18.2.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 43/18


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Servizzi Fis-Suq Intern

(2005/C 43/06)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

Wara li ra l- proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (COM(2004) 2 final- 2004/0001 (COD));

Wara li ra d- Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-20 ta' Frar 2004 biex ikun konsultat dwar dan is-suġġett, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu (265) u l-Artikoli (71) u (80) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

Wara li ra d- Deċiżjoni tal-President tiegħu tal-5 ta' April 2004 li permezz tagħha ta istruzzjonijiet lill-Kummissjoni tiegħu dwar il-Politika Ekonomika u Soċjali biex tħejji opinjoni dwar dan is-suġġett;

Wara li ra l- Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bl-isem Strateġija għal Suq intern tas-Servizzi (COM(2000) 888 finali);

Wara li ra l- Opinjoni tiegħu CdR 134/2001 fin tat-13.6.2001 (1) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem Strateġija għal Suq intern tas-Servizzi;

Wara li ra r- rapport magħmul mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bl-isem L-Istat tas-Suq Intern tas-Servizzi (COM(2002) 441 finali);

Wara li ra l- abbozz ta' l-Opinjoni CdR 154/2004 rev.1 adottat fis-6 ta' Lulju 2004 mill-Kummissjoni tiegħu dwar il-Politika Ekonomika u Soċjali (rapporteur: is-Sur Schrõter, Chairman tal-Kumitat Parlamentari dwar Affarijiet Ewropej u Federali ta' Thüringen (DE/EPP).

U peress illi:

1)

s-servizzi għandhom rwol importanti fl-ekonomija ta' l-UE;

2)

l-potenzjal konsiderevoli li għandu s-settur tas-servizzi biex jikber u jżid l-impjiegi sa issa ma setax ikun sfruttat bl-aħjar mod possibbli minħabba n-numru ta' ostakli li jfixklu l-iżvilupp tas-servizzi;

adotta l-Opinjoni li ġejja fil-sessjoni plenarja Nru 56 li saret fid-29 u t-30 ta' Settembru (laqgħa tat-30 ta' Settembru):

Kummenti u rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni

1.   Il-fehmiet tal-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.1

jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern, imfassla biex tnaqqas il-ostakoli li għadhom ifixklu l-ħolqien ta' suq intern reali tas-servizzi fl-UE;

1.2

jenfasizza li sabiex jintlaħaq l-għan stipulat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu f'Lisbona biex sa' l-2010 l-ekonomija ta' l-UE ssir l-iktar ekonomija ta' l-għarfien kompetittiva fid-dinja, hu wkoll importanti li jitkompla l-ħolqien ta' suq reali intern tas-servizzi;

1.3

jirreferi għar-rapport dwar l-Istat tas-Suq Intern tas-Servizzi, li jgħid li wara għaxar snin minn meta kien maħsub li s-suq intern ikun imwaqqaf kompletament, għad baqa' differenza bejn il-viżjoni ta' ekonomija integrata fl-UE u r-realtà esperjenzata miċ-ċittadini Ewropej u persuni Ewropej li jipprovdu s-servizzi;

1.4

jagħti l-appoġġ tiegħu biex tinħoloq struttura legali li permezz tagħha jkunu eliminati l-ostakli u l-ostakoli li għadhom ifixklu l-libertà għat-twaqqif ta' persuni li jipprovdu s-servizzi u l-moviment ħieles tas-servizzi bejn l-Istati Membri. Kemm dawk li jipprovdu s-servizzi kif ukoll dawk li jirċevuhom għandhom jingħataw iċ-ċertezza legali li jeħtieġu biex ikun żgurat li l-libertà għat-twaqqif ta' persuni li jipprovdu servizz u l-moviment ħieles tas-servizzi jkunu eżerċitati bħala drittijiet fundamentali;

1.5

jaqbel illi d-Direttiva għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tal-pajjiż ta' l-oriġini. Dan ifisser li fil-bidu dawk li jipprovdu servizz ikunu suġġetti biss għal-liġijiet ta' l-Istat Membru li fih ikunu mwaqqfa. Dan il-prinċipju jassumi li jkun hemm livell komparabbli ta' protezzjoni f'kull Stat Membru, jiġifieri, li d-dispożizzjonijiet dwar is-saħħa, dwar il-konsumatur u livelli oħra ta' sigurtà huma ġeneralment komparabbli. Essenzjalment il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li hu l-bażi tas-suq intern għall-moviment ħieles tal-prodotti, se jkun estiż għas-settur tas-servizzi;

