18.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 103/29 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/826
tas-17 ta’ April 2023
li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-enerġija f’modalità mitfi, f’modalità standby u f’modalità standby man-network tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u (KE) Nru 107/2009
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għall-prodotti relatati mal-enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,
Billi:
(1) |
Skont id-Direttiva 2009/125/KE, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti relatati mal-enerġija li jirrappreżentaw volumi sinifikanti ta’ bejgħ u ta’ kummerċ fl-UE u li għandhom impatt ambjentali sinifikanti u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għal titjib permezz tad-disinn f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom, mingħajr ma jinvolvu kostijiet eċċessivi. |
(2) |
Il-Komunikazzjoni COM(2016)773 (2) tistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ ħidma skont il-qafas tat-tikkettar dwar l-ekodisinn u l-enerġija għall-2016 sal-2019. Il-pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn tal-2016 jistabbilixxi l-gruppi tal-prodotti relatati mal-enerġija li jridu jitqiesu bħala prijoritajiet għat-twettiq ta’ studji preparatorji u għall-adozzjoni eventwali tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, u jipprevedi r-rieżami tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 (3). |
(3) |
Il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju fil-modalità mitfi, fil-modalità standby u fil-modalità standby man-network huwa wieħed mill-miżuri elenkati fil-Komunikazzjoni, bi stima ta’ 4 TWh ta’ ffrankar tal-enerġija finali annwali sal-2030, li jikkorrispondi għal tnaqqis b’1,36 miljun tunnellata ta’ ewkivalenti ta’ CO2 ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra. |
(4) |
Il-Kummissjoni stabbiliet ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi u fil-modalità standby tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju fir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 u żiedet ir-rekwiżiti għall-konsum tal-enerġija fil-modalità standby man-network fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2013 (4). Skont dawn ir-Regolamenti, il-Kummissjoni trid tirrieżamina r-rekwiżiti tal-ekodisinn fid-dawl tal-progress teknoloġiku. |
(5) |
Il-Kummissjoni rrieżaminat ir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 u analizzat l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-konsum tal-enerġija tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju fil-modalità mitfi, fil-modalità standby u fil-modalità standby man-network, kif ukoll l-imġiba tal-utent fil-ħajja reali. Ir-rieżami twettaq b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-partijiet interessati mill-Unjoni u minn pajjiżi terzi. Ir-riżultati tar-rieżami ġew ippubblikati u ppreżentati lill-Forum Konsultattiv stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/125/KE. |
(6) |
Ir-rieżami juri l-benefiċċju li r-rekwiżiti jibqgħu jseħħu u jittejbu billi jiġu addattati għall-progress teknoloġiku, fir-rigward tal-konsum tal-enerġija tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju fil-modalità mitfi, fil-modalità standby u fil-modalità standby man-network. |
(7) |
Il-konsum annwali tal-enerġija fil-modalità mitfi, fil-modalità standby u fil-modalità standby man-network tal-prodotti soġġetti għal dan ir-Regolament fl-UE ġie stmat li kien ta’ 59,4 TWH fir-rieżami fl-2015 li jikkorrispondi ma’ 23,8 miljun tunnellati ta’ ewkivalenti ta’ CO2 ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra. F’xenarju ta’ żamma tal-istatus quo, dak il-konsum tal-enerġija huwa previst li jonqos sal-2030, l-aktar minħabba l-applikazzjoni gradwali tar-rekwiżiti tal-ekodisinn imdaħħla bir-Regolament (UE) Nru 801/2013. Madankollu, dak it-tnaqqis huwa mistenni jbatti sakemm ma jiġux aġġornati r-rekwiżiti applikabbli dwar l-ekodisinn. |
(8) |
Jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun limitata għall-prodotti tat-tagħmir tad-dar u tal-uffiċċji maħsuba għall-użu f’ambjent domestiku, li, fil-każ tat-tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni, jikkorrispondi mat-tagħmir tal-klassi B kif stabbilit fl-istandard EN 55022:2010. |
(9) |
Jenħtieġ li l-modalitajiet ta’ tħaddim mhux koperti b’dan ir-Regolament, bħall-modalità ACPI S3 tal-kompjuters jitqiesu f’miżuri ta’ implimentazzjoni speċifiċi għall-prodotti skont id-Direttiva 2009/125/KE. |
