23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 23/1


Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali

(2023/C 23/01)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jipproklamaw b'mod solenni d-Dikjarazzjoni konġunta li ġejja dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali

Preambolu

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea (UE) hija “unjoni ta’ valuri”, kif hemm minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Barra minn hekk, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-UE hija bbażata fuq il-valuri indiviżibbli u universali tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà. Il-Karta tafferma mill-ġdid ukoll id-drittijiet kif jirriżultaw, b’mod partikolari, minn obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri.

(2)

It-trasformazzjoni diġitali taffettwa kull aspett tal-ħajja tan-nies. Dan joffri opportunitajiet sinifikanti għal kwalità tal-ħajja aħjar, tkabbir ekonomiku u sostenibbiltà.

(3)

It-trasformazzjoni diġitali tippreżenta wkoll sfidi għas-soċjetajiet demokratiċi tagħna, l-ekonomiji tagħna u għall-individwi. Permezz tal-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali, wasal iż-żmien li l-UE tispjega kif il-valuri u d-drittijiet fundamentali tagħha li huma applikabbli offline għandhom jiġu applikati fl-ambjent diġitali. It-trasformazzjoni diġitali ma għandhiex tinvolvi r-rigressjoni tad-drittijiet. Dak li huwa illegali offline huwa illegali online. Din id-Dikjarazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-“politiki offline”, bħall-aċċess għal servizzi pubbliċi ewlenin offline.

(4)

Għal bosta drabi, il-Parlament appella għall-istabbiliment ta’ prinċipji etiċi li jiggwidaw l-approċċ tal-UE għat-trasformazzjoni diġitali, kif ukoll jiżguraw il-konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali bħall-protezzjoni tad-data, id-dritt għall-privatezza, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u l-prinċipji bħall-protezzjoni tal-konsumaturi, in-newtralità teknoloġika u tal-internet, l-affidabbiltà u l-inklużività. Appella wkoll għal protezzjoni msaħħa tad-drittijiet tal-utenti fl-ambjent diġitali, kif ukoll għad-drittijiet tal-ħaddiema għall-iskonnessjoni (1).

(5)

Abbażi ta’ inizjattivi preċedenti bħad-“Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern Elettroniku” u d-“Dikjarazzjoni ta’ Berlin dwar Soċjetà Diġitali u Gvern Diġitali Bbażat fuq il-Valuri”, l-Istati Membri appellaw, permezz tad-“Dikjarazzjoni ta’ Liżbona – id-Demokrazija Diġitali bi Skop”, għal mudell ta’ trasformazzjoni diġitali li ssaħħaħ id-dimensjoni umana tal-ekosistema diġitali bis-Suq Uniku Diġitali fil-qalba tagħha. L-Istati Membri appellaw għal mudell ta’ trasformazzjoni diġitali li tiżgura li t-teknoloġija tgħin biex tiġi indirizzata l-ħtieġa li tittieħed azzjoni dwar il-klima u jitħares l-ambjent.

(6)

Il-viżjoni tal-UE għat-trasformazzjoni diġitali tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru, tagħti s-setgħa lill-individwi u trawwem negozji innovattivi. Id-Deċiżjoni dwar il-“Perkors għad-Deċennju Diġitali 2030” tagħti l-miri diġitali konkreti abbażi ta’ erba’ punti kardinali (il-ħiliet diġitali, l-infrastrutturi diġitali, id-diġitalizzazzjoni tan-negozji u tas-servizzi pubbliċi). L-approċċ tal-UE għat-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet u l-ekonomija tagħna jiġbor fih partikolarment is-sovranità diġitali b’mod miftuħ, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, l-inklużjoni, l-aċċessibbiltà, l-ugwaljanza, is-sostenibbiltà, ir-reżiljenza, is-sigurtà, it-titjib fil-kwalità tal-ħajja, id-disponibbiltà tas-servizzi u r-rispett tad-drittijiet u tal-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd. It-trasformazzjoni għandha tikkontribwixxi għal ekonomija u soċjetà li jkunu dinamiċi, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ġusti fl-UE.

