52005PC0450

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobbiltà tranżnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ - Karta Ewropea ta’ Kwalità favur il-Mobbiltà /* KUMM/2005/0450 finali - COD 2005/0179 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.9.2005

KUMM(2005) 450 finali

2005/0179 (COD)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobbiltà tranżnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta’ Kwalità favur il-Mobbiltà

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Raġunijiet u obbjettivi tal-proposta Il-mobbiltà hi waħda mill-obbjettivi prinċipali tal-qasam edukattiv tal-politika ta’ taħriġ ta’ l-Unjoni Ewropea, indikati fl-Artikoli 149 u 150 tat-Trattat. Din mhux biss tgħin biex ikunu żviluppati ċ-ċittadinanza Ewropea u l-għarfien Ewropew, billi tkabbar l-apprezzament tad-diversità kulturali u lingwistika, iżda tappoġġa wkoll il-ħolqien ta’ spazju Ewropew għall-edukazzjoni u t-taħriġ, skond l-obbjettiv strateġiku tal-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona ta’ Marzu 2000. Il-programmi edukattivi u ta’ taħriġ ta’ l-Unjoni sa mill-bidu tagħhom, ikkontribwixxew b’mod sostanzjali għal dan l-obbjettiv. Fil-fatt il-programm Erasmus, li fi ħdanu studjaw aktar minn 1,000,000 żagħżugħ/a fi Stat Membru ieħor bħala parti mill-istudji universitarji tagħhom, hu eżempju tajjeb ta’ azzjoni emblematika, waħda mill-ftit azzjonijiet ta’ l-UE li għandha identità magħrufa minn numru kbir ħafna taċ-ċittadini tagħha. Dawn il-programmi, li jkopru l-iskejjel, l-universitajiet, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ flimkien ma’ l-edukazzjoni ta’ l-adulti[1], ikkontribwixxew għall-iżvilupp ta’ sens ta’ “ċittadinanza Ewropea” kemm fost il-parteċipanti kif ukoll fost dawk kollha ta’ madwarhom - il-ġenituri, il-familja, il-ħbieb, il-kollegi tax-xogħol. L-obbjettivi ta’ din il-proposta huma, essenzjalment : ♣ li tkun stabbilita dikjarazzjoni komuni ta’ prinċipji li l-użu tagħha jwassal għal aktar effiċjenza u effettività fit-tipi kollha ta’ mobbiltà organizzata għal skopijiet ta’ tagħlim; ♣ b’mod aktar speċifiku, li jkun ipprovdut punt ta’ referenza għal partijiet interessati fi ħdan il-programm għat-tagħlim matul il-ħajja propost mill-Kummissjoni għall-perjodu 2007-2013. Diversi effetti pożittivi huma mistennija mill-adozzjoni ta’ din il-proposta: o Aktar inkoraġġiment għal mobbiltà għal skopijiet ta’ tagħlim. Din hija ta’ valur għall-iżvilupp personali, iżda wkoll tippermetti liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li jħaddmu id-dritt fundamentali tagħhom li jiċċirkulaw u jirresjedu b’mod ħieles fi ħdan it-territorju ta’ l-Istati Membri. o Il-mobbiltà ssebbaħ l-esperjenza ta’ tagħlim u tinkoraġġixxi t-trasferiment ta’ l-għerf, b’hekk tgħolli l-livelli globali tal-kwalità tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ Ewropej. Din se tgħin lill-Ewropa fl-isforzi tagħha biex issir l-aktar ekonomija innovattiva u kompetittiva bbażata fuq l-għerf fid-dinja. o Influwenzi pożittivi huma wkoll mistennija fis-suq tax-xogħol, fil-kapaċità tar-riċerka f’livell Ewropew u (kif iddikjarat hawn fuq) fuq il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ programmi edukattivi u ta’ taħriġ proposti mill-Kummissjoni fl-2004. Din il-proposta ma timmirax biex toħloq qafas legali Ewropew li jorbot. Anki jekk it-Trattat jippermettih – li mhux il-każ – dan ikun kollu kemm hu inadatt. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jkunu ispirati jaġixxu fuq ir-Rakkomandazzjoni kif adatti. Ir-Rakkomandazzjoni, fiha nfisha, hi intenzjonata bħala punt ta’ referenza, biex ikunu inkoraġġuti t-trasparenza u l-koordinazzjoni tal-prattiki ta’ mobbiltà, u biex tgħin fil-ħolqien ta’ klima ta’ apprezzament reċiproku. |

