6.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 410/1


Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar id-Dimensjoni Kulturali tal-Iżvilupp Sostenibbli

(2019/C 410/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FIL-KUNSILL

FILWAQT LI JIEĦDU KONT tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-politika kulturali fl-Unjoni Ewropea sal-2019: il-Kunsill ilu mill-2002 jimplimenta pjanijiet ta’ ħidma għall-kultura u l-Kummissjoni Ewropea implimentat l-Aġenda Ewropea għall-Kultura (2007) u l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura (2018). Il-ħidma tal-Kunsill kif ukoll dik tal-Kummissjoni kkonċentrat fuq li tiġi promossa, b’mod partikolari, id-diversità kulturali flimkien mal-aspetti ekonomiċi, soċjali u dawk tar-relazzjonijiet esterni tal-kultura. Il-kooperazzjoni fil-qafas tal-pjanijiet ta’ ħidma u l-aġendi rriżultat fl-iżvilupp tal-politika fl-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (MMK), u f’diversi azzjonijiet konkreti. Għalkemm dawn l-iżviluppi u l-azzjonijiet ikkontribwixxew bla dubju għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, ħidma ddedikata speċifikament għat-twettiq ta’ dawk l-għanijiet għandha tkun ta’ benefiċċju.

FILWAQT LI JFAKKRU fil-ħtieġa urġenti li jissaħħu l-miżuri biex jinkiseb żvilupp sostenibbli u fl-impenn tal-Kummissjoni l-ġdida biex twettaq l-SDGs, l-objettiv ta’ din ir-Riżoluzzjoni huwa li jissaħħaħ il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp sostenibbli billi jinbeda proċess li ser iwassal għal pjan ta’ azzjoni b’rabta mad-dimensjoni kulturali tal-iżvilupp sostenibbli fil-livell tal-UE. Il-pjan ta’ azzjoni għandu jiżgura koerenza fost il-miżuri u l-approċċi kulturali u dawk relatati mal-kultura fil-livell tal-UE u għandu jikkomplementa l-ħidma tal-Istati Membri f’dan ir-rigward. Skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, din ir-Riżoluzzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-għan.

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW LI

1.

Il-kriżi klimatika u l-estinzjoni tal-massa tal-ispeċijiet huma theddid eżistenzjali;

2.

Is-sostenibbiltà hija u għandha tkun prijorità assoluta għal kulħadd;

3.

It-tliet dimensjonijiet tas-sostenibbiltà (ekonomika, soċjali u ambjentali) huma integrati u indiviżibbli u l-kultura hija parti inseparabbli mit-tlieta;

4.

Jenħtieġu strateġiji koerenti u komprensivi għall-iżvilupp sostenibbli li jiġu implimentati rigorożament biex jitwaqqfu t-tibdil fil-klima u l-estinzjoni tal-ispeċijiet u biex jiġu protetti d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-paċi, is-sigurtà, u t-tkabbir inklużiv u l-prosperità, u biex l-UE tkun tista’ tassumi r-rwol ta’ mexxejja globali fl-iżvilupp sostenibbli;

5.

Il-politiki u l-miżuri lokali, nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, inkluż il-miżuri kulturali, jistgħu jgħinu biex tiġi żgurata transizzjoni ġusta u biex jitħeġġu ċ-ċittadinanza attiva u r-responsabbiltà globali;

6.

Kull pajjiż għandu r-responsabbiltà ewlenija għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu stess, kif rikonoxxut fl-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa;

7.

Madankollu, tenħtieġ azzjoni fil-livell tal-UE b’rabta mal-iżvilupp sostenibbli biex tappoġġa, tikkoordina u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri sabiex jinkisbu riżultati massimi;

8.

Fl-Aġenda Strateġika 2019-2024, l-inklużività u s-sostenibbiltà huma elementi ewlenin u l-mexxejja tal-UE jimpenjaw ruħhom li jinvestu fil-kultura u l-wirt kulturali, li huma fil-qalba tal-identità Ewropea;

9.

L-SDGs tan-NU u l-miri tagħhom jiffurmaw il-qafas maqbul universalment għat-trawwim tas-sostenibbiltà;

10.

L-SDGs ma jirreferux għall-politiki u l-miżuri kollha li jistgħu jintużaw biex tinkiseb is-sostenibbiltà; madankollu, il-politiki u l-miżuri kollha, inkluż il-politiki u l-miżuri kulturali, jistgħu – u għandhom – jintużaw b’mod attiv biex jintlaħqu l-SDGs;

11.

Il-kultura, bħala settur ta’ attività, tista’ tinftiehem bħala pilastru awtosuffiċjenti fl-iżvilupp sostenibbli;

12.