(7)

Din id-Dikjarazzjoni tispjega intenzjonijiet u impenji politiċi komuni, u tfakkar fl-aktar drittijiet rilevanti fil-kuntest tat-trasformazzjoni diġitali. Id-Dikjarazzjoni għandha tiggwida lil dawk li jfasslu l-politika meta jirriflettu fuq il-viżjoni tagħhom tat-trasformazzjoni diġitali: trasformazzjoni diġitali li tpoġġi n-nies fil-qalba tagħha; tappoġġa s-solidarjetà u l-inklużjoni, permezz tal-konnettività, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet diġitali, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ekwi kif ukoll aċċess għas-servizzi pubbliċi diġitali online; ittenni l-importanza tal-libertà tal-għażla fl-interazzjonijiet b’algoritmi u sistemi tal-intelliġenza artifiċjali u ambjent diġitali ġust; trawwem il-parteċipazzjoni fi spazju pubbliku diġitali; iżżid is-sikurezza, is-sigurtà u l-awtonomizzazzjoni fl-ambjent diġitali, b’mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ, filwaqt li jiġu żgurati l-privatezza u l-kontroll individwali fuq id-data; u tippromwovi s-sostenibbiltà. Id-diversi kapitoli ta’ din id-Dikjarazzjoni għandhom jiffurmaw qafas ta’ riferiment olistiku u m’għandhomx jinqraw għalihom.

(8)

Din id-Dikjarazzjoni għandha sservi wkoll ta’ punt ta’ riferiment għan-negozji u atturi rilevanti oħra meta jiżviluppaw u jużaw teknoloġiji ġodda. Il-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni hija importanti f’dan ir-rigward. Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lill-SMEs u lin-negozji ġodda.

(9)

Il-funzjonament demokratiku tas-soċjetà u tal-ekonomija diġitali għandu jkompli jissaħħaħ, b’rispett sħiħ tal-istat tad-dritt, rimedji effettivi u l-infurzar tal-liġi. Din id-Dikjarazzjoni ma taffettwax il-limiti legali fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet, sabiex jiġu rikonċiljati mal-eżerċizzju ta’ drittijiet oħra, jew restrizzjonijiet meħtieġa u proporzjonati fl-interess pubbliku.

(10)

Din id-Dikjarazzjoni hija bbażata speċjalment fuq id-dritt primarju tal-UE, b’mod partikolari fuq it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq il-leġiżlazzjoni sekondarja u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija bbażata wkoll fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tikkomplementah. Għandha natura dikjaratorja u, għaldaqstant, ma taffettwax il-kontenut tan-normi ġuridiċi jew l-applikazzjoni tagħhom.

(11)

L-UE għandha tippromwovi d-Dikjarazzjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u ma’ pajjiżi terzi, fost l-oħrajn billi tirrifletti dawn id-drittijiet u prinċipji fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha, bl-ambizzjoni li l-prinċipji jiggwidaw lis-sħab internazzjonali lejn trasformazzjoni diġitali li fid-dinja kollha tpoġġi lin-nies u d-drittijiet tal-bniedem universali tagħhom fil-qalba tagħha. Id-Dikjarazzjoni għandha b’mod partikolari sservi ta’ riferiment għall-attivitajiet fil-kuntest ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-kisba tal-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, kif ukoll l-approċċ b’diversi partijiet ikkonċernati għall-governanza tal-internet.

(12)

Il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni huma impenn politiku u responsabbiltà komuni għall-UE u għall-Istati Membri tagħha skont il-kompetenzi rispettivi u f’konformità sħiħa mad-dritt tal-UE. Il-Kummissjoni ser tirrapporta lura regolarment lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iqisu l-prinċipji u d-drittijiet diġitali kif stabbiliti f’din id-Dikjarazzjoni meta jikkooperaw bil-ħsieb li jiksbu l-objettivi ġenerali li jinsabu fid-Deċiżjoni dwar il-“Perkors għad-Deċennju Diġitali 2030”.

Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali

Il-mira tagħna hi li nippromwovu approċċ Ewropew għat-trasformazzjoni diġitali, li tpoġġi lin-nies fil-qalba tagħha, tibni fuq il-valuri Ewropej u d-drittijiet fundamentali tal-UE, tafferma mill-ġdid id-drittijiet fundamentali universali tal-bniedem, u tkun ta' benefiċċju għall-individwi u n-negozji kollha, u għas-soċjetà fl-intier tagħha.

