12.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 127/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/934

tal-11 ta’ Mejju 2023

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ħjut b’saħħithom ħafna ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) u rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) u Artikolu 11(3) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u kontinwi, u l-miżuri fis-seħħ

(1)

Il-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ħjut b’saħħithom ħafna ta’ poliesteri (high tenacity yarns of polyesters, “HTYP”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) oriġinarjament ġew imposti bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010 (2) (“il-miżuri oriġinali”)

(2)

Il-miżuri oriġinali imposti kellhom il-forma ta’ dazju ad valorem u kienu jvarjaw minn 5,1 % sa 9,8 %.

(3)

Il-miżuri oriġinali applikaw għall-importazzjonijiet kollha tal-HTYP li joriġinaw miċ-Ċina, bl-eċċezzjoni tal-importazzjonijiet tal-HTYP prodotti mill-produtturi esportaturi Ċiniżi Zhejiang Hailide New Material Co. Ltd. (“Hailide”) u Hangzhou Huachun Chemical Fiber Co. Ltd. (“Huachun”). L-ebda dazju ma kien impost fuq dawn il-kumpaniji (ir-Regolament (UE) Nru 1105/2010), peress li ma nstab l-ebda dumping.

(4)

Wara l-ewwel rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (3) (ir-“Regolament bażiku”), il-Kummissjoni, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 (4), kif emendat b’mod partikolari bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1159 (5), żammet il-miżuri oriġinali. F’konformità mar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fil-każ Messiku — Miżuri Anti-dumping Definittivi fuq iċ-Ċanga u fuq ir-Ross (6) (“ir-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO”), Hailide u Huachun ma ġewx eżaminati fl-imsemmi rieżami ta’ skadenza.

(5)

Fit-30 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni bdiet ukoll investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-HTYP manifatturati u esportati lejn l-Unjoni minn Hailide (“l-investigazzjoni parallela tal-Artikolu 5”) (7). L-importazzjonijiet minn Hailide ma humiex soġġetti għal dawn l-investigazzjonijiet tar-rieżami ta’ skadenza u tar-rieżami interim. Huachun, il-produttur esportatur l-ieħor li wkoll ma rċieva l-ebda dazju fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping oriġinali, ma baqax jeżisti fl-2021. Għalhekk, Huachun ma għadux meqjus bħala produttur esportatur tal-HTYP.

1.2.   Talba għal rieżami ta’ skadenza u għal rieżami interim parzjali

(6)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ Avviż ta’ skadenza imminenti (8) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ħjut b’saħħithom ta’ poliesteri li joriġinaw miċ-Ċina, fl-24 ta’ Novembru 2021 ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (minn hawn ’il quddiem imsejħa r-“rieżami ta’ skadenza”).

(7)

Barra minn hekk, fl-1 ta’ April 2022 ġiet ippreżentata talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku (minn hawn ’il quddiem imsejħa r-“rieżami interim parzjali”). L-ambitu tat-talba kien limitat għad-dumping. Għalhekk, l-analiżi tad-dannu f’dan ir-regolament hija relatata esklużivament mar-rieżami ta’ skadenza.

(8)

Iż-żewġ talbiet ġew ippreżentati mis-CIRFS - l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fibri Artifiċjali (“CIRFS” jew “l-applikant”) f’isem l-industrija tal-Unjoni ta’ ħjut tal-poliesteri b’saħħithom ħafna fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

(9)

It-talba għal rieżami ta’ skadenza kienet ibbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal għall-kontinwazzjoni tad-dumping u għar-rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(10)

It-talba għal rieżami interim parzjali kienet ibbażata fuq evidenza suffiċjenti pprovduta mill-applikant li, f’dak li għandu x’jaqsam mad-dumping, iċ-ċirkostanzi li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri eżistenti nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema.

1.3.   Il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza u rieżami interim parzjali

(11)

Billi ddeterminat, wara li kkonsultat mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) u rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ppubblikat avviżi ta’ bidu ta’ dawn ir-rieżamijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (9) fit-23 ta’ Frar 2022 u fit-30 ta’ Ġunju 2022, rispettivament.

(12)

Assoċjazzjoni tal-utenti kkummentat dwar il-bidu taż-żewġ proċeduri, filwaqt li enfasizzat l-importanza tal-istabbiltà tal-provvista għall-utenti. Barra minn hekk, asseriet li l-produtturi Ewropej żiedu l-esportazzjonijiet tagħhom tal-HTYP lejn iċ-Ċina u ma jistgħux jiddikjaraw fl-istess ħin li ġarrbu dannu mill-importazzjonijiet Ċiniżi. L-assoċjazzjoni tal-utenti tasserixxi wkoll li ma ngħatawx provi tad-dannu lill-produtturi Ewropej. Il-Kummissjoni analizzat l-affermazzjonijiet kollha dwar l-interess tal-Unjoni fit-taqsima 3.10 aktar ’il quddiem. L-affermazzjoni ġenerali li ma ngħatawx provi tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni fit-talba għal rieżami, ma kinitx issostanzjata u, għalhekk, ġiet miċħuda.

(13)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonkludi dwar iż-żewġ investigazzjonijiet separati f’dan l-att legali, li jistabbilixxi (fl-ordni li fih bdew l-investigazzjonijiet) l-ewwel il-valutazzjoni fl-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza, segwita mis-sejbiet mill-investigazzjoni tar-rieżami interim parzjali.

1.4.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat fl-investigazzjonijiet tar-rieżami ta’ skadenza u tar-rieżami interim parzjali

(14)

L-eżaminazzjoni tad-dumping u tal-probabbiltà ta’ tkomplija jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u ta’ dannu kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (il-“perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami” jew “PIR”).

(15)

L-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAL RIEŻAMI, PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott soġġett għal rieżami fir-rieżami ta’ skadenza u r-rieżami interim parzjali

(16)

Il-prodott suġġett għal dan ir-rieżami huwa r-raden b’saħħtu ħafna ta’ poliesteri li ma jitqegħdux għall-bejgħ bl-imnut, inkluż il-monofilament ta’ anqas minn 67 deċiteks, (eskluż il-ħajt tal-ħjata u raden multipli (mitnijin) jew immaljati b’kisra “Z”, maħsubin għall-produzzjoni ta’ ħajt tal-ħjata, lesti sabiex jingħataw il-kulur u sabiex jirċievu trattament tat-tlestija, imseffħin b’mod laxk fuq tubu mtaqqab tal-plastik), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 5402 20 00 (kodiċi TARIC 5402200010) (“il-prodott rieżaminat”). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma pprovduti għall-fini ta’ informazzjoni biss mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.

(17)

L-HTYP jintużaw f’numru ta’ applikazzjonijiet diversi bħar-rinforz tat-tajers, drapp wiesa’, ċinturini tas-sikurezza, airbags, ħbula, xbieki u numru ta’ applikazzjonijiet industrijali.

2.2.   Prodott ikkonċernat

(18)

Il-prodott ikkonċernat mill-investigazzjonijiet tar-rieżami ta’ skadenza u tar-rieżami interim parzjali huwa l-prodott soġġett għal rieżami li joriġina miċ-Ċina.

2.3.   Prodott simili

(19)

L-investigazzjonijiet wriet li dawn il-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

il-prodott ikkonċernat;

il-prodott soġġett għal rieżami prodott u mibjugħ fis-suq domestiku taċ-Ċina u

l-prodott soġġett għal rieżami prodott u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(20)

Għalhekk, dawn il-prodotti huma kkunsidrati bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   INVESTIGAZZJONI TAR-RIEŻAMI TA’ SKADENZA

3.1.   Partijiet interessati u l-kampjunar

(21)

Fin-Notifika ta’ Bidu tal-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament informat lill-applikant, lil produtturi magħrufin tal-Unjoni, lill-produtturi fiċ-Ċina, lill-importaturi u lill-utenti fl-Unjoni magħrufin li kienu kkonċernati, u lill-awtoritajiet Ċiniżi dwar il-bidu tal-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza u stednithom jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(22)

Il-partijiet interessati kollha kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew l-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti tal-kummerċ.

(23)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stqarret li tista’ tikkampjuna l-partijiet interessati, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

3.1.1.    Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(24)

Fin-Notifika ta’ Bidu tal-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni ħabbret li hija kienet għażlet proviżorjament kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun abbażi tal-volumi tal-produzzjoni u tal-bejgħ, filwaqt li qieset il-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Dan il-kampjun kien jikkonsisti fi tliet produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni stmata totali tal-UE u tal-volum ta’ bejgħ tal-UE tal-prodott simili. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. L-ebda parti interessata ma ppreżentat kummenti dwar il-kampjun proviżorju, li ġie kkonfermat bħala l-kampjun definittiv. Il-kampjun huwa rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

3.1.2.    Kampjunar tal-produtturi esportaturi u ta’ importaturi mhux relatati

(25)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar ikunx meħtieġ fir-rigward tal-produtturi esportaturi fiċ-Ċina u ta’ importaturi mhux relatati fl-Unjoni, dawk il-partijiet intalbu jippreżentaw ruħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni taċ-Ċina għall-Unjoni tidentifika u/jew tikkuntattja produtturi esportaturi oħrajn, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni. L-ebda produttur esportatur ma ppreżenta ruħu. Importatur mhux relatat wieħed ippreżenta ruħu bħala parti interessata, iżda ma pprovdiex l-informazzjoni tal-kampjunar mitluba. Għalhekk, il-kampjunar ma kienx neċessarju la għall-produtturi esportaturi u lanqas għall-importaturi mhux relatati. Peress li ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi Ċiniżi, is-sejbiet fir-rigward tal-importazzjonijiet miċ-Ċina fir-rigward tar-rieżami ta’ skadenza saru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

3.2.    Tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika

(26)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku lill-Gvern taċ-Ċina (“GTĊ”).

(27)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lill-utenti. L-istess kwestjonarji kienu wkoll disponibbli online fil-jum tal-bidu.

(28)

Il-Kummissjoni rċiviet tweġibiet għall-kwestjonarju mit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u minn żewġ utenti.

(29)

Saru żjarat ta’ verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin għall-finijiet tal-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza:

 

Produtturi tal-Unjoni

Glanzstoff Longlaville, Longlaville, Franza

PHP Fibers GmbH, Obernburg, il-Ġermanja

Brilen Tech S.A., Zaragoza, Spanja

 

Utenti

Industrias Ponsa S.A., Manresa, Barċellona, Spanja

AMOHR Technische Textilien GmbH, Wuppertal, il-Ġermanja

3.3.   Proċedura sussegwenti

(30)

Fl-20 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien biħsiebha żżomm fis-seħħ id-dazji anti-dumping. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni.

(31)

Il-kummenti li għamlu l-partijiet interessati ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni u tqiesu, fejn xieraq. Il-partijiet li talbu dan ingħataw seduta ta’ smigħ.

3.4.   DUMPING

3.4.1.    Kummenti preliminari

(32)

Kif imsemmi fil-premessa (25), l-ebda produttur/esportatur ma kkoopera fl-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza. Għalhekk, il-Kummissjoni informat lill-GTĊ li minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-sejbiet fir-rigward taċ-Ċina.

(33)

Konsegwentement, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

3.4.2.    Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku

(34)

L-evidenza disponibbli fil-bidu tal-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza indikat l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a), il-punt (b), tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li tibda l-investigazzjoni wara li kkunsidrat l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(35)

Sabiex tiġbor id-data neċessarja għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni stiednet lill-produtturi esportaturi kollha fil-pajjiż ikkonċernat jipprovdu informazzjoni dwar l-inputs użati għall-produzzjoni tal-HTYP. Ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni rilevanti fil-kuntest tal-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza.

(36)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jissottomettu informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ Bidu rispettiva f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(37)

Fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati li fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli f’dak l-istadju, pajjiż rappreżentattiv xieraq possibbli skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku kien it-Turkija.

(38)

Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li se teżamina pajjiżi rappreżentattivi oħrajn possibbilment xierqa f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(39)

Fid-19 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ħarġet l-Ewwel nota dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali (“l-Ewwel Nota”) li permezz tagħha hija informat lill-partijiet interessati dwar is-sorsi rilevanti li hija kellha l-intenzjoni li tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali.

(40)

Fl-Ewwel Nota, il-Kummissjoni pprovdiet lista preliminari tal-fatturi ta’ produzzjoni (“FOP”) magħrufin kollha, bħall-materja prima, il-manodopera u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-HTYP. Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat it-Turkija, il-Brażil u t-Tajlandja bħala pajjiżi rappreżentattivi xierqa possibbli. Il-Kummissjoni tat lill-partijiet interessati kollha l-opportunità li jikkummentaw. Il-Kummissjoni rċiviet kummenti mingħand l-applikant b’appoġġ tat-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv.

(41)

Wara li analizzat il-kummenti u l-informazzjoni li rċeviet, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Turkija kienet pajjiż rappreżentattiv xieraq li minnu jinkisbu prezzijiet u kostijiet mingħajr distorsjoni għad-determinazzjoni tal-valur normali. Ir-raġunijiet sottostanti għal dik l-għażla huma deskritti aktar fid-dettall fit-Taqsima 3.4.4.2 aktar ’il quddiem.

3.4.3.    L-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku

(42)

Sabiex tikseb l-informazzjoni li qieset meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-GTĊ. Ma waslet l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju mill-GTĊ. Sussegwentement, il-Kummissjoni informat lill-GTĊ li hija kienet se tuża l-fatti disponibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku sabiex tiddetermina l-eżistenza tad-distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina.

3.4.4.    Valur normali

(43)

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur”.

(44)

Madankollu, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “[fil-]każ li jiġi determinat […] li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza f’dak il-pajjiż ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b), il-valur normali għandu jiġi kkalkolat esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri ta’ riferiment mingħajr distorsjoni”, u “għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti” (“kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali” minn hawn ’il quddiem “SG&A”).

(45)

Kif spjegat aktar hawn taħt, il-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-evidenza disponibbli u minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-GTĊ, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kienet xierqa.

3.4.4.1.   Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

3.4.4.1.1.   Introduzzjoni

(46)

L-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku jistipula li d-“distorsjonijiet sinifikanti huma dawk id-distorsjonijiet li jseħħu meta prezzijiet jew kostijiet irrappurtati, inklużi l-kostijiet ta’ materji primi u ta’ enerġija, ma jkunux ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles għax ikunu affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern. Meta tkun valutata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti għandha tingħata attenzjoni, inter alia, lill-impatt potenzjali ta’ element wieħed jew aktar mis-segwenti:

is-suq inkwistjoni huwa servut f’miżura sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni jew gwida politika tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur;

il-preżenza tal-istat f’ditti li jippermettu lill-istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew kostijiet;

politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li b’mod ieħor jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles;

in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet fil-qasam tal-fallimenti, dak soċjetarju jew dak tal-proprjetà;

il-kostijiet tal-pagi soġġetti għal distorsjoni;

l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat”.

(47)

Peress li l-lista fl-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku ma hijiex kumulattiva, mhux l-elementi kollha jeħtieġ li jingħataw attenzjoni għal sejba ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Barra minn hekk, l-istess ċirkostanzi fattwali jistgħu jintużaw sabiex tintwera l-eżistenza ta’ wieħed jew aktar mill-elementi tal-lista. Madankollu, kwalunkwe konklużjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(a) trid issir abbażi tal-evidenza kollha disponibbli. Il-valutazzjoni globali dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tista’ tqis ukoll il-kuntest ġenerali u s-sitwazzjoni fil-pajjiż esportatur, b’mod partikolari fejn l-elementi fundamentali tal-istruttura ekonomika u amministrattiva tal-pajjiż esportatur jipprovdu lill-gvern b’setgħat sostanzjali sabiex jintervjeni fl-ekonomija b’tali mod li l-prezzijiet u l-kostijiet ma jkunux ir-riżultat tal-iżvilupp ħieles tal-forzi tas-suq.

(48)

L-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku jipprevedi li “[f]ejn il-Kummissjoni jkollha indikazzjonijiet fondati sew tal-eżistenza potenzjali ta’ distorsjonijiet sinifikanti kif imsemmija fil-punt (b) f’ċertu pajjiż jew f’ċertu settur f’dak il-pajjiż, u fejn ikun xieraq għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipproduċi, tippubblika u taġġorna regolarment rapport li jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi tas-suq imsemmija fil-punt (b) f’dak il-pajjiż jew settur”.

(49)

Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ħarġet rapport tal-pajjiż dwar iċ-Ċina (minn hawn ’il quddiem “ir-Rapport”) (10), li juri l-eżistenza ta’ intervent sostanzjali tal-gvern f’ħafna livelli tal-ekonomija, inklużi distorsjonijiet speċifiċi f’ħafna fatturi ewlenin tal-produzzjoni (bħall-art, l-enerġija, il-kapital, il-materja prima u l-manodopera), kif ukoll f’setturi speċifiċi (bħall-azzar u s-sustanzi kimiċi). Il-partijiet interessati ġew mistiedna jirribattu, jikkummentaw jew jissupplimentaw l-evidenza li tinsab fil-fajl tal-investigazzjoni fil-bidu. Ir-Rapport tqiegħed fil-fajl tal-investigazzjoni fl-istadju tal-bidu.

(50)

B’mod aktar speċifiku, it-talba għal rieżami interim allegat li l-fatturi ta’ produzzjoni, inklużi l-materja prima ewlenija u l-enerġija għall-produzzjoni tal-HTYP huma distorti ħafna. It-talba rreferiet għar-Rapport u għad-distorsjonijiet identifikati fih fir-rigward tas-settur tal-kimika, inkluża l-industrija tal-monoetilenglikol (“MEG”) u tal-aċidu tereftaliku purifikat (purified terephtalic acid, “PTA”). Barra minn hekk, it-talba indikat – b’referenza għar-Rapport – id-distorsjonijiet eżistenti fir-rigward tal-kostijiet tal-enerġija. It-talba osservat ukoll li l-awtoritajiet Ċiniżi jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ politiki fiskali u finanzjarji preferenzjali għall-industrija tal-kimika, mhux l-anqas f’konformità mat-13-il Opinjoni Direttiva ta’ 5 Snin dwar l-Industrija tal-Fibri Kimiċi. It-talba nnotat ukoll l-interferenza tal-Istat fir-rigward tas-suq tax-xogħol u d-drittijiet tal-użu tal-art.

(51)

Kif indikat fil-premessa (42), il-GTĊ la kkummenta u lanqas pprovda evidenza li tappoġġa jew li tikkontradixxi l-evidenza eżistenti dwar il-fajl tal-każ, inkluż ir-Rapport u l-evidenza addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-applikant, dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti u/jew dwar l-adegwatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fil-każ inkwistjoni.

(52)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fiċ-Ċina, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni għamlet dan fuq il-bażi tal-evidenza disponibbli fil-fajl, inkluża l-evidenza li tinsab fir-Rapport, li hija bbażata fuq sorsi disponibbli għall-pubbliku. Dik l-analiżi kopriet l-eżami tal-interventi sostanzjali tal-gvern fl-ekonomija taċ-Ċina b’mod ġenerali, iżda wkoll is-sitwazzjoni speċifika tas-suq fis-settur rilevanti, inkluż il-prodott soġġett għal rieżami. Il-Kummissjoni kompliet tissupplimenta dawn l-elementi evidenzjarji bir-riċerka tagħha stess dwar id-diversi kriterji rilevanti sabiex tikkonferma l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina.

3.4.4.1.2.   Distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fiċ-Ċina

(53)

Is-sistema ekonomika Ċiniża hija bbażata fuq il-kunċett ta’ “ekonomija tas-suq soċjalista”. Dak il-kunċett huwa mnaqqax fil-Kostituzzjoni Ċiniża u jiddetermina l-governanza ekonomika taċ-Ċina. Il-prinċipju ewlieni huwa s-“sjieda pubblika soċjalista tal-fatturi ta’ produzzjoni, jiġifieri s-sjieda min-nies kollha u s-sjieda kollettiva mill-ħaddiema”. L-ekonomija tal-Istat hija l-“forza mexxejja tal-ekonomija nazzjonali” u l-Istat għandu l-mandat “li jiżgura l-konsolidazzjoni u t-tkabbir tagħha” (11). Konsegwentement, l-istruttura ġenerali tal-ekonomija Ċiniża mhux biss tippermetti interventi sostanzjali mill-gvern fl-ekonomija, iżda dawn l-interventi huma obbligatorji b’mod espliċitu. Il-kunċett tas-supremazija tas-sjieda pubblika fuq dik privata huwa mifrux fis-sistema ġuridika kollha u huwa enfasizzat bħala prinċipju ġenerali fl-atti leġiżlattivi prinċipali kollha. Il-liġi Ċiniża fil-qasam tal-proprjetà hija eżempju ewlieni: hija tirreferi għall-istadju primarju tas-soċjaliżmu u tafda lill-Istat bil-ħarsien tas-sistema ekonomika bażika li permezz tagħha s-sjieda pubblika għandha rwol dominanti. Forom oħrajn ta’ sjieda huma tollerati, fejn il-liġi tippermettilhom jiżviluppaw spalla ma’ spalla mas-sjieda tal-Istat (12).

(54)

Barra minn hekk, skont id-dritt Ċiniż, l-ekonomija tas-suq soċjalista hija żviluppata taħt it-tmexxija tal-Partit Komunista Ċiniż (Chinese Communist Party, “CCP”). L-istrutturi tal-Istat Ċiniż u tas-CCP huma marbuta ma’ xulxin f’kull livell (legali, istituzzjonali, personali), u jifformaw sovrastruttura fejn ma ssirx distinzjoni bejn ir-rwoli tas-CCP u tal-Istat. Wara emenda tal-Kostituzzjoni Ċiniża f’Marzu 2018, ir-rwol ewlieni tas-CCP ingħata prominenza saħansitra akbar billi ġie affermat mill-ġdid fit-test tal-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni. Wara l-ewwel sentenza diġà eżistenti tad-dispożizzjoni: “[is-]sistema soċjalista hija s-sistema bażika tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”, iddaħħlet it-tieni sentenza ġdida li taqra: “[il-]karatteristika li tiddefinixxi s-soċjaliżmu b’karatteristiċi Ċiniżi hija t-tmexxija tal-Partit Komunista taċ-Ċina.” (13) Dan juri l-kontroll mhux iddubitat u dejjem jikber tas-CCP fuq is-sistema ekonomika taċ-Ċina. Din it-tmexxija u l-kontroll huma inerenti għas-sistema Ċiniża u jmorru ferm lil hinn mis-sitwazzjoni abitwali f’pajjiżi oħrajn fejn il-gvernijiet jeżerċitaw kontroll makroekonomiku ġenerali li fil-limitazzjonijiet tiegħu joperaw forzi tas-suq ħieles.

(55)

L-Istat Ċiniż iħaddem politika ekonomika intervenzjonista biex jilħaq għanijiet, li jikkoinċidu mal-aġenda politika stabbilita mis-CCP minflok ma jkunu jirriflettu l-kundizzjonijiet ekonomiċi prevalenti f’suq ħieles (14). Huma bosta l-għodod ekonomiċi intervenzjonisti użati mill-awtoritajiet Ċiniżi, u fosthom hemm is-sistema tal-ippjanar industrijali, is-sistema finanzjarja, kif ukoll il-livell tal-ambjent regolatorju.

(56)

L-ewwel nett, fil-livell tal-kontroll amministrattiv ġenerali, id-direzzjoni tal-ekonomija Ċiniża hija regolata minn sistema kumplessa ta’ ppjanar industrijali li taffettwa l-attivitajiet ekonomiċi kollha fil-pajjiż. Dawn il-pjanijiet kollha jkopru matriċi komprensiva u kumplessa ta’ setturi u ta’ politiki trażversali u huma preżenti fil-livelli kollha tal-gvern. Il-pjanijiet fil-livell provinċjali huma spjegati fid-dettall, filwaqt li l-pjanijiet nazzjonali jistabbilixxu miri usa’. Il-pjanijiet jispeċifikaw ukoll il-mezzi sabiex jiġu appoġġati l-industriji/is-setturi rilevanti, kif ukoll il-perjodi ta’ żmien li fihom jeħtieġ li jintlaħqu l-objettivi. Xi pjanijiet għadhom jinkludu miri tal-output espliċiti. Skont il-pjanijiet, qegħdin jiġu identifikati s-setturi u/jew il-proġetti industrijali individwali bħala prijoritajiet (pożittivi jew negattivi) f’konformità mal-prijoritajiet tal-gvern, u qegħdin jiġu attribwiti lilhom għanijiet ta’ żvilupp speċifiċi (titjib industrijali, espansjoni internazzjonali, eċċ.). L-operaturi ekonomiċi, privati u dawk tal-Istat kollha kemm huma jridu jaġġustaw b’mod effettiv l-attivitajiet kummerċjali tagħhom skont ir-realtajiet imposti mis-sistema tal-ippjanar. Dan ma huwiex biss minħabba n-natura vinkolanti tal-pjanijiet iżda anke minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Ċiniżi rilevanti fil-livelli kollha tal-gvern jaderixxu mas-sistema tal-pjanijiet u jużaw is-setgħat mogħtija lilhom skont kif ikun meħtieġ, u b’hekk jisfurzaw lill-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet (ara wkoll it-taqsima 3.4.4.1.5 ta’ hawn taħt) (15).

(57)

It-tieni, fil-livell tal-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, is-sistema finanzjarja taċ-Ċina hija ddominata mill-banek kummerċjali tal-Istat. Dawk il-banek, meta jkunu qed jistabbilixxu u jimplimentaw il-politika tas-self tagħhom iridu jallinjaw lilhom infushom mal-objettivi tal-politika industrijali tal-gvern minflok ma jivvalutaw qabel kollox il-merti ekonomiċi ta’ proġett partikolari (ara wkoll it-taqsima 3.4.4.1.8 ta’ hawn taħt) (16). L-istess japplika għall-komponenti l-oħrajn tas-sistema finanzjarja Ċiniża, bħas-swieq tal-istokks, is-swieq tal-bonds, is-swieq tal-ekwità privata, eċċ. Barra minn hekk, dawn il-partijiet tas-settur finanzjarju, għajr is-settur bankarju, huma istituzzjonalment u operazzjonalment stabbiliti b’mod li ma humiex ingranati biex itejbu l-funzjonament effiċjenti tas-swieq finanzjarji iżda biex jiżguraw il-kontroll u jippermettu l-intervent mill-Istat u mis-CCP (17).

(58)

It-tielet, fil-livell tal-ambjent regolatorju, l-interventi mill-Istat fl-ekonomija jieħdu numru ta’ forom. Pereżempju, ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku jintużaw regolarment sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ politika għajr l-effiċjenza ekonomika, u b’hekk jimminaw il-prinċipji bbażati fuq is-suq fil-qasam. Il-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi b’mod speċifiku li l-akkwist pubbliku għandu jsir sabiex jiġi ffaċilitat l-ilħuq tal-għanijiet imfassla mill-politiki tal-Istat. Madankollu, in-natura ta’ dawn l-għanijiet għadha ma hijiex definita, u għalhekk tħalli marġni ta’ apprezzament wiesa’ għall-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet (18). B’mod simili, fil-qasam tal-investiment, il-GTĊ iżomm kontroll u influwenza sinifikanti fuq id-destinazzjoni u l-kobor kemm tal-investiment tal-Istat kif ukoll ta’ dak privat. L-iskrinjar tal-investiment, kif ukoll diversi inċentivi, restrizzjonijiet, u projbizzjonijiet relatati mal-investiment jintużaw mill-awtoritajiet bħala għodda importanti biex jiġu appoġġati għanijiet ta’ politika industrijali, bħaż-żamma tal-kontroll tal-Istat fuq setturi ewlenin jew it-tisħiħ tal-industrija domestika (19).

(59)

Fil-qosor, il-mudell ekonomiku Ċiniż huwa bbażat fuq ċerti assjomi bażiċi, li jipprevedu u jinkoraġġixxu bosta interventi mill-gvern. Tali interventi sostanzjali mill-gvern huma f’kunflitt mal-azzjoni libera tal-forzi tas-suq, u jirriżultaw fid-distorsjoni tal-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi f’konformità mal-prinċipji tas-suq (20).

3.4.4.1.3.   Distorsjonijiet sinifikanti skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: is-suq inkwistjoni huwa servut f’miżura sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll jew is-superviżjoni politika jew il-gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur

(60)

Fiċ-Ċina, l-intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll u/jew is-superviżjoni politika jew il-gwida tal-Istat jirrappreżentaw parti essenzjali mill-ekonomija.

(61)

Filwaqt li fis-settur tal-HTYP, il-grad ta’ sjieda tal-Istat ma jidhirx li huwa sinifikanti, il-GTĊ iżomm l-ishma f’numru ta’ produtturi, bħal sehem ta’ aktar minn 12 % fil-Grupp Unifull (21). Barra minn hekk, il-kumpaniji iwiegħdu li jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-gvern bl-istennija li javvanzaw il-prospetti tan-negozju tagħhom, kif jista’ jidher pereżempju mir-rapport annwali tal-2021 ta’ Zhejiang Unifull Industrial Fibre, (22) li skontu: “Il-kumpanija se tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-iskambji mal-partijiet ikkonċernati esterni bħall-gvernijiet lokali fil-livelli kollha, l-istituzzjonijiet finanzjarji esterni, il-klijenti u l-fornituri sabiex tinkiseb sitwazzjoni ta’ vantaġġ għal kulħadd għall-interessi tal-partijiet ikkonċernati esterni u tal-azzjonisti.” Addizzjonalment, minħabba li l-interventi tas-CCP fit-teħid ta’ deċiżjonijiet operazzjonali saru n-norma anke f’kumpaniji privati (23), bis-CCP jasserixxi t-tmexxija fuq kważi kull aspett tal-ekonomija tal-pajjiż, l-influwenza tal-Istat permezz ta’ strutturi tas-CCP fil-kumpaniji effettivament tirriżulta f’sitwazzjoni li fiha l-operaturi ekonomiċi jkunu taħt kontroll u taħt superviżjoni politika tal-gvern, fid-dawl ta’ kif l-istrutturi tal-Istat u tal-Partit kibru flimkien fiċ-Ċina.

