52005DC0533

Rapport mill-Kummissjoni - Is-16-il rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-fondi strutturali 2004 {SEG(2005)1348} /* KUMM/2005/0533 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 28.10.2005

KUMM(2005) 533 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

IS-16-IL RAPPORT ANNWALI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-FONDI STRUTTURALI 2004{SEG(2005)1348}

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Analiżi ta’ l-implimentazzjoni fl-2004 3

3. Konsistenza u Koordinazzjoni 8

4. Evalwazzjonijiet 9

5. Kontrolli 10

6. Kumitati li jassistu l-Kummissjoni 12

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

IS-16-IL RAPPORT ANNWALI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-FONDI STRUTTURALI 2004

Dan ir-rapport huwa ppreżentat b’konformità ma’ l-Artikolu 45(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali. Dan huwa s-16-il rapport annwali li jkopri l-attivitajiet tal-Fodni strutturali matul l-2004.

It-tagħrif deskritt fil-qosor f’dan ir-rapport huwa ppreżentat f’dettall akbar fid-dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni.

1. INTRODUZZJONI

Is-sena 2004 kienet ikkaratterizzata minn tliet avvenimenti importanti fil-ħajja tal-ġenerazzjoni attwali ta’ programmi Ewropej: l-allokazzjoni ta' riżerva għar-rendiment; ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-programmi fl-UE 15; it-tkabbir ta’ l-Unjoni li tat lok għal 43 programm addizjonali li l-maġġoranza tagħhom qegħdin fil-kategorija tar-reġjuni l-anqas żviluppati. Dwar dan ta’ l-aħħar, għall-perjodu 2004-06 ġiet allokata għajnuna tal-Komunità li tammonta għal 24 biljun EUR.

Sadanittant, barra l-qafas tal-programmi attwali, tniedu negozjati dwar il-qafas regolatorju ġdid għall-politika ta’ koeżjoni għall-2007-2013. Il-proposti tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill huma maħsuba biex jikkonfermaw ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni bħala l-istrument baġitarju prinċipali fuq il-livell tal-Komunità għat-twettiq ta' l-aġenda ta' kompetittività ta’ Liżbona b’rekwiżiti baġitarji stmati għal madwar 336.1 biljun EUR fuq medda ta’ 7 snin għal tliet għanijiet prijoritarji: Il-Konverġenza , fir-reġjuni l-anqas żviluppati; Il-kompetittività u l-Impjiegi , fir-reġjuni l-oħra; Kooperazzjoni territorjali Ewropea , minn pajjiż għall-ieħor.

2. ANALIżI TA’ L-IMPLIMENTAZZJONI FL-2004

2.1. Implimentazzjoni Baġitarja

2.1.1. Impenji

Fl-2004 l-approprjazzjonijiet impenjati disponibbli għall-Fondi Strutturali ammontaw għal 35 353 miljun EUR, i.e. 32% tal-baġit ta' l-UE. L-approprjazzjonijiet impenjati għall-għaxar Stati Membri ġodda ammontaw għal 3 812-il miljun EUR. Impenji reali ammontaw għal 35 212-il miljun EUR, prattikament 100% ta’ l-approprjazzjonijiet disponibbli (li jirriflettu s-sistema ta’ impenji essenzjalment awtomatiċi). L-allokazzjoni kollha prevista fil-ftehim ta’ Kopenħagen għall-programmi ta’ l-UE 10 kienet impenjata.

2.1.2. Ħlasijiet

Ħlasijiet fuq impenji fl-2004 kienu l-ogħla li qatt ġew irreġistrati għall-Fondi Strutturali, ekwivalenti għal 31 516-il miljun EUR, jew 99% ta' l-approprjazzjonijiet ta' ħlas disponibbli. Dan irrappreżenta żieda sinifikanti fit-twettiq ta’ programmi tal-ġenerazzjoni attwali fil-ħames sena tal-perjodu ta' programmar.

Dan irrifletta ġestjoni aktar proattiva min-naħa ta’ l-awtoritajiet fil-livell Komunitarju, nazzjonali u reġjonali, li għenet biex iżżomm il-programmi fid-direzzjoni t-tajba għal implimentazzjoni b’suċċess matul is-seba’ snin, 2000-06.

