52005PC0457




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.10.2005

KUMM(2005) 457 finali

2005/0194 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-Direttiva 93/15/KEE dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tqegħid fis-suq u s-superviżjoni ta’ l-isplużivi għall-użijiet ċivili teskludi b’mod espliċitu l-oġġetti pirotekniċi mill-ambitu tagħha. Madanakollu, waħda mill-premessi tagħha tindika li hija ppjanata leġiżlazzjoni addizzjonali dwar l-oġġetti pirotekniċi.

Il-proposta preżenti għandha l-għan li toħloq qafas leġiżlattiv komprensiv u koerenti fuq livell Komunitarju u tintroduċi l-kundizzjonijiet meħtieġa ta’ sikurezza minimi bl-għan li:

* tiżgura l-moviment ħieles tal-prodotti pirotekniċi fi ħdan l-UE,

* ittejjeb il-ħarsien ġenerali tal-konsumaturi u ta' l-utenti professjonali,

* tikkontribwixxi biex jonqsu l-aċċidenti,

* tarmonizza r-rekwiżiti ta’ sikurezza applikabbli fl-Istati Membri differenti,

1.1. Is-sitwazzjoni attwali

Il-qafas legali biex l-oġġetti pirotekniċi jiġu mqiegħda fis-suq u użati jvarja fil-wisa’ minn Stat Membru għal Stat Membru. Sabiex tinkiseb stampa globali tas-sitwazzjoni, fl-2003 il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju dwar il-qafas legali li għandu x’jaqsam ma’ l-oġġetti pirotekniċi, speċjalment il-logħob tan-nar. Il-kwestjonarju kellu wkoll l-għan li jiġbor statistiċi dwar l-aċċidenti li jirriżultaw mil-logħob tan-nar fl-UE u fiż-ŻEE.

Id-data dwar l-aċċidenti ppreżentata aktar ’l isfel tikkonċerna biss il-logħob tan-nar, u mhux l-oġġetti l-oħra pirotekniċi bħall-effetti fuq il-palk jew il-murtaletti ta' emerġenza jew l-oġġetti pirotekniċi għall-industrija awtomotiva. Għal dawn il-prodotti, ma teżisti l-ebda sistema konsistenti biex jiġu rrapportati l-aċċidenti fl-Istati Membri.

1.1.1. It-tqegħid fis-suq tal-logħob tan-nar

Il-klassifikazzjoni u l-approvazzjoni

Il-leġiżlazzjoni kurrenti fl-Istati Membri tiddividi l-logħob tan-nar f’numru ta’ klassijiet. Dawn il-klassijiet huma sseparati bil-kwantità ta’ sustanza piroteknika li tinsab fil-logħob tan-nar, u f’uħud mill-każi, ukoll bil-lokalità fejn jintuża (jekk hux ġewwa jew barra) l-logħob tan-nar. Għalkemm dawn is-sistemi nazzjonali ta’ klassifikazzjoni juru xebh minħabba li huma bbażati fuq il-kwantità ta’ sustanza piroteknika użata, m’humiex l-istess.

Bosta Stati Membri għandhom sistemi ta’ approvazzjoni marbuta mal-klassifikazzjoni biex il-logħob tan-nar jitqiegħed fis-suq. Dawn is-sistemi ta’ approvazzjoni bħalissa jużaw standards nazzjonali biex jiġi eżaminat il-logħob tan-nar. Bħala għarfien ta’ dawn id-differenzi, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni ( CEN ) qed ifittex li jiżviluppa standards armonizzati ta’ l-UE dwar il-logħob tan-nar. L-ewwel serje ta’ standards tas- CEN għal-logħob tan-nar kienet ippubblikata f’Mejju 2003. Uħud mill-Istati Membri jirrapportaw li għandhom pjanijiet biex jadottaw l-istandards tas- CEN fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Ir-Restrizzjonijiet għall-Konsumatur

Hemm differenzi sinifikanti fit-tipi ta’ logħob tan-nar li jistgħu jinbiegħu skond ir-restrizzjonijiet nazzjonali. L-Istati Membri kollha jipprojbixxu l-bejgħ ta’ logħob tan-nar kbir lill-konsumaturi. Tliet Stati Membri jipprojbixxu formalment il-bejgħ tal-logħob tan-nar kollu b’mod ġenerali lill-konsumaturi. Barra minn hekk, Stat Membru wieħed iħalli l-bejgħ ta’ logħob tan-nar żgħir lill-konsumaturi u jipprojbixxi l-bqija.

Uħud mill-Istati Membri jipprojbixxu formalment il-bejgħ tal-logħob tan-nar b’effetti ta’ ħsejjes kbar (eż. il-bombi ). Il-bejgħ ta’ ċerti tipi oħra ta’ logħob tan-nar huwa wkoll ipprojbit formalment f’uħud mill-Istati Membri. Ir-raġunijiet wara dawn il-miżuri jvarjaw minn tħassib dwar is-sikurezza għal tħassib dwar il-fastidju possibbli.

Ir-restrizzjonijiet ta’ l-età minima għall-kategoriji differenti tal-logħob tan-nar ivarjaw fil-wisa’ ma’ l-UE kollha.

Tliet Stati Membri jħallu biss il-bejgħ u/jew l-użu ta’ logħob tan-nar f’ċerti ġranet, eż. bejn il-Milied u Jum l-Ewwel tas-Sena.

It-tikketti

Il-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tikketti jvarjaw, sa ċertu punt, fl-Istati Membri kollha. Dawn il-kundizzjonijiet meħtieġa jistgħu jinkludu informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni u xi informazzjoni dwar l-użu mingħajr periklu jew ir-restrizzjonijiet ta’ l-età. Il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kollha jeħtieġu li tkun ipprovduta informazzjoni dwar kif wieħed għandu jittrattahom u jużahom mingħajr periklu.

1.1.2. L-aċċidenti

Bħala rispons għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, kienu biss minoranza mill-Istati Membri, u Membru wieħed ta’ l- EFTA , li pprovdew informazzjoni numerika dwar l-aċċidenti li jinvolvu l-logħob tan-nar. Raġuni għal dan tista’ tkun li s-sistemi nazzjonali li jirreġistraw l-aċċidenti ma fihomx informazzjoni speċifika dwar il-logħob tan-nar bħala kawża ta’ aċċidenti.

Jidher li r-rati ta’ l-aċċidenti jvarjaw b’mod sinifikanti bejn il-pajjiżi. Dan jista’ jkun minħabba l-użanzi lokali dwar l-użu pubbliku tal-logħob tan-nar.

Ir-rata rreġistrata ta’ l-aċċidenti fil-Greċja (madwar 1 għal kull miljun) u fl-Irlanda (3.9) hija aktar baxxa minn dik fid-Danimarka (5.4), fir-Renju Unit (60.1), fl-Iżvezja (madwar 50) u fin-Norveġja (4.5). Ir-raġunijiet għal dawn id-differenzi mhumiex ċari. Madanakollu ta’ min jinnota li ż-żewġ Stati Membri bl-aktar rata baxxa rrappurtata jipprojbixxu formalment il-bejgħ tal-logħob tan-nar lill-konsumaturi.

Ta’ min jinnota li l-informazzjoni ddikjarata aktar ’il fuq tirreferi biss għall-aċċidenti li ġew irrapportati u hija bbażata fuq każi li kienu jeħtieġu trattament fl-isptar. Ma tinkludix informazzjoni dwar aċċidenti li setgħu ġew ittrattati minn Tabib tal-Familja jew li setgħu ġraw fid-dar u ma kinux irrapportati. Għalhekk huwa possibbli li n-numru ta’ aċċidenti rreġistrati huwa tabilħaqq inqas mill-figura reali.

Ladarba mhux possibbli li wieħed jinterpreta l-informazzjoni fil-fond, lil hinn milli jislet data fattwali minnha, kwalunkwe tentattiv biex wieħed jikkalkula figura għan-numru totali ta’ aċċidenti fl-UE kollha jrid jiġi ttrattat b’mod kawt. Madanakollu, rata aktar baxxa ta’ aċċidenti tista’ tkun ta’ madwar 15 għal kull miljun, u rata ogħla tista’ tkun ta’ madwar 100 għal kull miljun. Jekk wieħed juża dawn ir-rati għall-popolazzjoni ta’ UE Mkabbra ta’ 455 miljuni jsib li n-numru totali ta’ aċċidenti li jinvolvu l-logħob tan-nar jinsab bejn is-7,000 u l-45,000 għal dan il-qasam.

L-informazzjoni dwar jekk l-aċċidenti kinux riżultat ta’ ħsara jew użu ħażin tal-logħob tan-nar hija wkoll limitata. L-informazzjoni ppreżentata tissuġġerrixi li l-parti l-kbira huma r-riżultat ta’ użu ħażin, minkejja li huwa interessanti li wieħed jinnota li fid-Danimarka fl-2002, kważi nofs l-aċċidenti rreġistrati kienu r-riżultat ta’ ħsara fil-logħob tan-nar. Intwera wkoll tħassib ġenerali, permezz ta’ wħud mir-risposti għall-kwestjonarju, dwar il-kwalità u l-istandard ta’ wħud mill-oġġetti tal-logħob tan-nar li jistgħu jiddaħħlu fis-suq ta’ l-UE.

Oġġetti pirotekniċi oħrajn bħall-effetti ta’ fuq il-palk u l-murtaletti ta' emerġenza huma wkoll suġġetti għal legiżlazzjonijiet li jvarjaw. Madanakollu, il-Kummissjoni m’għandiex statistiċi dwar il-ħsarat jew l-aċċidenti għal dawn il-prodotti, imma ma jistax jiġi eskluż li jiġru aċċidenti minħabba ħsarat.

1.1.3. It-tqegħid fis-suq ta' oġġetti pirotekniċi awtomotivi

Ħafna Stati Membri għandu proċessi ta’ approvazzjoni differenti sabiex jitqiegħdu fis-suq tagħmir għall-infigħ ta' l- airbags , moduli u strumenti tas-sikurezza għal użijiet awtomotivi u għal użijiet oħra. Dawn il-proċessi ta’ approvazzjoni bħalissa jużaw ir-regolamenti u l-liġijiet nazzjonali għall-approvazzjoni ta’ dawn il-prodotti.

1.2. L-effetti maħsuba tal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE

Il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE dwar il-bejgħ u l-użu ta’ l-oġġetti pirotekniċi hija maħsuba biex jiġu żviluppati l-kundizzjonijiet meħtieġa essenzjali ta’ sikurezza li huma meħtieġa għall-effikaċja ta’ l-istandards armonizzati ta’ l-UE dwar l-oġġetti pirotekniċi. L-abbozz tad-Direttiva għandu wkoll l-għan li jiżviluppa metodu armonizzat ta’ l-UE biex tkun ipprovduta informazzjoni dwar kif l-oġġetti pirotekniċi jiġu ttrattati u użati mingħajr periklu.

Metodu armonizzat ta’ l-UE dwar l-istandards ta’ l-oġġetti pirotekniċi se jiżgura li l-oġġetti pirotekniċi li ma jilħqux l-istandard normali ma jiġux imqiegħda fis-suq fl-UE u dan għandu jirriżulta fi tnaqqis sinifikanti fin-numru ta’ aċċidenti kkawżati minn ħsara fil-logħob tan-nar. Jestendi għall-għoti tal-marka CE ta’ l-oġġetti pirotekniċi bir-riżultat illi l-oġġetti pirotekniċi li huma mmarkati CE biss jistgħu jitqiegħdu fis-suq.

Metodu armonizzat ta’ l-UE sabiex tkun ipprovduta informazzjoni dwar it-trattament u l-użu mingħajr periklu ta' l-oġġetti pirotekniċi jista’ wkoll ikun ta’ għajnuna sabiex jitnaqqas in-numru ta’ aċċidenti li jirriżultaw minn użu ħażin.

