52004DC0581

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament ewropew - It-tisħiħ tat-tmexxija ekonomika u l-kjarifika ta’ l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku /* KUMM/2004/0581 finali */


Brussel 3.9.2004

KUMM(2004) 581 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW

It-tisħiħ tat-tmexxija ekonomika u l-kjarifika ta’ l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku

1. IL-PROGRESS LEJN TMEXXIJA EKONOMIKA AĦJAR U FINANZI PUBBLIĊI SODI

Fit-18 ta’ Ġunju 2004, il-Kunsill Ewropew adotta Dikjarazzjoni dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku (PST) li saħaq li ż-żieda fil-potenzjal għat-tkabbir u li jiġu żgurati pożizzjonijiet baġitarji sodi huma ż-żewġ pilastri tal-politika ekonomika u fiskali ta’ l-Unjoni Ewropea. Din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ssegwi l-fehma tal-Kunsill Ewropew illi l-Istati Membri jistennew bil-ħerqa l-proposti tal-Kummissjoni f’dak li għandu x’jaqsam mat-tisħiħ u l-kjarifika ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-PST. Billi jibni fuq l-ideat li jinsabu fil-Komunikazzjoni preċedenti ta’ l-24 ta’ Ġunju 2004 dwar "Il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU – 2004”, tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida għall-proposti dwar it-tifsil u t-tħaddim futuri tal-qafas fiskali ta’ l-UE.

Il-kontroll tad-dixxiplina fiskali li ġa ta prova ta' l-effettività tiegħu għandu jinżamm, filwaqt li tiġi żgurata l-implimentazzjoni rigoruża. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jinkludu l-valuri ta’ referenza għad-defisit tal-gvern u d-dejn ta’ 3 u 60% tal-GDP jibqgħu jipprovdu s-sinsla soda meħtieġa għall-qafas fiskali u jibqgħu l-fusien tas-sistema. Għandhom jinħarbu d-defisits eċċessivi, u meta jseħħu għandhom jissewwew fil-pront, sabiex jikkontribwixxu għall-ħarsien ta' l-istabbiltà tal-prezzijiet u sabiex jiggarantixxu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Il-qafas fiskali huwa ġabra ta’ regoli komuni li għandhom jiġu applikati bl-istess mod għall-Istati Membri kollha. Madankollu, f’Unjoni Ewropea ta’ 25 pajjiż, karatterizzata minn diversità u eteroġeneità liema bħalhom, kif ukoll minħabba l-esperjenza ta’ 5 snin fl-EMU, qafas komuni mogħni b’enfasi akbar fuq ir-raġunijiet fundamentali ekonomiċi tar-regoli tagħha, jista’ jippermetti trattament aħjar tad-differenzi ekonomiċi madwar l-UE. L-għan huwa għalhekk it-titjib tal-bażi ekonomika tal-qafas eżistenti u, b’konsegwenza, it-tisħiħ tal-kredibilità u l-infurzar: għan li mhuwiex iż-żieda tar-riġidità jew tal-flessibilità tar-regoli attwali iżda li dawn isiru aktar effettivi.

Fuq din il-bażi, il-Komunikazzjoni l-ewwel teżamina kif il-qafas fiskali – u partikolarment il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku – jista’ jwieġeb għan-nuqqasijiet li ntwerew s'issa, bis-saħħa ta' enfasi akbar, fir-rakkomandazzjonijiet, fuq l-iżviluppi ekonomiċi u fuq il-ħarsien tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

It-tieni, il-Komunikazzjoni tindirizza l-mod kif l-istrumenti għat-tmexxija ekonomika ta’ l-UE jistgħu jkunu marbuta aħjar ma’ xulxin sabiex jittejjeb il-kontribut tal-politika fiskali għat-tkabbir ekonomiki u jiġi appoġġjat il-progress lejn it-twettiq ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona. It-tielet, il-Komunikazzjoni tissuġġerixxi titjib possibbli għall-infurzar tal-qafas .

Fl-iżvilupp ta’ din l-istrateġija, il-Kummissjoni tqis l-implikazzjonijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju[1] li ċċarat ir-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill fl-applikazzjoni tal-qafas fiskali ta’ l-UE. Din id-deċiżjoni ikkonfermat ukoll li sistema bbażata fuq ir-regoli hija l-aħjar garanzija sabiex jiġu infurzati l-impenni u sabiex kull Stat Membru jiġi ttrattat b’mod indaqs.