Għall-Oġġettiv 2, intużaw 100% tal-krediti ta’ ħlas disponibbli. Għall-Oġġettiv 1 u 3, kif ukoll għall-Inizjattivi tal-Komunità, iċ-ċifra kienet ukoll qrib il-100%. Għall-FIFG (barra mill-programm ta’ l-Oġġettiv 1) iċ-ċifra kienet ta' 83%, titjib fuq ir-rendiment tas-snin ta’ qabel. Mill-banda l-oħra, iċ-ċifra għal miżuri innovattivi u assistenza teknika naqset minn 90% fl-2003 għal 78% fl-2004. Fil-livell ta’ kull Fond, l-ERDF, l-EAGGF-Gwida u l-ESF kollha akkwistaw livelli għolja ta’ ħlas (bejn id-98% u l-100% tal-krediti disponibbli). Għall-FIFG iċ-ċifra kienet ta’ 81%fl-2004, li niżlet minn 86% fl-2003.

Fl-għaxar Stati Membri ġodda, il-ħlasijiet fl-2004 fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu jikkonsistu, kif mistenni, minn ħlasijiet antiċipati biex joħolqu fondi ta’ rotazzjoni biex jgħinu fit-twettiq tal-programm[1]. Dawn jammontaw għal 1 550 miljun EUR. L-ammont totali ta’ ħlasijiet interim (li jirrigwardaw biss programmi ta’ l-Oġġettiv 1) kien ta’ 23.7 miljun EUR.

2.1.3. Implimentazzjoni mill-Istati Membri (UE 15)

Fl-2004, l-implimentazzjoni mgħaġġla ppermettiet sebgħa minn ħmistax-il Istat Mebru biex inaqqsu l-impenji pendenti tagħhom f'termini assoluti. Tnaqqis assolut f’dan ir-rigward kien l-ogħla fi Spanja (500 miljun EUR) u fl-Irlanda (361 miljun EUR). Tnaqqis fuq impenji akkumulati inkiseb ukoll fid-Danimarka, fil-Finlandja, fil-Lussemburgu, fil-Portugall u fl-Iżvezja. Tliet kwarti tal-ħlasijiet kollha ġew minn ħames Stati Membri, f’dan l-ordni, Spanja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Portugall u l-Greċja. Fl-UE 15, dawn huma l-benefiċjarji ewlenin mill-politika ta' koeżjoni ta' l-UE.

2.1.4. ir-regola “N+2” [2]

Fin-nuqqas ta’ rikjesta valida ta’ ħlas bid-dewmien ta’ żmien stipulat mill-n+2 fl-aħħar ta’ l-2004, id-diżimpenji tar-riżorsi kienu minuri meta mqabbla mar-riżorsi kollha użati. Għall-ERDF, iċ-ċifra ammontat għal madwar 56.1 miljun EUR għal 26 programm. Il-parti kbira jirrigwardaw programmi INTERREG li huma aktar diffiċli li jitwettqu minħabba li jinvolvu arranġamenti ta’ ġestjoni mifruxa tul fruntieri nazzjonali. Iċ-ċifra tirrappreżenta 0.3% biss ta' l-impenn annwali għall-ERDF. Iċ-ċifri se jkunu definitivi meta jintlaħaq il-ftehim ma’ l-Istat Membru kkonċernat.

Estimi għall-Fondi Strutturali l-oħra taw rati ta’ rilaxx ftit aktar għoljin: għall-ESF iċ-ċifra kienet ta’ 123.5 miljun EUR, jew 1.3% ta' l-impenn annwali, għall-EAGGF 44.4 miljun EUR, jew 1.5% ta’ l-impenn annwali, u għall-FIFG 70.2 miljun EUR jew 12.5% ta’ l-impenn annwali.

Għall-4 Fondi meħudin kollha f’daqqa, ir-riżultat ġenerali għandu jkun daqs ir-rilaxx ta' anqas minn 1% (madwar 0.96%) tat-total ta' l-impenn annwali ta' l-2002, li jagħti x'tifhem li r-regola n+2 qed taqdi r-rwol li nħolqot għalih billi tinkuraġġixxi mudell aktar uniformi ta' l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-programmi sena wara sena.