Metodu armonizzat għat-tqassim f’kategoriji, għall-użu ta’ l-istandards, u għas-sistema ta’ approvazzjoni fejn għandhom x’jaqsmu l-oġġetti pirotekniċi għandu jwassal għal benefiċċji sinifikanti f’termini tas-sikurezza tal-prodott, flimkien ma’ suq wieħed għall-manifatturi u l-importaturi.

Fl-istess waqt, meta jitqiesu l-għadd ta’ regolamenti nazzjonali differenti dwar il-bejgħ u l-użu tal-logħob tan-nar, il-proposta tħalli l-possibbiltà lill-Istati Membri biex iżommu r-regolamenti tagħhom stesss safejn għandhom x’jaqsmu l-età minima u l-bejgħ u l-użu ta’ ċerti kategoriji ta’ logħob tan-nar.

1.3. Il-koerenza ma’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra

Oġġetti oħrajn pirotekniċi li diġà jaqgħu taħt leġiżlazzjoni ta’ l-UE eżistenti, eż. dwar it-tagħmir tal-baħar, ġew esklużi mill-ambitu tad-Direttiva. Ukoll, ma tapplikax għall-isplużivi li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE.

Id-Direttiva għalhekk hija koerenti mal-leġiżlazzjoni Komunitarja l-oħra.

2. IR-RIżULTATI TAL-KONSULTAZZJONIIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT

Il-konsultazzjonijiet

Minħabba li grupp ta’ ħidma għall-oġġetti pirotekniċi fuq livell ta’ l-UE ma kienx jeżisti qabel, il-proċess ta’ konsultazzjoni għad-Direttiva beda f’Mejju 2003 meta ntbagħat il-kwestjonarju, kif deskritt aktar ’il fuq. Dan kellu miegħu ittra lir-Rappreżentanti Permanenti ta’ l-Istati Membri u lill-Missjonijiet tal-pajjiżi kandidati u ta’ l- EFTA , li inkoraġġiet iċ-ċirkolazzjoni tal-kwestjonarju lil dawk li potenzjalment għandhom interess, u għamlitha ċara li l-persuni kollha kienu ħielsa li jwieġbu.

L-ewwel laqgħa ta’ grupp ta’ ħidma għal dawk li għandhom interess kien organizzat fit-23 ta’ Settembru 2003, u kien segwit minn żewġ laqgħat oħra fl-1 ta’ Diċembru 2003 u fis-16 ta’ Marzu 2004 fi Brussell. Għal dawn il-laqgħat, intbagħtu stediniet lill-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri, tal-pajjiżi kandidati u tal-membri ta’ l-EFTA u lil dawk l-assoċjazzjonijiet li kienu wieġbu l-kwestjonarju jew li kienu ddikjaraw l-interess tagħhom li jieħdu sehem fil-grupp ta’ ħidma.

L-industrija tal-Piroteknika kienet irrapreżentata minn delegati mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Piroteknika. L-industrija li tipprovdi l-komponenti awtomotivi kienet irrappreżentata mis- CLEPA , l-assoċjazzjoni Ewropea tagħhom.

Is- CEN , il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, u b’mod partikolari il-kumitat tekniku tiegħu għall-oġġetti pirotekniċi, ukoll kien assoċjat mill-qrib mal-preparazzjoni tad-Direttiva. Għen fl-abbozzar tar-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza, li kienu ffinalizzati f’laqgħa organizzata mill-Olanda f’Delft fis-17 u t-18 ta’ Novembru 2003.

Ħafna abbozzi preċedenti tad-Direttiva tqassmu fil-wisa’ mill-parteċipanti fil-grupp ta’ ħidma, u sussegwentement intlaqgħu l-kummenti mhux biss mill-awtoritajiet pubbliċi inkarigati mill-piroteknika, imma wkoll minn bosta assoċjazzjonijiet u kumpaniji individwali ta’ l-industrija (tal-logħob tan-nar, tal-fornituri tal-komponenti awtomotivi u tas-setturi aerospazjali).

Fil-prinċipju, il-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri u ta’ l-assoċjazzjonijiet ta’ l-industrija tal-piroteknika u tal-fornituri tal-komponenti awtomotivi laqgħu b’sodisfazzjon l-inizjattiva għal Direttiva dwar l-oġġetti pirotekniċi. Madanakollu, l-awtoritajiet tal-komponenti tar-Renju Unit u ta’ l-Iżvezja jaħsbu li l-leġiżlazzjoni ta’ l-UE f’dan il-qasam mhix meħtieġa, fehma li sabet appoġġ fost uħud mill-manifatturi tal-piroteknika fir-Renju Unit.

Waqt li l-fornituri Ewropej tal-komponenti awtomotivi talbu espliċitament li l- airbags u l-apparat l-ieħor ta’ sikurezza fil-karozzi jkunu inklużi fl-ambitu tad-Direttiva, kien hemm talba biex jiġu esklużi l-partijiet aerospazjali minħabba li dawn kienu diġà koperti minn regoli internazzjonali oħrajn.

Id-diskussjoni ewlenija ma’ l-Istati Membri waqt il-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma kienet dwar sa liema punt l-Istati Membri jistgħu jżommu r-restrizzjonijiet nazzjonali fuq il-bejgħ u l-użu ta’ ċerti kategoriji ta’ logħob tan-nar.

Ladarba kien hemm tradizzjonijiet kulturali ferm differenti fejn jidħol il-logħob tan-nar, il-proposta tipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu l-użu u/jew il-bejgħ lill-pubbliku tal-logħob tan-nar tal-kategoriji 2 u 3.

Uħud mill-Istati Membri wkoll iridu jkunu jistgħu jirrestrinġu l-użu u/jew il-bejgħ ta' oġġetti tal-logħob tan-nar tal-kategorija 1, (jiġifieri, logħob tan-nar li jippreżenta periklu żgħir ħafna u li huwa maħsub għall-użu f'postijiet magħluqa, inklużi logħob tan-nar maħsub għall-użu ġewwa d-djar), li minnhom, skond id-definizzjoni, hemm riskju żgħir ħafna. Filwaqt li ma nistgħux naċċettaw dan fil-prinċipju, minħabba li huwa meħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet tas-suq interni għal dan il-grupp ta’ prodotti, il-Kummissjoni hija lesta li tagħti mandat ġdid lis- CEN sabiex tagħti definizzjoni ġdida lill-kategorija 1 u taħdem fuq lista ta’ dawk l-oġġetti li jistgħu jitqiesu bħala bla periklu mill-Istati Membri kollha u li sussegwentement għandhom ikunu jistgħu jitħallew jiċċirkolaw b’mod ħieles fis-suq intern.

Kwistjoni oħra kontroversjali li tqajmet minn numru ta’ Stati Membri kienet dik tal-limiti ta’ l-età minima. Madanakollu, il-Kummissjoni għamlitha ċara li dawn huma rekwiżiti minimi u li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jimponu limiti aktar stretti jekk jaħsbu li dan huwa meħtieġ. Għal dawk l-Istati Membri li għad m’għandhomx il-limiti minimi ta’ l-età għall-bejgħ tal-logħob tan-nar lill-konsumaturi aħħarija, dawn il-limiti ta’ l-età minimi huma mistennija li jkollhom effett pożittiv fuq in-numru ta’ aċċidenti li għandhom x’jaqsmu mal-logħob tan-nar.

Il-valutazzjoni ta’ l-impatt

Is-suq ta’ l-UE għall-bejgħ tal-logħob tan-nar lill-konsumaturi (il-kategoriji 1, 2 u 3) huwa stmat li huwa ta’ madwar €700 miljun fis-sena. Is-suq ta’ l-UE għall-bejgħ tal-logħob tan-nar lill-utenti professjonali wkoll huwa stmat li huwa ta' madwar €700 miljun fis-sena. Ftit logħob tan-nar huwa mmanifatturat fl-UE. Bosta mil-logħob tan-nar li huwa mmanifatturat fl-UE huwa għal użu professjonali biss (il-kategorija 4).

Huwa stamat li sistemi li jrażżnu lill-okkupant ta’ mezz awtomotiv jitqiegħdu f’madwar 20 miljun vettura fis-sena fl-UE. Fil-każ ta’ l- airbags , dan jammonta għal madwar 80 miljun sistema li tkun offruta għall-bejgħ fis-sena, b’valur ta’ madwar €3.5 biljun. U fil-każ ta’ l-apparat li jissikka minn qabel iċ-ċinturin tas-sikurezza f’każ ta’ kolliżjoni, madwar 90 miljun unità jiġu offruti għall-bejgħ fis-sena, b’valur ta’ madwar €2 biljun.

Id-Direttiva proposta kieku toħloq suq wieħed għall-artikoli pirotekniċi. Dan huwa mistenni li jirriżulta mit-tneħħija ta' l-ostakli għall-kummerċ li bħalissa huma kkawżati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali attwati madwar l-UE. Id-Direttiva se tistabbilixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa essenzjali ta’ sikurezza għall-oġġetti pirotekniċi filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jivvalutaw il-konformità ta’ dawn l-oġġetti skond ir-rekwiżiti. L-oġġetti li jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza jistgħu jkunu mmarkati bħala CE , u b'hekk tkun iggarantita ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tagħhom fl-UE, waqt li fl-istess ħin ikun żgurat livell għoli ta’ ħarsien għall-konsumaturi.

Id-Direttiva mistennija li twassal għal tnaqqis konsiderevoli fl-ispejjeż, minħabba li valutazzjoni waħda għall-konformità CE se tieħu post sa 25 proċedura ta’ approvazzjoni parallela.

Il-benefiċċji ewlenija għalhekk huma: it-tnaqqis tal-piżijiet fuq l-intrapriżi permezz ta’ sistema ta’ approvazzjoni armonizzata biex l-oġġetti pirotekniċi jitqiegħdu fis-suq, flimkien mal-ħolqien ta’ suq wieħed, u ta’ livell għoli ta’ ħarsien għall-konsumaturi.

L-oġġetti pirotekniċi maħsuba biex jintużaw mill-forzi armati, mill-pulizija, fl-inġenji ta’ l-ajru jew li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tat-Tagħmir tal-Baħar (96/98/KE) se jkunu esklużi mid-Direttiva.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-Bażi Legali

Il-bażi legali tal-proposta hija l-Artikolu 95 tat-Trattat.

Id-Direttiva preżenti se tiddetermina l-kundizzjonijiet biex l-oġġetti pirotekniċi jitqiegħdu fis-suq u jintużaw fl-UE billi jiġu armonizzati r-rekwiżiti essenzjali. L-għan se jkun li jiġu introdotti r-rkwiżiti minimi ta’ sikurezza biex iħarsu lill-pubbliku ġenerali u lill-utenti professjonali filwaqt li jneħħu jew jevitaw l-ostakli għall-kummerċ u ma jħallux li jkun hemm tagħwiġ tal-kompetizzjoni minħabba sistemi regolatorji diverġenti. L-attenzjoni prinċipali għalhekk qiegħda fuq il-ħarsien ta’ l-utenti filwaqt li jittejbu l-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern.

L-Artikolu 95 tat-Trattat KE għalhekk huwa xieraq biex jarmonizza l-kundizzjonjiet tal-bejgħ u ta’ l-użu tal-prodotti pirotekniċi filwaqt li jtejjeb il-ħarsien ta’ l-utenti.

Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità

Il-leġiżlazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta' oġġetti pirotekniċi balissa hija ddeterminata nazzjonalment ma' l-UE kollha, u leġiżlazzjoni nazzjonali diverġenti bħal din taf twassal għall-ħolqien ta' xkiel għall-kummerċ intra-komunitarju.