2. IT-TMEXXIJA TAL-PATT TA’ STABBILTÀ U TKABBIR EKONOMIKU LEJN QOFOL ĠDID

Ħames snin ta’ esperjenza tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku wrew is-sehem ewlieni tiegħu fil-proċess ta’ koordinazzjoni baġitarja. Il-PST għen fl-għoti ta’ l-istabbiltà makroekonomika, li hija wkoll murija mix-xejriet baġitarji fir-riċessjoni reċenti, liema xejriet jitqabblu b’mod favorevoli ma’ l-imgħoddi meta r-riċessjonijiet ekonomiċi kienu tipikament akkumpjanti minn deterjorament li kien jinħass aktar fil-pożizzjonijiet baġitarji ta’ bażi. Madankollu, tul l-aħħar snin akkumulaw it-tensjonijiet fl-applikazzjoni tal-PST, li wasslu għat-telfien tal-kredibilità u l-appartenenza u għall-inċertezza istituzzjonali. Barra minn hekk, l-esperjenza bl-applikazzjoni tal-qafas uriet aktar il-possibbilitajiet għat-titjib tagħha.

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni qieset bosta elementi għat-tisħiħ tal-PST: (i) enfasi akbar fuq id-dejn u s-sostenibbiltà fil-kontroll tal-pożizzjonijiet baġitarji; (ii) għarfien akbar taċ-ċirkostanzi speċifiċi għal kull pajjiż fid-dawl tad-definizzjoni ta’ l-għanijiet għaż-żmien mezzan ta’ "qrib il-bilanċ jew attiv”, (iii) l-għarfien taċ-ċirkostanzi u l-iżvilupp ekonomiċi fl-implimentazzjoni tal-Proċedura għad-Defist Eċċessiv; (iv) il-garanzija ta’ azzjonijiet preventivi sabiex jissewwew żviluppi baġitarji li mhumiex adegwati.

Huwa essenzjali li waqt it-tisħiħ u l-kjarifika tal-qafas jiġi żgurat ekwilibrju xieraq bejn il-grad ta’ diskrezjoni potenzjalement ogħla fil-kontroll u l-koordinazzjoni tal-politika fiskali u l-ħtieġa li l-qafas msejjes fuq ir-regoli, jinżamm sempliċi u trasparenti. Ta’ l-aħħar għandu jiġi applikat mal-pajjiżi b’mod ġust u konsistenti u għandu jinftiehem mill-opinjoni pubblika ta’ l-UE. F’dan ir-rigward, iż-żewġ fusien fundamentali - il-valur ta’ referenza ta’ 3% għar-ratio bejn id-defisit u l-GDP u 60% għar-ratio bejn id-dejn u l-GDP – wrew is-siwi tagħhom u jibqgħu l-qofol tal-kontroll multilaterali.

Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku msaħħaħ jista’ jiddefinixxi l-prinċipji u l-kriterji ġenerali għall-kontroll baġitarju li jistgħu jipprovdu l-bażi għall-qafas ta’ koordinazzjoni baġitarja. Barra minn hekk, jistgħu jiġu definiti, f’Kodiċi ta’ Imġieba li jakkumpnaja l-PST rivedut, għodod analitiċi ekonomiċi aktar speċifiċi oħra sabiex jivvalutaw kif tmexxa l-kontroll baġitarju, u b’hekk jingħata lok għall-applikazzjoni konsistenti. L-elementi ewlenin ta’ din l-istrateġija riveduta tista’ tiġi deskritta kif ġej:

(i) Aktar attenzjoni fuq id-dejn tal-gvern u s-sostenibbiltà fil-kontroll tal-pożizzjonijiet baġitarji. Attenzjoni akbar fuq is-sostenibbiltà tinvolvi kontroll mtejjeb ta’ kemm l-iżviluppi attwali fid-dejn kif ukoll ta’ fatturi li għandhom mnejn jinfluwenzaw id-dinamika għaż-żmien mezzan u fit-tul. Ta’ min jisħaq, madankollu, li attenzjoni akbar fuq l-iżviluppi fuq id-dejn tiintegra attenzjoni rigoruża fuq l-iżviluppi fid-defisit.

L-attenzjoni akbar għad-dejn pubbliku u s–sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tinforma tliet suġġerimenti għar-riforma tal-PST: l-identifikazzjoni ta’ għanijiet baġitarji għaż-żmien mezzan speċifiċi għall-pajjiż (ara l-inċiż ii isfel), is-seħħ ta’ l-operattività tal-kriterju tad-dejn tat-Trattat, u d-definizzjoni tat-triq ta’ l-aġġustament fil-proċedura tad-defisit eċċessiv inter alia skond il-grad ta' riskji għas-sostenibbiltà (ara l-inċiż iii isfel).