1.6

iqis bħala importanti li l-persuni li jipprovdu servizz jingħataw l-opportunità li jidħlu fi swieq ta' Stati Membri oħra b'termini li huma familjari magħhom;

1.7

madankollu jirrimarka li l-kontenut u l-iskop ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini mhux definit b'mod ċar fid-Direttiva proposta. L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini jista' jqajjem xi problemi, b'mod partikolari fis-servizzi soċjali u tas-saħħa. Superviżjoni ta' dawn is-servizzi għandha ssir dejjem mill-awtoritajiet ta' dak l-Istati Membru, skond il-liġijiet ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni

1.8

jikkunsidra bħala sensibbli l-proposti għas-simplifikazzjoni fil-prinċipju fl-amministrazzjoni. Il-proposta għas-simplifikazzjoni ta' l-amministrazzjoni u l-użu ta' mezzi elettroniċi biex jitlestew il-proċeduri, huma vitali għat-twaqqif ta' suq ħieles tas-servizzi;

1.9

jikkunsidra bħala importanti li d-Direttiva tistabilixxi regoli għall-għoti reċiproku ta' informazzjoni u komunikazzjoni biex, mill-banda waħda dawk li jipprovdu s-servizzi jingħataw aċċess reali għas-suq komuni, u mill-banda l-oħra, biex il-persuni li jirċievu s-servizzi jkunu jistgħu jużawhom mingħajr riskju fil-komunità kollha;

1.10

jilqa' l-fatt li d-Direttiva proposta hi bbażata fuq il-fiduċja u l-appoġġ reċiproku ta' l-Istati Membri u tipprovdi fost l-oħrajn għal kontrolli konġunti dwar dispożizzjonijiet eżistenti biex ikun żgurat li dawn ikunu kompatibbli ma' l-għan tat-twaqqif ta' suq ħieles tas-servizzi.

2.   Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

2.1

jagħti l-appoġġ tiegħu għal-livell orizzontali adottat fl-istruttura tad-Direttiva. Dan jagħmilha possibbli li tgħaddi mingħajr dispożizzjonijiet dettaljati u mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha relevanti fl-Istati Membri;

2.2

jenfasizza, però, l-periklu li l-livell orizzontali jista' jikkoinċidi ma' dispożizzjonijiet tal-Komunità li diġà jeżistu dwar setturi speċifiċi;

2.3

jilqa' għalhekk b'mod pożittiv il-fatt li d-Direttiva tagħmel numru ta' derogi ġenerali biex timpedixxi koinċidenzi simili. Dawn id-derogi jikkonċernaw is-servizzi finanzjarji, servizzi ta' komunikazzjoni elettronika u network ta' komunikazzjoni relatati ma' telecom package, u servizzi fis-settur tat-trasport;

2.4

jiġbed l-attenzjoni, li madankollu, mill-banda l-oħra, fil-prinċipju l-intenzjoni hi li d-Direttiva tapplika b'mod kumulattiv flimkien ma' liġijiet oħra tal-Komunità li diġà jeżistu;

2.5

juri l-biża' tiegħu għalhekk, li b'mod partikolari dispożizzjonijiet li diġà jeżistu f'setturi speċifiċi jistgħu jiddgħajfu b'riżultat ta' dan. Dan għaliex fil-prattika, id-Direttiva proposta se tintuża dejjem f'każijiet li m'humiex koperti b'dispożizzjonijiet speċjali. F'każ ta' dubju wieħed għandu jassumi li d-dispożizzjonijiet li diġà jeżistu għal setturi speċifiċi diġà jirregolaw dawn l-oqsma b'mod definittiv u/ jew xi punti ta' dettall individwali ma ġewx regolati apposta;

2.6

iħeġġeġ għalhekk biex l-applikazzjoni tad-Direttiva b'mod kumulattiv tkun espressament eskluża f'oqsma li fihom diġà jeżistu dispożizzjonijiet definittivi għal setturi speċjali u speċifiċi. Hu meħtieġ li f'dawn il-każijiet id-Direttiva ma toħloqx dispożizzjonijiet ġodda supplimentari;

2.7

jirrikonoxxi li l-għan ta' l-ippjanar tad-derogi ġenerali mill-prinċipju tal-pajjiż ta' l-oriġni kien biex tkun żgurata l-konsistenza ma' liġijiet diġà eżistenti. Il-prinċipju tal-pajjiż ta' l-oriġni mhux se jkun applikabbli f'setturi tas-servizzi li fihom diġà jeżistu jew qed jiġu ippjanati dispożizzjonijiet speċifiċi għal dak is-settur. Eżempji ta' dawn jinkludu: servizzi postali, provvisti ta' elettriku, gass u ilma, it-tqassim tal-ħaddiema, trasport ta' l-iskart, ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, u skemi ta' awtorizzazzjoni dwar ir-rimborżta' spejjeż ta' kura mogħtija fi sptar;