Kuntest ġenerali Matul dawn l-aħħar ħames snin l-istituzzjonijiet ta’ l-UE adottaw numru ta’ strumenti relatati mal-mobbiltà. L-aktar sinifikanti minnhom huma dawn li ġejjin. Wara laqgħa informali tal-Ministri ta’ l-Edukazzjoni f’Pariġi f’Settembru 2000, il-Kunsill Ewropew ta’ Nizza f’Diċembru 2000 approva Pjan ta’ Azzjoni favur il-Mobbiltà. Dan jinkludi “kaxxa ta’ l-għodda” ta’ miżuri relatati mal-mobbiltà: il-promozzjoni tagħha, il-finanzjament tagħha, it-tipi ta’ mobbiltà, u finalment, kif wieħed jista’ jibbenefika bl-aħjar mod mill-perjodi ta’ mobbiltà u jassigura l-għarfien ta’ l-esperjenza akkwistata. Dan kien segwit, f’Lulju 2001, bl-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2001/613/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-Mobbiltà fi ħdan il-Komunità għall-istudenti, il-persuni li qed jitħarrġu, il-voluntieri, l-għalliema u t-trejners[2]. Ir-Rakkomandazzjoni ħolqot qafas biex tkun promossa kooperazzjoni politika biex tiżdied il-mobbiltà fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Dan immira biex jelimina l-ostakoli li jxekklu l-mobbiltà, jassigura preparazzjoni aħjar u ospitalità aktar effettiva mal-wasla; u hu, indirizza wkoll il-kwistjoni ta’ l-għarfien ta’ l-esperjenza akkwistata barra l-pajjiż. Ir-Rakkomandazzjoni stiednet ukoll lill-Kummissjoni biex twaqqaf grupp ta’ esperti mill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Hu fuq il-ħidma ta’ dan il-grupp, li ġiet irrapportata l-aħħar fir-rapport ta’ kull sentejn tiegħu ta’ l-2004, li fuqha hu bbażat dan l-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni. Fi Frar 2002, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni għall-kapaċitajiet u l-mobbiltà[3], li jimmira biex javvanza l-prinċipju tal-moviment ħieles tal-ħaddiema, biex jenfasizza l-importanza tal-mobbiltà għall-istrateġija tax-xogħol ta’ l-UE, u biex jiftaħ is-swieq Ewropej tax-xogħol sabiex ikunu aċċessibbli għal kulħadd mill-2005. Barra minn dan, il-Kummissjoni se torganizza fl-2006 Sena Ewropea għall-Mobbiltà tal-Ħaddiema, biex tqajjem għarfien dwar numru ta’ kwistjonijiet leġiżlattivi f’dan il-qasam, bħalma hu t-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni; il-benefiċċji tal-mobbiltà għall-iżvilupp tal-karriera tal-ħaddiema; u l-istrumenti eżistenti Ewropej li jagħtu għajnuna lill-mobbiltà. Barra minn dan, il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni 2001 tagħha “Strateġija favur il-Mobbiltà fil-Qasam Ewropew tar-Riċerka”[4], appoġġata mill-Kunsill[5], identifikat azzjonijiet konkreti kemm fil-livell Komunitarju u l-livell nazzjonali, biex tkun sfruttata l-mobbiltà bħala strument prinċipali għall-iżvilupp tal-karriera u biex ikun implimentat il-Qasam Ewropew tar-Riċerka, kif ukoll bħala prerekwiżit biex jiżdiedu l-kapaċitajiet u l-prestazzjonijiet Ewropej fil-qasam tar-riċerka. Il-kwistjonijiet tal-mobbiltà kienu sussegwentement inkorporati fi ħdan il-programm ġenerali ta’ ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” li hu l-linja ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Fil-qafas ta’ dan il-programm, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkooperaw dwar il-kwistjonijiet relatati mal-politika ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-kwistjonijiet dwar il-mobbiltà huma speċifikament imsemmija bħala wieħed mit-13-il obbjettiv ta’ dan il-programm approvat mill-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona f’Marzu 2002. U fi Frar 2004, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw lill-Kunsill Ewropew l-ewwel Rapport Konġunt Intermedjarju[6] tagħhom dwar dan il-proċess. Ir-rapport jenfasizza l-bżonn li jkunu mkabbra l-livell u l-kwalità tal-mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Bħala parti mill-ħidma ta’ insegwiment fil-qafas tal-programm ta’ ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”, il-grupp espert imwaqqaf bis-saħħa ta’ l-ewwel Rakkomandazzjoni fassal proposta għal “Karta ta’ Kwalità favur il-Mobbiltà fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ”, li l-kontenut tagħha kien ippreżentat lill-Ministri ta’ l-Edukazzjoni waqt laqgħa informali fit-12 ta’ Lulju 2004 f’Rotterdam. Il-Presidenza Olandiża kkonkludiet mid-dibattitu li kien hemm qbil dwar il-prinċipji, li dawn setgħu jinformaw aspetti kwalitattivi ta’ mobbiltà fil-ġenerazzjoni ġdida ta’ programmi edukattivi[7]. Ir-Rakkomandazzjoni proposta, li hi ispirata b’mod wiesa’ mix-xogħol imsemmi hawn fuq, tippreżenta f’sura sintetika u leġġibbli, il-prinċipji definiti hawn fuq, miżjuda b’materjal minn oqsam oħrajn ikkonċernati mill-mobbiltà (bħalma hi d-dinja taż-żgħażagħ). Il-kelma “Karta” hi użata biex ikun enfasizzat il-karattru fundamentali tal-prinċipji proposti. Ta’ min jinnota li r-Rakkomandazzjoni tikkumplementa t-testi eżistenti fil-qasam tagħha, b’mod partikulari l-Karta Ewropea tar-Riċerkaturi[8]. |