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kriterju tad-dejn, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku għandu jiċċara l-bażi li fuqha għandha tiġi vvalutata d-dispożizzjoni tat-Trattat ta’ ‘ritmu sodisfaċenti’ għat-tnaqqis tad-dejn. Fid-definizzjoni ta’ rata meħtieġa għat-tnaqqis tad-dejn, għandhom jitiqesu l-ħtieġa li jiġu żgurati ratios ta’ dejn li jkun prudenti qabel ma jseħħ għal kollox l-impatt ta’ popolazzjoni dejjem tixjieħ , kif ukoll il-livelli ta’ dejn speċifiċi għall-pajjiż u l-kundizzjonijiet ta’ tkabbir ekonomiku potenzjali. Ta’ l-aħħar għandu possibilment jiġi kkumplimentat minn valutazzjoni ta' fatturi oħra marbuta mal-popolazzjoni li qed tixjieħ u l-passivi kontinġenti.

Element importanti jista’ jkun id-definizzjoni tar-‘ritmu sodisfaċenti tat-tnaqqis tad-dejn, li jiżgura li ratios ta’ dejn prudenti jintlaħqu fi żmien raġjonevoli. Il-valutazzjoni ta’ kull sena ta’ l-iżviluppi fid-dejn tista’ titmexxa skond din ir-rata ta’ referenza ta’ tnaqqis iżda billi tqis il-kundizzjonijiet attwali tat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż speċifiku. Fil-prattika, jekk it-tkabbir huwa taħt il-potenzjal tiegħu, ritmu aktar baxx ta’ tnaqqis tad-dejn ikun konsistenti mat-talbiet tal-qafas, filwaqt li l-oppost ikun il-każ jewkk it-tkabbir huwa ogħla mill-potenzjal tiegħu.

Lil hinn mill-applikazzjoni tal-proċedura tad-defisit eċċessiv, huwa meħtieġ għarfien akbar tal-fatturi li jeffettwaw is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, bħal ma huma l-pensjonijiet u l-passivi u l-attivi kontinġenti. Għarfien dejjem aktar profond ta’ dawn l-iżviluppi ser jgħin biex jiġu integrati aħjar fil-qafas fiskali. L-istess japplika għad-diskrepanzi bejn il-figuri tad-dejn u tad-defisit sabiex ikun hemm kwalifika aħjar tax-xejriet baġitarji.

(ii) Il-konċessjoni għal aktar ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż sabiex jiġi definit l-għan tad-defisit għaż-żmien mezzan ta’ “qrib il-bilanċ jew attiv”. L-għanijiet għaż-żmien mezzan li jintegraw id-dipożizzjonijiet tat-Trattat iridu jiksbu żewġ riżultati. L-ewwelnett, huma maħsuba biex jagħtu biżżejjed wisa’ sabiex id-defisit tal-bilanċ jiġi mmanuvrat mingħajr ma jinqabeż il-valur ta’ referenza ta’ 3% waqt riċessjoni ekonomika mingħajr ma jkollha tidħol il-politika fiskali pro-ċiklika. It-tieni, iż-żamma ma’ l-għan għaż-żmien mezzan tippermetti tnaqqis tar-ratio tad-dejn tal-Gvern mal-GDP, u b’hekk ikun hemm tħejjija għall-impatt baġitarju fuq il-popolazzjonijiet li qed jixjieħu. L-ispeċifikazzjoni operattiva ta’ l-għan baġitarju għaż-żmien mezzan ta’ “qrib il-bilanċ jew attiv” tħalliet miftuħa mill-PST u fil-prattika pożizzjoni ta’ baġit ibbilanċjat f’termini aġġustati ċiklikament kull sena tul iċ-ċiklu hija meħtieġa għall-biċċa l-kbira mill-Istati Membri. Minħabba d-diversifikazzjoni ekonomika akbar f’UE ta’ 25 Stat Membru, l-għanijiet unformi għall-pajjiżi kollha ma jidhrux xierqa u neqsin minn bażi ekonomika.

Flimkien ma’ l-għan li jinħarab ir-riskju li jinqabaż il-valur ta’ referenza td-defisit, l-għan baġitarju għaż-żmien mezzan jista’ jissejjes fuq livelli ta’ dejn attwali, filwaqt li jitiqies l-iżvilupp tagħhom għaż-żmien mezzan u għaż-żmien fit-tul. Fil-prattika, l-għan għaż-żmien mezzan ikun aktar strett (qrib iż-żero jew attiv) ogħla ma jkun il-livell ta' dejn. Taħt ċirkostanzi normali, il-pożizzjonijiet baġitarji identifikati għandhom jevitaw li jaqbżu l-valur ta’ referenza ta’ 3%. Madankollu, għal dawk il-pajjiżi li jkunu f’qagħda li jkollhom defisit żgħir, jiżdied ir-riskju li jinqabeż it-3% waqt riċessjoni ekonomika.

Waqt il-valutazzjoni tad-devjazzjoni mill-għan għaż-żmien mezzan jew tat-triq lejn il-kisba tiegħu, jistgħu jitqiesu fatturi oħra, bħat-tkabbir ekonomiku potenzjali, l-inflazzjoni, il-passivi impliċiti marbuta mal-popolazzjoni qed tixjieħ, l-impatt tar-riformi strutturali jew il-ħtieġa għall-investiment addizzjonali nett.