2.2. Programm ta’ Implimentazzjoni

2.2.1. Oġġettiv 1 u 2

2.2.1.1. UE 15

Fl-2004, avveniment importanti kien l-allokazzjoni ta’ riżerva għar-rendiment wara r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu. Din l-innovazzjoni fil-programmi għall-2000-06 ippermettiet ukoll lill-Istati Membri li jadottaw programmi għal bidliet fis-sitwazzjoni soċjo-ekonomika ġenerali jew għal kundizzjonijiet dejjem jinbidlu tas-suq tax-xogħol u li jiġu sfruttati r-riżultati ta’ l-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu. Ġeneralment, dan ħoloq l-opportunità li sseħħ kontribuzzjoni aħjar lejn il-prijoritajiet ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi (EES) u lejn il-kisba ta’ l-oġġettivi ta’ Liżbona. Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu ppermettiet ukoll li l-Istati Membri setgħu jintroduċu bidliet fl-istruttura tal-programmi, pereżempju, biex jissimplifikaw l-implimentazzjoni.

2.2.1.2. Stati Membri Ġodda

L-esperjenza ta’ l-ewwel sena tal-programm ta’ implimentazzjoni fl-UE-10, li bdiet f’ Mejju, tagħti x’tifhem li l-attività ta’ għażla tal-proġett qiegħda miexja ġmielha f’bosta każijiet. Huwa inkuraġġanti li l-ammont ta’ applikazzjonijiet għal proġett għal xi miżuri qabeż ir-iżorsi finanzjarji disponibbli fil-programmi. Fl-istess waqt, jibqgħu numru ta’ sfidi bħal pereżempju żieda fil-kwalità tal-proġetti u li dawn ikunu mifruxa ġeografikament b'mod ibbilanċjat, kif ukoll il-bżonn li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-ġestjoni tagħhom.

2.2.2. Oġġettiv 3

Messaġġ ewlieni li joħroġ mir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu huwa li l-istrateġija inizjali li kien hemm qbil dwarha għall-intervenzjonijiet ta' l-ESF tibqa' rilevanti fil-maġġoranza tal-każijiet, u li din tkompli tagħti kontribut għall-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea ta’ l-Impjiegi. Ir-rakkomandazzjonijiet kienu jikkonċernaw primarjament l-irfinar tal-programmi. Ħafna mit-tibdiliet introdotti kienu mmirati lejn is-simplifikazzjoni tal-programmi, iż-żieda fil-flessibilità biex tingħata risposta lill-isfidi soċjo-ekonomiċi jew it-tnaqqis ta’ l-allokazzjoni għall-miżuri fejn il-ħtiġijiet jidhru li huma anqas milli mistenni kif jidher mill-użu inferjuri tal-fondi għall-infiq.

2.2.3. L-attività tas-sajd barra Oġġettiv 1

Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu pprovdiet l-opportunità li tadatta l-programmi għall-kundizzjonijiet meħtieġa tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd b’mod partikolari rigward it-twaqqif ta’ l-għajnuna għat-tiġdid ta’ bastimenti tas-sajd u t-trasferiment permanenti ta' bastimenti tal-Komunità lil pajjiżi mhux membri, li mhuwiex permess aktar sa mill-2005; tibdil fit-termini u l-kundizzjonijiet għall-għajnuna lis-sajjieda u proprjetarji ta’ vapuri li jwaqqfu temporanjament l-attività ta’ sajd tagħhom min-naħa ta’ l-Istati Membri ; tibdil fl-għajnuna li twessgħat aktar biex tinkludi diversifikazzjoni f’attivitajiet oħra u li għandha l-għan li tħarreġ mill-ġdid lis-sajjieda filwaqt li jkomplu jistadu part-time .

2.2.4. Inizjattivi tal-Komunità

2.2.4.1. Interreg

Bl-adeżjoni ta’ għaxar Stati Membri ġodda, tniedu 11-il programm ta’ bejn il-fruntieri u ġew introdotti emendi għal 17-il programm biex jinkludu l-Istati Membri ġodda fost il-parteċipanti. Il-fondi addizzjonali ta’ l-ERDF għall-INTERREG għall-Istati Membri ġodda jilħqu s-somma ta’ 479 miljun EUR għall-perjodu 2004-2006. Flimkien mal-fondi ta’ indiċjar għall-perjodu 2004-2006, dan wassal biex il-baġit ta’ l-ERDF għall-INTERREG jilħaq il-5.8 biljun EUR. Bosta programmi kienu mmodifikati fl-2004 bħala riżultat tal-proċess ta’ reviżjoni tan-nofs terminu.