(10) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri ta’ implimentazzjoni speċifiċi għall-prodotti għar-rekwiżiti għall-modalità mitfi, għall-modalità standby u għall-modalità standby man-network skont id-Direttiva 2009/125/KE fejn possibbli, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull grupp ta’ prodotti u l-possibbiltà li tiġi ffrankata aktar enerġija u emissjonijiet tal-gassijiet serra. |
(11) |
Il-prodotti mgħammra bi provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx, li ġew eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1275/2008 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 278/2009 (5) qegħdin jevolvu b’mod rapidu f’termini tal-funzjonalitajiet tagħhom u qegħdin jitqiegħdu fis-suq tal-UE b’għadd li kull ma jmur dejjem jiżdied. Għaldaqstant jenħtieġ li dawn jiddaħħlu fil-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament biex jiġi żgurat aktar iffrankar tal-enerġija u jingħata ambjent ekwu lill-manifatturi. |
(12) |
Jenħtieġ li l-prodotti portabbli li jaħdmu bil-batteriji b’ċirkwit li jirriċarġja li jridu jitqabbdu mal-elettriku biex jiġu riċarġjati, ikunu koperti b’dan ir-Regolament, peress li jiddependu mid-dħul tal-enerġija mill-mejn. |
(13) |
Jenħtieġ li l-prodotti li fihom ċirkwit li jirriċarġja, fejn l-enerġija tiġi kkunsmata fil-modalità mitfi u fil-modalità standby waqt li l-batterija ma tkunx qiegħda tiġi ċċarġjata, jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biex jiġi żgurat l-iffrankar tal-enerġija. |
(14) |
Jenħtieġ li t-tagħmir tal-istampar li jiġġenera output stampat minn dħul elettroniku fuq il-karta jew fuq mezz ieħor ikun kopert b’dan ir-Regolament biex jiġi żgurat l-iffrankar tal-enerġija, filwaqt li jenħtieġ li t-tagħmir tal-istampar tridimensjonali jiġi eskluż għalissa minn dan ir-Regolament. |
(15) |
Il-kaxxi set-top sempliċi koperti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 107/2009 (6) ma għadhomx parti sinifikanti mis-suq u jenħtieġ li l-bqija tal-konsum tal-enerġija tagħhom fil-modalità standby u fil-modalità mitfi jkun kopert minn dan ir-Regolament. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 107/2009 jitħassar. |
(16) |
L-għamara aġġustabbli mħaddma b’mutur b’mezzi elettriċi u l-elementi tal-bini mħaddma b’mutur iqattgħu ħin twal fil-modalità mitfi, fil-modalità standby u fil-modalità standby man-network u b’hekk joffru potenzjal sinifikanti għal konsum imtejjeb tal-enerġija filwaqt li jinsabu f’dawn il-modalitajiet. Għalhekk, jenħtieġ li huma wkoll jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
(17) |
Jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-ekodisinn jiġu armonizzati mal-livelli kollha tal-UE tal-konsum tal-enerġija minn tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju fil-modalità mitfi, fil-modalità standby u fil-modalità standby man-network. Dan jikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq uniku. Barra minn hekk, x’aktarx li jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju. |
(18) |
Jenħtieġ li l-parametri rilevanti tal-prodotti jitkejlu permezz ta’ metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli. Jenħtieġ li dawk il-metodi jqisu metodi ta’ kejl l-aktar avvanzati rikonoxxuti inklużi, fejn disponibbli, l-istandards armonizzati adottati mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, kif elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). |
(19) |
Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika l-proċeduri applikabbli għall-valutazzjoni tal-konformità. |
(20) |
Sabiex jittejbu l-effettività u l-kredibbiltà ta’ dan ir-Regolament u jitħarsu l-konsumaturi, jenħtieġ li l-prodotti, li awtomatikament ibiddlu l-prestazzjoni tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ ttestjar bil-għan li jilħqu livell aktar favorevoli għal xi parametri speċifikati f’dan ir-Regolament, ma jitħallewx jitqiegħdu fis-suq. |
(21) |
Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu identifikati parametri referenzjarji għall-aqwa teknoloġiji disponibbli sabiex l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti soġġetti għal dan ir-Regolament tkun disponibbli għal kulħadd u tkun faċilment aċċessibbli, f’konformità mal-Anness I, il-Parti 3, il-punt 2 tad-Direttiva 2009/125/KE. |
(22) |
Jenħtieġ li rieżami ta’ dan ir-Regolament jivvaluta l-adegwatezza u l-effettività tad-dispożizzjonijiet tiegħu fil-kisba tal-għanijiet tiegħu. |
(23) |
Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-ekodisinn ġodda u modifikati stabbiliti f’dan ir-Regolament u sabiex tiġi żgurata aktar ċarezza, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1275/2008 jitħassar. |
(24) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/125/KE, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn relatati mal-konsum tal-elettriku f’modalità standby, f’modalità u mitfi u f’modalità standby man-network, għat-tqegħid fis-suq jew għat-tqegħid fis-servizz ta’ tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju” jew “tagħmir” tfisser kull prodott relatat mal-enerġija elenkat fl-Anness II li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(2) |