Għalhekk, il-ħsieb tal-Kummissjoni huwa li toħloq suq intern ġenwin għal ċerti kategoriji ta' artikoli pirotekniċi u li tintroduċi rekwiżi essenzjali tas-sikurezza, Dan huwa biss possibbli permezz ta' Direttiva jew Regolament.

Sa fejn għandhom x'jaqsmu l-aċċidenti, u billi jitqies li huwa faċli ħafna li l-logħob tan-nar jinġarr illegalment minn Stat Membru għal ieħor permezz tal-fruntieri miftuħa, mhux faċli għall-awtoritajiet li jikkontrollaw it-tqegħid fis-suq tal-logħob tan-nar.Mingħajr id-definizzjoni ta' rekwiżti ta' sikurezza essenzjali, jista' jkun mistenni li n-numru ta' aċċidenti li jirriżultaw minn logħob tan-nar effettiv ikompli jiżdied.

Madankollu, is-sussidjarjetà wkoll se titqies, peress li d-Direttiva mhix se żżomm lill-Istati Membri milli jieħdu l-miżuri għal raġunijiet ta' sigurtà jew sikurezza pubblika sabiex jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq ta' ċerti kategoriji ta' logħob tan-nar. Id-Direttiva proposta se tippermetti wkoll li l-Istati Membri jżommu limiti ta' età minima li huma ogħla għall-bejgħ ta' logħob tan-nar lill-konsumaturi, għal darb-oħra għal raġunijiet ta' sigurtà u sikurezza pubblika.

Id-Direttiva proposta hija proporzjonata għal ma’ l-għanijiet biex tittejjeb is-sikurezza tal-konsumatur u jinħoloq suq intern għall-oġġetti pirotekniċi.

L-għażla ta’ l-istrumenti

Il-Kummissjoni għażlet Direttiva bħala l-aħjar strument biex tilħaq l-għanijiet tagħha, ladarba hemm il-ħtieġa li jiġu armonizzati l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar l-oġġetti pirotekniċi differenti. Regolament seta’ kien alternattiva, imma dan qatt ma sar qabel għall-Metodu l-Ġdid, u numru ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva (eż. l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jgħarrfu lill-korpi nnotifikati u li jwettqu sorveljanza fuq is-suq) ma setgħux ikunu inklużi fir-Regolament, minħabba li hu applikabbli direttament.

4. L-implikazzjonijiet għall-baġit

M’hemm l-ebda implikazzjoni immedjata għall-baġit mid-Direttiva proposta. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 18 se jiddeċiedi dwar il-possibbiltà li jiġi stabbilit Reġistru bin-numri ta’ reġistrazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-oġġetti pirotekniċi, li se jagħmilha aktar faċli biex, f’każ ta’ aċċidenti minħabba funzjonament difettuż, jiġu identifikati l-oġġetti pirotekniċi u l-manifattur tagħhom jew ir-rappreżentant awtorizzat. Din id-dispożizzjoni tista’ aktar tard ikollha implikazzjonijiet għall-baġit, li hemm bżonn jiġu studjati fid-dettall meta ssir proposta bħal din.

2005/0194 (COD)

Proposta għal

DIRE TTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[3],

Billi:

(1) Il-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istati Membri fejn għandhom x’jaqsmu it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ oġġetti pirotekniċi huma differenti, b’mod partikolari dwar aspetti bħall-karatteristiċi tas-sikurezza u tal-prestazjoni.

(2) Dawn id-dispożizzjonijiet, ġaladarba jistgħu jikkawżaw tfixkil għall-kummerċ fil-Komunità, għandhom jiġu armonizzati biex jiggarantixxu l-moviment ħieles ta’ oġġetti pirotekniċi fis-suq intern waqt li jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien għal saħħet il-bniedem u għas-sikurezza tal-konsumaturi.

(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-bejgħ u s-superviżjoni ta’ splużivi għal użi[4] ċivili tiddikjara li oġġetti pirotekniċi jeħtieġu miżuri adatti biex jiżguraw il-ħarsien tal-konsumaturi u s-sikurezza tal-pubbliku, u li hija ppjanata leġiżlazzjoni addizzjonali f’dan il-qasam.

(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta’ riskji minn inċidenti serji li jinvolvu sustanzi perikolużi (imsejħa “d-Direttiva ta’ Seveso II”)[5], estiża bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/105/KE[6] tas-16 ta’ Diċembru 2003 tistabbilixxi r-rekwiżiti ta' sikurezza għall-istabbilimenti fejn, fost sustanzi perikolużi oħra, ikun hemm preżenti splużivi, inklużi sustanzi pirotekniċi.

(5) Biex jiġu żgurati livelli għolja xierqa ta’ ħarsien, l-oġġetti pirotekniċi għandhom jiġu kklassifikati skond it-tip ta’ l-użu tagħhom, l-iskop tagħhom u l-livell ta’ riskju.

(6) Fid-dawl tal-perikli inerenti fl-użu ta’ oġġetti pirotekniċi, huwa f'loku li jiġu stabbiliti l-limiti ta’ żmien għall-bejgħ tagħhom lil konsumaturi u l-użu tagħhom, u li jkun żgurat li t-tikketti tagħhom juru informazzjoni suffiċjenti u xierqa għall-użu bla periklu, biex iħarsu saħħet il-bniedem, is-sikurezza tiegħu u l-ambjent. Għandu jkun hemm dispożizzjoni li tipprovdi li ċerti oġġetti pirotekniċi jkunu disponibbli biss għal speċjalisti awtorizzati mogħnija bl-għarfien, bil-kapaċità u bl-esperjenza neċessarji.

(7) L-użu tal-piroteknika, u b’mod partikolari l-użu tal-logħob tan-nar, huwa soġġett għal użanzi u tradizzjonijiet kulturali differenti ħafna fi Stati Membri differenti. Minħabba f’hekk, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jieħdu miżuri nazzjonali biex jillimitaw l-użu jew il-bejgħ ta’ ċerti kategoriji ta’ logħob tan-nar lill-pubbliku ġenerali għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika jew nuqqas ta’ periklu.

(8) Huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżitiessenzjali ta’ sikurezza għall-oġġetti pirotekniċi.

(9) Ir-responsabbiltà biex jiġi żgurat li l-oġġetti pirotekniċi jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u b’mod partikolari ma’ dawk ir-rekwiżitiessenzjali ta’ sikurezza għandha tkun tal-manifattur, li għandu jkun stabbilit fil-Komunità jew jaħtar rappreżentant awtorizzat.

(10) Fejn ir-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza jintlaħqu, m’għandux ikun possibbli għall-Istati Membri li jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu l-moviment ħieles ta’ l-oġġetti pirotekniċi.

(11) Biex jiffaċilitaw il-proċess li tintwera konformità mar-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza, qed jiġu żviluppati standards armonizzati relatati mad-disinn, il-manifattura u l-ittestjar ta’ oġġetti bħal dawn.

(12) Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni ( CEN ), il-Kumitat għall-Istandardizzazzjoni Elettro-teknika ( CENELEC ) u l-Istitut Ewropew ta’ l-Istandards fit-Telekomunikazzjoni ( ETSI ) jikkompilaw, jadottaw u jimmodifikaw l-istandards armonizzati Ewropej. Dawn l-organizzazzjonijiet huma rikonoxxuti bħala kompetenti għall-adozzjoni ta’ standards armonizzati, li huma kkompilaw skond il-linji ta’ gwida ġenerali għall-kooperazzjoni bejniethom u bejn il-Kummissjoni[7], u bil-proċedura stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura biex tkun ipprovduta informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi[8].

(13) Il-Kunsill, fid-Deċiżjoni tiegħu 93/465/KEE tat-22 ta’ Lulju 1993 dwar il-moduli għall-fażijiet differenti tal-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità li huma maħsuba biex jintużaw fid-direttivi għall-armonizzazzjoni tat-teknika, introduċa mezzi armonizzati biex jiġu applikati proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità. L-applikazzjoni ta’ dawn il-moduli għall-oġġetti pirotekniċi se tagħmilha possibbli biex tkun iddeterminata r-responsabbiltà tal-manifatturi u tal-korpi involuti fil-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità billi tikkunsidra n-natura ta’ l-oġġetti pirotekniċi konċernati.

(14) L-oġġetti pirotekniċi għandu jkollhom il-marka CE biex juru l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva biex ikunu jistgħu jiċċirkolaw b’mod ħieles fil-Komunità.

(15) Dwar sikurezza fit-trasport, ir-regoli dwar it-trasport ta’ oġġetti pirotekniċi huma koperti b’konvenzjonijiet u ftehimiet internazzjonali, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi.

(16) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli fuq il-pieni applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u jiżguraw irwieħhom li jiġu implimentati. Dawn il-pieni jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(17) Huwa ferm importanti li jiġi pprovdut perjodu transizzjonali biex il-liġijiet nazzjonali f’oqsma speċifiċi jiġu adottati gradwalment.

(18) Peress li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(19) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 999/468/KE[9],

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Għanijiet u l-ambitu

1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli bil-ħsieb li jinkiseb il-moviment ħieles ta’ l-oġġetti pirotekniċi fis-suq intern waqt li fl-istess ħin ikun żgurat grad għoli ta’ ħarsien għal saħħet il-bniedem u għas-sikurezza tal-konsumaturi.

2. Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza li jridu jissodisfaw l-oġġetti pirotekniċi biex ikunu jistgħu jinħarġu għall-bejgħ.

3. Din id-Direttiva tapplika għall-oġġetti pirotekniċi kif iddefiniti fl-Artikolu 2.

4. Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

- L-oġġetti pirotekniċi intenzjonati għall-użu, skond il-liġi nazzjonali, mill-forzi armati jew mill-pulizija;

- L-oġġetti li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1996 fuq it-tagħmir tal-baħar[10];

- L-oġġetti pirotekniċi intenzjonati għall-użu fl-inġenji ta’ l-ajru;

- L-oġġetti pirotekniċi li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE tat-3 ta’ Mejju 1988 dwar it-tqarrib tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar is-sikurezza tal-ġugarelli[11];

- L-isplussivi li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE[12] tal-5 ta’ April 1993 dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mat-tqegħid fis-suq u s-superviżjoni ta’ splużivi għal użi ċivili;

- Il-munizzjon, jiġifieri projettili u karigi splużivi ta’ armi ta' l-id, artillerija, u armi tan-nar oħra.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1. 'Oġġett pirotekniku' tfisser kull oġġett li fih sustanzi jew taħlitiet ta’ sustanzi mfassla biex jipproduċu sħana, dawl, ħoss, gass jew duħħan jew taħlita ta’ dawn l-effetti permezz ta’ reazzjonijiet kimiċi esotermiċi sostnuti minnhom infushom, kemm għad-divertiment kif ukoll għal finijiet oħra.

2. ‘Tqegħid fis-suq’ tfisser l-ewwel tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq tal-Komunità ta' prodott individwali intenzjonat għal użu aħħari, biex jitqassam u/jew jintuża, kemm bi ħlas u kemm b’xejn.

3. ‘Logħob tan-nar’ tfisser oġġett pirotekniku għad-divertiment.

4. ‘Oġġett pirotekniku awtomotiv’ tfisser oġġetti li jkun fihom sustanzi pirotekniċi li jintużaw biex jattivaw tagħmir tas-sikurezza jew tagħmir ieħor f’vetturi bil-mutur.

5. ‘Manifattur’ tfisser il-persuna naturali jew legali li tiddisinja u/jew timmanifattura prodott kopert minn din id-Direttiva, jew li tqabbad lil min jiddisnja u jimmanifatturaprodott bħal dan, bil-ħsieb li jitqiegħed fis-suq, jew għall-użu professjonali jew privat tagħha, taħt isimha jew bi trejdmark tagħha; jew tqiegħed fis-suq prodott kopert b’din id-Direttiva taħt isimha jew bi trejdmark tagħha.

