, tradizzjonijiet u l-karattru lokali, iżda wkoll minħabba r-riskju ta' telf tal-bilanċ idroġeoloġiku. L-iktar mezzi effettivi sabiex jieqfu dawn il-proċessi huma permezz ta' azzjoni ffinanzjata mill-programmi ta' l-ERDF (Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali), l-ESF (Fond Soċjali Ewropew) u l-EAFRD (Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali). Approċċ integrat għar-ristrutturar taż-żoni rurali jassigura (jew għandu jassigura) l-inqas livell ta' aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, sabiex jiġu attirati n-negozji u l-ħaddiema b'ħiliet u jitwaqqaf it-tnaqqis tal-popolazzjoni. Huwa essenzjali wkoll li l-fondi ta' l-ERDF, l-ESF u l-EAFRD jintużaw fl-appoġġ għall-azzjoni innovattiva iktar milli sabiex jinżamm l-istatus quo.

27.

Strument importanti fl-indirizzar tal-problemi immedjati li jistgħu jkunu kkawżati mir-ristrutturar huwa l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni li joffri għajnuna fuq il-perijodu l-qasir lir-reġjuni milquta mir-rilokazzjoni ta' attività ekonomika minħabba l-globalizzazzjoni. Il-Kumitat tar-Reġjuni laqa' l-ħolqien ta' dan l-istrument u rrakkomanda li l-volum tiegħu jiżdied sa EUR 1 000 miljun fis-sena. Il-Kumitat jistenna li l-ewwel rapport annwali dwar ir-riżultati misksuba mill-Fond Ewropew għall-Aġġustament Globali fl-2007 (li ser jiġi ppubblikat fl-2008) janalizza bir-reqqa jekk il-kriterji ta' l-interventi mressqa fl-Artikolu 2 tar-Regolament 1927/2006 KE jwasslux għall-użu adattat tal-Fond u jekk joffrix il-kontribut tiegħu lejn kull dibattitu futur dwar reviżjoni potenzjali ta' dawn il-kriterji.

28.

Bħala riżultat tar-ristrutturar, bosta reġjuni kulma jmur qegħdin isiru iktar dipendenti fuq it-turiżmu. Hawnhekk l-approċċ integrat, li jagħmel użu minn riżorsi naturali u mill-patrimonju kulturali, jiffoka fuq il-kwalità, bil-għan primarju li jkun sodisfatt il-klijent. Is-suċċess ta' proċessi bħal dawn jiddependi ħafna fuq l-iżvilupp ta' komunikazzjonijiet, li żoni ristrutturati jkunu konnessi ma' netwerks maġġuri nazzjonali u Ewropej, u bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, inkluż aċċess għall-Internet bi trasmissjoni b'veloċità għolja, għal komunikazzjoni fis-sens wiesa' u b'miżuri ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ adattati.

29.

Ir-rikkezza kulturali u r-riżorsi naturali għandhom isiru strumenti ewlenin użati f'dawn il-proċessi. Kultant, huma l-assi maġġuri fil-proċess ta' ristrutturar, b'mod partikulari f'żoni periferali b'popolazzjoni li hija skarsa. Dawn jagħmlu possibbli t-tkabbir dinamiku fit-turiżmu, li mbagħad iservi ta' għajnuna għall-iżvilupp lokali.

30.

Madwar 60 % tal-popolazzjoni ta' l-UE jgħixu f'żoni urbani ta' 50 000 abitant jew iktar. Il-biċċa l-kbira ta' l-impjiegi, tan-negozji, ta' l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni ogħla u ta' ċentri oħrajn ta' natura soċjo-ekonomika jinsabu fi bliet u żoni urbani. Dawn huma żoni li mhux biss joffru opportunitajiet iżda wkoll iħaddnu perikli. Barra mill-attivitajiet relatati b'mod speċifiku ma' l-ekonomija, ir-ristrutturar li sar fil-bliet Ewropej jinkludi wkoll azzjoni għall-ġenerazzjoni mill-ġdid ta' żoni urbani fis-sens usa'.