2.2.4.2. Leader+

Fl-2004 il-ħlasijiet tas-73 programm Leader+ laħqu s-somma ta’ 238 miljun EUR mill-EAGGF Gwida. Aktar minn 20 000 proġett ġew approvati mill-bidu tal-perjodu ta’ programmar mill-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali primarjament fi ħdan l-ambitu tat-turiżmu, l-appoġġ għall-SMEs, ir-rinnovament u l-iżvilupp tal-villaġġi u l-wirt rurali, is-servizzi bażiċi għall-popolazzjoni rurali u l-ekonomija rurali. Għall-għaxar Stati Membri ġodda, teżisti l-possibiltà li tiġi implimentata miżura tat-tip Leader+ - taħt il-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom.

2.2.4.3. URBAN

Is-sena 2004 kienet ddedikata essenzjalment għat-tnidija ta’ xogħol dwar netwerks tematiċi (programm URBACT). Ħmistax-il netwerk tematiku ġew approvati, kull wieħed minnhom organizzati fuq temi differenti. Il-parteċipazzjoni hija għolja b'150 belt bħala msieħba li jinkludu 36 belt fl-Istati Membri ġodda. Kienu ppublikati riżultati ġodda għall-Verifika Urbana [3].

2.2.4.4. EQUAL

Fl-2004, l-ewwel fażi ta' implimentazzjoni ta' Sħubija għall-Iżvilupp (PDD) waslet fit-tmiem tagħha u t-tieni fażi tnidiet. Punt fokali ġdid ġie introdott li jinvolvi attivitajiet ta’ appoġġ biex tissaħħaħ l-effiċjenza u l-kapaċità istituzzjonali fil-gruppi ta’ ġestjoni nazzjonali għal EQUAL Saru bosta pubblikazzjonijiet ta’ EQUAL u huma disponibbli elettronikament[4].

Fl-2004, 27 deċiżjoni ġdida ġiet adottata biex tinkorpora tibdiliet bħala riżultat tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu u indiċjar jew biex jitfasslu Programmi ta’ Inizjattiva tal-Komunità (PIC) għall-Istati Membri ġodda.

2.2.5. Azzjonijiet Innovattivi

2.2.5.1. ERDF

Xi 139 programm ġew approvati b’somma totali ta’ 660 miljun EUR, li minnhom 344 miljun EUR jaqgħu taħt l-ERDF. Avveniment prinċipali fl-2004 kien iċ-ċerimonja ta’ l-għoti tal-premjijiet għar-rebbieħa tal-kompetizzjoni Innovazzjoni Reġjonali Ewropea[5] . Elenki komprensivi ta’ kontroll u mudelli għall-emendar u l-għeluq eventwali tal-programmi kienu ppreparati matul l-2004 bħala parti mill-ispinta biex tiżgura ġestjoni finanzjarja u biex tgħin fl-identifikazzjoni ta’ l-aħjar prassi.

2.2.5.2. ESF

Xi 35 proġett fil-qasam tad-djalogu soċjali kien iffinalizzat. 33 proġett intgħażel taħt l-ewwel fażi ta’ sejħa għal proposti dwar “Strateġiji innovattivi għall-ġestjoni tal-bidla”. Sabiex tkun ta’ appoġġ għall-integrazzjoni tar-riżultati, il-Kummissjoni nidiet sejħa għall-proposti dwar “ it-trasferiment u t-tixrid ta’ l-innovazzjoni mill-proġetti ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-ESF” .

2.2.5.3. FIFG

Is-sena 2004 kienet ikkonċernata primarjament ma’ l-implimentazzjoni ta’ proġetti magħżula fis-snin ta’ qabel. Tliet proġetti ġew iffinalizzati. Evalwazzjoni ex-post tar-riżultati tal-proġetti magħżula tnidiet fi ħdan il-miżura “Azzjonijiet Innovattivi”.