“mejn” tfisser il-provvista tal-elettriku mill-grilja ta’ 230 (± 10 %) volts ta’ kurrent alternat b’50 Hz; |
(3) |
“modalità standby” tfisser kundizzjoni li fiha t-tagħmir jitqabbad mal-mejn, jiddependi mid-dħul tal-enerġija mill-mejn biex jaħdem kif suppost, u jipprovdi biss wieħed jew aktar mill-funzjonijiet li ġejjin, li jistgħu jippersistu għal żmien indefinit:
|
(4) |
“funzjoni ta’ riattivazzjoni” tfisser funzjoni li permezz ta’ swiċċ mill-bogħod, ta’ remote control, ta’ sensur intern jew ta’ kronometru taqleb mill-modalità standby għal modalità oħra, inkluża l-modalità attiva, li tipprovdi funzjonijiet oħra; |
(5) |
“funzjoni ewlenija” tfisser funzjoni li tipprovdi s-servizz(i) ewlieni/ewlenin li t-tagħmir huwa maħsub, ittestjat u mqiegħed fis-suq għalihom, u li tikkorrispondi mal-użu maħsub tat-tagħmir; |
(6) |
“skrin ta’ informazzjoni jew tal-istatus” tfisser funzjoni kontinwa li tipprovdi l-informazzjoni jew li tindika l-istatus tat-tagħmir fuq skrin, inkluż l-arloġġi. Indikatur sempliċi tad-dawl ma jitqiesx bħala skrin ta’ informazzjoni jew status; |
(7) |
“modalità attiva” tfisser kundizzjoni li fiha t-tagħmir ikun imqabbad mal-mejn u tkun attivata mill-inqas waħda mill-funzjonijiet ewlenin; |
(8) |
“modalità mitfi” tfisser kundizzjoni meta t-tagħmir ikun imqabbad mal-mejn u ma jkun qed jipprovdi l-ebda funzjoni, jew ikun f’kundizzjoni li jipprovdi biss:
|
(9) |
“network” tfisser infrastruttura tal-komunikazzjoni b’topoloġija ta’ konnessjonijiet, b’ arkitettura, li tinkludi l-komponenti fiżiċi, il-prinċipji organizzattivi, il-proċeduri u l-formati tal-komunikazzjonijiet (protokolli); |
(10) |
“standby man-network” tfisser il-kundizzjoni li fiha t-tagħmir ikun jista’ jerġa’ jħaddem funzjoni permezz ta’ kmand skattat mill-bogħod li jingħata minn konnessjoni ta’ network; |
(11) |
“kmand skattat mill-bogħod” tfisser sinjal li jiġi minn barra t-tagħmir permezz ta’ network; |
(12) |
“identifikatur tal-mudell” tfisser il-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell ta’ tagħmir speċifiku minn mudelli oħra bl-istess trade mark jew bl-isem tal-istess manifattur, importatur jew rappreżentant awtorizzat; |
(13) |
“mudell ekwivalenti” tfisser mudell ta’ tagħmir bl-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti fir-rigward tal-informazzjoni teknika li trid tingħata f’konformità mal-Anness II, iżda li jitqiegħed fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz mill-istess manifattur, importatur jew rappreżentant awtorizzat bħal mudell ieħor ta’ tagħmir b’identifikatur differenti tal-mudell; |
(14) |
“valuri ddikjarati” tfisser il-valuri pprovduti mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat għall-parametri tekniċi ddikjarati, ikkalkolati jew imkejla f’konformità mal-Artikolu 4, għall-verifika tal-konformità mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. |
Artikolu 3
Rekwiżiti tal-ekodisinn
Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn huma stabbiliti fl-Anness III.
Artikolu 4
Valutazzjoni tal-konformità
1. Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tkun is-sistema tal-kontroll intern tad-disinn stipulata fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva jew is-sistema ta’ ġestjoni stipulata fl-Anness V ta’ dik id-Direttiva.
2. Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha l-informazzjoni stabbilita fl-Anness III, il-punt 3(b) ta’ dan ir-Regolament u d-dettalji u r-riżultati tal-kalkoli f’konformità mal-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.
3. Meta l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika għal dak il-mudell partikolari tkun inkisbet, jew:
(a) |
minn mudell li jkollu l-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti fir-rigward tal-informazzjoni teknika li trid tiġi pprovduta f’konformità mal-Anness III għal dan ir-Regolament iżda jkun prodott minn manifattur differenti; |
(b) |
permezz ta’ kalkolu abbażi ta’ disinn jew ta’ estrapolazzjoni minn mudell ieħor tal-istess manifattur jew ta’ manifattur ieħor, jew mit-tnejn li huma, id-dokumentazzjoni teknika għal mudell għandha tinkludi d-dettalji u r-riżultati tal-kalkoli u tal-estrapolazzjonijiet, il-valutazzjoni mwettqa mill-manifattur biex tiġi vverifikata l-preċiżjoni tal-kalkolu u, fejn xieraq, id-dikjarazzjoni tal-identità bejn il-mudelli ta’ manifatturi differenti. |
Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi lista ta’ mudelli ekwivalenti msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, inklużi l-identifikaturi tal-mudell.