31.

Kif juru l-eżempji, huwa biss billi jiġu trattati b'mod komprensiv problemi ekonomiċi, soċjali u spazjali li jkun possibbli li jinkisbu r-riżultati mistennija minn residenti, awtoritajiet lokali u l-UE. Huwa iktar faċli li jinsabu msieħba għar-ristrutturar f'żoni urbani, iżda biss billi jinżammu sħubijiet bejn is-setturi pubbliċi, privati u t-tielet setturi, u permezz ta' l-użu ta' varjetà ta' sorsi ta' ffinanzjar, kien ikun possibbli li l-proċess jiġi konkluż b'suċċess.

32.

Dawk il-bliet li żammew pożizzjoni dominanti fir-reġjuni tagħhom, ngħidu aħna bis-saħħa tad-daqs jew ta' l-istorja tagħhom, adottaw strateġija ta' tiġdid bħala l-forza ewlenija wara r-reġjun. Il-pożizzjoni tagħhom illum tagħmilha possibbli għalihom li jagħtu appoġġ lir-ristrutturar fir-reġjun, kemm permezz ta' sħubijiet diretti kif ukoll permezz ta' organizzazzjonijiet li jinsabu f'dawn il-bliet.

33.

L-azzjoni sabiex tiżdied il-kompetittività u jiġu promossi l-intrapriża, l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' servizzi ppermettiet li tinġibed l-attenzjoni u li tinżamm forza tax-xogħol b'ħiliet għoljin. Dan tejjeb b'mod sinifikanti l-firxa u l-livell ta' servizzi għal residenti lokali. L-ippjanar, id-disinjar u l-manutenzjoni kif suppost ta' spazji urbani wasslu għal tnaqqis tal-kriminalità fil-bliet, li min-naħa tiegħu wassal sabiex toroq, parks u żoni fejn jilagħbu t-tfal jidhru iktar attraenti. Ambjent urban ta' kwalità għolja huwa parti essenzjali ta' ristrutturar effettiv minħabba li jgħin sabiex jassigura ambjent attraenti għax-xogħol, l-għajxien u l-investiment.

34.

L-esperjenza turi li dawk il-bliet li ppromovew il-formazzjoni tal-clusters irnexxielhom iżidu l-kompetittività tagħhom b'mod sinifikanti. Relazzjonijiet bejn żoni urbani u rurali għandhom jinżammu fuq livell adattat billi jinħolqu kondizzjonijiet ta' żvilupp li jikkunsidraw il-bżonn ta' ugwaljanza ta' opportunitajiet u li jippermettu t-tnaqqis fid-differenzi bejn iż-żoni rurali u urbani.

35.

Approċċ iddiversifikat lejn il-proċessi ta' ristrutturar fuq livell reġjonali għandu jkun sorveljat min-netwerks li jgħaqqdu flimkien ir-reġjuni ma' tipi simili ta' ristrutturar (netwerks ta' reġjuni periferali, netwerks ta' reġjuni tal-minjieri).

36.

Huwa importanti wkoll li n-negozji, imsieħba fil-proċess ta' ristrutturar, ikollhom iktar aċċess għal sorsi ta' ffinanzjar. Barra mis-sussidji u l-fondi disponibbli ta' l-UE, dawn għandhom jinkludu wkoll garanziji bankarji, garanziji reċiproki, self u mikro-krediti. Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment u l-Fond Ewropew ta' l-Investiment jistgħu jaqdu rwol prinċipali f'dan il-proċess.

37.