3. KONSISTENZA U KOORDINAZZJONI

3.1. Konsistenza ma' tipi oħra ta’ Politika tal-Komunità

3.1.1. Konkors

Ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 jiddikjara li l-assistenza approvata mill-Kummissjoni trid tinkludi l-elementi kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni ex-ante tal-kompatibilità ta’ l-għajnuniet statali mas-suq komuni. Għaldaqstant, matul l-2004 l-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari biex tiżgura l-konformità mar-regoli ta’ l-għajnuna statali, l-ewwel nett, fil-programmi għall-Istati Membri ġodda għall-2004-2006, u t-tieni nett, fil-programmi għall-Ħmistax, li jinkludu l-evalwazzjoni ta’ aspetti ta’ politika ta’ kompetizzjoni ta’ ċerti proġetti ewlenin kif definiti mill-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament 1260/1999.

3.1.2. Ambjent

Għall-għaxar Stati Membri ġodda, huwa stmat li madwar 720 miljun EUR se jintefqu fuq prijoritajiet ambjentali għall-perjodu 2004-2006 li jirrappreżenta 4.8% tal-15-il biljun EUR allokat għall-Fondi Strutturali għall-għaxar Stati Membri meta mqabbla mat-13% tal-196 biljun EUR fl-UE15 għall-perjodu 2000-6. L-Istati Membri ġodda għandhom proġetti ta’ trattament ta’ l-ilma u ta’ l-iskart bħala prijoritajiet importanti.

Sfida partikolari għall-Istati Membri ġodda tikkonċerna l-applikazzjoni tad-Direttiva għall-Valutazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali u d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats (għan-netwerk Natura 2000).

3.1.3. Is-Suq Intern

Deċentralizzazzjoni akbar ġiet introdotta fil-ġestjoni tal-Fondi Strutturali, li żiedet ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għall-għoti ta’ kuntratti ffinanzjati mill-Fondi tal-Komunità. Biex tiżgura li dawn il-proċeduri jikkonformaw mar-regoli tal-Komunità, il-Kummissjoni inkuraġġiet l-awtoritajiet nazzjonali biex tadotta miżuri ta’ prevenzjoni varji bħal taħriġ adattat għall-istaff involut fl-għoti tal-kuntratti u ħarġet linji ta’ gwida proċedurali.

3.1.4. It-trasport

Il-linji ta’ gwida riveduti tal-Komunità għall-iżvilupp tan-netwerk Trans-Ewropew, kienu adottati fid-29 ta’ April 2004[6]. Dawn il-linji ta’ gwida jinkludu 30 proġett prijoritarju ta’ interess Ewropew madwar l-UE-25 bi prezz li se jiġi jiswa madwar 225 biljun EUR. Bħala proġetti ta’ interess Ewropew, dawn jgħinu biex jiffokaw l-fondi mill-Fondi Strutturali f’dan il-qasam, speċjalment fir-reġjuni koperti mill-Oġġettiv 1.

3.2. Koordinazzjoni ta’ Strumenti

3.2.1. Il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni

Bħalissa hawn 13-il Istat Membru eliġibbli għal appoġġ li jaqa’; taħt il-fond ta' Koeżjoni (l-għaxar Stati Membri ġodda, il-Portugall, Spanja u l-Greċja). L-Irlanda ma kinitx aktar eliġibbli għall-appoġġ sa mir-reviżjoni ta’ l-2003 li fiha nstab li l-DGN (GNI) per capita kiber iktar mil-livell minimu.

L-istrument prinċipali ta’ koordinazzjoni bejn l-interventi tal-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fondi Strutturali huwa l-qafas ta’ referenza strateġika (SRF). L-għaxar Stati Membri ġodda ppreżentaw l-SRF tagħhom matul l-ewwel semestru ta’ l-2004.