2.8

jinnota li l-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini jista' jippenalizza lil negozjanti onesti u konsumaturi, peress li jagħti lok għall-manipolazzjoni tal-livelli nazzjonali għoljin marbuta mal-kwalifiki professjonali jew mal-kwalità ta' l-għoti tas-servizz. Għalhekk hemm bżonn li l-prinċipju tal-pajjiżi ta' oriġin ma jibqax jintuża sabiex id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkontrollaw l-attività ekonomika jibqgħu jiġu manipulati;

2.9

jinnota wkoll li l-abbozz tad-Direttiva bl-ebda mod ma jirreferi għall-abbozz ta' Direttiva li bħalissa qiegħed jiġi diskuss dwar il-kondizzjonijiet ta' xogħol għall-ħaddiema temporanji (COM(2002) 149);

2.10

jinnota, madankollu, li għalkemm id-Direttiva mhix se tkun applikabbli f'dawn l-oqsma, xorta tistipula dispożizzjonijiet supplimentari li jistgħu jikkonkorru f'uħud minn dawn l-oqsma. Dawn jikkonċernaw b'mod partikolari l-oqsma li ġejjin: ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali li se jkunu miżjuda b'dispożizzjonijiet dwar l-assikurazzjoni professjonali u l-kommunikazzjoni kummerċjali, it-tqassim tal-ħaddiema li se jkun miżjud b'dispożizzjonijiet li jmorru lil hinn minn affarijet amministrattivi biss, u d-dispożizzjonijiet supplimentari li jkopru r-rimborż tal-ħlasijiet tat-trattament;

2.11

juri l-biża' tiegħu li dan jista' jwassal għal numru ta' dispożizzjonijiet li jikkonkorru ma' xulxin u nuqqas ta' trasparenza;

2.12

iħeġġeġ għalhekk biex ir-regoli tad-Direttiva li jistgħu jitniżżlu wkoll fid-dispożizzjonijiet speċjali eżistenti jew li qed jiġu ippjanati, jiġu inklużi wkoll f'dawn id-dispożizzjonijiet speċjali. B'hekk tiġi evitata l-ħtieġa ta' diskussjoni ta' settur speċifiku matul aktar deliberazzjonijiet dwar din id-Direttiva. Kif urew s'issa n-negozjati dwar din id-Direttiva, il-periklu li jiġri dan diġà ġie innotat f'numru ta' oqsma;

2.13

jara din il-problema ta' konkorrenza ma' dispożizzjonijiet speċjali b'mod partikolari in konnessjoni mad-dispożizzjonijiet proposta dwar it-tqassim tal-ħaddiema;

2.14

jinnota li apparti r-regoli tal-proċedura u r-regoli dwar il-kompetenzi - jekk nitilqu mill-prinċipju tal-pajjiż ta' l-oriġni, l-Istat Membru li jqassam ix-xogħol lill-ħaddiema hu ddikjarat bħala kompetenti - id-Direttiva għandha wkoll aktar dispożizzjonijiet sostantivi li jimxu direttament fuq id-Direttiva preżenti dwar it-tqassim tal-ħaddiema fil-kwadru ta' l-għoti tas-servizzi, u għalhekk iżżid jew tikkonkorri ma' dik id-Direttiva. Il-miżuri li l-Istati Memri jistgħu jieħdu biex jagħmlu l-kontrolli tagħhom huma speċifikati u b'hekk limitati. L-Artikolu 17(5) tad-Direttiva jistpula deroga mill-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini għad-Direttiva dwar l-impjiegi tal-ħaddiema, iżda l-Kumitat jemmen bis-sħiħ bil-projbizzjoni ta' l-impożizzjoni ta' l-obbligazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 24 ta' l-abbozz tad-Direttiva, id-deroga ta' l-Artikolu 17(5) tiġi assurda, dwar il-kwistjoni kif l-Istat Membru ta' oriġini għandu jsir jaf b'xi ksur tar-regoli fl-Istat Membru ta' destinazzjoni. Anke jekk dan ikun possibli, tibqa' l-kwistjoni dwar kif l-Istat Membru ta' oriġini jista' jieħu azzjoni f'pajjiż ieħor li fih ma jkolli l-ebda jedd legali;

2.15

juri li b'riżultat ta' hekk il-periklu li l-kontrolli jkunu inqas effettivi hu b'xi mod rikonoxxut u għalhekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta definittivament għandhom impatt fuq id-Direttiva dwar it-tqassim tal-ħaddiema fil-kwadru ta' l-għoti tas-servizzi;

2.16

jikkunsidra għalhekk bħala importanti l-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar il-kontrolli taħt id-Direttiva dwar it-tqassim tal-ħaddiema fil-kwadru ta' l-għoti tas-servizzi għandhom ukoll jitniżżlu f'dik id-Direttiva sakemm dawn il-kontrolli huma meħtieġa fil-prattika;

2.17

jaħseb li d-Direttiva ma jirnexxilhiex tikkjarafika sa liema punt għandha tapplika fl-oqsma ta' servizzi estremament sensittivi u ta' interess ekonomiku ġenerali. Hu rikonoxxut li servizzi ta' interess ġenerali għandhom ikunu definiti, organizzati, iffinanzjatati u sorveljati mill-awtoritarjiet reġjonali u lokali;

2.18

jinnota li l-inklużjoni tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fil-qasam tas-servizzi ta' applikazzjoni tad-Direttiva u l-għan li jiġu żviluppat aħjar suq uniku u l-garanzija ta' zona ħielsa minn fruntieri interni għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali wkoll jistgħu inqassu l-libertà ta' azzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, reġjonali u lokali;

2.19

jilqa' għalhekk espressament b'mod pożittiv il-fatt li f'diskussjonijiet li saru s'issa dwar id-Direttiva, il-Kummissjoni spjegat li d-Direttiva bl-ebda mod m'hi immirata lejn il-karatteristiċi speċjali ta' servizzi ta' interess ġenerali u lanqas hi intenzjonata li tilliberalizza jew tneħħi l-monopolji;

2.20

jinnota li s'issa, madankollu, dan il-punt m'hux imsemmi fid-Direttiva innifisha;

2.21

jitlob għalhekk li dan il-punt ikun rettifikat u bħala prinċipju s-servizzi ta' interess ġenerali għandhom ikunu esklużi mill-iskop tad-Direttiva (u mhux biss parzjalment mill-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta' l-oriġni), sabiex jitwarrbu kull diskussjonijiet meta jasal iż-żmien ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva. B'hekk tkun evitata wkoll il-ħtieġa ta' l-armonizzazzjoni f'dan is-settur fil-futur qrib bl-għajnuna ta' dispożizzjonijiet applikabbli fil-Komunità kollha. Dan jaqbel ukoll mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni kif imfissra fil-Proposta ta' Liġi li saret reċentement dwar servizzi ta' interess ġenerali;

2.22

jenfasizza li f'dan ir-rigward jeħtieġ tingħata attenzjoni speċjali għall-qasam sensittiv tas-saħħa u s-sigurtà soċjali;

2.23

jipproponi li dan il-qasam ta' servizzi ta' interess ġenerali jkun eskluż espressament mill-għan tad-Direttiva. Dan ikun jaqbel ukoll ma' l-intenzjoni tal-Kummissjoni- kif imsemmija fil-White Paper riċenti dwar is-servizzi ta' interess ġenerali- li tippreżenta komunikazzjoni, fl-2005, dwar is-servizzi soċjali u tas-saħħa, minħabba l-importanza speċjali u l-importanza speċjali ta' dawn ta' l-aħħar;

2.24

jinnota li anke f'dan is-settur l-abbozz tad-Direttiva qiegħed joħloq dispożizzjonijiet ġodda li jikkompetu ma' dispożizzjonijiet li diġà jeżistu

2.25

jipproponi, għalhekk, li jekk ikun hemm il-bżonn ta' xi tibdil leġislattiv biex ikunu implimentati każijiet ta' l-ECJ, dawn għandhom jitniżżlu fid-dispożizzjonijiet speċjali; Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 23 għandhom ikunu mħassra mid-Direttiva;

2.26

jikkunsidra li hu mixtieq li meta ssir referenza għal dispożizzjonijiet oħra, l-isem ta' dik id-dispożizzjoni l-oħra ikun mogħti espressament biex id-Direttiva tkun eħfef għal min jaqraha;

2.27

jenfasizza r-rwol partikolarment importanti ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva proposta. Dawn l-awtoritajiet se jkunu mitluba jagħmlu xogħol konsiderevoli;