(62)

Dan jidher ukoll fil-livell tal-Assoċjazzjoni Ċiniża tal-Fibri Kimiċi (“CCFA”) (24), l-assoċjazzjoni tal-industrija settorjali, li fiha pereżempju l-produttur esportatur Guxiandao huwa membru, bil-maniġer ġenerali ta’ Guxiandao li jservi bħala l-Viċi President tal-assoċjazzjoni. Skont l-Artikolu 2 tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tas-CCFA, l-għan tal-organizzazzjoni huwa, fost l-oħrajn, li “timplimenta l-politika industrijali tal-pajjiż”. L-Artikolu 3 jikkonferma s-subordinazzjoni tas-CCFA għas-CCP billi jistipula li “l-Assoċjazzjoni taderixxi mat-tmexxija ġenerali tal-Partit Komunista taċ-Ċina, tistabbilixxi organizzazzjonijiet tal-Partit Komunista taċ-Ċina, tiżviluppa attivitajiet tal-partit, u tipprovdi l-kundizzjonijiet neċessarji għall-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-partit f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni tal-Partit Komunista taċ-Ċina.”

(63)

Konsegwentement, anke l-produtturi privati fis-settur tal-HTYP ma jitħallewx joperaw skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Fil-fatt, kemm l-intrapriżi pubbliċi kif ukoll dawk privati fis-settur huma soġġetti għal superviżjoni u għal gwida tal-politika kif stabbilit ukoll fit-taqsima 3.4.4.1.5 ta’ hawn taħt.

3.4.4.1.4.   Distorsjonijiet sinifikanti skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: il-preżenza tal-Istat f’ditti li jippermettu lill-Istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew tal-kostijiet

(64)

Minbarra li jeżerċita kontroll fuq l-ekonomija permezz tas-sjieda ta’ intrapriżi tal-Istat (“SOEs”) u għodod oħrajn, il-GTĊ jinsab f’pożizzjoni li jinterferixxi mal-prezzijiet u mal-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat fid-ditti. Filwaqt li d-dritt għall-ħatra u t-tneħħija ta’ membri kruċjali tal-maniġment fl-SOEs mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat, kif previst fil-leġiżlazzjoni Ċiniża, jista’ jitqies li jirrifletti d-drittijiet ta’ sjieda korrispondenti, (25) iċ-ċelloli tas-CCP fl-intrapriżi, kemm dawk tal-Istat kif ukoll dawk privati, jirrappreżentaw mezz importanti ieħor li permezz tiegħu l-Istat jista’ jinterferixxi fid-deċiżjonijiet tan-negozju. Skont id-dritt soċjetarju taċ-Ċina, f’kull kumpanija għandha tiġi stabbilita organizzazzjoni tas-CCP (li jkollha tal-anqas tliet membri tas-CCP kif speċifikat fil-Kostituzzjoni tas-CCP (26)) u l-kumpanija għandha tipprovdi l-kundizzjonijiet neċessarji għall-attivitajiet tal-organizzazzjoni tal-partit. Fil-passat, dan ir-rekwiżit jidher li mhux dejjem ġie segwit jew infurzat b’mod strett. Madankollu, tal-anqas mill-2016, is-CCP qiegħed isaħħaħ l-affermazzjonijiet tiegħu biex jikkontrolla d-deċiżjonijiet kummerċjali fil-kumpaniji bħala kwistjoni ta’ prinċipju politiku (27), inkluż l-eżerċitar ta’ pressjoni fuq il-kumpaniji privati sabiex ipoġġu l-“patrijottiżmu” l-ewwel u sabiex isegwu d-dixxiplina tal-partit (28). Fl-2017, ġie rrapportat li kienu jeżistu ċelloli tal-partiti f’madwar 70 % ta’ madwar 1,86 miljun kumpanija bi sjieda privata, u dan irriżulta fi pressjoni dejjem akbar biex l-organizzazzjonijiet tas-CCP ikollhom l-aħħar kelma fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali fil-kumpaniji rispettivi tagħhom (29). Dawn ir-regoli għandhom applikazzjoni ġenerali fl-ekonomija Ċiniża kollha, fost is-setturi kollha, inkluż għall-produtturi tal-HTYP u għall-fornituri tal-inputs tagħhom.

(65)

Barra minn hekk, fil-15 ta’ Settembru 2020 inħareġ dokument bit-titolu “Linji Gwida dwar it-tisħiħ tal-ħidma tal-Front Magħqud fis-settur privat għall-era l-ġdida maħruġin mill-Uffiċċju Ġenerali tal-Kumitat Ċentrali tas-CCP” (“il-Linji Gwida”) (30), li kompla jespandi r-rwol tal-kumitati tal-partit f’intrapriżi privati. It-taqsima II.4 tal-Linji Gwida tiddikjara: “[i]rridu nżidu l-kapaċità kumplessiva tal-Partit biex imexxi l-ħidma tal-Front Magħqud fis-settur privat u jżid b’mod effettiv il-ħidma f’dan il-qasam”; u t-taqsima III.6 tgħid “[i]rridu nżidu aktar il-bini tal-Partit f’intrapriżi privati u nippermettu liċ-ċelloli tal-Partit jaqdu r-rwol tagħhom b’mod effettiv bħala fortizza u naabtaw lill-membri tal-Partit iwettqu r-rwoli tagħhom bħala gwardji u pijunieri.” Għalhekk, il-Linji Gwida jenfasizzaw u jfittxu li jżidu r-rwol tas-CCP fil-kumpaniji u f’entitajiet oħrajn tas-settur privat (31).

(66)

L-investigazzjoni kkonfermat li t-trikkib bejn il-karigi maniġerjali u s-sħubija fis-CCP/il-funzjonijiet fil-Partit huma komuni fis-settur tal-fibri kimiċi. Pereżempju, il-maniġer ġenerali ta’ Unifull iħaddan b’mod parallel il-kariga ta’ segretarju ta’ fergħa tal-Partit (32) filwaqt li fi Guxiandao, id-direttur eżekuttiv iservi wkoll bħala segretarju tal-kumitat tal-Partit (33).

(67)

Il-preżenza u l-intervent tal-Istat fis-swieq finanzjarji (ara wkoll it-taqsima 3.4.4.1.8 ta’ hawn taħt) kif ukoll fil-provvista ta’ materja prima u ta’ inputs għandhom effett ta’ distorsjoni addizzjonali fuq is-suq (34). B’hekk, il-preżenza tal-Istat f’ditti fis-settur tal-HTYP u f’setturi oħrajn (bħas-settur finanzjarju u dak tal-inputs) tippermetti lill-GTĊ jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kostijiet.

3.4.4.1.5.   Distorsjonijiet sinifikanti skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li b’xi mod ieħor jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles

(68)

Id-direzzjoni tal-ekonomija Ċiniża hija ddeterminata b’mod sinifikanti minn sistema elaborata ta’ ppjanar li tistabbilixxi l-prijoritajiet u tippreskrivi l-għanijiet li fuqhom iridu jiffokaw il-gvernijiet ċentrali u lokali. Jeżistu pjanijiet rilevanti fil-livelli kollha tal-gvern u dawn ikopru kważi s-setturi ekonomiċi kollha. L-objettivi stabbiliti mill-istrumenti ta’ ppjanar huma ta’ natura vinkolanti u l-awtoritajiet f’kull livell amministrattiv jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet mil-livell korrispondenti aktar baxx tal-gvern. B’mod ġenerali, is-sistema tal-ippjanar fiċ-Ċina tirriżulta fit-tmexxija ta’ riżorsi lejn setturi ddeżinjati bħala strateġiċi jew inkella politikament importanti mill-gvern, minflok ma jiġu allokati f’konformità mal-forzi tas-suq (35).

(69)

L-industrija tal-fibri kimiċi titqies bħala industrija ewlenija mill-GTĊ. Dan huwa evidenti mill-Opinjonijiet ta’ Gwida dwar l-Iżvilupp ta’ Kwalità għolja tal-Industrija tal-Fibri Kimiċi tal-2022 (“l-Opinjonijiet ta’ Gwida”) maħruġin mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u għar-Riforma tal-Ministeru għall-Industrija u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni (36), skont liema “L-industrija tal-fibri kimiċi hija pilastru essenzjali tal-iżvilupp stabbli u tal-innovazzjoni kontinwa tal-katina tal-industrija tat-tessuti, industrija ta’ vantaġġ kompetittiv fuq livell internazzjonali, u parti importanti mill-industrija tal-materjali ġodda”. L-Artikolu I.2. tal-Opinjonijiet ta’ Gwida jartikola espliċitament l-intenzjoni tal-GTĊ li jiddetermina l-istruttura ġeografika u korporattiva tas-settur, kif ukoll il-parametri essenzjali tal-produzzjoni (37). L-intervent tal-Gvern jista’ jieħu l-forma ta’ rilokazzjonijiet tas-siti ta’ produzzjoni (“implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ żvilupp reġjonali, bil-premessa ta’ konformità mal-politiki dwar l-industrija, l-enerġija, il-ħarsien tal-ambjent u ma’ politiki oħrajn, iħeġġeġ lill-intrapriżi ewlenin jibnu bażijiet integrati għall-katina kollha tal-industrija tat-tessuti tal-fibra kimika fi Guangxi, Guizhou, Xinjiang u reġjuni ċentrali u tal-Punent oħrajn, u jifformaw sistemi effiċjenti u kollaborattivi ta’ ktajjen tal-provvista ma’ pajjiżi u ma’ reġjuni ġirien”), fużjonijiet immirati lejn il-ħolqien ta’ pijunieri industrijali (“it-tħeġġiġ lill-intrapriżi sabiex jottimizzaw l-allokazzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni permezz ta’ fużjonijiet u riorganizzazzjoni, u jaċċelleraw ir-riinġenerija tal-proċessi tan-negozju u t-titjib teknoloġiku. L-appoġġ lill-intrapriżi ewlenin sabiex jiġbru riżorsi ta’ kwalità għolja bħal teknoloġija, marki, kanali u talenti”), id-deżinjazzjoni ta’ kumpaniji bħala eliġibbli għal appoġġ speċjali permezz ta’ programmi dedikati tal-Gvern (“il-promozzjoni tal-integrazzjoni u tal-iżvilupp ta’ intrapriżi kbar, medji u żgħar, it-trawwim ta’ intrapriżi speċjalizzati u “ġganti żgħar” speċifiċi ġodda u intrapriżi b’pijunier uniku”) eċċ (38).

(70)

Din l-istrateġija tal-Gvern ċentrali hija kkonfermata f’diversi dokumenti ta’ ppjanar iffokati fuq l-industrija tal-fibri kimiċi maħruġin fil-livell provinċjali u muniċipali.

(71)

Il-provinċji ta’ Zhejiang, ta’ Jiangsu, ta’ Fujian u ta’ Shandong, kif ukoll il-muniċipalità ta’ Chongqing jipprovdu eżempji tajbin.

(72)

L-14-il Pjan ta’ 5 snin ta’ Jiangsu dwar l-iżvilupp ta’ livell għoli tal-industrija tal-kimika (39) mhux biss fih dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-għanijiet ta’ żvilupp għal firxa wiesgħa ta’ subsetturi fis-settur kimiku (40) iżda jirrifletti wkoll il-politiki msemmijin hawn fuq tal-Opinjonijiet ta’ Gwida dwar l-istruttura industrijali:

 

Permezz tal-konsolidazzjoni tar-riżorsi, titħaffef il-kostruzzjoni ta’ numru ta’ intrapriżi kbar u ta’ gruppi ta’ intrapriżi bi rwoli ta’ mexxejja, jiżdied il-livell ta’ konċentrazzjoni tal-industrija, u jiġu fformati numru ta’ intrapriżi ta’ klassi dinjija u ta’ intrapriżi “pinjuniera uniċi” (41).[…]

 

It-tqassim tal-industrija tal-kimika fil-provinċja jirrispetta r-rekwiżiti tal-ippjanar industrijali u tal-pjanijiet ta’ tfassil nazzjonali u provinċjali, b’parks tal-kimiċi bħala muturi importanti tal-iżvilupp, li huma wkoll essenzjali sabiex imexxu l-iżvilupp tal-industrija tal-kimika f’kull distrett u belt. L-orjentazzjoni lejn l-iżvilupp industrijali tirrispetta r-rekwiżiti tal-politiki industrijali rilevanti tal-Istat u tal-provinċja ta’ Jiangsu, tistabbilixxi l-kunċett ta’ żvilupp immexxi mill-industriji mħeġġin, u timplimenta t-titjib tal-industriji kimiċi tradizzjonali kif ukoll l-iżvilupp koordinat tal-industriji f’oqsma ġodda (42).

kif ukoll id-distribuzzjoni ġeografika tal-produzzjoni:

 

Il-pjan ġenerali ta’ tfassil huwa bbażat fuq il-provinċja kollha, skont il-karatteristiċi tal-iżvilupp tal-industrija ta’ kull belt, u jenfasizza l-vantaġġi tal-iżvilupp tal-industrija, ikompli jtejjeb il-livell ta’ żvilupp tal-industriji karatteristiċi, u jespandi l-industriji li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ żvilupp reġjonali filwaqt li jitqiesu l-industriji rilevanti ta’ kull belt u l-kundizzjonijiet tas-suq lokali, jiġi żgurat l-iżvilupp differenzjat tal-industrija tal-kimika f’kull belt tal-provinċja, u tiġi fformata sistema industrijali komprensiva b’kull belt li jkollha vantaġġi komplementari (43).

(73)

B’mod simili, il-Pjan speċjali għall-iżvilupp ta’ industriji emerġenti strateġiċi fil-Provinċja ta’ Fujian matul l-14-il FYP (44)fih mandat għall-awtoritajiet provinċjali sabiex jappoġġaw lis-settur tal-fibri kimiċi u jiggwida l-iżvilupp tiegħu:

 

Jitħaffef l-iżvilupp ta’ drappijiet tessili ġodda, u jiżdiedu r-riċerka u l-iżvilupp ta’ fibri differenzjati funzjonali, ta’ taħlitiet ta’ fibri ta’ prestazzjoni għolja, ta’ raden ta’ densità għolja u ta’ kwalità għolja u tad-drappijiet tagħhom, ta’ fibri komposti ġodda li jgħaqqdu s-sħana (fibri ES) għall-użu sanitarju, u ta’ fibri tal-metall ta’ prestazzjoni għolja (45). […]

 

L-appoġġ għall-kostruzzjoni tar-raggruppamenti l-ġodda tal-industrija tal-materjali funzjonali ta’ Fuzhou (materjali tal-membrana, tessuti avvanzati, materjali tal-metall ta’ prestazzjoni għolja, materjali komposti ta’ prestazzjoni għolja, eċċ.), raggruppamenti ġodda tal-industrija tal-materjali funzjonali ta’ Xiamen […], ir-raggruppament il-ġdid tal-industrija tal-materjali funzjonali ta’ Putian (fibri kimiċi ġodda u materjali tessili funzjonali, eċċ.) u r-raggruppament tal-industrija bijomedika ta’ Xiamen […].

(74)

L-interferenza tal-awtoritajiet ta’ Fujian mal-iżvilupp tas-settur tal-fibri kimiċi hija evidenti wkoll mill-14-il FYP provinċjali dwar l-iżvilupp ta’ industrija tal-manifattura ta’ kwalità għolja li jagħti l-istruzzjoni li ġejja lill-partijiet ikkonċernati:

 

Il-promozzjoni tal-kostruzzjoni tal-proġett dwar ir-raden industrijali tal-poliesteri ta’ Baihong, u l-iżvilupp ta’ materjali speċjali tal-fibra kimika użati fl-industrija tal-karozzi, fl-inġinerija marina, fit-tagħmir militari, fis-saħħa medika u f’oqsma oħrajn. t-tħaffif tar-riċerka dwar it-teknoloġija avvanzata tal-fibri, fokus fuq skoperti f’teknoloġiji ewlenin tal-fibra bħall-fibri nano, intelliġenti u bijomediċi, u stinkar sabiex jinkisbu innovazzjoiet rivoluzzjonijiet fil-fibri ta’ livell għoli bħall-fibra tal-karbonju, il-fibra tal-aramid, is-sulfur tal-polifenilen, u l-polietilen b’piż molekulari għoli ħafna (46).

(75)

Barra minn hekk, l-14-il FYP ta’ Shandong dwar l-iżvilupp tal-industrija tal-kimika (47) jenfasizza l-ħtieġa li “[jinxteħet fokus fuq l-iżvilupp ta’ poljolefini b’bażi ta’ etilen u reżini sintetiċi bħala prodotti aħħarija, propilen-polipropolen, plastiks oħra għall enġinerija u wkoll materjali modifikati, materjali sintetiċi u tal-gomma magħmula mill-buten u s-C4, prodotti aħħarija magħmula mill-poliuretan isocyanate u mit-toluwen ta’ prestazzjoni għolja, materjali ġodda, materjali tessili u tal-enġinerija magħmula min-nylon, benżen u poliammid, poliester PX-PTA u sitt ktajjen oħrajn tal-industriji ewlenin” (48), b’lingwaġġ simili preżenti wkoll fl-14-il FYP ta’ Zhejiang dwar l-iżvilupp tal-industrija ta’ materjali ġodda (49): “Fil-qasam tal-materjali bażiċi avvanzati, l-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ proġetti ta’ trasformazzjoni diġitali u ekoloġika u ta’ proġetti ta’ espansjoni tal-produzzjoni għal prodotti ta’ livell għoli u skarsi; fl-oqsma tal-materjali strateġiċi ewlenin bħall-materjali tas-semikondutturi avvanzati, il-materjali tal-wiri ġodda, il-materjali bijomediċi, il-fibri ta’ prestazzjoni għolja u l-materjali komposti, l-implimentazzjoni ta’ numru ta’ proġetti ta’ industrijalizzazzjoni u ta’ espansjoni tal-applikazzjoni” (50) jew l-14-il FYP ta’ Chongqing dwar l-iżvilupp ta’ kwalità għolja tal-industrija tal-manifattura (51): “L-użu tal-bażijiet tal-materja prima sabiex l-intrapriżi rilevanti jitħeġġu jagħmlu riċerka, jiżviluppaw u jimmanifatturaw fibri funzjonali tal-PVA (alkoħol tal-polivinil) ta’ prestazzjoni għolja, spandex differenzjat, fibri speċjali tal-poliester, fibri tal-poliammid, mikrofibri tal-PU (poliuretan) u prodotti oħrajn.” (52)

(76)

Għalhekk, permezz ta’ dawn l-istrumenti u strumenti oħrajn, il-GTĊ jidderiġi u jikkontrolla kważi kull aspett fl-iżvilupp u fil-funzjonament tas-settur.

(77)

Fil-qosor, il-GTĊ għandu miżuri fis-seħħ sabiex jikkonvinċi lill-operaturi jikkonformaw mal-objettivi tal-ordni pubbliku li jiġu appoġġati l-industriji mħeġġin, inkluża l-produzzjoni tal-materja prima ewlenija użata fil-manifattura tal-HTYP. Tali miżuri jimpedixxu l-forzi tas-suq milli joperaw b’mod ħieles.

3.4.4.1.6.   Distorsjonijiet sinifikanti skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-fallimenti, il-kumpaniji jew il-proprjetà

(78)

Skont l-informazzjoni fil-fajl, is-sistema Ċiniża dwar il-falliment ma timplimentax b’mod adegwat l-objettivi ewlenin proprji bħal pereżempju s-saldu ġust tal-pretensjonijiet u tad-dejn u sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-interessi legali tal-kredituri u tad-debituri. Dan jidher li huwa msejjes fil-fatt li filwaqt li l-liġi Ċiniża dwar il-falliment tiddependi b’mod formali minn prinċipji simili għal dawk applikati f’liġijiet korrispondenti ta’ pajjiżi oħra għajr iċ-Ċina, is-sistema Ċiniża hija kkaratterizzata minn nuqqas ta’ infurzar sistematiku. L-għadd ta’ fallimenti jibqa’ magħruf li huwa baxx meta mqabbel mad-daqs tal-ekonomija tal-pajjiż, mhux l-anqas minħabba li l-proċedimenti ta’ insolvenza għandhom numru ta’ nuqqasijiet, li effettivament jiffunzjonaw bħala diżinċentiv għall-preżentazzjonijiet ta’ fallimenti. Barra minn hekk, ir-rwol tal-Istat fil-proċedimenti ta’ insolvenza għadu b’saħħtu u attiv, fejn spiss ikollu influwenza diretta fuq l-eżitu tal-proċedimenti (53).

(79)

Barra minn hekk, in-nuqqasijiet tas-sistema tad-drittijiet tal-proprjetà huma partikolarment ovvji fir-rigward tas-sjieda tad-drittijiet għall-art u għall-użu tal-art fiċ-Ċina (54). L-art kollha hija proprjetà tal-Istat (art rurali bi sjieda kollettiva u art urbana proprjetà tal-Istat) u l-allokazzjoni tagħha tibqa’ tiddependi biss fuq l-Istat. Hemm dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jallokaw id-drittijiet għall-użu tal-art b’mod trasparenti u bi prezzijiet tas-suq, pereżempju bl-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ offerti. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jiġux irrispettati b’mod regolari, billi ċerti akkwirenti jiksbu l-art tagħhom mingħajr ħlas jew b’rati aktar baxxi mir-rati tas-suq (55). Barra minn hekk, l-awtoritajiet spiss ifittxu li jilħqu għanijiet politiċi speċifiċi, inkluż l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ekonomiċi, meta jkunu qed jallokaw l-art (56).

(80)

L-istess bħas-setturi l-oħra fl-ekonomija Ċiniża, il-produtturi tal-HTYP huma soġġetti għar-regoli ordinarji dwar il-liġijiet Ċiniżi dwar il-falliment, dwar il-liġi tal-kumpaniji u dwar il-proprjetà. L-effett ta’ dan huwa li anke dawn il-kumpaniji huma soġġetti għad-distorsjonijiet minn fuq għal isfel li jirriżultaw mill-applikazzjoni diskriminatorja jew mill-infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà. Dawk il-kunsiderazzjonijiet, fuq il-bażi tal-evidenza disponibbli, jidhru li huma applikabbli bis-sħiħ anke fis-settur tal-fibri kimiċi. Din l-investigazzjoni ma żvelat xejn li jqajjem dubji dwar dawn is-sejbiet.

(81)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm applikazzjoni diskriminatorja jew infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà fis-settur tal-fibri kimiċi, inkluż fir-rigward tal-prodott soġġett għal rieżami.

3.4.4.1.7.   Distorsjonijiet sinifikanti skont il-ħames inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: id-distorsjoni tal-kostijiet tal-pagi

(82)

Sistema ta’ pagi bbażati fuq is-suq ma tistax tiżviluppa kompletament fiċ-Ċina minħabba li l-ħaddiema u l-impjegaturi huma mwaqqfa milli jużaw id-drittijiet tagħhom għal organizzazzjoni kollettiva. Iċ-Ċina ma rratifikatx għadd ta’ konvenzjonijiet essenzjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (International Labour Organisation, “ILO”), b’mod partikolari dawk dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u dwar in-negozjar kollettiv (57). Skont il-liġi nazzjonali, organizzazzjoni ta’ trade union waħda biss hija attiva. Madankollu, din l-organizzazzjoni ma hijiex indipendenti mill-awtoritajiet tal-Istat u l-involviment tagħha fin-negozjar kollettiv u fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema għadu rudimentali (58). Barra minn hekk, il-mobilità tal-forza tax-xogħol Ċiniża hija ristretta mis-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-unitajiet domestiċi, li tillimita l-aċċess għall-firxa sħiħa tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u oħrajn għar-residenti lokali ta’ żona amministrattiva partikolari. Dan tipikament jirriżulta f’ħaddiema li ma jkunux fil-pussess tar-reġistrazzjoni tar-residenza lokali, u jsibu ruħhom f’pożizzjoni ta’ impjieg vulnerabbli u li jirċievu introjtu aktar baxx mid-detenturi tar-reġistrazzjoni tar-residenza (59). Dawk is-sejbiet iwasslu għad-distorsjoni tal-kostijiet tal-pagi fiċ-Ċina.

(83)

Ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza li turi li s-settur tal-fibri kimiċi, inklużi l-produtturi tal-HTYP, ma huwiex soġġett għas-sistema Ċiniża dwar il-liġi tax-xogħol deskritta. Għalhekk, is-settur tal-fibri kimiċi huwa affettwat mid-distorsjonijiet tal-kostijiet tal-paga kemm direttament (fil-produzzjoni tal-prodott soġġett għal rieżami jew tal-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tiegħu) kif ukoll indirettament (f’termini ta’ aċċess għall-kapital jew għal inputs minn kumpaniji soġġetti għall-istess sistema tax-xogħol fiċ-Ċina).

3.4.4.1.8.   Distorsjonijiet sinifikanti skont is-sitt inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: l-aċċess għall-finanzi mogħti minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat

(84)

L-aċċess għall-kapital għal atturi korporattivi fiċ-Ċina huwa soġġett għal diversi distorsjonijiet.

(85)

L-ewwel nett, is-sistema finanzjarja Ċiniża hija kkaratterizzata mill-pożizzjoni b’saħħitha tal-banek tal-Istat (60), li, meta jagħtu aċċess għal finanzjament, iqisu kriterji oħrajn għajr il-vijabbiltà ekonomika ta’ proġett. B’mod simili għall-SOEs mhux finanzjarji, il-banek jibqgħu marbutin mal-Istat mhux biss permezz tas-sjieda iżda wkoll permezz ta’ relazzjonijiet personali (l-ogħla eżekuttivi tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat fl-aħħar mill-aħħar jinħatru mis-CCP) (61) u, għal darb’oħra bħal fil-każ tal-SOEs mhux finanzjarji, il-banek jimplimentaw b’mod regolari politiki pubbliċi mfassla mill-GTĊ. Meta jagħmlu dan, il-banek jikkonformaw ma’ obbligu legali espliċitu li jmexxu n-negozju tagħhom f’konformità mal-ħtiġijiet tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali nazzjonali u skont il-gwida tal-politiki industrijali tal-Istat (62). Dan jiġi amplifikat permezz ta’ regoli eżistenti addizzjonali, li jidderieġu l-finanzi lejn setturi magħżula mill-gvern bħala mħeġġa jew li b’xi mod ieħor huma importanti (63).

(86)

Filwaqt li huwa rikonoxxut li diversi dispożizzjonijiet legali jirreferu għall-ħtieġa li jiġu rrispettati l-imġiba bankarja normali u r-regoli prudenzjali bħall-ħtieġa li tiġi eżaminata l-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju, l-evidenza massiva, inklużi s-sejbiet li saru fl-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ, tissuġġerixxi li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom biss rwol sekondarju fl-applikazzjoni tad-diversi strumenti legali.

(87)

Pereżempju, il-GTĊ iċċara li anke d-deċiżjonijiet bankarji kummerċjali privati jridu jiġu ssorveljati mis-CCP u jibqgħu konformi mal-politiki nazzjonali. Wieħed mit-tliet għanijiet ġenerali tal-Istat fir-rigward tal-governanza bankarja issa huwa li tissaħħaħ it-tmexxija tal-Partit fis-settur bankarju u tal-assigurazzjoni, inkluż fir-rigward ta’ kwistjonijiet operazzjonali u ta’ ġestjoni (64). Barra minn hekk, il-kriterji tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-banek kummerċjali issa għandhom iqisu, b’mod partikolari, kif l-entitajiet “jaqdu l-objettivi ta’ żvilupp nazzjonali u l-ekonomija reali”, u b’mod partikolari kif “jaqdu l-industriji strateġiċi u emerġenti” (65).

(88)

B’mod speċifiku fis-settur tal-fibri kimiċi, il-prijoritizzazzjoni tas-setturi fuq kriterji relatati mal-politiki industrijali aktar milli mal-affidabbiltà kreditizja ta’ proġett partikolari hija evidenti minn numru ta’ dokumenti ta’ politika, bħall-14-il FYP tal-Provinċja ta’ Shandong dwar l-iżvilupp tal-industrija tal-kimika li jipprevedi dan li ġej fir-rigward tal-industrija tal-kimika (66):

 

Żieda fl-appoġġ finanzjarju. It-tisħiħ tal-inċentivi tal-politika fiskali, l-iżgurar tal-involviment ġenerali ta’ fondi speċjali, l-appoġġ lill-intrapriżi kimiċi sabiex jaċċelleraw it-trasformazzjoni teknoloġika, it-trasformazzjoni intelliġenti, it-trasferiment tal-industrija, ir-rilokazzjoni f’parks, l-eliminazzjoni ta’ kapaċitajiet obsoleti, eċċ., u l-implimentazzjoni ta’ politiki bħall-eżenzjoni mit-taxxa għal tagħmir tekniku ewlieni importat, krediti u rifużjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tnaqqis addizzjonali tal-ispejjeż tar-riċerka u tal-iżvilupp, u kumpens tal-assigurazzjoni għall-ewwel (sett) ta’ tagħmir tekniku. L-iggwidar b’mod attiv ta’ kull tip ta’ istituzzjoni finanzjarja u ta’ kapital soċjali għall-investiment fl-industrija kimika, l-għoti ta’ lok għall-vantaġġi tal-finanzjament ibbażat fuq il-politika, tal-finanzjament tal-iżvilupp u tal-finanzjament kummerċjali, u ż-żieda tal-appoġġ finanzjarju għall-oqsma ewlenin tal-industrija u tat-teknoloġija kimiċi (67).

(89)

B’mod simili, taħt l-14-il FYP dwar l-iżvilupp ta’ livell għoli tal-industrija tal-kimika (68) tal-provinċja ta’ Jiangsu, l-awtoritajiet lokali huma obbligati “[j]agħtu lok bis-sħiħ għar-rwol ta’ gwida tal-fondi ta’ investiment tal-gvern, jespandu b’mod flessibbli l-kanali ta’ finanzjament u jiggwidaw l-investimenti tal-kapital soċjali.” (69)

(90)

Imbagħad, dawn il-politiki ta’ appoġġ finanzjarju għall-industriji strateġiċi jiġu implimentati fil-livell tal-kumpaniji, kif muri pereżempju mill-ftehim bejn il-Bank taċ-Ċina u Guxiandao dwar il-bini tal-Partit. Kif spjegat fuq il-paġna web tal-kumpanija, il-ftehim dwar il-bini tal-Partit, li skont dan Guxiandao u l-fergħa lokali tal-Bank taċ-Ċina “jkomplu japprofondixxu l-kooperazzjoni u jwettqu l-integrazzjoni profonda tal-ħidma tal-bini tal-partit mal-iżvilupp tan-negozju” jirrappreżenta biss l-ewwel stadju, li għandu jiġi segwit mill-Bank taċ-Ċina “li jkompli jżid l-estensjoni tal-kreditu lil [Guxiandao] filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet reali tal-intrapriża[…], sabiex ikompli jiżdied il-volum ta’ saldu internazzjonali” li, min-naħa tiegħu „[…] jiżgura żvilupp tan-negozju ġdid taħt it-tmexxija tal-bini tal-partit” (70).