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ din il-proposta Ir-Rakkomandazzjoni proposta tikkomplementa r-Rakkomandazzjoni 2001/613/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-10 ta’ Lulju 2001 dwar il-mobbiltà fi ħdan il-Komunità għall-istudenti, il-persuni li qed jitħarrġu, il-voluntieri, l-għalliema u t-trejners. |

Konsistenza ma’ politiki u obbjettivi oħra ta’ l-Unjoni Il-proposta hi perfettament konsistenti mal-politiki u l-obbjettivi ddikjarati ta’ l-Unjoni Ewropea. |

KONSULTAZZJONIJIET TA’ PARTIJIET INTERESSATI U EVALWAZZJONI TA’ IMPATT |

Konsultazzjonijiet ta’ partijiet interessati |

Metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi prinċipali mmirati u l-profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu It-Taqsima 1 fasslet il-mod kif it-test kien ippreparat, u ddefiniet ir-rwol tal-grupp ta’ ħidma magħmul minn esperti mill-Istati Membri mwaqqaf bis-saħħa tar-Rakkomandazzjoni ta’ l-2001. Il-membri ta’ dan il-grupp, li jirrappreżentaw lill-Istati Membri, għandhom kompetenzi sinifikanti, u referenza għall-kompetenza esterna ma kinitx ikkunsidrata neċessarja. |

Sommarju tat-tweġibiet u kif kienu kkunsidrati Ara l-ewwel rapport dwar l-insegwiment tar-Rakkomandazzjoni 2001/613/KE. |

Kollezzjoni u użu ta’ kompetenza |

Ma kienx hemm bżonn ta’ kompetenza esterna. |

Evalwazzjoni ta’ impatt Il-bżonn għall-proposta, l-iskop tagħha, u l-impatt ekonomiku u soċjali possibbli tagħha kienu diġà diskussi u approvati mill-grupp ta’ ħidma ma’ l-Istati Membri u permezz tal-laqgħa informali tal-Ministri ta’ l-Edukazzjoni f’Rotterdam, bejn il-11 – it-13 ta’ Lulju 2004. Analiżi ta’ impatt supplimentari mhix meqjusa neċessarja. |

ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

Sommarju ta’ l-azzjoni proposta Ir-Rakkomandazzjoni tikkonsisti f’għaxar linji gwida, indirizzati prinċipalment lill-organizzazzjonijiet li jibagħtu u jirċievu li huma responsabbli mill-mobbiltà. Dawn jistgħu jkunu miġbura fil-qosor kif ġej: A. Qabel it-tluq: Jiżguraw li l-parteċipanti għandhom aċċess għal sorsi, li wieħed jista’ joqgħod fuqhom, ta’ gwida u informazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-kundizzjonijiet tal-mobbiltà; ifasslu pjan ta’ tagħlim, li jipprovdi qafas għal mobbiltà; jiżgura preparazzjoni minn qabel tal-parteċipant, b’mod partikulari preparazzjoni lingwistika, u jiżgura li l-esperjenza tal-mobbiltà tikkontribwixxi għall-iżvilupp personali u professjonali. B. Matul iż-żjara fil-pajjiż ospitanti: Jipprovdu għajnuna lingwistika u loġistika għall-parteċipanti, inklużi l-informazzjoni u/jew l-assistenza dwar l-ivvjaġġar, l-assigurazzjoni, ir-rekwiżiti għar-residenza, is-sigurtà soċjali, is-servizzi soċjali, il-kwistjonijiet tat-taxxa, l-alloġġ, eċċ; iqabbdu parrinu biex jipprovdi għajnuna u parir li jgħinu lill-parteċipant jintegra b’mod xieraq. C. Wara l-perjodu ta’ mobbiltà: Jiżguraw l-għarfien u ċ-ċertifikazzjoni tad-diplomi akkwistati jew il-perjodi mwettqa ta’ studji/taħriġ; jassistu l-parteċipanti lura lejn l-ambjenti soċjali, edukattivi jew professjonali tagħhom, b’mod partikulari wara mobbiltà għal tul twil ta’ żmien; jevalwaw ir-riżultat tal-mobbiltà u jagħtu pariri lill-parteċipanti, meta jirritornaw, kif ikunu użati bl-aħjar mod il-kompetenzi akkwistati barra l-pajjiż. D. B’mod ġenerali: Ikun ċar min hu responsabbli li jaġixxi fuq id-diversi partijiet tar-Rakkommandazzjoni. Il-Karta għandha tkun meqjusa bħala “universali” fis-sens li hi tkopri t-tipi possibbli tal-mobbiltà edukattiva: tagħlim formali jew mhux formali; perjodi qosra jew twal; skola, università jew tagħlim matul ix-xogħol; studenti żgħażagħ u adulti, eċċ. Dan ifisser li t-test tagħha hu inevitabbilment ġeneriku; mhux possibbli, f’test daqshekk qasir, li jkunu koperti l-każijiet possibbli kollha. Il-prinċipji tagħha għandhom għalhekk ikunu adattati għaċ-ċirkostanzi, u f’każijiet speċifiċi xi wħud mill-punti tagħha se jkunu xi ftit jew wisq adatti. Il-prinċipji li jinstabu fil-Karta jipprovdu referenza Ewropea li trid tkun adattata għall-każijiet partikulari. |

Bażi legali Il-bażi legali tal-proposta huma l-Artikoli 149(4) u 150(4) tat-Trattat. L-ewwel wieħed jittratta l-edukazzjoni, u ta’ warajh it-taħriġ vokazzjonali. It-Tnejn jippermettu lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, b’konformità mal-proċedura tal-ko-deċiżjoni, li jadottaw rakkomandazzjonijiet għat-twettiq ta’ l-obbjettivi tagħhom, li fil-fatt wieħed minnhom hu, li jgħinu l-mobbiltà (l-Artikolu 149(2) it-tieni inċiż, l-Artikolu 150(2) it-tielet inċiż). |

Prinċipju ta’ sussidjarjetà Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. |

L-obbjettivi tal-proposta ma jistgħux ikunu milħuqa b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba r-raġuni li ġejja. |

In-natura tranżnazzjonali tal-mobbiltà tfisser li hu diffiċli li din tkun koperta fi ħdan kwalunkwe Stat Membru. |

Azzjoni Komunitarja se twettaq aħjar l-obbjettivi tal-proposta għar-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin: |

L-obbjettivi tal-proposta ma jistgħux ikunu mwettqa b’mod effettiv mill-Istat Membru daqs kemm jistgħu jkunu mill-Unjoni. In-natura tranżnazzjonali tal-mobbiltà tfisser li hu diffiċli li din tkun koperta fi ħdan kwalunkwe Stat Membru. |

L-użu ta’ strument Komunitarju li ma jikkostrinġix jipprovdi mezz effiċjenti biex ikun adottat punt ta’ referenza Ewropew rikonoxxut biex jgħin l-organizzazzjonijiet fl-Istati Membri kollha. |

It-test innifsu hu limitat għal dawk l-elementi li jistgħu jkunu b’mod utli adottati fil-livell Ewropew; pereżempju, il-kwistjonijiet tad-diversi elementi u l-provenjenza tal-finanzjament, u l-kwistjonijiet prattiċi ta’ l-organizzazzjoni, jitħallew f’idejn dawk li huma kompetenti fi ħdan l-Istati Membri jew l-organizzazzjonijiet tal-mobbiltà. |

