|
4.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 196/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/1593
tat-28 ta’ Lulju 2023
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 377/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1598 tat-28 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2012/285/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau (1),
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
F’Mejju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/285/PESK (2) u r-Regolament (UE) Nru 377/2012 (3). |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2012/285/PESK u l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) Nru 377/2012, il-Kunsill eżamina mill-ġdid il-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau u kkonkluda li jenħtieġ li tiddaħħal dispożizzjoni dwar eżenzjoni umanitarja applikabbli għal ċerti atturi, kif elenkat fir-Riżoluzzjoni 2664 (2022) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, fir-rigward tal-miżuri komplementari tal-Unjoni dwar l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi. |
|
(3) |
Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 377/2012 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 377/2012, jinżdied il-paragrafu li ġej:
“4. Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi neċessarji biex jiggarantixxu t-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex isostnu attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem meta tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn:
|
(a) |
in-Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-programmi, il-fondi u entitajiet u korpi oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzazzjonijiet relatati tagħha; |
|
(b) |
organizzazzjonijiet internazzjonali; |
|
(c) |
organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji; |
|
(d) |
organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati bilateralment jew multilateralment li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati, appelli oħra tan-Nazzjonijiet Uniti jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA); |
|
(e) |
l-impjegati, il-benefiċjarji, is-sussidjarji, jew is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (d) waqt u sal-punt li jkunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet.”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
P. NAVARRO RÍOS
(1) Ara paġna 23 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/285/PESK tal-31 ta’ Mejju 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/237/PESK (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 36).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 377/2012 tat-3 ta’ Mejju 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau (ĠU L 119, 4.5.2012, p. 1).