8.7.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/10


KONVENZJONI

dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980

PREAMBOLU

IL-PARTIJIET GĦOLJIN KONTRAENTI għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

ĦERQANA li, fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat, jissoktaw bix-xogħol ta' unifikazzjoni tal-liġijiet li diġà sar fi ħdan il-Komunità, partikolarment fil-qasam tal-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta' sentenzi,

XEWQANA li jistabbilixxu regoli uniformi dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TITOLU I

FIRXA TA' APPLIKAZZJONI TAL-KONVENZJONI

Artikolu 1

Firxa ta' Applikazzjoni tal-Konvenzjoni

1.   Ir-regoli ta' din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw għall-obbligi kuntrattwali f'kull sitwazzjoni li tinvolvi għażla bejn il-liġijiet ta' pajjiżi differenti.

2.   Huma m'għandhomx japplikaw għal:

(a)

kwistjonijiet dwar l-istat jew il-kapaċità legali ta' persuni naturali, bla ħsara għall-Artikolu 11;

(b)

obbligi kuntrattwali dwar:

testmenti u suċċessjoni,

drittijiet ta' proprjetà li jkunu ġejjin minn rabta fiż-żwieġ,

drittijiet u dmirijiet li jkunu ġejjin minn relazzjoni familjari, parentela, żwieġ jew affinità, inklużi obbligi ta' manteniment fir-rigward ta' tfal illeġittimi;

(ċ)

obbligi li jkunu ġejjin minn kambjali, ċekkijiet u biljetti negozjabbli u strumenti oħra negozjabbli safejn l-obbligi minn strumenti negozjabbli oħra bħalhom ikunu ġejjin min-natura negozjabbli tagħhom;

(d)

ftehim ta' arbitraġġ u ftehim dwar l-għażla ta' qorti;

(e)

kwistjonijiet regolati bil-liġi tal-kumpanniji u korpi oħra maqgħuda jew mhux maqgħuda bħalma huma l-ħolqien, b'reġistrazzjoni jew mod ieħor, il-kapaċità legali, l-organizzazzjoni interna jew l-istralċ ta' kumpanniji u korpi oħra maqgħuda jew mhux maqgħuda u r-responsabbiltà personali ta' uffiċjali u membri bħala tali għall-obbligi tal-kumpannija jew tal-korp;

(f)

il-kwistjoni dwar jekk aġent jistax jorbot lil prinċipal, jew organu lil kumpannija jew korp maqgħud jew mhux maqgħud, ma' terzi;

(g)

il-kostituzzjoni ta' trusts u r-relazzjoni bejn settlors, trustees u benefiċjarji;

(h)

xhieda u proċedura, bla ħsara għall-Artikolu 14.

3.   Ir-regoli ta' din il-Konvenzjoni ma japplikawx għal kuntratti ta' assigurazzjoni li jkopru riskji li jkun qegħdin fit-territorji ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea. Biex ikun stabbilit jekk riskju jkunx qiegħed f'dawk it-territorji il-qorti għandha tapplika l-liġi interna tagħha.

4.   Il-paragrafu ta' qabel dan ma japplikax għal kuntratti ta' ri-assigurazzjoni.

Artikolu 2

Applikazzjoni tal-liġi ta' Stati mhux contraenti

Kwalunkwe liġi msemmija f'din il-Konvenzjoni għandha tkun applikata, kemm jekk tkun il-liġi ta' Stat Kontraenti u kemm jekk le.

TITOLU II

REGOLI UNIFORMI

Artikolu 3

Libertà ta' l-għażla

1.   Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha tkun espressa jew murija b'ċertezza raġjonevoli mill-klawsoli tal-kuntratt jew miċ-ċirkostanzi tal-każ. Permezz ta' l-għażla tagħhom il-partijiet jistgħu jiftiehmu fuq il-liġi applikabbli għall-kuntratt kollu jew għal parti minnu.

2.   Il-partijiet jistgħu f'kull żmien jiftiehmu li l-kuntratt ikun soġġett għal liġi oħra li ma tkunx dik li biha kien regolat qabel, jew minħabba riżultat ta' għażla magħmula qabel skond dan l-Artikolu jew minħabba dispożizzjonijiet oħra ta' din il-Konvenzjoni. Kull varjazzjoni mill-partijiet tal-liġi li għandha tkun applikata magħmula wara li jkun konkluż il-kuntratt m'għandhiex tkun ta' ħsara għall-validità formali tiegħu skond l-Artikolu 9 jew tħalli effett ħażin fuq id-drittijiet ta' terzi.

3.   Il-fatt li l-partijiet ikunu għażlu liġi barranija, kemm jekk ikun hemm magħha l-għażla ta' tribunal barrani u kemm jekk ma jkunx hemm, m'għandux, jekk l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni fiż-żmien ta' l-għażla jkollhom rabta ma' pajjiż wieħed biss, ikun ta' ħsara għall-applikazzjoni ta' regoli tal-liġi tal-pajjiż li minnhom ma jistax ikun hemm deroga b'kuntratt, minn hawn ‘il quddiem imsejħin “regoli mandatarji”.

4.   L-eżistenza u l-validità tal-kunsens tal-partijiet dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għandhom ikunu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 8, 9 u 11.

Artikolu 4

Liġi applikabbli fin-nuqqas ta' għażla

1.   Safejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma tkunx intgħażlet skond l-Artikolu 3, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu ikollu l-eqreb rabta. Madankollu parti separabbli tal-kuntratt li jkollha rabta eqreb ma' pajjiż ieħor tista' eċċezzjonalment tkun regolata mil-liġi ta' dak il-pajjiż l-ieħor.