Ebda mudell uniku ta' ristrutturar ma jista' jipprovdi garanzija ta' suċċess fl-aħħar mill-aħħar. Madankollu, minkejja d-diversità tal-proċessi varji ta' ristrutturar, huwa possibbli li jiġu identifikati għadd ta' fatturi li huma karatteristika ta' proċessi ta' ristrutturar b'suċċess:

sorveljanza kostanti ta' proċessi ekonomiċi għal antiċipazzjoni bikrija tar-ristrutturar,

l-antiċipazzjoni ma tistax tkun limitata biss għal tbassir iżda trid toħloq ukoll xenarji probabbli fit-tħejjija għar-realizzazzjoni tagħhom,

il-preżenza ta' djalogu mas-soċjetà organizzata u mas-soċjetà ċivili, inkluż it-tmexxija ta' tagħrif bejn il-partijiet li jieħdu sehem fil-proċess ta' ristrutturar,

l-eżistenza ta' strutturi li jorbtu flimkien istituzzjonijiet akkademiċi, istituti xjentifiċi u tar-riċerka, l-industrija u l-awtoritajiet amministrattivi fuq il-livelli kollha,

l-eżistenza ta' strutturi ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ faċilment aċċessibbli u ta' kwalità għolja,

reviżjonijiet pubbliċi regolari tal-kwalità, l-effikaċja u r-riżultat ta' l-azzjoni li tkun ittieħdet,

l-eżistenza ta' sorsi ddiversifikati ta' ffinanzjar għall-proċessi ta' ristrutturar, li jkopru lill-imsieħba kollha, li twassal għal azzjoni iktar effettiva,

kemm ir-reġjun jew il-belt għandhom il-ħila li jimplimentaw politika territorjali li għandha l-ħila li żżomm il-kapaċità ta' negozji lokali għall-produzzjoni ta' prodotti, il-provvista ta' servizzi u t-tqassim tagħhom,

tqajjim ta' kuxjenza tal-komunità lokali tal-ħtieġa għal bidla kostanti, espressa fl-għamla ta' identità lokali jew reġjonali. Dan jassigura approċċ integrat għall-iżvilupp sostenibbli minn perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali, li tirrappreżenta fattur addizzjonali sabiex jiġi attirat investiment ġdid,

attitudni proattiva ħafna min-naħa ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali appoġġjata minn ħiliet ta' tmexxija u d-disponibilità tal-kompetizzjoni u strumenti finanzjarji,

proġett ġenerat lokalment, komprensiv, imfassal għas-sitwazzjoni lokali, li jgħaqqad aspetti varji fuq bażi ta' każ b'każ: l-iżvilupp ekonomiku, l-edukazzjoni, l-integrazzjoni soċjali, il-kultura, l-ippjanar ta' l-ispazju, eċċ.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni

38.

Huwa importanti li l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi li l-proċess ta' ristrutturar fil-bliet u fir-reġjuni huwa fenomenu kostanti li jakkompanja l-ħajja soċjo-ekonomika tagħna.

39.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiżviluppaw ippjanar ġenwin bil-quddiem fl-oqsma tagħhom, li jiġbor fih is-sorveljanza, l-appoġġ għall-ekonomija eżistenti u l-inklużjoni fi strateġiji reġjonali ta' azzjoni lokali f'dan il-qasam, fuq il-bażi ta' proġetti ta' medda wiesa' u mqassma bejn ir-reġjun u l-belt.

40.

F'rabta ma' dan, il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda s-sorveljanza kostanti ta' dawn il-proċessi fl-Unjoni Ewropea kollha, li għandha titwettaq minn korpi li jkunu indipendenti mill-partijiet interessati kollha u li tkopri n-negozji, l-imsieħba soċjali u l-komunitajiet lokali u reġjonali skond ir-reġjun u s-settur. Din is-sistema għandha tinkludi analiżi ta' bidliet soċjo-ekonomiċi fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali, filwaqt li jitqiesu żoni rurali, periferali u muntanjużi, u wkoll li jkunu analizzati tendenzi ekonomiċi tal-ġejjieni fis-suq tax-xogħol.

41.