Il-kultura, bħala sistema ta’ tifsiriet kondiviżi f’komunità, għandha impatt fuq kif il-miżuri għall-iżvilupp sostenibbli jiġu vvalutati minn dik il-komunità u, sussegwentement, hija mutur għall-iżvilupp sostenibbli li jista’ jagħmilha ta’ medjatur bejn punti ta’ tħassib ambjentali, soċjali u ekonomiċi differenti;

13.

Bħala l-karatteristika inerenti tal-umanità, il-kulturi, fid-diversità u r-rikkezza kollha tagħhom, jinkorporaw valuri u huma sorsi ta’ identità, li bis-saħħa tagħhom il-kultura jista’ jkollha rwol trasformattiv bħala kreatriċi tas-sostenibbiltà, li tippromwovi stili ta’ ħajja u soċjetajiet sostenibbli filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja;

14.

L-objettivi ewlenin tal-politika kulturali Ewropea bħall-promozzjoni tal-identità, l-inklużjoni, il-parteċipazzjoni, il-kreattività u d-diversità huma allinjati ma’ diversi SDGs u, għalhekk, il-politiki u l-miżuri kulturali jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-kisba tal-SDGs;

15.

Il-kontribut tal-politiki u l-miżuri kulturali għas-sostenibbiltà għadu ma ġiex rikonoxxut, ivvalutat u utilizzat bis-sħiħ, minkejja l-evidenza tal-kontribut tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli;

16.

Jenħtieġ li l-politiki u l-miżuri kulturali jiġu impjegati b’mod sistematiku biex jikkomplementaw il-miżuri eżistenti li jintużaw biex tinkiseb is-sostenibbiltà sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza tal-istrateġiji għall-iżvilupp sostenibbli kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll madwar l-UE.

FILWAT LI JIEĦDU KONT TA’

1.

Is-sejħiet mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill biex il-Kummissjoni telabora strateġija koerenti u komprensiva ta’ implimentazzjoni mill-UE għall-Aġenda 2030 li tirrigwarda l-politiki interni u esterni kollha;

2.

L-isfond politiku kif stabbilit mid-dokumenti elenkati fl-Anness;

3.

Il-ħidma importanti mwettqa mill-Unesco biex tisfrutta l-kontribut tal-kultura għall-Aġenda 2030, b’mod partikolari bl-allinjament tal-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet kulturali kollha mal-SDGs, u r-rieda tal-Istati Membri tal-UE li jikkontribwixxu għal din il-ħidma kif ukoll għal proċessi oħra fil-livell tan-NU b’rabta mal-iżvilupp sostenibbli.

JIRRIKONOXXU

1.

Li n-natura inerenti u l-valur intrinsiku tal-kultura kif ukoll l-awtonomija tas-settur kulturali u l-libertà tal-espressjoni artistika huma prinċipji fundamentali;

2.

Li ħafna Stati Membri qed iwettqu ħidma biex jintegraw politiki u perspettivi kulturali fl-istrateġiji u l-approċċi nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli;

3.

Li l-UE u l-Istati Membri joperaw għadd impressjonanti ta’ politiki u miżuri kulturali jew relatati mal-kultura li jikkontribwixxu direttament jew indirettament għas-sostenibbiltà u l-kisba tal-SDGs;

4.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2017 dwar l-azzjoni tal-UE għas-sostenibbiltà u r-Riżoluzzjoni tal-14 ta’ Marzu 2019 dwar ir-Rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-SDGs, b’mod partikolari t-talba mill-Parlament Ewropew għal sħubija bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament u t-talba għal analiżi profonda tan-nuqqasijiet fil-politiki eżistenti u l-implimentazzjoni tagħhom sabiex jiġu identifikati oqsma kritiċi ta’ sinerġiji u inkoerenzi;

5.

Li hemm potenzjal sinifikanti biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-effettività tal-politiki u l-miżuri għall-iżvilupp sostenibbli permezz ta’ koerenza mtejba tal-politika fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli;

6.

Il-ħidma importanti mibdija f’dan il-qasam fuq il-livell globali, fi ħdan oqfsa bħall-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2003 għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli u l-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali.

JIKKONFERMAW

1.

L-impenn tagħhom għas-sostenibbiltà u d-dedikazzjoni għall-implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-Aġenda 2030.

JAQBLU

1.

Li jżidu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu d-dimensjoni kulturali fl-iżvilupp sostenibbli;

2.

Li jkomplu l-ħidma biex jintegraw politiki u perspettivi kulturali fl-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli;

3.

Li jirrieżaminaw l-politiki u l-miżuri kulturali u dawk relatati mal-kultura sabiex jimmassimizzaw il-kontribut tagħhom għas-sostenibbiltà;

4.

Li jkomplu jiskambjaw informazzjoni u prattiki tajba, fl-ispirtu ta’ tagħlim bejn il-pari, abbażi ta’ tagħlimiet meħuda fil-livell nazzjonali;

5.