6. ‘Rappreżentant awtorizzat’ tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali stabbilita fil-Komunità li rċeviet mandat bil-miktub mill-manifattur biex taġixxi f’ismu rigward ir-responsabbiltajiet ta’ dan ta’ l-aħħar taħt din id-Direttiva.

7. ‘Standard armonizzat’ tfisser Standard Ewropew adottat minn korp Ewropew ta’ l-istandardizzazzjoni taħt mandat mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva 98/34/KE li l-konformità tagħhom mhix obbligatorja.

8. ‘Persuna b’għarfien speċjalizzat’ tfisser persuna awtorizzata mill-Istati Membri biex ikollha u/jew tuża fit-territorju tagħhom logħob tan-nar tal-kategorija 4 u/jew oġġetti pirotekniċi oħra tal-kategorija 2 kif iddefiniti fl-Artikolu 3.

Artikolu 3

It-tqassim f’kategoriji

1. L-oġġetti pirotekniċi li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva jitqassmu f’kategoriji mill-manifattur skond it-tip ta’ użu tagħhom, jew l-iskop tagħhom, jew il-livell ta’ periklu. Il-korpi nnotifikati jikkonformaw ma’ dan it-tqassim f’kategoriji bħala parti mill-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità skond l-Artikolu 9.

It-tqassim f’kategoriji huwa kif ġej:

a. Il-logħob tan-nar

Kategorija 1: oġġett tal-logħob tan-nar li jippreżenta periklu żgħir ħafna u li huwa maħsub biex jintuża f’żoni limitati, inklużi l-oġġetti tal-logħob tan-nar li huma maħsuba għall-użu f’bini domestiku;

Kategorija 2: oġġett tal-logħob tan-nar li jippreżenta periklu żgħir u li huwa maħsub biex jintuża barra f’żoni limitati;

Kategorija 3: oġġett tal-logħob tan-nar li jippreżenta periklu medju u li huwa maħsub biex jintuża barra f’żoni kbar fil-miftuħ;

Kategorija 4: oġġett tal-logħob tan-nar li jippreżenta periklu kbir u li huwa maħsub biex jintuża biss minn persuni b’għarfien speċjalizzat, magħruf komunement bħala “logħob tan-nar għal użu professjonali”.

b. Oġġetti pirotekniċi oħra

Kategorija 1: oġġetti pirotekniċi minbarra l-logħob tan-nar, li jippreżentaw periklu żgħir;

Kategorija 2: oġġetti pirotekniċi, minbarra l-logħob tan-nar, li huma maħsuba biss għat-trattament jew l-użu minn persuni b’għarfien speċjalizzat.

2. L-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni bil-proċeduri li bihom huma jidentifikaw u jawtorizzaw persuni b’għarfien speċjalizzat.

Artikolu 4

L-obbligi tal-manifattur

1. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-oġġetti pirotekniċi li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza stabbiliti fl-Anness I li japplikaw għalihom kif ukoll mad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha ta’ din id-Direttiva.

2. Il-manifatturi ta’ l-oġġetti pirotekniċi jeħtiġilhom ikunu stabbiliti fil-Komunità jew jaħtru rappreżentant awtorizzat.

Ir-rappreżentant awtorizzat jista’ jiġi indirizzat mill-awtoritajiet u mill-korpi fil-Komunità minflok il-manifattur rigward dawk l-obbligi li r-rappreżentant ikun irċieva l-mandat biex iwettaq.

3. Il-manifatturi ta’ l-oġġetti pirotekniċi għandhom:

1. Iressqu l-prodott quddiem korp innotifikat li jwettaq proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità skond l-Artikolu 9;

2. Iwaħħlu l-marka CE u t-tikketta ta’ l-oġġett pirotekniku skond l-Artikoli 11 u 12.

Artikolu 5

It-tqegħid fis-suq

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-oġġetti pirotekniċi li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva preżenti jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jikkonformaw ma’ l-obbligi ta’ din id-Direttiva, ikollhom il-marka CE , u jikkonformaw ma’ l-obbligi relatati mal-valutazzjoni tal-konformità.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jieħdu l-miżuri kollha f'lokhim biex jiżguraw li l-oġġetti pirotekniċi ma jkollhomx il-marka CE bla dritt.

Artikolu 6

Il-Moviment Ħieles

1. L-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu milli jitqiegħdu fis-suq l-oġġetti pirotekniċi li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dan id-Direttiva.

2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ukoll ma jipprekludux miżuri minn Stat Membru li huma ġġustifikati, minħabba raġunijiet ta’ sigurtà jew sikurezza pubblika, li jirrestrinġu l-użu u/jew il-bejgħ lill-pubbliku ġenerali tal-logħob tan-nar tal-kategoriji 2 u 3.

3. F’fieri kummerċjali, esibizzjonijiet u wirjiet għal għanijiet ta’ bejgħ, l-Istati Membri ma jimpedixxux il-wiri ta’ l-oġġetti pirotekniċi li mhumiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, sakemm sinjal viżibbli juri b’mod ċar li dawn la huma konformi u lanqas disponibbli għall-bejgħ, sakemm ma jinġibux konformi mill-manifattur jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità. Waqt dawn l-attivitajiet, għandhom jittieħdu miżuri xierqa ta’ sikurezza skond il-rekwiżiti stabbiliti mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat biex tkun żgurata s-sikurezza tan-nies.

4. L-Istati Membri ma jimpedixxux il-moviment u l-użu ħieles ta’ l-oġġetti pirotekniċi awtomotivi manifatturati minħabba riċerka, żvilupp u ttestjar u li mhumiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, sakemm sinjal viżibbli jindika b’mod ċar dawn la huma konformi u lanqas disponibbli għall-bejgħ.

Artikolu 7

Il-limiti ta’ l-età

1. L-oġġetti pirotekniċi ma jinbigħux jew u ma jitpoġġewx b’xi mod ieħor għad-disponibbiltà tal-konsumaturi taħt il-limiti ta’ l-età kif jidhru hawn taħt:

a. Il-logħob tan-nar

Kategorija 1: 12 il-sena.

Kategorija 2: 16-il sena.

Kategorija 3: 18-il sena.

b. Oġġetti pirotekniċi oħra

Kategorija 1: 18-il sena.

2. L-Istati Membri jistgħu jgħollu l-limiti ta’ l-età taħt il-paragrafu 1 fejn ikun iġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ sigurtà jew sikurezza pubblika. L-Istati Membri jistgħu wkoll ibaxxu l-limiti ta’ l-età għal persuni li jkunu ħadu jew qed jieħdu t-taħriġ vokazzjonali.

3. Il-manifatturi u d-distributuri m’għandhomx ibiegħu jew jagħmlu disponibbli b’mod ieħor dawn l-oġġetti pirotekniċi li ġejjin, ħlief biss lil persuni b’għarfien speċjalizzat:

3. Il-logħob tan-nar tal-kategorija 4,

4. Oġġetti pirotekniċi oħra tal-kategorija 2.

Artikolu 8

L-istandards armonizzati

1. Skond il-proċeduri stabbiliti mid-Direttiva 98/34/KE, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-korpi Ewropej ta’ l-istandardizzazzjoni biex ifasslu jew jirrivedu l-istandards Ewropej biex jappoġġjaw din id-Direttiva.

2. Il-Kummissjoni tippubblika r-referenzi ta’ dawn l-istandards armonizzati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

3. L-Istati Membri jikkunsidraw l-oġġetti pirotekniċi li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva u li jikkonformaw ma’ l-istandards armonizzati rilevanti, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, bħala konformi mar-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza msemmija fl-Artikolu 4(1).

Meta l-Istati Membri jadottaw traspożizzjoni nazzjonali ta’ l-istandardi armonizzati, jippubblikaw in-numri ta’ referenza ta’ dawn it-traspożizzjonijiet.

4. Fejn Stat Membru jew il-Kummissjoni jidhrilhom li l-istandards armonizzati msemmija f’dan l-Artikolu ma jissodisfawx għal kollox ir-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza msemmija fl-Artikolu 4(1), il-Kummissjoni jew l-Istat Membru konċernat iressqu l-kwistjoni quddiem il-Kumitat Permanenti stabbilit bid-Direttiva 98/34/KE, filwaqt li jagħtu r-raġunijiet għal dan. Il-Kumitat jagħti l-opinjoni tiegħu mingħajr dewmien. Fid-dawl ta’ l-opinjoni tal-Kumitat il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri bil-miżuri li għandhom jittieħdu rigward l-istandards armonizzati u l-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 9

Il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità

1. Għall-attestazzjoni tal-konformità ta’ l-oġġetti pirotekniċi, il-Manifattur jeħtieġlu jsegwi waħda mill-proċeduri li ġejjin:

5. il-proċedura ta’ l-eżami tat-tip ta’ l-EC (Modulu B) imsemmija fl-Anness II (1), u, skond kif jagħżel il-manifattur, jew:

6. il-proċedura tal-konformità mat-tip (Modulu C) imsemmija fl-Anness II (2), jew

7. il-proċedura ta’ l-assigurazzjoni tal-kwalità fil-produzzjoni (Modulu D) imsemmija fl-Anness II (3), jew

8. il-proċedura ta’ l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-prodott (Modulu E) imsemmija fl-Anness II (4), jew

9. il-proċedura tal-verifika tal-prodott (Modulu F) imsemmija fl-Anness II (5); jew

10. il-proċedura tal-verifika ta' l-unità (Modulu G) imsemmija fl-Anness II (6).

Artikolu 10

Il-korpi nnotifikati

1. L-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-korpi li jkunu ħatru biex iwettqu l-proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9, flimkien mal-kompiti speċifiċi li dawn il-korpi jkunu nħatru biex iwettqu u n-numri ta’ identifikazzjoni li jkunu ngħatawlhom minn qabel mill-Kummissjoni.

2. Il-Kummissjoni tippubblika fuq il-websajt ta’ l-Internet tal-Kummissjoni lista tal-korpi nnotifikati u n-numri ta’ identifikazzjoni tagħhom u l-kompiti li għalihom ikunu ġew innotifikati. Il-Kummissjoni għandha tiżgura ruħha li din il-lista tinżamm aġġornata.

3. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-kriterji minimi li jidhru fl-Anness III għall-valutazzjoni tal-korpi li dwarhom għandha tiġi nnotifikata l-Kummissjoni. Dawk il-korpi li jissodisfaw il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti mill-istandards armonizzati rilevanti għall-korpi nnotifikati għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kriterji minimi rilevanti.

4. Stat Membru li jkun innotifika lill-Kummissjoni b’xi korp partikolari għandu jirtira n-notifika jekk jiskopri li dak il-korp ma jkunx baqa' iktar jissodisfa l-kriterji msemmija fit-tielet paragrafu. Għalhekk huwa għandu jinforma immedjatament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dan.

Artikolu 11

L-obbligu li titwaħħal il-marka CE

1. Wara li tkun tlestiet b’suċċess il-valutazzjoni tal-konformità skond l-Artikolu 9, il-manifatturi għandhom iwaħħlu l-marka CE , b’tali mod li tkun tidher, leġġibbli u indelibbli, fuq l-istess oġġetti pirotekniċi jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq pjanċa ta’ identifikazzjoni mwaħħla magħhom jew, jekk ma jkunx hemm possibiltajiet oħrajn, jekk l-ewwel żewġ metodi ma jkunux jistgħu jintużaw, fuq il-pakketti. Il-pjanċa ta’ identifikazzjoni trid tkun iddisinjata b’tali mod li ma tkunx tista’ terġa’ tintuża.

Il-mudell li għandu jintuża għall-marka CE huwa skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE.