4. Id-dokumentazzjoni teknika, għandha tinkludi l-informazzjoni elenkata fil-punt 3(a) tal-Anness III għal dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Proċedura ta’ verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq
L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Anness V ta’ dan ir-Regolament meta jwettqu l-ispezzjonijiet tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE.
Artikolu 6
Ċirkomvenzjoni u aġġornamenti tas-software
Il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat ma għandux iqiegħed fis-suq tagħmir iddisinjat biex ikun kapaċi jinduna li qed jiġi ttestjat inkluż billi jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet tat-test jew iċ-ċiklu tat-test, u biex jirreaġixxi b’mod speċifiku billi jbiddel awtomatikament il-prestazzjoni tiegħu matul it-test biex jilħaq livell aktar favorevoli għal xi parametri fid-dokumentazzjoni teknika jew inklużi fi kwalunkwe dokumentazzjoni pprovduta.
Il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir u l-parametri ddikjarati l-oħra kollha ma għandhomx jiddeterjoraw wara aġġornament tas-software jew tal-firmware meta dan jitkejjel bl-istess standard tat-test użat oriġinarjament għad-dikjarazzjoni tal-konformità, ħlief bil-kunsens espliċitu tal-utent qabel l-aġġornament. Ma għandha ssir l-ebda bidla fil-prestazzjoni minħabba rifjut ta’ aġġornament.
Aġġornament tas-software qatt ma għandu jkollu l-effett li jbiddel il-prestazzjoni tat-tagħmir b’mod li jagħmlu mhux konformi mar-rekwiżiti tal-ekodisinn applikabbli għad-dikjarazzjoni tal-konformità.
Artikolu 7
Parametri referenzjarji indikattivi
Il-parametri ta’ referenza indikattivi għat-tagħmir u t-teknoloġiji bl-aqwa prestazzjoni li jkunu disponibbli fis-suq fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament huma stipulati fl-Anness VI.
Artikolu 8
Rieżami
Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u tippreżenta r-riżultat ta’ dan ir-rieżami lill-Forum tal-Konsultazzjoni mhux iktar tard mid-9 ta’ Mejju 2027.
Dan ir-rieżami għandu, b’mod partikolari, jivvaluta l-adegwatezza ta’:
(a) |
ir-rekwiżiti għall-modalità standby, għall-modalità mitfi u għall-modalità standby man-network; |
(b) |
ir-rekwiżiti għall-modalità standby man-network għal tagħmir HiNA u għat-tagħmir b’funzjonalità HiNA u d-distinzjoni tagħhom mit-tagħmir mhux HiNA; |
(c) |
fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, anki gruppi ta’ prodotti rilevanti oħra, fosthom il-prodotti li jintużaw fis-settur tas-servizzi; |
(d) |
rekwiżiti tal-issettjar għall-modalità tal-manutenzjoni tal-batterija taċ-ċarġers tal-batteriji. |
Artikolu 9
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 hu mħassar b’effett mid-9 ta’ Mejju 2025.
Ir-Regolament (KE) Nru 107/2009 hu mħassar b’effett mid-9 ta’ Mejju 2025.
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mid-9 ta’ Mejju 2025. Madankollu, l-Artikolu 6(1) għandu japplika meta r-Regolament jidħol fis-seħħ.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ April 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.
(2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2016, Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019, COM(2016) 773 final.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju fil-modalitajiet standby u mitfi u fil-modalità standby man-network (ĠU L 339, 18.12.2008, p. 45).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2013 tat-22 ta’ Awwissu 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1275/2008 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju f’modalità standby u f’modalità mitfi, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 642/2009 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-televixins (ĠU L 225, 23.8.2013, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 278/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija u l-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ta’ provvisti tal-elettriku esterni (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 3).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 107/2009 tal-4 ta’ Frar 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ disinjar ekoloġiku għal kaxxi set-top sempliċi (ĠU L 36, 5.2.2009, p. 8).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).
(8) Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).