Li jikkunsidraw l-inklużjoni tal-kultura f’Rapporti ta’ Rieżami Nazzjonali Volontarji għall-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tan-NU;

6.

Li jimpenjaw ruħhom f’governanza parteċipattiva, integrata u b’diversi partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-kultura u l-iżvilupp sostenibbli, inkluż permezz ta’ appoġġ għal inizjattivi minn isfel għal fuq mis-setturi kulturali u kreattivi, u permezz tal-involviment attiv taċ-ċittadini, speċjalment it-tfal u ż-żgħażagħ;

7.

Li jaħdmu mill-qrib ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati oħra biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-kultura għas-sostenibbiltà u, b’mod partikolari, mal-Kummissjoni fl-iżvilupp tal-pjan ta’ azzjoni dwar id-dimensjoni kulturali tal-iżvilupp sostenibbli;

8.

Li jistabbilixxu, kemm jista’ jkun malajr, grupp ta’ ħidma fil-qafas tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni b’rabta mad-dimensjoni kulturali tal-iżvilupp sostenibbli.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI

1.

Tħejji, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, pjan ta’ azzjoni dwar id-dimensjoni kulturali tal-iżvilupp sostenibbli fil-livell tal-UE u tintegra l-pjan ta’ azzjoni fl-istrateġija ta’ implimentazzjoni tal-UE għall-Aġenda 2030;

Il-pjan ta’ azzjoni jista’:

a.

Jiżgura t-twettiq tal-SDGs fil-qasam tal-kultura, jippromwovi l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp sostenibbli, u jisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-kultura biex titrawwem is-sostenibbiltà;

b.

Jibni fuq il-ħidma eżistenti mwettqa fil-qafas tal-Pjan ta’ Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura, speċjalment il-ħidma li għandha titwettaq minn grupp dedikat tal-MMK, u l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura;

c.

Jiżgura l-koerenza tal-miżuri u l-approċċi kulturali u dawk relatati mal-kultura tal-UE biex jiġi massimizzat il-kontribut tad-dimensjoni kulturali għat-twettiq tal-SDGs;

d.

Jipproponi emendi għal ħidma eżistenti jew jinkludi impenn f’ħidma ġdida dwar il-kultura u s-sostenibbiltà, kif adatt;

e.

Japplika l-prinċipju ta’ tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza kif adatt.


ANNESS

Dokumenti ta’ politika rilevanti

Il-Kunsill Ewropew

Aġenda Strateġika Ġdida 2019-2024 (adottata mill-Kunsill Ewropew fl-20 ta’ Ġunju 2019)

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta’ Ottubru 2018 (EUCO 13/18)

Konklużjonijiet tal-Kunsill

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar approċċ strateġiku tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali u qafas għal azzjoni (ĠU C 192, 7.6.2019, p. 6)

Appoġġ għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli madwar id-dinja: Ir-Rapport Konġunt ta’ Sinteżi 2019 tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha - Konklużjonijiet tal-Kunsill (10997/19)

Lejn Unjoni dejjem aktar sostenibbli sal-2030 - Konklużjonijiet tal-Kunsill (8286/19)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2019-2022 (ĠU C 460, 21.12.2018, p. 12)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħtieġa li l-wirt kulturali jitpoġġa fuq quddiem fil-politiki kollha tal-UE (ĠU C 196, 8.6.2018, p. 20)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar approċċ strateġiku tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali (ĠU C 189, 15.6.2017, p. 38)

Ġejjieni Ewropew sostenibbli: It-tweġiba tal-UE għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli - Konklużjonijiet tal-Kunsill (10370/17)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE b’attenzjoni fuq il-kultura fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU C 417, 15.12.2015, p. 41)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika għal Ewropa sostenibbli (ĠU C 183, 14.6.2014, p. 36)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-governanza parteċipatorja tal-patrimonju kulturali (ĠU C 463, 23.12.2014, p. 1)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontribut tal-kultura għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 (ĠU C 175, 15.6.2011, p. 1)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-arkitettura: il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp sostenibbli (ĠU C 319, 13.12.2008, p. 13)

Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tal-14 ta’ Marzu 2019 (A8-0160/2019)

Azzjoni tal-UE għas-sostenibbiltà tas-6 ta’ Lulju 2017 (A8-0239/2017)

Komunikazzjonijiet Konġunti tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà

Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Lejn Strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali (JOIN(2016) 29 final)

Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura (COM(2018)267 final)

Dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp - Id-Dinja Tagħna, id-Dinjità Tagħna, il-Futur Tagħna ( ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1)

Konvenzjonijiet internazzjonali

Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa tat-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (Nazzjonijiet Uniti, 2015)

Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (Unesco, 2005)

Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli (Unesco, 2003)

Rapporti u riċerka

Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES), Mejju 2019

Rapporti ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC)