22.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 299/1


Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar it-taħriġ tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju fl-Unjoni Ewropea

(2008/C 299/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

Billi:

1.

L-imħallfin u l-prosekuturi nazzjonali għandhom rwol kruċjali fil-garanzija tar-rispett tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. L-interazzjoni effiċjenti bejn l-imħallfin nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-qafas tal-proċedura biex tinkiseb deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar il-validità u/jew l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew hija ta' importanza primarja sabiex tkun żgurata l-koerenza tal-ordni ġuridiku Ewropew. F'dan il-kuntest, qed tinġibed attenzjoni partikolari għall-eżistenza ta' proċedura ta' deċiżjoni preliminari b'urġenza applikabbli għar-riferimenti li jikkonċernaw l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

2.

Il-Kunsill Ewropew, imlaqqa' f'Tampere f'Ottubru 1999, qiegħed il-ħolqien tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja fuq quddiem nett tal-aġenda politika. Bil-ħsieb li jinkiseb dan l-għan, il-Kunsill Ewropew għażel il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku bħala l-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kemm ċivili kif ukoll kriminali fl-Unjoni Ewropea.

3.

Il-qrati, l-uffiċċji tal-prosekuturi u awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħrajn fl-Unjoni Ewropea kollha jistgħu joħorġu sentenzi f'diversi stadji ta' proċeduri ċivili u kriminali. Permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, dawn is-sentenzi huma rikonoxxuti u infurzati, skont l-att leġislattiv applikabbli, fi Stat Membru ieħor minbarra dak li fih dawn ingħataw. L-imħallfin u l-prosekuturi kollha tal-Unjoni Ewropea jistgħu għaldaqstant jintalbu jinforzaw sentenzi f'materji ċivili u kriminali mogħtija fi Stat Membru ieħor.

4.

Sabiex jiġi implimentat sewwa l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, jeħtieġ li l-Istati Membri u l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom ikollhom fiduċja reċiproka fis-sistemi legali ta' xulxin. Barra minn hekk, l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, bħal pereżempju b'kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, b'mod partikolari permezz tan-Netwerks Ġudizzjarji Ewropej u l-Eurojust, jistgħu jseħħu biss f'atmosfera ta' fiduċja reċiproka u komprensjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji.

5.

Il-Programm tal-Aja tal-2004 (1) enfasizza l-ħtieġa għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka billi jesiġi sforz espliċitu sabiex tittejjeb il-komprensjoni reċiproka fost l-awtoritajiet ġudizzjarji u s-sistemi ġuridiċi differenti, issir promozzjoni għall-iskambju tal-programmi għal dawn l-awtoritajiet u jiġi inkluż sistematikament komponent dwar l-Unjoni Ewropea fit-taħriġ tagħhom.

6.

Il-komunikazzjoni tad-29 ta' Ġunju 2006 (2) tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-taħriġ ġudizzjarju fl-Unjoni Ewropea saħqet fuq il-ħtieġa li jiġi żviluppat taħriġ ġudizzjarju sabiex il-progress miksub fl-istabbiliment tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja jsir effettiv u viżibbli. Il-komunikazzjoni saħqet b'mod partikolari fuq il-ħtieġa li titjieb il-familjarità tal-prattikanti mal-istrumenti ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea, li tiżdied il-komprensjoni reċiproka tas-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri u li jitjieb it-taħriġ fil-lingwi. Filwaqt li saħqet li hija primarjament f'idejn l-Istati Membri li jinkorporaw bis-sħiħ id-dimensjoni Ewropea fl-attivitajiet nazzjonali tagħhom, il-komunikazzjoni ssottolinjat ukoll il-ħtieġa li jiġi żviluppat tip ta' taħriġ integrat aktar bis-sħiħ, maħsub u implimentat fil-livell Ewropew.

7.