Jirrakkomanda l-pubblikazzjoni ta' l-aqwa prattiki ta' ristrutturar għal użu fi bliet u f'reġjuni oħrajn ta' l-Unjoni Ewropea. Pubblikazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu ordnati għal oqsma b'tipi simili ta' ristrutturar (żoni agrikoli, żoni periferali, reġjuni b'industrija tal-manifattura fuq skala kbira, tal-minjieri, tal-manifattura fuq skala żgħira, tat-tessuti, żoni urbani).

42.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-ħolqien ta' sħubijiet fuq livell lokali u reġjonali bejn l-awtoritajiet amministrattivi, in-negozji u l-imsieħba soċjali permezz ta' l-użu ta' strumenti finanzjarji, u għaldaqstant tiġi promossa l-kooperazzjoni għall-iżvilupp lokali f'dinja globalizzata. Dan jagħmilha eħfef b'mod sinifikanti li jkunu antiċipati l-proċessi ta' ristrutturar.

43.

Jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jagħtu attenzjoni partikulari lill-flessibilità tal-mekkaniżmi tal-fondi ta' l-UE, speċjalment l-ESF, sabiex jiġi assigurat li l-fondi jkunu disponibbli għal reazzjoni rapida għal sitwazzjonijiet li jseħħu f'daqqa u bla mistennija. F'dawn il-każijiet, il-bżonn ta' fondi għall-inkubaturi, l-attivitajiet ta' reklutaġġ, l-għajnuna u l-parir għal kumpaniji ġodda u t-taħriġ iffokat huwa immedjat. Fi żmien tliet xhur, il-possibbilitajiet ta' dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba r-ristrutturar huma l-ikbar, u wara dan iż-żmien jonqsu ħafna. Il-mekkaniżmi ta' applikazzjoni għall-istrumenti differenti fil-livell ta' l-UE għandhom iqisu dan il-bżonn għal reazzjoni rapida. Il-miżuri għal reazzjonijiet rapidi għad-diffikultajiet li jistgħu jinħolqu mir-ristrutturar għandhom jinkludu wkoll il-bżonnijiet soċjali immedjati ta' l-individwi kkonċernati (djar, kura tas-saħħa, servizz ta' pariri eċċ.). Il-persuni milquta mir-ristrutturar jeħtieġu appoġġ soċjali sabiex ikunu jistgħu jibdew attivitajiet ġodda u sabiex jadattaw għar-ristrutturar.

44.

Jirrakkomanda li jittieħed vantaġġ mill-pożizzjoni transkonfinali ta' ċerti bliet u reġjuni fil-proċess ta' ristrutturar u jħeġġeġ it-tneħħija ta' l-ostakli proċedurali kollha li jimpedixxu t-tmexxija tax-xogħol u tal-kapital, u li jfixklu l-proċess ta' ristrutturar.

45.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-possibbilitajiet tal-fondi strutturali ta' l-UE, tadotta approċċ integrat għall-kofinanzjar tal-proċessi ta' ristrutturar minn fondi Ewropej, li jagħmilha possibbli li jiġu indirizzati problemi kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali, filwaqt li jiġu implimentati l-politiki ta' l-Unjoni Ewropea.

46.

Jappella lill-Istati Membri sabiex ineħħu l-ostakli legali u ostakli oħrajn għall-ħolqien ta' sħubijiet pubbliċi u privati (PPPs), li jistgħu jipprovdi appoġġ effettiv u attiv għall-proċessi ta' ristrutturar.

47.

Jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet oħrajn li jipprovdu ffinanzjar konġunt għal proċessi ta' ristrutturar sabiex iżidu s-sorveljanza fuq l-effikaċja ta' l-infiq, b'mod partikulari fil-qasam ta' l-hekk imsejħa “soft projects” iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew.

48.

Jappella lill-Unjoni Ewropea sabiex tqis l-aspetti relatati mal-proċessi ta' ristrutturar fil-politiki attwali ta' l-Unjoni Ewropea u meta tkun qiegħda tfassal politiki ġodda, mill-istadju ta' antiċipazzjoni sat-tlestija.

49.

Jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jagħmlu użu minn strumenti finanzjarji li jkunu kompatibbli mal-liġi Ewropea għal negozji milqutin mill-proċess ta' ristrutturar, b'mod partikulari f'żoni periferali, fejn hemm periklu ta' telf tal-patrimonju kulturali jew ta' l-identità lokali jew reġjonali, u fejn ir-ristrutturar jikkonċerna s-settur ta' l-SME, li għalih dan il-proċess huwa partikularment diffiċli.

50.

Jistenna li jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni meta l-linji ta' gwida għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà, li ser jiskadu f'Ottubru 2009, ikollhom jiġu riveduti fl-2007/2008.

51.

Jirrakkomanda b'mod partikulari li l-Istati Membri u n-negozji kollha involuti fil-proċess ta' ristrutturar jassiguraw iż-żamma ta' tradizzjonijiet u tal-kultura lokali, li jistgħu jkunu wkoll ta' vantaġġ f'ristrutturar attwali jew tal-ġejjieni.

52.

Jirrakkomanda l-użu ta' l-inizjattiva ġdida ta' Reġjuni għal Bidla Ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea u n-netwerks ta' bliet u reġjuni li qegħdin jinħolqu bħala parti minn din l-inizjattiva, u li huma kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, filwaqt li titkompla ssir antiċipazzjoni tal-proċessi ta' ristrutturar u l-promozzjoni ta' l-aqwa prattiki sabiex il-bliet u r-reġjuni jingħataw għajnuna ħalli jadattaw għall-bidliet li ġġib magħha l-globalizzazzjoni.

53.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni toqgħod partikularment attenta fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' inċentivi fi proċessi ta' rilokazzjoni.

Brussell, il-11 ta' Ottubru 2007

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel DELEBARRE


ANNESS I

Sommarju fil-qosor ta' l-istudji ta' każijiet ta' ristrutturar ta' bliet u reġjuni

Dik li għall-ewwel dehret bħala kriżi transizzjonali ta' adattament fis-snin 70 u 80 fil-fatt irriżultat f'avveniment rikorrenti fil-ħajja soċjali u ekonomika ta' l-Ewropa moderna. Sar proċess permanenti, li jeħtieġ li n-negozji u l-ambjenti tagħhom jadattaw għall-kondizzjonijiet tas-suq li kulma jmur qegħdin jinbidlu, jiġifieri proċess kostanti ta' ristrutturar. Għall-iskopijiet ta' l-opinjoni dwar ir-ristrutturar fil-bliet u fir-reġjuni ta' l-UE li tfasslet fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, analizzajna t-tagħrif li wasal dwar l-iżvilupp ta' dawn il-proċessi flimkien ma' tagħrif ieħor li jinsab f'bosta dokumenti. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ġew inklużi fl-opinjoni.

