17.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/363

tal-31 ta’ Ottubru 2022

li jemenda u jikkoreġi l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2022/1288 fir-rigward tal-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni fir-rigward tad-divulgazzjonijiet f’dokumenti prekuntrattwali u rapporti perjodiċi għal prodotti finanzjarji li jinvestu f’attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3), ir-raba’ subparagrafu, l-Artikolu 8(4), ir-raba’ subparagrafu, l-Artikolu 9(5), ir-raba’ subparagrafu, l-Artikolu 9(6), ir-raba’ subparagrafu, l-Artikolu 10(2), ir-raba’ subparagrafu, l-Artikolu 11(4), ir-raba’ subparagrafu, u l-Artikolu 11(5), ir-raba’ subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1288 (2) jistabbilixxi d-dettalji tal-kontenut u tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni fir-rigward tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. Jispeċifika wkoll il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni fir-rigward tal-indikaturi tas-sostenibbiltà u l-impatti negattivi fuq is-sostenibbiltà u l-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni li għandha tingħata f’dokumenti prekuntrattwali, fuq is-sit web u f’rapporti perjodiċi, fir-rigward tal-promozzjoni tal-karatteristiċi ambjentali jew soċjali u l-għanijiet ta’ investiment sostenibbli tal-prodotti finanzjarji. Barra minn hekk, fir-rigward tal-prodotti finanzjarji li jinvestu f’attività ekonomika li tikkontribwixxi għal objettiv ambjentali skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (17), tar-Regolament (UE) 2019/2088, ir-Regolament Delegat (UE) 2022/1288 jispeċifika wkoll l-informazzjoni dwar il-grad ta’ allinjament mat-tassonomija li għandha tiġi ddivulgata fid-dokumenti prekuntrattwali u fir-rapporti perjodiċi.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1214 (3), b’referenza partikolari għas-setturi tal-gass fossili u tal-enerġija nukleari, ġie adottat fid-9 ta’ Marzu 2022.

(3)

Il-Kummissjoni stiednet lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej biex b’mod konġunt jipproponu emendi fir-Regolament Delegat (UE) 2022/1288 fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’dokumenti prekuntrattwali, fuq siti web, u f’rapporti perjodiċi dwar l-esponiment ta’ prodotti finanzjarji għal investimenti f’attivitajiet tal-gass fossili u tal-enerġija nukleari.

(4)

Dawn l-emendi huma meħtieġa biex tiżdied it-trasparenza u b’hekk il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-investituri jiġu megħjuna jidentifikaw il-prodotti finanzjarji li jinvestu f’attivitajiet relatati mal-gass fossili u mal-enerġija nukleari li jkunu ambjentalment sostenibbli. L-għoti ta’ informazzjoni aktar iddettaljata dwar l-investimenti f’dawn l-attivitajiet jenħtieġ li jippromwovi ukoll il-komparabbiltà tal-informazzjoni ddivulgata lill-investituri. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi pprovduta trasparenza dwar l-investimenti f’attivitajiet relatati mal-gass fossili u mal-enerġija nukleari li jkunu ambjentalment sostenibbli tul il-ħajja kollha tal-prodotti finanzjarji rilevanti, f’dokumenti prekuntrattwali u f’rapporti perjodiċi. Din l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi inkluża wkoll fid-divulgazzjonijiet tas-sit web. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej innotaw li t-trasparenza dwar l-investimenti fis-setturi u s-sottosetturi relatati mal-attivitajiet tal-gass fossili u tal-enerġija nukleari hija diġà meħtieġa bħala parti mid-dispożizzjonijiet tar-rapporti perjodiċi skont ir-Regolament Delegat (UE) 2022/1288.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li biex tiskatta l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), huwa irrilevanti jekk prodott finanzjarju jimpenja ruħu li jinvesti f’attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu għal objettiv ambjentali skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (17), tar-Regolament (UE) 2019/2088.

(6)

Barra minn hekk, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej innotaw li kienu meħtieġa żewġ bidliet fil-kontroreferenzi tad-divulgazzjonijiet perjodiċi minħabba li dawn kienu żbaljati.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2022/1288 jiġi emendat u kkoreġut skont dan.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-“Awtoritajiet Superviżorji Ewropej”).

(9)

Il-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej imsemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) talab il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(10)

L-emendi fir-Regolament Delegat (UE) 2022/1288 huma aġġustamenti limitati fil-qafas regolatorju eżistenti u huma meħtieġa biex il-qafas ta’ divulgazzjoni jiġi allinjat mar-Regolament Delegat (UE) 2022/1214, li għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-emendi u l-ħtieġa li jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-koerenza mal-applikazzjoni tar-Regolamenti Delegati (UE) 2022/1214 u (UE) 2022/1288, kien ikun sproporzjonat għall-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej li jwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi jew analiżijiet tal-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament Delegat (UE) 2022/1288

Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/1288 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (a), għandu japplika dan kollu li ġej:

(a)

il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jużaw:

(i)

l-istess indikatur ewlieni tal-prestazzjoni għall-investimenti aggregati f’impriżi mhux finanzjarji;

(ii)

l-istess indikatur ewlieni tal-prestazzjoni għall-investimenti aggregati fl-istess tip ta’ impriżi finanzjarji;

(b)

għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jwettqu attivitajiet ta’ sottoskrizzjoni mhux tal-ħajja, l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni jista’ jgħaqqad l-investiment u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tas-sottoskrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2178;

(c)

meta l-prodotti finanzjarji jinvestu f’attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli msemmijin fit-Taqsimiet 4.26, 4.27 u 4.28 tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2139, jew f’attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli msemmijin fit-Taqsimiet 4.29, 4.30 u 4.31 ta’ dawn l-Annessi, ir-rappreżentazzjonijiet grafiċi għandhom juru separatament il-proporzjon tal-investimenti aggregati fi:

(i)

attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli msemmijin fit-Taqsimiet 4.26, 4.27 u 4.28 ta’ dawn l-Annessi;

(ii)

attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli msemmijin fit-Taqsimiet 4.29, 4.30 u 4.31 ta’ dawn l-Annessi.”

;

(2)

L-Artikolu 55 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-prodotti finanzjarji msemmijin fl-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, tar-Regolament (UE) 2020/852, il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jinkludu, fit-taqsima “X’kien il-proporzjon ta’ investimenti relatati mas-sostenibbiltà?”, fil-mudell stabbilit fl-Anness IV, l-informazzjoni kollha li ġejja:”,

(b)

(b) fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

meta l-prodotti finanzjarji jinvestu matul il-perjodu kopert mir-rapport perjodiku f’attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli msemmijin fit-Taqsimiet 4.26, 4.27 u 4.28 tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2139, jew f’attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli msemmijin fit-Taqsimiet 4.29, 4.30 u 4.31 ta’ dawn l-Annessi, ir-rappreżentazzjoni grafika għandha turi separatament:

(i)

l-aggregat tal-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli msemmijin fit-Taqsimiet 4.26, 4.27 u 4.28 ta’ dawn l-Annessi;

(ii)

l-aggregat tal-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli msemmijin fit-Taqsimiet 4.29, 4.30 u 4.31 ta’ dawn l-Annessi.”;

(3)

L-Annessi II u V huma sostitwiti bl-Annessi I u IV ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Korrezzjonijiet fir-Regolament Delegat (UE) 2022/1288

Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/1288 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 55(1), il-punt (b), il-punt (iv) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iv)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(3), il-punt (b);”;

(2)

fl-Artikolu 62(1), il-punt (b), il-punt (iv) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iv)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(3), il-punt (b);”.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1288 tas-6 ta’ April 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’rabta mal-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, li jispeċifikaw il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’rabta mal-indikaturi tas-sostenibbiltà u l-impatti avversi fuq is-sostenibbiltà, u l-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’rabta mal-promozzjoni tal-karatteristiċi ambjentali jew soċjali u l-objettivi ta’ investiment sostenibbli f’dokumenti prekuntrattwali, fuq siti web u f’rapporti perjodiċi (ĠU L 196, 25.7.2022, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1214 tad-9 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi f’ċerti setturi tal-enerġija u r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi (ĠU L 188, 15.7.2022, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


ANNESS I

“ANNESS II

Mudell ta’ divulgazzjoni prekuntrattwali għall-prodotti finanzjarji msemmijin fl-Artikolu 8, il-paragrafi 1, 2 u 2a tar-Regolament (UE) 2019/2088 u fl-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu tar-Regolament (UE) 2020/852

Image 1

Image 2

Image 3

Image 4

Image 5


ANNESS II

“ANNESS III

Mudell ta’ divulgazzjoni prekuntrattwali għall-prodotti finanzjarji msemmijin fl-Artikolu 9, il-paragrafi minn 1 sa 4a tar-Regolament (UE) 2019/2088 u fl-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, tar-Regolament (UE) 2020/852

Image 6

Image 7

Image 8

Image 9

Image 10


ANNESS III

“ANNESS IV

Il-mudell tad-divulgazzjoni perjodika għall-prodotti finanzjarji msemmijin fl-Artikolu 8, il-paragrafi 1, 2 u 2a tar-Regolament (UE) 2019/2088 u fl-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu tar-Regolament (UE) 2020/852

Image 11

Image 12

Image 13

Image 14

Image 15

Image 16


ANNESS IV

“ANNESS V

Il-mudell ta’ divulgazzjoni perjodika għall-prodotti finanzjarji msemmijin fl-Artikolu 9, il-paragrafi minn 1 sa 4a, tar-Regolament (UE) 2019/2088 u fl-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, tar-Regolament (UE) 2020/852

Image 17

Image 18

Image 19

Image 20

Image 21