Il-fiduċja reċiproka tiddependi notevolment fuq iċ-ċertezza li l-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju (bħall-assistenti, l-iskrivani tal-qorti u r-reġistraturi) kollha fl-Unjoni Ewropea jirċievu taħriġ adegwat. It-taħriġ ipprovdut lill-imħallfin, lill-prosekuturi u lill-persunal ġudizzjarju huwa għalhekk mezz essenzjali biex jitrawwem ir-rikonoxximent reċiproku.

8.

Taħriġ ġudizzjarju adegwat jeħtieġ b'mod partikolari li l-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju kollha jkollhom konoxxenza suffiċjenti tal-istrumenti ta' kooperazzjoni Ewropea u li jirrikorru bis-sħiħ għad-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni Ewropea. Dan it-taħriġ għandu jkopri l-aspetti kollha li huma ta' rilevanza għall-iżvilupp tas-suq intern u tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Huwa għandu jikkontribwixxi għal konoxxenza adegwata tal-liġi u s-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea u jippromwovi korsijiet rilevanti ta' liġi komparattiva.

9.

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, diversi korpi Ewropej, bħall-Akkademja tad-Dritt Ewropew (Europäische Rechtsakademie) (ERA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Ġudikatura u l-Avukati fl-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika (EIPA), qed jorganizzaw korsijiet ta' taħriġ għal professjonijiet ġuridiċi u persunal ġudizzjarju, li jiffokaw prinċipalment fuq id-dritt primarju u sekondarju Ewropew.

10.

In-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN), li ġie stabbilit f'Ottubru 2000, huwa assoċjazzjoni li tinkludi l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri li huma responsabbli għat-taħriġ tal-imħallfin u l-prosekuturi. L-objettiv tiegħu huwa li jippromwovi u jorganizza programmi ta' taħriġ Ewropew għall-imħallfin u l-prosekuturi tal-Istati Membri u l-ħarrieġa tagħhom. Għal dan l-għan, l-EJTN jorganizza l-implimentazzjoni ta' katalgu li fih opportunitajiet ta' taħriġ transkonfini. L-EJTN huwa wkoll responsabbli għat-twettiq tal-implimentazzjoni ta' programm ta' skambju għall-awtoritajiet ġudizzjarji.

11.

Il-programm tal-Aja indika li l-EJTN għandu jkun appoġġat mill-Unjoni. Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-24 ta' Settembru 2002 (3), il-Parlament Ewropew issottolinja l-importanza tal-EJTN.

12.

Mill-1996, programmi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea appoġġaw it-taħriġ ġudizzjarju żviluppat minn istituzzjonijiet ta' taħriġ nazzjonali u minn korpi Ewropej bħall-ERA, l-EIPA u l-EJTN. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/126/ĠAI tat-12 ta' Frar 2007, li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 il-Programm Speċifiku “Ġustizzja Kriminali” (4) bħala parti mill-Programm Ġenerali dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja, stabbiliet għotja operattiva għall-EJTN. L-ERA u l-EIPA ukoll huma appoġġati regolarment mill-baġit Komunitarju. Ftehimiet qafas ta' sħubija speċifiċi ġew konklużi bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-EIPA, l-ERA u l-EJTN. Dan tal-aħħar huwa s-sieħeb privileġġat fl-implimentazzjoni tal-programm ta' skambji ġudizzjarji, u l-effiċjenza tiegħu għandha tkun rinfurzata.

13.

Il-korpi nazzjonali li jipprovdu taħriġ ġudizzjarju jibqgħu madankollu l-mezzi ewlenin għad-diffużjoni ta' bażi komuni ta' applikazzjonijiet kemm teoriċi u prattiċi kif ukoll, b'mod aktar ġenerali, ta' kultura ġudizzjarja Ewropea komuni li, waqt li hi bbażata fuq l-għaqda permezz tal-leġislazzjoni Ewropea, fl-istess ħin tirrikonoxxi d-diversità tas-sistemi legali u ġudizzjarji tal-Istati Membri.

14.