2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, għandu jkun hemm preżunzjoni li l-kuntratt ikollu l-eqreb rabta mal-pajjiż fejn il-parti li jkollha tagħmel l-eżekuzzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt kellha, fiż-żmien meta kien konkluż il-kuntratt, ir-residenza abitwali tagħha, jew, fil-każ ta' korp maqgħud jew mhux maqgħud, l-amministrazzjoni ċentrali tiegħu. Madankollu jekk il-kuntratt isir minħabba n-negozju jew il-professjoni ta' dik il-parti, dak il-pajjiż ikun il-pajjiż fejn ikun jinsab il-post prinċipali tan-negozju jew, fejn skond il-klawsoli tal-kuntratt l-eżekuzzjoni jkollha ssir f'post ta' negozju li ma jkunx il-post prinċipali tan-negozju, il-pajjiż fejn dak il-post l-ieħor tan-negozju jkun jinsab.

3.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, safejn is-suġġett tal-kuntratt ikun dritt ta' proprjetà immobbli jew dritt ta' użu ta' proprjetà immobbli, għandu jkun hemm preżunzjoni illi l-kuntratt ikollu l-eqreb rabta mal-pajjiż fejn il-proprjetà immobbli tkun tinsab.

4.   Kuntratt għat-trasport ta' merkanzija m'għandux ikun soġġett għall-preżunzjoni tal-paragrafu 2. F'kuntratt bħal dan jekk il-pajjiż, li fih, fiż-żmien meta l-kuntratt ikun konkluż, it-trasportatur ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu jkun ukoll il-pajjiż fejn ikun jinsab il-post tat-tagħbija jew il-post tal-ħatt jew il-post prinċipali tan-negozju ta' l-ispeditur, għandu jkun hemm preżunzjoni li l-kuntratt ikollu l-eqreb rabta ma' dak il-pajjiż. Fl-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu charter-parties ta' vjaġġ wieħed u kuntratti oħra li l-għan ewlieni tagħhom huwa t-trasport ta' merkanzija għandhom jitqiesu bħala kuntratti għat-trasport ta' merkanzija.

5.   Il-paragrafu 2 m'għandux japplika jekk il-karatteristika ta' l-eżekuzzjoni ma tkunx tista' tiġi stabbilita, u l-preżunzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 4 m'għandhomx jitqiesu jekk miċ-ċirkostanzi kollha jkun jidher li l-kuntratt ikollu rabta eqreb ma' pajjiż ieħor.

Artikolu 5

Ċerti kuntratti tal-konsumaturi

1.   Dan l-Artikolu japplika għal kuntratt li l-għan tiegħu huwa l-provvista ta' oġġetti jew servizzi lil persuna (“il-konsumatur”) għal skop li jista' jitqies li ma jkollux x'jaqsam man-negozju jew mal-professjoni tiegħu, jew għal kuntratt biex jingħata kreditu għal dak il-għan.

2.   Minkejja d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3, għażla ta' liġi magħmula mill-partijiet m'għandhiex ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu mir-regoli mandatarji tal-liġi tal-pajjiż li fih huwa jkollu r-residenza abitwali tiegħu.

jekk f'dak il-pajjiż il-kuntratt ikun konkluż wara stedina speċifika indirizzata lilu jew permezz ta' riklam, u huwa jkun għamel f'dak il-pajjiż dak kollu meħtieġ minnu biex il-kuntratt ikun konkluż,

jew

jekk il-parti l-oħra jew l-aġent tagħha jkunu rċevew l-ordni tal-konsumatur f'dak il-pajjiż,

jew

jekk il-kuntratt ikun għall-bejgħ ta' oġġetti u l-konsumatur ikun mar minn dak il-pajjiż għal pajjiż ieħor u hemmhekk huwa jkun għamel l-ordni tiegħu, bil-kondizzjoni li l-vjaġġ tal-konsumatur ikun tħejja mill-bejjiegħ bl-iskop li jħajjar lill-konsumatur biex jixtri.

3.   Minkejja d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4, kuntratt li għalih japplika dan l-Artikolu għandu, fin-nuqqas ta' għażla skond l-Artikolu 3, ikun regolat skond il-liġi tal-pajjiż li fih il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu jekk il-kuntratt ikun sar fiċ-ċirkostanzi msemmijin fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

4.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal:

(a)

kuntratt ta' trasport;

(b)

kuntratt għall-provvista ta' servizzi fejn is-servizzi għandhom jingħataw lill-konsumatur esklussivament f'pajjiż li ma jkunx dak li fih huwa jkollu r-residenza abitwali tiegħu.

5.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, dan l-Artikolu għandu japplika għal kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal vjaġġ u akkomodazzjoni flimkien.

Artikolu 6

Kuntratti individwali ta' impjieg

1.   Minkejja d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3, f'kuntratt ta' impjieg għażla ta' liġi magħmula mill-partijiet m'għandhiex ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu mir-regoli mandatarji tal-liġi li tkun applikabbli skond il-paragrafu 2 fin-nuqqas ta' għażla.

2.   Minkejja d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4, kuntratt ta' impjieg għandu, fin-nuqqas ta' għażla skond l-Artikolu 3, jkun regolat:

(a)

bil-liġi tal-pajjiż li fih l-impjegat issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ukoll jekk ikun temporanjament impjegat f'pajjiż ieħor;

jew

(b)

jekk l-impjegat mhux soltu jagħmel ix-xogħol tiegħu f'pajjiż wieħed, skond il-liġi tal-pajjiż fejn il-post tan-negozju li minnu jkun tqabbad ikun jinsab;

sakemm ma jkunx jidher miċ-ċirkostanzi kollha li l-kuntratt ikollu rabta eqreb ma' pajjiż ieħor, f'liema każ il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi ta' dak il-pajjiż.