(91)

Barra minn hekk, il-klassifikazzjonijiet tal-bonds u tal-kreditu ta’ spiss ikunu soġġetti għal distorsjoni għal diversi raġunijiet, inkluż il-fatt li l-valutazzjoni tar-riskju tiġi influwenzata mill-importanza strateġika tad-ditta għall-GTĊ u mis-saħħa ta’ kull garanzija impliċita mill-gvern. L-estimi jissuġġerixxu bil-qawwa li l-klassifikazzjonijiet ta’ kreditu Ċiniżi jikkorrispondu b’mod sistematiku ma’ klassifikazzjonijiet internazzjonali aktar baxxi (71).

(92)

Dan jiġi amplifikat permezz ta’ regoli eżistenti addizzjonali, li jidderieġu l-finanzi lejn setturi magħżula mill-gvern bħala mħeġġa jew li b’xi mod ieħor huma importanti (72). Dan jirriżulta f’tendenza favur li jingħata self lill-SOEs, lil ditti privati kbar u b’konnessjonijiet tajbin u lil ditti f’setturi industrijali ewlenin, u dan jimplika li d-disponibbiltà u l-kost tal-kapital ma humiex ugwali għall-atturi kollha fis-suq.

(93)

It-tieni, il-kostijiet tas-self inżammu baxxi b’mod artifiċjali sabiex jiġi stimolat it-tkabbir tal-investiment. Dan wassal għall-użu eċċessiv tal-investiment kapitali b’redditi dejjem aktar baxxi fuq l-investiment. Dan huwa muri mit-tkabbir fl-ingranaġġ korporattiv fis-settur tal-Istat minkejja tnaqqis qawwi fil-profittabilità, li jissuġġerixxi li l-mekkaniżmi operati fis-sistema bankarja ma jsegwux risponsi kummerċjali normali.

(94)

It-tielet, għalkemm il-liberalizzazzjoni tar-rata tal-imgħax nominali nkisbet f’Ottubru 2015, is-sinjali tal-prezzijiet għadhom mhux ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles, iżda huma influwenzati minn distorsjonijiet ikkawżati mill-gvern. Is-sehem ta’ self fir-rata normattiva tal-imgħax jew taħtha għadu jirrappreżenta mill-anqas terz tas-self kollu sa mill-aħħar tal-2018 (73). Il-media uffiċjali fiċ-Ċina dan l-aħħar irrapportat li s-CCP talab “li titbaxxa r-rata tal-imgħax tas-suq tas-self.” (74) Rati tal-imgħax baxxi b’mod artifiċjali jirriżultaw fi twaqqigħ tal-prezzijiet, u konsegwentement, fl-użu eċċessiv tal-kapital.

(95)

It-tkabbir kumplessiv tal-kreditu fiċ-Ċina jindika deterjorament fl-effiċjenza tal-allokazzjoni tal-kapital mingħajr l-ebda sinjal ta’ ssikkar tal-kreditu li jkun mistenni f’ambjent tas-suq mingħajr distorsjoni. B’riżultat ta’ dan, is-self improduttiv żdied b’mod rapidu, bil-GTĊ li għażel numru ta’ drabi li jew jevita l-inadempjenzi, sabiex b’hekk inħolqu l-hekk imsejħin kumpaniji “żombi”, jew li jittrasferixxi s-sjieda tad-dejn (eż. permezz ta’ fużjonijiet jew ta’ skambju ta’ dejn ma’ ekwità), mingħajr ma neċessarjament jelimina l-problema ġenerali tad-dejn jew jindirizza l-kawżi ewlenin tagħha.

(96)

Essenzjalment, minkejja l-passi li ttieħdu sabiex is-suq jiġi liberalizzat, is-sistema tal-kreditu korporattiv fiċ-Ċina hija affettwata minn distorsjonijiet sinifikanti bħala riżultat tar-rwol pervażiv kontinwu tal-Istat fis-swieq kapitali. Għalhekk, l-intervent sostanzjali tal-gvern fis-sistema finanzjarja jwassal biex il-kundizzjonijiet tas-suq jiġu affettwati b’mod serju fil-livelli kollha.

3.4.4.1.9.   In-natura sistemika tad-distorsjonijiet deskritti

(97)

Il-Kummissjoni nnotat li d-distorsjonijiet deskritti fir-Rapport huma karatteristika tal-ekonomija Ċiniża. L-evidenza disponibbli turi li l-fatti u l-karatteristiċi tas-sistema Ċiniża kif deskritti hawn fuq fit-Taqsimiet 3.4.4.1.1 - 3.4.4.1.5 kif ukoll fil-Parti I tar-Rapport japplikaw fil-pajjiż kollu u fis-setturi kollha tal-ekonomija. L-istess japplika għad-deskrizzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni kif stabbilit hawn fuq fit-Taqsimiet 3.4.4.1.6-3.4.4.1.8 u fil-Parti II tar-Rapport.

(98)

Il-Kummissjoni tfakkar li sabiex jiġu prodotti l-HTYP, hemm bżonn firxa ta’ inputs. Meta l-produtturi tat-HTYP jixtru/jikkuntrattaw dawn l-inputs, il-prezzijiet li jħallsu (u li jiġu rreġistrati bħala l-kostijiet tagħhom) huma esposti b’mod ċar għall-istess distorsjonijiet sistemiċi msemmija qabel. Pereżempju, il-fornituri tal-inputs jimpjegaw manodopera li tkun soġġetta għad-distorsjonijiet. Huma jistgħu jissellfu flus li huma soġġetti għad-distorsjonijiet fis-settur finanzjarju/l-allokazzjoni tal-kapital. Barra minn hekk, huma soġġetti għas-sistema ta’ ppjanar li tapplika fil-livelli kollha tal-gvern u tas-setturi.

(99)

B’konsegwenza ta’ dan, mhux biss il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku tat-HTYP ma humiex xierqa għall-użu fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, iżda l-kostijiet tal-inputs kollha (inklużi l-materja prima, l-enerġija, l-art, il-finanzjament, il-manodopera, eċċ.) huma wkoll affettwati minħabba li l-formazzjoni tal-prezzijiet tagħhom hija affettwata minn intervent sostanzjali min-naħa tal-gvern, kif deskritt fil-Partijiet I u II tar-Rapport. Tabilħaqq, l-interventi tal-gvern deskritti fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapital, tal-art, tal-manodopera, tal-enerġija u tal-materja prima huma preżenti fiċ-Ċina kollha kemm hi. Dan ifisser, pereżempju, li input li minnu nnifsu kien immanifatturat fiċ-Ċina permezz tal-kombinament ta’ firxa ta’ fatturi ta’ produzzjoni huwa espost għal distorsjonijiet sinifikanti. L-istess japplika għall-input lejn l-input u l-bqija. F’din l-investigazzjoni, la l-GTĊ u lanqas il-produtturi esportaturi ma ppreżentaw xi evidenza jew argument li juru l-kuntrarju.

3.4.4.1.10.   Konklużjoni

(100)

L-analiżi stabbilita fit-Taqsimiet 3.4.4.1.2. sa 3.4.4.1.9., li tinkludi eżami tal-evidenza kollha disponibbli relatata mal-intervent taċ-Ċina fl-ekonomija tagħha b’mod ġenerali, kif ukoll fis-settur tal-fibri kimiċi (inkluż il-prodott soġġett għal rieżami) uriet li l-prezzijiet jew il-kostijiet tal-prodott soġġett għal rieżami, inklużi l-kostijiet tal-materja prima, tal-enerġija u tal-manodopera, ma humiex ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles, minħabba li huma affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku kif muri mill-impatt reali jew potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi rilevanti elenkati fih. Abbażi ta’ dan, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni mill-GTĊ, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi biex jiġi stabbilit il-valur normali f’dan il-każ.

(101)

Konsegwentement, il-Kummissjoni pproċediet biex taħdem il-valur normali esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u l-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, abbażi tal-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u l-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, kif diskuss fit-taqsima li ġejja.

3.4.4.2.   Pajjiż rappreżentattiv

3.4.4.2.1.   Kummenti ġenerali

(102)

L-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv kienet ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin, skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku:

Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għaċ-Ċina. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni użat pajjiżi b’introjtu nazzjonali gross per capita simili għaċ-Ċina fuq il-bażi tal-bażi tad-data tal-Bank Dinji (75);

Il-produzzjoni tal-prodott soġġett għal rieżami f’dak il-pajjiż (76);

Disponibbiltà tad-data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv.

F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż rappreżentattiv wieħed possibbli, jenħtieġ li tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiż li jkollu livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

(103)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv xieraq tista’ tinġabar fil-qosor kif ġej.

3.4.4.2.2.   Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għal dak taċ-Ċina u l-produzzjoni tal-prodott soġġett għal rieżami

(104)

Fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-Bank Dinji kklassifika l-pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħaċ-Ċina bħala pajjiżi b’“introjtu medju superjuri” fuq bażi tal-introjtu nazzjonali gross. Fl-Ewwel Nota, produzzjoni mdaqqsa tal-prodott soġġett għal rieżami nstabet li teżisti biss f’ħamsa minn dawn il-pajjiżi, jiġifieri l-Belarussja, il-Brażil, il-Messiku, it-Tajlandja u t-Turkija.

(105)

Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-Belarussja ma hijiex membru tad-WTO u ma hijiex ekonomija tas-suq, l-imsemmi pajjiż ma ġiex eżaminat ulterjorment bħala pajjiż rappreżentattiv potenzjali.

(106)

Għalhekk, il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall il-Brażil, il-Messiku, it-Tajlandja u t-Turkija bħala pajjiżi rappreżentattivi potenzjali.

3.4.4.2.3.   Disponibbiltà ta’ data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv

(107)

Għall-pajjiżi kkunsidrati u msemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni vverifikat ulterjorment id-disponibbiltà ta’ data pubblika, inkluża data dwar l-importazzjonijiet tal-fatturi ta’ produzzjoni kif ukoll tad-data finanzjarja mill-produtturi tal-prodott soġġett għal rieżami fil-pajjiżi rappreżentattivi potenzjali.

(108)

L-analiżi tal-importazzjonijiet tal-fatturi ta’ produzzjoni ewlenin uriet li t-Turkija kienet timporta b’mod ġenerali volumi aktar sinifikanti u rappreżentattivi mingħajr distorsjoni tal-inputs ewlenin għall-produzzjoni tal-HTYP (jiġifieri ċipep tal-PTA, tal-MEG u tal-Polietilentereftalat (“PET”)) meta mqabbla mal-Brażil, mal-Messiku jew mat-Tajlandja.

(109)

L-analiżi wriet ukoll li l-importazzjonijiet Torok ma kinux affettwati materjalment mill-importazzjonijiet miċ-Ċina jew minn xi wieħed mill-pajjiżi elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (77). Barra minn hekk, il-produzzjoni tal-HTYP hija sinifikanti fit-Turkija u ma teżisti l-ebda distorsjoni kummerċjali partikolari fuq il-fatturi ta’ produzzjoni u lanqas fuq l-HTYP fil-pajjiż. Barra minn hekk, data dettaljata u rappreżentattiva biżżejjed dwar il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-inputs materjali hija disponibbli faċilment fil-Global Trade Atlas (“GTA”) għat-Turkija.

(110)

Fir-rigward tal-produtturi fil-pajjiżi rappreżentattivi u d-disponibbiltà tad-data tagħhom, il-Kummissjoni identifikat produttur tal-HTYP, KORDSA TEKNIK TEKSTIL A.S. (“Kordsa t-Turkija”) li għalih huma disponibbli riżultati finanzjarji konsolidati għall-2021. Min-naħa l-oħra, id-data finanzjarja għall-kumpaniji mill-Brażil (KORDSA BRASIL S.A.), mill-Messiku (Monosuisse, Performance Fibers Mexico Operations u Akra Polyester SA DE CV) u mit-Tajlandja (THAI TORAY SYNTHETICS CO LTD u TEIJIN POLYESTER (THAILAND) CO LTD.) li jipproduċu HTYP ma hijiex faċilment disponibbli għall-perjodu sħiħ ta’ investigazzjoni u ma hijiex kompletament konformi mal-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju (għall-produtturi mit-Tajlandja).

(111)

Huwa osservat li l-produttur Kordsa t-Turkija ma jipproduċix biss HTYP, iżda madwar 86 % tad-dħul tiegħu għall-2021 kienu fis-segment li jkopri HTYP (78). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li jekk ma tkun disponibbli faċilment l-ebda informazzjoni finanzjarja speċifikament u tkun disponibbli biss fir-rigward tal-prodott soġġett għal rieżami (li kważi dejjem huwa l-każ), il-Kummissjoni tfittex l-eqreb indikatur disponibbli faċilment, inkluża informazzjoni konsolidata tal-produttur(i) attiv(i) fost l-oħrajn fin-negozju li jkopri l-prodott soġġett għal rieżami. Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkostanzi, l-SG&A konsolidati u l-profitt identifikati għal Kordsa t-Turkija huma meqjusin bħala rappreżentattivi biżżejjed sabiex jiġu applikati għall-finijiet ta’ din l-investigazzjonijiet.

(112)

Għalhekk, fid-dawl tad-disponibbiltà pubblika tar-rapport annwali sħiħ u komprensiv ta’ Kordsa t-Turkija għall-2021 (79), il-Kummissjoni rrikorriet għall-użu tal-informazzjoni inkluża fih.

3.4.4.2.4.   Livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali

(113)

Wara li ġie stabbilit li t-Turkija kienet pajjiż rappreżentattiv xieraq, abbażi tal-elementi kollha msemmija hawn fuq, ma kienx hemm bżonn li titwettaq valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali f’konformità mal- aħħar sentenza tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

3.4.4.2.5.   Konklużjoni

(114)

Fid-dawl tal-analiżi ta’ hawn fuq, it-Turkija ssodisfat il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż, tar-Regolament bażiku sabiex titqies bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq.

3.4.5.    Marġni tad-dumping

(115)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, u għalhekk fin-nuqqas ta’ informazzjoni speċifika dwar il-prezzijiet miċ-Ċina, il-marġni tad-dumping ġie ddeterminat fuq il-bażi tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(116)

Sabiex tikkalkola l-marġni tad-dumping, il-Kummissjoni ġeneralment tibni l-valur normali billi timmoltiplika l-volumi tal-konsum għal kull fattur ta’ produzzjoni (kif ipprovdut mill-applikant) bil-kostijiet mingħajr distorsjoni għal kull unità stabbiliti fit-Turkija, kif deskritti fit-Taqsima 4.5.4, filwaqt li tapplika b’mod ulterjuri l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura għall-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura (ara t-Taqsima 4.5.9) u l-SG&A u l-profitt stabbiliti għat-Turkija (ara t-Taqsima 4.5.8). Barra minn hekk, il-prezz tal-esportazzjoni jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-istatistika dwar l-importazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

(117)

Madankollu, minflok ma bbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-applikant u/jew fuq l-istatistika tal-importazzjoni f’dan il-każ, fid-dawl tal-investigazzjoni ta’ rieżami interim (b’livell għoli ta’ kooperazzjoni li jkopri parti sinifikanti tal-importazzjonijiet tal-Unjonil-HTYP) (80), il-Kummissjoni qagħdet fuq l-eżitu ppubblikat tal-investigazzjoni tar-rieżami interim u l-marġnijiet tad-dumping stabbiliti fiha (ara l-premessa (356)).

(118)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet tad-dumping medji ponderati espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, kienu fil-firxa bejn 9,7 % u 23,7 %. Għalhekk ġie konkluż li d-dumping tkompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

3.5.   Probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping

(119)

F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx probabbli li d-dumping stabbilit fuq il-bażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku jkompli jekk il-miżuri jiskadu.

(120)

Għal dak l-għan, ġew ikkunsidrati l-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fiċ-Ċina, l-imġiba tal-esportaturi Ċiniżi fi swieq oħrajn, is-sitwazzjoni fis-suq domestiku taċ-Ċina u l-attrattività tas-suq tal-Unjoni.

3.5.1.    Kapaċità tal-produzzjoni u kapaċità ta’ riżerva fiċ-Ċina

(121)

Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fir-rieżami ta’ skadenza, il-kapaċità ta’ riżerva fiċ-Ċina ġiet iddeterminata prinċipalment fuq il-bażi tal-informazzjoni statistika disponibbli għall-pubbliku (informazzjoni estratta mill-Eurostat), fuq it-talba għal rieżami ta’ skadenza, fuq talba għal rieżami interim u fuq rapport tal-industrija indipendenti maħruġ minn ditta ta’ riċerka u ta’ konsulenza globali rikonoxxuta ferm (81) (minn hawn ’il quddiem “Wood Mac”) attiva, fost l-oħrajn, fis-settur kimiku. L-affidabbiltà taċ-ċifri pprovduti fir-rapport ta’ Wood Mac dwar l-industrija ġiet ivverifikata u l-akkuratezza tagħhom ġiet ikkonfermata fil-biċċa l-kbira tas-sejbiet mill-investigazzjoni preċedenti tar-rieżami ta’ skadenza tal-HTYP (82) (“rieżami ta’ skadenza tal-2017”).

(122)

Il-Kummissjoni wettqet kalkolu dettaljat tal-kapaċità ta’ riżerva, filwaqt li qieset il-kapaċità tal-produzzjoni tal-produtturi Ċiniżi soġġetti għal miżuri, il-volumi tal-produzzjoni tagħhom, l-esportazzjonijiet tagħhom lejn pajjiżi oħra u l-konsum domestiku.

(123)

Filwaqt li fl-2018, il-kapaċità tal-produzzjoni kienet ta’ madwar [2 126 000 – 2 716 000] tunnellata (konsistenti mal-kapaċità fl-2015 kif deskritta fir-rieżami ta’ skadenza tal-2017), din żdiedet għal [2 508 000 – 3 205 000] tunnellata fil-PIR. Fil-fatt, il-kapaċità tal-HTYP tal-produtturi Ċiniżi soġġetti għal miżuri fil-PIR qabżet il-konsum dinji tal-HTYP fl-istess perjodu. Madankollu, tali żieda qawwija fil-kapaċità tal-produzzjoni hija marbuta ma’ produzzjoni staġnata, li varjat għal madwar [1 187 000 – 1 746 000] tunnellata fil-perjodu 2018-2021, bil-volum tal-produzzjoni li kien komparabbli mal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami mir-rieżami ta’ skadenza tal-2017. Fl-istess żmien, il-konsum domestiku fil-perjodu 2018-PIR kien stabbli, f’madwar [1 048 000 –1 566 000] tunnellata, u kien qiegħed jiċċaqlaq fl-istess firxa bħal fl-2015.

(124)

Fir-rigward tal-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-HTYP, fid-dawl tal-istatistika Ċiniża dwar l-esportazzjoni, l-esportazzjonijiet żdiedu minn 458 246 tunnellata fl-2018 għal 514 141 tunnellata fil-PIR. Meta mqabbla maż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni, din iż-żieda żgħira kellha effett negliġibbli, jekk kien hemm xi effett, fuq il-kapaċità ta’ assorbiment tal-kapaċità tal-produzzjoni enormi taċ-Ċina.

(125)

B’riżultat ta’ dan, il-livelli ta’ staġnar ta’ konsum u ta’ produzzjoni domestiċi fiċ-Ċina u t-tkabbir modest fl-esportazzjonijiet flimkien ma’ żieda qawwija fil-kapaċità tal-produzzjoni wasslu għal żieda fil-kapaċitajiet ta’ riżerva diġà enormi tal-produtturi Ċiniżi tal-HTYP.

(126)

B’mod aktar speċifiku u f’termini ta’ daqs, il-kapaċità ta’ riżerva tal-produtturi Ċiniżi tal-HTYP soġġetti għall-miżuri kienet ta’ bejn [1,3 – 1,5] miljun tunnellata fil-PIR, li tikkorrispondi għal madwar sitt darbiet il-konsum tal-HTYP tal-Unjoni fl-2021 u madwar 12-il darba l-volumi tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni.

(127)

Barra minn hekk, il-kapaċità tal-produzzjoni hija proġettata li se tinżamm fil-perjodu ta’ wara l-2021 sal-2025, u tibqa’ ta’ [2 508 000-3 210 000] tunnellata.

(128)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, meta mqabblin mad-daqs tas-suq tal-Unjoni, il-produtturi Ċiniżi għandhom kapaċità żejda kbira, li x’aktarx ma tiġix assorbita mill-konsum domestiku jew mill-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi oħrajn. Anke jekk sehem biss minn dawn il-kapaċitajiet jiġi orjentat bis-sħiħ lejn is-suq tal-Unjoni, jiġu esportati volumi sinifikanti lejn l-Unjoni.

3.5.2.    Attrattività tas-suq tal-Unjoni

(129)

Is-suq tal-Unjoni ġie kkunsidrat b’mod konsistenti miċ-Ċina fost l-aktar swieq tal-esportazzjoni attraenti, u jirrappreżenta l-ewwel destinazzjoni tal-esportazzjoni fil-PIR, irrispettivament minn jekk l-esportazzjonijiet humiex soġġetti għall-miżuri fis-seħħ bħalissa. Mhux biss l-esportazzjonijiet Ċiniżi (soġġetti għal miżuri) lejn l-Unjoni kienu kontinwament għoljin bejn l-2018 u l-PIR, u b’kollox jammontaw għal aktar minn 25 % tas-sehem mis-suq fl-Unjoni; fil-fatt, kważi rduppjaw għall-esportazzjonijiet Ċiniżi soġġetti għal miżuri bejn il-PIR tal-investigazzjoni oriġinali u l-2021. Barra minn hekk, fuq l-iskala globali, il-bejgħ fl-Unjoni kien jirrappreżenta wkoll kważi 25 % (83) tal-esportazzjonijiet Ċiniżi totali tal-HTYP.

(130)

Meta wieħed iqis individwalment il-prezzijiet f’destinazzjonijiet kbar tal-esportazzjoni għall-HTYP Ċiniżi, il-produtturi Ċiniżi naqqsu l-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom lejn l-Unjoni b’aktar minn 13 % sabiex iżommu l-volum tal-esportazzjoni tagħhom stabbli fil-perjodu 2018-PIR. Mill-istatistika jirriżulta wkoll li, filwaqt li l-prezz fl-Istati Uniti (it-tieni l-akbar suq tal-esportazzjoni fil-PIR) kien f’livell simili mal-prezzijiet tal-Unjoni, il-prezz fis-suq tal-Korea kien madwar 10 % anqas mill-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Fl-istess ħin, il-kwantitajiet tal-esportazzjoni lejn il-Korea żdiedu b’aktar minn 50 % fil-perjodu 2018-2021. Tali mġiba hija manifestazzjoni ta’ politiki ta’ pprezzar aggressiv fis-swieq tal-esportazzjoni segwiti bl-objettiv li jiżdied l-użu tal-kapaċità.

(131)

Barra minn hekk, fl-2018, l-Indja, li kienet ir-raba’ l-akbar suq tal-esportazzjoni għal-HTYP Ċiniżi matul il-PIR, imponiet dazju anti-dumping (li għadu fis-seħħ) fuq l-importazzjonijiet tal-HTYP miċ-Ċina (84). Dawn il-miżuri ta’ rimedju kummerċjali fi swieq tal-esportazzjoni oħrajn ikomplu jżidu l-attrattività tas-suq tal-Unjoni u jinċentivaw lill-produtturi esportaturi Ċiniżi sabiex jimmiraw l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni, li kieku l-miżuri anti-dumping fl-Unjoni jitħallew jiskadu.

(132)

Barra minn hekk, żewġ atturi ewlenin Ċiniżi tal-industrija tal-HTYP (85), il-kumpaniji Fujian Billion Polymerization Fiber Technology Industrial Co., Ltd. u Zhejiang Sanwei Material Technology Co., Ltd. talbu u ngħataw trattament ta’ produttur esportatur ġdid mill-Kummissjoni f’Ġunju 2022 (86), li jkompli juri kemm huwa attraenti s-suq tal-Unjoni għall-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(133)

Għalhekk, huwa probabbli li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-produtturi esportaturi Ċiniżi jibqgħu jinvolvu rwieħhom fi prattiki ta’ pprezzar aggressivi, sabiex iżidu s-sehem mis-suq (diġà għoli) tagħhom fl-Unjoni u jidderieġu l-kapaċità żejda sinifikanti tagħhom lejn is-suq tal-Unjoni.

3.6.   Konklużjoni dwar id-dumping u l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping

(134)

L-investigazzjoni wriet li l-produtturi Ċiniżi tal-HTYP kienu qegħdin jagħmlu dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(135)

Ġie stabbilit ukoll, b’mod konsistenti mar-rieżami ta’ skadenza tal-2017 li fiċ-Ċina teżisti kapaċità ta’ riżerva kbira meta mqabbla mad-daqs tas-suq tal-Unjoni.

(136)

Barra minn hekk, minħabba l-konsum staġnat fis-suq Ċiniż u l-attraenza kbira dejjiema tas-suq tal-Unjoni għall-produtturi esportaturi Ċiniżi, huwa probabbli li l-produtturi Ċiniżi tal-HTYP jibqgħu jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi kwantitajiet dejjem akbar tal-HTYP bi prezzijiet oġġett ta’ dumping, fin-nuqqas tal-miżuri.

(137)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping jekk jiskadu l-miżuri.

3.7.   Dannu

3.7.1.    Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(138)

Il-prodott simili kien immanifatturat minn sitt produtturi fl-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Huma jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(139)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kienet stabbilita għal madwar 117 000 tunnellata. Il-Kummissjoni stabbiliet iċ-ċifra fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-industrija tal-Unjoni, bħaċ-ċifri pprovduti mill-produtturi tal-Unjoni. Kif indikat fil-premessa (24), intgħażlu tliet produtturi tal-Unjoni fil-kampjun li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili.

3.7.2.    Konsum tal-Unjoni

(140)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni fuq il-bażi tal-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, flimkien mal-volum tal-importazzjonijiet kollha tal-HTYP. Minħabba li l-importazzjonijiet tal-HTYP miċ-Ċina kienu soġġetti għal miżuri matul il-perjodu kkunsidrat, il-Kummissjoni użat l-istatistika miġbura skont l-Artikolu 14(6) (87) tar-Regolament bażiku (“il-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6)”) sabiex tistabbilixxi l-volum u l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet minn dan il-pajjiż matul il-perjodu kkunsidrat, peress li kien fiha biżżejjed informazzjoni ddettaljata fil-livell ta’ kodiċi TARIC b’10 ċifri u b’kodiċijiet addizzjonali TARIC għal kull kumpanija.

(141)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Konsum tal-Unjoni (tunnellati)

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Rieżami

Konsum totali tal-Unjoni

244 112

228 168

208 516

253 039

Indiċi

100

93

85

104

Suq kaptiv

16 046

13 911

16 563

22 322

Indiċi

100

87

103

139

Suq ħieles

228 065

214 256

191 953

230 717

Indiċi

100

94

84

101

Sors:

Data verifikata pprovduta mill-industrija tal-Unjoni u tweġibiet għall-kwestjonarju verifikati mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, il-Eurostat u l-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6).

(142)

Il-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni fil-perjodu kkunsidrat l-ewwel naqas b’6 punti perċentwali mill-2018 sal-2019, segwit minn tnaqqis qawwi ta’ 10 punti perċentwali minħabba l-Covid fl-2020. Madankollu, il-konsum imbagħad irkupra u fil-PIR kien punt perċentwali ogħla milli kien fl-2018.

3.7.2.1.   Volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(143)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet kif ukoll is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet abbażi tal-istatistika dwar l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat tal-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6) li tipprovdi data għal kull kodiċi TARIC b’10 ċifri u għal kull produttur esportatur (kodiċi addizzjonali TARIC).

(144)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej għall-esportaturi li bħalissa huma soġġetti għal dazji:

Tabella 2

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati) u sehem mis-suq

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Rieżami

Volum tal-importazzjonijiet mill-esportaturi li bħalissa huma soġġetti għal dazji (tunnellati)

[58 000 -63 000 ] (88)

[59 000 - 64 000 ]

[58 000 - 63 000 ]

[69 000 - 74 000 ]

Indiċi

100

101

99

117

Sehem mis-suq

[25  % -30  %]

[27  % -32  %]

[30  % -35  %]

[29  % -34  %]

Indiċi

100

107

118

115

Sors:

Bażi tad-data tal-Artikolu 14(6).

(145)

L-esportaturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji taħt rieżami żiedu l-volum tal-esportazzjoni tagħhom matul il-perjodu kkunsidrat bi 17 %. It-tnaqqis temporanju fil-volum tal-esportazzjoni fl-2020 huwa marbut mal-konsum aktar baxx f’dik is-sena. Madankollu, dawn l-esportaturi rnexxielhom jestendu ulterjorment is-sehem mis-suq tagħhom matul il-perjodu kkonċernat b’4 punti perċentwali. It-tnaqqis żgħir fis-sehem mis-suq mill-2020 sal-PIR jista’ jiġi spjegat min-nuqqas ta’ kontejners tat-trasport għat-trasport miċ-Ċina u ż-żieda qawwija konnessa fil-kostijiet tat-trasport għal dan it-trasport.

3.7.2.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati: twaqqigħ tal-prezz u soppressjoni tal-prezz

(146)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi tal-istatistika dwar l-importazzjonijiet tal-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6). It-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet ġie stabbilit fuq il-bażi tat-tqabbil taċ-ċifri fil-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6) mal-prezzijiet verifikati tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(147)

Il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppa kif ġej għall-esportaturi li bħalissa huma soġġetti għal dazji kif ukoll b’kollox għall-esportaturi kollha:

Tabella 3

Prezzijiet tal-importazzjonijiet (EUR/tunnellata)

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Rieżami

Iċ-Ċina (esportaturi bħalissa soġġetti għal dazji)

1 655

1 531

1 195

1 440

Indiċi

100

92

72

87

Sors:

Bażi tad-data tal-Artikolu 14(6).