Bil-għan li tiġi promossa fiduċja reċiproka ġenwina bejn il-ġudikaturi tal-Istati Membri, huwa importanti li tiġi adottata definizzjoni ta' taħriġ li tkun wiesgħa kemm jista' jkun, bl-għan li tiġi stabbilita kultura ġudizzjarja Ewropea komuni. Abbażi ta' valuri u tradizzjonijiet komuni, kultura ġudizzjarja Ewropea komuni bħal din għandha, fost l-oħrajn tippromwovi l-kapaċità tal-imħallfin, tal-prosekuturi u tal-persunal ġudizzjarju li juru li lesti jaċċettaw il-kultura u t-tradizzjonijiet ġuridiċi ta' Stati Membri oħrajn u li jittrattaw kwistjonijiet rilevanti ta' deontoloġija.

15.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar ir-rwol tal-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjarja Ewropea (5), il-Parlament Ewropew indika n-nuqqas ta' konoxxenza suffiċjenti tal-imħallfin u l-prosekuturi tad-dritt Ewropew minħabba li kien biss numru żgħir minnhom li rċieva taħriġ adegwat f'dan il-qasam. Barra minn hekk, rapporti ta' evalwazzjoni reċiproka wrew li l-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea mhumiex dejjem familjari biżżejjed mad-dritt Ewropew u li, b'mod ġenerali, ma jagħmlux użu biżżejjed tal-korpi Ewropej bħall-Eurojust u n-Netwerks Ġudizzjarji Ewropej li huma disponibbli biex, notevolment, jiffaċilitaw kwistjonijiet ta' proċedura.

16.

Ir-rilevanza tal-iżvilupp ulterjuri ta' kultura ġudizzjarja Ewropea għadha mhijiex mifruxa biżżejjed fost l-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju tal-Istati Membri, u s-sens ta' appartenenza u kontribut għal spazju ġudizzjarju komuni jeħtieġ li jissaħħaħ aktar.

17.

It-taħriġ f'lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, barra mil-lingwa materna tal-persuna kkonċernata, hu importanti ħafna għall-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju, fost l-oħrajn sabiex ikunu possibbli u ffaċilitati l-kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri differenti, u sabiex jinħoloq interess fi u dispożizzjoni lejn il-kultura u t-tradizzjonijiet ġuridiċi ta' Stati Membri oħrajn. It-taħriġ fil-lingwi jista' wkoll jikkontribwixxi sabiex l-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju jkunu jistgħu jipparteċipaw fi programmi ta' skambju, kif ukoll f'attivitajiet ta' taħriġ li jsiru fi Stati Membri oħrajn.

18.

Huwa essenzjali li professjonijiet ġuridiċi oħrajn, bħall-avukati, jirċievu taħriġ adegwat fil-qasam tad-dritt Ewropew. Madankollu, fil-maġġoranza tal-Istati Membri dawn il-professjonijiet stess huma responsabbli għall-organizzazzjoni tat-taħriġ tagħhom. Għaldaqstant, jidher li jkun opportun li ma jiġux inklużi fil-kamp tal-applikazzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni. Madankollu, dan m'għandux jipprekludi li l-awtoritajiet nazzjonali u l-Unjoni Ewropea jappoġġaw, anki finanzjarjament, it-taħriġ ta' dawn il-professjonijiet ġuridiċi oħrajn fil-qasam tad-dritt Ewropew, bl-intendiment li l-indipendenza ta' dawn il-professjonijiet ġuridiċi m'għandhiex tkun ipperikolata.

19.

L-imħallfin u l-prosekuturi jwettqu kompiti separati fl-Istati Membri. Għaldaqstant, xejn f'din ir-riżoluzzjoni ma jobbliga lill-Istati Membri biex jorganizzaw taħriġ komuni għall-imħallfin u l-prosekuturi.

20.

Din ir-riżoluzzjoni għandu jkun fiha klawsola ta' reviżjoni dwar l-applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida. Fid-dawl ta' dik ir-reviżjoni, għandhom jittieħdu miżuri adegwati sabiex tittejjeb aktar is-sitwazzjoni jekk u fejn meħtieġ.

21.

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, għandha tittieħed azzjoni rigward it-taħriġ għall-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju,

B'DAN JADOTTAW IR-RIŻOLUZZJONI LI ĠEJJA:

1.