2. Il-manifatturi m’għandhomx iwaħħlu fuq l-oġġetti pirotekniċi xi marki jew skrizzjonijiet li jistgħu jħawdu lil terzi persuni fuq it-tifsira u l-forma tal-marka CE . Kwalunkwe marka oħra tista’ titwaħħal fuq l-oġġetti pirotekniċi sakemm ma titnaqqasx il-viżibilità u l-leġġibilità tal-marka CE .

3. Fejn l-oġġetti pirotekniċi li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva huma soġġetti għal leġiżlazzjoni oħra ta’ l-Unjoni Ewropea li tkopri aspetti oħra u tippreskrivi t-twaħħil tal-marka CE , din il-marka għandha tindika li l-prodotti msemmija aktar ’il fuq jitiqiesu wkoll bħala konformi mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni l-oħra li tapplika għalihom.

Artikolu 12

It-twaħħil tat-tikketti

1. Il-manifatturi għandhom jiżguraw irwieħhom li l-oġġetti pirotekniċi jkollhom it-tikketti xierqa bil-lingwa/i uffiċjali tal-pajjiż fejn l-oġġett jinbiegħ lill-konsumatur.

2. It-twaħħil tat-tikketti fuq l-oġġetti pirotekniċi għandhom jiddikjaraw bħala minimu, isem il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, l-isem u t-tip ta’ l-oġġett, il-limiti minimi ta’ l-età kif indikat fl-Artikolu 7(1) u (2), il-kategorija rilevanti u l-istruzzjonijiet għall-użu u, fejn dan ikun f'loku, id-distanza ta’ sikurezza. It-tikketti jridu wkoll jirreferu għall-Klassi/għad-Diviżjoni (1.1-1.6) tas-sustanza jew tat-taħlita ta’ sustanzi fl-oġġett skond l-iskema ta’ klassifikazzjoni NU/ADR jew jiddikjaraw informazzjoni komparabbli dwar il-periklu (periklu ta' splużjoni tal-massa, periklu tat-twaddib ’il barra, periklu tal-blast, periklu tan-nar).

3. Il-logħob tan-nar għandu juri wkoll l-informazzjoni minima li ġejja:

Kategorija 1: fejn dan ikun f'loku: “għall-użu barra biss” u d-distanza minima ta’ sikurezza

Kategorija 2: “għall-użu ta’ barra biss” u, fejn dan ikun f'loku, id-distanza/i minima/i ta’ sikurezza

Kategorija 3: “għall-użu barra biss” u distanza/i minima/i ta’ sikurezza

Kategorija 4: “għall-użu minn persuna b’għarfien speċjalizzat biss” u d-distanza/i minima/i ta’ sikurezza

4. Jekk l-oġġett pirotekniku ma jipprovdix spazju biżżejjed għar-rekwiżiti tat-twaħħil tat-tikketta msemmija fil-paragrafi 2 u 3, l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta fuq il-pakketti.

5. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 4 ma japplikawx għal-logħob tan-nar tal-kategorija 4 u għal oġġetti pirotekniċi oħra tal-kategorija 2 li jkunu qed jintwerew pubblikament mill-manifattur.

Artikolu 13

Is-sorveljanza tas-suq

1. L-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-oġġetti pirotekniċi li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva jistgħu jiġu offruti għall-bejgħ biss jekk, meta jkunu maħżuna kif suppost u użati għall-għan li huma maħsuba għalih, ma jkunux ta’ periklu għas-saħħa u għas-sikurezza tal-persuni.

2. L-Istati Membri jorganizzaw u jwettqu s-sorveljanza xierqa fuq il-prodotti mqiegħda fis-suq filwaqt li jqisu kif jixraq is-suppożizzjoni tal-konformità tal-prodotti li jkollhom il-marka CE .

3. Fejn Stat Membru jaċċerta ruħu li prodott kopert b’din id-Direttiva, bil-marka CE , flimkien mad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE u li jkun użat skond l-għan li huwa maħsub għalih, jista’ jikkomprometti s-saħħa u s-sikurezza tal-persuni, għandu jieħu l-miżuri provviżorji xierqa kollha biex jirtira dan il-prodott mis-suq, jipprojbixxi l-bejgħ tiegħu jew jillimita l-moviment ħieles tiegħu. L-Istat Membru jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan.

Artikolu 14

Informazzjoni rapida dwar prodotti li jippreżentaw riskji serji

Fejn Stat Membru jkollu raġunijiet suffiċjenti biex jemmen li prodott kopert minn din id- Direttiva jippreżenta riskju serju li jista’ jikkomprometti s-saħħa u/jew is-sikurezza tal-persuni fl-Unjoni Ewropea, ikun irid jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan u jwettaq evalwazzjoni xierqa. Irid jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-isfond u bir-riżultati ta’ l-evalwazzjoni.

Artikolu 15

Il-klawsola ta’ ħarsien

1. Fejn Stat Membru għandu raġunijiet ġustifikabbli sabiex jemmen li oġġett pirotekniku mhuwiex konformi mal-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva , fil-proċedura ta’ l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 3 u 14 ta’ l-Artikolu 13, għandu jindika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu u, b’mod partikolari jekk in-nuqqas ta’ konformità hux minħabba:

11. li ma kinux issodisfatti r-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 4(1);

12. applikazzjoni ħażina ta’ l-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 8;

13. nuqqasijiet fl-istess standards armonizzati imsemmija fl-Artikolu 8.

2. Il-Kummissjoni tidħol f’konsultazzjoni mal-partijiet konċernati mingħajr dewmien. Wara din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra jekk il-miżuri meħuda mill-Istat Membru humiex ġustifikati jew le, u tikkomunika l-opinjoni tagħha lill-Istat Membru li jkun ħa l-inizjattiva, lill-Istati Membri l-oħra, u lill-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

3. Fejn il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ikunu bbażati fuq nuqqas fl-istandards armonizzati, il-Kummissjoni għandha tirreferi l-kwistjoni lill-kumitat imwaqqaf bid-Direttiva 98/34/KE jekk l-Istat Membru li ta bidu għall-miżuri jżomm il-pożizzjoni tiegħu, u l-Kummissjoni jew l-Istat Membru t/jibda l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 8.

4. Fejn oġġett pirotekniku ma jikkonformax u jkollu l-marka CE, l-Istat Membru kompetenti jieħu l-azzjoni xierqa kontra min ikun waħħal il-marka, u jinforma b’dan lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

5. Il-Kummissjoni tiżgura ruħha li l-Istati Membri jinżammu informati bil-progress tal-proċedura u bir-riżultat tagħha.

Artikolu 16

Il-miżuri li jinvolvu rifjut jew restrizzjoni

1. Kwalunkwe miżura li tittieħed, skond din id-Direttiva,

14. li tipprojbixxi jew tirrestrinġi t-tqegħid fis-suq ta’ prodott; jew

15. li tirtira prodott mis-suq, trid tiddikjara r-raġunijiet eżatti li fuqhom tkun ibbażata. Miżuri bħal dawn jiġu nnotifikati mingħajr dewmien lill-parti konċernata, li fl-istess ħin tiġi informata bir-rimedji disponibbli għaliha skond il-liġi nazzjonali fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat u bil-limiti ta’ żmien li dawn ir-rimedji huma soġġetti għalihom.

2. Fil-każ tal-miżura msemmija fl-Artikolu 16(1), il-manifattur għandu jkollu l-opportunità li jressaq il-fehmiet tiegħu bil-quddiem, ħlief meta konsultazzjoni bħal din ma tkunx possibbli minħabba l-urġenza tal-miżura li tkun se tittieħed, kif igġustifikata b’mod partikolari minn rekwiżiti ta’ saħħa jew sikurezza pubblika.

Artikolu 17

Il-miżuri ta’ l-implimentazzjoni

Fejn ikun hemm bżonn, dawn il-miżuri li ġejjin għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2);

- Adattamenti neċessarji biex titqies kwalunkwe emenda fil-futur għal rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.

- Adattamenti għall-progress tekniku ta’ l-Annessi 2 u 3.

- Il-ħolqien ta’ reġistru bin-numri ta’ reġistrazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-oġġetti pirotekniċi li jiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ l-oġġetti pirotekniċi u l-manifattur tagħhom jew ir-rappreżentant awtorizzat f’każ ta’ aċċidenti minħabba difetti.

- Miżuri oħra meħtieġa għall-implimentazzjoni effiċjenti ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 18

Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni tkun assistita minn kumitat.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha. Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 99/468/KE huwa ta’ tliet xhur.

3. Il-kumitat jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

Artikolu 19

Is-sanzjonijiet

1. Mhux iktar tard minn […][13] ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jeħtiġilhom jistabbilixxu miżuri legali jew amministrattivi xierqa biex jieħdu ħsieb kwalunkwe ksur ta’ din id-Direttiva, flimkien ma' sanzjonijiet dissważivi, effettivi u proporzjonati għal kwalunkwe ksur bħal dan.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jinkludu miżuri li jħalluhom iżommu kunsinni ta’ oġġetti pirotekniċi li jonqsu milli jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

2. Bla telfien ta’ żmien, jinformaw b’dan lill-Kummissjoni.

Artikolu 20

It-traspożizzjoni

1. L-Istati Membri jeħtiġilhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn […][14], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

2. Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet sa […][15] għal-logħob tan-nar, u sa […][16] għall-oġġetti pirotekniċi l-oħra.

3. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn ta' l-aħħar ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom referenza bħal din meta jkunu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

4. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

5. L-awtorizzazzjonijiet nazzjonali mogħtija qabel id-data indikata fil-paragrafu 2 għandhom jibqgħu validi fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jkun ta l-awtorizzazzjoni jew sad-data ta’ meta jiskadu jew sa 10 snin minn meta tidħol fis-seħħ id-Direttiva, liema minn dawn il-perjodi jkun l-iqsar.

6. B’deroga milll-paragrafu 5, l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali għall-oġġetti pirotekniċi awtomotivi mogħtija qabel id-data indikata fil-paragrafu 2 jibqgħu ikunu validi sakemm jiskadu.

Artikolu 21

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 22

Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS I

IL-REKWIŻITI ESSENZJALI TA’ SIKUREZZA

16. Kull oġġett pirotekniku jrid jilħaq il-karatteristiċi ta’ turija speċifikati mill-manifattur lill-korp innotifikat biex ikunu żgurati l-akbar sikurezza u kredibilità.

17. Kull oġġett pirotekniku jrid ikun iddisinjat u mmanifatturat b’tali mod li, mingħajr periklu, ikun jista’ jintrema bi proċess adegwat li jħalli effett minimu fuq l-ambjent.

18. Kull oġġett pirotekniku jrid jaħdem sewwa meta jintuża għall-għan li huwa maħsub għalih.

L-informazzjoni u l-kwalitajiet li ġejjin – fejn applikabbli – iridu jiġu kkunsidrati jew ittestjati. Kull oġġett pirotekniku għandu jkun ittestjat f’kundizzjonijiet realistiċi. Jekk dan ma jkunx possibbli f’laboratorju, it-testijiet iridu jsiru fil-kundizzjonijiet li fihom l-artiklu pirotekniku jkun se jintuża.

(a) Il-kwalitajiet tad-disinn, tal-kostruzzjoni u tal-karatteristiċi, inkluża l-kompożizzjoni kimika dettaljata (il-massa u l-perċentwali ta’ sustanzi użati) u d-dimensjonijiet.

(b) L-istabbiltà fiżika u kimika ta’ l-oġġett pirotekniku fil-kundizzjonijiet ambjentali normali kollha li wieħed jista' jipprevedi.

(c) Is-sensittività fl-immaniġġjar u fit-trasport normali kif mistenni.

(d) Il-kompatibilità tal-komponenti kollha rigward l-istabbiltà kimika tagħhom.