(148)

Il-prezz tal-importazzjoni tal-esportaturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għal dazji kien volatili, u naqas bi 28 % għal prezz ta’ EUR 1 195/tunnellata fl-2020 u mbagħad żdied bi 15-il punt perċentwali fil-PIR. Minkejja l-irkupru tal-prezzijiet fil-PIR għal EUR 1 440/tunnellata, dan xorta juri tnaqqis ġenerali ta’ 13 % matul il-perjodu kkunsidrat. Filwaqt li x-xejra ġenerali ta’ tnaqqis fil-prezzijiet hija marbuta mal-istrateġija tal-kisba tal-ishma mis-suq, iż-żieda fil-PIR kienet ikkawżata minn żieda fil-kostijiet tat-trasport u minn domanda għolja fil-PIR.

(149)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-PIR billi qabblet:

(a)

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta’ prodott tat-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun mitlubin lill-klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell tal-prezz mill-fabbrika; u

(b)

il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta’ prodott tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Billi fir-rieżami ta’ skadenza ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni, il-Kummissjoni użat l-aħjar fatti disponibbli. Billi fir-rieżami interim parallel kien hemm kooperazzjoni, il-prezzijiet mill-produtturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun f’dik il-proċedura lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi ta’ Kost, Assigurazzjoni u Nol (CIF) inkluż id-dazju anti-dumping, bl-aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali u għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni, ittieħdu bħala l-fatti disponibbli.

(c)

It-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq bażi ta’ tip b’tip għat-tranżazzjonijiet fl-istess livell ta’ kummerċ, b’aġġustament dovut meta neċessarju, u wara tnaqqis tar-ribassi u tal-iskontijiet. Ir-riżultat tat-tqabbil ġie espress bħala perċentwal tal-fatturat tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Dan wera marġni ta’ tnaqqis medju ponderat ta’ 26 % mill-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, magħmul mill-esportaturi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji, fis-suq tal-Unjoni. Mingħajr id-dazji anti-dumping, it-twaqqigħ tal-prezz kien jammonta għal 29 %.

(150)

Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tgħolli l-prezzijiet tagħha ’l fuq mil-livell tal-kost tal-produzzjoni tagħha minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, li l-prezzijiet tagħhom baqgħu taħt il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kollu kkonċernat

3.7.3.    Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

3.7.3.1.   Kummenti ġenerali

(151)

F’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(152)

Kif imsemmi fil-premessa (24), il-kampjunar intuża għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(153)

Sabiex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi fuq il-bażi tad-data verifikata pprovduta mill-industrija tal-Unjoni u t-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Id-data kienet relatata mal-produtturi kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi abbażi tad-data inkluża fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Id-data kienet relatata mal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(154)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping tal-passat.

(155)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: l-prezzijiet medji tal-bejgħ, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabilità, il-fluss ta’ flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti, u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

3.7.3.2.   Indikaturi makroekonomiċi

3.7.3.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(156)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 4

Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Rieżami

Volum tal-produzzjoni (tunnellati)

104 834

100 373

90 470

116 803

Indiċi

100

96

86

111

Kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati)

128 826

133 544

134 426

133 517

Indiċi

100

104

104

104

Użu tal-kapaċità

81  %

75  %

67  %

87  %

Indiċi

100

92

83

108

Sors:

Data verifikata pprovduta mill-industrija tal-Unjoni u t-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(157)

Il-volum tal-produzzjoni l-ewwel naqas b’14 % mill-2018 sal-2020 u mbagħad żdied b’25 punt perċentwali mill-2020 sal-PIR, li juri żieda ġenerali ta’ 11 % matul il-perjodu kkunsidrat. L-użu tal-kapaċità naqas bi 17 % mill-2018 sal-2020, iżda żdied kumplessivament bi 8 % matul il-perjodu kkunsidrat.

3.7.3.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(158)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq (tunnellati)

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Rieżami

Volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

70 753

64 150

59 880

67 335

Indiċi

100

91

85

95

Sehem mis-suq

31  %

30  %

31  %

29  %

Sors:

Data verifikata pprovduta mill-industrija tal-Unjoni u t-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(159)

Il-volum totali ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni naqas b’5 % matul il-perjodu kkunsidrat. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b’2 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat. Is-sehem mis-suq juri xejra ta’ tnaqqis matul il-perjodu kkunsidrat, interrotta minn xejra ’l fuq fl-2020, li tista’ tiġi spjegata mill-pandemija tal-COVID u min-nuqqas ta’ kontejners fl-2020, li għamlu l-konsenji mill-pajjiżi tal-Asja tal-Lvant aktar diffiċli.

3.7.3.2.3.   Tkabbir

(160)

Bejn l-2018 u l-PIR, il-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni żdied b’1 %. Il-volum ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas b’5 %, li sarraf f’telf ta’ 2 punti perċentwali fis-sehem mis-suq matul il-perjodu kkunsidrat.

3.7.3.2.4.   Impjiegi u produttività

(161)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 6

Impjiegi u produttività

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Rieżami

Għadd ta’ impjegati

1 024

1 014

993

1 034

Indiċi

100

99

97

101

Produttività (tunnellati/impjegat)

102

99

91

113

Indiċi

100

97

89

110

Sors:

Data verifikata pprovduta mill-industrija tal-Unjoni u t-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(162)

Minħabba l-irkupru tad-domanda fil-PIR, l-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni żdiedu b’1 % matul il-perjodu kkunsidrat, minkejja li wrew xejra negattiva mill-2018 sal-2020. Bl-istess mod, il-produttività naqset ukoll mill-2018 sal-2020. Madankollu, għall-perjodu kollu kkunsidrat, il-produttività turi żieda.

3.7.3.2.5.   Kobor tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping fil-passat

(163)

Il-marġinijiet kollha tad-dumping kienu ogħla mil-livell de minimis. L-impatt tad-daqs tal-marġnijiet reali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali, fid-dawl tal-volum u tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-esportaturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji.

(164)

L-ipprezzar inġust kontinwu mill-esportaturi miċ-Ċina, li bħalissa huma soġġetti għad-dazji, għamilha impossibbli wkoll li l-industrija tal-Unjoni tirkupra mill-prattiki ta’ dumping tal-passat. Bi prezz medju ta’ EUR 1 440/tunnellata, il-prezz tagħhom kien ukoll 31 % anqas mill-prezz tal-importazzjoni mill-Korea t’Isfel, 6 % anqas mill-prezz tal-importazzjoni mill-Vjetnam u 21 % anqas mill-prezz tal-importazzjoni mit-Tajwan.

3.7.3.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

3.7.3.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(165)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 7

Prezzijiet tal-bejgħ u kost tal-produzzjoni fl-Unjoni (EUR/tunnellata)

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Rieżami

Prezz medju tal-bejgħ unitarju fl-Unjoni (EUR/tunnellata)

2 042

1 974

1 713

1 957

Indiċi

100

97

84

96

Kost unitarju tal-produzzjoni (EUR/tunnellata)

2 371

2 357

2 039

2 246

Indiċi

100

99

86

95

Sors:

Tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(166)

Il-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni naqas b’16 % mill-2018 għall-2020 u rkupra biss parzjalment 12-il punt perċentwali fil-PIR u laħaq l-EUR 1 957/tunnellata. It-tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ huwa marbut l-aktar mal-pressjoni fuq l-ipprezzar mill-esportazzjonijiet Ċiniżi. Barra minn hekk, fl-2019 u fl-2020, it-tnaqqis globali fir-ritmu ekonomiku kien qiegħed jaffettwa l-prezzijiet tal-materja prima u, bħala konsegwenza, tar-raden tal-poliester industrijali, l-isfel.

(167)

Il-kost tal-produzzjoni żviluppa f’xejra simili, parzjalment minħabba t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-materja prima matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali fl-2019 u fl-2020 u parzjalment minħabba r-razzjonalizzazzjonijiet bħat-tnaqqis tal-persunal matul dawn is-snin. Fl-2019 u fl-2020, il-Kost unitarju naqas b’punt perċentwali u bi 13-il punt perċentwali, rispettivament. Madankollu, il-prezzijiet naqsu b’rata ogħla ta’ 16-il punt perċentwali matul dawn is-sentejn. Dan juri li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tibbenefika minn dan it-tnaqqis fil-kostijiet. Fil-PIR, il-kostijiet unitarji żdiedu b’9 punti perċentwali filwaqt li l-prezz tal-bejgħ żdied bi 12-il punt perċentwali. Madankollu, meta mqabblin mal-bidu tal-perjodu kkunsidrat, il-prezzijiet naqsu kważi bl-istess perċentwal bħall-kostijiet unitarji, u dan juri li l-prezzijiet kienu mrażżnin. L-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tibbenefika mit-tnaqqis fil-kostijiet, ma setgħetx tgħolli l-prezzijiet, u lanqas biss setgħet iżżomm il-prezzijiet fil-livell oriġinali tagħhom.

3.7.3.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(168)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 8

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Rieżami

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

48 153

49 499

46 821

51 680

Indiċi

100

103

97

107

Sors:

Tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(169)

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat baqgħu jiżdiedu bla heda, b’7 %, matul il-perjodu kkunsidrat. Din ix-xejra ġiet interrotta biss fl-2020, parzjalment minħabba r-razzjonalizzazzjonijiet u parzjalment minħabba miżuri speċifiċi għall-pandemija tal-COVID bħal xogħol b’ħinijiet aqsar.

3.7.3.3.3.   Inventarji

(170)

Il-livelli tal-istokks tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 9

Inventarji

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Rieżami

Stokks tal-għeluq (tunnellati)

7 721

8 052

6 510

6 991

Indiċi

100

104

84

91

Stokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni

14  %

16  %

13  %

12  %

Sors:

Tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(171)

Il-livell ta’ stokks tal-għeluq tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun naqas b’9 % matul il-perjodu kkunsidrat. Fil-PIR, il-livell tal-istokks irrappreżenta madwar 12 % tal-produzzjoni tagħhom.

3.7.3.3.4.   Profittabilità, fluss ta’ flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(172)

Il-profittabilità, il-fluss ta’ flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 10

Profittabilità, fluss ta’ flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Rieżami

Profittabilità tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

-10

-15

-17

-8

Indiċi

100

153

174

86

Fluss ta’ flus (EUR)

-8 902 195

-4 318 803

-2 067 021

-5 374 726

Indiċi

100

49

23

60

Investimenti (EUR)

12 926 148

7 405 795

2 087 298

4 495 812

Indiċi

100

57

16

35

Redditu fuq l-investimenti

-4  %

-6  %

-6  %

-4  %

Indiċi

100

158

154

101

Sors:

Tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(173)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ. Il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni kienet negattiva matul il-perjodu kkunsidrat. Bdiet b’-10 % fl-2018 u estendiet it-telf sal-2020 b’-17 %. Fil-PIR, setgħet titjieb ftit għal -8 % minħabba domanda għolja.

(174)

Il-fluss ta’ flus nett huwa l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom stess. Ix-xejra fil-flussi ta’ flus netti kienet negattiva matul il-perjodu kkunsidrat. Filwaqt li tjiebet gradwalment mill-2018 sal-2020, reġgħet naqset fil-PIR. Filwaqt li l-fluss ta’ flus wera titjib ta’ 40 % matul il-perjodu kkunsidrat, dan baqa’ negattiv. Konsegwentement, it-titjib fil-fluss ta’ flus ma jindikax stabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni peress li għadu negattiv.

(175)

L-investimenti naqsu b’65 % matul il-perjodu kkunsidrat. Investimenti relatati mat-titjib fil-konformità fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa, tas-sikurezza u ambjentali, żieda fil-kapaċità u l-effettività tal-impjanti tal-produzzjoni. Filwaqt li fl-2018, l-investimenti f’żieda fil-kapaċità kienu possibbli, fis-snin ta’ wara dawn ma baqgħux possibbli.

(176)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f’perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Ir-redditu fuq l-investiment mill-produzzjoni u mill-bejgħ tal-prodott simili segwa xejra simili bħall-profittabilità. Naqas mill-2018 għall-2020 u mbagħad fil-PIR reġa’ lura għal livell eqreb għal dak tal-2018. Baqa’ negattiv matul il-perjodu kkunsidrat kollu. Konsegwentement, ir-redditu fuq l-investiment jindika sitwazzjoni finanzjarja negattiva tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kollu kkunsidrat.

3.7.4.    Konklużjoni dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(177)

Fuq livell makro, l-investigazzjoni wriet li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma tjibitx u saħansitra ż-żieda fid-domanda fil-PIR ma wasslitx għal aktar bejgħ fis-suq tal-UE milli kien isir fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat. Minkejja l-investimenti f’żieda fil-kapaċità, l-Unjoni lanqas biss kienet kapaċi żżomm is-sehem mis-suq tagħha.

(178)

L-investigazzjoni wriet ukoll li s-sitwazzjoni tal-industrija fuq livell mikro ma kinitx qiegħda tilħaq livell sostenibbli u l-industrija ġarrbet telf fis-snin kollha tal-perjodu kkunsidrat, anke fil-PIR li fih id-domanda kienet irkuprat. Għalhekk, is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kienet qiegħda ġġarrab dannu minkejja l-eżistenza ta’ miżuri anti-dumping fil-livelli kurrenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott soġġett għal rieżami mill-esportaturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji.

(179)

Il-volumi importati tal-esportaturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji matul il-perjodu kkunsidrat żdiedu bi 17 % filwaqt li l-prezz tagħhom kompla jonqos bi 13 %.

(180)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni kompliet iġġarrab dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

3.8.   Kawżalità

3.8.1.    Effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(181)

Matul il-perjodu kollu kkunsidrat, l-esportazzjonijiet tal-esportaturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji rrappreżentaw sehem sostanzjali mill-importazzjonijiet fl-UE. Dawn saħansitra żiedu s-sehem mis-suq tagħhom b’4 punti perċentwali minn 27 % għal 31 %. Il-livell ta’ prezzijiet tal-esportazzjonijiet tagħhom naqas bi 13 % matul il-perjodu kkunsidrat: matul il-PIR, b’EUR 1 440/tunnellata waqqgħu l-prezz tal-industriji tal-Unjoni b’26 %. B’hekk, l-esportaturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji rażżnu l-livell tal-prezzijiet għall-industrija tal-Unjoni, u kkontribwew għal sitwazzjoni ta’ telf kontinwu matul il-perjodu kkunsidrat għall-industrija tal-Unjoni. Kien hemm koinċidenza ċara fiż-żmien bejn il-pressjoni fuq il-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet li jirrappreżentaw sehem importanti mis-suq ta’ 31 % u d-dannu tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, minħabba l-volum sinifikanti u l-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata minn dawn l-esportazzjonijiet, kien hemm relazzjoni ġenwina u sostanzjali ta’ kawża u effett bejn l-importazzjonijiet tal-HTYP miċ-Ċina li kienu soġġetti għad-dazji anti-dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

3.8.2.    Effetti ta’ fatturi oħrajn

3.8.2.1.   Importazzjonijiet mill-esportaturi Ċiniżi li bħalissa ma humiex soġġetti għad-dazji

(182)

Fl-2021, Hangzhou Huachun Chemical Fiber ma baqgħetx teżisti. L-esportazzjonijiet tagħha naqsu b’99 % matul il-perjodu kkunsidrat u kienu negliġibbli (anqas minn 0,01 % tas-sehem mis-suq tal-Unjoni) fil-PIR. Barra minn hekk, il-prezz tal-esportazzjoni kien ogħla b’mod sinifikanti mill-prezz tal-industrija tal-Unjoni, kif ukoll ogħla mill-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, dawn l-esportazzjonijiet ma kkontribwewx għad-dannu fil-PIR.

(183)

L-importazzjonijiet ta’ Hailide fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 11

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati) u sehem mis-suq

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Rieżami

Volum ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni minn Hailide iċ-Ċina (tunnellati)

[50 000 – 55 000 ]

[51 000 – 56 000 ]

[43 000 – 48 000 ]

[43 000 – 48 000 ]

Indiċi

100

102

86

86

Sehem mis-suq

[20  % –25  %]

[23  % –28  %]

[21  % –26  %]

[18  % –23  %]

Indiċi

100

109

102

85

Sors:

Bażi tad-data tal-Artikolu 14(6)

(184)

Il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet ta’ Hailide fl-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 12

Prezzijiet tal-importazzjonijiet (EUR/tunnellata)

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Rieżami

Hailide

[1 700 – 1 800 ]

[1 600 – 1 700 ]

[1 300 – 1 400 ]

[1 500 – 1 600 ]

Indiċi

100

96

77

91

Sors:

Bażi tad-data tal-Artikolu 14(6)

(185)

Billi żamm volum għoli ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea matul il-perjodu kkunsidrat li fil-PIR jirrappreżenta sehem mis-suq ta’ [18 % – 23 %], bi prezzijiet taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, Hailide kkontribwixxa għad-dannu tal-industrija tal-Unjoni. Hailide kien ibigħ bl-EUR [1 500 – 1 600]/tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, u wera tnaqqis ġenerali fil-prezz ta’ 9 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(186)

Madankollu, dawn l-importazzjonijiet ma naqqsux ir-rabta li nstabet bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-esportaturi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni b’tali mod li din ir-rabta ma tistax tibqa’ tiġi kkaratterizzata bħala relazzjoni ġenwina u sostanzjali ta’ kawża u effett. L-esportazzjonijiet tal-esportaturi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji kienu jirrappreżentaw sehem mis-suq ta’ [29 % - 34 %] fis-suq tal-Unjoni matul il-PIR. Dan is-sehem għoli tas-suq, flimkien mal-prezzijiet baxxi, tant għandu piż importanti fuq is-suq, li eżerċita pressjoni sinifikanti indipendenti fuq il-prezzijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

(187)

Għaldaqstant, l-effetti tal-esportazzjonijiet minn Hailide, anke jekk dawn ikkontribwew għad-dannu, ma naqqsux b’mod materjali l-importanza relattiva tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping tal-esportaturi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji fit-tkomplija tad-dannu.

3.8.2.2.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(188)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-HTYP minn pajjiżi terzi għajr iċ-Ċina kienu prinċipalment mill-Korea t’Isfel, mill-Vjetnam u mit-Tajwan.

(189)

Il-volum (aggregat) tal-importazzjonijiet fl-Unjoni, kif ukoll is-sehem mis-suq u x-xejriet fil-prezzijiet għall-importazzjonijiet tal-HTYP minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppaw kif ġej:

Tabella 13

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

Pajjiż

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Rieżami

Il-Korea t’Isfel

Volum (tunnellati)

15 150

13 025

9 259

15 167

 

Indiċi

100

86

61

100

 

Sehem mis-suq

7  %

6  %

5  %

7  %

 

Prezz medju (EUR/tunnellata)

2 024

2 051

1 803

2 077

 

Indiċi

100

101

89

103

Il-Vjetnam

Volum (tunnellati)

500

129

776

12 231

 

Indiċi

100

26

155

2 444

 

Sehem mis-suq

0  %

0  %

0  %

5  %

 

Prezz medju (EUR/tunnellata)

2 340

4 136

2 276

1 537

 

Indiċi

100

177

97

66

It-Tajwan

Volum (tunnellati)

6 776

4 485

3 795

7 375

 

Indiċi

100

66

56

109

 

Sehem mis-suq

3  %

2  %

2  %

3  %

 

Prezz medju (EUR/tunnellata)

1 874

1 858

1 636

1 816

 

Indiċi

100

99

87

97

Pajjiżi terzi oħrajn

Volum (tunnellati)

19 759

15 261

11 917

11 364

 

Indiċi

100

77

60

58

 

Sehem mis-suq

9  %

7  %

6  %

5  %

 

Prezz medju (EUR/tunnellata)

2 586

2 780

2 683

2 740

 

Indiċi

100

108

104

106

Total tal-pajjiżi terzi kollha minbarra l-pajjiż ikkonċernat

Volum (tunnellati)

42 185

32 900

25 747

46 137

 

Indiċi

100

78

61

109

 

Sehem mis-suq

18  %

15  %

13  %

20  %

 

Prezz medju (EUR/tunnellata)

2 267

2 371

2 200

2 055

 

Indiċi

100

105

97

91

Sors:

Eurostat

(190)

Fil-PIR, ġew importati 46 137 tunnellata tal-HTYP minn pajjiżi terzi minbarra ċ-Ċina - dan il-volum jirrappreżenta 20 % tas-suq tal-Unjoni. B’kollox, is-sehem mis-suq tagħhom naqas mill-2018 għall-2020 minn 18 % għal 13 % u mbagħad żdied għal 20 % fil-PIR. Dan isegwi x-xejra tal-konsum tal-UE, iżda b’mod aktar evidenti. Il-prezz medju tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi minbarra ċ-Ċina żdied fl-2019 b’5 %, imbagħad naqas bi 8 punti perċentwali fl-2020 u kompla jonqos b’6 punti perċentwali fil-PIR. Dawn l-importazzjonijiet joriġinaw prinċipalment mill-Korea t’Isfel (7 % tas-Suq tal-Unjoni), mill-Vjetnam (5 % tas-suq tal-Unjoni) u mit-Tajwan (3 % tas-suq tal-Unjoni). Minħabba l-fatt li dawn il-pajjiżi kollha jinsabu fl-Asja tal-Lvant, dawn kienu affettwati min-nuqqas ta’ kontejners tal-merkanzija u mill-kostijiet għoljin tat-trasport bil-baħar li rriżultaw, li jispjega kif fl-2020 is-sehem mis-suq ta’ dawn il-pajjiżi terzi naqas.

(191)

L-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha flimkien żiedu s-sehem mis-suq tagħhom fis-suq tal-Unjoni b’2 punti perċentwali. Madankollu, il-prezz medju tal-importazzjonijiet kollha ta’ pajjiżi terzi fil-PIR, iżda wkoll fis-snin preċedenti kollha tal-perjodu kkunsidrat kien sostanzjalment ogħla mill-prezz medju tal-bejgħ tal-UE. Għalhekk, il-pajjiżi terzi kollha flimkien ma kkontribwewx għad-dannu tal-Industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni analizzat jekk l-importazzjonijiet minn pajjiż terz speċifiku kkontribwewx għad-dannu tal-industrija tal-Unjoni.

(192)

L-importazzjonijiet mill-Korea t’Isfel segwew ix-xejra tal-konsum tal-UE b’mod aktar aċċentwat, bi tnaqqis mill-2018 sal-2020 u fil-PIR irkupraw flimkien ’il fuq mil-livell tal-2018. Is-sehem mis-suq naqas gradwalment mill-2018 sal-2020 minn 7 % għal 5 % u mbagħad irkupra għal 7 % fil-PIR. Il-livell tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Korea t’Isfel żdied gradwalment matul il-perjodu kkonċernat, bl-eċċezzjoni tal-2020, li turi tnaqqis fil-prezzijiet li jista’ jkun marbut mad-domanda baxxa f’dik is-sena.

(193)

Il-livell tal-prezz tal-importazzjonijiet mill-Korea t’Isfel matul il-PIR kif ukoll fis-sentejn preċedenti kien ogħla mill-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Minħabba l-livell ogħla tal-prezzijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet mill-Korea t’Isfel ma kkontribwewx għad-dannu.

(194)

L-importazzjonijiet mill-Vjetnam kienu f’livell baxx ħafna mill-2018 sal-2020 u kienu jirrappreżentaw sehem mis-suq b’mod ċar anqas minn 1 % f’dak il-perjodu, u żdiedu fil-PIR għal kwantità li tirrappreżenta 5 % tas-sehem mis-suq tal-Unjoni. Dan ħabat ma’ tnaqqis fil-prezz minn livelli ogħla mill-prezz medju tal-bejgħ tal-Industrija tal-Unjoni għal prezz ta’ EUR 1 537/tunnellata fil-PIR, li huwa sostanzjalment aktar baxx mill-prezz tal-bejgħ tal-Industrija tal-Unjoni.

(195)

Madankollu, l-importazzjonijiet lejn l-UE mill-esportaturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji fil-PIR kienu sostanzjalment ogħla. Kienu jammontaw għal [69 000 - 74 000] tunnellata, filwaqt li l-importazzjonijiet mill-Vjetnam ammontaw biss għal 12 231 tunnellata, u b’hekk irrappreżentaw biss sehem żgħir mill-importazzjonijiet lejn l-UE miċ-Ċina.

(196)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li filwaqt li l-importazzjonijiet mill-Vjetnam setgħu kkontribwew għad-dannu tal-industrija tal-Unjoni, dawn ma jnaqqsux il-kawżalità peress li l-volum tal-importazzjonijiet mill-Vjetnam jirrappreżenta biss frazzjoni żgħira tal-esportazzjonijiet mill-esportaturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji lejn l-Unjoni u ma għandhomx piż komparabbli sabiex jagħmlu pressjoni fuq l-industrija tal-Unjoni.

(197)

L-importazzjonijiet mit-Tajwan kienu jirrappreżentaw sehem mis-suq ta’ 3 % fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat kif ukoll fil-PIR. Filwaqt li l-prezz tal-importazzjoni ta’ EUR 1 816-il/tunnellata fil-PIR kien kemxejn aktar baxx mill-prezz tal-bejgħ tal-Industrija tal-Unjoni, dan kien sostanzjalment ogħla mill-prezz ta’ EUR 1 440/tunnellata tal-esportaturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji.

(198)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li filwaqt li l-importazzjonijiet mit-Tajwan setgħu kkontribwew għad-dannu tal-Industrija tal-Unjoni, dawn ma jnaqqsux il-kawżalità billi l-volum tal-importazzjonijiet mit-Tajwan jirrappreżenta biss frazzjoni tal-importazzjonijiet mill-esportaturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji, il-prezz tagħhom kien sostanzjalment ogħla mill-prezz għall-importazzjonijiet mill-esportaturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji u ma għandhomx piż komparabbli biex jagħmlu pressjoni fuq l-industrija tal-Unjoni.

(199)

Meta jitqiesu flimkien mal-importazzjonijiet minn Hailide, l-importazzjonijiet mit-Tajwan u mill-Vjetnam ma naqqsux ir-rabta misjuba bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn produtturi esportaturi soġġetti għad-dazji u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni b’tali mod li din ir-rabta ma tistax tiġi kkaratterizzata bħala relazzjoni ġenwina u sostanzjali ta’ kawża u effett. L-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi soġġetti għad-dazji kienu jirrappreżentaw sehem mis-suq ta’ [29 % - 34 %] fis-suq tal-Unjoni matul il-PIR u, bħala medja, kienu sostanzjalment anqas mill-kostijiet tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Meta wieħed iqis dan id-daqs u l-pressjoni fuq il-prezzijiet li tirriżulta, l-importazzjonijiet mit-Tajwan, mill-Vjetnam u minn Hailide ma naqqsux b’mod materjali l-importanza relattiva tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-produtturi esportaturi soġġetti għad-dazju li kkawżaw id-dannu.

3.8.2.3.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(200)

Matul il-perjodu kkunsidrat l-volum tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppa kif ġej:

Tabella 14

Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Rieżami

Volum tal-esportazzjonijiet (tunnellati)

21 674

19 603

18 729

21 299

Indiċi

100

90

86

98

Prezz medju (EUR/tunnellati)

2 208

2 161

1 767

2 272

Indiċi

100

98

80

103

Sors:

Data verifikata pprovduta mill-industrija tal-Unjoni u t-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(201)

Filwaqt li l-volumi tal-esportazzjoni matul il-perjodu kkunsidrat segwew xejra simili għall-bejgħ fis-suq tal-Unjoni, fil-PIR, il-volumi kienu biss 2 % taħt iċ-ċifri tal-2018 u rkupraw aktar bis-saħħa tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni, li kien għadu 5 % taħt il-volumi tal-2018.

(202)

Il-prezz medju għall-esportazzjonijiet f’kull sena kien ogħla b’mod ċar mill-prezz tal-bejgħ fis-suq tal-UE, fil-PIR kien aktar minn 10 % ogħla. Il-prezz medju għall-esportazzjonijiet segwa xejra simili għall-prezzijiet fis-suq tal-UE. Madankollu, filwaqt li fl-2020 il-prezz tal-esportazzjoni naqas aktar bis-saħħa, fil-PIR dan irkupra aktar malajr mill-prezzijiet fis-suq tal-UE, u laħaq livell 3 % ogħla mill-prezz medju tal-2018, filwaqt li l-prezz tal-bejgħ fis-suq tal-UE fil-PIR kien għadu 4 % anqas mill-prezz tal-2018.

(203)

It-tqabbil juri li l-produtturi tal-Unjoni huma impenjati bis-sħiħ favur is-suq tal-Unjoni, filwaqt li jistgħu jilħqu prezzijiet ogħla għall-bejgħ għall-esportazzjoni.

(204)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma kkontribwietx għad-dannu, iżda għall-kuntrarju kkontribwiet sabiex tillimita t-telf.

3.8.2.4.   Konsum kaptiv

(205)

Il-konsum ristrett tal-industrija tal-Unjoni żdied sostanzjalment fil-PIR. Matul il-perjodu kkunsidrat żdied b’39 %. Madankollu, id-deċiżjoni li jiżdied il-konsum ristrett sabiex jinbiegħu prodotti downstream f’livell ogħla ta’ manifattura, ma hijiex riżultat dirett ta’ nuqqas ta’ kapaċità ta’ lħuq ta’ prezz tas-suq ġust fis-suq ħieles għall-HTYP minħabba l-pressjoni fuq l-ipprezzar mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li dan ma huwiex fattur li jikkontribwixxi għad-dannu.

3.8.2.5.   Prezzijiet għoljin tal-enerġija u inflazzjoni

(206)

Bħala reazzjoni għal sottomissjoni tal-applikant dwar l-iżviluppi ta’ wara l-PIR, diversi utenti flimkien ma’ assoċjazzjoni tal-utenti affermaw li l-kriżi taż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija u tal-inflazzjoni tkisser il-kawżalità bejn l-importazzjonijiet tal-HTYP miċ-Ċina u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Madankollu, hekk kif issottometta l-applikant, il-kostijiet tal-enerġija u l-inflazzjoni dejjem ogħla seħħew wara l-PIR. L-utenti ma spjegawx li seħħ xi żvilupp bħal dan matul il-PIR. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat dan l-argument.