Artikolu 7

Regoli mandatarji

1.   Fejn tkun applikata skond din il-Konvenzjoni il-liġi ta' pajjiż, ir-regoli mandatarji tal-liġi ta' pajjiż ieħor li miegħu s-sitwazzjoni jkollha rabta mill-qrib jistgħu jingħataw effett, jekk u sakemm, skond il-liġi ta' dan l-aħħar pajjiz, dawk ir-regoli għandhom ikunu applikati tkun liema tkun il-liġi applikabbli għall-kuntratt. Fil-kunsiderazzjoni dwar ir-regoli mandatarji jingħatawx effett, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom u l-effetti tagħhom jekk ikunu applikati jew jekk ma jkunux applikati.

2.   Xejn f'din il-Konvenzjoni m'għandu jżomm l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi tal-forum f'sitwazzjoni fejn dawn ikunu mandatarji irrispettivament mil-liġi li tapplika mod ieħor għall-kuntratt.

Artikolu 8

Validità materjali

1.   L-eżistenza u l-validità ta' kuntratt, jew ta' xi klawsola ta' kuntratt, għandhom ikunu deċiżi skond il-liġi li tirregolah taħt din il-Konvenzjoni jekk il-kuntratt jew il-klawsola kienu validi.

2.   Madankollu parti tista' ssib sostenn fil-liġi tal-pajjiż li fih hija jkollha r-residenza abitwali tagħha biex tipprova li hija ma tatx il-kunsens tagħha jekk miċ-ċirkostanzi jidher li ma jkunx raġjonevoli li jkun stabbilit l-effett ta' l-imġieba tagħha skond il-liġi speċifikata fil-paragrafu ta' qabel dan.

Artikolu 9

Validità formali

1.   Kuntratt li jkun konkluż bejn żewġ persuni li jkunu fl-istess pajjiż huwa formalment validu jekk jissodisfa il-ħtiġijiet formali tal-liġi li tirregolah skond din il-Konvenzjoni jew tal-liġi tal-pajjiż fejn ikun konkluż.

2.   Kuntratt li jkun konkluż bejn żewġ persuni li jkunu f'pajjiżi differenti huwa formalment validu jekk jissodisfa l-ħtiġijiet formali tal-liġi li tirregolah skond din il-Konvenzjoni jew tal-liġi ta' wieħed minn dawk il-pajjiżi.

3.   Fejn kuntratt ikun konkluż minn aġent, il-pajjiż li fih l-aġent jaġixxi jkun il-pajjiż rilevanti għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2.

4.   Att li hu intiż li jkollu effett legali li jkun relatat ma' kuntratt li diġà sar jew li għad irid isir huwa formalment validu jekk jissodisfa l-ħtiġijiet formali tal-liġi li skond din il-Konvenzjoni tirregola jew tkun tirregola l-kuntratt jew tal-liġi tal-pajjiż fejn l-att ikun sar.

5.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi ta' qabel dan m'għandhomx japplikaw għal kuntratt li għalih japplika l-Artikolu 5, konkluż fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 5. Il-validità formali ta' kuntratt bħal dan hija regolata mil-liġi tal-pajjiż li fih il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu.

6.   Minkejja l-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu, kuntratt li s-suġġett tiegħu huwa dritt fi proprjetà immobbli jew dritt ta' użu ta' proprjetà immobbli għandu jkun suġġett għall-ħtiġijiet mandatarji dwar il-forma tal-liġi tal-pajjiż fejn il-proprjetà tkun tinsab jekk skond dik il-liġi dawk il-ħtiġijiet ikunu imposti irrispettivament mill-pajjiż fejn il-kuntratt jiġi konkluż u irrispettivament mill-liġi li tirregola l-kuntratt.

Artikolu 10

Firxa ta' applikazzjoni tal-liġi applikabbli

1.   Il-liġi applikabbli għal kuntratt bis-saħħa ta' l-Artikoli 3 sa 6 u 12 ta' din il-Konvenzjoni għandha tirregola b'mod partikolari:

(a)

l-interpretazzjoni;

(b)

l-eżekuzzjoni;

(ċ)

fil-limiti tas-setgħat mogħtija lill-qorti bil-liġi tal-proċedura tagħha, l-effetti ta' ksur ta' kuntratt, inkluża stima tal-ħsarat safejn din hija regolati minn regoli tal-liġi;

(d)

id-diversi modi kif jispiċċaw l-obbligi, u l-preskrizzjoni u termini perentorji;

(e)

l-effetti ta' nullità tal-kuntratt.

2.   Fir-rigward ta' dan għandha ssir l-eżekuzzjoni u l-miżuri li jkollhom jittieħdu f'każ ta' eżekuzzjoni difettuża għandha titqies il-liġi tal-pajjiż li fih issir l-eżekuzzjoni.

Artikolu 11

Inkapaċità

F'kuntratt konkluż bejn żewġ persuni li jkunu fl-istess pajjiż, persuna naturali li jkollha kapaċità skond il-liġi ta' dak il-pajjiż tista' tinvoka l-inkapaċità tagħha skond liġi oħra biss jekk il-parti l-oħra fil-kuntratt kienet taf b'dik l-inkapaċità fiż-żmien meta l-kuntratt kien konkluż jew ma kinitx taf biha minħabba negliġenza.