(e) Ir-reżistenza ta’ l-oġġett pirotekniku kontra l-influwenza ta’ l-ilma fejn ikun intenzjonat li jintuża f’kundizzjonijiet umdi jew imxarrba u fejn is-sikurezza u l-affidabilità tiegħu jistgħu jkunu affettwati ħażin mill-ilma.

(f) Ir-reżistenza għal temperaturi baxxi u għolja, fejn l-oġġett pirotekniku huwa intenzjonat li jinżamm jew li jkun użat f’temperaturi bħal dawn u s-sikurezza u l-affidabilità tiegħu jistgħu jiġu affettwati ħażin bit-tkessiħ jew tisħin ta’ komponent jew ta’ l-oġġett pirotekniku kollu.

(g) Il-karatteristiċi ta’ sikurezza intenzjonati biex jimpedixxu l-bidu jew il-qbid ta’ nar qabel il-waqt jew b’mod involontarju.

(h) L-istruzzjonijiet xierqa u, fejn ikun hemm bżonn, immarkar dwar immaniġġjar, ħażna, użu (inklużi d-distanzi ta’ sikurezza) u rimi mingħajr periklu fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru li qed jirċievi l-oġġetti pirotekniċi.

(i) Il-kapaċità ta’ l-oġġett pirotekniku, l-ippakkjar tiegħu jew il-komponenti l-oħra li jifilħu deterjorament f’kundizzjonijiet ta’ ħażna normali li wieħed jista’ jobsorhom.

(j) L-ispeċifikazzjoni tat-tagħmir u ta’ l-aċċessorji kollha meħtieġa u l-istruzzjonijiet għat-tħaddim biex l-oġġett pirotekniku jiffunzjona mingħajr periklu.

(k) Waqt it-trasport u l-immaniġġjar normali, ħlief jekk speċifikat mill-istruzzjonijiet tal-manifattur, l-oġġetti pirotekniċi għandu jkun fihom il-kompożizzjoni piroteknika.

19. Il-gruppi differenti ta’ l-oġġetti pirotekniċi jridu mill-inqas jikkonformaw ukoll mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

A. Il-logħob tan-nar

a) Il-manifattur għandu jqassam il-logħob tan-nar f’kategoriji differenti skond l-Artikolu 3 ikkaratterizzati skond il-kontenut nett ta’ splużivi, id-distanzi ta’ sikurezza, il-livell tal-ħoss, jew affarijiet simili. Il-kategorija għandha tkun indikata b’mod ċar fuq it-tikketta.

b) Il-logħob tan-nar jista’ jkun kompost biss minn materjal li jnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju għas-saħħa, il-propjetà u l-ambjent mill-iskart.

c) Il-metodu tat-tqabbid irid jidher b’mod ċar jew irid jiġi indikat permezz ta’ tikketta jew struzzjonijiet.

d) Il-logħob tan-nar m’għandux jiċċaqlaq b’mod erratiku u b’mod mhux mistenni.

e) Il-logħob tan-nar tal-kategoriji 1, 2 u 3 jrid ikun protett minn tqabbid involontarju jew b’għata protettiva, bil-pakketti, jew bil-kostruzzjoni ta’ l-oġġett. Il-logħob tan-nar tal-kategorija 4 irid ikun protett kontra tqabbid involontarju bil-metodi speċifikati mill-manifattur.

B. Oġġetti pirotekniċi oħra

a) L-oġġetti pirotekniċi jridu jkunu ddisinjati b’tali mod li jnaqqsu r-riskju għas-saħħa, għall-propjetà u għall-ambjent waqt l-użu normali.

b) Il-metodu tat-tqabbid irid jidher b’mod ċar jew irid ikun indikat permezz ta’ tikketti jew struzzjonijiet.

c) L-oġġett pirotekniku jrid ikun iddisinjat b’tali mod li, meta jitqabbad b’mod involontarju, inaqqas kemm jista' jkun ir-riskju għas-saħħa, għall-propjetà u għall-ambjent mill-iskart.

d) Fejn hu xieraq, l-oġġett pirotekniku għandu jiffunzjona kif suppost sa l-aħħar data ta' użu speċifikata mill-manifattur

C. It-tagħmir għat-tqabbid

a) It-tagħmir għat-tqabbid irid ikun kapaċi jaqbad fiż-żgur u jkun ta’ kapaċità ta’ tqabbid suffiċjenti fil-kundizzjonijiet kollha mistennija ta’ użu normali .

b) It-tagħmir għat-tqabbid irid ikun protett kontra skarika ta' ċarġ elettrostatiku fil-kundizzjonijiet kollha mistennija ta’ użu u ħażna normali.

c) L-apparati li jqabbdu (igniters) elettriċi għandhom ikunu protetti kontra kampi elettromanjetiċi fil-kundizzjonijiet kollha mistennija ta’ użu u ħażna normali.

d) L-għata tal-miċeċ għandha tkun ta’ saħħa mekkanika xierqa u għandha tħares b’mod xieraq il-mili esplożiv meta jkun espost għat-tensjoni mekkanika mistennija u normali.

e) Il-parametri għall-ħinijiet tat-tqabbid tal-miċeċ iridu jkunu pprovduti ma’ l-oġġett.

f) Il-karatteristiċi elettriċi (eż. kurrent bla nar, reżistenza, eċċ.) ta’ l-apparati tat-tqabbid elettriċi għandhom ikunu pprovduti ma’ l-oġġett.

g) Il-wajers ta’ l-apparati tat-tqabbid elettriċi jrid ikollhom biżżejjed iżolazzjoni u saħħa mekkanika inkluża s-solidità tal-konnessjoni ma’ l-apparati tat-tqabbid , meta wieħed iqis l-użu li għalih huma maħsuba.

ANNESS II

IL-PROĊEDURI TAL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

1. MODULU B: eżami tat-tip KE

1. Dan il-modulu jiddeskrivi dik il-parti tal-proċedura li permezz tagħha korp innotifikat jaċċerta u jafferma li eżempju, rappreżentattiv tal-produzzjoni kkunsidrata, jissodisfa d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva.

2. L-applikazzjoni għall-eżami tat-tip KE tkun iddepożitata mill-manifattur ma’ korp innotifikat ta’ l-għażla tiegħu.

L-applikazzjoni trid tinkludi:

- l-isem u l-indirizz tal-manifattur,

- dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġiet iddepożitata ma’ l-ebda korp innotifikat ieħor,

- id-dokumenti tekniċi, kif deskritti fit-Taqsima 3.

L-applikant irid iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-korp innotifikat eżempju rappreżentattiv tal-produzzjoni kkunsidrata, minn issa ’l quddiem imsejjaħ 'tip'. Il-korp innotifikat jista’ jitlob eżempji oħra jekk ikun hemm bżonn biex isir il-programm ta’ l-ittestjar.

3. Id-dokumenti tekniċi jridu jagħmlu possibbli l-konformità ta’ l-istrument mal-kundizzjonijiet tad-Direttiva li tkun se tiġi vvalutata. Iridu, sa fejn ikun rilevanti għal valutazzjoni bħal din, ikopru d-disinn, il-manifattura u l-ħidma ta’ l-istrument u jinkludu sa fejn huwa rilevanti għall-valutazzjoni:

- deskrizzjoni ġenerali tat-tip,

- id-disinn konċettwali u t-tpinġijiet tal-manifattura u d-dijagrammi tal-komponenti, tal-moduli separati, iċ-ċirkuwiti, eċċ.,

- id-deskrizzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet neċessarji biex jinftiehmu t-tpinġijiet u d-dijagrammi u t-tħaddim tal-prodott,

- lista ta’ l-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 8, applikati għal kollox jew b’mod parzjali, u d-deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati biex jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza tad-Direttiva fejn l-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 8 ma ġewx applikati,

- ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinn li saru, l-eżamijiet li twettqu, eċċ.,

- ir-rapporti tat-testijiet.

4. Il-korp innotifikat irid:

4.1. jeżamina d-dokumenti tekniċi, jivverifika li t-tip kien immanifatturat f’konformità ma’ dawn id-dokumenti u jidentifika l-elementi li kienu ddisinjati skond id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 8 kif ukoll il-komponenti li jkunu ddisinjati mingħajr ma kienu applikati d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk l-istandards armonizzati;

4.2. jagħmel jew ikun għamel l-eżamijiet xierqa u t-testijiet neċessarji biex jikkontrolla jekk, fejn l-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 8 ma ġewx applikati, is-soluzzjonijiet adottati mill-manifattur jissodisfawx ir-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza tad-Direttiva;

4.3. jagħmel jew ikun għamel l-eżamijiet xierqa u t-testijiet neċessarji biex jikkontrolla jekk, fejn il-manifattur ikun għażel li japplika l-istandards armonizzati relevanti, dawn ġewx tabilħaqq applikati;

4.4. jiftiehem ma’ l-applikant fejn se jsiru l-eżamijiet u t-testijiet neċessarji.

5. Fejn it-tip jissodisfa d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva, il-korp innotifikat joħroġ ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE lill-applikant. Iċ-ċertifikat ikun fih l-isem u l-indirizz tal-manifattur, il-konklużjoni ta’ l-eżami u d-data neċessarja għall-identifikazzjoni tat-tip approvat.

Lista tal-partijiet rilevanti tad-dokumenti tekniċi tiġi annessa maċ-ċertifikat u tinżamm kopja mill-korp innotifikat.

Jekk il-manifattur jiġi mċaħħad mill-għoti ta' ċertifikat tat-tip, il-korp innotifikat irid jipprovdi raġunijiet dettaljati għal dan ir-rifjut.

Trid tkun ipprovduta proċedura ta’ appell.

6. L-applikant jinforma lill-korp innotifikat li jkollu d-dokumenti tekniċi dwar iċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE bil-modifikazzjonijiet kollha fl-istrument approvat li jrid jirċievi approvazzjoni addizzjonali fejn dawn it-tibdiliet jistgħu jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali jew mar-rekwiżiti preskritti biex jintuża l-prodott. Din l-approvazzjoni addizzjonali tingħata fil-forma ta’ addizzjoni maċ-ċertifikat oriġinali ta’ l-eżami tat-tip KE.

7. Kull korp innotifikat irid jikkomunika lill-korpi nnotifikati l-oħra l-informazzjoni rilevanti dwar iċ-ċertifikati ta’ l-eżami tat-tip KE u l-addizzjonijiet maħruġa u rtirati.

8. Il-korpi nnotifikati l-oħra jistgħu jirċievu kopji taċ-ċertifikati ta’ l-eżami tat-tip KE u/jew l-addizzjonijiet tagħhom. L-Annessi għaċ-ċertifikati jridu jinżammu għad-dispożizzjoni tal-korpi nnotifikati l-oħra.

9. Il-manifattur irid iżomm kopji taċ-ċertifikati ta’ l-eżami tat-tip KE u l-addizzjonijiet tagħhom mad-dokumenti tekniċi għal perjodu ta’ mhux inqas minn 10 snin wara l-aħħar data tal-manifattura tal-prodott konċernat.

Fejn il-manifattur mhuwiex stabbilit fil-Komunità, l-obbligu li jinżammu d-dokumenti tekniċi disponibbli huwa r-responsabbiltà tal-persuna li tqiegħed il-prodott fis-suq fil-Komunità.

2. MODULU C: Il-konformità mat-tip

1. Dan il-modulu jiddeskrivi dik il-parti tal-proċedura fejn il-manifattur jiżgura u jiddikjara li l-oġġetti pirotekniċi konċernati huma konformi mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE u jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva li japplikaw għalihom. Il-manifattur irid iwaħħal il-marka CE ma’ kull oġġett pirotekniku u jikkompila dikjarazzjoni ta’ konformità bil-miktub.

2. Il-manifattur irid jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-proċess tal-manifattura jassigura l-konformità tal-prodott manifatturat mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE mar-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza tad-Direttiva.

