26.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 236/21 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2049
tal-14 ta’ Lulju 2023
li jemenda r-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju soġġetti għal projbizzjonijiet fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (1), u partikolarment l-Artikolu 20 tiegħu,
Billi:
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2017/852, l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura fl-Unjoni tal-prodotti miżjudin bil-merkurju stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu pprojbiti mid-dati stabbiliti f’dak l-Anness, ħlief dawk il-prodotti li huma essenzjali għall-protezzjoni ċivili u l-użi militari u dawk il-prodotti għar-riċerka, għall-kalibrazzjoni tal-istrumentazzjoni, jew għall-użu bħala standard ta’ referenza. |
(2) |
Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 (2) u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017. L-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni jipprojbixxi l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju elenkati fil-Parti I tal-Anness A ta’ dik il-Konvenzjoni wara d-data tal-eliminazzjoni gradwali speċifikata għal dawk il-prodotti. L-Artikolu 4(8) tal-Konvenzjoni jirrikjedi li l-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (“COP”) twettaq rieżami tal-Anness A tal-Konvenzjoni mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. |
(3) |
L-Unjoni ppreżentat proposti biex jiġu emendati l-Annessi A u B tal-Konvenzjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/727 (3). Il-COP, fir-raba’ laqgħa tagħha, li saret mill-21 sal-25 ta’ Marzu 2022, adottat id-Deċiżjoni MC-4/3 li temenda l-Parti I tal-Anness A tal-Konvenzjoni billi inkludiet tmien prodotti miżjudin bil-merkurju f’dak l-Anness. Dik id-Deċiżjoni ġiet appoġġata mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/549 (4). |
(4) |
Il-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2017/852 diġà telenka l-istrain gauges li jintużaw fil-pletismografi bħala wieħed mill-prodotti miżjudin bil-merkurju inklużi fil-Parti I tal-Anness A tal-Konvenzjoni bid-Deċiżjoni MC-4/3 kif ukoll lampi fluworexxenti kompatti bil-ballast integrat (CFL.i) għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li huma ≤ 30 watts b’kontenut tal-merkurju li jaqbeż it-2,5 mg għal kull berner tal-lampa. B’riżultat ta’ dan u sabiex ir-Regolament (UE) 2017/852 jiġi allinjat mad-Deċiżjoni MC-4/3, jeħtieġ li jiġu inklużi seba’ prodotti miżjudin bil-merkurju fil-Parti A tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament: (i) lampi fluworexxenti kompatti bil-ballast integrat (CFL.i) għal skopijiet ta’ tidwil ġenerali li huma ≤ 30 watts b’kontenut ta’ merkurju li ma jaqbiżx it-2,5 mg għal kull berner tal-lampa, (ii) lampi fluworexxenti b’katodu kiesaħ (CCFL) u lampi fluworexxenti bl-elettrodi esterni (EEFL) ta’ kwalunkwe tul għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi, (iii) trasduttur tal-pressjoni tat-tidwib, trażmettituri tal-pressjoni tat-tidwib u sensuri tal-pressjoni tat-tidwib, (iv) pompi tal-vakwu bil-merkurju, (v) piżijiet tal-ibbilanċjar tat-tajers u tar-roti, (vi) films u karti fotografiċi u (vii) propellant tas-satelliti u l-inġenji spazjali. |
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/852 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness II tar-Regolament (UE) 2017/852 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/727 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-preżentazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposti għall-emendar tal-Annessi A u B tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, fir-rigward ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju u proċessi ta’ manifattura li fihom jintużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju (ĠU L 155, 5.5.2021, p. 23).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/549 tas-17 ta’ Marzu 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li temenda l-Annessi A u B ta’ dik il-Konvenzjoni (ĠU L 107, 6.4.2022, p. 78).
ANNESS
Il-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2017/852 hija emendata kif ġej:
(1) tiddaħħal l-entrata 3a li ġejja:
Prodotti miżjudin bil-merkurju |
Data li minnha l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura tal-prodotti miżjudin bil-merkurju huma pprojbiti |
||
|
31.12.2025”; |
(2) tiddaħħal l-entrata 6 a li ġejja:
Prodotti miżjudin bil-merkurju |
Data li minnha l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura tal-prodotti miżjudin bil-merkurju huma pprojbiti |
||
|
31.12.2025”; |
(3) jiżdiedu l-entrati 10 u 11 li ġejjin:
Prodotti miżjudin bil-merkurju |
Data li minnha l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura tal-prodotti miżjudin bil-merkurju huma pprojbiti |
||||||||||
|
31.12.2025 |
||||||||||
|
31.12.2025”. |