Għaldaqstant niddikjaraw:

KAPITOLU I

In-nies jitqiegħdu fil-qalba tat-trasformazzjoni diġitali

1.

In-nies huma l-qalba tat-trasformazzjoni diġitali fl-Unjoni Ewropea. It-teknoloġija għandha sservi u tkun ta’ benefiċċju għan-nies kollha li jgħixu fl-UE, u għandha tagħtihom is-setgħa biex isegwu l-aspirazzjonijiet tagħhom, b’sigurtà sħiħa u b’rispett għad-drittijiet fundamentali tagħhom.

Nikkommettu ruħna li:

a)

insaħħu l-qafas demokratiku għal trasformazzjoni diġitali li tkun ta' benefiċċju għal kulħadd u ttejjeb il-ħajja tan-nies kollha li jgħixu fl-UE;

b)

nieħdu l-miżuri meħtieġa biex niżguraw li l-valuri tal-UE u d-drittijiet tal-individwi kif inhuma rikonoxxuti mid-dritt tal-UE jiġu rispettati kemm online u kif ukoll offline;

c)

inrawmu u niżguraw azzjoni responsabbli u diliġenti mill-atturi kollha, pubbliċi u privati, fl-ambjent diġitali;

d)

nippromwovu attivament din il-viżjoni tat-trasformazzjoni diġitali, anke fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħna.

KAPITOLU II

Solidarjetà u inklużjoni

2.

It-teknoloġija għandha tintuża biex tgħaqqad in-nies u mhux biex tifridhom. It-trasformazzjoni diġitali għandha tikkontribwixxi għal soċjetà u ekonomija ġusti u inklużivi fl-UE.

Nikkommettu ruħna li:

a)

niżguraw li d-disinn, l-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, jippermettu l-eżerċizzju tagħhom u jippromwovu s-solidarjetà u l-inklużjoni;

b)

ikollna trasformazzjoni diġitali fejn ħadd ma jitħalla jibqa' lura. Għandha tkun ta' benefiċċju għal kulħadd, twassal għal bilanċ bejn il-ġeneri, u tinkludi speċjalment lill-persuni kbar fl-età, nies li jgħixu f'żoni rurali, persuni b'diżabbiltà, jew persuni emarġinati, vulnerabbli jew mingħajr id-dritt tal-vot, u lil dawk li jaġixxu f'isimhom. Għandha tippromwovi wkoll id-diversità kulturali u lingwistika;

c)

niżviluppaw oqfsa xierqa sabiex l-atturi tas-suq kollha li jibbenefikaw mit-trasformazzjoni diġitali jassumu r-responsabbiltajiet soċjali tagħhom u, b'mod ġust u proporzjonat, jikkontribwixxu għall-ispiża tal-beni, tas-servizzi u tal-infrastruttura pubbliċi, għall-benefiċċju tan-nies kollha li jgħixu fl-UE.

Konnettività

3.

Kulħadd, kullimkien fl-UE, għandu jkollu aċċess għal konnettività diġitali affordabbli u b’veloċità għolja.

Nikkommettu ruħna li:

a)

niżguraw aċċess għal konnettività ta' kwalità għolja, fejn kulħadd, kullimkien fl-UE, anke dawk b'introjtu baxx, ikunu jistgħu jaċċessaw l-internet;

b)

nipproteġu u nippromwovu internet newtrali u miftuħ, fejn il-kontenut, is-servizzi u l-applikazzjonijiet ma jiġux imblukkati jew degradati mingħajr ġustifikazzjoni.

Edukazzjoni, taħriġ u ħiliet diġitali

4.

Kulħadd għandu d-dritt għall-edukazzjoni, għat-taħriġ u għat-tagħlim tul il-ħajja u għandu jkun jista’ jikseb il-ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati kollha.