Għalhekk il-proposta hi konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. |

Prinċipju ta’ proporzjonalità Din il-proposta hi konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. |

Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu l-obbjettivi. Ma jimponix piżijiet jew spejjeż finanzjarji jew amministrattivi. |

Għandu jiġi nnotat li l-Istati Membri, permezz tar-rappreżentanti tagħhom fil-grupp espert stabbilit bis-saħħa tar-Rakkomandazzjoni ta’ l-2001, ħadu sehem f’din il-ħidma u japprovaw il-proposta. |

Għażla ta’ strumenti |

Strumenti proposti: rakkomandazzjoni. |

Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati għar-raġuni(jiet) li ġejjin. Din il-proposta hi insegwiment ta’ l-ewwel Rakkomandazzjoni (2001/613/KE) f’dan il-qasam u dak iż-żmien il-Komunità għażlet dik il-forma ta’ strument. Ara wkoll l-Artikolu 149(4). |

IMPLIKAZZJONIJIET TAL-BAġIT |

Il-proposta ma għandhiex implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. |

INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI |

Żona Ekonomika Ewropea L-att propost jikkonċerna qasam taż-ŻEE u għalhekk għandu jkun estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea. |

1. 2005/0179 (COD)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobbiltà tranżnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta’ Kwalità favur il-Mobbiltà (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 149(4) u l-Artikolu 150(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni ([9]),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ([10]),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ([11]),

B’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat ([12]),

Billi:

(1) Il-mobbiltà fl-edukazzjoni u fit-taħriġ hi parti integrali tal-moviment ħieles tal-persuni – libertà fundamentali protetta bit-Trattat – u tikkostitwixxi wieħed mill-obbjettivi prinċipali ta’ l-azzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam edukattiv u tat-taħriġ vokazzjonali; fil-fatt, hi għodda essenzjali biex jinħoloq spazju Ewropew għall-edukazzjoni u t-taħriġ u biex tkun żviluppata sensittività Ewropea.

(2) L-intensifikazzjoni tal-mobbiltà Ewropea u l-iskambji għal skopijiet edukattivi u ta’ taħriġ huma l-obbjettiv tal-programm ta’ ħidma biex l-Ewropa ssir l-aktar ekonomija[13]innovattiva u kompetittiva bbażata fuq l-għerf minn issa sa l-2010. L-organizzazzjoni fl-2006 ta’ Sena Ewropea għall-Mobbiltà tal-Ħaddiema se tikkontribwixxi għaliha wkoll.

(3) L-ewwel Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[14] kienet adottata fl-2001 bl-għan li tkun iffaċilitata l-azzjoni Komunitarja biex tkun inkoraġġuta l-mobbiltà.

(4) Ix-xogħol ta’ grupp ta’ esperti mwaqqaf mill-Kummissjoni skond punt III.a) tar-Rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq, u l-ewwel rapport ta’ insegwiment, filwaqt li juri l-progress magħmul kemm fil-livell nazzjonali u Ewropew fir-rigward tal-mobbiltà għal skopijiet edukattivi u ta’ taħriġ, juri l-bżonn mhux biss li jkun hemm konċentrazzjoni fuq iż-żieda tal-mobbiltà iżda fuq kollox fuq it-titjib tal-kwalità tagħha.

(5) Dan l-obbjettiv jista’ jkun milħuq billi tkun adottata, b’forma ta’ Rakkomandazzjoni, Karta ta’ Kwalità favur il-Mobbiltà, li tistabbilixxi sett ta’ prinċipji f’dan il-qasam, li għandu jkun implimentat fuq bażi volontarja.

(6) Minħabba li l-Karta tinkorpora l-prinċipji fundamentali ta’ mobbiltà edukattiva, hi tikkostitwixxi qafas ta’ referenza li se jgħin biex jiżdiedu l-iskambji, jiżviluppaw l-għarfien tal-perjodi ta’ studju u jgħin biex tkun stabbilita fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet, l-organizzazzjonijiet u l-partijiet kollha interessati fil-mobbiltà.

(7) Il-vantaġġi tal-mobbiltà jiddependu b’mod wiesa’ mill-kwalità tal-modalitajiet prattiċi: il-preparazzjoni, l-għajnuna u l-għarfien. In-nies u l-organizzazzjonijiet involuti jistgħu konsiderevolment itejbu l-valur tagħha permezz ta’ ppjanar bil-ħsieb u ta’ evalwazzjoni adatta.

