19.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/22


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, fis-27 ta' Novembru 2012 dwar il-promozzjoni tal-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa (HEPA)

2012/C 393/07

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

1.   FILWAQT LI JFAKKRU L-ISFOND POLITIKU GĦAL DIN IL-KWISTJONI KIF IMNIŻŻEL FL-ANNESS, U B'MOD PARTIKOLARI:

1.

Il-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isports għall-2011-2014 (1), adottat fl-20 ta' Mejju 2011, li identifika l-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa (HEPA) bħala tema ta' prijorità għall-kooperazzjoni fl-isports fil-livell tal-UE u li stabbilixxa Grupp Espert dwar l-Isports, is-Saħħa u l-Parteċipazzjoni b'mandat li jesplora modi sabiex jippromwovi l-HEPA u l-parteċipazzjoni fl-isports għal kulħadd;

2.

Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isports tas-7 ta' Lulju 2007 (2), li enfasizzat l-importanza tal-attività fiżika u stipulat pjan għall-Kummissjoni sabiex tipproponi linji gwida għall-attività fiżika sal-aħħar tal-2008; u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isports tat-18 ta' Jannar 2011 (3), li rrikonoxxiet li l-isports jikkostitwixxi parti fundamentali ta' kwalunkwe approċċ ta' politika pubblika li għandha l-għan li ttejjeb l-attività fiżika u appellat għal aktar progress lejn l-istabbiliment ta' linji gwida nazzjonali, inkluż proċess ta' reviżjoni u koordinament;

2.   FILWAQT LI JIEĦDU NOTA TA':

1.

Il-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika, li ntlaqgħu fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza f'Laqgħa Informali tal-Ministri tal-UE responsabbli għall-Isports f'Novembru 2008, jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni ta' linji ta' politika trasversali li jippromwovu l-attività fiżika, għall-popolazzjoni kollha, irrispettivament mill-klassi soċjali, l-età, is-sess, ir-razza, l-etniċità u l-kapaċitajiet fiżiċi (4);

3.   FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW LI:

1.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) reċentement identifikat l-attività fiżika insuffiċjenti bħala r-raba' fattur ta' riskju ewlieni għal mortalità prematura u mard globali (5).

2.

L-attività fiżika hija waħda mill-aktar modi effettivi għall-prevenzjoni ta' mard li ma jitteħidx u għall-ġlieda kontra l-obeżità (6). Hemm ukoll evidenza li qiegħda tiżdied dwar il-korrelazzjoni pożittiva bejn l-eżerċizzju u s-saħħa mentali u l-proċessi konjittivi (7). In-nuqqas ta' attività fiżika tikkawża effetti detrimentali mhux biss għas-saħħa individwali tal-persuna iżda wkoll għas-sistemi tas-saħħa u l-ekonomija b'mod ġenerali, minħabba l-ispejjeż ekonomiċi sinifikanti diretti u indiretti ta' nuqqas ta' attività fiżika (8). Permezz tal-benefiċċji tagħha fir-rigward tal-prevenzjoni, it-trattament u r-rijabilitazzjoni, l-attività fiżika għandha benefiċċji għal kull età u rilevanza partikolari fid-dawl tal-popolazzjoni Ewropea li qed tixjiħ u ż-żamma ta' kwalità għolja ta' ħajja fl-etajiet kollha.

3.

Minħabba ż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-HEPA tul il-ħajja, il-promozzjoni tal-attività fiżika ngħatat spinta f'livelli differenti u permezz ta' strateġiji, linji ta' politika u programmi differenti. Saru sforzi importanti f'xi Stati Membri tal-UE sabiex jippermettu u jinkoraġġixxu liċ-ċittadini sabiex isiru aktar attivi fiżikament. Is-sensibilizzazzjoni li tippromwovi l-attività fiżika, bl-involviment tas-settur tal-isports, tista' tkun utli sabiex tilħaq iċ-ċittadini.

4.

Inġenerali, il-proporzjon taċ-ċittadini tal-UE li jilħqu l-livelli rakkomandati tal-attività fiżika ma żdiedx fis-snin reċenti; f'xi pajjiżi, il-livelli tal-attività fiżika qed jonqsu (9). Ir-rati għolja attwali tan-nuqqas ta' attività fiżika jikkostitwixxu tħassib kbir għall-UE u l-Istati Membri tagħha, kemm minn perspettiva tas-saħħa, dik soċjali u dik ekonomika.

5.

Il-promozzjoni effettiva tal-attività fiżika li twassal għal żieda fir-rati tal-attività fiżika għandha tinvolvi setturi differenti kif stipulat fil-paragrafu 6, inkluż is-settur tal-isports minħabba li l-attività sportiva u l-isports għal kulħadd huma fost is-sorsi ewlenin tal-attività fiżika.