Nikkommettu ruħna li:

a)

nippromwovu edukazzjoni u taħriġ diġitali ta' kwalità għolja, biex fost l-oħrajn nagħlqu d-distakk diġitali bejn il-ġeneri;

b)

nappoġġaw l-isforzi li jippermettu lill-istudenti u lill-għalliema kollha jiksbu u jaqsmu l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali meħtieġa, inkluż il-litteriżmu fil-media, u l-ħsieb kritiku, biex jieħdu sehem attiv fl-ekonomija, fis-soċjetà u fil-proċess demokratiku;

c)

nippromwovu u nappoġġaw l-isforzi biex ngħammru l-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ bil-konnettività, l-infrastruttura u l-għodod diġitali;

d)

nagħtu lil kulħadd il-possibbiltà li jaġġusta għall-bidliet li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni tax-xogħol permezz tat-titjib tal-ħiliet u tat-tiġdid tal-ħiliet.

Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ekwi

5.

Kulħadd għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi, ġusti, tajbin għas-saħħa u sikuri u għal protezzjoni xierqa fl-ambjent diġitali bħal fuq il-post tax-xogħol fiżiku, irrispettivament mill-istatus fl-impjieg tagħhom, jew mill-modalità jew mit-tul tiegħu.

6.

It-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi jaqdu rwol importanti fit-trasformazzjoni diġitali, partikolarment fir-rigward tad-definizzjoni tal-kondizzjonijiet ġusti u ekwi tax-xogħol, inkluż fir-rigward tal-użu tal-għodod diġitali fix-xogħol.

Nikkommettu ruħna li:

a)

niżguraw li kulħadd ikun jista' jiskonnettja u jibbenefika mis-salvagwardji għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata f'ambjent diġitali;

b)

niżguraw li, fl-ambjent tax-xogħol, l-għodod diġitali ma jpoġġu bl-ebda mod is-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema f'riskju;

c)

niżguraw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema fl-ambjent diġitali, inkluż id-dritt tagħhom għall-privatezza u d-dritt ta' assoċjazzjoni, id-dritt ta' negozjar u azzjoni kollettivi, kif ukoll għall-protezzjoni minn sorveljanza illegali u mhux ġustifikata;

d)

niżguraw li l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fuq il-post tax-xogħol tkun trasparenti u ssegwi approċċ ibbażat fuq ir-riskju u li l-miżuri preventivi korrispondenti jittieħdu sabiex iżommu ambjent tax-xogħol sikur u li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa;

e)

niżguraw b'mod partikolari li niggarantixxu s-sorveljanza minn bnedmin tad-deċiżjonijiet importanti li jaffettwaw lill-ħaddiema, u li l-ħaddiema jkunu infurmati b'mod ġenerali li jkunu qed jinteraġixxu ma' sistemi ta' intelliġenza artifiċjali;

Servizzi pubbliċi diġitali online

7.

Kulħadd għandu jkollu aċċess online għal servizzi pubbliċi ewlenin fl-UE. Ħadd ma għandu jintalab jipprovdi data aktar ta’ spiss milli meħtieġ matul l-aċċess u l-użu tas-servizzi pubbliċi diġitali.

Nikkommettu ruħna li:

a)

niżguraw li n-nies kollha li jgħixu fl-UE jiġu offruti l-possibbiltà li jekk iridu jużaw identità diġitali affidabbli, sigura u aċċessibbli li tagħtihom aċċess għal firxa wiesgħa ta' servizzi online;

b)

niżguraw aċċessibbiltà wiesgħa u l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku;

c)

niffaċilitaw u nappoġġaw aċċess interoperabbli, sigur u mingħajr xkiel fl-UE kollha għal servizzi pubbliċi diġitali mfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-nies b'mod effikaċi, b'mod partikolari fost l-oħrajn, is-servizzi diġitali tas-saħħa u tal-kura, speċjalment l-aċċess għar-reġistri mediċi elettroniċi.

KAPITOLU III

Libertà tal-għażla

Interazzjonijiet ma' algoritmi u sistemi ta' intelliġenza artifiċjali

8.

L-intelliġenza artifiċjali għandha sservi bħala għodda għan-nies, bl-għan aħħari jkun li jiżdied il-benesseri tal-bniedem.

9.

Kulħadd għandu jkollu s-setgħa li jibbenifika mill-vantaġġi tas-sistemi tal-intelliġenza algoritmika u artifiċjali inkluż b’għażliet proprji informati fl-ambjent diġitali, waqt li kulħadd għandu jkun protett mir-riskji u l-ħsara għas-saħħa, għas-sikurezza u għad-drittijiet fundamentali tiegħu.

Nikkommettu ruħna li:

a)

nippromwovu sistemi tal-intelliġenza artifiċjali li matul l-iżvilupp, il-varar u l-użu tagħhom ikunu etiċi, affidabbli u bin-nies fil-qalba tagħhom, f'konformità mal-valuri tal-UE;

b)

niżguraw livell xieraq ta' trasparenza dwar l-użu tal-algoritmi u l-intelliġenza artifiċjali, u li n-nies ikollhom is-setgħa li jużawhom u li jkunu informati meta jinteraġixxu magħhom;

c)

niżguraw li s-sistemi algoritmiċi jkunu bbażati fuq settijiet ta' data xierqa biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni illegali u jkunu jistgħu jiġu ssorveljati minn bniedem fir-rigward tal-eżiti kollha li jaffettwaw is-sikurezza u d-drittijiet fundamentali tan-nies;

d)

niżguraw li t-teknoloġiji bħall-intelliġenza artifiċjali ma jintużawx biex jiddeterminaw minn qabel l-għażliet tan-nies, pereżempju fir-rigward tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg u l-ħajja privata tagħhom;

e)

nipprevedu salvagwardja u nieħdu l-azzjoni xierqa, fost l-oħrajn billi nippromwovu standards affidabbli, sabiex niżguraw li l-intelliġenza artifiċjali u s-sistemi diġitali jkunu dejjem sikuri u użati b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;

f)

nieħdu l-miżuri biex niżguraw li r-riċerka fl-intelliġenza artifiċjali tirrispetta l-ogħla standards etiċi u l-liġi rilevanti tal-UE.

Ambjent diġitali ġust

10.

Kulħadd għandu jkun jista’ jagħżel b’mod ħieles u effettiv liema servizzi online juża, abbażi ta’ informazzjoni affidabbli, aċċessibbli faċilment, trasparenti u oġġettiva.

11.

Kulħadd għandu jkollu l-possibbiltà li jikkompeti b’mod ġust u jintroduċi innovazzjonijiet fl-ambjent diġitali. Dan għandu jkun ta’ benefiċċju wkoll għan-negozji, fosthom l-SMEs.

Nikkommettu ruħna li:

a)

niżguraw ambjent diġitali sikur u sigur ibbażat fuq kompetizzjoni ġusta, fejn id-drittijiet fundamentali huma mħarsa, id-drittijiet tal-utenti u l-protezzjoni tal-konsumaturi fis-Suq Uniku Diġitali jkunu żgurati, u r-responsabbiltajiet tal-pjattaformi jkunu ddefiniti tajjeb, speċjalment dawk tal-atturi l-kbar u tal-gwardjani;

b)

nippromwovu l-interoperabbiltà, it-trasparenza, it-teknoloġiji miftuħa u l-istandards bħala mezz biex insaħħu aktar il-fiduċja fit-teknoloġija u l-kapaċità tal-konsumaturi li jagħmlu għażliet infurmati u awtonomi.

KAPITOLU IV

Parteċipazzjoni fi spazju pubbliku diġitali

12.

Kulħadd għandu jkollu aċċess għal ambjent online affidabbli, varjat u multilingwi. L-aċċess għal kontenut varjat jikkontribwixxi għal dibattitu pubbliku pluralistiku u parteċipazzjoni effettiva fid-demokrazija b’mod mhux diskriminatorju.

13.

Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ukoll għal-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni fl-ambjent diġitali.

14.

Kulħadd għandu jkun jista’ jaċċessa informazzjoni dwar is-sid jew min jikkontrolla s-servizzi tal-media li jkun qed juża.

15.

Il-pjattaformi online, b’mod partikolari l-pjattaformi online kbar ħafna, għandhom jappoġġaw dibattitu demokratiku ħieles online. Minħabba r-rwol li s-servizzi tagħhom jaqdu biex tissawwar l-opinjoni u d-dibattitu pubbliċi, il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom itaffu r-riskji li jinħolqu mill-funzjonament u mill-użu tas-servizzi tagħhom, inkluż fir-rigward ta’ kampanji ta’ miżinformazzjoni u diżinformazzjoni, u jħarsu l-libertà tal-espressjoni.

Nikkommettu ruħna li:

a)

nibqgħu nissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali kollha online, speċjalment id-dritt tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inkluż il-libertà tal-media u l-pluraliżmu;

b)

nappoġġaw l-iżvilupp u l-aħjar użu tat-teknoloġiji diġitali biex nistimulaw l-involviment tan-nies u l-parteċipazzjoni demokratika;

c)

nieħdu miżuri proporzjonati biex nilqgħu għall-forom kollha ta' kontenut illegali b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u mingħajr ma jiġu stabbiliti xi obbligi ta' monitoraġġ ġenerali jew ċensura;

d)

noħolqu ambjent diġitali fejn in-nies ikunu protetti mid-diżinformazzjoni u mill-manipulazzjoni tal-informazzjoni u minn forom oħra ta' kontenut ta' ħsara, fosthom il-molestja u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

e)

nappoġġaw l-aċċess effettiv għall-kontenut diġitali li jirrifletti d-diversità kulturali u lingwistika fl-UE;

f)

nagħtu s-setgħa lill-individwi biex jagħmlu għażliet speċifiċi li jingħatawlhom liberament u nillimitaw l-isfruttament tal-vulnerabbiltajiet u tal-preġudizzji, jiġifieri dak li jseħħ b'pubbliċità mmirata.

KAPITOLU V

Sikurezza, sigurtà u l-għoti tas-setgħa

Ambjent diġitali protett, sikur u mingħajr periklu

16.

Kulħadd għandu jkollu aċċess għal teknoloġiji, prodotti u servizzi diġitali maħsuba biex ikunu sikuri, siguri u protettivi għall-privatezza, li jirriżultaw f’livell għoli ta’ kunfidenzjalità, integrità, disponibbiltà u awtentiċità tal-informazzjoni pproċessata.

Nikkommettu ruħna li:

a)

nieħdu miżuri ulterjuri sabiex nippromwovu t-traċċabbiltà tal-prodotti u niżguraw li fis-Suq Uniku Diġitali jiġu offruti biss prodotti sikuri u konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

b)

nipproteġu l-interessi tan-nies, in-negozji u l-istituzzjonijiet pubbliċi mir-riskju għaċ-ċibersigurtà u miċ-ċiberkriminalità, inkluż il-vjolazzjoni tad-data u s-serq jew il-manipulazzjoni tal-identità. Dan jinkludi rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għal prodotti konnessi mqiegħda fis-suq uniku;

c)

niġġieldu kontra dawk li fl-UE jfittxu li jdgħajfu s-sigurtà online u l-integrità tal-ambjent diġitali jew dawk li jippromwovu l-vjolenza u l-mibegħda permezz tal-mezzi diġitali, u nżommuhom responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom.

Privatezza u kontroll individwali fuq id-data

17.

Kulħadd għandu d-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali. Dan id-dritt jinkludi l-kontroll mill-individwi dwar kif tintuża d-data personali tagħhom u ma’ min tiġi kondiviża.

18.

Kulħadd għandu d-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet tiegħu u tal-informazzjoni fuq l-apparat teknoloġiku tiegħu, u ħadd ma għandu jkun soġġetti għal sorveljanza online illegali, traċċar pervażiv illeċitu jew miżuri ta’ interċettazzjoni.

19.

Kulħadd għandu jkun jista’ jiddeċiedi x’wirt diġitali ser iħalli wara mewtu, u x’jiġri mill-kontijiet personali u mill-informazzjoni marbuta magħhom.

Nikkommettu ruħna li:

a)

niżguraw li kulħadd ikollu kontroll effettiv fuq id-data personali u mhux personali f'konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-data tal-UE u mal-liġi rilevanti tal-UE;

b)

niżguraw b'mod effettiv il-possibbiltà għall-individwi li faċilment jgħaddu d-data personali u mhux personali tagħhom minn servizz diġitali online għal ieħor differenti bid-drittijiet għall-portabbiltà;

c)

nipproteġu b'mod effettiv il-komunikazzjonijiet minn aċċess mhux awtorizzat ta' partijiet terzi;

d)

nipprojbixxu l-identifikazzjoni illeċita kif ukoll iż-żamma illegali tar-reġistrazzjoni tal-attività.

Il-protezzjoni u s-setgħa lit-tfal u ż-żgħażagħ fl-ambjent diġitali

20.

It-tfal u ż-żgħażagħ għandu jkollhom is-setgħa li jagħmlu għażliet sikuri u infurmati u jesprimu l-kreattività tagħhom fl-ambjent diġitali.

21.

Il-materjal u s-servizzi xierqa skont l-età għandhom itejbu l-esperjenzi, il-benesseri u s-sehem tat-tfal u taż-żgħażagħ fl-ambjent diġitali.

22.

Għandha tingħata attenzjoni speċifika lid-dritt tat-tfal u taż-żgħażagħ li jiġu mħarsa mir-reati kriminali kollha, imwettqa permezz tat-teknoloġiji diġitali jew iffaċilitati minnhom.

Nikkommettu ruħna li:

a)

nagħtu l-opportunitajiet lit-tfal u liż-żgħażagħ kollha biex jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa, inkluż il-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku, sabiex jinnavigaw u jkunu involuti fl-ambjent diġitali b'mod attiv u sikur u jagħmlu għażliet infurmati;

b)

nippromwovu esperjenzi pożittivi għat-tfal u ż-żgħażagħ f'ambjent diġitali sikur u xieraq skont l-età;

c)

nipproteġu t-tfal u ż-żgħażagħ kollha mill-kontenut illegali u li jagħmel il-ħsara, l-isfruttament, il-manipulazzjoni u l-abbuż online, u nipprevjenu l-ispazju diġitali milli jintuża biex jitwettqu reati kriminali, jew jiffaċilitahom.

d)

nipproteġu lit-tfal u ż-żgħażagħ kollha mit-traċċar illegali, mit-tfassil predefinit tal-profil u milli jkunu fil-mira, partikolarment għal skopijiet kummerċjali;

e)

ninvolvu lit-tfal u ż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta' politiki diġitali li jikkonċernawhom.

KAPITOLU VI

Sostenibbiltà

23.

Sabiex nevitaw ħsara sinifikanti lill-ambjent, u biex nippromwovu l-ekonomija ċirkolari, il-prodotti u s-servizzi diġitali għandhom jitfasslu, jiġu prodotti, użati, imsewwija, irriċiklati u mormija b’mod li jtaffi l-impatt negattiv tagħhom fuq l-ambjent u fuq is-soċjetà u li jevita l-obsolexxenza prematura.

24.

Kulħadd għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni li tkun preċiża u faċli biex tinftiehem dwar l-impatt ambjentali u l-konsum tal-enerġija tal-prodotti u s-servizzi diġitali, il-possibbiltà li għandhom għal tiswija u t-tul tal-ħajja tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jsiru għażliet responsabbli.

Nikkommettu ruħna li:

a)

nappoġġaw l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji diġitali sostenibbli li għandhom impatt negattiv minimu fuq l-ambjent u fuq is-soċjetà;

b)

ninċentivaw l-għażliet tal-konsumaturi u l-mudelli ta' negozju li jkunu sostenibbli, u nrawmu mġiba sostenibbli u responsabbli matul il-ktajjen ta' valur mondjali tal-prodotti u s-servizzi diġitali, fost l-oħrajn bil-ħsieb li niġġieldu x-xogħol furzat;

c)

nippromwovu l-iżvilupp, il-varar u l-użu attiv ta' teknoloġiji diġitali innovattivi b'impatt pożittiv fuq l-ambjent u l-klima, sabiex naċċelleraw it-tranżizzjoni ekoloġika;

d)

nippromwovu standards u tikketti ta' sostenibbiltà għall-prodotti u s-servizzi diġitali.


(1)  2020/2216(INI); 2020/2018(INL); 2020/2019(INL); 2020/2022(INI); 2020/2012(INL); 2020/2014(INL); 2020/2015 (INI); 2020/2017 (INI); 2019/2186(INI); 2019/2181(INL); 2022/2266 (INI)