Artikolu 12

Ċessjoni volontarja

1.   L-obbligi reċiproki taċ-ċedent u taċ-ċessjonarju permezz ta' ċessjoni volontarja ta' dritt kontra persuna oħra (“id-debitur”) għandhom ikunu regolati mil-liġi li skond din il-Konvenzjoni tapplika għall-kuntratt bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju.

2.   Il-liġi li tirregola d-dritt relattiv għaċ-ċessjoni għandha tistabbilixxi kif issir iċ-ċessjoni, ir-relazzjoni bejn iċ-ċessjonarju u d-debitur, il-kondizzjonijiet li taħthom iċ-ċessjoni tista' tkun invokata kontra d-debitur u kull kwistjoni dwar jekk inħellsux l-obbligi tad-debitur.

Artikolu 13

Surroga

1.   Fejn persuna (“il-kreditur”) tagħmel talba kuntrattwali kontra persuna oħra (“id-debitur”), u terza persuna jkollha l-obbligu li tissodisfa lill-kreditur, jew tkun fil-fatt issodisfat lill-kreditur biex jinħeles dak l-obbligu, il-liġi li tirregola l-obbligu tat-terza persuna li tissodisfa lill-kreditur għandha tistabbilixxi jekk it-terza persuna tkunx intitolata li teżerċita kontra d-debitur id-drittijiet li l-kreditur kellu kontra d-debitur skond il-liġi li tirregola r-relazzjoni ta' bejniethom u, jekk dan ikun il-każ, jekk huwa jistax jagħmel dan totalment jew parzjalment.

2.   L-istess regola tapplika fejn diversi persuni jkunu soġġetti għall-istess talba kuntrattwali u wieħed minnhom ikun issodisfa lill-kreditur.

Artikolu 14

Dmir tal-prova, eċċ.

1.   Il-liġi li tirregola l-kuntratt skond din il-Konvenzjoni tapplika safejn ikun fiha, fil-liġi tal-kuntratti, regoli dwar preżunzjonijiet ta' liġi jew li jistabbilixxu l-oneru tal-prova.

2.   Kuntratt jew att intiż li jkollu effett legali jista' jkun pprovat b'kull xorta ta' prova rikonoxxuta mil-liġi tal-forum jew mil-liġijiet imsemmijin fl-Artikolu 9 li bihom dak il-kuntratt jew att ikun formalment validu, bil-kondizzjoni li dik ix-xorta ta' prova tkun tista' tiġi amministrata mill-forum.

Artikolu 15

Esklużjoni ta' renvoi

L-applikazzjoni tal-liġi ta' kull pajjiż imsemmi f'din il-Konvenzjoni tfisser l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi fis-seħħ f'dak il-pajjiż minbarra r-regoli tiegħu tad-dritt internazzjonali privat.

Artikolu 16

“Ordre public”

L-applikazzjoni ta' regola tal-liġi ta' kull pajjiż imsemmi f'din il-Konvenzjoni tista' ma tintalqax biss jekk dik l-applikazzjoni tkun ċarament inkompattibli ma' l-ordni pubbliku (“ordre public”) tal-forum.

Artikolu 17

Effett mhux retroattiv

Din il-Konvenzjoni għandha tapplika fi Stat Kontraenti għal kuntratti magħmulin wara d-data li fiha din il-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ għal dak l-Istat.

Artikolu 18

Interpretazzjoni uniformi

Fl-interpretazzjoni u applikazzjoni tar-regoli uniformi imsemmijin hawn qabel, għandhom jitqiesu l-karattru internazzjonali tagħhom u x-xewqa li jkun hemm uniformità fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom.

Artikolu 19

Stati b'aktar minn sistema legali waħda

1.   Fejn Stat jinkludi numru ta' unitajiet territorjali, li kull waħda minnhom ikollha r-regoli tagħha tal-liġi applikabbli għall-materji msemmija fil-paragrafu 1, kull unità territorjali għandha titqies bħala Stat biex issir magħrufa l-liġi applikabbli skond din il-Konvenzjoni.

2.   Stat li jkollu fih unitajiet territorjali differenti b'regoli tagħhom tal-liġi dwar l-obbligi kuntrattwali m'għandux ikun marbut li japplika din il-Konvenzjoni għal konflitti li jkunu biss bejn il-liġijiet ta' dawk l-unitajiet.

Artikolu 20

Preċedenza tal-liġi Komunitarja

Din il-Konvenzjoni m'għandhiex ikollha effett fuq l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet li, fir-rigward ta' materji partikolari, jistabbilixxu regoli tal-għażla tal-liġi relattivi għall-obbligi kuntrattwali u li huma jew ser ikunu f'atti ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej jew f'liġijiet nazzjonali armonizzati fl-implimentazzjoni ta' dawk l-atti.

Artikolu 21

Relazzjoni ma' konvenzjonijiet oħra

Din il-Konvenzjoni m'għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta' konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom Stat Kontraenti jkun, jew isir, parti.

Artikolu 22

Riservi

1.   Kull Stat Kontraenti jista', waqt l-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, jirriserva d-dritt li ma japplikax:

(a)

id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(1);

(b)

id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10(1)(e).

2.   Kull Stat Kontraenti jista' wkoll, meta jinnotifika estensjoni tal-Konvenzjoni bi qbil ma' l-Artikolu 27(2), jagħmel riserva jew numru ta' riservi minn dawn, bl-effett tagħhom limitat għat-territorji kollha msemmija f'din l-estensjoni jew uħud minnhom.