Meta jkunu qed jorganizzaw taħriġ għall-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju (bħall-assistenti, l-iskrivani tal-qorti u r-reġistraturi), mingħajr preġudizzju għal indipendenza ġudizzjarja jew għal organizzazzjonijiet ġudizzjarji differenti fl-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom iżommu mal-linji gwida mniżżlin hawn taħt.

2.

Dawn il-linji gwida huma mfasslin biex jiksbu l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a)

li jingħata kontribut għall-iżvilupp ta' kultura ġudizzjarja Ewropea ġenwina, ibbażata fuq id-diversità tas-sistemi ġuridiċi u ġudizzjarji tal-Istati Membri u l-unità fid-dritt Ewropew;

(b)

li tittejjeb il-konoxxenza tad-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni Ewropea fost l-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju, inkluż it-trawwim tal-konoxxenza tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, b'mod partikolari l-proċedura biex tinkiseb deċiżjoni preliminari dwar il-validità u/jew l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew;

(c)

li tiġi promossa, permezz ta' taħriġ adegwat, l-applikazzjoni tad-dritt Ewropew mill-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju, b'mod li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

(d)

li titrawwem il-konoxxenza tas-sistemi ġuridiċi u l-liġijiet tal-Istati Membri l-oħrajn, notevolment bil-promozzjoni ta' korsijiet rilevanti ta' liġi komparattiva;

(e)

li jittejbu l-kompetenzi lingwistiċi tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju madwar l-Unjoni Ewropea;

(f)

li titrawwem kuxjenza kollettiva ta' kwistjonijiet li huma komuni għall-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju;

(g)

li tiġi promossa l-kondiviżjoni ta' ideat dwar l-iżvilupp tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u tal-implikazzjonijiet tiegħu għall-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja.

3.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha possibbli biex jiżguraw li l-korpi nazzjonali tagħhom responsabbli għat-taħriġ tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju, waqt li jibnu fuq l-isforzi eżistenti tagħhom,

(a)

jiddisseminaw informazzjoni dwar is-sistemi ġuridiċi u l-liġijiet tal-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea, pereżempju billi jiġu stabbiliti korsijiet dwar il-liġi komparattiva;

(b)

iżidu l-ftuħ tal-korsijiet ta' taħriġ nazzjonali tagħhom għall-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju mill-Istati Membri l-oħrajn;

(c)

jiżviluppaw u jistimolaw skambji diretti bejn l-imħallfin, il-prosekuturi u l-membri tal-persunal ġudizzjarju tal-Istati Membri differenti, inkluż billi jkollhom rwol attiv fil-Programm ta' Skambji għall-Ġudikatura (6), billi jippromwovu “ġemellaġġi” u bi kwalunkwe mezz adegwat ieħor;

(d)

jiżviluppaw b'mod effettiv, bil-mezzi kollha adegwati, in-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) u jipparteċipaw b'mod attiv fl-attivitajiet tiegħu.

4.

Sabiex jiksbu l-objettivi ġenerali deskritti hawn fuq, l-Istati Membri għandhom iħeġġu u, fejn opportun, jiżviluppaw azzjonijiet konkreti ġodda maħsuba biex:

(a)

jenfasizzaw id-dimensjoni Ewropea tal-funzjonijiet ġudizzjarji, billi:

(a)

jinkorporaw it-taħriġ dwar id-dritt Ewropew fil-programm inizjali ta' taħriġ nazzjonali tagħhom, jekk dan jeżisti, u fil-programm ta' taħriġ kontinwu u l-kurrikuli tagħhom, b'kont debitu meħud f'dan ir-rigward tal-linji gwida li għandhom jiġu stabbiliti rigward dan mill-EJTN, filwaqt li jagħmlu użu sħiħ mill-esperjenza tal-istituzzjonijiet ta' taħriġ eżistenti;

(b)

jestendu l-programm ta' skambji msemmi fil-punt 3(c) għall-persunal ġudizzjarju, kif meħtieġ;