ANNESS I
DEFINIZZJONIJIET
(1)
“tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni” tfisser kull tagħmir li l-funzjoni ewlenija tiegħu hi li jew idaħħal, jaħżen, juri, jirkupra, jittrażmetti, jipproċessa, jisswiċċja jew jikkontrolla d-data jew il-messaġġi tat-telekomunikazzjoni, jew kombinament ta’ dawn il-funzjonijiet, u li jista’ jkun mgħammar b’port terminali wieħed jew aktar li tipikament jitħaddem jew jitħaddmu għat-trasferiment tal-informazzjoni;
(2)
“ambjent domestiku” tfisser ambjent fejn jista’ jkun mistenni l-użu ta’ riċevituri tax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni fil-limiti ta’ distanza ta’ 10 m mit-tagħmir ikkonċernat;
(3)
“port tan-network” tfisser interfaċċa fiżika, bil-fili jew mingħajrhom, tal-konnessjoni tan-network li tinsab fit-tagħmir u li permezz tagħha t-tagħmir jista’ jiġi attivati mill-bogħod;
(4)
“port tan-network loġiku” tfisser teknoloġija tan-network li tiffunzjona fuq port tan-network fiżiku;
(5)
“port tan-network fiżiku” tfisser mezz fiżiku (hardware) ta’ port tan-network. Port tan-network fiżiku jista’ jieħu żewġ teknoloġiji ta’ network jew aktar;
(6)
“disponibbiltà tan-network” tfisser il-kapaċità tat-tagħmir li jattiva funzjonijiet wara li kmand skattat mill-bogħod jiġi rikonoxxut minn port tan-network;
(7)
“tagħmir imqabbad ma’ network” tfisser tagħmir li jista’ jaqbad ma’ network u għandu port tan-network wieħed jew aktar;
(8)
“tagħmir imqabbad ma’ network b’disponibbiltà għolja tan-network ” jew “tagħmir HiNA” tfisser tagħmir b’waħda minn dawn il-funzjonalitajiet jew aktar, iżda mhux b’oħrajn, bħala l-funzjonalità/funzjonalitajiet ewlenija/ewlenin: dik ta’ router, ta’ swiċċ tan-network, ta’ punt ta’ aċċess għan-network bla fili, ta’ hub, ta’ modem, ta’ telefown tal-VoIP, ta’ video phone;
(9)
“tagħmir imqabbad ma’ netwerk b’funzjonalità ta’ disponibbiltà għolja tan-network ” jew “tagħmir b’funzjonalità HiNA” tfisser tagħmir bil-funzjonalità ta’ router, swiċċ tan-network, punt ta’ aċċess għan-network bla fili jew kombinament tagħhom inkluża, iżda li ma jkunx tagħmir HiNA;
(10)
“router” tfisser apparat tan-network li l-funzjoni ewlenija tiegħu hija li jiddetermina liema tkun l-aħjar mogħdija li minnha għandu jgħaddi t-traffiku tan-network. Ir-routers jibagħtu pakketti tad-data minn network għall-ieħor, abbażi tal-informazzjoni dwar is-saff tan-network (L3);
(11)
“swiċċ tan-network” tfisser apparat tan-network li l-funzjoni ewlenija tiegħu hija li jiffiltra, jibgħat u jqassam frames abbażi tal-indirizz ta’ destinazzjoni ta’ kull frame. L-iswiċċijiet kollha jaħdmu mill-anqas fis-saff ta’ kollegament tad-data (L2);
(12)
“punt ta’ aċċess tan-network bla fili” tfisser apparat li l-funzjoni ewlenija tiegħu hija li jipprovdi konnettività IEEE 802.11 (Wi-Fi) lil diversi klijenti;
(13)
“hub” tfisser apparat tan-network li jkollu diversi portijiet u li jintuża għall-konnessjoni ta’ segmenti ta’ Netwerk ta’ Żona Lokali;
(14)
“modem” tfisser apparat tan-network li l-funzjoni ewlenija tiegħu hija li jittrażmetti u jirċievi sinjali analogi modulati diġitalment fuq network bil-fili;
(15)
“tagħmir għall-istampar” tfisser tagħmir li jagħti output fuq il-karta minn input elettroniku fuq karti jew mezzi oħra. It-tagħmir għall-istampar jista’ jkollu funzjonijiet addizzjonali, bħal skennjar kif ukoll ikkuppjar u jista’ jiġi kkummerċjalizzat bħala apparat multifunzjonali jew prodott multifunzjonali;
(16)
“tagħmir għall-istampar b’format kbir” tfisser tagħmir għall-istampar iddisinjat biex jistampa fuq materjal ta’ format A2 jew akbar, inkluż tagħmir iddisinjat biex jieħu materjal kontinwu wiesa’ mill-anqas 406 mm;
(17)
“Magna tal-kafè tad-dar” tfisser tagħmir mhux għall-użu kummerċjali li jsajjar il-kafè;
(18)
“magna tal-kafè tad-dar bi drip-filter” tfisser magna tal-kafè tad-dar li tipperkola l-kafè;
(19)
“console tal-logħob” tfisser tagħmir iddisinjat biex jipprovdi logħob bil-video game bħala l-funzjoni ewlenija tiegħu. Console tal-logħob huwa tipikament iddisinjat biex jipprovdi output lejn skrin elettroniku estern bħala l-iskrin ewlieni tal-logħba u tipikament juża kontrolluri li jinżammu fl-idejn jew kontrolluri oħra interattivi bħala l-apparat ewlieni tal-input. Il-consoles tal-logħob tipikament jinkludu unità/unitajiet ċentrali ta’ pproċessar, unità/unitajiet tal-ipproċessar tal-grafika, memorja tas-sistema u alternattivi oħra ta’ ħżin intern tad-data. L-apparat tal-logħob li jinżamm fl-idejn, bi skrin integrat bħala l-iskrin ewlieni tal-logħba, u li jaħdem primarjament b’batterija integrata jew sors ta’ enerġija portabbli aktar milli permezz ta’ konnessjoni diretta mal-mejn, jitqiesu bħala tip ta’ consoles tal-logħob;