3.2.2. Il-Fondi strutturali u l-EIB/EIF

Fl-2004, il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-EIB kienet intensifikata ulterjorment f’termini ta’ djalogu u xogħol ta’ tħejjija għal kooperazzjoni rinforzata fil-perjodu ta’ programmazzjoni li ġej 2007-2013. Il-Bank kien ta’ assistenza għall-Kummissjoni fl-evalwazzjoni ta’ 15-il proġett ewlieni ta’ l-ERDF u 25 proġett tal-Fond ta’ Koeżjoni. Fi tmiem l-2004, bdew negozjati tekniċi bejn il-Kummissjoni u l-EIB dwar kif tista’ tissaħħaħ il-kooperazzjoni sabiex toffri lill-Istati Membri għajnuna addizzjonali biex iħejju proġetti ta’ kwalità bil-għan li jħaffu t-twettiq tagħhom. In-negozjati huma mistennija li jiġu ffinalizzati fl-2005.

Fl-2004, il-Bank Ewropew għall-Investiment sellef total ta’ 43.2 biljun EUR(fl-2003, 42.3 biljun) għal proġetti li jsaħħu l-għanijiet politiċi ta’ l-Unjoni Ewropea. L-iffinanzjar fil-25 Stat Membru ta' l-UE laħaq it-total ta' 39.7 biljun EUR.

Fl-2004, il-Fond Ewropew għall-Investiment (EIF) akkwista assi ta’ valur ta’ 358 miljun EUR f’fondi għall-investiment ta' riskju, li tellgħu il-portafoll kumplessiv għal 2.8 biljun EUR, u pprovdew total ta' 1.4 biljun EUR f'garanziji għall-portafoll ta' l-SMEs ta' intermedjarji finanzjarji

Is-self totali ta’ 28.5 biljun EUR għall-iżvilupp reġjonali jirrappreżenta 72% tas-self kumplessiv ta’ l-EIB fi ħdan l-UE-25.

4. EVALWAZZJONIJIET

4.1. Valutazzjoni ta’ nofs it-terminu

Il-valutazzjonijiet ta’ nofs it-terminu kienu bbażati fuq taħlita ta’ metodoloġiji, li jinkludu riċerka primarja u riċerka sekondarja u xi mudelli makro-ekonomiċi għal programmi ikbar Titjib sinifikanti kien evidenti fil-kwalità u l-preċiżjoni ta' l-evalwazzjonijiet. Ir-riżultati kienu użati biex itejbu l-implimentazzjoni ta’ Fondi Strutturali, partikolarment biex jiżviluppaw indikaturi ulterjuri, biex jgħinu fl-implimentazzjoni ta’ prijoritajiet orizzontali u jtejbu l-kriterji ta’ għażla tal-proġett.

4.2. Performance Reserve

Ir-riżerva tal-prestazzjoni hija innovazzjoni għall-perjodu 2000-2006. Bħala total, kienu allokati 8 biljun EUR għall-programmi tal-Fondi Strutturali (l-Inizjattivi tal-Komunità kienu esklużi)[7]. Il-prestazzjoni ta’ kull programm, prijorità jew miżura kienet evalwata fuq il-bażi ta’ indikaturi finanzjarji, ta’ effettività u ta’ ġestjoni. Bħala regola ġenerali, il-maġġoranza tal-programmi u l-prijoritajiet kellhom rendiment tajjeb biżżejjed biex jikkwalifikaw għal allokazzjoni mir-riżerva, għalkemm is-somom involuti varjaw konsiderevolment fid-dawl tar-riżultati riveduti.

Preġju kbir tal-proċess kien li joħloq inċentiv għall-ħolqien ta’ kapaċità fi prassi ta’ ġestjoni tajba. Kien hemm xi diversità bejn l-Istati Membri fil-metodi użati għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni u biex l-allokazzjonjiet jirriflettu ċirkostanzi differenti.

4.3. Evalwazzjonijiet oħra

Matul l-2004, il-Kummissjoni wettqet jew iffinalizzat serje ta’ valutazzjonijiet kif ukoll valutazzjoni strateġika dwar il-kontribut tal-Fondi Strutturali għall-istrateġija ta’ Liżbona.

5. KONTROLLI

5.1. ERDF

Verifiki ta’ l-għeluq għall-perjodu 1994-99 twettqu fuq 56 programm li jkopru l-Istati Membri kollha. F’għadd limitat ta' każijiet, dak li nstab fil-verifika wassal għas-sospensjoni tal-proċess ta' l-għeluq.

Inkjesta ġdida ta’ verifika għall-perjodu 2000-06 tnidiet biex tivverifika li s-sistemi fil-prattika joperaw efftivament. Fl-2004 twettqu tmien verifiki fi Stati Membri differenti.