3.   Kull Stat Kontraenti jista' f'kull żmien jirtira riserva li jkun għamel; ir-riserva tieqaf milli jkollha effett fl-ewwel jum tat-tielet xahar kalendarju wara n-notifika ta' l-irtirar.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 23

1.   Jekk, wara d-data li fiha din il-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ għal Stat Kontraenti, dak l-Istat ikun irid jadotta regola ġdida dwar l-għażla tal-liġi fir-rigward ta' kategorija partikolari ta' kuntratt fil-firxa ta' applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni, huwa għandu jikkomunika l-ħsieb tiegħu lill-Istati firmatarji l-oħra permezz tas-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej.

2.   Kull Stat firmatarju jista', fi żmien sitt xhur mid-data tal-komunikazzjoni magħmula lis-Segretarju-Ġenerali, jitlob lil dan iħejji biex isiru konsultazzjonijiet bejn Stati firmatarji biex jintlaħaq ftehim.

3.   Jekk l-ebda Stat firmatarju ma jkun talab konsultazzjonijiet f'dak il-perjodu jew jekk fi żmien sentejn wara l-komunikazzjoni magħmula lis-Segretarju-Ġenerali ma jkunx intlaħaq ftehim matul il-konsultazzjonijiet, l-Istat Kontraenti interessat jista' jemenda l-liġi tiegħu bil-mod indikat. L-Istati firmatarji l-oħra għandhom ikunu mgħarfa bil-miżuri meħudin minn dak l-Istat permezz tas-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 24

1.   Jekk, wara d-data li fiha din il-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ għal Stat Kontraenti, dak l-Istat ikun irid jidħol parti f'konvenzjoni multilaterali bl-għan ewlieni tagħha jew wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħha li tistabbilixxi regoli tad-dritt internazzjonali privat dwar xi waħda mill-materji regolati b'din il-Konvenzjoni, għandha tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 23. Madankollu l-perjodu ta' sentejn, imsemmi fil-paragrafu 3 ta' dak l-Artikolu, għandu jitnaqqas b'sena.

2.   Il-proċedura msemmija fil-paragrafu ta' qabel dan tista' ma tkunx segwita jekk Stat Kontraenti jew waħda mill-Komunitajiet Ewropej tkun diġà parti fil-konvenzjoni multilaterali, jew jekk l-għan tagħha jkun li tirrevedi konvenzjoni li fiha l-Istat interessat ikun diġà parti, jew jekk tkun konvenzjoni konkluża fil-kwadru tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 25

Jekk Stat Kontraenti jqis li l-unifikazzjoni miksuba b'din il-Konvenzjoni huwa ppreġudikat mill-konklużjoni ta' ftehim mhux koperti mill-Artikolu 24(1), dak l-Istat jista' jitlob lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej iħejji biex isiru konsultazzjonijiet bejn l-Istati firmatarji ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 26

Kull Stat Kontraenti jista' jitlob li ssir reviżjoni ta' din il-Konvenzjoni. F'dan il-każ għandha titlaqqa' konferenza ta' reviżjoni mill-President tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 27

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tapplika għat-territorji Ewropej ta' l-Istati Kontraenti, inkluża l-Groenlandja, u t-territorju sħiħ tar-Repubblika Franċiża.

2.   Minkejja l-paragrafu (1):

(a)

din il-Konvenzjoni ma għandhiex tapplika għall-Gzejjer Faroe, sakemm ir-Renju tad-Danimarka ma jagħmilx dikjarazzjoni għall-kuntrarju;

(b)

din il-Konvenzjoni ma għandhiex tapplika għal kwalunkwe territorju Ewropew li jinsab barra r-Renju Unit li għar-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu r-Renju Unit huwa responsabbli, sakemm

(ċ)

din il-Konvenzjoni ma għandhiex tapplika għall-Antilles Olandiżi, sakemm ir-Renju ta' l-Olanda ma jagħmilx dikjarazzjoni għal dan l-effett.

3.   Dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu jsiru fi kwalunkwe żmien billi jiġi notifikat is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsil tal-Komunitajiet Ewropej.

4.   Rikorsi miġjuba fir-Renju Unit bħala appell minn qrati fit-territorji msemmija fis-subparagrafu (b) tal-paragrafu (2) għandhom jitqiesu li huma rikorsi li jseħħu f'dawk il-qrati.

Artikolu 28

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa mid-19 ta' Ġunju 1980 għall-firma mill-Istati li huma partijiet fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea.

2.   Din il-Konvenzjoni għandha tkun soġġetta għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Istati firmatarji. L-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom ikunu depożitati mas-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 29

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara d-depożitu tas-seba' strument ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.

2.   Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ għal kull Stat firmatarju li jkun irratifika, aċċetta jew approva wara l-ewwel jum tat-tielet xahar wara d-depożitu ta' l-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tagħha.

Artikolu 30

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tibqa' fis-seħħ għal 10 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha skond l-Artikolu 29(1), ukoll għall-Istati li għalihom tidħol fis-seħħ f'data iktar tard.

2.   Jekk ma tkunx saret denunzja hija għandha tkun imġedda taċitament kull ħames snin.

3.   Stat Kontraenti li jkun jixtieq jagħmel denunzja għandu, f'mhux inqas minn sitt xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' għaxar jew ħames snin, skond il-każ, jagħti avviż lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej. Denunzja tista' tkun limitata għal kwalunkwe territorju li għalih din il-Konvenzjoni tkun ġiet estiża b'dikjarazzjoni skond l-Artikolu 27(2).

4.   Id-denunzja għandha jkollha effett biss fir-rigward ta' l-Istat li jkun innotifikaha. Il-Konvenzjoni għandha tibqa' fis-seħħ bejn l-Istati Kontraenti l-oħra kollha.