Fl-aħħarnett, ta' min jisħaq li hemm korrelazzjoni ċara bejn il-pertinenza ekonomika tad-definizzjoni u l-kumplessità tagħha. Fid-definizzjoni tal-linji ta’ gwida għat-tifsil ta’ l-għanijiet għaż-żmien mezzan u għall-valutazzjoni tad-devjazzjoni minn dawn l-għanijiet, din il-korrelazzjoni trid tiġi kkundsidrata bir-reqqa.

(iii) Il-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi u l-iżviluppi ekonomiċi fl-implimentazzjoni tal-Proċedura għad-Defisit Eċċessiv. Dan jista’ jsir prinċipalment f’żewġ aspetti tal-proċedura:

- Li jitiqiesu perjodi mtawla ta' tkabbir kajman bis-saħħa tal-"klawżola għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali”. Il-każ tat-tkabbir ekonomiku bil-mod iżda xorta waħda posittiv mhuwiex meqjus bis-sħiħ fil-qafas fiskali attwali ta’ l-UE. F’dan is-sens, it-titjib jista’ jinkiseb permezz ta’ reviżjoni tat-triq ta’ aġġustament ladarba pajjiż jaqbeż il-valur ta’ referenza għad-defisit ta’ 3% (ara isfel) u/jew definizzjoni mill-ġdid ta’ l-hekk imsejħa “klawżola għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali”. Taħt il-qafas attwali, perjodu mtawwal ta’ tkabbir kajman li jwassal għal telf sostanzjali tal-produzzjoni kumulata, filwaqt li jwassal għal defisits ogħla minn 3% tal-GDP, ma jiġġustifikax l-applikazzjoni tal-klawżola għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li kieku tevita li Stat Membru jitqiegħed f’pożizzjoni ta’ defisits eċċessivi.

It-Trattat jipprevedi xi eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li l-pajjiżi li jirreġistraw defists jew djun ogħla mill-valur ta’ referenza għandhom jitqiesu bħala f’defisit eċċessiv. Hemm kundizzjoni kumulattiva (eċċezzjonali u temporanja u qrib il-valur ta’ referenza) li tista’ tiġġustifika eċċezzjoni bħal din. Ir-Regolament 1467/97 jispeċifika dawn l-eċċezzjonijiet għal dak li għandu x’jaqsam ma' l-applikazzjoni tad-defisit, billi jistipula b'mod pjuttost restrittv il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-klawżola għaċ-"ċirkostanzi eċċezzjonali”. Ir-Regolament, b'mod partikolari, jirestrinġi r-rikors għal din il-klawżola biss għal każijiet ta’ tkabbir negattiv, u jekk dan ma jkunx sostanzjali (2%), ikun jeħtieġ li l-pajjiżi jippreżentaw evidenza ta’ appoġġ. Sabiex jitiqesu l-perjodi fejn it-tkabbir għadu posittiv, iżda baxx ħafna għal żmien twil, u meta żviluppi bħal dawn mhumiex mistennija, it-titjib possibbli jista’ jinkludi ir-ridefinizzjoni tar-riċessjoni ekonomika ħarxa u kjarifika “tal-mod mhux mistenni kif seħħet ir-riċessjoni f’daqqa waħda” u “t-telf tal-produzzjoni kif imqabbel ma' xejriet imgħoddija". Iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra (temporanji u qrib il-valur ta’ referenza) ikomplu japplikaw.

Kull bidla għad-definizzjoni ta’ din il-klawżola għandha tiġi eżaminata flimkien ma’ bidliet fit-triq ta’ l-aġġustament, li wkoll tkun tista’ tqis ir-riċessjonijiet mtawla. Id-differenza ewlenija f’li jitqiesu r-riċessjonijiet mtawla bis-saħħa tat-twessigħ tad-definizzjoni tal-klawżola taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali milli permezz tat-triq ta’ l-aġġustament hija li b' ta' l-ewwel, il-pajjiż li jkun qed jaqbeż il-valur ta’ referenza ta’ 3% ma jkunx intefa’ fil-Proċedura ta’ Defisit Eċċessiv u għalhekk ma jkunx suġġett għall-kontroll akbar li din timplika; xi ħaġa li timplika r-riskju li jintilef l-impetu għall-kontroll li jkun meħtieġ f’waqtu.

Il-konċessjoni għal aktar ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż sabiex jissewwew id-defisits eċċessivi (it-triq ta’ l-aġġustament) Skond ir-regoli attwali, Stat Membru li jikser ir-ratio tad-defisit ta' 3% mal-GDP għandu jikkoreġġih “fis-sena wara li jiġi identifikat, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali” (CR 1467/97, Art.3 §4). Ir-Regolament jiffissa skadenzi oħra u l-aktar sabiex tittiħed azzjoni effettiva (erba’ xhur mill-bidu tal-proċedura) u għas-sanzjonijiet jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill (għaxar xhur mill-bidu tal-proċedura).