Laqgħat ta’ koordinazzjoni ġew organizzati matul l-ewwel parti tas-sena ma’ l-Istati Membri ta’ l-UE-15 biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ kontroll mal-korpi ta' kontroll nazzjonali li jkopru l-Fondi kollha.

Fir-rigward ta’ l-Istati Membri ġodda, ix-xogħol ta’ verfika kien jikkonċerna l-valutazzjoni tad-deskrizzjonijiet tas-sistemi mressqa li jaqgħu taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament 438/2001.

5.2. ESF

Il-valutazzjoni tar-riskju ta’ l-2004 iffoka primarjament fuq dawk il-programmi li rrapreżentaw l-ogħla fattur ta’ l-impatt finanzjarju. Twettqu 42 verifika tas-sistema fil-15-il Stat Membri ta’ l-UE u seħħew 17-il laqgħa ta’ koordinazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll maħtura bl-Artikolu 10 u15

Deskrizzjonijiet tas-sistemi kienu riveduti wara r-rapporti ta’ l-Artikolu 5, u hemm ukoll 5 missjonijiet esplorativi fuq il-post fl-Istati Membri ġodda. Tliet verifiki ta’ l-għeluq tal-programmi 94-99 twettqu matul is-sena.

5.3. EAGGF

Fl-2004 seħħew 5 missjonijiet fl-Istati Membri li kienu mmirati lejn il-verfikar ta’ l-għeluq tal-programmi 1994-99 u li kienu jkopru l-akbar programmi nazzjonali għall-miżuri ta’ l-Oġġettiv 5a.

Madwar 17-il missjoni ta’ verifika twettqu fl-Istati Membri biex jidentifikaw ċerti sitwazzjonijiet li ġew meqjusa li mhumiex sodisfaċenti (li jirrappreżentaw madwar 2-3% tal-ħlasijiet ta' l-EAGGF fl-2004) li għandhom jiġu segwiti b’korrezjonijiet adegwati.

5.4. FIFG

Total ta’ 8 kontrolli fuq il-post twettqu fl-2004. Ħames verifiki fuq il-post ikkonċernaw il-verfika ta’ ġestjoni u sistemi ta’ kontroll tal-programmi 2000-2006 (407 miljun EUR) f’erba’ Stati Membri. Verfika waħda ta’ l-FIFG ikkonċernat l-għeluq tal-programmi 1994-1999 (1,1 miljun EUR). Żewġ proġetti ta’ azzjonijiet innovattivi kienu vverfikati għal somma ta’ għajnuna ta’ l-FIFG ta’ 236.000 EUR. B’kollox 19-il proġett strutturali kienu vverifikati (5,35 miljun EUR), bl-għajnuna ta’ l-FIFG tilħaq is-somma ta’ 1,8 miljun EUR.

5.5. OLAF

Matul l-2004, l-OLAF wettaq 29 missjoni operattiva fl-Istati Membri. Madwar 22 minn dawn il-missjonijiet huma marbuta mal-kontrolli u l-verifiki fuq il-post magħmula mill-Kummissjoni għall-ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji tal-KE kontra l-frodi jew irregolaritajiet oħra. 7 missjonijiet oħra kienu biex jassistu jew l-amministrazzjonijiet nazzjonali inkella l-awtoritajiet legali.

16-il missjoni kienu jirrigwardaw l-ESF, 3 missjonijiet lill-ERDF, żewġ missjonijiet irrigwardaw lill-FIFG u missjoni waħda kient tirrigwarda lit-Taqsima ta' Gwida ta' l-EAGGF.

Fl-2004, l-Istati Membri nnifishom infurmaw lill-Kummissjoni, b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1681/94, b’madwar 3037 każijiet ta’ irregolaritajiet li jinvovlu 431 miljun EUR li laqtu l-pagamenti mġarrba matul kemm il-perjodu ta’ l-1994-1999 kif ukoll dak ta’ l-2000-2006. Iż-żewġ somom ta’ flus u n-numru ta’ każijiet żdiedu meta mqabbla mas-sena 2003. Probbabli dan se jolqot il-finalizzazzjoni tal-proċess li jwassal għall-għeluq ta’ programmi marbuta mal-perjodu 1994-1999. Fl-istess waqt, dan juri żieda inkoraġġanti fl-għarfien fost l-Istati Membri ta’ l-obbligi li għandhom f’dan il-qasam, u jwassal għal titjib fl-individwazzjoni u r-rappurtar, meta mqabbel maż-żieda bażilari fl-okkorrenza ta’ irregolaritajiet.