2.28

jaħseb li s'issa ma ngħatax każ biżżejjed dwar l-effetti li l-implimentazzjoni tad-Direttiva se jkollha fuq l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Id-Direttiva hi indirizzata għall-Istati Membri, iżda tikkonċerna b'mod partikolari lill-gvernijiet reġjonali u lokali, li se jingħataw l-inkarigu li jimplimentwaha fil-prattika bħala parti mill-proċess amministrattiv;

2.29

jinnota li f'dan ir-rigward jista' jkun hemm problemi fil-bidu dwar il-kompetenzi, fejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva fuq livell reġjonali jew lokali tkun teħtieġ strutturi ġodda, proċedura amministrattiva uniformi u kooperazzjoni bejn kulħadd; Regoli bħal dik li tistipula li “l-awtorizzazzjoni għandha tagħti lok lill-provvditur biex ikollu aċċess għall-attività tas-servizz, jew li jagħmel dik l-attività, fuq it-territorju nazzjonali” (Artikolu 10(4)) jew l-istabbiliment ta' punti singolari ta' kuntatt għall-immaniġġjar tal-proċeduri u l-formalitajiet bżonnjużi għall-aċċess ta' attivitajiet ta' servizz (Artikolu 6) huma, per eżempju, f'kunflitt mal-fundamenti kostituzzjonali ta' l-istati federali. Il-Kumitat jinnota li skond it-Trattat kostituzzjonali, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identitajiet nazzjonali ta' l-Istati Membri skond l-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom;

2.30

jibża' li l-proċeduri nazzjonali ta' awtorizzazzjoni jaqgħu taħt l-għan tad-Direttiva u għalhekk għandhom ikunu ikkontrollati sabiex ikun żgurat jekk għandhomx jinżammu, jekk għandhomx jiġu eliminati jew jekk hemm bżonn jekk għandhomx ikunu adattati. Madankollu huma żgur għandhom ikunu simplifikati. Tali interferenza kbira mal-liġijiet proċedurali ta' l-Istati Membri mhix proporzjonali. Għalhekk għandu jingħad b'mod ċar li l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni assoċjati direttament mal-bidu ta' attività ekonomika jaqgħu taħt l-għan tad-Direttiva. Il-proċeduri kollha stipulati mil-liġi għal raġunijiet kunflittwali ma' l-interess pubbliku-kemm jekk ikunu jikkonċernaw attivitajiet ekonomiċi, kemm jekk le- għandhom ikunu esklużi mill-għan tad-Direttiva;

2.31

juri l-biża' li l-implimentazzjoni tad-Direttiva fuq livell reġjonali u lokali tmur kontra l-miżuri li jitnaqqsu r-regolamenti u l-introduzzjoni ta' amministrazzjoni aktar sempliċi;

2.32

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni tad-Direttiva fuq livell reġjonali u lokali ikollha bżonn, iżda f'ammont mhux previst, ta' aktar ħaddiema, kif ukoll, ta' aktar finanzi. Dan japplika b'mod partikolari għall-kooperazzjoni bejn il-fruntieri, għall-bdil ta' informazzjoni elettronika, għat-twaqqif u l-koordinazzjoni ta' punti ta' kuntatt individwali, għall-kontrolli dwar jekk id-dispożizzjonijiet eżistenti humiex kompatibbli ma' l-għanijiet tad-Direttiva, u l-evalwazzjoni reċiproka li ssir aktar tard mill-Istati Membri;

2.33

jinnota li l-Kummissjoni s'issa għadha ma qalet xejn dwar l-investiment totali - u partikolarment dwar in-nefqa finanzjarja. S'issa ngħatat biss ċifra dwar kemm se jkun l-impatt finanzjarju fuq il-Kummissjoni nnifisha (madwar EUR 3.4 miljun);

2.34

jitlob li jsiru l-kalkoli meħtieġa dwar l-impatt rispettiv fuq kull Stat Membru;

2.35

jikkunsidra bħala vitali li jingħata sostenn jew kumpens għall-perjodu transizzjonali. Mingħajr din l-assistenza lill-gvern reġjonali jew lokali, il-pjan tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri transnazzjonali ma jkunx jista' jiġi introdott malajr. Hu ferm importanti li l-awtoritajiet reġjonali u lokali ma jkollhomx iġorru piż żejjed;