3.8.3.    Konklużjoni dwar il-kawżalità

(207)

Kien hemm koinċidenza ċara fiż-żmien bejn l-esportazzjonijiet sostanzjali miċ-Ċina tal-esportaturi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji u d-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(208)

Il-Kummissjoni investigat ukoll fatturi oħrajn ta’ dannu u ma sabet l-ebda fattur ieħor li jnaqqas il-kawżalità bejn dawn l-esportazzjonijiet miċ-Ċina u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(209)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-esportazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-esportaturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji kkontribwew materjalment għad-dannu tal-industrija tal-Unjoni u li l-ebda fattur ieħor, ikkunsidrat individwalment jew kollettivament, ma jnaqqas il-kawżalità bejn l-esportazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping tal-esportaturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għad-dazji u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

3.9.   Probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dannu

(210)

Il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa (180) li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Għalhekk, il-Kummissjoni vvalutat, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, jekk ikunx hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dannu kkawżata mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

(211)

F’dan ir-rigward, ġew analizzati l-elementi li ġejjin mill-Kummissjoni: il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fiċ-Ċina u r-relazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni taċ-Ċina lejn pajjiżi terzi u l-livell tal-prezzijiet fl-Unjoni.

3.9.1.    Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fiċ-Ċina

(212)

Kif analizzat fid-dettall fit-taqsima 3.5.1, meta mqabbel mad-daqs tas-suq tal-Unjoni, il-produtturi Ċiniżi għandhom kapaċitajiet żejda kbar, li x’aktarx ma jiġux assorbiti mill-konsum domestiku jew mill-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi oħrajn.

3.9.2.    Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni taċ-Ċina lejn pajjiżi terzi u l-livell tal-prezzijiet fl-Unjoni

(213)

Kif analizzat fid-dettall fit-taqsima 3.5.2, is-suq tal-Unjoni jibqa’ l-akbar suq tal-esportazzjoni għall-esportaturi Ċiniżi wkoll minħabba l-livell tal-prezz attraenti tiegħu. Tabilħaqq, anke b’dazji anti-dumping fis-seħħ, il-prezzijiet Ċiniżi għadhom qegħdin iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’medja ta’ 26 %. Filwaqt li l-prezz fl-Istati Uniti (it-tieni l-akbar suq tal-esportazzjoni fil-PIR) kien f’livell simili għall-prezzijiet tal-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż fis-suq Korean kien madwar 10 % anqas mill-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Unjoni. Il-miżuri ta’ rimedju kummerċjali fi swieq tal-esportazzjoni oħrajn ikomplu jżidu l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

(214)

Għalhekk, huwa probabbli li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-produtturi esportaturi Ċiniżi jibqgħu jinvolvu rwieħhom fi prattiki ta’ pprezzar aggressivi, sabiex iżidu s-sehem mis-suq (diġà għoli) tagħhom fl-Unjoni u jakkomodaw il-kapaċità żejda sinifikanti tagħhom fis-suq tal-Unjoni.

3.9.3.    Konklużjoni

(215)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tħassir tal-miżuri bil-probabbiltà kollha jirriżulta f’żieda sinifikanti ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina b’livelli ta’ prezzijiet dannużi u, għalhekk, ikompli jaggrava d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. B’konsegwenza ta’ dan, il-vijabbiltà tal-industrija tal-Unjoni tkun f’riskju serju.

3.10.   L-interess tal-unjoni

(216)

F’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping eżistenti fil-livell tad-dazju rivedut skont ir-rieżami interim kombinat imur kontra l-interess tal-Unjoni. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

(217)

Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku.

(218)

Fuq il-bażi ta’ dan, l-ewwel nett il-Kummissjoni eżaminat jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping u ta’ kontinwazzjoni tad-dannu, kinux jeżistu raġunijiet konvinċenti li jwasslu għall-konklużjoni li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri eżistenti. Huwa mfakkar li, fl-investigazzjoni oriġinali, l-adozzjoni tal-miżuri ma tqisitx li se tmur kontra l-interess tal-Unjoni.

(219)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat l-impatt fuq l-utenti tal-bidla fil-livell tal-miżuri li tirriżulta mir-rieżami interim. Tabilħaqq, filwaqt li r-rieżami interim innifsu ma jinkludix analiżi tal-Interess tal-Unjoni, miżuri estiżi wara r-rieżami ta’ skadenza neċessarjament jidħlu fis-seħħ fil-livell tad-dazji kif iddeterminat mir-rieżami interim, peress li ż-żewġ proċeduri jikkoinċidu fiż-żmien. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset ukoll il-livell tad-dazji kif iddeterminat mir-rieżami interim, meta analizzat jekk kinux jeżistu raġunijiet konvinċenti li jwasslu għall-konklużjoni li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri eżistenti.

3.10.1.    Interess tal-industrija tal-Unjoni

(220)

Kif spjegat fil-premessa (215), it-tħassir tal-miżuri fil-probabbiltà kollha jirriżulta f’żieda sinifikanti ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina b’livelli ta’ prezzijiet dannużi u, għalhekk, ikompli jaggrava d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. B’konsegwenza ta’ dan, il-vijabbiltà tal-industrija tal-Unjoni tkun f’riskju serju.

(221)

Għalhekk, il-kontinwazzjoni tal-miżuri kontra ċ-Ċina tkun ta’ benefiċċju għall-industrija tal-Unjoni.

3.10.2.    L-interess ta’ importaturi mhux relatati

(222)

L-ebda importatur mhux relatat ma kkoopera fl-investigazzjonijiet ta’ rieżami kurrenti.

(223)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti mill-pożizzjoni tal-importaturi mhux relatati kontra l-estensjoni tal-miżuri.

3.10.3.    L-interess tal-utenti

(224)

L-HTYP jintuża f’diversi applikazzjonijiet. emm żewġ gruppi ewlenin ta’ utenti differenti tal-HTYP: il-produtturi tat-tajers li jammontaw għal madwar 50 % tad-domanda għall-HTYP fl-Unjoni, kif ukoll il-produtturi tad-drapp tekniku, tat-tejps, tal-webbings, taċ-ċineg, tal-ħbula u taċ-ċinturini, li wkoll jammontaw għal madwar 50 % tad-domanda għall-HTYP fl-Unjoni. Id-drapp tekniku, il-webbings, iċ-ċineg, il-ħbula u ċ-ċinturini jintużaw fil-karozzi, fl-irfigħ, fl-irbit għat-trasport u fit-tipi kollha ta’ applikazzjonijiet tal-magni. Minħabba n-numru għoli ta’ applikazzjonijiet, l-industrija tal-utenti f’dan is-segment hija pjuttost frammentata.

(225)

Fil-bidu tar-rieżami ta’ skadenza, ġew ikkuntattjati 64 utent u assoċjazzjoni tal-utenti magħrufin fl-Unjoni u dawn ġew mistidnin jikkooperaw.

(226)

Żewġ utenti wieġbu għall-kwestjonarju fir-rieżami ta’ skadenza u d-data tagħhom ġiet ivverifikata mill-Kummissjoni. Wara l-bidu tar-rieżami interim, ħames utenti oħrajn ippreżentaw irwieħhom flimkien ma’ assoċjazzjoni ta’ utent (li tirrappreżenta total ta’ disa’ utenti) sabiex jipparteċipaw fil-proċeduri paralleli. L-utenti li ppreżentaw irwieħhom jappartjenu għas-segment tal-produtturi tad-drapp tekniku, tat-tejpijiet, tal-webbings, taċ-ċineg, tal-ħbula u taċ-ċinturini. L-utenti parteċipanti jirrappreżentaw aktar minn 10 % tal-konsum tal-HTYP tal-Unjoni. L-ebda utent tas-segment tal-produtturi tat-tajers ma ppreżenta ruħu.

(227)

Wara d-divulgazzjoni finali, għaxar utenti, assoċjazzjoni tal-utenti kif ukoll produttur integrat wieħed, li jipproduċi wkoll prodotti minsuġa, ikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali u opponew l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid il-livell tad-dazji anti-dumping meta mqabbel mal-miżuri oriġinali.

(228)

Diversi utenti flimkien mal-assoċjazzjoni tal-utenti sostnew li l-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq fatti mhux kompluti, peress li l-Kummissjoni vverifikat biss tweġibiet minn żewġ utenti fil-kampjun u injorat is-sottomissjonijiet mill-kumpaniji utenti l-oħra, li huma SMEs, minkejja l-offerta tagħhom li d-data tagħhom tiġi vverifikata fuq il-post jew permezz ta’ verifika mill-bogħod.

(229)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset is-sottomissjonijiet tal-utenti kollha meta analizzat l-interess tal-Unjoni. Madankollu, peress li ż-żewġ utenti li l-Kummissjoni vverifikat jaqgħu wkoll fil-kategorija tal-SMEs, u peress li l-mudelli tan-negozju, il-ħtiġijiet tal-provvista u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom kienu komparabbli mal-kumpaniji rrappreżentati mill-assoċjazzjoni, il-Kummissjoni sabet li ma kienet meħtieġa l-ebda verifika addizzjonali biex tasal għall-konklużjonijiet tagħha.

3.10.3.1.   Impatt finanzjarju

(230)

L-utenti parteċipanti fil-biċċa l-kbira kienu kontra dazju miżjud. Diversi utenti argumentaw li meta l-miżuri ġew imposti fil-proċedura oriġinali, il-Kummissjoni sabet il-bilanċ it-tajjeb bejn l-interessi tal-produtturi tal-UE tal-HTYP u l-industriji tal-utenti. Għalhekk, kontinwazzjoni tal-miżuri fil-livelli oriġinali tista’ tiġi assorbita mill-industrija tal-utenti.

(231)

Min-naħa l-oħra, żieda materjali fil-livell tad-dazji tagħmel ħsara sinifikanti lis-segment ta’ drappijiet tekniċi, tejps, webbings, ċineg, ħbula u l-produtturi taċ-ċinturini. Filwaqt li l-industrija tat-tajers ma pprovdietx data, il-Kummissjoni ġabret informazzjoni mingħand il-produtturi tal-HTYP li tindika li l-HTYP jirrappreżentaw biss perċentwal aktar baxx tal-kost tal-produzzjoni tat-tajers. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impatt finanzjarju tal-miżuri fuq dik l-industrija tal-utenti jkun minuri.

(232)

Mill-utenti inklużi fil-kampjun jidher li l-prodotti taċ-ċinturini li jinkorporaw HTYP għandhom livell ta’ profitt baxx. Madankollu, il-Kummissjoni sabet ukoll li żidiet moderati fil-prezzijiet kienu possibbli fil-passat minħabba żidiet fil-kostijiet tal-materja prima. Barra minn hekk, l-ebda wieħed mill-utenti inklużi fil-kampjun ma jipproduċi esklużivament prodotti li jinkorporaw HTYP, u s-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tagħhom hija stabbli. Dan ma kienx ikkontestat mill-informazzjoni mhux verifikata mressqa mill-utenti mhux inklużi fil-kampjun. Id-dazji riveduti jvarjaw minn 9,7 % sa 23,7 %, li jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbla mad-dazji eżistenti, li jvarjaw minn 5,1 % sa 9,8 %. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-utenti xorta jkunu jistgħu jagħżlu produttur esportatur fil-livell inferjuri tad-dazji.

(233)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impatt finanzjarju fuq l-utenti mill-firxa tad-dazju rivedut lanqas ma jikkostitwixxi raġuni konvinċenti kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri fil-livell rivedut.

(234)

Wara d-divulgazzjoni finali, għaxar utenti, l-assoċjazzjoni tal-utenti kif ukoll il-produttur integrat argumentaw li żieda addizzjonali fil-kostijiet li ġejja mid-dazji miżjuda fuq il-materja prima ewlenija tagħhom se tkompli tnaqqas il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom bħala manifatturi bbażati fl-UE. Huma pprovdew diversi eżempji ta’ offerti minn manifatturi Ċiniżi ta’ prodotti downstream magħmula bl-HTYP lil klijenti Ewropej, li l-prezzijiet tagħhom kienu qrib ħafna jew saħansitra taħt il-prezz tal-HTYP wara ż-żieda tad-dazji proposti. Huma argumentaw li l-akbar problema ta’ dazji anti-dumping miżjuda fuq l-HTYP hija li dawn ma jestendux għal prodotti downstream bħal drappijiet, ċinturini, ċineg tal-ankraġġ, bragi tondi u bragi tal-webbings.

(235)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-applikanti argumentaw ukoll li t-tħassib ewlieni tal-utenti huwa relatat mal-kompetizzjoni inġusta li qed jiffaċċjaw miċ-Ċina fis-swieq downstream. Dan it-tħassib ikompli jiżdied jekk jiżdied il-livell tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-HTYP. Tabilħaqq, l-utenti ripetutament indikaw li ma opponewx estensjoni tal-miżuri anti-dumping oriġinali.

(236)

Sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kompetizzjoni inġusta fuq il-prodotti downstream, ħames utenti flimkien ma’ assoċjazzjoni tal-utenti talbu lill-Kummissjoni testendi d-dazji għall-HTYP li jinsabu fil-ħbula tal-webbings u l-manek tat-tifi tan-nar importati. Huma rreferew għar-Regolament tal-Kummissjoni dwar it-torrijiet eoliċi tal-azzar miċ-Ċina (89), li fih id-dazju anti-dumping kien japplika mhux biss għat-torrijiet eoliċi, iżda wkoll għat-turbini eoliċi, li jinkorporaw torrijiet eoliċi tal-azzar.

(237)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kompetizzjoni mill-esportaturi Ċiniżi ta’ prodotti downstream tillimita l-possibbiltà tal-utenti li jżidu l-prezzijiet u jgħaddu l-kostijiet addizzjonali ta’ dazji miżjuda. Madankollu, kompetizzjoni inġusta potenzjali fil-livell tal-utenti ma tistax minnha nnifisha tikkostitwixxi raġuni konvinċenti biex ma jiġix indirizzat id-dumping dannuż li nstab fis-suq upstream. Filwaqt li l-utenti wrew li d-dazji miżjuda fuq l-HTYP jikkawżaw żvantaġġ kompetittiv kontra l-manifatturi Ċiniżi tal-istess prodott, huma indikaw ukoll li tista’ tintlaħaq protezzjoni kontra dawn l-importazzjonijiet ta’ prodotti downstream permezz ta’ dazji anti-dumping fuq dawn il-prodotti. Huma ma wrewx li mhuwiex fattibbli għall-industrija tal-utenti li tressaq ilment biex tibda investigazzjoni kontra importazzjonijiet potenzjalment oġġett ta’ dumping ta’ drapp ibbażat fuq l-HTYP jew prodotti sekondarji oħra.

(238)

Barra minn hekk, l-utenti għad għandhom l-għażla ta’ produttur esportatur Ċiniż fit-tarf l-aktar baxx tad-dazji, u għandhom l-għażla li jakkwistaw minn pajjiżi terzi oħra bħall-Korea t’Isfel, it-Tajwan u l-Vjetnam, li qed iżidu l-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom.

(239)

Fir-rigward tal-proposta biex jiġu estiżi l-miżuri għall-HTYP inkorporati fil-prodotti downstream, il-Kummissjoni nnotat li għall-kuntrarju tal-każ tat-torrijiet eoliċi tal-azzar, il-prodotti li għalihom jiġu estiżi d-dazji ma kinux inklużi fl-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni. Tabilħaqq, id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-każ tat-torrijiet eoliċi tal-azzar diġà kien jinkludi t-torrijiet importati bħala parti minn turbina eolika: “Il-prodott ikkonċernat huwa ċerti torrijiet eoliċi tal-azzar fuq skala utilitarja, […], li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7308 20 00 (il-kodiċi TARIC 7308200011), u ex 7308 90 98 (il-kodiċi TARIC 7308909811) u, meta jiġu importati bħala parti minn turbina eolika, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 8502 31 00,...” Il-Kummissjoni ma tistax fil-prinċipju timponi dazji fuq prodott li ma kienx fl-ambitu tal-investigazzjoni. F’dan il-każ b’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li l-għadd kbir ta’ trasformazzjonijiet possibbli koperti fil-kodiċijiet NM issuġġeriti jespandi l-applikazzjoni tad-dazji lil hinn mill-ambitu tal-investigazzjoni.

(240)

Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li t-talba tal-utenti kienet twessa’ l-ambitu tal-investigazzjoni lil hinn mill-applikazzjoni. It-talba kienet għalhekk irrifjutata.

(241)

Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonfermat il-pożizzjoni inizjali tagħha dwar il-livell ta’ dazju rivedut.

3.10.3.2.   Stabbiltà tal-provvista

(242)

L-utenti indikaw ukoll nuqqas ta’ kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni. Il-konsum tal-Unjoni tal-HTYP kien ta’ 230 000 tunnellata fil-PIR, 73 % ogħla mill-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, li jammonta għal 134 000 tunnellata biss. Dan juri l-ħtieġa ġenerali għall-importazzjonijiet.

(243)

Barra minn hekk, wara l-PIR, fl-2022 diversi produtturi tal-Unjoni naqqsu temporanjament jew waqqfu kompletament il-produzzjoni tagħhom bħala reazzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa. Madankollu, din kienet biss miżura temporanja u ma jidhirx li se twassal għal tnaqqis fit-tul tal-volum tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni.

(244)

L-utenti kollha li kkooperaw argumentaw li għas-segment tagħhom, produttur wieħed biss tal-Unjoni jipprovdi l-kwalità tal-HTYP użati fil-prodotti tagħhom, filwaqt li produtturi oħrajn tal-Unjoni huma fil-biċċa l-kbira ffokati fuq il-provvista għall-industrija tat-tajers jew huma kompetituri integrati. L-utenti argumentaw ukoll li pajjiżi terzi oħrajn jew jipproduċu gradi speċjalizzati għaljin, bħall-Korea t’Isfel, jew ma joffrux kapaċità jew kwalità suffiċjenti, bl-eċċezzjoni tal-Vjetnam.

(245)

L-esportazzjonijiet mill-Vjetnam matul il-PIR kellhom sehem ta’ 5 % mis-suq tal-Unjoni. Madankollu, l-esportazzjonijiet mill-Vjetnam kienu jammontaw biss għal 12 000 tunnellata u jkopru biss frazzjoni tal-importazzjonijiet meħtieġa sabiex jissodisfaw id-domanda fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni nnotat li l-importazzjonijiet miċ-Ċina huma ġeneralment meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-provvista fis-Suq tal-Unjoni.

(246)

Madankollu, fit-taqsima preċedenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dazji riveduti, li jvarjaw minn 9,7 % sa 23,7 %, mhux se jkollhom effett projbittiv sabiex jitkompla l-forniment miċ-Ċina speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-utenti xorta jkunu jistgħu jagħżlu produttur esportatur fil-limitu inferjuri tad-dazji. Konsegwentement, l-istabbiltà tal-provvista mhux se tkun ipperikolata mill-estensjoni tad-dazji fil-livell rivedut tad-dazji.

(247)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-interess tal-utenti għall-istabbiltà tal-provvista ma jwassalx għal raġuni konvinċenti kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri.

3.10.3.3.   Riskju ta’ trasferiment ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni barra mill-UE

(248)

Diversi utenti u l-produttur integrat enfasizzaw l-importanza tal-industrija tal-insiġ u tal-kisi tal-HTYP għas-suq tax-xogħol u l-fatt li d-dazji miżjuda fuq l-HTYP jistgħu jwasslu għal trasferiment tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni barra mill-UE. Il-produttur integrat argumenta li l-forza tax-xogħol fl-UE involuta fil-produzzjoni ta’ prodotti downstream magħmula mill-HTYP tikkonsisti f’madwar 100 000 ħaddiem tas-sengħa.

(249)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-industrija tal-insiġ u tal-kisi tal-HTYP hija impjegatur importanti għas-suq tax-xogħol tal-UE. Madankollu, kif iddikjarat fil-premessi (238) u (240), l-utenti għad għandhom għażliet ta’ akkwist fil-firxa aktar baxxa tad-dazji jew minn pajjiżi terzi oħra u l-impatt finanzjarju mistenni tad-dazji riveduti ma jikkostitwixxix raġuni konvinċenti biex ma jiġux imposti d-dazji. Barra minn hekk, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza konkreta biex issostni dawn l-affermazzjonijiet.

(250)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonfermat il-konklużjonijiet tagħha.

3.10.4.    Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(251)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti tal-interess tal-Unjoni kontra ż-żamma tal-miżuri dwar l-importazzjonijiet tal-HTYP li joriġinaw miċ-Ċina u l-estensjoni tagħhom fil-livelli riveduti.

(252)

Wara l-kummenti ta’ hawn fuq tal-utent, l-assoċjazzjoni tal-utenti u produttur integrat wieħed, il-Kummissjoni kkonfermat il-valutazzjoni tagħha.

3.11.   Talbiet għal sospensjoni minn Unifull u minn OTIZ

(253)

Żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, Unifull u OTIZ, affermaw li l-kundizzjonijiet għas-sospensjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ġew issodisfati. L-affermazzjoni hija bbażata fuq iż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi wara l-PIR, kif ukoll fuq l-argument li d-dannu tal-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat mill-kriżi tal-enerġija, min-nuqqas ta’ semikondutturi għall-industrija tal-karozzi (li wassal għal tnaqqis fid-domanda għal prodotti tal-HTYP għall-industrija tal-Unjoni), u minn tnaqqis fil-kostijiet internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija fuq l-oċeani.

(254)

Skont dawn iż-żewġ esportaturi, l-importazzjonijiet miċ-Ċina jistgħu jgħinu lill-industrija downstream tal-UE tegħleb nuqqas ta’ provvista kurrenti u tevita ż-żieda fil-prezzijiet tal-HTYP tal-produtturi tal-Unjoni wara l-PIR.

(255)

Skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, il-miżuri jistgħu jiġu sospiżi biss meta l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu nbidlu temporanjament sal-punt li d-dannu ma jkunx probabbli li jkompli bħala riżultat tas-sospensjoni u s-sospensjoni tkun fl-Interess tal-Unjoni.

(256)

Huwa korrett li l-prezzijiet Ċiniżi żdiedu b’36 % wara l-PIR. Madankollu, dawn il-prezzijiet Ċiniżi ogħla għadhom f’livell taħt is-COP tal-industrija tal-Unjoni matul il-PIR. Għalhekk, il-prezzijiet Ċiniżi ogħla wara l-PIR ma wasslux għal sitwazzjoni mibdula, li fiha x’aktarx li d-dannu jerġa’ jkompli. Għall-kuntrarju, sospensjoni tal-miżuri twassal għal sitwazzjoni li fiha s-sitwazzjoni dannuża kurrenti tal-produtturi tal-Unjoni, minbarra l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, tmur għall-agħar billi tiffaċċja prezzijiet oġġett ta’ dumping minn kompetituri Ċiniżi. Filwaqt li huwa fl-interess tal-utenti li jiksbu aċċess għall-HTYP orħos, Unifull u OTIZ ma pprovdewx fid-dettall interess prevalenti tal-Unjoni sabiex jiġu sospiżi l-miżuri. Fi kwalunkwe każ, l-interess tal-utenti huwa analizzat fid-dettall hawn taħt fit-taqsima 3.10.

(257)

Unifull u OTIZ lanqas ma jelaboraw kif it-tnaqqis allegat tal-kost internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija fuq l-oċeani huwa relatat mas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni.

(258)

Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

3.12.   Konklużjoni

(259)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li kien hemm kontinwazzjoni ta’ dumping dannuż tant li kien fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-HTYP li joriġinaw miċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

4.   INVESTIGAZZJONI TA’ RIEŻAMI INTERIM PARZJALI

4.1.   Partijiet interessati u l-kampjunar

(260)

Fin-Notifika ta’ Bidu tal-investigazzjoni tar-rieżami interim parzjali, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament informat lill-applikant, lill-produtturi fiċ-Ċina, lill-importaturi fl-Unjoni magħrufin li kienu kkonċernati, u lill-awtoritajiet Ċiniżi dwar il-bidu tal-investigazzjoni tar-rieżami interim u stednithom jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(261)

Il-partijiet interessati kollha kellhom l-opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tar-rieżami interim parzjali u jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċedimenti kummerċjali.

(262)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stqarret li tista’ tikkampjuna l-partijiet interessati, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

4.1.1.    Kampjunar tal-produtturi esportaturi u ta’ importaturi mhux relatati

(263)

Sabiex tiddeċiedi jekk kienx neċessarju li jittieħed kampjun u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi magħrufin kollha fiċ-Ċina u lill-importaturi mhux relatati fl-Unjoni sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni taċ-Ċina għall-Unjoni sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(264)

Importatur mhux relatat wieħed ippreżenta ruħu bħala parti interessata, iżda ma pprovdiex l-informazzjoni tal-kampjunar mitluba. Tmien produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ erba’ kumpaniji li jappartjenu għal żewġ gruppi korporattivi fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li seta’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Dawn il-kumpaniji kienu jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-importazzjonijiet totali stmati tal-Unjoni tal-prodott soġġett għal rieżami soġġett għall-miżuri. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa kollha kkonċernati u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, ingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-għażla tal-kampjun. Ma wasal l-ebda kumment.

4.1.2.    Talba għal eżami individwali

(265)

Produttur esportatur wieħed fiċ-Ċina (Oriental Industries (Suzhou) Ltd, (“OTIZ”)) talab eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku u ssottometta tweġiba għall-kwestjonarju sal-iskadenza stabbilita. Ta’ min jinnota li l-investigazzjoni ta’ rieżami interim twettqet b’mod parallel mal-investigazzjoni ta’ skadenza u ma’ investigazzjoni mibdija fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Minħabba l-kumplessità miżjuda ta’ valutazzjonijiet simultanji u distinti fi tliet investigazzjonijiet dwar l-HTYP, il-Kummissjoni qieset li l-eżami tat-talba, anke fi stadju definittiv tal-investigazzjoni, kien ikun ta’ piż żejjed u sproporzjonat u jipprevjeni t-tlestija kif suppost tal-investigazzjoni fi żmien xieraq. Għalhekk, ma ngħatat l-ebda konċessjoni għal eżami individwali lil OTIZ.

4.2.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u kontroverifiki mill-bogħod

(266)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku lill-GTĊ.

(267)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. L-istess kwestjonarji kienu wkoll disponibbli online fil-jum tal-bidu.

(268)

Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju minn tliet gruppi ta’ produtturi esportaturi (minn produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u minn OTIZ).

(269)

Fid-dawl tat-tifqigħa tal-Covid-19 u tal-miżuri ta’ konfinament stabbiliti minn diversi pajjiżi terzi, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu (16) tar-Regolament bażiku fil-bini tal-produtturi esportaturi.

(270)

Minflok, il-Kummissjoni kkontroverifikat mill-bogħod l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għad-determinazzjonijiet tagħha f’konformità man-Notifika tagħha dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (90).

(271)

Il-Kummissjoni wettqet kontroverifiki mill-bogħod tal-produtturi esportaturi li ġejjin:

Huzhou Unifull Industrial Fibre Co., Ltd., Zhejiang Unifull Industrial Fibre Co., Ltd. u Zhejiang Unifull Hi-Tech Industry Co., Ltd. (minn hawn ’il quddiem kollettivament “Unifull”)

Zhejiang Guxiandao Polyester Dope Dyed Yarn Co., Ltd. (“Guxiandao”)

4.3.   Talba għal sospensjoni

(272)

Kif intqal hawn fuq fil-premessa (253), żewġ esportaturi Ċiniżi, Unifull u OTIZ, sostnew li l-kundizzjonijiet għas-sospensjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ġew issodisfati.

(273)

Il-Kummissjoni rrifjutat din l-affermazzjoni wkoll fir-rigward tar-Rieżami Interim għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (253) sa (258).

4.4.   Proċedura sussegwenti

(274)

Fl-20 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien biħsiebha timponi d-dazji anti-dumping definittivi. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni.

(275)

Il-kummenti li għamlu l-partijiet interessati ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni u tqiesu, fejn xieraq. Il-partijiet li talbu dan ingħataw seduta ta’ smigħ.

4.5.   Dumping

4.5.1.    Determinazzjoni tal-valur normali

(276)

Kif stabbilit fit-Taqsima 3.4.4.1 aktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fiċ-Ċina biex jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-HTYP miċ-Ċina, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(277)

Konsegwentement, il-Kummissjoni pproċediet bl-investigazzjoni tar-rieżami interim parzjali sabiex tibni l-valur normali esklużivament fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u l-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni, jiġifieri, fuq il-bażi tal-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(278)

Kif isegwi mill-analiżi stabbilita fit-Taqsima 3.4.4.2, it-Turkija ssodisfat il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż, tar-Regolament bażiku sabiex titqies bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq.

(279)

Minbarra l-Ewwel Nota (ara l-premessi (39)-(40)), u wara li analizzat il-kummenti li rċeviet dwarha, il-Kummissjoni ħarġet it-Tieni nota dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali fit-30 ta’ Novembru 2022 (“it-Tieni Nota”) (l-Ewwel Nota u t-Tieni Nota jissejħu kollettivament in-“Noti”).

(280)

Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni aġġornat il-lista ta’ fatturi ta’ produzzjoni u informat lill-partijiet interessati bl-intenzjoni tagħha li tuża t-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Hija informat ukoll lill-partijiet interessati li kienet se tistabbilixxi kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u profitti bbażati fuq rapporti finanzjarji pubblikament disponibbli ta’ produttur tal-HTYP fit-Turkija. Barra minn hekk, inħarġet nota addizzjonali b’rati tal-kambju riveduti għal numru ta’ parametri referenzjarji li inkludiet ukoll divulgazzjoni aktar dettaljata tal-parametru referenzjarju għall-kalkolu tal-kost lavorattiv u tqiegħdet fil-fajl miftuħ fis-16 ta’ Diċembru 2022.

(281)

Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar in-Noti. Waslu kummenti mingħand il-produtturi esportaturi kollha inklużi fil-kampjun kif ukoll mingħand l-applikant (b’appoġġ tat-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv) u mingħand grupp ta’ utenti (IVGT, Delcotex, Gleistein, Guth&Wolf, Heytex u Jakob Eschbach). L-argumenti tal-partijiet huma indirizzati fit-Taqsima 4.5.3 aktar ’il quddiem.

4.5.2.    Kummenti mill-partijiet interessati dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(282)

Minbarra l-istabbiliment tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’konformità mal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, deskritt fit-Taqsima 3.4.4.1 hawn fuq, il-kummenti li ġejjin waslu fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ rieżami interim parzjali u ġew indirizzati mill-Kummissjoni kif ġej.

(283)

Matul l-investigazzjoni, waslu kummenti mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, minn OTIZ u minn grupp ta’ utenti.

(284)

Fil-kummenti tiegħu dwar l-Ewwel Nota, Guxiandao, minbarra li ddikjara li l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku tkun inkompatibbli mad-WTO, allega li l-analiżi fit-talba rigward l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti – fiċ-Ċina b’mod ġenerali kif ukoll fir-rigward ta’ Guxiandao b’mod speċifiku – kienet difettuża għar-raġunijiet li ġejjin: (i) l-allegazzjonijiet tat-talba ta’ rieżami interim huma ta’ natura ġenerali - pereżempju meta jirreferi għall-kostijiet tal-enerġija jew lavorattivi - u jikkonċernaw iċ-Ċina jew is-settur tal-kimika tagħha, aktar milli s-suq tal-HTYP; l-allegazzjonijiet jiddependu wkoll esklużivament fuq ir-Rapport, aktar milli jkunu bbażati fuq evidenza pożittiva; (ii) l-applikant, meta jivvaluta jekk jeżistux distorsjonijiet sinifikanti, jibbaża fuq evidenza ta’ sostenn li jew hija irrilevanti – tipikament skaduta - jew fattwalment ħażina – billi jikkwota obbligi ta’ distorsjoni tal-passat li ma għadhomx jeżistu skont id-dritt taċ-Ċina; (iii) il-materja prima PTA u MEG huma żewġ oġġetti komoditajiet nnegozjati globalment u pprezzati b’mod trasparenti u allinjati mal-prezzijiet internazzjonali, u għalhekk l-affermazzjonijiet tat-talba dwar il-prezzijiet tagħhom distorti fiċ-Ċina huma żbaljati; (iv) l-applikant naqas milli jipprovdi kwalunkwe evidenza pożittiva u konkreta fir-rigward tal-fatturi elenkati fl-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku u, għalhekk, ma tista’ tinħareġ l-ebda konklużjoni valida dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti.

(285)

Bl-istess mod, Unifull u OTIZ esprimew l-opinjoni tagħhom li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku ma huwiex kompatibbli mal-Artikoli 2.2 u 2.2.1.1 tal-ADA u mal-ġurisprudenza tad-WTO, kif ukoll li hemm nuqqas ta’ evidenza fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fir-rigward tal-industrija Ċiniża tal-HTYP. Grupp ta’ utenti għamel affermazzjoni simili b’appoġġ għall-produtturi esportaturi.

(286)

L-argumenti mqajmin mill-partijiet ma setgħux jiġu aċċettati. Qabel kollox, il-Kummissjoni enfasizzat il-pożizzjoni tagħha li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huma kompletament konsistenti mal-obbligi tad-WTO tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward tal-argumenti dwar l-analiżi tad-distorsjonijiet sinifikanti allegatament żbaljata fit-talba għal rieżami interim, il-Kummissjoni fakkret, l-ewwel nett, li l-Artikolu 2(6a)(e) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi obbligu li tinġabar id-data neċessarja għall-applikazzjoni ta’ din il-metodoloġija meta l-investigazzjoni tkun inbdiet fuq din il-bażi. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma siltet l-ebda konklużjoni affattu dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti, iżda sempliċiment qieset l-evidenza sottomessa mill-applikant dwar id-distorsjonijiet sinifikanti suffiċjenti sabiex tibda l-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li ċerti tipi ta’ distorsjonijiet preżenti fiċ-Ċina – bħad-distorsjoni relatata mal-enerġija jew mal-manodopera - huma trażversali, u jaffettwaw l-ekonomija Ċiniża kollha u, għalhekk, anke l-prezzijiet u/jew il-materja prima u l-kostijiet tal-produzzjoni tal-prodott soġġett għal rieżami. Barra minn hekk, fir-rigward tal-affermazzjoni li l-allegazzjonijiet fit-talba għal rieżami interim jiddependu esklużivament fuq ir-Rapport u huma fi kwalunkwe każ ibbażati fuq informazzjoni skaduta jew mhux akkurata, il-Kummissjoni indikat li t-talba tista’ tkun qiegħda tagħmel dak kollu possibbli sabiex turi n-natura mhux mibdula tad-distorsjonijiet sinifikanti billi tirreferi għad-dokumenti ta’ politika tat-12-il ċiklu ta’ ppjanar jew tat-13-il wieħed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li l-Artikolu 2(6a)(d) tar-Regolament bażiku jipprovdi b’mod espliċitu lill-industrija tal-Unjoni bil-possibbiltà li tiddependi fuq l-informazzjoni li tinsab fir-Rapport meta tressaq ilment jew talba għal rieżami. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-evidenza identifikata fit-talba u msemmija fin-Notifika ta’ Bidu rispettiva kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-materja prima PTA u MEG hija nnegozjata fuq livell internazzjonali u, għalhekk, il-prezzijiet tagħha fiċ-Ċina ma humiex qegħdin jiġu distorti, dan l-argument irid jiġi miċħud (mingħajr ħsara għall-valutazzjoni ta’ affermazzjoni speċifika dwar in-natura mhux distorta tal-materja prima miksuba minn barra, kif spjegat fil-premessi (309) u (310)) għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, b’mod partikolari fil-premessi minn (98) sa (100).

4.5.3.    Kummenti tal-partijiet dwar l-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv

(287)

Fir-rigward tal-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv, bi tweġiba għat-Tieni Nota, grupp ta’ utenti ssuġġerixxa li r-Repubblika tal-Korea hija l-aktar pajjiż rappreżentattiv xieraq, minħabba l-livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għaċ-Ċina, il-produzzjoni tal-HTYP, id-disponibbiltà ta’ data pubblika rilevanti, u l-livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ta’ ħarsien tal-ambjent tagħha.

(288)

Huwa mfakkar li, għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ pajjiżi b’livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għaċ-Ċina, il-Kummissjoni tqis abbażi tal-bażi tad-data tal-Bank Dinji (91) il-Kummissjoni tqis biss il-pajjiżi b’“introjtu medju superjuri” fuq bażi ta’ introjtu nazzjonali gross. Madankollu, ir-Repubblika tal-Korea ġiet ikklassifikata, fil-PIR u qabel il-PIR, bħala pajjiż b’“introjtu għoli” mill-Bank Dinji u, għalhekk, ma tistax titqies bħala pajjiż rappreżentattiv potenzjali.

(289)

Guxiandao ddikjara fit-tweġiba tiegħu għan-Noti li d-data tal-GTA dwar il-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-HTYP ma hijiex akkurata, meta mqabbla mal-istatistika mill-portal tad-data uffiċjali tal-Istitut Tork tal-Istatistika. Il-Kummissjoni nnotat li d-data rrapportata fis-sistema tal-GTA għat-Turkija hija bbażata fuq il-perspettiva kummerċjali ġenerali filwaqt li d-data li nġabret mill-istatistika uffiċjali Torka hija bbażata fuq perspettiva kummerċjali speċjali (li teskludi merkanzija li tidħol f’żona ta’ kummerċ ħieles jew f’depost jew toħroġ minnhom). Għalhekk, id-differenzi fiċ-ċifri huma ġġustifikati kif xieraq u ma jistgħux jagħmlu d-data tal-GTA inaffidabbli. Għalhekk, Guxiandao ma jistax jasserixxi b’mod validu li d-data tal-GTA ma hijiex akkurata u l-argument tiegħu jrid jiġi miċħud.

(290)

Bi tweġiba għat-Tieni Nota, Guxiandao ssottometta wkoll li l-prezzijiet għall-materja prima fit-Turkija, iddivulgati fl-Anness I (Lista ta’ fatturi ta’ produzzjoni u l-prezzijiet tagħhom fit-Turkija) huma inkonsistenti mal-prezzijiet iddivulgati għat-Turkija fl-Anness II (Tqabbil tal-istatistika dwar l-importazzjoni għal pajjiżi rappreżentattivi potenzjali). Il-Kummissjoni nnotat li l-istatistika fl-Anness II hija sempliċi data mhux ipproċessata għall-finijiet ta’ tqabbil bejn pajjiżi differenti aggregati fil-livell HS6 komuni mingħajr ma jiġu inklużi d-dazji doganali applikabbli għal pajjiżi importaturi individwali. Min-naħa l-oħra, id-data fl-Anness I tiddeskrivi valuri fil-livell tal-kodiċijiet tariffarji nazzjonali Torok u tinkludi wkoll id-dazji doganali. Għalhekk, il-livelli tal-prezzijiet fl-Anness I u fl-Anness II ma humiex maħsubin biex ikunu identiċi u l-argument tal-parti għandu jiġi miċħud bħala bla bażi.

(291)

Wara d-divulgazzjoni finali, Guxiandao sostna li ma ġiet ipprovduta l-ebda worksheet ta’ kalkolu fir-rigward tal-aġġustament għad-dazji tal-importazzjoni fl-Anness I, u dan wassal għal divulgazzjoni inadegwata mill-Kummissjoni. Ġie osservat mill-Kummissjoni li d-data li tinkludi l-prezzijiet tal-fatturi tal-produzzjoni fit-Turkija ġiet iġġenerata awtomatikament mill-GTA fil-livell tal-kodiċijiet tariffarji nazzjonali Torok (inklużi d-dazji doganali konvenzjonali u preferenzjali kollha bbażati fuq il-bażi tad-data tal-Mappa tal-Aċċess għas-Suq - MacMap), ġiet divulgata kif xieraq u ntużat f’dan il-każ mill-Kummissjoni mingħajr modifika ulterjuri. Ġie nnotat li l-ebda worksheet addizzjonali ta’ kalkolu jew simili ma ġiet prodotta mill-Kummissjoni għal dan l-għan. Għalhekk, l-affermazzjoni ta’ Guxiando jkollha tiġi miċħuda.

(292)

Guxiandao asserixxa li t-Turkija ma hijiex adattata sabiex tintgħażel bħala pajjiż rappreżentattiv. Il-kumpanija issottomettiet li, l-ewwel nett, id-deprezzament u l-inflazzjoni għolja wasslu għal kundizzjonijiet anormali tas-suq fit-Turkija li inevitabbilment kellhom impatt fuq il-kostijiet lokali u li min-naħa tagħhom għamlu t-Turkija manifestament mhux adattata bħala pajjiż rappreżentattiv. Guxiandao tenna l-affermazzjoni tiegħu b’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali, u żied jgħid li l-prezzijiet lokali u/jew il-prezzijiet tal-importazzjoni affettwati minn deprezzament sinifikanti tal-munita lokali fit-Turkija ma jistgħux jirriflettu prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni. It-tieni, skont Guxiandao, Kordsa t-Turkija ma jistax jitqies bħala produttur tal-HTYP destinati għas-suq miftuħ, peress li l-kapaċità limitata ta’ produzzjoni ta’ raden tal-poliester tiegħu tintuża prinċipalment, jekk mhux esklużivament, għal użu ristrett fil-produzzjoni downstream tiegħu stess tad-drapp tal-korda tat-tajers. Din il-fehma kienet appoġġata wkoll minn grupp ta’ utenti li affermaw li Kordsa t-Turkija juża l-HTYP l-aktar għall-produzzjoni tiegħu stess għall-materjali ta’ qabel it-tajers. Guxiandao afferma li l-HTYP jifforma biss negozju marġinali u subordinat b’appoġġ għad-drapp tal-korda u li l-akbar maġġoranza tad-dħul estern, jekk mhux kollu kemm hu, fis-segment “Fibra tar-raden industrijali u tal-korda” hija relatata mad-dħul mill-bejgħ ta’ drappijiet industrijali u ta’ raden tan-najlon, u mhux tal-HTYP. Guxiando tenna dan l-argument fit-tweġiba tiegħu għad-divulgazzjoni finali. Il-partijiet ikkonkludew li, għalhekk, ir-riżultat finanzjarju tal-kumpanija ma huwiex rappreżentattiv ta’ produttur tal-HTYP u, għalhekk, ma hemm l-ebda informazzjoni finanzjarja disponibbli faċilment għall-operazzjoni tal-HTYP fit-Turkija. It-tielet, Guxiandao sostna fit-Tieni Nota li Kordsa it-Turkija jipproduċi tip speċifiku wieħed biss tal-HTYP (HMLS ta’ valur miżjud għoli għall-użu fil-karozzi), li jagħmlu mhux adattat għall-fini ta’ pajjiż rappreżentattiv, minħabba li r-riżultat operazzjonali minn tip wieħed tal-prodott ma huwiex rappreżentattiv ta’ dak li jikkonċerna l-produtturi Ċiniżi tal-HTYP li jipproduċu firxa wiesgħa ta’ tipi tal-prodott. Bħala konklużjoni, Guxiandao sostna li l-Kummissjoni jenħtieġ li tinjora l-marġni ta’ profitt ta’ Kordsa t-Turkija u tuża marġni ta’ profitt aktar raġonevoli rappreżentattiv tal-produtturi Ċiniżi tal-HTYP. Fit-tweġiba tiegħu għad-divulgazzjoni finali, Guxiandao sostna li l-livell ta’ profitt ta’ 15,3 % stabbilit mill-Kummissjoni huwa eċċessivament għoli għal produttur tal-HTYP u li għalhekk massimu ta’ 6 % (ugwali għall-marġni ta’ profitt fil-mira għall-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun f’dan il-każ, stabbilit bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku) huwa indikatur raġonevoli għall-profitt mingħajr distorsjoni u raġonevoli li produttur tal-HTYP jista’ normalment jikseb.

(293)

Il-Kummissjoni osservat li l-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv kienet ibbażata fuq it-tliet kriterji: il-livell ta’ żvilupp ekonomiku, il-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat u d-disponibbiltà ta’ data pubblika rilevanti. Impatt potenzjali ta’ munita żvalutata jew ta’ livell ta’ inflazzjoni ma huwiex fost dawk il-kriterji. Fi kwalunkwe każ, il-parti li ssottomettiet ma wrietx kif id-deprezzament tal-Lira Torka u l-inflazzjoni għolja fil-fatt kienu jaffettwaw il-prezzijiet tal-inputs miksubin mit-Turkija, u jekk iva xi jkun l-impatt reali fuq il-valuri normali kkalkolat f’CNY. Barra minn hekk, il-partijiet ma pprovdew l-ebda informazzjoni li tindika jekk (u kemm) il-lira Torka tintużax fi tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni għall-materja prima li jifformaw bażi sabiex jiġu stabbiliti l-parametri referenzjarji tal-kostijiet mingħajr distorsjoni f’dan il-każ. Barra minn hekk, meta jiġu stabbiliti l-parametri referenzjarji fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-importazzjoni għall-kalkolu tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-valuri tal-importazzjoni fil-pajjiżi rappreżentattivi finalment jiġu kkonvertiti fil-munita tal-pajjiż esportatur, jiġifieri f’dan il-każ CNY. Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li din l-affermazzjoni ma kinitx sostanzjata u rrifjutatha.

(294)

Fir-rigward tal-portafoll tal-prodotti u s-sors tad-dħul ta’ Kordsa t-Turkija, il-Kummissjoni nnotat li meta ma tkun disponibbli faċilment l-ebda informazzjoni finanzjarja speċifikament u fir-rigward tal-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni biss (f’dan il-każ l-HTYP), li rarament ikun il-każ, il-Kummissjoni tfittex li tidentifika l-eqreb indikatur disponibbli faċilment, inkluża informazzjoni konsolidata tal-produttur(i) attiv(i), fost l-oħrajn fin-negozju tal-prodott ikkonċernat. F’dan il-każ, kif deskritt fil-premessa (111) madwar 86 % tad-dħul estern ta’ Kordsa t-Turkija fl-2021 ġie ġġenerat fis-segment li jkopri l-HTYP. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jissottomettu l-partijiet, Kordsa t-Turkija tabilħaqq jiġġenera dħul estern billi jipproduċi u jbigħ ukoll raden tal-poliester (92). Fil-fatt, Kordsa huwa “[w]ieħed mill-mexxejja […] tas-suq tar-raden tal-poliester tal-HMLS”, b’“portafoll ta’ raden li huma adatti għall-użu f’applikazzjonijiet bħal drapp tal-korda, tessuti heavy-duty, nisġiet industrijali, inforr għat-tajers, kurda u ħbula b’tarf wieħed” (93), u b’hekk għall-użu wkoll f’industriji għajr fl-industrija tal-karozzi. Dan jagħmel l-argument tal-partijiet dwar l-użu ristrett tal-HTYP bla bażi. Barra minn hekk, ir-rinforz huwa waħda mill-applikazzjonijiet ewlenin għall-HTYP u l-produtturi Ċiniżi tal-HTYP, inkluż Guxiandao, jipproduċu wkoll raden tal-HMLS u jaqdu lil klijenti fl-industrija tal-karozzi. Għalhekk, ikun qarrieqi li jiġi ddikjarat li n-negozju tal-HTYP ta’ Kordsa t-Turkija ma huwiex rappreżentattiv tal-attivitajiet kummerċjali tal-produtturi Ċiniżi tal-HTYP. Fl-aħħar nett, il-partijiet ma pproponewx bħala alternattiva għal Kordsa t-Turkija kwalunkwe produttur xieraq ieħor tal-HTYP b’data finanzjarja faċilment disponibbli speċifikament u unikament għall-HTYP, aħseb u ara produttur tal-HTYP b’portafoll usa’ tal-HTYP minn dak ta’ Kordsa t-Turkija.

(295)

Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkostanzi, l-SG&A konsolidati u l-profitt identifikati għal Kordsa t-Turkija huma meqjusin bħala rappreżentattivi u xierqa biżżejjed sabiex jiġu applikati għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni u l-argumenti tal-partijiet iridu jiġu miċħudin. Ġie osservat ukoll li, il-profitt fil-mira ta’ 6 % propost li jintuża minn Guxiandao u l-profitt fil-pajjiż rappreżentattiv jirreferu għal kunċetti differenti rregolati minn regoli differenti preskritti f’dispożizzjonijiet legali differenti. B’mod partikolari, il-profitt fil-mira huwa l-profitt miksub mill-industrija tal-Unjoni għall-bejgħ domestiku fl-Unjoni f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni u jintuża għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Il-profitt fil-pajjiż rappreżentattiv intuża fil-kalkolu tal-valur normali b’referenza għall-pajjiż rappreżentattiv xieraq skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Dan il-profitt irid jirrifletti l-profitt miksub minn kumpanija li tipproduċi l-prodott investigat jew prodott simili, f’pajjiż rappreżentattiv. Peress li l-kunċett tal-profitt fil-mira u tal-profitt f’pajjiż rappreżentattiv mhuwiex komparabbli, l-affermazzjoni ta’ Guxiandao ġiet miċħuda bħala irrilevanti. Barra minn hekk, Guxiandao ma pprovda l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-ammont għall-profitt inkluż fil-valur normali maħdum ma kienx mingħajr distorsjoni u raġonevoli skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(a).

(296)

Guxiandao kien tal-fehma li l-Kummissjoni jenħtieġ li tagħżel lill-Brażil bħala l-pajjiż rappreżentattiv xieraq minflok it-Turkija, minħabba li hemm data finanzjarja disponibbli faċilment għall-kumpanija tal-grupp Kordsa fil-Brażil u minħabba li fl-2021 il-Brażil ftit li xejn kellu importazzjonijiet miċ-Ċina li jikkonċernaw l-inputs ewlenin għall-produzzjoni tal-HTYP (PTA, MEG, ċipep tal-PET) meta mqabbel mat-Turkija u, għalhekk, huwa anqas probabbli li jkun affettwat mid-distorsjonijiet allegati. Guxiandao tenna dan l-argument fit-tweġiba tagħha għad-divulgazzjoni finali, u żiedet li jekk ir-rapport annwali ta’ Kordsa t-Turkija għall-2021 fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ kumpaniji kien aċċettabbli bħala sors biex jiġu stabbiliti l-SG&A u l-profitt mingħajr distorsjoni fit-Turkija, applika bl-istess mod għal Kordsa Brażil peress li l-kontijiet konsolidati inkludew ukoll ir-riżultat operazzjonali ta’ Kordsa Brażil.

(297)

L-ewwel nett, id-data finanzjarja għal Kordsa Brażil hija disponibbli biss għall-2019, filwaqt li l-perjodu soġġett għar-reiżami f’dan il-każ, li huwa ta’ rilevanza primarja, ikopri s-sena 2021. Barra minn hekk, kif deskritt hawn fuq, teżisti data disponibbli faċilment u profittabbli fir-rigward ta’ Kordsa t-Turkija għall-2021. Filwaqt li r-rapport finanzjarju ta’ Kordsa t-Turkija għal-2021 użat għall-finijiet ta’ dan il-każ ikkonsolida wkoll id-data tassussidjarji tiegħu, inkluż Kordsa Brażil, kien evidenti li ċ-ċifri tal-profitt u tal-SG&A fir-rapport konsolidat kienu aktar rappreżentattivi tal-operazzjonijiet ta’ Kordsa t-Tukija minflok ta’ operazzjonijiet ta’ Kordsa Brażil. Dan minħabba li d-dħul iġġenerat mis-segment ġeografiku tal-Ewropa-il-Lvant Nofsani - l-Afrika (li jkopri biss l-operazzjonijiet fit-Turkija) kien kważi tliet darbiet ogħla mid-dħul iġġenerat minn Kordsa Brażil (li jirrappreżenta s-segment tal-Amerka t’Isfel) (94). Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-ammont għall-kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għall-profitti inklużi fil-valur normali maħdum ikun mingħajr distorsjoni u raġonevoli. Guxiandao ma pproduċa l-ebda evidenza li turi li dan mhuwiex il-każ. It-tieni, filwaqt li l-proporzjon ta’ kwantitajiet ta’ importazzjonijiet mingħajr distorsjoni mill-importazzjonijiet totali għaċ-ċipep tal-PET, għall-PTA u għall-MEG lejn it-Turkija kien aktar baxx minn dak tal-importazzjonijiet mingħajr distorsjoni fil-Brażil, il-kwantità totali ta’ importazzjonijiet mingħajr distorsjoni għal kull wieħed minn dawn l-inputs fit-Turkija kienet ogħla b’mod sinifikanti mill-kwantità totali ta’ importazzjonijiet mhux distorti lejn il-Brażil. Fil-fatt, filwaqt li l-Brażil jista’ jkollu data rappreżentattiva biżżejjed dwar l-importazzjonijiet taċ-ċipep tal-PET u tal-MEG disponibbli, dan ma japplikax għall-importazzjonijiet tal-PTA, li kienu insinifikanti meta mqabblin mat-Turkija u kienu jammontaw biss għal madwar 7 % tal-importazzjonijiet tal-PTA fit-Turkija. Għalhekk, l-argument ippreżentat minn Guxiandao jrid jiġi rrifjutat.

(298)

Fir-rigward tal-SG&A ta’ Kordsa it-Turkija, li għandhom jiġu applikati f’dan il-każ sabiex jinbena l-valur normali għall-produtturi esportaturi, Guxiandao sostna li sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali maħdum u l-prezz tal-esportazzjoni, l-ispejjeż tal-imballaġġ, li skont Guxiandao jifformaw parti mill-SG&A (fuq il-bażi tan-Nota 21 tar-rapporti finanzjarji ta’ Kordsa it-Turkija) jenħtieġ li jiġu esklużi.

(299)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ħadet ir-rapport tal-introjtu u l-entrati operatorji elenkati fih bħala bażi għall-kalkolu tal-kostijiet tal-SG&A għal Kordsa t-Turkija. In-Nota 21 tar-rapporti finanzjarji, imsemmija minn Guxiandao, telenka “L-Ispejjeż skont in-natura”, li ovvjament ikopru mhux biss l-ispejjeż operatorji, iżda wkoll il-kostijiet tal-materjal, inkluż l-kostijiet tal-imballaġġ inklużi fil-kost tal-oġġetti mibjugħin. Paragun sempliċi tat-total tal-ispejjeż operatorji fir-rapport tal-introjtu u tat-total tal-ispejjeż fin-Nota 21 juri wkoll li l-ammont tal-aħħar huwa ogħla b’mod sinifikanti. Għalhekk, ikun manifestament żbaljat li ssir estrapolazzjoni mis-sempliċi referenza għan-Nota 21 fil-parti tar-rapport tal-introjtu li telenka l-entrati operatorji li l-ispejjeż kollha deskritti fin-Nota 21 jikkorrispondu għall-ispejjeż operatorji. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-argument magħmul minn Guxiandao jrid jiġi rrifjutat.

(300)

Barra minn hekk, grupp ta’ utenti ħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-SG&A u l-profitt tal-produtturi esportaturi Ċiniżi stess sabiex tikkalkola l-valur normali.

(301)

Il-Kummissjoni nnotat li ladarba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti għall-pajjiż esportatur tkun stabbilita f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jinħadem b’referenza għal prezzijiet jew għal parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv xieraq (f’dan il-każ it-Turkija) għal kull produttur esportatur skont l-Artikolu 2(6a)(a). Il-Kummissjoni tenfasizza li din id-dispożizzjoni teħtieġ b’mod speċifiku wkoll li l-valur normali maħdum jinkludi ammont raġonevoli għall-kostijiet SG&A u għall-profitt mingħajr distorsjoni fil-pajjiż rappreżentattiv xieraq. Ladarba l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prodott soġġett għal rieżami fil-pajjiż esportatur, hija ma tistax tuża l-kostijiet SG&A u l-profitt reali ta’ produtturi esportaturi individwali peress li nstab li dawn kienu distorti. Il-partijiet interessati ma pprovdew l-ebda evidenza li l-kostijiet SG&A u l-profitt reali tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu mingħajr distorsjoni. Għalhekk, din l-affermazzjoni hija miċħuda.

(302)

Unifull, filwaqt li qabel mal-għażla tat-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv xieraq, ikkontesta l-għażla tad-data dwar l-elettriku/il-gass naturali. Il-parti argumentat li d-deprezzament tal-lira Torka kontra l-euro u d-dollaru Amerikan għolla l-prezz tal-importazzjoni tal-gass naturali/tal-elettriku, li l-invażjoni mir-Russja tal-Ukrajna fl-2022 affettwat il-prezz tal-gass naturali u tal-elettriku tat-Turkija u li t-temp straordinarju fit-Turkija fl-2021 ukoll kien għolla l-prezz tal-elettriku. Unifull issottometta li, b’riżultat ta’ dan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrinunzja milli tuża d-data dwar il-prezzijiet tal-gass naturali/tal-elettriku tat-Turkija u tissostitwiha b’data mill-Brażil jew minn pajjiżi xierqa oħrajn, għal riflessjoni ġusta tal-prezz tal-enerġija reali u normali.

(303)

Il-Kummissjoni nnotat li filwaqt li d-deprezzament seta’ kkontribwixxa għal żieda fil-prezzijiet tal-gass/tal-elettriku fit-Turkija, żieda fil-prezzijiet bħal din ma tkunx rari peress li tikkorrispondi ma’ xejra Ewropea usa’, kif ikkonfermat mill-artikolu stess ikkwotat minn Unifull b’appoġġ tal-affermazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tat-temp niexef fl-2021 u l-invażjoni mir-Russja tal-Ukrajna fl-2022 huma żviluppi li kienu jaffettwaw, jekk xejn, il-prezzijiet tal-enerġija fl-2022 aktar milli fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Dan jirriżulta mill-artikoli kkwotati minn Unifull kif ukoll mill-fatt li l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja seħħet fi Frar 2022. Barra minn hekk, kif spjegat minn Unifull, it-Turkija importat madwar 45 % tal-gass mir-Russja fl-2021, u għalhekk ma kinitx tiddependi kompletament fuq l-importazzjonijiet mir-Russja. Għalhekk, Unifull naqset milli tissostanzja l-affermazzjoni tagħha li talbet is-sostituzzjoni tal-prezz tal-gass/tal-elettriku u, għalhekk, tali affermazzjoni trid tiġi miċħuda.

(304)

L-applikant issottometta li t-Turkija għandha livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u għandha sett tad-data ħafna aktar rappreżentattiv għall-fatturi ta’ produzzjoni meta mqabbla mal-pajjiżi l-oħrajn. Għalhekk, l-applikant sostna l-konklużjoni tal-Kummissjoni.

4.5.4.    Sorsi użati sabiex jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni

(305)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-partijiet interessati (tmien produtturi esportaturi ssottomettew informazzjoni dwar l-inputs tal-HTYP) u ta’ informazzjoni rilevanti oħra disponibbli fil-fajl, il-Kummissjoni stabbiliet, fl-Ewwel Nota, lista inizjali ta’ fatturi ta’ produzzjoni bħal materjali, enerġija u manodopera, użati għall-produzzjoni tal-prodott soġġett għal rieżami.

(306)

F’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni identifikat ukoll sorsi li għandhom jintużaw sabiex jiġu stabbiliti prezzijiet u valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni. Is-sors ewlieni li l-Kummissjoni pproponiet li jintuża kien jinkludi l-Global Trade Atlas (il-“GTA”). Fl-aħħar, il-Kummissjoni identifikat il-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (“SA”) tal-FOPs li fl-Ewwel Nota tqiesu inizjalment li kellhom jintużaw għall-analiżi tal-GTA fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet interessati.

(307)

Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw u jipproponu informazzjoni pubblikament disponibbli dwar valuri mhux distorti għal kull wieħed mill-FOPs imsemmijin fl-Ewwel Nota. Sussegwentement, fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni aġġornat l-informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tariffarja dwar l-FOPs u espandiet il-lista ta’ dawn fuq il-bażi tal-kummenti li rċiviet mill-partijiet interessati.

(308)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-FOPs li ġejjin u s-sorsi tagħhom ġew identifikati fir-rigward tat-Turkija, sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku:

Tabella 15

Fatturi ta’ produzzjoni tal-HTYP

Fattur ta’ Produzzjoni

Linja tariffarja

Sors tad-data li l-Kummissjoni beħsiebha tuża

Materja prima

Prezzijiet (CNY)

 

Aċidu tereftaliku purifikat (PTA)

291736 00 0011

Global Trade Atlas (GTA) (95)

Market Access Map, International Trade Centre (MacMap) (96)

4,91 CNY/Kg

Monoetilenglikol (MEG)

290531

Global Trade Atlas (GTA)

Market Access Map, International Trade Centre (MacMap)

4,73 CNY/Kg

Ċipep tal-polietilentereftalat (PET)

390769

Global Trade Atlas (GTA)

Market Access Map, International Trade Centre (MacMap)

7,14 CNY/Kg

Żejt tal-Finitura bit-Tidwir

340311

340391

Global Trade Atlas (GTA)

Market Access Map, International Trade Centre (MacMap)

17,41 CNY/Kg

Manodopera

Manodopera

[MHUX APPLIKABBLI]

Istitut Tork tal-Istatistika (97)

37,83 CNY/Siegħa ta’ Xogħol

Enerġija

Elettriku

[MHUX APPLIKABBLI]

Istitut Tork tal-Istatistika

Faxex ta’ konsum (MWh)

20 000 ≤ T < 70 000

0,50 CNY/kWh

T > 150 000

0,47 CNY/kWh

 

 

 

 

Gass

[MHUX APPLIKABBLI]

Istitut Tork tal-Istatistika

Faxxa ta’ konsum (m3)

T < 26 100

1,34 CNY/m3

261 000 ≤ T < 2 610 000

1,66 CNY/m3

Faħam

270111

270112 10

270112 90

270119

Global Trade Atlas (GTA)

Market Access Map, International Trade Centre (MacMap)

716,59 CNY/MT

Prodott sekondarju/Skart

Skart tar-raden

550510 30 0011

550510 30 0019

Global Trade Atlas (GTA)

Market Access Map, International Trade Centre (MacMap)

3,15 CNY/Kg

(309)

Guxiandao afferma li tnejn mill-materjali importati direttament jew indirettament tiegħu nxtraw b’valuri mhux distorti minn pajjiżi terzi. Guxiandao qies ukoll li l-valur ta’ materja prima ewlenija oħra ma għandux ikun affettwat mill-allegati distorsjonijiet sinifikanti minħabba li l-prezzijiet tax-xiri ġew innegozjati mal-fornituri fuq il-bażi tal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali li huma trasparenti ħafna u l-prezzijiet tax-xiri huma konformi mal-prezzijiet internazzjonali. Guxiandao qies ukoll li l-materjali li s-sjieda tal-fornituri tagħhom hija privata u l-kost tal-elettriku mill-enerġija solari ma għandhomx jitqiesu bħala distorti.

(310)

Guxiandao pprovda evidenza ta’ sostenn (jiġifieri fatturi tax-xiri, dokumenti tal-importazzjoni u kuntratti) għaż-żewġ materji primi msemmija fil-premessa (309) hawn fuq. L-evidenza wriet li x-xiri għall-maġġoranza l-kbira ta’ proporzjon u proporzjon żgħir tal-materjal l-ieħor sar f’USD u direttament minn swieq ħielsa minn distorsjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni aċċettat din l-affermazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dawn l-importazzjonijiet mingħajr distorsjoni taż-żewġ tipi ta’ materja prima fiċ-Ċina għal dan il-produttur esportatur partikolari matul il-PIR. Madankollu, għall-kostijiet l-oħrajn relatati mal-materjali mixtrijin fiċ-Ċina (irrispettivament mis-sjieda tal-fornitur jew mis-sors tal-enerġija), il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi b’mod pożittiv, fuq il-bażi tal-evidenza fil-fajl, li ma kinux distorti. Għalhekk, l-affermazzjoni kienet irrifjutata.. Kif imsemmi fil-premessa (114), it-Turkija ġiet stabbilita bħala l-pajjiż rappreżentattiv f’dan il-każ u, għalhekk, il-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni jridu jkunu bbażati fuq il-prezzijiet ta’ importazzjoni korrispondenti mingħajr distorsjoni fit-Turkija.

(311)

Fit-tweġiba tagħha għad-divulgazzjoni finali, CIRFS argumentat li l-Kummissjoni jenħtieġ li tispjega kif tista’ tiżgura li ż-żewġ materji primi importati minn Guxiandao u użati għall-kalkolu tal-valur normali ma kinux affettwati minn xi distorsjoni sinifikanti. CIRFS innotat li ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita bis-sħiħ id-drittijiet ta’ difiża tagħha li tipprovdi kummenti utli fir-rigward ta’ dan it-trattament speċifiku applikat għal Guxiandao.

(312)

Saret referenza għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-affermazzjoni u l-kriterji ta’ Guxiandao użati fl-eżami u l-aċċettazzjoni ta’ tali pretensjoni. Il-Kummissjoni sostniet li hija ddivulgat biżżejjed il-fatti, filwaqt li rrispettat il-kunfidenzjalità tad-data tax-xiri ta’ Guxiandao. L-approċċ applikat fil-valutazzjoni tal-affermazzjoni ta’ Guxiandao (u spjegat mill-Kummissjoni) involva eżami bir-reqqa tar-rekords tax-xiri u l-kuntratti kif ukoll analiżi ta’ varjetà ta’ parametri bħall-kanali tal-bejgħ użati, iċ-ċertifikati tal-oriġini, il-munita tal-fattura kif ukoll termini oħra tal-bejgħ. Għalhekk, is-CIRFS kienet f’pożizzjoni li tikkummenta dwar l-approċċ applikat u teżerċita kif xieraq id-drittijiet ta’ difiża tagħha.

4.5.5.    Materja prima użata fil-proċess ta’ produzzjoni

(313)

Sabiex tistabbilixxi l-prezz mhux distort tal-materja prima, il-Kummissjoni użat bħala bażi l-prezz medju ponderat tal-importazzjoni (CIF) għall-pajjiż rappreżentattiv, kif irrapportat fil-GTA, mill-pajjiżi terzi kollha minbarra ċ-Ċina u l-pajjiżi li ma humiex membri tad-WTO u elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/755. Il-Kummissjoni ddeċidiet li teskludi l-importazzjonijiet miċ-Ċina peress li kkonkludiet li ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fiċ-Ċina minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku (ara l-premessa (100) aktar ’il fuq). Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza li turi li l-istess distorsjonijiet ma jaffettwawx bl-istess mod il-prodotti maħsubin għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istess distorsjonijiet kienu jaffettwaw l-esportazzjonijiet. Meta xieraq, il-prezz medju ponderat tal-importazzjoni ġie aġġustat għad-dazji tal-importazzjoni. Wara li ġew esklużi l-importazzjonijiet mir-RPĊ u minn pajjiżi li ma humiex membri tad-WTO fil-pajjiż rappreżentattiv, il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn baqa’ rappreżentattiv.

(314)

Il-Kummissjoni esprimiet il-kost tat-trasport imġarrab mill-produtturi esportaturi li kkooperaw għall-provvista ta’ materja prima bħala perċentwal tal-kost effettiv ta’ materja prima bħal din u mbagħad applikat l-istess perċentwal għall-kost mingħajr distorsjoni tal-istess materja prima sabiex jinkisbu l-kostijiet mingħajr distorsjoni tat-trasport. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-proporzjon bejn il-materja prima tal-produttur esportatur u l-kostijiet tat-trasport irrapportati jista’ jintuża b’mod raġonevoli bħala indikazzjoni sabiex jiġu stmati l-kostijiet mingħajr distorsjoni tat-trasport tal-materja prima meta tiġi kkonsenjata lill-fabbrika tal-kumpanija.

(315)

Għal numru żgħir ta’ FOPs, minħabba s-sehem insinifikanti tagħhom fil-kostijiet totali tal-materja prima fil-PIR, irrispettivament mis-sors użat, il-Kummissjoni ttrattat dawk l-FOPs bħala oġġetti konsumabbli, kif spjegat fil-premessa (334).

(316)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, Unifull argumenta li l-MEG mixtri u użat minn dan il-grupp ġie importat minn barra l-pajjiż permezz ta’ operaturi tas-suq u, konsegwentement, dan il-MEG ma kienx affettwat mid-distorsjonijiet fis-suq Ċiniż. Għalhekk Unifull argumenta li meta jiġi stabbilit il-valur normali, għandu jintuża l-kost tiegħu, minflok il-punti ta’ riferiment deskritti hawn fuq.

(317)

Il-Kummissjoni indikat li l-kwestjonarju anti-dumping jitlob b’mod espliċitu lill-produttur esportatur biex jindika jekk iqisx li xi wieħed mill-fatturi ta’ produzzjoni sar b’valuri mingħajr distorsjoni u, f’każ bħal dan, jippreżenta l-evidenza rilevanti kollha biex jappoġġa tali affermazzjoni. Madankollu, fl-ebda punt matul l-investigazzjoni qabel il-kummenti tagħha għad-divulgazzjoni finali ma’ Unifull ma għamlet xi affermazzjoni speċifikata jew sostanzjata li xi wieħed mill-materjali nxtara b’valuri mhux distort u lanqas ma identifikat xi tranżazzjonijiet li kienu jsiru b’valuri mhux distorti. Għall-kuntrarju, Unifull kienet irrapportat li x-xiri kollu tal-MEG sar minn fornitur domestiku Ċiniż mingħajr ebda referenza għall-importazzjonijiet. Id-dokumenti mibgħuta wara d-divulgazzjoni finali, essenzjalment il-kuntratti tax-xiri u l-fatturi mill-kummerċjant Ċiniż tal-MEG, ma jipprovdux raġunament sostanzjat għaliex il-prezz tax-xiri tal-MEG ma jkunx affettwat minn distorsjonijiet. Għalhekk, din l-affermazzjoni, li kienet ibbażata fuq affermazzjoni li ma kinitx evidenzjata u li ma setgħetx tiġi vverifikata matul l-investigazzjoni, ġiet irrifjutata.

(318)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali Unifull affermat ukoll li l-prezz referenzjarju għall-PTA kien minfuħ minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali (rati eċċezzjonalment għoljin tat-trasport mill-Asja għal it-Turkija fl-2021) li ma jirriflettux il-kundizzjonijiet normali tas-suq filwaqt li fl-istess żmien Unifull ma ġarrbet l-ebda kost tat-trasport internazzjonali għall-PTA peress li kienet qed takkwista PTA domestiku fiċ-Ċina. Konsegwentement, Unifull qies li l-prezz referenzjarju tal-PTA għandu jiġi aġġustat ’l isfel b’0,24 CNY/Kg jew mill-anqas 0,15 CNY/Kg biex jikkumpensa għall-kost għoli tat-trasport.

(319)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għandu jinbena bl-użu ta’ parametri referenzjarji li jikkorrispondu għall-kostijiet tal-produzzjoni f’pajjiż rappreżentattiv xieraq. B’kuntrast ma’ dak li sostniet Unifull, il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni hija strettament konformi ma’ dan il-prinċipju u l-Kummissjoni applikat il-kost korrispondenti mingħajr distorsjoni tal-PTA f’it-Turkija fl-istabbiliment tal-parametru referenzjarju. Flimkien mal-kummenti tiegħu Unifull ipprovda analiżi tad-data tal-importazzjoni tad-dundjani estratta minn UN COMTRADE. Madankollu, din l-analiżi sempliċement turi l-prezzijiet tal-importazzjoni CIF u FOB u b’hekk tnaqqas il-kost tat-trasport, iżda ma tipprovdi l-ebda evidenza li tappoġġa l-affermazzjoni ta’ Unifull li l-prezzijiet tal-importazzjoni f’it-Turkija jkunu distorti jew li ma jirriflettux il-kundizzjonijiet normali tas-suq.

(320)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jenħtieġ li jirrifletti l-prezz mhux distort tal-materja prima fil-pajjiż rappreżentattiv, f’dan il-każ it-Turkija. Għalhekk jenħtieġ li dan jirrifletti l-prezz li produttur tal-HTYP iħallas fit-Turkija għal materja prima kkonsenjata fil-bieb tal-fabbrika. Il-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni tirrifletti dan l-approċċ. Jekk isiru l-aġġustamenti ssuġġeriti mill-Unifull, il-prezz li jirriżulta ma jirriflettix il-prezz mhux distort fis-suq Tork iżda pjuttost prezz arbitrarju bejn il-prezz li produttur tal-HTYP kien iħallas fit-Turkija u l-prezz EXW (meta jinbiegħ għall-esportazzjoni) fil-pajjiżi li jbigħu li it-Turkija. Dan imur kontra l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku u għalhekk din l-affermazzjoni hija rrifjutata.

4.5.6.    Manodopera

(321)

Sabiex tistabbilixxi l-valur referenzjarju għall-kostijiet lavorattivi, il-Kummissjoni użat l-aktar statistika reċenti ppubblikata mill-Istitut tal-Istatistika Tork (98). Dan l-istitut jippubblika informazzjoni dettaljata dwar il-kostijiet lavorattivi f’setturi ekonomiċi differenti fit-Turkija. Il-Kummissjoni stabbiliet il-parametru referenzjarju fuq il-bażi tal-kostijiet lavorattivi fis-siegħa għall-2020 għall-attività ekonomika bil-kodiċi 20 tan-NACE, “Manifattura ta’ sustanzi kimiċi”, skont il-klassifikazzjoni NACE Rev.2. Il-valuri ġew aġġustati aktar għall-inflazzjoni permezz tal-indiċi domestiku tal-prezzijiet għall-konsumatur (99) sabiex jirriflettu l-kostijiet għall-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Meta mqabbel mat-Tieni Nota u wara talba mqajma minn Guxiandao, il-valur referenzjarju għall-manodopera ġie mmodifikat sabiex iqis ir-rata medja annwali tal-inflazzjoni.

4.5.7.    Enerġija

(322)

Sabiex tistabbilixxi l-parametru referenzjarju tal-prezz għall-elettriku, il-Kummissjoni użat il-prezzijiet tal-elettriku għall-kumpaniji (utenti industrijali) fit-Turkija ppubblikati mill-Istitut tal-Istatistika Tork (100). Il-parametru referenzjarju ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz għall-elettriku u għall-gass, ippubblikat fil-31 ta’ Marzu 2022. Il-prezz imsemmi huwa l-medja għall-2021. Il-Kummissjoni użat id-data dwar il-prezzijiet tal-elettriku industrijali fil-faxex ta’ konsum korrispondenti, netti mill-VAT.

(323)

Guxiandao argumenta li minbarra l-VAT applikata fuq il-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass identifikati għat-Turkija, il-prezzijiet tal-elettriku jinkludu taxxi u tariffi addizzjonali (taxxa fuq il-konsum, tariffi TRT u tal-Fond tal-Enerġija), li jenħtieġ li jitnaqqsu mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-kost referenzjarju tal-elettriku. L-ewwel nett, ġie nnotat li ma hemm l-ebda evidenza fil-fajl li turi li (u sa liema punt, jekk ikun hemm) il-kumpaniji fit-Turkija rkupraw kwalunkwe waħda mit-taxxi u mit-tariffi msemmijin, li b’hekk jistħoqqilhom kwalunkwe tnaqqis mill-kostijiet referenzjarji. Barra minn hekk, Guxiandao naqas milli jissostanzja l-affermazzjoni tiegħu speċifikament fir-rigward tas-sett ta’ data ppubblikat mill-Istitut Tork tal-Istatistika u użat għall-finijiet ta’ dan il-każ.

(324)

Fir-rigward tal-faħam, il-Kummissjoni użat il-prezz medju tal-faħam f’it-Turkija fl-2021 abbażi tal-istatistika tal-GTA (101).

(325)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, l-applikant, CIRFS wriet id-dubju tagħha dwar l-użu tal-faħam bħala sors ta’ enerġija fl-istabbiliment tal-valur normali u wkoll dwar jekk il-kost ambjentali tal-faħam huwiex rifless b’mod ġust fil-prezz mhux distort tal-faħam.

(326)

Il-Kummissjoni fakkret li skont il-metodoloġija stabbilita fir-Regolament bażiku u skont l-Artikolu 2(6a)(a) tiegħu, il-valur normali għandu jinħadem esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri referenzjarji mhux distorti. Minn dan isegwi li, minkejja s-sostituzzjoni tal-prezzijiet tal-fatturi tal-produzzjoni b’valuri referenzjarji mhux distorti, il-konsum tal-fatturi tal-produzzjoni għandu jirrifletti l-konsum reali minn kull esportatur u produttur separatament. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda diskrezzjoni li tagħżel sorsi alternattivi ta’ enerġija biex tissostitwixxi dawk użati minn kull produttur esportatur jew li żżid elementi arbitrarji mal-prezzijiet mhux distorti osservati fil-pajjiż rappreżentattiv xieraq. Dan kien imur kontra l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tar-riflessjoni tal-kostijiet ambjentali fil-prezz mhux distort tal-faħam, ġie nnotat li fl-istabbiliment tal-valur normali maħdum f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-kostijiet ambjentali mhumiex kontabilizzati b’mod speċifiku. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(327)

Barra minn hekk, bi tweġiba għad-divulgazzjoni finali, is-CIRFS talbet lill-Kummissjoni li, fid-dawl tar-rapport tal-Kummissjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti fir-Russja (102), l-importazzjonijiet tal-faħam mir-Russja lejn it-Turkija jiġu esklużi mill-prezz medju tal-importazzjoni tal-faħam f’it-Turkija kkunsidrat għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. B’mod aktar speċifiku, b’referenza għar-rapport tal-Kummissjoni, is-CIRFS argumentat li filwaqt li l-industrija tal-faħam Russa ġiet privatizzata fil-biċċa l-kbira, is-suq huwa kkonċentrat u l-prezzijiet huma influwenzati minn miżuri fiskali applikabbli u mill-kostijiet ferrovjarji (stabbiliti mill-kumpaniji ferrovjarji tal-istat). Barra minn hekk, is-CIRFS għamlet sottomissjoni addizzjonali sitt ijiem wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali, fejn tenniet it-talba tagħha u argumentat ukoll għall-esklużjoni tal-importazzjonijiet tal-faħam Kolombjan mill-prezz tal-importazzjoni tal-faħam għa t-Turkija. Il-Kummissjoni, filwaqt li qieset l-impatt negliġibbli li l-aċċettazzjoni jew ir-rifjut ta’ din l-affermazzjoni kien ikollu fuq il-miżuri, iddeċidiet li ma kienx hemm bżonn li tiġi analizzata aktar. Rigward l-affermazzjoni addizzjonali li saret fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-faħam Kolombjan, saret referenza għall-punt 7 tan-Notifika ta’ Bidu. Skont id-dispożizzjoni msemmija, sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi obbligatorji, il-Kummissjoni mhux se taċċetta sottomissjonijiet mill-partijiet interessati wara l-iskadenza biex jipprovdu kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Għalhekk, l-affermazzjonijiet tas-CIRFS ġew miċħuda.

(328)

Bi tweġiba għad-divulgazzjoni finali, is-CIRFS issottomettiet li l-Kummissjoni għandha tispjega għaliex il-prezz tal-gass tal-2021 fit-Turkija magħżul għall-fini tal-kalkolu tal-valur normali naqas b’mod sinifikanti, filwaqt li skont l-Istitut tal-Istatistika Tork, il-prezz unitarju medju tal-gass naturali fit-Turkija żdied drastikament fl-2021 meta mqabbel mal-2020. Kif diġà deskritt fit-Tieni Nota divulgata, il-Kummissjoni kisbet id-data dwar il-prezzijiet tal-gass direttament mill-bażi tad-data tal-Istitut tal-Istatistika Tork, bl-użu tal-prezzijiet medji għall-2021 għall-faxex ta’ konsum rispettivi, filwaqt li kkonvertiet iċ-ċifri mil-Lira Torka għall-RMB bl-użu tar-rata tal-kambju uffiċjali applikabbli biex jinħadem il-valur normali għall-produtturi esportaturi.

(329)

Barra minn hekk, is-CIRFS iddikjarat bi tweġiba għad-divulgazzjoni finali li l-Kummissjoni għandha tispjega fir-rigward tal-gass il-metodoloġija użata biex tintgħażel l-aktar faxxa ta’ konsum xierqa għal kull produttur Ċiniż. Kien innotat f’dan ir-rigward li, kif spjegat fil-qosor fil-premessa (322), il-Kummissjoni attribwiet lil kull produttur fil-kampjun, il-kost tal-gass fil-faxxa tal-konsum li tikkorrispondi mal-konsum tal-gass totali reali tagħha matul il-PIR.

4.5.8.    SG&A u profitti

(330)

Skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti”. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit valur għall-kostijiet ġenerali tal-manifattura sabiex ikopri l-kostijiet mhux inklużi fil-fatturi ta’ produzzjoni msemmijin hawn fuq.

(331)

Sabiex jiġi stabbilit ammont mingħajr distorsjoni u raġonevoli għall-SG&A u għall-profitti, il-Kummissjoni użat l-SG&A (6,6 %) u l-profitt (15,3 %) tal-produttur tal-HTYP fit-Turkija, Kordsa t-Turkija, li għalih iċ-ċifri relatati mad-data finanzjarja tal-2021 (jiġifieri għall-perjodu li jikkoinċidi bis-sħiħ mal-PIR) kienu disponibbli faċilment.

4.5.9.    Kalkolu tal-valur normali

(332)

Fuq il-bażi tal-prezzijiet u l-valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni deskritti hawn fuq, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi tal-prezz mill-fabbrika f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(333)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni stabbiliet il-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura għal kull entità legali li timmanifattura u tesporta l-prodott soġġett għal rieżami fuq il-bażi tal-fatturi ta’ produzzjoni mixtrijin minn kull waħda mill-kumpaniji u identifikati fit-Tabella 15. Imbagħad il-Kummissjoni applikat il-kostijiet unitarji mhux distorti għall-konsum reali tal-fatturi individwali ta’ produzzjoni ta’ kull wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun. Il-Kummissjoni naqqset il-kostijiet tal-manifattura mid-dħul mingħajr distorsjoni ġġenerat għall-prodott inċidentali (f’dan il-każ l-iskart tar-raden) mibjugħ mill-ġdid.

(334)

It-tieni, sabiex tasal għal kost totali mingħajr distorsjoni tal-manifattura, il-Kummissjoni żiedet l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura. L-ispejjeż ġenerali tal-manifattura mġarrbin mill-produtturi esportaturi fil-kampjun żdiedu bil-kostijiet tal-oġġetti tal-konsumabbli imsemmijin fil-premessa (315) u sussegwentement ġew espressi bħala sehem mill-kostijiet tal-manifattura li effettivament iġġarrbu minn kull produttur esportatur. Dan il-perċentwal ġie applikat għall-kostijiet tal-manifattura mingħajr distorsjoni.

(335)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni żiedet l-SG&A u l-profitt, iddeterminati fuq il-bażi tal-produttur Tork tal-HTYP (ara l-premessa (331)). L-SG&A u l-profitt, it-tnejn espressi bħala perċentwal tal-kost tal-oġġetti mibjugħin u applikati għall-kost totali tal-manifattura mingħajr distorsjoni, ammontaw għal 6,6 % u għal 15,3 %, rispettivament.

(336)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni ddeterminat il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi tal-prezz mill-fabbrika f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(337)

B’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali, Guxiandao sostna li l-Kummissjoni rabtet mingħajr raġuni l-valur tal-oġġetti konsumabbli u l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura ma’ dak ta’ inputs oħra. Skont Guxiandao, il-Kummissjoni għandha tidentifika l-parametru referenzjarju għall-oġġetti tal-konsum u l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura separatament minn inputs oħra jew inkella taċċetta l-kost reali tal-kumpanija għall-oġġetti tal-konsum u l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura. Affermazzjoni simili tqajmet minn Guxiandao fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-kost tat-trasport għall-provvista tal-materja prima.

(338)

Kif spjegat fil-premessa (100), l-investigazzjoni sabet li l-prezzijiet jew il-kostijiet tal-prodott soġġett għal rieżami, inklużi l-kostijiet tal-materja prima, tal-enerġija u tal-manodopera, ma humiex ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħielsa minħabba li huma affettwati minn intervent sostanzjali min-naħa tal-gvern skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. Guxiandao naqas milli juri li l-prezzijiet tal-oġġetti tal-konsum tiegħu, l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura tiegħu jew il-kost tat-trasport tiegħu mhux distorti. Ma setax jiġi stabbilit b’mod pożittiv li dawn il-kostijiet mhumiex distorti u għalhekk, fid-dawl tat-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(6a)(a), ma jistgħux jintużaw fil-kostruzzjoni tal-valur normali. Il-Kummissjoni ma setgħet issib l-ebda parametru referenzjarju raġonevoli għal dawn il-kostijiet, u l-ebda parametru referenzjarju raġonevoli għal dawn il-kostijiet ma ġie ssuġġerit minn Guxiandao jew minn kwalunkwe parti interessata oħra. Meta ma jkunux jistgħu jinstabu punti ta’ riferiment xierqa għal kost, il-Kummissjoni tista’ fil-prinċipju tistabbilixxihom bħala proporzjon mal-grupp ta’ kostijiet li jkunu relatati miegħu (kemm jekk ikun il-kost tal-materja prima kollha kif ukoll tal-kostijiet tal-manifattura). Ladarba jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-materja prima jew tal-kostijiet tal-manifattura, il-Kummissjoni se tapplika l-parametru referenzjarju biex tistma l-kost mingħajr distorsjoni inkwistjoni, u b’hekk tippreserva l-istruttura tal-kostijiet tal-produttur esportatur. Dan ifisser li jekk, pereżempju, l-oġġetti konsumabbli jirrappreżentaw 1 % tal-kostijiet kollha tal-materja prima fil-kontijiet ta’ produttur esportatur, wara l-kostruzzjoni tal-valur normali xorta jirrappreżentaw 1 % tal-kostijiet tal-materja prima.

(339)

Kif stabbilit fil-premessa (334), biex wieħed jasal għall-kost mhux distort tal-konsumabbli u tal-ispejjeż ġenerali, is-sehem tal-produtturi fil-kampjun tal-kost tal-oġġetti konsumabbli kif ukoll l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura fuq il-kostijiet tal-manifattura realment imġarrba ġie applikat għall-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura. Kif spjegat fil-premessa (338), fin-nuqqas ta’ data speċifika dwar l-ispejjeż ġenerali mingħajr distorsjoni fid-data finanzjarja disponibbli tal-produttur(i) fil-pajjiż rappreżentattiv, il-Kummissjoni ddeterminat id-data tal-ispejjeż ġenerali mingħajr distorsjoni għall-produttur esportatur billi segwiet dan il-metodu. Barra minn hekk, minħabba li f’dan il-każ ġew identifikati bosta fatturi ta’ produzzjoni li tipikament jammontaw għal sehem insinifikanti mill-kostijiet totali tal-materja prima, il-Kummissjoni qieset li huwa raġonevoli li tinkludi tali inputs (għal darb’oħra bl-użu tal-kostijiet reali tal-produtturi) fost l-oġġetti konsumabbli u tittrattahom kif xieraq. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kostijiet tat-trasport, kif deskritt fil-premessa (314) u fin-nuqqas ta’ data fil-fajl dwar il-kostijiet tat-trasport mingħajr distorsjoni fil-pajjiż rappreżentattiv, il-Kummissjoni qieset li l-proporzjon bejn il-materja prima tal-produttur esportatur u l-kostijiet tat-trasport irrapportati jista’ jintuża b’mod raġonevoli bħala indikazzjoni biex jiġu stmati l-kostijiet tat-trasport mingħajr distorsjoni tal-materja prima meta tiġi kkonsenjata lill-fabbrika tal-kumpanija. Għalhekk, l-affermazzjoni ta’ Guxiandao kienet irrifjutata.

4.6.   Prezz tal-esportazzjoni

(340)

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jesportaw il-prodott ikkonċernat direttament għand klijenti indipendenti fl-Unjoni. Għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni għal Guxiandao u għal Unifull għal dan il-bejgħ dirett kien il-prezz effettivament imħallas jew li jista’ jitħallas għall-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(341)

Minbarra l-bejgħ dirett, il-grupp Unifull għamel ukoll xi bejgħ permezz tal-produttur relatat l-ieħor fil-grupp. Għal dan il-bejgħ, il-prezz tal-esportazzjoni ġie aġġustat skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku u tnaqqsu l-ispejjeż tal-bejgħ rispettivi tal-entità tal-bejgħ u profitt raġonevoli (stabbilit għal 6,89 % fl-investigazzjoni reċenti dwar ċerti alkoħols tal-polivinil u użat fl-investigazzjoni preżenti minħabba (103) s-similarità tal-industrija u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn importaturi mhux relatati).

4.7.   Tqabbil

(342)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

(343)

Sabiex tiżgura paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti fil-prezz tal-esportazzjoni għat-trasport, għall-assigurazzjoni, għall-immaniġġar u għat-tagħbija, għall-iskontijiet, għall-kummissjoni, għall-kostijiet tal-kreditu, għat-tariffi bankarji u għal imposti oħrajn fuq l-importazzjoni.

(344)

Fit-tweġiba tagħha għad-divulgazzjoni finali, Guxiandao talbet aġġustament għall-valur normali maħdum biex jiġi żgurat tqabbil ġust mal-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Skont Guxiando, elementi bħall-merkanzija u l-assigurazzjoni li setgħu ġew inklużi fl-SG&A użati fil-kostruzzjoni tal-valur normali jenħtieġ li jitneħħew, peress li l-istess tnaqqsu mill-prezz tal-esportazzjoni u b’hekk ħolqu asimetrija bejn it-tnejn.

(345)

Il-Kummissjoni nnotat li Guxiandao naqas milli juri li l-merkanzija u l-assigurazzjoni ġew inklużi fl-SG&A użati għall-kostruzzjoni tal-valur normali. Minn dan isegwi li l-aġġustament mitlub la kien sostanzjat u lanqas ikkwantifikat u għalhekk it-talba kienet irrifjutata.

(346)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali Unifull argumenta li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku mhuwiex ġustifikat għall-bejgħ permezz ta’ produtturi relatati fil-grupp. B’mod partikolari Unifull argumenta li l-ebda waħda mill-kumpaniji tal-grupp ma qed taġixxi bħala aġent li jbigħ il-prodotti tal-prinċipal. Unifull argumenta wkoll li jaġixxi fit-totalità tagħha bħala grupp wieħed u li t-teħid tad-deċiżjonijiet, l-arranġamenti tal-produzzjoni u l-bejgħ tiegħu jsiru kollha fil-livell tal-grupp u taħt maniġer ġenerali wieħed, aktar milli mill-kumpaniji individwali tal-grupp. Fil-verżjoni sensittiva tal-kummenti Unifull spjega wkoll ir-raġunijiet għaliex il-bejgħ sar permezz ta’ kull parti rispettiva u sostna li dawn ir-raġunijiet ma kinux relatati mal-funzjonijiet ta’ operatur tas-suq/aġent.

(347)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, irid isir tqabbil ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Dik id-dispożizzjoni tgħid li fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli jsir adattament, f’forma ta’ aġġustamenti, fuq il-merti, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet. Fost il-fatturi li għalihom jista’ jsir aġġustament, l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku jipprevedi b’mod partikolari li għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa fir-rigward tal-bejgħ ikkunsidrat. Id-dispożizzjoni tgħid li t-terminu “kummissjonijiet” għandu jinftiehem li jinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi operatur tas-suq tal-prodott jew ta’ prodott simili jekk il-funzjonijiet ta’ tali operatur tas-suq ikunu simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni. Madankollu, ma jistax isir aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku meta l-produttur stabbilit fi Stat terz u d-distributur relatat tiegħu responsabbli għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea jiffurmaw entità ekonomika waħda (single economic entity, “SEE”).

(348)

Fl-analiżi dwar jekk hemmx entità ekonomika waħda bejn produttur u d-distributur relatat tiegħu, huwa kruċjali li tiġi kkunsidrata r-realtà ekonomika tar-relazzjoni bejn dak il-produttur u dak id-distributur. Fid-dawl tar-rekwiżit ta’ konklużjoni li tirrifletti r-realtà ekonomika tar-relazzjoni bejn dan il-produttur u dan id-distributur, il-Kummissjoni hija meħtieġa tikkunsidra l-fatturi kollha rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan id-distributur jeżerċitax jew le l-funzjonijiet ta’ dipartiment ta’ bejgħ integrat f’dan il-produttur jew, min-naħa tiegħu, jeżerċitax tipi oħra ta’ funzjonijiet. F’konformità mal-ħtieġa li jkunu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha u s-setgħa diskrezzjonali ġenerali mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha skont il-każ u b’mod olistiku.

(349)

F’termini tal-oneru tal-provi, meta l-Kummissjoni tkun ippreżentat indizji konsistenti sabiex tistabbilixxi li operatur tas-suq affiljat ma’ produttur iwettaq funzjonijiet komparabbli ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni, huwa dak l-operatur tas-suq jew dak il-produttur li għandu jippreżenta evidenza li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku mhuwiex iġġustifikat.

(350)

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li ż-żewġ kumpaniji jappartjenu għall-istess grupp taħt l-istess ġestjoni. Madankollu, iż-żewġ kumpaniji kkonċernati biegħu l-prodott ikkonċernat li pproduċew kif ukoll biegħu mill-ġdid il-prodotti kkonċernati mmanifatturati mill-kumpanija l-oħra. Il-Kummissjoni sabet li kull kumpanija produttur, li tbigħ u li tbigħ mill-ġdid jenħtieġ li titqies li qed taġixxi bħala aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni aktar milli d-dipartiment tal-bejgħ intern ta’ kumpanija oħra. Mhuwiex ikkontestat li kull kumpanija kellha d-dipartiment tal-bejgħ komplut tagħha u ġarrbet il-kostijiet rilevanti. Fir-rigward tal-bejgħ mill-ġdid, kull kumpanija wettqet funzjoni ta’operaturi tas-suq li jaġixxu fuq bażi ta’ kummissjoni li kienet riflessa fil-komponent tal-prezz tal-esportazzjoni li kellu jiġi aġġustat sabiex tiġi eliminata l-asimmetrija fil-konfront tal-prezz domestiku mibni fuq il-bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Il-Kummissjoni għalhekk ipproduċiet indizji konsistenti sabiex tistabbilixxi li kull produttur-esportatur tal-grupp wettaq funzjonijiet paragunabbli ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni fir-rigward tal-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti tal-produttur l-ieħor. Min-naħa l-oħra, Uniful naqas milli jressaq evidenza li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku mhuwiex iġġustifikat. Għalhekk, l-affermazzjoni kienet irrifjutata.

(351)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u meta jitqies li jseħħ trasferiment ta’ fondi bejn żewġ entitajiet relatati, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li teżamina jekk il-valur reali tal-valwazzjoni pożittiva huwiex differenti minn dak li operatur tas-suq mhux relatat jikseb. Fuq il-bażi tal-profitt nominali identifikat f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma qisitx li l-valwazzjoni pożittiva tirrifletti b’mod suffiċjenti kummissjoni li kienet tkun dovuta fi tranżazzjoni distakkata. Kif imsemmi fil-premessa (341), il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li aġġustament jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-SG&A tal-operatur tas-suq u profitt nominali identifikat f’dan il-każ.

4.8.   Marġnijiet tad-dumping

(352)

Għall-produtturi esportaturi fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip ta’ prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat sabiex tikkalkola l-marġni tad-dumping, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(353)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma humiex inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kkalkolat il-marġni tad-dumping medju ponderat fuq il-bażi tal-marġnijiet tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

(354)

Abbażi ta’ dan, il-marġni tad-dumping definittiv tal-produtturi esportaturi li kkooperaw illi ma humiex fil-kampjun huwa ta’ 17,2 %.

(355)

Il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ huwa għoli minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw jikkostitwixxu l-maġġoranza assoluta, jekk mhux it-totalità, tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset xieraq li tistabbilixxi l-marġni tad-dumping mal-pajjiż kollu applikabbli għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha li ma kkooperawx fil-livell tal-ogħla marġni tad-dumping tal-produttur esportatur inkluż fil-kampjun, jiġifieri l-grupp Unifull. Il-marġni tad-dumping stabbilit b’dan il-mod kien ta’ 23,7 %.

(356)

Bħala konklużjoni, il-marġnijiet tad-dumping definittivi għall-każ tal-Artikolu 11(3), espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġejjin:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv

Huzhou Unifull Industrial Fibre Co., Ltd., Zhejiang Unifull Industrial Fibre Co., Ltd. U Zhejiang Unifull Hi-Tech Industry Co., Ltd

23,7  %

Zhejiang Guxiandao Polyester Dope Dyed Yarn Co., Ltd.

9,7  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

17,2  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

23,7  %

4.9.   Natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdulin fir-rieżami interim parzjali

(357)

F’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni analizzat jekk il-bidla fiċ-ċirkostanzi fir-rigward tad-dumping tistax b’mod raġonevoli tingħad li hija ta’ natura permanenti.

(358)

Bejn il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami tal-investigazzjoni oriġinali (jiġifieri mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009) u l-2021, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-produtturi Ċiniżi tal-HTYP soġġetti għall-miżuri żdiedet b’aktar mit-tripplu [747 000 – 955 000] tunnellata fl-2009 għal [2 508 000 – 3 205 000] tunnellata fl-2021. Barra minn hekk, kif muri mill-istrateġiji governattivi kif ukoll mid-dokumenti tal-ippjanar maħruġin f’livell provinċjali u muniċipali (ara l-premessi (69) – (75)), sa mill-investigazzjoni oriġinali, l-industrija Ċiniża tal-HTYP kienet qiegħda tittrasforma permezz ta’ ffukar fuq investimenti sinifikanti fl-infrastruttura u l-aċċellerazzjoni tar-riċerka f’teknoloġiji avvanzati u l-iżvilupp ta’ materjali ta’ prestazzjoni għolja. Tali żieda konsiderevoli fl-investimenti u fil-kapaċità inevitabbilment kellha impatt fuq l-istruttura tal-kostijiet u wasslet għal żieda fil-kostijiet fissi tal-produtturi esportaturi Ċiniżi. Min-naħa tiegħu, dan żgur affettwa strutturalment il-valur normali u, għalhekk, il-marġni tad-dumping.

(359)

Minħabba li l-konsum domestiku tal-HTYP kien stabbli fiċ-Ċina u, għalhekk, ma kienx kapaċi jassorbi ż-żieda fil-kapaċitajiet u jpatti għaż-żieda fil-kostijiet fissi, il-produtturi esportaturi fiċ-Ċina kellhom l-għan li jsaħħu l-volum tal-produzzjoni billi jżidu l-bejgħ tal-esportazzjoni, prinċipalment lejn l-Unjoni (li hija d-destinazzjoni ewlenija tal-esportazzjoni għall-produtturi esportaturi Ċiniżi). Fil-fatt, il-volumi tal-produzzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi soġġetti għal miżuri bejn wieħed u ieħor irdoppjaw sa mill-investigazzjoni oriġinali, konformi mal-irduppjar tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni matul dak il-perjodu. Sabiex jiżdied il-bejgħ għall-esportazzjoni, il-produtturi bilfors li aġġustaw il-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom għal livell xieraq biex jiżguraw il-kisbiet neċessarji fil-volum (ara l-premessa (147) għat-tnaqqis fix-xejra tal-ipprezzar tal-importazzjonijiet Ċiniżi soġġetti għall-miżuri). Dan jintwera mill-fatt li bejn il-PIR tal-investigazzjoni oriġinali u l-2021, l-esportazzjonijiet Ċiniżi (soġġetti għal miżuri) lejn l-Unjoni kważi rdoppjaw fil-volum minkejja li kienu soġġetti għad-dazji anti-dumping u kienu oġġett ta’ dumping, kif stabbilit f’din l-investigazzjoni (u konsistenti mas-sejbiet fir-rieżami ta’ skadenza tal-2017). Bħala konklużjoni, il-produtturi Ċiniżi tal-HTYP espandew b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom u aġġustaw l-imġiba tal-esportazzjoni tagħhom sabiex jiksbu effiċjenzi li jiġġustifikaw dik l-espansjoni. Dawn il-bidliet affettwaw strutturalment il-valur normali, il-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u, b’hekk, il-marġni tad-dumping tagħhom b’mod li jitqies li huma ta’ natura dejjiema skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

5.   MIŻURI ANTI-DUMPING

(360)

Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet milħuqin mill-Kummissjoni dwar il-kontinwazzjoni tad-dumping, il-kontinwazzjoni tad-dannu u l-interess tal-Unjoni, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jinżammu l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-HTYP li joriġinaw miċ-Ċina..

(361)

Barra minn hekk, bħala riżultat tar-rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li dazju anti-dumping jiġi impost fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw miċ-Ċina fil-livell tal-anqas marġni tad-dannu li fuqu huma msejsin il-miżuri fis-seħħ u l-marġnijiet tad-dumping li nstabu fir-rieżami interim kurrenti.

(362)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping

Marġni tad-dannu

Dazju anti-dumping definittiv

Huzhou Unifull Industrial Fibre Co., Ltd.

Zhejiang Unifull Industrial Fibre Co., Ltd.

Zhejiang Unifull Hi-Tech Industry Co., Ltd.

23,7  %

57,6  %

23,7  %

Zhejiang Guxiandao Polyester Dope Dyed Yarn Co., Ltd.

9,7  %

57,1  %

9,7  %

Produtturi oħrajn li kkoperaw li ma humiex inklużi fil-kampjun

17,2  %

57,3  %

17,2  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

23,7  %

57,6  %

23,7  %

(363)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(364)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija neċessarja sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jridu jwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, ikunu jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport bil-baħar, eċċ.) biex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata aktar baxxa tad-dazju tkun iġġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(365)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’ċirkostanzi bħal dawn u dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija ta’ rata/rati tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(366)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament japplikaw biss għall-importazzjonijiet tal-prodott soġġett għal rieżami li joriġina miċ-Ċina u manifatturat mill-entitajiet legali msemmijin. L-importazzjonijiet tal-prodott soġġett għal rieżami manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”. Dawn jenħtieġ li ma jkunu soġġetti għall-ebda waħda mir-rati tad-dazju anti-dumping individwali.

(367)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (104). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(368)

Jenħtieġ li esportaturi jew produtturi li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu użat biex jiġi stabbilit il-livell tad-dazju li huwa applikabbli bħalissa għall-esportazzjonijiet tagħhom ikunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ talba bħal din dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu li ntuża biex jiġi stabbilit il-livell tad-dazju applikabbli għall-esportazzjonijiet tiegħu; (ii) ma huwiex relatat ma’ kumpanija li għamlet dan u li għalhekk hija soġġetta għad-dazji anti-dumping; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali.

(369)

L-importazzjonijiet minn Zhejiang Hailide New Material Co. Ltd. huma soġġetti għal investigazzjoni separata u d-dazji jistgħu jiġu imposti f’regolament separat.

(370)

Il-partijiet interessati kollha ġew informati bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li jiġi rrakkomandat li jinżammu l-miżuri eżistenti u li jiġu imposti dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-HTYP miċ-Ċina. Huma ngħataw ukoll perjodu sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet wara d-divulgazzjoni. Il-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati sewwa u, meta kien xieraq, is-sejbiet ġew immodifikati kif xieraq.

(371)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (105), meta jkollu jiġi rrimborżat ammont wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jenħtieġ li jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-kapital tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(372)

Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma tax opinjoni dwar il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv anti-dumping qiegħed jiġi impost fuq l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri li ma jitqegħidx għall-bejgħ bl-imnut, inkluż il-monofilament ta’ anqas minn 67 deċiteks, (eskluż il-ħajt tal-ħjata u ħjut multipli (mitnijin) jew immaljati b’kisra “Z”, maħsubin għall-produzzjoni ta’ ħajt tal-ħjata, lesti sabiex jingħataw il-kulur u sabiex jirċievu trattament tat-tlestija, imseffħin b’mod laxk fuq tubu mtaqqab tal-plastik), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 5402 20 00 (il-kodiċi TARIC 5402200010) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett u ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u prodott mill-kumpaniji elenkata hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

Huzhou Unifull Industrial Fibre Co., Ltd.

Zhejiang Unifull Industrial Fibre Co., Ltd.

Zhejiang Unifull Hi-Tech Industry Co., Ltd.

23,7

899E

Zhejiang Guxiandao Polyester Dope Dyed Yarn Co., Ltd.

9,7

899F

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

17,2

A977

Il-kumpaniji l-oħra kollha (minbarra Zhejiang Hailide New Material Co. Ltd. — kodiċi addizzjonali TARIC A976)

23,7

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott soġġett għal rieżami) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea u kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jiena niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

5.   Meta xi parti mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

(a)

ma esportatx l-oġġetti deskritti fil-paragrafu 1 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021);

(b)

ma huwiex relatat ma’ esportatur jew ma’ produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; u

(c)

effettivament esportat l-oġġetti deskritti fil-paragrafu 1 jew daħlet f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex tesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami;

il-Kummissjoni tista’ temenda l-Anness sabiex tattribwixxi lil dik il-parti d-dazju applikabbli għall-produtturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri ta’ 17,2 %.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 315, 1.12.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(4)  ĠU L 49, 25.2.2017, p. 6.

(5)  ĠU L 167, 30.6.2017, p. 31.

(6)  WT/DS295/AB/R, id-29 ta’ Novembru 2005.

(7)  ĠU C 248,30.6.2022, p. 107.

(8)  ĠU C 205, 31.5.2021, p. 4.

(9)  ĠU C 87, 23.2.2022, p. 2 u ĠU C 248, 30.6.2022, p. 142.

(10)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, l-20 ta’ Diċembru 2017, SWD(2017) 483 final/2.

(11)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, p. 6-7.

(12)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, p. 10.

(13)  Disponibbli fuq: Constitution of the People’s Republic of China (npc.gov.cn), aċċessat fil-15 ta’ Novembru 2022.

(14)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, p. 20-21.

(15)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 3, p. 41, 73-74.

(16)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 120-121.

(17)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 122 -135.

(18)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 7, p. 167-168.

(19)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 8, p. 169-170, 200-201.

(20)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, p. 15-16, Ir-Rapport – il-Kapitolu 4, p. 50, p. 84, Ir-Rapport – il-Kapitolu 5, p. 108-9.

(21)  Ara fuq: https://aiqicha.baidu.com/company_detail_70517450166132 (aċċessat fit-18 ta’ Novembru 2022).

(22)  Ara fuq: http://www.szse.cn/disclosure/listed/bulletinDetail/index.html?786334a3-123e-4960-bb6a-19fa0d397bd9, p. 99 (aċċessat fit-18 ta’ Novembru 2022).

(23)  Ara pereżempju l-Artikolu 33 tal-Kostituzzjoni tas-CCP, l-Artikolu 19 tad-Dritt Soċjetarju taċ-Ċina jew il-Linji Gwida dwar it-tisħiħ tal-ħidma tal-Front Magħqud fis-settur privat għall-era l-ġdida maħruġin mill-Uffiċċju Ġenerali tal-Kumitat Ċentrali tas-CCP fl-2020.

(24)  Ara fuq: cfa.com.cn (aċċessat fil-21 ta’ Novembru 2022).

(25)  Ir-Rapport – Il-Kapitolu 5, p. 100-1.

(26)  Ir-Rapport – Il-Kapitolu 2, p. 26

(27)  Ara pereżempju: Blanchette, J. - Xi’s Gamble: The Race to Consolidate Power and Stave off Disaster; Foreign Affairs, vol. 100, nru. 4, Lulju/Awwissu 2021, pp. 10-19.

(28)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, p. 31-2.

(29)  Disponibbli fuq: https://www.reuters.com/article/us-china-congress-companies-idUSKCN1B40JU (aċċessat fil-15 ta’ Novembru 2022).

(30)  Disponibbli fuq: www.gov.cn/zhengce/2020-09/15/content_5543685.htm (aċċessat fil-15 ta’ Novembru 2022)

(31)  Financial Times (2020) - Chinese Communist Party asserts greater control over private enterprise, disponibbli fuq: https://on.ft.com/3mYxP4j (aċċessat fil-15 ta’ Novembru 2022).

(32)  Ara fuq: http://www.szse.cn/disclosure/listed/bulletinDetail/index.html?786334a3-123e-4960-bb6a-19fa0d397bd9, p. 43 (aċċessat fit-18 ta’ Novembru 2022).

(33)  Ara fuq: https://www.guxiandao.com/index.php?g=news&m=index&a=view&id=161 (aċċessat fit-18 ta’ Novembru 2022).

(34)  Ir-Rapport – il-Kapitoli 14.1 sa 14.3.

(35)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 4, p. 41-42, 83.

(36)  Disponibbli fuq: https://www.miit.gov.cn/zwgk/zcwj/wjfb/yj/art/2022/art_a01b7532a39a41e891d2540da6981d72.html (aċċessat fis-17 ta’ Novembru 2022)

(37)  L-ottimizzazzjoni tat-tqassim reġjonali, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali, il-promozzjoni tat-trasformazzjoni diġitali, l-eliminazzjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni b’lura u l-fużjonijiet u r-riorganizzazzjonijiet f’konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti, it-trawwim ta’ intrapriżi mexxejja, il-promozzjoni tal-integrazzjoni u tal-iżvilupp ta’ intrapriżi kbar u żgħar, u l-konsolidazzjoni u t-titjib tal-kompetittività industrijali.

(38)  Ibid., l-Artikolu II.

(39)  Disponibbli fuq: https://huanbao.bjx.com.cn/news/20210906/1175114.shtml (aċċessat fis-17 ta’ Novembru 2022).

(40)  Ara l-Kapitolu V tal-Pjan.

(41)  Ara t-Taqsima 2.2.2. tal-Pjan.

(42)  Ara t-Taqsima 4.1.1. tal-Pjan.

(43)  Ara t-Taqsima 4.1.3. tal-Pjan.

(44)  Disponibbli fuq: www.qg.gov.cn/zwgk/zcfg/sjfgwj/202112/t20211207_2666343.htm (aċċessat fit-18 ta’ Novembru 2022).

(45)  Ara t-Taqsima III.2.5. tal-Pjan.

(46)  Ara t-Taqsima III.4.1 tal-Pjan Disponibbli fuq:

https://huanbao.bjx.com.cn/news/20210707/1162695.shtml (aċċessat fit-22 ta’ Novembru 2022).

(47)  Disponibbli fuq: https://huanbao.bjx.com.cn/news/20211201/1191133.shtml (aċċessat fit-18 ta’ Novembru 2022).

(48)  Ara t-Taqsima III.2.1 tal-Pjan.

(49)  Ara l-Pjan; Disponibbli fuq:

https://www.zj.gov.cn/art/2021/6/24/art_1229540815_4671249.html (aċċessat fit-22 ta’ Novembru 2022)

(50)  Ara t-Taqsima IV.7 tal-Pjan.

(51)  Disponibbli fuq: https://www.cq.gov.cn/zwgk/zfxxgkml/szfwj/qtgw/202108/t20210803_9538603.html (aċċessat fit-22 ta’ Novembru 2022)

(52)  Ara t-Taqsima III.1.4 tal-Pjan.

(53)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 138-149.

(54)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 9, p. 216.

(55)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 9, p. 213-215.

(56)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 9, p. 209-211.

(57)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 13, p. 332-337.

(58)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 13, p. 336.

(59)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 13, p. 337-341.

(60)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 114-117.

(61)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 119.

(62)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 120.

(63)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 121-122, 126-128, 133-135.

(64)  Ara d-dokument ta’ politika uffiċjali tal-Kummissjoni Regolatorja taċ-Ċina dwar l-Attività Bankarja u l-Assigurazzjoni (CBIRC) tat-28 ta’ Awwissu 2020: Il-Pjan ta’ azzjoni ta’ 3 snin għat-titjib tal-governanza korporattiva tas-setturi bankarji u tal-assigurazzjoni (2020-2022), disponibbli fuq: http://www.cbirc.gov.cn/cn/view/pages/ItemDetail.html?docId=925393&itemId=928 (aċċessat fil-15 ta’ Novembru 2022). Il-Pjan jagħti struzzjonijiet biex “jiġi implimentat aktar l-ispirtu inkorporat fid-diskors ewlieni tas-Segretarju Ġenerali Xi Jinping dwar l-avvanz fir-riforma tal-governanza korporattiva tas-settur finanzjarju”. Barra minn hekk, it-taqsima II tal-Pjan għandha l-għan li tippromwovi l-integrazzjoni organika tat-tmexxija tal-Partit fil-governanza korporattiva: “għandna nagħmlu l-integrazzjoni tat-tmexxija tal-Partit fil-governanza korporattiva aktar sistematika, standardizzata u bbażata fuq il-proċeduri […] Il-Kumitat tal-Partit jeħtieġlu jkun iddiskuta kwistjonijiet operazzjonali u maniġerjali ewlenin qabel ma jiġu deċiżi mill-Bord tad-Diretturi jew mill-maniġment superjuri.”

(65)  Ara l-Avviż dwar il-Metodu ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-banek kummerċjali tas-CBIRC, maħruġa fil-15 ta’ Diċembru 2020. http://jrs.mof.gov.cn/gongzuotongzhi/202101/t20210104_3638904.htm (ikkonsultat l-aħħar fit-12 ta’ April 2021).

(66)  Disponibbli fuq: https://huanbao.bjx.com.cn/news/20211201/1191133.shtml (aċċessat fit-18 ta’ Novembru 2022).

(67)  Ara l-Paragrafu 3 tat-Taqsima Miżuri ta’ Salvagwardja tal-Pjan.

(68)  Disponibbli fuq: https://huanbao.bjx.com.cn/news/20210906/1175114-3.shtml (aċċessat fit-22 ta’ Novembru 2022)

(69)  Ara t-Taqsima 8.7. tal-Pjan.

(70)  Ara fuq: http://zj.sina.cn/shaoxing/2022-03-03/detail-imcwipih6326336.d.html (aċċessat fit-18 ta’ Novembru 2022).

(71)  Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-FMI “Resolving China’s Corporate Debt Problem”, ta’ Wojciech Maliszewski, Serkan Arslanalp, John Caparusso, José Garrido, Si Guo, Joong Shik Kang, W. Raphael Lam, T. Daniel Law, Wei Liao, Nadia Rendak, Philippe Wingender, Jiangyan, Ottubru 2016, WP/16/203.

(72)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 121-122, 126-128, 133-135.

(73)  Ara OECD (2019), OECD Economic Surveys: China 2019, OECD Publishing, Pariġi. p. 29, disponibbli fuq:

https://doi.org/10.1787/eco_surveys-chn-2019-en (aċċessat fil-15 ta’ Novembru 2022).

(74)  Ara: http://www.gov.cn/xinwen/2020-04/20/content_5504241.htm (aċċessat fit-22 ta’ Novembru 2022).

(75)  World Bank Open Data – Upper Middle Income, https://data.worldbank.org/income-level/upper-middle-income.

(76)  Jekk ma jkun hemm l-ebda produzzjoni tal-prodott soġġett għal rieżami fi kwalunkwe pajjiż li jkollu livell simili ta’ żvilupp, tista’ titqies il-produzzjoni ta’ prodott fl-istess kategorija ġenerali u/jew settur tal-prodott soġġett għal rieżami.

(77)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33). L-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jqis li l-prezzijiet domestiċi f’dawk il-pajjiżi ma jistgħux jintużaw għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali.

(78)  Ara https://www.kordsa.com/en/images/pdf/Kordsa_Annual_Report_EN_2021.pdf, p. 160.

(79)  Ara https://www.kordsa.com/en/images/pdf/Kordsa_Annual_Report_EN_2021.pdf, p. 117.

(80)  Il-Kummissjoni informat lill-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun bl-intenzjoni tagħha li tuża d-data pprovduta minn dawn il-produtturi għall-finijiet tal-investigazzjonijiet tar-rieżami ta’ skadenza. Ma daħlet l-ebda oġġezzjoni.

(81)  Wood Mackenzie – ara https://www.woodmac.com/

(82)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 tal-24 ta’ Frar 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ħjut b’saħħithom ħafna (high tenacity) ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 49, 25.2.2017, p. 6), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1159 tal-29 ta’ Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 fir-rigward tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tal-miżuri antidumping attwali li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ ħjut b’saħħithom ħafna (high tenacity) ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jipprevedi, f’ċerti każijiet, il-possibbiltà ta’ ħlas lura jew remissjoni tad-dazji (ĠU L 167, 30.6.2017, p. 31).

(83)  Madwar 14 %, jekk jitqiesu esklużivament esportazzjonijiet soġġetti għall-miżuri.

(84)  Ir-rapporti semiannwali tal-pajjiżi tal-2022 fuq is-sit web tad-WTO https://www.wto.org/english/tratop_e/adp_e/adp_e.htm

(85)  Ara Fujian Billion diversifies into industrial yarn production (innovationintextiles.com) u http://en.three-v.com.cn/about.html għal aktar dettalji.

(86)  IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/977 tat-22 ta’ Ġunju 2022 li jaċċetta żewġ talbiet għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 (ĠU L 167, 24.6.2022, p. 55).

(87)  Il-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6) tinkludi data dwar importazzjonijiet ta’ prodotti soġġetti għal miżuri anti-dumping jew antisussidji jew investigazzjonijiet, kemm mill-pajjiżi kif ukoll mill-produtturi esportaturi kkonċernati bil-proċediment kif ukoll minn pajjżi terzi oħrajn u minn produtturi esportaturi oħrajn, fil-livell tal-kodiċijiet TARIC b’10 ċifri u l-kodiċijiet addizzjonali TARIC.

(88)  Iċ-ċifri tal-produtturi esportaturi Ċiniżi soġġetti għal dazji ma humiex kunfidenzjali bħala tali. Madankollu, jekk jiġu pprovduti ċ-ċifri dettaljati, dan indirettament jiżvela ċ-ċifri preċiżi tal-importazzjonijiet ta’ Hailide, l-esportatur mhux soġġett għad-dazji.

(89)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2239 tal-15 ta’ Diċembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti torrijiet tar-riħ tal-azzar fuq skala utilitarja li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 450, 16.12.2021, p. 59) (“il-każ tat-torrijiet eoliċi tal-azzar”).

(90)  In-Notifika dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

(91)  World Bank Open Data – Upper Middle Income, https://data.worldbank.org/income-level/upper-middle-income.

(92)  p. 133 tar-Rapport Annwali tal-2021.

(93)  p. 61 tar-Rapport Annwali tal-2021 disponibbli fuq https://www.kordsa.com/en/images/pdf/Kordsa_Annual_Report_EN_2021.pdf

(94)  Ara Kordsa_Annual_Report_EN_2021.pdf, p. 158, Nota 3 - Rapportar tas-segment, a) Dħul estern kif ukoll id-Direttorju fil-paġna 205 tar-rapport annwali.

(95)  http://www.gtis.com/gta/secure/default.cfm

(96)  http://www.macmap.org

(97)  https://data.tuik.gov.tr/Bulten/DownloadIstatistikselTablo?p=tg4QGRdNcBVDQo/mmOOyD/8g3GlHdKhwM0SMnhh4V/APyz9UrZvk0kK90vktK5jo

(98)  Il-kostijiet lavorattivi huma disponibbli fuq https://data.tuik.gov.tr/Bulten/DownloadIstatistikselTablo?p=tg4QGRdNcBVDQo/mmOOyD/8g3GlHdKhwM0SMnhh4V/APyz9UrZvk0kK90vktK5jo

(99)  https://data.tuik.gov.tr/Bulten/Index?p=Consumer-Price-Index-December-2021-45789

(100)  https://data.tuik.gov.tr/Kategori/GetKategori?p=cevre-ve-enerji-103&dil=2

https://data.tuik.gov.tr/Bulten/Index?p=Electricity-and-Natural-Gas-Prices-Period-II:-July-December,-2021-45566

https://data.tuik.gov.tr/Bulten/Index?p=Electricity-and-Natural-Gas-Prices-Period-I:-January-June,-2021-37459

(101)  http://www.gtis.com/gta/secure/default.cfm

(102)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti fl-ekonomija tal-Federazzjoni Russa għall-finijiet tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ, 22.10.2020, SWD(2020) 242 final.

(103)  Il-premessa (352) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336 tal-25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 315, 29.9.2020, p. 1).

(104)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Rue de la Loi 170, 1040 Brussell, Il-Belġju.

(105)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS

Produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun (Kodiċi Addizzjonali TARIC A977):

Isem il-Kumpanija

Belt

Fujian Billion Polymerization Fiber Technology Industrial Co., Ltd.

Jinjiang

Jiangsu Hengli Chemical Fibre Co., Ltd.

Suzhou

Jiangsu Solead New Material Group Co., Ltd.

Yixing

Oriental Industries (Suzhou) Ltd

Suzhou

Zhejiang Kingsway High-tech Fiber Co., Ltd.

Haining

Zhejiang Sanwei Material Technology Co., Ltd.

Taizhou