6.

Il-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika jipprovdu bażi tajba biex jinkoraġġixxu linji ta' politika trasversali mmirati biex jippromwovu l-attività fiżika, partikolarment fl-oqsma tal-isports, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent, l-ippjanar urban u t-trasport, billi joffru gwida lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-HEPA.

7.

Xi Stati Membri diġà implimentaw il-Linji Gwida jew ċerti prinċipji li jsostnuhom fil-linji ta' politika u l-istrateġiji nazzjonali proprji tagħhom. B'mod ġenerali, madankollu, hemm diverġenzi kbar bejn l-approċċi tal-Istati Membri u l-implimentazzjoni tal-linji ta' politika tal-HEPA kif prevista mil-linji gwida tista' titjieb aktar.

8.

Sett ta' miżuri rakkomandati fir-rigward tal-aspetti speċifiċi ta' promozzjoni aktar effettiva tal-HEPA ġie identifikat mill-Grupp ta' Esperti dwar l-Isports, is-Saħħa u l-Parteċipazzjoni, f'konformità mal-mandat tiegħu. Dawn jinkludu (10):

kontribut għall-inizjattiva tal-UE biex titkompla l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika fl-Istati Membri permezz ta' skema ta' monitoraġġ ħafifa;

gwida għall-kooperazzjoni msaħħa bejn is-settur tal-isports u dak tas-saħħa fl-Istati Membri;

sett ta' prinċipji dwar il-kontribut tal-attività fiżika għat-tixjiħ attiv fl-UE u fl-Istati Membri tagħha.

4.   JAPPELLAW LILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE BIEX:

1.

Ikomplu bil-progress fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji u linji ta' politika trasversali mmirati lejn il-promozzjoni tal-attività fiżika b'kont meħud tal-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika jew il-prinċipji li jsostnuhom.

2.

Jinkoraġġixxu u jappoġġaw inizjattivi fil-livell adatt immirati għall-promozzjoni tal-attività fiżika fi ħdan is-settur tal-isports, bħal pereżempju, linji gwida speċifiċi biex jitjiebu l-opportunitajiet għal attività fiżika fi klabbs sportivi lokali, programmi speċifiċi introdotti minn organizzazzjonijiet sportivi fi ħdan sport partikolari u permezz ta' sports għal kulħadd jew azzjonijiet speċifiċi fi klabbs tat-taħriġ fiżiku, li jistgħu jkunu applikati mill-moviment sportiv u s-settur tat-taħriġ fiżiku u li jistgħu jiffaċilitaw kooperazzjoni ma' setturi oħrajn, speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa.

3.

Jinkoraġġixxu l-inklużjoni tal-attività fiżika li tappoġġa t-tixjiħ attiv f'linji ta' politika nazzjonali u l-iskemi ta' finanzjament għall-isports u konsegwentement jikkunsidraw proġetti mmirati għall-promozzjoni tal-HEPA fost l-anzjani waqt li jittieħed kont ta' livelli differenti ta' kapaċità funzjonali.

4.

Kif adatt u skont is-sistema nazzjonali tal-kura tas-saħħa, jippromwovu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-setturi tal-isports, tal-kura tas-saħħa u oħrajn, b'kont meħud tal-aħjar prattiki żviluppati f'xi Stati Membri.

5.

Jikkunsidraw l-użu ta' sensibilizzazzjoni u l-għoti ta' informazzjoni, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali, biex jiġi stimulat l-interess taċ-ċittadini biex jadattaw għal stil ta' ħajja aktar attiva.

5.   JISTIEDNU LILL-PRESIDENZA TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, L-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM BIEX:

1.

Jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn dawk l-oqsma ta' politika li, f'konformità mal-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika, jieħdu r-responsabbiltà għall-promozzjoni tal-attività fiżika, b'mod partikolari s-setturi tal-isports, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent, l-ippjanar urban u t-trasport.

2.

Fir-rigward tas-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet, jiżguraw li l-prinċipji għall-attività fiżika li jappoġġaw it-tixjiħ attiv żviluppati mill-Grupp ta' Esperti dwar l-Isports, is-Saħħa u l-Parteċipazzjoni jiġu kkunsidrati, fejn adatt, fis-segwitu politiku tas-Sena u fl-isports nazzjonali għall-istrateġiji kollha.

3.

Itejbu l-bażi ta' evidenza għal linji ta' politika mfassla biex jippromwovu l-HEPA u l-parteċipazzjoni fl-isports fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, bl-inklużjoni tal-attività fiżika fil-Programm Ewropew tal-Istatistika 2013-2017.

6.   JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

1.