Artikolu 31

Is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej għandu jinnotifika lill-Istati partijiet fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea dwar:

(a)

il-firem;

(b)

id-depożitu ta' kull strument ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni;

(ċ)

id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni;

(d)

il-komunikazzjonijiet magħmulin skond l-Artikoli 23, 24, 25, 26 u 30,

(e)

ir-riservi u l-irtirar ta' riservi msemmijin fl-Artikolu 22.

Artikolu 32

Il-Protokoll anness ma' din il-Konvenzjoni għandu jifforma parti integrali minnha.

Artikolu 33

Din il-Konvenzjoni, magħmula f'oriġinal wieħed fil-lingwa Daniża, Olandiża, Ingliża, Franċiża, Ġermaniża, Irlandiża u Taljana, b'dawn it-testi jkunu ugwalment awtentiċi, għandha tkun depożitata fl-arkivji tas-Segretarjat tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jibgħat kopja awtentikata tagħha lill-Gvern ta' kull Stat firmatarju.

B'xhieda ta' dan, is-sottoskritti, debitament awtorizzati għalhekk, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

Magħmula f'Ruma, fid-dsatax-il jum ta' Ġunju tas-sena elf disa' mija u tmenin.

[Firem tal-plenipotenzarji]


PROTOKOLL

IL-PARTIJIET GĦOLJA KONTRAENTI ftehmu dwar id-dispożizzjoni li ġejja li għandha tkun annessa mal-Konvenzjoni:

MINKEJJA d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, id-Danimarka tista' żżomm ir-regoli li jinsabu fis-Søloven (Statut dwar il-Liġi Marittima) il-paragrafu 169 dwar il-liġi applikabbli għall-kwistjonijiet dwar it-trasport ta' merkanzija bil-baħar u tista' temenda dawn id-dispożizzjonijiet mingħajr ma ssegwi l-proċedura provduta fl-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta' Ruma.

B'xiehda ta' dan il-firmatarji ta' hawn taħt, awtorizzati debitament għal dan, iffirmaw dan il-Protokoll.

Magħmul f'Ruma fid-dsatax-il jum ta' Ġunju tas-sena elf disa' mija u tmenin

[Firem tal-Plenipotenzarji]


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Il-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq,

Mal-firma tal-Konvenzjoni fuq il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali;

Xewqana li jiżguraw li l-Konvenzjoni tkun applikata b'mod effettiv kemm jista' jkun;

Ħerqana li jipprevjenu milli jkun hemm differenzi fl-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni li jħassru l-effett ta' unifikazzjoni tagħha;

Jiddikjaraw li huma lesti:

1.

li jeżaminaw il-possibbiltà li jagħtu ġurisdizzjoni f'ċerti kwistjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u, jekk meħtieġ, jinnegozjaw ftehim f'dan is-sens;

2.

li jagħmlu laqgħat f'intervalli regolari bejn ir-rappreżentanti tagħhom.

B'xiehda ta' dan il-firmatarji ta' hawn taħt, awtorizzati debitament għal dan, iffirmaw din id-Dikjarazzjoni Konġunta.

[Firem tal-Plenipotenzarji]


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Mal-firma tal-Konvenzjoni fuq il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, il-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda u r-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta' Fuq,

I.

ħerqana biex jevitaw, kemm jista' jkun, it-tixrid tar-regoli tal-għażla tal-liġi fost ħafna strumenti u differenzi bejn dawn ir-regoli, jesprimu x-xewqa li l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej, fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom skond it-Trattati li bihom kienu stabbiliti, għandhom, meta tinqala' l-ħtieġa, iħabirku biex jadottaw regoli ta' l-għażla tal-liġi li huma kemm jista' jkun konsistenti ma' dawk ta' din il-Konvenzjoni;

II.

jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom mid-data tal-firma ta' din il-Konvenzjoni sakemm jintrabtu bl-Artikolu 24, li jikkonsultaw lil xulxin jekk xi wieħed mill-Istati firmatarji jixtieq isir parti f'xi konvenzjoni li għaliha tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 24;

III.

wara li jikkunsidraw il-kontribuzzjoni tal-Konvenzjoni fuq il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali għall-unifikazzjoni tar-regoli tal-għażla tal-liġi ġewwa l-Komunitajiet Ewropej, jesprimu l-veduta li kull Stat li jsir membru tal-Komunitajiet Ewropej għandu jaderixxi għal din il-Konvenzjoni.


L-EWWEL PROTOKOL

dwar l-Interpretazzjoni mill-qorti tal-Ġustizzja tal-komunitajiet ewropej tal-konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli fl-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firem f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980.

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA GĦAT-TRATTAT LI JISTABBILIXXI L-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA,

WARA LI KKUNSIDRAW id-Dikjarazzjoni Konġunta annessa mal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli fl-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firem f'Ruma fid-19 ta' Ġunju,

[Plenipotenzarji maħtura mill-Istati Membri]

FTEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha jkollha ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjonijiet fuq l-interpretazzjoni ta':

(a)

il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firem f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980, minn hawn “il quddiem msemmija bħala ‘l-Konvenzjoni ta' Ruma”;

(b)

il-Konvenzjoni dwar l-Adeżjoni għall-Konvenzjoni ta' Ruma mill-Istati li saru membri tal-Komunitajiet Ewropej mid-data meta nfetħet għall-firem;

(ċ)

dan il-Protokoll.