(8) Hu mixtieq li l-prinċipji kkonċernati jkopru mhux biss il-perjodu nnifsu tal-mobbiltà iżda wkoll il-perjodu preċedenti u segwenti tagħha.

(9) Pjan għat-tagħlim għandu jkun imfassal minn qabel. Preparazzjoni ġenerali tal-parteċipanti hi wkoll neċessarja.

(10) Għal perjodu taż-żjara barra l-pajjiż, il-kwalità tal-mobbiltà tista’ tkun imtejba permezz tal-ħatra ta’ parrinu għall-parteċipant. Deskrizzjoni ddettaljata u ċara tal-korsijiet u/jew taħriġ li kienu segwiti fil-pajjiż ospitanti u t-tul taż-żmien tagħhom, tgħin biex ikun żgurat li jkunu rikonoxxuti meta jirritornaw lura.

(11) Il-mistoqsijiet relatati mal-finanzjament, b’mod partikulari liema għajnuna finanzjarja hi disponibbli u min hu responsabbli mill-ispejjeż għandhom ikunu solvuti qabel it-tluq.

(12) Il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni tajba jitolbu definizzjoni ċara ta’ l-organizzazzjonijiet u tan-nies responsabbli minn kull fażi u azzjoni tal-programm ta’ mobbiltà.

(13) Sabiex tkun żgurata l-kwalità globali tal-mobbiltà, hu mixtieq li jkunu applikati l-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija għat-tipi kollha ta’ mobbiltà għall-iskopijiet ta’ tagħlim jew żvilupp professjonali: l-edukazzjoni jew it-taħriġ; it-tagħlim formali u mhux formali inkluż il-volontarjat taż-żgħażagħ; il-perjodi ta’ mobbiltà qosra jew twal; it-tagħlim fl-iskejjel, fl-università jew akkwistat matul ix-xogħol; l-istudenti żgħażagħ u adulti, eċċ.

(14) L-Istati Membri jistgħu jaġġustaw l-implimentazzjoni tal-Karta skond iċ-ċirkostanzi, i.e. jadattawha għal sitwazzjonijiet u programmi speċifiċi; jistgħu jqisu xi punti obbligatorji u jikkunsidraw oħrajn bħala fakultattivi.

(15) Peress li l-obbjettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, li tinvolvi l-Istati Membri kollha, jistgħu jkunu mwettqa fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tieħu miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà previsti fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Biex ikun ukoll irrispettat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif inhu ddikjarat fl-istess Artikolu, din ir-Rakkomandazzjoni ma teċċedix dak li hu neċessarju biex ikunu mwettqa dawn l-għanijiet.

JIRRAKKOMANDAW : li l-Istati Membri jadottaw il-Karta Ewropea ta’ kwalità favur il-Mobbiltà mehmuża hawnhekk bħala mezz biex jissaħħaħ l-iżvilupp personali u professjonali.

JISTIEDNU l-Istati Membri biex jinkludu informazzjoni ġenerali u assessjar dwar l-azzjonijiet meħuda bħala respons għar-rakkomandazzjonijiet definiti hawn fuq fir-rapportar tagħhom stabbiliti skond il-programm ta’ ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”, mit-tieni sena li fiha tkun adottata din ir-Rakkomandazzjoni.

JISTIEDNU l-Kummissjoni:

- biex tkompli tikkoordina ma’ l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, sabiex informazzjoni u esperjenza utli li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-miżuri pproklamati f’din ir-Rakkomandazzjoni jistgħu jkunu skambjati;

- biex tikkunsidra li din ir-Rakkomandazzjoni tifforma ħaġa sħiħa mar-Rakkomandazzjoni 2001/613/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għalhekk tinkludi r-rapporti mitluba ta’ kull sentejn fir-rapporti ġenerali tal-programm ta’ ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”.