Fid-dawl tal-ħidma preċedenti f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika, tagħmel proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-HEPA, u tikkunsidra li tinkludi qafas ta' monitoraġġ ħafif biex jiġi evalwat il-progress bl-għajnuna ta' sett limitat ta' indikaturi li jibni għall-akbar limitu possibbli fuq is-sorsi ta' data disponibbli, kif identifikat mill-Grupp ta' Esperti dwar l-Isports, is-Saħħa u l-Parteċipazzjoni.

2.

Toħroġ stħarriġ regolari dwar l-isports u l-attività fiżika, u tieħu kont tar-riċerka relatata mal-HEPA fi programm ta' riċerka futur tal-UE.

3.

Tippromwovi u tappoġġa l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-UE fir-rigward tal-HEPA u l-parteċipazzjoni fl-isports, fost l-oħrajn permezz tal-appoġġ għal proġetti u t-tixrid tar-riżultati tagħhom taħt skemi u programmi ta' finanzjament rilevanti tal-UE. Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki tista' tkun relatata ma':

L-edukazzjoni, l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni pubblika fil-livelli adatti kollha;

Il-kooperazzjoni bejn is-setturi ta' politika rilevanti u l-involviment ta' partijiet interessati rilevanti għall-implimentazzjoni tal-linji gwida eżistenti;

Ir-rwol tal-moviment sportiv, b'mod partikolari l-klabbs, u l-isports għall-organizzazzjonijiet kollha;

L-istrateġiji, il-linji ta' politika u l-programmi b'suċċess, inklużi r-riżultati tal- evalwazzjoni;

Il-miżuri ta' politika u dawk leġiżlattivi possibbli li wrew li huma effettivi fl-indirizzar tan-nuqqas ta' attività fiżika fl-Istati Membri tal-UE individwali.

4.

Tikkunsidra li tiġi stabbilita Ġimgħa Ewropea għall-Isport ta' kull sena (b'kont meħud tal-aspetti finanzjarji u organizzattivi tagħha) bħala mezz biex tiġi promossa l-attività fiżika u l-parteċipazzjoni fl-isport fil-livelli kollha billi jittieħed kont ta' inizjattivi nazzjonali simili u f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti tal-isport. Tali ġimgħa għandha tibni fuq il-kampannji eżistenti ta' sensibilizzazzjoni, billi tieħu kont tat-tagħlimiet meħuda minnhom u billi jinżidilhom il-valur, u għandha tutilizza l-legat tal-proġetti relatati ffinanzjati permezz tal-Azzjoni Preparatorja tal-2009 fil-qasam tal-isport, kif ukoll ir-riżultati mill-proġetti ffinanzjati permezz tas-sejħa relatata għal proposti skont l-Azzjoni Preparatorja tal-2012 li tkopri s-sensibilizzazzjoni fl-isport.


(1)  ĠU C 162, 1.6.2011, p. 1.

(2)  dok. 11811/07 — COM(2007) 391 final.

(3)  dok. 5597/11 — COM(2011) 12 final.

(4)  Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika: http://ec.europa.eu/sport/library/documents/c1/eu-physical-activity-guidelines-2008_en.pdf. Konklużjonijiet tal-Presidenza Franċiża dwar l-isport u s-saħħa: http://ec.europa.eu/sport/library/documents/b21/ue08pfue_conclusions_presidence_definitives_en.pdf

(5)  Rakkomandazzjonijiet Globali dwar l-Attività Fiżika għas-Saħħa, WHO, 2010.

(6)  http://www.who.int/healthinfo/global_burden_disease/global_health_risks/en/index.html

(7)  http://www.health.gov/paguidelines/Report/pdf/CommitteeReport.pdf

(8)  WHO Ewropa (2007): Qafas Ewropew għall-promozzjoni tal-attività fiżika għas-saħħa.

(9)  Kummissjoni Ewropea: Ewrobarometru Speċjali 183-6 (Diċembru 2003), 246 (Novembru 2006), 213 (Novembru 2004) u 334 (Marzu 2010).

(10)  http://ec.europa.eu/sport/news/20120803-eu-xg-shp-fin-rpt_en.htm


ANNESS

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 u t-2 ta' Diċembru 2011 dwar l-għeluq ta' lakuni fis-saħħa fl-UE permezz ta' azzjoni miftiehma li tippromwovi mġiba għal stil ta' ħajja san (1);

White Paper tal-Kummissjoni Ewropea “Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta’ saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità” (2);

Deċiżjoni Nru 940/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar is-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012) (3), inkluż ir-rwol tal-attività fiżika f'dan il-kuntest.


(1)  Dok. 16708/11.

(2)  Dok. 9838/07 — COM(2007) 279 final.

(3)  ĠU L 246, 23.9.2011, p. 5.