Skadenzi applikati indiskriminatament għal kulħadd sabiex jiġu kkoreġġuti d-defisits eċċessivi għandhom limitazzjonijiet bażiċi għaliex ma jħallux li ssir distinzjoni bejn pajjiżi bi żviluppi ċikliċi differenti u livelli ta’ dejn differenti. Dan jista’ jwassal għal pariri politiċi żbaljati bħal, per eżempju, li jkun hemm talba għal aġġustamenti pro-cikliċi li jkunu stretti wisq jew inkella l-ħolqien ta’ inċentivi sabiex isir rikors għal operazzjonijiet ta' darba sabiex wieħed iżomm ma’ l-iskadenzi.

Fit-tfassil ta’ triq għall-aġġustament li tkun xierqa, il-PST għandu jqis ħafna aħjar il-kundizzjonijiet u l-fundamentali ekonomiċi ta’ Stat Membru li jaqbeż il-valur ta’ referenza ta’ 3%. Dan jimplika li l-Proċedura ta’ Defisit Eċċessiv xorta waħda titnieda ladarba pajjiż jaqbeż il-valur ta’ referenza u xorta tkun mistennija tiswija mgħaġġla. Madankollu, ir-ritmu ta’ l-aġġustament jista’ jvarja minn pajjiż għall-ieħor meta t-triq ta’ l-aġġustament xierqa tkun definita fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u l-livelli ta’ dejn. Waqt li tkun qed tiġi vvalutata s-sitwazzjoni, iridu jitqiesu wkoll ir-raġunijiet għad-defisits eċċessivi, kif ukoll kemm hija xierqa l-politika rilevanti. Fil-prattika, jistgħu jiġu esplorati strateġiji differenti fi ħdan il-qafas tat-Trattat. L-ewwel possibbilità hija li wieħed ikompli jqis “is-sena wara l-identifikazzjoni” bħala r-regola bażika għall-korrezzjoni, filwaqt li jkun hemm konċessjoni għall-pajjiżi biex ikollhom triq ta’ aġġustament itwal bis-saħħa tad-definizzjoni tal-“klawżola għaċ-ċirkostanzi speċjali” tal-PST. Strateġija oħra tkun dik fejn skadenzi speċifiċi għall-pajjiż isiru r-regola bażika. F’kull każ, ikun importanti li jiġi ffissat limitu ta’ żmien massimu għat-tiswija tad-defist eċċessiv filwaqt li ma jkun hemm l-ebda konċessjoni għal politika ħażina.

Barra minn hekk, l-iskadenzi għall-kontroll akbar għandhom jerġgħu jitqiesu, sabiex isiru aktar konsistenti mal-proċess baġitarju nazzjonali. Fl-istess ħin, il-valutazzjoni tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza għandom isiru waqt ewlieni għall-evalwazzjoni ta' l-iżviluppi baġitarji u l-miżuri politiċi. Filwaqt li jibqa' jinżamm li l-pajjiżi taħt l-EDP huma taħt sorveljanza msaħħa, tidher xierqa u mixtieqa enfasi akbar fuq it-triq ta’ l-aġġustament fil-valutazzjonijiet ta’ kull sena tal-programmi, u din tista’ tikkontribwixxi għat-tħaffif tal-proċeduri attwali.

L-enfasi akbar fuq id-dejn tista’ ssaħħaħ ukoll l-inċentivi sabiex titmexxa politika prudenti waqt perjodi posittivi, u b’hekk ikun hemm żieda fit-tnaqqis tad-dejn. Li jitqies id-dejn fid-definizzjoni ta’ triq ta’ aġġustament xierqa għat-tiswija tad-defists eċċessivi jippremja lill-pajjiżi li naqqsu d-dejn lejn valuri prudenti billi għamlu aktar wisa’ għall-immanuvrar f’perjodi negattivi.

(iv) L-adozzjoni ta’ azzjonijiet preventivi sabiex jissewwew żviluppi baġitarji li mhumiex adegwati. L-esperjenza li nkisbet fil-mixja lejn ir-riċessjoni mtwala riċenti wriet b’mod ċar il-ħtieġa li titmexxa politika prudenti u simmetrika fuq iċ-ċiklu kollu u li jinkiseb l-attiv fil-perjodi posittivi. Il-kontroll baġitarju għandu jiżgura pressjoni reċiproka ( peer pressure ) xierqa sabiex jingħen il-ksib ta’ l-għanijiet għaż-żmien mezzan. Għal dan il-għan, il-PST għandu jġedded l-impenn li jmexxi politika fiskali simmetrika maċ-ċiklu kollu sabiex iħejji għall-popolazzjoni li qed tixjieħ, jagħmel biżżejjed wisa’ għat-trattament tar-riċessjonijiet u jiżgura policy mix xierqa fuq iċ-ċiklu kollu. Impenn imġedded u maqsum fuq dawn it-tliet għanijiet għandu jżid l-involviment u l-appartenenza ta’ l-Istati Membri għall-PST.