Magħmula fi Brussell, [...]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS

1. KARTA EWROPEA TA’ KWALITÀ FAVUR IL-MOBBILTÀ

Imsaħħa mill-Pjan ta’ Azzjoni favur il-Mobbiltà ta’ l-2000[15] u r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-10 ta’ Lulju 2001[16], il-mobbiltà minn dejjem kienet ta’ interess konsiderevoli għall-partijiet interessati. Dik ir-Rakkomandazzjoni kellha firxa wiesgħa, indirizzat sensiela sħiħa ta’ kwistjonijiet importanti assoċjati mal-mobbiltà u kienet immirata lejn kulmin seta’ jibbenefika minn perjodu ta’ tagħlim barra pajjiżu (formali u mhux formali); inklużi l-istudenti, l-għalliema, it-trejners, il-voluntieri u n-nies li qed jitħarrġu. It-tieni Rakkomandazzjoni, li tagħha din il-Karta tikkostitwixxi parti integrali, għandha l-istess skop iżda tiffoka fuq l-aspetti kwalitattivi tal-mobbiltà, kif proposti mill-grupp espert stabbilit skond l-ewwel Rakkomandazzjoni[17]. Hi se tgħin biex ikun żgurat li l-parteċipanti jkollhom esperjenza pożittiva, kemm fil-pajjiż ospitanti kif ukoll fil-pajjiż ta’ oriġini meta huma jirritornaw lura.

Din il-Karta tiddefinixxi sett ta’ linji gwida applikabbli għall-mobbiltà assunta minn persuni individwali żgħażagħ jew adulti, għal skopijiet ta’ tagħlim formali jew mhux formali u għall-iżvilupp personali u professjonali tagħhom. Kienet imfassla bħala dokument bażiku ta’ referenza; il-kontentut jista’ jkun adattat skond it-tul ta’ żmien tal-mobbiltà u l-ispeċifikazzjonijiet tad-diversi attivitajiet edukattivi, ta’ taħriġ u taż-żgħażagħ kif ukoll il-bżonnijiet tal-parteċipanti. Għalkemm primarjament hi tindirizza l-mobbiltà għal skopijiet ta’ tagħlim, jinħass li dawn il-linji gwida kwalitattivi se jkunu utli wkoll għal tipi oħra ta’ mobbiltà, notevolment il-mobbiltà professjonali.

1. Gwida u informazzjoni

Il-kandidati b’potenzjal għal mobbiltà għandhom ikollhom aċċess għal sorsi ta’ gwida u informazzjoni li wieħed jista’ joqgħod fuqhom dwar l-opportunitajiet għal mobbiltà u l-kondizzjonijiet li fihom din tista’ titwettaq.

2. Pjan ta’ tagħlim

Qabel ma jkun assunt kull tip ta’ mobbiltà għal skopijiet edukattivi jew ta’ taħriġ, pjan ta’ tagħlim għandu jkun imfassal u aċċettat minn kulmin hu involut, inklużi l-organizzazzjonijiet li jibagħtu u jospitaw u l-parteċipanti. Il-pjan għandu jfassal l-obbjettivi u r-riżultati mistennija, kif ukoll il-mod kif dawn jistgħu jitwettqu.

3. Personalizzazzjoni

Il-mobbiltà assunta għal skopijiet edukattivi jew ta’ taħriġ għandha tiffittja kemm jista’ jkun possibbli max-xejriet personali ta’ tagħlim, kapaċitajiet u motivazzjoni tal-parteċipanti, u tkun imfassla biex tiżviluppa jew tissupplimentahom.

4. Preparazzjoni ġenerali

Preparazzjoni minn qabel tal-parteċipanti hi essenzjali, u għandha tkun imfassla għall- bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Din għandha tinkludi l-aspetti lingwistiċi, pedagoġiċi, prattiċi, amministrattivi, legali, personali, kulturali u finanzjarji, kif meħtieġ.

5. Aspetti lingwistiċi

Il-kapaċitajiet lingwistiċi huma essenzjali għal tagħlim effettiv. Il-parteċipanti, u l-istituzzjonijiet li jibagħtuhom u jospitawhom, għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-preparazzjoni lingwistika. L-arranġamenti għall-mobbiltà għandhom jinkludu:

qabel it-tluq, l-assessjar tal-lingwa u l-opportunità li jkunu segwiti korsijiet fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti u fil-lingwa li biha jsir it-tagħlim, jekk differenti;

fil-pajjiż ospitanti, għajnuna lingwistika u pariri.

6. Għajnuna loġistika

Għajnuna loġistika adegwata għandha tkun ipprovduta lill-parteċipanti. Din tista’ tinkludi informazzjoni u assistenza għall-arranġamenti ta’ l-ivvjaġġar, l-assigurazzjoni, il-permessi għar-residenza jew ix-xogħol, is-sigurtà soċjali, l-akkomodazzjoni, u aspetti prattiċi oħra inklużi l-kwistjonijiet ta’ sigurtà rilevanti għaż-żjara tagħhom.