Artikolu 2

Kull qorti msemmija hawn isfel tista' titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti referenza preliminari fuq kwistjoni mqajma f'każ pendenti quddiemha u li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li hemm fl-istrumenti msemmija fl-Artikolu 1 jekk dik il-Qorti tikkonsidra li tenħtieġ deċiżjoni fuq il-kwistjoni biex tkun tista' tagħti s-sentenza:

(a)

fil-Belġju:

“la Cour de cassation” (“het Hof van Cassatie”) u “le Conseil d'État” (“de Raad van State”),

fid-Danimarka:

“Højesteret”,

fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja:

“die obersten Gerichtshöfe des Bundes”,

fil-Grecja:

“Τα ανώτατα Δικαστήρια”,

fi Spanja:

“el Tribunal Supremo”,

fi Franza:

“la Cour de cassation” and “le Conseil d'État”,

fl-Irlanda:

“the Supreme Court”,

fl-Italja:

“la Corte suprema di cassazione” u “il Consiglio di Stato”,

fil-Lussemburgu:

“la Cour Supérieure de Justice”, meta tkun sedenti bħala “Cour de cassation”,

fl-Olanda:

“de Hoge Raad”,

fil-Portugall:

“o Supremo Tribunal de Justiça” u “o Supremo Tribunal Administrativo”,

fir-Renju Unit:

il-“House of Lords” u qrati oħra li minnhom m'hemmx il-possibbilità ta' appell ieħor;

(b)

il-qrati ta' l-Istati Kontraenti meta jaġixxu bħala qrati ta' appell.

Artikolu 3

1.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Kontraenti tista' titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fuq kwistjoni ta' interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-istrumenti msemmija fl-Artikolu 1 jekk is-sentenzi mogħtija mill-Qrati ta' dak l-istat jikkonfliġġu ma' l-interpretazzjoni mogħtija jew mill-Qorti tal-Ġustizzja jew f'sentenza ta' waħda mill-qrati ta' Pajjiż Kontraenti ieħor msemmija fl-Artikolu 2. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu għandhom jgħoddu biss għal sentenzi li saru res judicata.

2.   L-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja b'risposta għal din it-talba m'għandhiex taffettwa s-sentenzi li taw lok għat-talba għall-interpretazzjoni.

3.   Il-Prokuraturi-Ġenerali tal-Qrati Supremi ta' l-Appell ta' l-Istati Kontraenti, jew kull awtorità oħra maħtura minn Stat Kontraenti, għandhom ikunu intitolati li jitolbu l-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni fuq l-interpretazzjoni skond il-paragrafu 1.

4.   Ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jagħti avviż tat-talba lill-Istati Kontraenti, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej; imbagħad għandhom ikunu intitolati fi żmien xahrejn tan-notifika li jissottomettu noti tal-każ jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti.

5.   L-ebda onorarju jew spiża jew nefqa ma għandhom jingħataw fir-rigward ta' proċeduri msemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 4

1.   Ħlief meta dan il-Protokoll jipprovdi mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u dawk tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja anness miegħu, li japplikaw meta l-Qorti tintalab li tagħti referenza preliminari, għandhom japplikaw ukoll għal kull proċedura għall-interpretazzjoni ta' l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom, jekk meħtieġ, ikunu aġġustati u miżjuda skond l-Artikolu 188 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea.

Artikolu 5

Dan il-Protokoll għandu jkun bla ħsara għar-ratifika mill-Istati Firmatarji. L-istrumenti ta' ratifika għandhom ikunu ddepożitati mas-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 6

1.   Biex jidħol fis-seħħ, dan il-Protokoll għandu jkun ratifikat minn seba' Stati li fir-rigward tagħhom hija fis-seħħ il-Konvenzjoni ta' Ruma. Dan it-Trattat għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara d-depożitu ta' l-istrument ta' ratifika mill-aħħar minn dawn l-Istati li jkun għamel dan. Jekk, madankollu, it-Tieni Protokoll li jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ċerti poteri għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firem f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980, konkluża fi Brussell fid-19 ta' Diċembru 1988, jidħol fis-seħħ f'data aktar tard, dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Tieni Protokoll.

2.   Kull ratifika wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Protokoll għandu jkollha effett fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara d-depożitu ta' l-istrument tar-ratifika, bil-kondizzjoni li r-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ruma mill-Istat partikolari għandhom ikunu effettivi.

Artikolu 7

Is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej għandu jinnotifika l-Istati Firmatarji bi:

(a)

id-depożitu ta' kull strument ta' ratifika;

(b)

id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Protokoll;

(ċ)

kull ħatra kkomunikata skond l-Artikolu 3(3);

(d)

kull komunikazzjoni magħmula bis-saħħa ta' l-Artikolu 8.

Artikolu 8

L-Istati Kontraenti għandhom jikkomunikaw lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej it-testi ta' kull dispożizzjoni tal-liġijiet tagħhom li teħtieġ emenda għal-lista tal-qrati fl-Artikolu 2(a).

Artikolu 9

Dan il-Protokoll għandu jkollu effett sakemm tibqa' fis-seħħ il-Konvenzjoni ta' Ruma skond il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 30 ta' dik il-Konvenzjoni.

Artikolu 10

Kull Stat Kontraenti jista' jitlob ir-reviżjoni ta' dan il-Protokoll. F'dan il-każ, għandha titlaqqa' konferenza ta' reviżjoni mill-President tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 11

Dan il-Protokoll, magħmul f'oriġinal wieħed fil-lingwa Daniża, Olandiża, Ingliża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Irlandiża, Taljana, Portugiża u Spanjola, l-għaxar testi ugwalment awtentiċi, għandu jkun depożitat fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jibgħat kopji ċċertifikati lil kull Gvern ta' kull Stat Firmatarju.

B'xiehda ta' dan, il-Plenipotenzarji hawn taħt iffirmati niżlu l-firem tagħhom taħt dan il-Protokoll.

Magħmula fi Brussell fid-dsatax-il jum ta' Diċembru tas-sena elf disa' mija u tmienja u tmenin.

[Firem tal-Plenipotenzarji]


DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTA

Dikjarazzjoni Konġunta

Il-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussenburgu, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika Portugiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq:

Mal-firma ta' l-Ewwel Protokoll dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwaril-liġi applikabbli fl-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firem f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980;

Xewqana li jiżguraw li l-Konvenzjoni hija applikata kemm jista' jkun b'mod effettiv u uniformi;

Jiddikjaraw li lesti jorganizzaw, f'koperazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, skambju ta' informazzjoni fuq sentenzi li saru res judikata u li ngħataw bis-saħħa tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali mill-qrati msemmija fl-Artikolu 2 ta' l-imsemmi Protokoll. L-iskambju ta' l-informazzjoni jkun jinkludi:

li jintbagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti s-sentenzi mogħtija mill-qrati msemmija fl-Artikolu 2(a) u sentenzi sinifikanti mogħtija mill-qrati msemmija fl-Artikolu 2(b);

il-klassifikazzjoni u l-isfruttament dokumentali ta' dawn is-sentenzi mill-Qorti tal-Ġustizzja inkluż, safejn meħtieġ, it-tħejjija ta' estratti u traduzzjonijiet, u l-pubblikazzjoni ta' sentenzi ta' importanza partikolari;

il-komunikazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta' materjal dokumentali lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' l-Istati partijiet fil-Protokoll u lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej.

B'xiehda ta' dan, il-Plenipotenzarji hawn taħt iffirmati niżlu l-firem tagħhom taħt din id-Dikjarazzjoni Konġunta.

Magħmula fi Brussell fid-dsatax-il jum ta' Diċembru tas-sena elf disa' mija u tmienja u tmenin.

[Firem tal-Plenipotenzarji]


Dikjarazzjoni Konġunta

Il-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussenburgu, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika Portugiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq;

Mal-firma ta' l-Ewwel Protokoll dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli fl-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firem f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980;

Wara li kkunsidraw id-Dikjarazzjoni Konġunta annessa mal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali;

Xewqana li jiżguraw li l-Konvenzjoni hija applikata kemm jista' jkun b'mod effettiv u uniformi;

Ħerqana li ma jħallux li d-differenzi fl-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni jtellfu l-effett ta' unifikazzjoni tagħha;

Jesprimu l-fehma li kull Stat li jsir membru tal-Komunitajiet Ewropej għandu jaderixxi għal dan il-Protokoll.

B'xiehda ta' dan, il-Plenipotenzarji hawn taħt iffirmati niżlu l-firem tagħhom taħt din id-Dikjarazzjoni Konġunta.

Magħmula fi Brussell fid-dsatax-il jum ta' Diċembru tas-sena elf disa' mija u tmienja u tmenin.

[Firem tal-Plenipotenzarji]


IT-TIENI PROTOKOLL

li jagħti lill-qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ċerti poteri għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali; miftuħa għall-firem f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980

IL-PARTIJIET GĦOLJIN KONTRAENTI FIT-TRATTAT LI JISTABBILIXXI L-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA,

BILLI l-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firem f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980, minn hawn ‘il quddiem msejħa “il-Konvenzjoni tar-Ruma”, ser tidħol fis-seħħ wara d-depożitu tas-seba' strument ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni;

BILLI l-applikazzjoni uniformi tar-regoli stabbiliti fil-Konvenzjoni ta' Ruma jeħtieġu li jitwaqqaf l-makkinarju biex jiżgura interpretazzjoni uniformi u billi għal dak il-għan għandhom jingħataw poteri xierqa lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, diġà qabel mal-Konvenzjoni ta' Ruma tidħol fis-seħħ fir-rigward ta' l-Istati Membri kollha tal-Komunità Ekonomika Ewropea.

[Plenipotenzarji maħtura mill-Istati Membri]

FTEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta' Ruma, ikollha l-ġurisdizzjoni li tingħatalha mill-Ewwel Protokoll dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firem f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980, konkluża fi Brussell fid-19 ta' Diċembru 1988. Il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u r-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu japplika.

2.   Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu addattati u miżjuda kif meħtieġ skond l-Artikolu 188 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea.

Artikolu 2

Dan il-Protokoll għandu jkun bla ħsara għar-ratifika mill-Istati Firmatarji. L-istrumenti tar-ratifika għandhom ikunu ddepożitati mas-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 3

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara d-depożitu ta' l-istrument ta' ratifika mill-aħħar Stat Firmatarju li jkun għamel dik il-formalità.

Artikolu 4

Dan il-Protokoll, magħmul f'oriġinal wieħed fil-lingwa Daniża, Olandiża, Ingliża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Irlandiża, Taljana, Portugiża u Spanjola, l-għaxar testi ugwalment awtentiċi, għandu jkun iddepożitat fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jibgħat kopja ċċertifikat lill-Gvern ta' kull Stat Firmatarju.

B'xiehda ta' dan, il-Plenipotenzarji hawn taħt iffirmati niżlu l-firem tagħhom taħt dan il-Protokoll

Magħmul fi Brussell fid-dsatax-il jum ta' Diċembru tas-sena elf disa' mija u tmienja u tmenin.

[Firem tal-Plenipotenzarji]