(20)
“għamara aġġustabbli operata b’mutur” tfisser għamara li tinkludi muturi jew attwaturi u unità ta’ kontroll biex jiġi aġġustat l-għoli, il-pożizzjoni jew il-forma. Dawk l-aġġustamenti jitħaddmu mill-utent finali permezz ta’ kontrolluri bil-kejbil u/jew bla fili, permezz ta’ network jew ikkontrollati awtomatikament bl-użu ta’ sensuri;
(21)
“element tal-bini mħaddem b’mutur” tfisser tagħmir ta’ ftuħ jew ta’ kumdità fil-bini, għajr tagħmir tal-ventilazzjoni, li jista’ jiċċaqlaq jew idur, jew it-tnejn, permezz tad-dħul tal-elettriku mill-mejn. L-element tal-bini mħaddem b’mutur jinkorpora mutur elettriku jew attwatur u unità ta’ kontroll, u jitħaddem mill-utent finali permezz ta’ kontrollur(i) bil-kejbil u/jew bla fili, permezz ta’ network jew ikkontrollat awtomatikament bl-użu ta’ sensuri;
(22)
“apparat ta’ streaming tal-media” tfisser apparat tal-hardware li jipprovdi kontenut tax-xandir, dirett jew irrekordjat, lill-apparati tal-utenti finali permezz ta’ network u li jintwera f’ħin reali.
ANNESS II
LISTA TA’ PRODOTTI RELATATI MAL-ENERĠIJA KOPERTI B’DAN IR-REGOLAMENT
1.
Apparat maħsub, ittestjat u kummerċjalizzat għall-użu fid-djar:
— |
magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ u magni oħra li jnixxfu l-ħwejjeġ; |
— |
fran tal-elettriku inkluż meta jkunu inkorporati fil-cookers; |
— |
ħobbs tal-elettriku u platti li jsaħħnu bl-elettriku; |
— |
fran microwave; |
— |
towsters; |
— |
apparat għall-qali; |
— |
magni tal-kafè; |
— |
magni għat-tħin tal-kafè; |
— |
tagħmir għall-ftuħ jew għall-issiġillar tal-kontenituri jew tal-imballaġġi; |
— |
skieken elettriċi; |
— |
apparati oħra għat-tisjir u għal ipproċessar ieħor tal-ikel, għat-tħejjija tax-xorb, għat-tindif u għall-manutenzjoni tal-ħwejjeġ, iżda bl-esklużjoni tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi koperti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2022 (1), u l-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi koperti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2023 (2); |
— |
apparati għall-qtugħ tax-xagħar, għat-tnixxif tax-xagħar, għat-trattamenti tax-xagħar, għall-ħasil tas-snien, għat-tqaxxir tal-leħja, għall-massaġġi u apparati oħra għall-kura tal-ġisem; |
— |
imwieżen. |
2.
It-tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni maħsub primarjament għal użu f’ambjent domestiku, inkluż tagħmir għall-istampar, iżda esklużi l-kompjuters desktop, il-kompjuters desktop integrati u l-kompjuters notebook koperti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013 (3), servers u prodotti tal-ħżin tad-data koperti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/424 (4), kif ukoll l-unitajiet tal-wiri elettroniċi koperti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2021 (5).
3.
Tagħmir tal-konsumatur:
— |
settijiet tar-radju; |
— |
kameras bil-vidjo; |
— |
video-players; |
— |
hi-fi players; |
— |
amplifikaturi tal-awdjo; |
— |
speakers tal-awdjo; |
— |
sistemi tat-teatru tad-dar; |
— |
apparat ta’ streaming tal-media; |
— |
strumenti mużikali; |
— |
kaxxi set-top sempliċi u kaxxi set-top kumplessi; |
— |
tagħmir ieħor biex jirrekordja jew jirriproduċi l-ħoss jew l-immaġnijiet, inklużi sinjali jew teknoloġiji oħra għad-distribuzzjoni tal-ħoss u tal-immaġni għajr bit-telekomunikazzjoni, iżda esklużi l-unitajiet tal-wiri elettroniċi koperti bir-Regolament (UE) 2019/2021 u l-projetturi b’mekkaniżmi għall-iskambju tal-lentijiet ma’ oħrajn b’tul fokali differenti. |
4.
Ġugarelli, tagħmir tad-divertiment u tal-isport:
— |
ferroviji tal-elettriku jew settijiet tat-tlielaq tal-karozzi; |
— |
consoles tal-logħob; |
— |
tagħmir tal-isports; |
— |
ġugarelli oħra u tagħmir ta’ divertiment. |
5.
għamara aġġustabbli mħaddma b’mutur:
— |
skrivaniji b’għoli li jista’ jiġi aġġustat; |
— |
sodod u siġġijiet elevanti, għajr għall-apparat mediku u s-siġġijiet tar-roti; |
— |
għamara aġġustabbli oħra mħaddma b’mutur. |
6.