L-Iskozja — Ir-Renju Unit — Eżempju ta' kompetizzjoni b'saħħitha fis-suq globali

L-għadd ta' ħaddiema impjegati fl-industrija naqas minn 276 000 għal 227 000 matul is-snin bejn l-2002 u l-2006, filwaqt li l-produzzjoni għall-esportazzjoni żdiedet b'36 % fl-istess perijodu. Bosta kumpaniji ttrasferixxew il-produzzjoni tagħhom fl-Istati Membri ġodda ta' l-UE jew fl-Indja u ċ-Ċina. Il-Qafas għall-Iżvilupp Ekonomiku fl-Iskozja (FEDS) huwa ffokat fuq li jassigura l-produttività u l-kompetittività fis-suq globali. Il-programm PACE (Partnership Action for Continued Employment — Azzjoni ta' Sħubija għal Impjieg Kontinwu) imwaqqaf mill-awtoritajiet ta' l-Iskozja għamilha possibbli għall-organizzazzjonijiet kollha fis-setturi privati u pubbliċi sabiex b'mod attiv jevitaw sensji tal-massa. Ir-ristrutturar laqat b'mod qawwi s-suq tax-xogħol ta' l-Iskozja, b'mod partikulari l-industrija. Madankollu, iż-żieda fl-għadd ta' ħaddiema impjegati f'industriji ta' servizz u fis-settur tan-negozju fissret li l-Iskozja issa għandha waħda mill-ogħla rati ta' impjieg fl-UE, filwaqt li l-qgħad ilu fl-inqas livell tiegħu għal dawn l-aħħar 30 sena. Barra minn hekk, l-ekonomija ta' l-Iskozja qiegħda taħsad il-benefiċċji tal-proċess ta' globalizzazzjoni. Il-banek ta' l-Iskozja espandew barra mill-pajjiż, u dan saħħaħ il-qagħda tagħhom fost il-kompetituri tagħhom.

Il-Pajjiż Bask — Spanja — Ristrutturar ta' reġjun u l-bliet tiegħu

L-industrija lokali, strutturata madwar il-bini ta' vapuri, l-azzar u l-industrija tal-manifattura fuq skala wiesgħa, bdiet tmur għall-agħar fis-snin 80. Il-gvern Bask, dawk li jħaddmu u t-trade unions iddeċidew li jirristrutturaw u jimmodernizzaw dawn is-setturi ta' l-industrija. Inħolqu disa' clusters, li flimkien kienu jagħmlu 45 % tal-PGD tal-pajjiż Bask. Illum jibqgħu l-forza ewlenija ta' l-ekonomija tar-reġjun. Wara proċess li dam għaddej xi għoxrin sena, il-PGD tal-pajjiż Bask bħalissa huwa t-tielet l-ogħla fl-Ewropa, wara r-reġjuni fil-Lussemburgu u fl-Irlanda. Il-qgħad, li kien 25 % fl-1990, bħalissa huwa ta' 4.5 %. Il-biċċa l-kbira mill-kapital investit jinsab fl-innovazzjoni; fondi privati huma responsabbli għal 66 % ta' l-investiment totali (il-medja fi Spanja hija ta' 48 %; iċ-ċifra għall-Ewropa hija ta' 54 %). Il-proċess ta' ristrutturar kien marbut ma' l-iżvilupp mill-ġdid tal-bliet tar-reġjun, inkluża l-belt kapitali, Bilbao. Il-kultura u l-identità lokali kellhom rwol kbir f'dan il-proċess, li wassal għal livell għoli ta' aċċettazzjoni soċjali tal-proċess innfisu.

Kreta — il-Greċja — Mill-biedja għal servizzi tat-turiżmu

Ir-ristrutturar fi Kreta, li kien iffinanzjat mill-gvern nazzjonali u mill-fondi Ewropej, huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni bejn negozji u istituti tar-riċerka (l-Università ta' Kreta, l-istitut tar-riċerka ta' Ħeraklion) u għandu l-għan li jgħin lin-nies sabiex jiċċaqalqu mis-settur tal-biedja għas-settur tas-servizzi. Dan il-għan inkiseb biss b'mod parzjali. Ir-raġuni ewlenija għal dan kienet l-istruttura vertikali u n-natura mill-ġenerali għall-ispeċifiku ta' l-azzjoni. Ċentri b'saħħithom komplew jissaħħu iktar, filwaqt li emarġinaw żoni fil-periferija li jinsabu sew fin-naħa ta' ġewwa tal-gżira, li kienu jwessgħu biss id-diverġenza bejn is-sottoreġjuni u li ma rriżultawx f'xi tkabbir fil-kompetittività.