Tħaddim effiċjenti tal-mekkaniżmu tal- peer review fil-parti preventiva tal-kontroll fiskali hija essenzjali għall-politika xierqa u għar-riżultati baġitarji tevita li tiġi attivata il-parti tal-PST marbuta mas-sanzjonijiet.

Il-kapaċità tal-Kummissjoni li toħroġ “twissijiet bikrin” direttament (ara punt 4 taħt) għandha tikkontribwixxi sabiex tavża biżżejjed minn qabel dwar il-ħtieġa li tittieħed l-azzjoni sabiex jissewwew l-iżviluppi baġitarji mhux adewgati, anki f’perjodi pożittivi u meta d-defisits ma jkunux bilfors qrib it-3%.

Il-BEPGs jistgħu wkoll jintużaw b’mod aktar effetiv sabiex jindirizzaw il-kwistjoni tal-politika t-tajba waqt il-perjodi posittivi. Jekk meħtieġ, jistgħu jinħarġu r-rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-BEPGs jekk it-tmexxija tal-politika baġitarja tidher li mhix konsistenti magħhom.

F’każ fejn il-politika ta’ Stat Membru timplika riskji f’dak li għandu x’jaqsam mal-valuri ta’ referenza tat-Trattat, jew għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, it-twissijiet bikrin għandhom jinħarġu f’waqthom.

3. IL-KOORDINAMENT TAL-POLITIKA BAĠITARJA

It-tqegħid f’perspettiva usa’ tal-kontroll ta’ l-UE tal-politika fiskali jimplika li n-naħa dixxipplinari trid titqies fuq il-livell ta’ l-UE flimkien ma’ elementi oħra: il-politika baġitarja u ekonomika jridu jkollhom il-prioritajiet it-tajbin għar-riformi ekonomiċi, l-innovazzjoni, il-kompetittività u t-tisħiħ ta’ l-investiment u l-konsum privat. Dan jikkontribwixxi għall-progess lejn il-kisba ta’ l-għanijiet ekonomiċi ta’ l-Istrateġija ta’ Lisbona.

It-tisħiħ tar-rabta bejn il-BEPGS (Broad Economic Policy Guidelines ), il-PST , u l-proċessi baġitarji nazzjonali jista’ jtejjeb l-effettività tal-koordinament tal-politika ekonomika. B’mod speċifiku, jista’ jinħoloq kontribut simplifikat u aktar effiċjenti tal-kontroll Ewropew għat-tmexxija tal-politika nazzjonal bis-saħħa ta’ analiżi mill-ġdid tal-kalendarju tal-fażi preventiva tal-PST – marbut mal-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tal-programmi ta’ konverġenza u stabbiltà – u billi tiġi aktar konformi mal-proċess baġitarju nazzjonali.

B’hekk jissaħħaħ ir-rwol tal-programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza. L-ewwelnett, jistgħu jfissru l-istrateġija baġitarja għaż-żmien mezzan fil-bidu ta’ mandat elettorali għall-gvernijiet ġodda. L-aġġornamenti ta’ dan il-Programm jistgħu mbagħad isiru tassew, aktar kmieni fis-sena, eżerċizzju ex-ante. Dan jippermetti li jkunu jistgħu jitiqesu il-BEPGS u l-Opinjonijiet dwar il-programmi waqt it-tħejjija tal-baġits nazzjonali mill-gvernijiet . Il-valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-BEPGs kmieni fis-sena ta’ wara jikkonkludu ċ-ċiklu annwali u jħejju għaċ-ċiklu li jmiss.