3. Il-manifattur irid iżomm kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità għal perjodu ta’ mill-inqas 10 snin wara l-aħħar data tal-manifattura tal-prodott konċernat.

Fejn il-manifattur mhuwiex stabbilit fil-Komunità, l-obbligu li jinżammu d-dokumenti tekniċi jkun ir-responsabbiltà tal-persuna li tqiegħed il-prodott fis-suq fil-Komunità.

4. Korp innotifikat magħżul mill-manifattur irid jagħmel jew ikun għamel eżamijiet fuq il-prodott f’intervalli mhux regolari. Kampjun adattat tal-prodott irfinut, meħud fuq il-post mill-korp innotifikat, jiġi eżaminat u jsirulu testijiet xierqa, iddefiniti fl-istandard armonizzat applikabbli msemmi fl-Artikolu 8 jew testijiet ekwivalenti biex ikunu kkontrollati l-konformità tal-prodott mal-rekwiżiti tad-Direttiva korrispondenti. Fil-każ li kampjun wieħed jew aktar minn wieħed tal-prodotti eżaminati ma jkunux konformi, il-korp innotifikat irid jieħu l-miżuri xierqa.

Taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat il-manifattur għandu jwaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dak il-korp waqt il-proċess tal-manifattura.

3. MODULU D: L-assigurazzjoni tal-kwalità tal-produzzjoni

1. Dan il-modulu jiddeskrivi l-proċedura fejn il-manifattur li jissodisfa l-obbligi tat-Taqsima 2 jiżgura u jiddikjara li l-oġġetti pirotekniċi konċernati jkunu f’konformità mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE u jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. Il-manifattur iwaħħal il-marka CE ma’ kull oġġett u jikkompila dikjarazzjoni ta’ konformità bil-miktub. il-marka CE ikollha magħha n-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp innotifikat responsabbli għall-kontrolli msemmija fit-taqsima 4.

2. Il-manifattur irid jaħdem b’sistema approvata ta’ kwalità għall-produzzjoni, spezzjoni u ttestjar tal-prodott finali kif speċifikat fit-Taqsima 3. Huwa soġġett għall-kontrolli imsemmi fit-Taqsima 4.

3. Is-sistema ta’ kwalità

3.1. Il-manifattur jiddepożita applikazzjoni għall-valutazzjoni tas-sistema tiegħu ta’ kwalità ma’ korp innotifikat ta’ l-għażla tiegħu għall-oġġetti pirotekniċi konċernati.

L-applikazzjoni trid tinkludi:

- l-informazzjoni kollha rilevanti għall-kategorija ta’ l-oġġett pirotekniku ikkunsidrat,

- id-dokumenti dwar is-sistema ta’ kwalità,

- id-dokumenti tekniċi li għandhom x’jaqsmu mat-tip approvat u kopja taċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE.

3.2. Is-sistema ta’ kwalità trid tiżgura l-konformità ta’ l-oġġetti pirotekniċi mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE u mal-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva li japplikaw għalihom.

L-elementi, il-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-manifattur iridu jkunu ddokumentati b’mod sistematiku u ordnat fil-forma ta’ politika, proċeduri u struzzjonijiet miktuba. Id-dokumenti tas-sistema ta’ kwalità trid tagħmilha possibbli għall-programmi, għall-pjanijiet, għall-manwali u għar-rekords ta’ kwalità li jkollhom interpretazzjoni konsistenti.

B’mod partikolari jrid ikun fiha deskrizzjoni xierqa ta’:

- l-għanijiet tal-kwalità u l-istruttura ta’ l-organizzazzjoni, ir-responsabbiltajiet u s-setgħat ta’ l-amministrazzjoni rigward il-kwalità ta’ l-oġġetti pirotekniċi,

- it-teknika, il-proċessi, u l-azzjonijiet sistematiċi tal-manifattura, tal-kontroll tal-kwalità u ta’ l-assigurazzjoni tal-kwalità li se jintużaw,

- l-eżamijiet u t-testijiet li se jsiru qabel, waqt u wara l-manifattura, u l-frekwenza li biha se jsiru,

- ir-rekords tal-kwalità, bħal ma huma r-rapporti ta’ l-ispezzjoni u d-data tat-test, id-data tal-kalibrar, ir-rapporti dwar il-kwalifikazzjonijiet ta’ l-impjegati konċernati, eċċ.,

- il-mod ta’ monitoraġġ tal-ksib tal-kwalità meħtieġa ta’ l-oġġetti pirotekniċi u l-ħidma effettiva tas-sistema ta’ kwalità.

3.3. Il-korp innotifikat irid jassessja s-sistema ta’ kwalità biex jiddetermina jekk tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fit-taqsima 3.2. Irid jippreżumi konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti tas-sistemi ta’ kwalità li jimplimentaw l-istandard armonizzat rilevanti. It-tim tal-verifika jrid ikollu almenu membru wieħed b’esperjenza biex ikun jista’ jassessja t-teknoloġija rilevanti tal-prodott. Il-proċedura tal-valutazzjoni tinkludi żjara ta’ spezzjoni fil-bini tal-manifattur.

Id-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-manifattur. In-notifika jrid ikun fiha l-konklużjonijiet ta’ l-eżami u d-deċiżjoni tal-valutazzjoni ssostanzjata kif inhu xieraq.

3.4. Il-manifattur irid jimpenja ruħu li jwettaq l-obbligi tas-sistema ta’ kwalità kif approvata u jżommha f’livell xieraq u effiċjenti.

Il-manifattur għandu jżomm il-korp innotifikat li approva s-sistema ta’ kwalità informat b’kull bidla proposta fis-sistema ta’ kwalità.

Il-korp innotifikat irid jeżamina l-bidliet proposti u jiddeċiedi jekk is-sistema mibdula ta’ kwalità tibqax tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fit-taqsima 3.2 jew jekk hemmx bżonn ta’ valutazzjoni ġdida.

Irid jinnotifika lill-manifattur bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifika jrid ikollha l-konklużjonijiet ta’ l-eżami u d-deċiżjoni ssostanzjata tal-valutazzjoni.

4. Il-monitoraġġ taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat

4.1 L-għan tal-monitoraġġ huwa biex jiġi żgurat li l-manifattur iwettaq, kif inhu xieraq, l-obbligi tiegħu dwar is-sistema approvata ta’ kwalità.

4.2 Il-manifattur irid iħalli lill-korp innotifikat ikollu aċċess għal finijiet ta’ spezzjoni għall-bini tal-manifattura, ta’ l-ispezzjoni, ta’ l-ittestjar u tal-ħażna u jipprovdilu l-informazzjoni neċessarja kollha, b’mod partikolari:

- id-dokumenti tas-sistema ta’ kwalità,

- ir-rekords tal-kwalità, bħalma huma r-rapporti ta’ spezzjonijiet u d-data tat-testijiet, id-data tal-kalibrar, ir-rapporti ta’ l-impjegati konċernati, eċċ.

4.3. Kull tant żmien, il-korp innotifikat irid jagħmel verifiki biex jiżgura li l-manifattur iżomm u japplika s-sistema ta’ kwalità u jipprovdi rapport ta’ verifika lill-manifattur.

4.4. Barra minn dan, il-korp innotifikat jista’ jagħmel żjarat għall-għarrieda lill-manifattur. Waqt dawn iż-żjarat il-korp innotifikat jista’ jagħmel testijiet jew iqabbad lil min jagħmilhom biex jivverifika li s-sistema ta’ kwalità qed taħdem sew; jekk ikun hemm bżonn, il-korp innotifikat irid jipprovdi lill-manifattur b’rapport taż-żjara u, jekk ikun sar test, b’rapport tat-test.

5. Il-manifattur irid, għal perjodu ta’ mill-inqas 10 snin wara l-aħħar data tal-manifattura tal-prodott, iżomm għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali:

- id-dokument imsemmi fit-tieni inċiż tat-taqsima 3.1,

- l-aġġornament imsemmi fit-tieni paragrafu tat-taqsima 3.4,

- id-deċiżjonijiet u r-rapporti mill-korp innotifikat li jissemmew fil-paragrafu finali tat-taqsima 3.4, u fit-taqsimiet 4.3 u 4.4.

6. Kull korp innotifikat irid jgħaddi lill-korpi nnotifikati l-oħra l-informazzjoni rilevanti dwar l-approvazzjonijiet għas-sistemi ta’ kwalità maħruġa u rtirati.

4. MODULU E: L-assigurazzjoni tal-kwalità tal-prodott

1. Dan il-modulu jiddeskrivi l-proċedura fejn il-manifattur li jissodisfa l-obbligi tat-Taqsima 2 jiżgura u jiddikjara li l-oġġetti pirotekniċi huma konformi mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE. Il-manifattur irid iwaħħal il-marka CE ma’ kull oġġett u jikkompila dikjarazzjoni ta’ konformità bil-miktub. Il-marka CE irid ikollha magħha n-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp innotifikat responsabbli għall-kontrolli imsemmija fit-Taqsima 4.

2. Il-manifattur irid iħaddem sistema approvata ta’ kwalità għall-ispezzjoni u l-ittestjar finali ta’ l-oġġetti pirotekniċi kif speċifikat fit-Taqsima 3. Irid ikun soġġett għall-kontrolli msemmija fit-Taqsima 4.

3. Is-sistema ta’ kwalità

3.1. Il-manifattur jiddepożita applikazzjoni ma’ korp innotifikat ta’ l-għażla tiegħu għall-valutazzjoni tas-sistema ta’ kwalità għall-oġġetti pirotekniċi tiegħu.

L-applikazzjoni trid tinkludi:

- l-informazzjoni kollha rilevanti għall-kategorija piroteknika kkunsidrata,

- id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kwalità,

- id-dokumenti tekniċi li għandhom x’jaqsmu mat-tip approvat u kopja taċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE.

3.2. Taħt is-sistema ta’ kwalità, kull oġġett pirotekniku huwa eżaminat u jsirulu testijiet xierqa kif iddefinit fl-istandard(s) armonizzat(i) rilevanti msemmi(ja) fl-Artikolu 8 jew testijiet ekwivalenti biex jivverifikaw il-konformità tiegħu mal-rekwiżiti rilevanti tad-Direttiva. L-elementi, il-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-manifattur iridu jkunu ddokumentati b’mod sistematiku u ordnat fil-forma ta’ politika, proċeduri u struzzjonijiet bil-miktub. Din id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kwalità trid tagħmilha possibbli għall-programmi, għall-pjanijiet, għall-manwali u għar-rekords ta’ kwalità li jiġu interpretati b’mod uniformi.

B’mod partikolari jrid ikun fiha deskrizzjoni xierqa ta’:

- l-għanijiet tal-kwalità u l-istruttura ta’ l-organizzazzjoni, ir-responsabbiltajiet u s-setgħat ta’ l-amministrazzjoni rigward il-kwalità tal-prodott,

- l-eżami u t-testijiet li jkunu se jsiru wara l-manifattura,

- il-mod kif se jsir monitoraġġ tal-ħidma effettiva tas-sistema ta’ kwalità,

- ir-rekords tal-kwalità, bħalma huma r-rapporti ta’ l-ispezzjoni u d-data tat-test, id-data tal-kalibrar, ir-rapporti fuq il-kwalifikazzjonijiet ta’ l-impjegati konċernati, eċċ.

3.3. Il-korp innotifikat irid jassessja s-sistema ta’ kwalità biex jiddetermina jekk tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija f’taqsima 3.2. Għandu jippreżumi konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti fejn għandhom x’jaqsmu s-sistemi ta’ kwalità li jimplimentaw l-istandard armonizzat rilevanti.

It-tim tal-verifika jrid ikollu mill-inqas membru wieħed b’esperjenza biex ikun jista’ jassessja t-teknoloġija rilevanti tal-prodott. Il-proċedura tal-valutazzjoni trid tinkludi żjara ta’ spezzjoni fil-bini tal-manifattur.

