30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/77


DEĊIŻJONI (UE) 2022/1046 TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI

tad-29 ta’ Ġunju 2022

li taħtar Imħallfin fil-Qorti Ġenerali

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 254 u 255 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-mandati ta’ sitta u għoxrin Imħallef fil-Qorti Ġenerali ser jiskadu fil-31 ta’ Awwissu 2022. Jenħtieġ li jsiru ħatriet biex jimtlew dawk il-karigi għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2022 sal-31 ta’ Awwissu 2028.

(2)

Ġie propost li l-mandati tas-Sur Ion GÂLEA, tas-Sur Marc JAEGER, tas-Sur Dean SPIELMANN u tas-Sa Mirela STANCU bħala Mħallfin fil-Qorti Ġenerali jiġi mġedded.

(3)

Is-Sur Steven VERSCHUUR ġie propost għall-ewwel mandat tiegħu bħala Mħallef fil-Qorti Ġenerali.

(4)

Barra minn hekk, l-Artikolu 48 tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), jipprevedi li l-għadd ta’ Mħallfin fil-Qorti Ġenerali għandu jiżdied fi tliet stadji sabiex mill-1 ta’ Settembru 2019 il-Qorti Ġenerali tkun komposta minn żewġ Imħallfin għal kull Stat Membru. Skont l-Artikolu 2(a) ta’ dak ir-Regolament, l-ewwel pass taż-żieda fl-għadd ta’ Mħallfin fil-Qorti Ġenerali jinvolvi l-ħatra ta’ 12-il Imħallef addizzjonali, li sitta minnhom għandhom mandat li jintemm fil-31 ta’ Awwissu 2016. Dawn is-sitt Imħallfin jintgħażlu b’tali mod li l-gvernijiet ta’ sitt Stati Membri jipproponu żewġ Imħallfin għat-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali fl-2016, li l-mandat jiddekorri mill-1 ta’ Settembru 2016 sal-31 ta’ Awwissu 2022. Il-kariga ta’ Mħallef addizzjonali li għandu jinħatar fuq proposta tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka hija waħda mill-karigi tas-sitt Imħallfin addizzjonali involuti fit-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali fl-2016. Is-Sa Beatrix RICZIOVÁ ġiet innominata għall-kariga ta’ Mħallef addizzjonali fil-Qorti Ġenerali.

(5)

Skont l-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 3 u wara l-mewt tas-Sur Barna BERKE, jenħtieġ li jinħatar Imħallef fil-Qorti Ġenerali għall-bqija tal-mandat tas-Sur Barna BERKE, li jiddekorri sal-31 ta’ Awwissu 2022.

(6)

Is-Sur Tihamér TÓTH ġie nnominat għall-kariga li saret vakanti.

(7)

Il-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ta opinjoni favorevoli dwar l-idoneità ta’ dawn il-kandidati għall-qadi tal-funzjonijiet ta’ Mħallfin fil-Qorti Ġenerali,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dawn li ġejjin huma b’dan maħturin Imħallfin fil-Qorti Ġenerali għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2022 sal-31 ta’ Awwissu 2028:

Is-Sur Ion GÂLEA,

Is-Sur Marc JAEGER,

Is-Sur Dean SPIELMANN,

Is-Sa Mirela STANCU,

Is-Sur Steven VERSCHUUR.

Artikolu 2

Dawn li ġejjin huma b’dan maħturin Imħallfin fil-Qorti Ġenerali għall-perjodu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni sal-31 ta’ Awwissu 2022:

Is-Sa Beatrix RICZIOVÁ,

Is-Sur Tihamér TÓTH.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2022.

Il-President

P. LÉGLISE-COSTA


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 341, 24.12.2015, p. 14).