Hemm bosta vantaġġi minn reviżjoni simili tal-kalendarju tal-politika ekonomika. L-ewwelnett, l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-Progammi ta’ Stabbiltà u Konverġenza lejn l-ippjanar starteġiku u 'lil hinn mid-deskrizzjoni ta' l-abbozz annwali tal-baġit jista' jżis l-enfasi ta’ l-eżerċizzju għaż-żmien mezzan. It-tieni, huwa probabbli li semestru xieraq ta' l-UE għall-politika ekonomika, bis-saħħa taż-żieda fl-interazzjoni bejn il-livelli Ewropej u nazzjonali qabel ma jitħejja abbozz tal-baġit għas-sena ta’ wara, jista’ jżid l-involviment u l-appartenenza tal-koordinament politiku ta’ l-UE min-naħa ta’ l-Istati Membri, u b’hekk jagħmilha aktar faċli li jiġu integrati orjentamenti komuni fit-tfassil tal-politika domestika. It-tielet, din it-transizzjoni taf tagħti l-possibbiltà li jiġu involuti aħjar il-parlamenti nazzjonali u fi stadju bikri ta’ l-ippjanar baġitarju li jkopri numru ta' snin: dan x’aktarx iżid il-leġittimità tal-qafas fiskali Ewropew. Fl-aħħar, jista’ jippermetti t-tisħiħ tal-valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni kemm tal-BEPGs kif ukoll tal-programmi - billi jorbot l-analiżi li tkun saret fl-aħħar tas-sena dwar l-elementi ewlenin mal-baġit li jkun għadu kemm ġie approvat, mar-rakkomandazzjonijiet li jkunu qegħdin fil-BEPGs dwar kemm il-kwalità tal-finanzi pubbliċi u l-aspetti baġitarji tar-rakkomandazzjonijiet l-oħra.

4. IT-TITJIB TA’ L-INFURZAR

Tifsila riveduta tar-regoli u tal-proċessi ta’ l-UE tista’ ssaħħaħ il-bażi ekonomika tal-qafas, u trabbilu l-kredibilità u involviment akbar min-naħa ta’ l-Istati Membri. Kontribut ieħor għall-infurzar imsaħħaħ tar-regoli komuni jista’ jkun li wieħed jindirizza mistoqsijiet addizzjonali dwar it-tħaddim ta’ l-aspetti preventivi, disswasivi u korrettivi tal-kontroll ekonomiku u baġitarju u r-relazzjoni tiegħu mal-qafas istituzzjonali. L-infurzar tal-qafas ta’ l-UE u tal-linji ta’ gwida relatati u tar-rakkomandazzjonijiet jista’ jittejjeb kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq dak Komunitarju, bis-saħħa ta’ kjarifika tar-rwoli rispettivi ta’ l-istituzzjonijiet varji, effettività akbar tal-proċeduri baġitarji nazzjonali, u l-involviment tal-protagonisti nazzjinali kollha. Madankollu, l-infurzar fil-kuntest tat-Trattat jibqa’ f’idejn l-Istati Membri u l-impenn tagħhom biex jeżerċitaw bis-sħiħ il-pressjoni reċiproka xierqa.

Il-Kummissjoni tippromowovi l-għanijiet ta’ l-Unjoni u tikkontrolla r-rispett tat-Trattat u tal-konformità ta’ l-Istati Membri mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, u tipproponi jew tirrakomanda azzjonijiet xierqa lill-Kunsill. Fi ħdan il-limiti ta’ diskrezzjoni stipulati mill-qafas legali, il-Kunsill, permezz ta’ valutazzjoni politika, għandu mbagħad l-aħħar kelma fid-definizzjoni tal-linji ta’ gwida politiċi komuni jew ta’ x’medda u piż għandhom ikollhom ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill sabiex iwasslu għat-tiswija ta’ l-iżbalji ewlenin. Dan il-prinċipji ġew ikkonfermati mid-deċiżjoni tal-Qorti tat-13 ta’ Luju 2004. Id-dispożizzjonijiet introdotti fil-Kostituzzjoni l-ġdida, bħat-“ twissija bikrija” direttament maħruġa mill-Kummissjoni u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jibdew il-proċedura tad-defisit eċċessiv imsejsa fuq il-propotsi aktar milli fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumissjoni, it-tnejn li huma jsaħħu is-sistema ta’ tmexxija ekonomika u jiċċaraw ir-rwoli kumplimentari tal-Kunsill u l-Kummissjoni.

L-implimentazzjoni tal-qafas fiskali u l-kredibilità tagħha jiddependu wkoll mill- istatistika fiskali li tkun ta’ kwalità , f’waqtha u affidabbli, kif ukoll mill-valutazzjoni tal-pożizzjonijiet baġitarji tal-gvern. Monitoraġġ aħjar fuq il-livell ta’ l-UE ta’ l-informazzjoni li tasal tista’ tikkontribwixxi għal dan il-għan: wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ l-Ecofin tat-2 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni sejra tħejji standards minimi Ewropej għat-twaqqif istituzzjonali ta' l-awtoritajiet statistiċi. Għandhom jiġu żgurati il-konsistenza bejn l-istatus u l-prerogattivi ta’ l-awtoritajiet statistiċi nazzjonali u x-xogħol tagħhom li jiggarantixxu li l-istatistika tkun affidabbli u f’waqtha. It-trasparenza sħiħa sejra tipperemetti lis-swieq finanzjarji jivvalutaw aħjar kemm l-Istati Membri differenti jkun ħaqqhom li jingħataw il-kreditu.