Il-manifattur irid ikun innotifikat bid-deċiżjoni. In-notifikazzjoni jrid ikun fiha l-konklużjonijiet ta’ l-eżami u d-deċiżjoni ssostanzjata tal-valutazzjoni.

3.4. Il-manifattur irid jimpenja ruħu li jissodisfa l-obbligi tas-sistema ta’ kwalità kif approvata u jżommha f’livell xieraq u effiċjenti.

Il-manifattur irid iżomm il-korp innotifikat li approva s-sistema ta’ kwalità informat b’kull tibdil propost fis-sistema ta’ kwalità. Il-korp innotifikat irid jassessja t-tibdil propost u jiddeċiedi jekk is-sistema mibdula ta’ kwalità baqgħetx tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fit-taqsima 3.2 jew jekk hemmx bżonn issir valutazzjoni oħra. Irid jinnotifika lill-manifattur bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifikazzjoni jrid ikun fiha l-konklużjonijiet ta’ l-eżami u d-deċiżjoni ssostanzjata tal-valutazzjoni.

4.1. L-għan tal-monitoraġġ huwa li jiġi żgurat li l-manifattur jissodisfa, kif inhu xieraq, l-obbligi tiegħu dwar is-sistema approvata ta’ kwalità.

4.2. Il-manifattur irid iħalli lill-korp innotifikat ikollu aċċess, għal finijiet ta’ spezzjoni, għall-bini ta’ l-ispezzjoni, ta’ l-ittestjar u tal-ħażna u jipprovdilu l-informazzjoni kollha neċessarja, b’mod partikolari:

- id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kwalità,

- id-dokumenti tekniċi,

- ir-rekords tal-kwalità, bħalma huma r-rapporti ta’ l-ispezzjoni u d-data tat-test, id-data tal-kalibrar, ir-rapporti fuq il-kwalifikazzjonijiet ta’ l-impjegati konċernati, eċċ.

4.3. Kull tant żmien, il-korp innotifikat irid jagħmel valutazzjonijiet biex jiżgura li l-manifattur iżomm u japplika s-sistema ta’ kwalità u jrid jipprovdi rapport tal-valutazzjoni lill-manifattur.

4.4. Barra minn dan, il-korp innotifikat jista’ jagħmel żjarat għall-għarrieda lill-manifattur. Waqt dawn iż-żjarat il-korp innotifikat jista’ jagħmel testijiet jew iqabbad lil min jagħmilhom biex jiġi vverifikat li s-sistema ta’ kwalità qed taħdem sew; jekk ikun hemm bżonn, il-korp innotifikat irid jipprovdi lill-manifattur b’rapport taż-żjara u, jekk ikun sar xi test, b’rapport tat-test.

5. Il-manifattur irid għal perjodu ta’ mill-inqas 10 snin wara l-aħħar data ta’ manifattura tal-prodott iżomm għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali:

- id-dokumenti msemmija fit-tieni inċiż ta’ taqsima 3.1,

- it-tibdil imsemmi fit-tieni paragrafu tat-taqsima 3.4,

- id-deċiżjonijiet u r-rapporti mill-korp innotifikat li jissemmew fil-paragrafu finali tat-taqsima 3.4, I fit-taqsimiet 4.3 u 4.4.

6. Kull korp innotifikat irid jgħaddi lill-korpi nnotifikati l-oħra l-informazzjoni rilevanti dwar l-approvazzjonijiet għas-sistemi ta’ kwalità maħruġa u rtirati.

5. MODULU F: Il-verifika tal-prodott

1. Dan il-modulu jiddeskrivi l-proċedura fejn il-manifattur jikkontrolla u jafferma li l-oġġetti pirotekniċi soġġetti għad-dispożizzjonijiet tat-taqsima 3 huma konformi mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE u jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tad-Direttiva.

2. Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex il-proċess tal-manifattura jiżgura l-konformità ta’ l-oġġetti pirotekniċi mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE u mal-kundizzjonijiet tad-Direttiva li japplikaw għalihom. Għandu jwaħħal il-marka CE ma’ kull oġġett pirotekniku u għandu jikkompila dikjarazzjoni ta’ konformità.

3. Il-korp innotifikat għandu jagħmel l-eżamijiet u t-testijiet xierqa biex jikkontrolla l-konformità ta’ l-oġġett pirotekniku mar-rekwiżiti rilevanti tad-Direttiva bl-eżami u bl-ittestjar ta’ kull oġġett kif speċifikat fit-taqsima 4.

Il-manifattur għandu jżomm kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità għal perjodu li jagħlaq almenu 10 snin wara li jkun immanifatturat l-aħħar oġġett pirotekniku.

4. Il-verifika bl-eżami u bl-ittestjar ta’ kull oġġett pirotekniku

4.1. L-oġġetti pirotekniċi kollha għandhom ikunu eżaminati b’mod individwali u jsirulhom it-testijiet xierqa kif stabbilit fl-istandard(s) armonizzat(i) rilevanti msemmi(ja) fl-Artikolu 8 jew testijiet ekwivalenti biex jivverifikaw il-konformità tagħhom mat-tip u mar-rekwiżiti rilevanti tad-Direttiva.

4.2. Il-korp innotifikat għandu jwaħħal, jew iqabbad lil min iwaħħal, in-numru ta’ identifikazzjoni tiegħu fuq kull oġġett pirotekniku approvat u jikkompila ċertifikat ta’ konformità bil-miktub li għandu x’jaqsam mat-testijiet li jkunu saru.

4.3. Il-manifattur għandu jiżgura li huwa kapaċi jissupplixxi ċ-ċertifikati ta’ konformità tal-korp innotifikat meta jintalab jagħmel dan.

6. MODULU G: Il-verifika ta’ l-unità

1. Dan il-modulu jiddeskrivi l-proċedura fejn il-manifattur jiżgura u jiddikjara li l-oġġett pirotekniku li nħariġlu ċ-ċertifikat imsemmi fit-Taqsima 2 jikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti tad-Direttiva. Il-manifattur irid iwaħħal il-marka CE ma’ l-oġġett u jikkompila dikjarazzjoni ta’ konformità.

2. Il-korp innotifikat irid jeżamina l-oġġett pirotekniku u jagħmel it-testijiet xierqa kif stabbilit fl-istandard(s) armonizzat(i) rilevanti msemmi(ja) fl-Artikolu 8, jew testijiet ekwivalenti, biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti rilevanti tad-Direttiva.

Il-korp innotifikat irid iwaħħal, jew iqabbad lil min iwaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni fuq l-oġġett pirotekniku approvat u jikkompila ċertifikat ta’ konformità dwar it-testijiet li jkunu saru.

3. L-għan tad-dokumenti tekniċi huwa biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva li se jkunu assessjati u jkunu mifhuma d-disinn, il-manifattura u l-ħidma ta’ l-oġġett pirotekniku.

Id-dokumenti jrid ikun fihom, skond kemm ikun neċessarju għall-valutazzjoni:

- deskrizzjoni ġenerali tat-tip,

- id-disinn konċettwali u t-tpinġijijiet tal-manifattura u l-iskemi tal-komponenti, tas-submoduli, iċ-ċirkuwiti, eċċ.,

- id-deskrizzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet neċessarji għal fehim tat-tpinġijijiet u l-iskemi msemmija u tal-ħidma ta’ l-oġġett pirotekniku,

- lista ta’ l-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 8, applikati kollha jew b’mod parzjali, u d-deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati biex jintlaħqu r-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza tad-Direttiva fejn l-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 8 ma jkunux ġew applikati,

- ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinn li saru, l-eżamijiet li twettqu, eċċ.,

- ir-rapporti tat-test.

ANNESS III

IL-KRITERJI MINIMI LI JITQIESU MILL-ISTATI MEMBRI GĦALL-KORPI RESPONSABBLI MILL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

1. Il-korp, id-direttur tiegħu u l-impjegati responsabbli biex iwettqu t-testijiet ta’ verifika m’għandhomx ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur jew dak li jinstalla l-oġġetti pirotekniċi li jispezzjonaw, lanqas ir-rappreżentant awtorizzat ta’ xi waħda minn dawn il-partijiet. Huma m’għandhomx ikunu involuti jew direttament jew bħala rappreżentanti awtorizzati fid-disinn, fil-kostruzzjoni, fl-offerti għall-bejgħ jew fil-manutenzjoni ta’ dawn l-oġġetti. Dan ma jipprekludix il-possibbiltà ta’ skambji ta’ informazzjoni teknika bejn il-manifattur u l-korp.

2. Il-korp u l-impjegati tiegħu għandhom jagħmlu t-testijiet ta’ verifika bl-ogħla grad ta’ integrità professjonali u kompetenza teknika u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u persważjoni, partikolarment finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultat ta’ l-ispezzjoni, speċjalment minn persuni jew gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultat tal-verifiki.

3. Il-korp irid ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-impjegati meħtieġa u jkollu l-faċilitajiet meħtieġa biex ikun jista’ jwettaq sewwa l-kompiti amministrattivi u tekniċi konnessi mal-verifika; għandu jkollu wkoll aċċess għat-tagħmir meħtieġ għal verifika speċjali.

4. L-impjegati responsabbli għal spezzjoni għandu jkollhom:

- taħriġ tekniku u professjonali tajjeb,

- konoxxenza sodisfaċenti tar-rekwiżiti tat-testijiet li jagħmlu u esperjenza xierqa ta’ dawn it-testijiet,

- il-kapaċità li jiktbu ċertifikati, rekords u rapporti meħtieġa biex jawtentikaw it-twettiq tat-testijiet.

5. L-imparzjalità ta’ l-impjegati li jagħmlu l-ispezzjoni għandha tkun garantita. Il-ħlas tagħhom m’għandux jiddependi min-numru ta’ testijiet li jagħmlu jew mir-riżultati ta’ dawn it-testijiet.

6. Il-korp għandu jkollu assigurazzjoni ċivili ta’ responsabbiltà sakemm l-Istat ma jassumix ir-responsabbiltà tiegħu skond il-liġi nazzjonali, jew l-Istat Membru stess ikun direttament responsabbli għat-testijiet.

7. L-impjegati tal-korp għandhom ikunu obbligati josservaw is-segretezza professjonali rigward l-informazzjoni kollha li jakkwistaw waqt il-kompiti tagħhom (minbarra vis- à -vis l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ l-Istat fejn isiru l-attivitajiet tagħhom) taħt din id-Direttiva jew kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tagħtiha effett.

ANNESS IV

IL-MARKA TA’ KONFORMITÀ

Il-marka ta’ konformità CE għandha tikkonsisti mill-inizjali ‘CE’ bil-forma li ġejja:

Jekk il-marka tiċċekken jew titkabbar, il-proporzjonijiet mogħtija fit-tpinġija iggradata li tidher hawn fuq trid tiġi rispettata.

[1] ĠU C , , p. .

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU C , , p. .

[4] ĠU L 121, tal-15.5.1993, p. 20.

[5] ĠU L 10, ta' l-14.1.1997, p. 13.

[6] ĠU L 345, tal-31.12.2003, p. 0097 - 0105

[7] ĠU C 91, tas-16.4.2003, p. 7

[8] ĠU L 204, tal-21.7.1998, p. 37, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 98/48/KE (ĠU L 217, tal-5.8.1998, p.18).

[9] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[10] ĠU L 46, tas-17.2.1997, p. 25.

[11] ĠU L 187, tas-16.07.1988 p. 1.

[12] ĠU L 121, tal-15.5.1993 p. 20.

[13] 18-il xahar wara li tidħol fis-seħħ

[14] 18-il xahar wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva

[15] 24 xahar wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva

[16] 5 snin wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva