20.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 51/27


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/380

tal-20 ta’ Frar 2023

li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/184/PESK (1).

(2)

Fil-25 ta’ Lulju 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna bil-qawwa l-eżekuzzjoni tal-mexxejja tal-oppożizzjoni u favur id-demokrazija fil-Myanmar/Burma. Ir-Rappreżentant Għoli ddikjara wkoll li dawn l-eżekuzzjonijiet motivati politikament jirrappreżentaw pass ieħor lejn iż-żarmar sħiħ tal-istat tad-dritt u ksur sfaċċat ieħor tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma.

(3)

L-Unjoni hija ferm imħassba dwar l-eskalazzjoni kontinwa tal-vjolenza u l-evoluzzjoni għal kunflitt fit-tul b’implikazzjonijiet reġjonali. L-Unjoni tikkundanna l-ksur gravi kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem inkluż it-tortura, il-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru, il-persekuzzjoni kontinwa tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġurnalisti, u l-attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, inkluż il-minoranzi etniċi u reliġjużi, mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw).

(4)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe progress rapidu fis-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma, l-Unjoni esprimiet f’diversi okkażjonijiet ir-rieda tagħha li tadotta aktar miżuri restrittivi kontra dawk responsabbli għall-imminar tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma.

(5)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni gravi li għadha tippersisti fil-Myanmar/Burma, disa’ persuni u seba’ entitajiet jenħtieġ li jinżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness tad-Deċiżjoni 2013/184/PESK.

(6)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2013/184/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2013/184/PESK huwa emendat kif jinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/184/PESK tat-22 ta’ April 2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma (ĠU L 111, 23.4.2013, p. 75).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni 2013/184/PESK huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrati li ġejjin jinżdiedu mal-lista bl-intestatura “A. Persuni fiżiċi msemmijin fl-Artikoli 5(1) u 6(1)”:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

“85.

Aung Hlaing Oo

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Data tat-twelid: 11.6.1977;

Post tat-twelid: Myanmar/Burma;

Sess: raġel;

Nru tal-passaport: 12/LaMaTa(Nine)025897

Aung Hlaing Oo ilu l-President ta’ Myanmar Chemical and Machinery (MCM) Company Limited u sussidjarji oħrajn minn meta waqqaf il-kumpanija fl-2001.

Huwa uża l-pożizzjoni kummerċjali u personali tiegħu biex jagħti appoġġ għall-vjolenza mwettqa mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) kontra l-popolazzjoni tagħhom stess fir-rwol tiegħu bħala importatur u sensar tal-armi u ta’ oġġetti b’użu doppju. Permezz tal-presidenza tiegħu tal-MCM, huwa jaġixxi bħala sors ewlieni ta’ armi u appoġġ kummerċjali għall-ġunta, inkluż permezz tar-rabtiet politiċi/kummerċjali mill-qrib tiegħu ma’ diversi kumpaniji fis-settur tat-tagħmir militari, inkluż fl-2019 u fl-2020. Huwa ħa sehem ukoll f’delegazzjonijiet għall-akkwist ta’ armi għall-militar tal-Myanmar, fosthom f’Ġunju 2021. Tali materjal, inkluż ħelikopters u spare parts għal inġenji tal-ajru, jintużaw fil-bumbardament ta’ persuni ċivili f’diversi Stati u reġjuni.

Aung Hlaing Oo għalhekk kien involut fil-provvista ta’ oġġetti ristretti u/jew teknoloġija ristretta, u oġġetti b’użu doppju, u b’hekk ikkawża ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Bħala President tal-MCM, Aung Hlaing Oo ta appoġġ lit-Tatmadaw fit-twettiq ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma, inkluż fl-Istat ta’ Rakhine. Għaldaqstant huwa persuna fiżika li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħha jdgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, jew li tinvolvi ruħha f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma, jew tappoġġahom. Barra minn hekk, Aung Hlaing Oo huwa assoċjat mal-militar permezz tar-rabtiet estensivi tiegħu mar-reġimi preċedenti u attwali tal-ġunta.

20.2.2023

86.

Sit Taing Aung

(magħruf ukoll bħala Sitt Taing Aung)

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Data tat-twelid: 13.11.1971;

Post tat-twelid: Myanmar/Burma;

Sess: raġel;

Nru tal-passaport: 12/YaKaNa(n)006213

Sit Taing Aung kien id-Direttur ta’ Yatanarpon Aviation Support Company u Suntac Group of Companies bejn it-twaqqif ta’ dawn il-kumpaniji u l-għeluq tagħhom f’Novembru 2021. Sit Taing Aung kompla l-attivitajiet tiegħu wara l-kolp ta’ stat tal-2021.

Huwa uża l-pożizzjoni kummerċjali u personali tiegħu kif ukoll ir-rwol tiegħu bħala importatur u sensar tal-armi u ta’ oġġetti b’użu doppju biex jagħti appoġġ għall-vjolenza mwettqa mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) kontra persuni ċivili, inkluż il-bumbardament tal-iskejjel. Permezz tal-pożizzjoni tiegħu bħala direttur ta’ Yatanarpon Aviation Support Company li issa ngħalqet, huwa rrappreżenta sors ewlieni ta’ armi u appoġġ kummerċjali għall-ġunta, inkluż permezz tar-rabtiet politiċi/kummerċjali mill-qrib tiegħu ma’ diversi kumpaniji fis-settur tat-tagħmir militari.

Sit Taing Aung għalhekk kien involut fil-provvista ta’ oġġetti ristretti u/jew teknoloġija ristretta, u oġġetti b’użu doppju għall-Forzi Armati tal-Myanmar u hemm riskju li ser jibqa’ jagħmel hekk fil-futur. Bħala Direttur ta’ Yatanarpon Aviation Support Company, Sit Taing Aung ta appoġġ lit-Tatmadaw fit-twettiq ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma u b’hekk ta appoġġ għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, Sit Taing Aung huwa assoċjat mal-militar permezz tar-rabtiet estensivi tiegħu mar-reġimi preċedenti u attwali tal-ġunta.

20.2.2023

87.

Kyaw Min Oo

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Data tat-twelid: 18.1.1982;

Sess: raġel;

Nru tal-passaport: 14/MaMaKa(N)140703

Kyaw Min Oo ilu d-Direttur ta’ Sky Aviator mill-2014 meta waqqaf il-kumpanija. Din wettqet attivitajiet wara l-kolp ta’ stat tal-2021.

Minħabba l-pożizzjoni kummerċjali u personali tiegħu, ta appoġġ għall-vjolenza tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) fir-rwol tiegħu bħala importatur u sensar ta’ armi u ta’ oġġetti b’użu doppju. Permezz tal-kontroll tiegħu ta’ Sky Aviator, huwa jaġixxi bħala sors ewlieni ta’ armi u appoġġ kummerċjali għall-ġunta, inkluż permezz tar-rabtiet politiċi/kummerċjali mill-qrib tiegħu ma’ diversi kumpaniji fis-settur tat-tagħmir militari, inkluż spare parts li permezz tagħhom l-inġenji tal-ajru militari jkunu jistgħu jintużaw f’operazzjonijiet immirati lejn żoni b’popolazzjoni ċivili.

Kyaw Min Oo għaldaqstant kien involut fil-provvista ta’ oġġetti ristretti u/jew teknoloġija ristretta, u oġġetti b’użu doppju, u b’hekk ikkawża ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Bħala Direttur ta’ Sky Aviator, Kyaw Min Oo ta appoġġ lit-Tatmadaw fit-twettiq ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma u b’hekk appoġġa azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, Kyaw Min Oo huwa assoċjat mal-militar permezz tar-rabtiet estensivi tiegħu mar-reġimi tal-ġunta preċedenti u attwali, inkluż il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati tal-Myanmar, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing, li huwa elenkat mill-UE.

20.2.2023

88.

Moe Aung

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Post tat-twelid: Myanmar/Burma;

Sess: raġel;

Grad: Ammirall

L-Ammiral Moe Aung huwa l-Kap Kmandant tal-Forza Navali tal-Myanmar. Huwa wieħed mill-ogħla uffiċjali fil-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), assoċjat mill-qrib mal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat tar-reġim inkluż il-Kap Kmandant Min Aung Hlaing u l-Viċi Kap Kmandant Soe Win u l-Gvern.