Elementi tal-bini mħaddma b’mutur:
— |
kontraporti; |
— |
blinds; |
— |
skrins; |
— |
tined; |
— |
pergoli; |
— |
purtieri; |
— |
bibien; |
— |
gradi; |
— |
twieqi; |
— |
tamboċċi; |
— |
elementi oħra tal-bini mħaddma b’mutur. |
(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2022 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-platti domestiċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1016/2010 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 267).
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2023 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1015/2010 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 285).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għall-ekodisinn għall-kompjuters u s-servers informatiċi, (ĠU L 175, 27.6.2013, p. 13).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/424 tal-15 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal servers u prodotti għall-ħażna tad-data skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013 (ĠU L 74, 18.3.2019, p. 46).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2021 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 241).
ANNESS III
REKWIŻITI GĦALL-EKODISINN
1.
Rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika:
(a) |
Il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi: Il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir fil-modalità mitfi ma għandux jaqbeż 0,50 W. Sentejn wara l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir fil-modalità mitfi ma għandux jaqbeż 0,30 W. |
(b) |
Il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby:
|
(c) |
Il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby man-network:
|
2.
Rekwiżiti funzjonali:
(a) |
Disponibbiltà tal-modalità mitfi u l-modalità standby: Sakemm dan ma jkunx xieraq għall-użu maħsub, it-tagħmir għandu jipprovdi waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(b) |
Funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija għat-tagħmir kollu li ma huwiex tagħmir imqabbad ma’ network:
|
(c) |
Il-ġestjoni tal-enerġija għal tagħmir imqabbad ma’ network:
|
(d) |
Il-possibbiltà ta’ diżattivazzjoni ta’ konnessjonijiet ta’ network bla fili: Kull tagħmir imqabbad ma’ network li jista’ jiġi konness ma’ network bla fili għandu joffri lill-utent il-possibbiltà li jiddiżattiva l-konnessjonijiet man-network bla fili. Dak ir-rekwiżit ma japplikax għat-tagħmir li għall-użu maħsub tagħhom jiddependi fuq konnessjoni waħda ta’ network bla fili u li ma jkollyx konnessjoni ta’ network bil-fili. |
(e) |
L-indikazzjoni “standby” u t-traduzzjonijiet tagħha fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni ma għandhomx jintużaw fid-deskrizzjoni, jew waħedhom jew flimkien ma’ informazzjoni oħra, ta’ kwalunkwe kundizzjoni li fiha t-tagħmir ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1(b) jew 1(c). |
3.
Rekwiżiti ta’ informazzjoni
(a) |
Il-manwali tal-istruzzjonijiet għall-utenti finali, u s-siti web ta’ aċċess bla ħlas tal-fabbrikanti, tal-importaturi jew tar-rappreżentanti awtorizzati għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja għat-tagħmir kollu, kif applikabbli:
Bħala alternattiva, l-informazzjoni fil-punti (1), (2) u (3) tista’ tiġi pprovduta fil-manwali tal-istruzzjoni għall-utenti finali fil-forma ta’ ħolqa għal din l-informazzjoni fis-siti web ta’ aċċess bla ħlas tal-fabbrikanti, tal-importaturi jew tar-rappreżentanti awtorizzati. |
(b) |
Id-dokumentazzjoni teknika għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 4 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
|
(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 932/2012 tat-3 ta’ Ottubru 2012 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ (ĠU L 278, 12.10.2012, p. 1).
ANNESS IV
METODI TA’ KEJL U TA’ KALKOLU
Il-kejl u l-kalkoli għandhom isiru billi jintużaw standards armonizzati, li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal din il-fini f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew billi jintużaw metodi oħrajn li jkunu affidabbli, akkurati u riproduċibbli, li jqisu l-aktar metodi ta’ kejl tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku rikonoxxuti b’mod ġenerali.