Tavira — Il-Portugall

Ir-ristrutturar huwa bbażat fuq l-iżvilupp mill-ġdid, li jwassal għall-iżvilupp tas-servizzi tat-turiżmu, żieda fl-investiment f'dan is-settur, li għin fl-iffinanzjar taż-żamma tal-patrimonju storiku u arkitettoniku tar-reġjun, li min-naħa tiegħu wassal għal iktar żieda fit-turiżmu u influss ta' kapital privat. Dan il-proċess kien iffinanzjat mill-fondi ta' PITER, URBCOM, INTERREG u PROALGARVE.

Ir-reġjuni ta' l-Awstrija

Ir-ristrutturar jinvolvi transizzjoni minn ekonomija ta' settur uniku għal struttura industrijali ddiversifikata bbażata fuq proġetti tar-Riċerka u l-Iżvilupp, kif ukoll transizzjoni għas-settur tat-turiżmu u għas-servizzi relatati man-negozju. Dan il-proċess huwa megħjun b'mod intensiv permezz ta' l-iżvilupp kostanti ta' opportunitajiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

Porto, il-Portugall

Proċess ta' ristrutturar inbeda biss dan l-aħħar, u sar neċessarju bir-rilokazzjoni tal-kapital ta' bosta korpi governattivi u ditti, kif ukoll b'popolazzjoni li kulma jmur qiegħda tonqos u bil-kollass ta' bejgħ tradizzjonali bl-imnut favur is-supermarkets. L-għan tal-proċess ta' ristrutturar huwa li tingħata ħajja ġdida liċ-ċentru tal-belt, li jkunu żviluppati servizzi kulturali u li jkunu żviluppati mill-ġdid id-djar fil-belt. Is-sena 2004 rat it-tnedija ta' l-inizjattiva PortoVivo, li għandha l-għan li tattira l-investiment privat lejn il-belt. Dan il-proġett kbir ta' ristrutturar u ta' żvilupp mill-ġdid ser jiġi estiż fuq perijodu ta' għoxrin sena. Ir-rinnovament ta' iktar minn 5 000 binja hija ppjanata matul dan il-perijodu, li ser tgħin fil-preservazzjoni tal-patrimonju kulturali u storiku ta' valur, u li min-naħa tiegħu ser jiżviluppa s-settur tas-servizzi, u għaldaqstant jinħolqu impjiegi ġodda.

Liberec, ir-Repubblika Ċeka

Proċess ta' ristrutturar li tqanqal minn bidla fis-sistema politika għandu l-għan li jallinja l-ekonomija ma' l-istandards ta' l-UE. Dan kien iffinanzjat l-iktar mill-baġit ta' l-istat u tar-reġjun u mill-fondi ta' l-UE. Dan wassal għall-għoti ta' appoġġ lis-settur ta' l-SME u għall-iżvilupp tal-PPPs. Il-problemi ewlenin huma d-djun u l-qagħda tal-finanzi pubbliċi.

Wrocław, il-Polonja

L-aħħar sbatax-il sena raw bidla kemm fl-ekonomija tal-belt kif ukoll fl-apparenza tagħha b'mod ġenerali. L-iżvilupp mill-ġdid kemm taċ-ċentru tal-belt kif ukoll ta' żoni speċifiċi tal-belt attira l-investituri privati lejn il-belt. Infetħu lukandi u restoranti. Il-politika miftuħa ta' l-awtoritajiet tal-belt, il-kooperazzjoni mal-bliet tagħha ta' ġemellaġġ, l-awtoritajiet reġjonali u l-gvern ċentrali, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn il-belt u l-ġirien immedjati tagħha wasslu għat-twaqqif ta' fergħat ġodda ta' l-industrija fiż-żona fil-viċinanzi tal-belt. Il-Park tat-Teknoloġija ta' Wrocław u ċ-ċentri tal-belt ta' l-edukazzjoni u ta' l-industrija nedew bosta inizjattivi fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Il-qgħad naqas minn 18 % għal 6 % f'dan il-perijodu; żvantaġġ wieħed kien li l-prezzijiet qegħdin jogħlew eż. l-prezzijiet tal-proprjetà għolew b'400 %.