6. KUMITATI LI JASSISTU L-KUMMISSJONI

6.1. Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-Konverżjoni tar-Reġjuni (CDCR)

Is-CDCR fir-rwol tiegħu ta’ kumitat ta’ ġestjoni ta opinjonijiet favorevoli dwar l-emenda għal-linji ta’ gwida għall-INTERREG III u INTERREG IIIC u dwar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2004 fir-rigward ta’ l-eliġibilità ta’ l-ispiża dwar operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali. Bħala kumitat konsultattiv, is-CDCR ikkunsidra l-miżuri ta' assistenza Teknika ppjanati għall-2005, approvazzjoni tal-listi ta’ l-oqsma eliġibbli taħt Oġġettiv 2 fl-10 Stati Membri, u l-approvazzjoni ta’ dokumenti ta’ pprogrammar għall-Istati Membri ġodda.

6.2. Kumitat ESF

Il-Kumitat adotta 3 opinjonijiet: dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2004, dwar id-dokumneti ta’ programmazzjoni ta’ l-għaxar Stati Membri u dwar il-qafas regolatorju tal-ġejjieni għall-Fondi Strutturali.

6.3. Kumitat dwar l-Istrutturi Agrikoli u l-Iżvilupp Rurali (STAR)

Il-Kumitat STAR iltaqa’ 11-il darba fl-2004 u ta opinjonijiet favorevoli dwar 52 modifika ta’ programmi ta’ żvilupp rurali li jaqgħu tħat l-Artikolu 44 (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 u 5 dwar programmi ta’ żvilupp rurali li jaqgħu taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1268/1999.

6.4. Kumitat dwar Strutturi għall-Industrija tas-Sajd u l-Akwakultura (CSFA)

Il-Kumitat kien ikkonsultat dwar is-suġġetti li ġejjin: l-abbozz tar-Regolament Nru 448/2004, dokumenti ta’ programmazzjoni FIFG ta’ l-10 Stati Membri ġodda, il-proġetti ta’ azzjonijiet innovattivi, il-konferenza dwar il-futur ta’ l-FIFG, l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 16 tar-Regolament 2797/99 u dwar l-abbozz tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat.

[1] Il-ħlas antiċipat għall-programmi tal-Fond Strutturali ta’ l-UE 10 jammonta għal 16% tal-borża ta’ impenn totali ta’ 16-il biljun EUR għall-perjodu 2004-2006, jew 2.56 biljun EUR, maqsum bejnl-2004 (10%) u l-2005(6%).

[2] L-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1260/1999 jipprovdi għal definizzjoni tar-regola "N+2": Il-Kummissjoni se tirrilaxxa awtomatikament kull parti ta' l-impenn li ma ġiex imħallas by the payment on account jew li għalih ma rċevietx applikazzjoni ta’ ħlas aċċettabbli, kif definit fl-Artikolu 32(3), sa tmiem it-tieni sena wara s-sena ta’ l-impenn jew, fejn xieraq u għas-somma kkonċernata, wara d-data ta' deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni sabiex tawtorizza miżura jew operazzjoni jew sa tmieml-iskadenza għat-trasmissjoni tar-rapport finali msemmi fl-Artikolu 37(1); il-kontribuzzjoni mill-Fondi għal dik l-assistenza se tiġi mnaqqsa b'dik is-somma.

[3] (http://www.urbanaudit.org)

[4] www.europa.eu.int/equal

[5] http://europa.eu.int/comm/regional_policy/innovation/concours_en.htm

[6] Deċiżjoni Nru 884/2004/KE li temenda d-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE.

[7] Ara Anness-parti 5: Riżerva marbuta mal-Prestazzjoni: Firxa tal-Perċentwali ta’ Allokazzjonijiet, Oġġettiv 1 u Oġġettiv 2.