L-elementi disswasivi tal-koordinament baġitarju li jduru madwar l-użu tal-pressjoni reċiproka bħala mekkaniżmu ta’ sanzjoni, appoġġjati mit-theddida aħħarija tal-penali finanzjarji, huma parti ewlenija mill-qafas fiskali ta’ l-UE

Tista’ tissaħħaħ l-effettività tal-pressjoni reċiproka sabiex l-Istati Membri jkunu skoraġġiti milli ma jikkonformawx ma’ l-obbligi legali tagħhom, u dan jista’ jsir permezz tal-pubblikazzjoni ta’ l-ismijiet flimkien ma', jekk meħtieġa, nota ta' ċanfir. Għarfien pubbliku domestiku dwar politika ekonomika li mhix xierqa tista' tiswa ħafna f'dak li għandu x'jaqsam mar-reputazzjoni, u għalhekk titħeġġeġ azzjoni xierqa li twassal għat-tnaqqis tat-tendenza għad-defist li tkun ġejja, per eżempju, miċ-ċiklu elettorali. Fil-qafas attwali, it-trasferiment tar- reputation costs għal fuq l-opinjoni pubblika jew is-swieq finanzjarji huwa limitat, kif jixhdu esperjenzi reċenti. Barra minn hekk, it-tisħiħ tad-dissważjoni u l-pressjoni reċiproka fil-Kunsill tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-titjib tal-mekkaniżmu ta’ koordinament tal-politika fiskali.

Ta’ min jiġu previsti miżuri sabiex ikun hemm accountability u trasparenza akbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika baġitarja ta’ l-Istati Membri. Fuq il-livell Ewropew dan jista’ jsir, bħala l-ewwel pass, billi tiżdied it-traparenza fl-attivitajiet ta’ kontroll. Il-Kumissjoni diġà ħadet din it-triq, mis-sena li għaddiet, billi ġabret u ħarġet ħafna informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-programmi ta' Stabbiltà u konverġenza, iżda wkoll għall-implimentazzjoni tal-Proċedura ta’ Defisit Eċċessiv. Il-Kummissjoni tista’ tieħu passi ulterjuri sabiex iżżid il-kwantità u l-kwalità ta’ l-informazzjoni li tqassam u sabiex iżżid il-pressjoni reċiproka fuq l-Istati Membri. Bħala eżempju, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-qagħda baġitarja b’mod regolari lill-Parlament Ewropew bil-għan li tħeġġeġ id-dibattitu. B’dan il-mod, il-Parlament Ewropew ikun jista' jikkontribwixxi għall-għarfien pubbliku.

Hemm lok għal konverżjoni aħjar ta’ l-impenn Ewropew fuq il-livell nazzjonali. It-Trattat jagħti l-għarfien dovut lill- importanza ta’ l-istituzzjonijiet u l-proċeduri baġitarji nazzjonali sabiex jipprovdu politika baġitarja soda meta jsejjaħ lill-Istati Membri biex ‘jiżguraw li l-proċeduri nazzjonali fil-qasam baġitarju jippermettulhom jirrispettaw l-obbligi tagħhom".[2]. L-istituzzjonijiet baġitarji għandhom jirriflettu b’mod xieraq il-bina istituzzjonali u kostituzzjonali tal-pajjiż speċifiku.

F’dan il-kuntest, jidher rilevanti r-rwol tat-tħaddim tal-monitoraġġ mwettaq mill-Kummissjoni fuq il-livell ta’ l-UE, li għandhom il-kontropartijiet nazzjonali f’xi uħud mill-Istati Membri. Wara li jsegwu l-eżempji ta’ suċċess ta’ entitajiet nazzjonali li, bħala istituzzjonijiet indipendenti, jissorveljaw il-politika ekonomika u baġitarja nazzjonali, u billi jipprovdu pubblikament il-fehmiet dwar l-implimentazzjoni tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jqisu kif istituzzjonijiet bħal dawn jkunu jistgħu jidħlu fil-binja istituzzjonali nazzjonali. Flimkien ma’ dan, involviment eqreb tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta’ koordinament jista’ jgħin sabiex tissaħħa l- accountability fuq il-livell ta’ l-Istat Membru u b’hekk tiżdied l-effetività tal-pressjoni reċiproka.

* * *

Fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni - f'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri - sejra tkompli b'xogħolha sabiex telabora dawn l-ideat u tħaddimhom. Il-Kummissjoni mbagħad ser tippreżenta proposti leġislattivi għall-implimentazzjoni ta’ l-ideat dwar it-tisħiħ tat-tmexxija ekonomika li jwasslu għaż-żamma ta’ finanzi pubbliċi b’saħħithom u jippromwovu l-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku ta’l-UE.

[1] Deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-każ C-27/04 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea.

[2] Artikolu 3, Protokoll 20 TKE. Il-Proċedura tad-Defisit Eċċessiv.