2.36

hu konxju mill-problemi ta' kuljum li jistgħu jinqalgħu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali f'dan ir-rigward. Eżempju wieħed hu l-problema tal-lingwa meta wieħed jikkomunika ma' awtoritajiet jew ma' dawk li jipprovdu servizz minn Stati Membri oħra, jew għar-rikonoxximent ta' ċertifikati jew dokumenti oħra maħruġa minn min jipprovdi servizz fi Stat Membru ieħor u għalhekk b'lingwa oħra. L-istess jista' jingħad fil-każ ta' l-użu ta' l-elettronika biex jitlestew il-proċeduri;

2.37

jikkunsidra li hu meħtieġ li tingħata konċessjoni għal problemi prattiċi bħal dawn ukoll, ta' lanqas matul il-perjodu ta' transizzjoni. Per eżempju, jiġu permessi traduzzjonijiet mhux ċertifikati;

2.38

jikkunsidra li fil-futur ikun hemm problemi wkoll marbuta mal-miżuri ippjanati għall-ħarsien tal-kwalità tas-servizzi, u b'mod partikolari ghas-superviżjoni ta' min jipprovdi s-servizzi. Minħabba l-prinċipju tal-pajjiż ta' l-oriġni, tinħass il-biża' li l-kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-awtoritajiet se tkun l-unika triq biex tittieħed azzjoni kontra persuni li jipprovdu servizzi u li jaqilgħu l-inkwiet, meta jkunu stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Dan jista' jwassal għal dewmien żejjed;

2.39

jilqa' b'mod pożittiv id-dispożizzjoni estensiva li saret fid-Direttiva għall-assistenza reċiproka biex jiġu miġġielda dawn il-perikli;

2.40

jitlob il-Kummissjoni biex tagħmel konċessjoni fl-interessi ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali meta flimkien mal-kumitat li għad irid ikun iffurmat, tħejji l-miżuri żejda meħtieġa għall-kontrolli. Jekk jinqalgħu problemi ġodda u li sa issa m'humiex previsti marbuta mal-kontrolli li għandhom isiru meta jasal iż-żmien għall-implimentazzjoni tad-Direttiva, dawn għandhom ikunu solvuti wkoll b'mod prattiku u adegwat;

2.41

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li organizzazzjonijiet professjonali jistgħu jsibu quddiemhom problemi simili bħal organizzazzjonijiet amministrati mill-Istat. Dan japplika b'mod partikolari fil-każ ta' kontrolli ta' dawk li jipprovdu servizz li huma stabbiliti fit-territorju tagħhom iżda jaħdmu wkoll fi Stat Membru ieħor. Jekk organizzazzjonijiet professjonali jaqdu dmirijiet ta' l-Istat, se jiltaqgħu wkoll ma' problemi li jistgħu jinqalgħu għal awtoritajiet fl-Istati Membri meta tkun implimentata d-Direttiva proposta;

2.42

jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li meta d-Direttiva tkun implimentata l-organizzazzjonijiet professjonali jkunu jistgħu ikomplu jaqdu d-dmirijiet tagħhom mingħajr restrizzjonijiet fil-futur. L-eżistenza preżenti ta' skemi ta' sħubija obbligatorji tfisser li jekk dawk li jipprovdu servizz għandhom l-intenzjoni li jiftħu negozju fi Stat Membru ieħor, huma għandhom jikkuntattjaw direttament lill-organizzazzjonijiet professjonali kompetenti f'dak il-pajjiż. Għalhekk hu importanti, b'rabta mal-ħolqien u t-twaqqif ta' punti ta' kuntatt individwali, li jiġu kkunsidrati r-responsabbilitajiet preżenti u l-allokazzjoni tax-xogħol;

2.43

hu konxju wkoll ta' l-isfidi u ħidmiet ġodda li l-organizzazzjonijiet professjonali se jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom, b'mod partikolari bħala punti ta' kuntatt individwali jew b'rabta mat-tħejjija ta' kodiċi ta' etika ġodda għall-Komunità;

2.44

jitlob, għal din ir-raġuni, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u kull parti oħra konċernata biex jippreparaw irwieħhom għall-isfidi li se ġġib magħha d-Direttiva l-ġdida;

2.45

iħeġġeġ biex ma jittieħdux passi imnebbħa minn miżuri ta' difiża iżda għandhom jinħatfu l-opportunitajiet li qed jingħataw lil dawk li jipprovdu servizz u liċ-ċittadini ta' kull Stat Membru kif ukoll lis-suq intern in ġenerali.

Brussel, 30 ta' Settembru 2004

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Peter STRAUB


(1)  ĠU C 357 ta' l-14.12.2001, p.65