(c)

jippromwovu, fost l-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju, il-konoxxenza ta' mill-inqas lingwa uffiċjali waħda oħra tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari permezz ta' programmi ta' taħriġ, u jiffavorixxu tali konoxxenza jekk u meta jkun meħtieġ, b'kont meħud tal-ispeċifiċitajiet tas-sistema legali u ġudizzjarja tal-Istat Membru kkonċernat, eż. dwar ir-reklutaġġ ta' mħallfin, prosekuturi u persunal ġudizzjarju u waqt mumenti ta' evalwazzjoni;

(d)

irawmu l-konoxxenza tas-sistemi ġuridiċi u l-liġijiet tal-Istat Membri l-oħrajn;

(e)

jappoġġaw it-tagħlim tal-għodod Ewropej tal-ġustizzja elettronika;

(f)

iħeġġu t-tagħlim elettroniku u jużaw tekniki moderni.

(b)

jadottaw programmi Ewropej ta' taħriġ komuni, li l-kontenut tagħhom għandu jiġi ddeterminat mill-EJTN, u li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata mill-EJTN u/jew mill-membri tiegħu, bħal pereżempju:

(a)

modulu wieħed jew aktar ta' taħriġ komuni;

(b)

programm ta' taħriġ komuni mfassal għal kategoriji speċifiċi ta' professjonisti rilevanti, bħall-persunal ġudizzjarju ta' livell għoli, imħallfin jew prosekuturi speċjalizzati, u ħarrieġa;

(c)

programm ta' taħriġ komuni ta' durata qasira li jġib flimkien l-imħallfin, il-prosekuturi u l-membri tal-persunal ġudizzjarju ta' diversi Stati Membri (“klassijiet Ewropej”), li l-organizzazzjoni tiegħu għandha inizjalment tiġi attribwita lill-korpi nazzjonali tat-taħriġ.

5.

L-EJTN u l-membri tiegħu għandu jkollhom rwol importanti fl-implimentazzjoni prattika ta' dawn il-linji gwida. Għal dak l-għan, għandhom jittieħdu miżuri adegwati biex jissaħħaħ l-EJTN.

6.

Bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta' hawn fuq, l-Istati Membri huma mistiedna jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex il-membri tal-EJTN ikunu jistgħu jżidu l-ammont tal-kontributi finanzjarji rispettivi tagħhom lill-EJTN u b'hekk tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-funzjonament tiegħu.

7.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mistiedna jikkunsidraw il-possibbiltà li jirrevedu l-proċeduri amministrattivi għall-allokazzjoni ta' fondi Komunitarji għall-proġetti ta' taħriġ għall-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju, notevolment dawk organizzati minn korpi li magħhom il-Kummissjoni kkonkludiet sħubijiet qafas, partikolarment l-ERA, l-EIPA u l-EJTN, bil-ħsieb li jissimplifikaw aktar dawn il-proċeduri u jippermettu li l-fondi disponibbli jiġu allokati f'perijodi iqsar ta' żmien.

8.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni huma mistiedna jiżguraw implimentazzjoni rapida ta' din ir-Riżoluzzjoni. Għal dan l-għan, il-Presidenza u l-Kummissjoni huma wkoll mistiedna jagħmlu l-kuntatti meħtieġa mal-korpi Ewropej tat-taħriġ.

9.

Il-Kunsill għandu jirrevedi l-applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida sa mhux aktar tard minn erba' snin wara l-adozzjoni tagħhom, abbażi ta' rapport ippreżentat mill-Kummissjoni. Fid-dawl tar-riżultati ta' tali reviżjoni, għandhom jittieħdu miżuri adegwati sabiex tittejjeb aktar is-sitwazzjoni jekk u fejn meħtieġ.


(1)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(2)  COM (2006) 356 finali.

(3)  ĠU C 273 E, 14.11.2003, p. 99.

(4)  ĠU L 58, 24.2.2007, p. 13.

(5)  Għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  Programm ta' Skambji Ġudizzjarji bbażati fuq l-Artikolu 49(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 li huwa applikabbli għar-Regolament Finanzjarju dwar il-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).