7. Servizz ta’ parrinu

L-organizzazzjoni ospitanti (l-istabbiliment edukattiv, l-organizzazzjoni taż-żgħażagħ, il-kumpanija, eċċ.) għandhom jipprovdu parrinu li jkollu r-responsabbiltà li jgħin lill-parteċipanti fl-integrazzjoni effettiva tagħhom fl-ambjent ospitanti u jservi ta’ persuna ta’ kuntatt biex jakkwistaw aktar assistenza.

8. Għarfien

Jekk perjodu ta’ studju jew apprendistat barra l-pajjiż hu parti integrali ta’ programm formali ta’ studju jew taħriġ, dan il-fatt għandu jkun iddikjarat fil-pjan ta’ tagħlim, u l-parteċipanti għandhom ikunu pprovduti bl-assistenza biex ikun żgurat l-għarfien u ċ-ċertifikazzjoni formali tiegħu. Il-mod kif l-għarfien għandu jiffunzjona għandu jkun iddefinit fil-programm ta’ tagħlim. Għal tipi oħra ta’ mobbiltà, u b’mod partikulari dawk fil-kuntest ta’ edukazzjoni jew taħriġ mhux formali, ċertifikat għandu jkun maħruġ sabiex il-parteċipant ikun jista’ juri l-parteċipazzjoni attiva tiegħu u r-riżultati tat-tagħlim b’mod sodisfaċenti u kredibbli.

9. Integrazzjoni mill-ġdid u evalwazzjoni

Meta jirritornaw lura lejn pajjiżhom, il-parteċipanti għandhom jingħataw iggwidar dwar kif jagħmlu użu mill-kompetenzi u l-kapaċitajiet akkwistati matul iż-żjara. Għajnuna adatta għall-integrazzjoni mill-ġdid fl-ambjent soċjali, edukattiv jew professjonali tal-pajjiż ta’ oriġini għandha tkun disponibbli għal persuni li jirritornaw lura wara mobbiltà għal tul twil ta’ żmien. L-esperjenza akkwistata għandha tkun evalwata b’mod adatt mill-parteċipanti, flimkien ma’ l-organizzazzjonijiet responsabbli, biex ikun assessjat jekk l-għanijiet tal-programm ta’ tagħlim kinux milħuqa.

10. Impenji u responsabblitajiet

Ir-responsabbiltajiet li jirriżultaw minn dawn il-kriterji kwalitattivi għandhom ikunu definiti b’mod ċar u komunikati lil dawk kollha involuti, inklużi l-parteċipanti. Dawn għandhom ikunu konfermati bil-miktub, sabiex ir-responsabbiltajiet ikunu ċari għal dawk kollha involuti.

[1] Il-programm Socrates ikopri l-iskejjel (Comenius), l-edukazzjoni għolja (Erasmus) u l-edukazzjoni ta’ l-adulti (Grudtvig); il-programm Leonardo da Vinċi jkopri l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ.

[2] ĠU L 215, tad-9.8.2001, p. 30.

[3] COM(2002) 72 finali.

[4] COM(2001) 331 finali tat-20.6.2001

[5] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ l-10.12.2001, ĠU C 367, tal-21.12.2001

[6] COM(2003)685 finali, Kunsill 6905/04 EDUK 43.

[7] http://eu2004.minocw.nl/docs/nl/presidency_conclusions_rotterdam.pdf

[8] ĠU LC 75, tat-22.3.2005.

[9] ĠU L , , p. .

[10] ĠU L , , p. .

[11] ĠU L , , p. .

[12] ĠU L , , p. .

[13] L-Istrateġija ta’ Liżbona, il-konklużjonijiet tal-Presidenza ttp://www.kbn.gov.pl/is2000/pdf/word5.PDF

[14] Ir-Rakkomandazzjoni 2001/613/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-10 ta’ Lulju 2001 dwar il-mobbiltà fi ħdan il-Komunità għall-istudenti, il-persuni li qed jitħarrġu, il-voluntieri, l-għalliema u t-trejners, ĠU L 215, tad-9.8.2001, p. 30.

[15] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, riuniti fil-Kunsill, ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, dwar pjan ta’ azzjoni favur il-mobbiltà, ĠU C 371, tat-23.12.2000.

[16] ĠU L 215, tat-8.8.2001, p. 30.

[17] COM(2004) 21.