Il-kundizzjonijiet ġenerali li ġejjin għandhom japplikaw meta jiġi ttestjat tagħmir imqabbad ma’ network:
(a) |
Sabiex jitkejjel il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby ta’ tagħmir imqabbad ma’ network li jkollu tali modalità, il-portijiet tan-network kollha tal-unità għandhom jiġu diżattivati jew skonnettjati, kif applikabbli. |
(b) |
Jekk tagħmir jiddependi fuq konnessjoni bil-fili attiva ma’ port tan-network wieħed jew aktar għall-użu maħsub, hija permessa d-diżattivazzjoni manwali ta’ dawk il-portijiet tan-network minflok l-iskonnessjoni tal-wajer. |
(c) |
Il-proċedura li ġejja għandha tintuża għall-kejl tal-konsum tal-enerġija fil-modalità standby man-network u għall-ittestjar tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija:
|
(d) |
Għat-tipi kollha tal-magni tal-kafè tad-dar, il-kejl għandu jitwettaq wara tmiem l-aħħar ċiklu tat-tisjir, u, fejn applikabbli, wara tmiem il-proċess tat-tneħħija tal-ġebla, il-proċess tat-tindif awtomatiku tal-magna jew kwalunkwe operazzjoni oħra mwettqa mill-utent, sakemm ma jiġix skattat allarm li jeħtieġ l-intervent tal-utent biex tiġi evitata ħsara jew inċident. |
ANNESS V
PROĊEDURA TA’ VERIFIKA GĦALL-FINIJIET TAS-SORVELJANZA TAS-SUQ
It-tolleranzi tal-verifika ddefiniti f’dan l-Anness japplikaw biss għall-verifika mill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-valuri ddikjarati. Dawn ma għandhomx jintużaw mill-fabbrikant, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat bħala tolleranza permessa għall-istabbiliment tal-valuri inklużi fid-dokumentazzjoni teknika jew fl-interpretazzjoni ta’ dawk il-valuri bil-għan li tinkiseb il-konformità jew għall-komunikazzjoni ta’ prestazzjoni aħjar bi kwalunkwe mod.
Meta mudell ma jkunx f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu bħala mhux konformi.
Bħala parti mill-verifika tal-konformità ta’ mudell tat-tagħmir mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura li ġejja:
1. |
L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jivverifikaw unità waħda tal-mudell. |
2. |
Il-mudell għandu jitqies li huwa konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
3. |
Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2(a), (b), (c) jew (d) ma jiġux issodisfati, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li ma humiex konformi ma’ dan ir-Regolament. |
4. |
Jekk ma tiġix ssodisfata l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 2(e), l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħżlu tliet unitajiet addizzjonali tal-istess mudell biex jiġu ttestjati. B’mod alternattiv, it-tliet unitajiet addizzjonali magħżula jistgħu jkunu ta’ mudell ekwivalenti wieħed jew aktar. |
5. |
Il-mudell għandu jitqies li huwa konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk, għal dawk it-tliet unitajiet, il-medja aritmetika tal-valuri determinati tikkonforma mat-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 1. |
6. |
Jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 5, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li ma humiex konformi ma’ dan ir-Regolament. |
7. |
Wara li tittieħed deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-mudell skont il-punti 3 jew 6 jew it-tieni paragrafu ta’ dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. |
L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu stabbiliti fl-Anness IV.
Għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw biss it-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ hawn taħt u għandhom jużaw biss il-proċedura deskritta fil-punti 1 sa 7 ta’ hawn fuq. Għall-parametri fit-Tabella 1, ma għandha tiġi applikata l-ebda tolleranza oħra, lanqas dawk stabbiliti fi standards armonizzati jew fi kwalunkwe metodu ieħor ta’ kejl.
Tabella 1
Tolleranzi tal-verifika
Parametri |
Tolleranzi tal-verifika |
Il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi |
Il-valur determinat (*1) ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat b’aktar minn 0,10 W. |
Il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby |
Il-valur determinat (*1) ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat b’aktar minn 0,10 W. |
Il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby man-network |
Il-valur determinat (*1) ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat b’aktar minn 0,10 W jekk il-valur dikjarat hu iżgħar minn 1 W u inkella b’aktar minn 10 %. |
Il-ħin meħtieġ sabiex it-tagħmir jilħaq il-modalità jew il-kondizzjoni ta’ konsum baxx tal-enerġija |
Il-valur determinat (*1) ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat b’aktar minn 10 % |
(*1) Jekk jiġu ttestjati tliet unitajiet addizzjonali kif previst fil-punt 4, il-valur determinat ifisser il-medja aritmetika tal-valuri determinati għal dawk it-tliet unitajiet addizzjonali.
ANNESS VI
PARAMETRI REFERENZJARJI
Fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-aħjar teknoloġija disponibbli fis-suq f’termini ta’ konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi, fil-modalità standby u fil-modalità standby man-network ġiet identifikata kif ġej:
(a) |
Il-modalità mitfi: 0 W–0,2 W bi swiċċ jitfi kompletament fuq in-naħa prinċipali, u dan jiddependi, inter alia, mill-karatteristiċi marbuta mal-kompatibbiltà elettromanjetika skont id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). |
(b) |
Il-modalità standby: 0,1 W b’funzjoni ta’ riattivazzjoni; 0,1 W bi skrin ta’ informazzjoni jew status ta’ LEDs b’enerġija sempliċi jew baxxa (l-unitajiet tal-wiri akbar — eż. għall-arloġġi — jeħtieġu aktar enerġija). |
(c) |
Standby man-network: 3 W għal tagħmir HiNA; 1 W jew inqas għal tagħmir mhux HiNA. |
(1) Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).