Moe Aung jieħu sehem ukoll fil-governanza tal-entità elenkata mill-UE MEHL, konglomerat li huwa proprjetà tal-militar li jipprovdi ‘riżorsi ekonomiċi u materjali lill-militar li jiffaċilitaw l-azzjonijiet tagħhom. Taħt l-awtorità tiegħu u f’kooperazzjoni mal-Ministeru għat-Trasport u l-Komunikazzjoni, ġew ittrasportati suldati u armi permezz ta’ dgħajjes/bastimenti lejn il-parti tat-Tramuntana tal-pajjiż permezz tal-passaġġi fuq l-ilma.

Bħala membru ta’ grad għoli tar-reġim militari, Moe Aung għaldaqstant huwa persuna fiżika li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħha jdgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, jew li tinvolvi ruħha fi, jew tagħti appoġġ għal, azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. Huwa responsabbli wkoll għal għadd kbir ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

20.2.2023

89.

Maung Maung Aye

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Post tat-twelid: Myanmar/Burma;

Sess: raġel;

Grad: Ġeneral

Il-Ġeneral Maung Maung Aye huwa l-Kap tal-Istat Maġġur għall-armata, il-forza navali u l-forza tal-ajru tal-Myanmar. Dan huwa t-tielet l-aktar rwol għoli fil-militar tal-Myanmar. F’din il-pożizzjoni, Maung Maung Aye jifforma parti mir-reġim, li ħataf il-poter u neħħa lill-mexxejja eletti b’mod leġittimu fil-Myanmar/Burma fi Frar 2021.

Huwa qed jieħu sehem attiv fix-xiri ta’ armi mir-Russja. Barra minn hekk, huwa jgħin ukoll biex tissaħħaħ il-pożizzjoni internazzjonali tal-Forzi Armati tal-Myanmar permezz ta’ laqgħat ma’ kontropartijiet minn pajjiżi oħra.

Għaldaqstant huwa persuna fiżika li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħha jdgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, jew li tinvolvi ruħha fi, jew tagħti appoġġ għal, azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. Huwa responsabbli wkoll għal għadd kbir ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

20.2.2023

90.

Myo Myint Aung

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Post tat-twelid: Myanmar/Burma;

Sess: raġel;

Grad: Logutenent Kurunell

Il-Logutenent Kurunell Myo Myint Aung ilu l-Ministru Ekonomiku tar-Reġjun ta’ Yangon tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC) mit-2 ta’ Settembru 2022. Bħala l-Ministru tar-Reġjun ta’ Yangon, huwa involut direttament fit-teħid tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-reġjun ta’ Yangon, u responsabbli għalih.

Barra minn hekk, qabel serva bħala Kmandant tar-Reklutaġġ Militari ta’ Yangon u Mħallef Militari mit-twaqqif tal-qrati militari sa Settembru 2022.

F’din il-kapaċità, huwa kien allegatament involut fil-proċess tas-sentenzi ta’ mewt u l-eżekuzzjoni ta’ erba’ attivisti tad-demokrazija f’Lulju 2022. Matul il-mandat tiegħu bħala Mħallef Militari, bosta membri tal-oppożizzjoni ngħataw sentenzi ta’ mewt u sentenzi ta’ ħabs.

Huwa għaldaqstant responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-kolp ta’ stat tal-2021 fil-Kunsill Amministrattiv tal-Istat u bħala Kmandant tar-Reklutaġġ Militari u Mħallef Militari.

20.2.2023

91.

Zin Min Htet

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Post tat-twelid: Myanmar/Burma;

Sess: raġel;

Grad: Maġġur Ġeneral

Il-Maġġur Ġeneral Zin Min Htet huwa l-Viċi Ministru għall-Affarijiet Interni u l-Kap tal-Forza tal-Pulizija tal-Myanmar. Huwa kien involut direttament fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar ir-reġjun ta’ Yangon, u kien responsabbli għalih.

Zin Min Htet ħa post il-predeċessur tiegħu Than Hlaing fit-2 ta’ Mejju 2022, bħala Kap tal-Forza tal-Pulizija tal-Myanmar. Qabel kien l-Ajjutant Ġeneral Konġunt tal-militar (2019-2022). Huwa serva wkoll bħala kap tal-Università tal-Kompjuter u t-Teknoloġija tas-Servizzi tad-Difiża.

Bħala Viċi Ministru għall-Affarijiet Interni u Kap tal-Forza tal-Pulizija tal-Myanmar, huwa persuna fiżika li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħha jdgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, jew li tinvolvi ruħha f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma, jew tappoġġahom. Barra minn hekk, il-forzi tal-pulizija, filwaqt li kienu qed jaġixxu taħt l-awtorità tiegħu, wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, billi rrestrinġew il-libertà ta’ assemblea u ta’ espressjoni, b’arresti u detenzjoni arbitrarji ta’ mexxejja tal-oppożizzjoni u opponenti tal-kolp ta’ stat. Zin Min Htet huwa għaldaqstant responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

20.2.2023

92.

Ko Ko Maung

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Post tat-twelid: Myanmar/Burma;

Sess: raġel;

Grad: Maġġur Ġeneral

Il-Maġġur Ġeneral Ko Ko Maung huwa Kmandant Militari Reġjonali fl-Istat ta’ Kachin fil-parti tat-Tramuntana tal-pajjiż. Qabel, serva bħala Kmandant Militari Reġjonali fin-Nofsinhar u ġie ttrasferit għall-Kmand tat-Tramuntana f’Awwissu 2022.

Bħala Kmandant Militari Reġjonali, Ko Ko Maung jissorvelja l-attakki mill-ajru, il-massakri, ir-raids, il-ħruq u l-użu ta’ tarki umani li jwettaq il-militar f’Kachin.

Il-Maġġur Ġeneral Ko Ko Maung huwa għaldaqstant responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma.

20.2.2023

93.

Myo Myint Oo

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Post tat-twelid: Myanmar/Burma;

Sess: raġel

Myo Myint Oo ilu l-Ministru tal-Unjoni għall-Enerġija mill-5 ta’ Awwissu 2022. Bħala Ministru tal-Gvern, huwa jifforma parti mir-reġim militari.

Taħt l-awtorità tiegħu, l-entità elenkata mill-UE Myanmar Oil and Gas Enterprise (MOGE) tiġġenera dħul għall-entità elenkata mill-UE Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC) u l-Myanmar Petroleum Enterprise, li għandha impriża konġunta ma’ Puma Energy (imsejħa NEPAS). Hija tinvolvi ruħha fl-importazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ fjuwil tal-avjazzjoni inkluż għal inġenji tal-ajru tal-ġlied u inġenji tal-ajru militari oħra.

Bħala Ministru għall-Enerġija, huwa inkarigat li jippermetti l-investiment u l-kooperazzjoni ma’ sħab barranin fis-setturi taż-żejt u tal-gass, li joħloq dħul għall-Kunsill Amministrattiv tal-Istat, u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżgurar tal-ħtiġijiet finanzjarji tar-reġim militari u għall-importazzjoni ta’ fjuwil tal-avjazzjoni għall-militar li jippermetti l-attakki militari mill-ajru kontra persuni ċivili.

Għaldaqstant huwa persuna fiżika li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħha jdgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, jew li tinvolvi ruħha f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma, jew tappoġġahom.

20.2.2023”;

(2)

l-entrati li ġejjin jinżdiedu mal-lista intitolata “B. Persuni fiżiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 6(1)”:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

“12.

Myanmar Office of the Quarter Master General (Uffiċċju tal-Myanmar tal-Kap Ġeneral inkarigat mill-kwartieri)

Indirizz: Ministry of Defence, Building 24, Naypyitaw, Myanmar;

Tip ta’entità: pubblika;

Post ta’ reġistrazzjoni: Myanmar;

Individwi assoċjati: il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati tal-Myanmar il-Ġeneral Għoli Min Aung Hlaing;

il-Ministru għad-Difiża l-Ġeneral Mya Htun Oo;

Entitajiet assoċjati oħra: il-Ministeru għad-Difiża tal-Myanmar;

Myanmar Economic Corporation (MEC)

L-Uffiċċju tal-Myanmar tal-Kap Ġeneral inkarigat mill-Kwartieri huwa dipartiment taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Ministeru għad-Difiża (MoD) li huwa involut fl-akkwist ta’ armi u tagħmir militari għall-Forzi Armati tal-Myanmar (it-Tatmadaw).

Bħala tali, l-Uffiċċju tal-Kap Ġeneral inkarigat mill-Kwartieri huwa organikament taħt il-kontroll tal-Forzi Armati tal-Myanmar inkluż mill-kolp ta’ stat tal-1 ta’ Frar 2021. Huwa jaġixxi bħala faċilitatur ewlieni tal-vjolenza u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li l-militar tal-Myanmar wettaq fuq il-persuni ċivili tal-Myanmar u għalhekk ikkontribwixxa biex jitkattar iċ-ċiklu ta’ vjolenza li ħakem lill-Myanmar/Burma mill-kolp ta’ stat tal-2021.

L-uffiċċju tal-Kap Ġeneral inkarigat mill-Kwartieri huwa involut ukoll fil-ġestjoni tal-assi ekonomiċi li jibbenefikaw lill-ġunta.

L-Uffiċċju tal-Kap Ġeneral inkarigat mill-Kwartieri huwa marbut ma’ diversi ċifri u entitajiet elenkati mill-UE, inkluż il-kap kmandant il-Ġeneral Għoli Min Aung Hlaing u l-Myanmar Economic Corporation (MEC).

20.2.2023

13.

Myanmar Directorate of Defense Industries (Direttorat tal-Industriji tad-Difiża tal-Myanmar)

Indirizz: Shwedagon Pagoda Road, Yangon, Myanmar;

Tip ta’entità: intrapriża tal-Istat (SOE);

Post ta’ reġistrazzjoni: Myanmar;

Individwi assoċjati: il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati tal-Myanmar il-Ġeneral Għoli Min Aung Hlaing;

il-Logutenent Ġeneral Thein Htay;

il-Ministru għad-Difiża l-Ġeneral Mya Htun Oo;

Entitajiet assoċjati oħra: il-Ministeru għad-Difiża tal-Myanmar

Id-Direttorat tal-Industriji tad-Difiża tal-Myanmar huwa intrapriża tal-istat (SOE) taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Ministeru għad-Difiża (MoD) li taġixxi wkoll bħala l-unika entità tal-Myanmar inkarigata mill-produzzjoni tal-armi għall-Forzi Armati tal-Myanmar (it-Tatmadaw).

Id-Direttorat tal-Industriji tad-Difiża huwa mmexxi mil-Logutenent Ġeneral Thein Htay, membru tal-militar tal-Myanmar. Dan jaqa’ taħt l-awtorità tal-Kap Kmandant tat-Tatmadaw, ill-Ġeneral Għoli Min Aung Hlaing, elenkat mill-UE, u huwa marbut ma’ diversi personalitajiet marbuta mal-militar jew maħtura mill-militar, bħall-kap kmandant u d-deputat tiegħu.

Bħala tali,id-Direttorat tal-Industriji tad-Difiża huwa organikament taħt il-kontroll tal-Forzi Armati tal-Myanmar inkluż mill-kolp ta’ stat tal-1 ta’ Frar 2021. Dan jippermetti lill-militar tal-Myanmar iwettaq vjolenza kontra l-persuni ċivili tal-Myanmar u għalhekk jaqdi rwol ewlieni fit-tkattir taċ-ċiklu ta’ vjolenza li ħakem lill-Myanmar mill-kolp ta’ stat.

20.2.2023

14.

Myanmar Directorate of Defense Procurement (Direttorat tal-Akkwist tad-Difiża tal-Myanmar)

Indirizz: Nay Pyi Taw, Myanmar;

Tip ta’ entità: dipartiment amministrattiv;

Post ta’ reġistrazzjoni: Myanmar;

Individwi assoċjati: il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati tal-Myanmar il-Ġeneral Għoli Min Aung Hlaing;

il-Logutenent Ġeneral Thein Htay;

il-Ministru għad-Difiża l-Ġeneral Mya Htun Oo;

Entitajiet assoċjati oħra: il-Ministeru għad-Difiża tal-Myanmar

Id-Direttorat tal-Akkwist tad-Difiża tal-Myanmar huwa dipartiment taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Ministeru għad-Difiża (MoD) li jaġixxi wkoll bħala entità tal-Myanmar inkarigata mill-akkwist ta’ armi u tagħmir militari għall-Forzi Armati tal-Myanmar (it-Tatmadaw).

Id-Direttorat tal-Akkwist tad-Difiża jaqa’ taħt l-awtorità tal-Kap Kmandant tat-Tatmadaw, il-Ġeneral Għoli Min Aung Hlaing, u għalhekk huwa marbut ma’ diversi individwi u entitajiet elenkati mill-UE, inkluż il-Ġeneral Għoli Min Aung Hlaing.

Bħala tali, id-Direttorat tal-Akkwist tad-Difiża huwa organikament taħt il-kontroll tal-Forzi Armati tal-Myanmar inkluż mill-kolp ta’ stat tal-1 ta’ Frar 2021. Dan jippermetti lill-militar tal-Myanmar iwettaq vjolenza kontra l-persuni ċivili tal-Myanmar u għalhekk għandu rwol ewlieni biex jagħti spinta liċ-ċiklu ta’ vjolenza li ħakem lill-Myanmar/Burma mill-kolp ta’ stat.

20.2.2023

15.

Asia Sun Group

Entitajiet assoċjati oħra: Asia Sun Trading; Asia Sun Energy

Asia Sun Group huwa involut fil-katina tal-provvista tal-fjuwil tal-avjazzjoni lill-militar. Il-grupp ta’ kumpaniji Asia Sun Group, permezz tas-sussidjarji tiegħu, Asia Sun Trading u Asia Sun Energy, huwa involut fl-importazzjoni tal-fjuwil tal-avjazzjoni. Asia Sun Trading kienet involuta mill-inqas darbtejn fl-2022 fl-importazzjoni ta’ fjuwil tal-avjazzjoni mit-Tajlandja għall-użu mill-Forza tal-Ajru tal-Myanmar.

Ir-reġim militari tal-Myanmar attakka deliberatament u b’mod indiskriminat miri ċivili bl-użu ta’ ħelikopters, inġenji tal-ajru tal-ġlied u droni, u kkawża ħafna vittmi fost ir-residenti lokali fosthom tfal. Il-ġunta wettqet mill-inqas 268 attakk mill-ajru mmirati lejn il-popolazzjoni ċivili madwar il-Myanmar/Burma bejn Ottubru 2021 u Settembru 2022. L-attakki qatlu mill-inqas 155 persuna ċivili, darbu mill-inqas 190 u qerdu djar u binjiet reliġjużi.

Asia Sun Group għaldaqstant hija persuna ġuridika, entità jew korp li hu proprjetà tal-Forzi Armati tal-Myanmar (it-Tatmadaw) jew ikkontrollat minnhom, jew li jiġġenera dħul għall-Forzi Armati tal-Myanmar (it-Tatmadaw), jagħtihom appoġġ jew jibbenefika minnhom.

20.2.2023

16.

Dynasty International Company Limited

(magħruf ukoll bħala Dynasty Group of Companies)

Indirizz: Waizayangdar Rd., no. 15, Ngwe Kyar Yan Quarter, South Okkalapa Township, Yangon Region, Myanmar;

Post ta’ reġistrazzjoni: Myanmar;

Individwi assoċjati: Aung Moe Myint (Sid);

Myo Thitsar (Direttur);

Indirizz elettroniku: dynastygroup@myanmar.com.mm

Dynasty International Company Limited hija kumpanija Burmiża li twaqqfet mis-sensar tal-armi Aung Moe Myint.

Intużat biex tiffaċilita l-kummerċ tal-armi f’isem il-militar tal-Burma, inkluż l-importazzjoni ta’ partijiet tal-inġenji tal-ajru b’appoġġ għall-forza tal-ajru tal-Myanmar għal raids mill-ajru kontra rħula u infrastruttura ċivili.

Dynasty International Company Limited għaldaqstant hija persuna ġuridika, entità jew korp li hu proprjetà tal-Forzi Armati tal-Myanmar (it-Tatmadaw) jew ikkontrollat minnhom, jew li jiġġenera dħul għall-Forzi Armati tal-Myanmar (it-Tatmadaw), jagħtihom appoġġ jew jibbenefika minnhom.

20.2.2023

17.

International Gateways Group of Company Limited (IGG)

Indirizz: No. 19, Kyaik Wine Pagoda Road, Myaing Hay Wun Housing, 8-Mile, Mayangone, Yangon;

Post ta’ reġistrazzjoni: Myanmar;

Individwu assoċjat: Naing Htut Aung (fundatur)

International Gateways Group of Company Limited (IGG) ikkontribwiet fondi lill-Forzi tas-Sigurtà tal-Myanmar fl-2017, f’avvenimenti ta’ ġbir ta’ fondi għall-“operazzjonijiet ta’ tindif” ta’ Rakhine li saru mill-Kap Kmandant, Min Aung Hlaing. IGG għamlet riżorsi disponibbli direttament lir-Reġim tal-Myanmar jew għall-benefiċċju tiegħu.

Fl-2017, il-Forzi tas-Sigurtà tal-Myanmar qatlu, stupraw u ttorturaw eluf ta’ Rohingya matul l-“operazzjonijiet ta’ tindif” ta’ Rakhine. 740 000 Rohingya ġew imġiegħla jitilqu mill-fruntiera għall-Bangladesh. Il-forzi tas-Sigurtà tal-Myanmar ikkontribwew ukoll għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u repressjoni oħra tal-popolazzjoni ċivili fil-Myanmar/Burma. Fl-1 ta’ Frar 2021, il-militar tal-Myanmar (it-Tatmadaw), immexxi mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, organizza kolp ta’ stat fil-Myanmar/Burma.

Id-direttur tal-IGG Naing Htut Aung huwa figura ċentrali fil-kummerċ tal-armi tal-Myanmar li jiffaċilita l-kuntratti tal-forza tal-ajru u l-flotta navali mal-fornituri, b’mod partikolari fiċ-Ċina. IGG/Naing Htut Aung huma elenkati mill-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali fuq lista sewda ta’ negozji/sidien li allegatament jappoġġaw lill-militar permezz tal-kummerċ tal-armi.

IGG għaldaqstant hija persuna ġuridika, entità jew korp li hu proprjetà tal-Forzi Armati tal-Myanmar (it-Tatmadaw) jew ikkontrollat minnhom, jew li jiġġenera dħul għall-Forzi Armati tal-Myanmar (it-Tatmadaw), jagħtihom appoġġ jew jibbenefika minnhom.

20.2.2023

18.

Sky Aviator Company Limited

Indirizz: No.(204/2), (14/1)Ward, Myinthar (11)th Street, Southokkalapa, Yangon, Myanmar;

Post ta’ reġistrazzjoni: Myanmar;

Individwu assoċjat: Kyaw Min Oo (Direttur Maniġerjali)

Sky Aviator Company Limited hija kumpanija mwaqqfa minn Kyaw Min Oo.

Iffaċilitat ftehimiet ta’ armi f’isem il-militar Burmiż, inkluż l-importazzjoni ta’ partijiet tal-inġenji tal-ajru. Taħt il-kontroll ta’ Kyaw Min Oo, Sky Aviator hija fornitur ewlieni ta’ partijiet ta’ inġenji tal-ajru militari lill-militar ta’ Burma. Mill-kolp ta’ stat ta’ Frar 2021, Sky Aviator irċeviet għadd ta’ konsenji ta’ armi minn entitajiet sanzjonati.

Sky Aviator Company Limited għaldaqstant hija persuna ġuridika, entità jew korp li hu proprjetà tal-Forzi Armati tal-Myanmar (it-Tatmadaw) jew ikkontrollat minnhom, jew li jiġġenera dħul għall-Forzi Armati tal-Myanmar (it-Tatmadaw), jagħtihom appoġġ jew jibbenefika minnhom.

20.2.2023”.